L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
4 U Alla kompla jkellem lil Iżrael kollu permezz taʼ Samwel.
Imbagħad l-Iżraelin ħarġu biex jiġġieldu mal-Filistin. Huma kkampjaw maġenb Ebengħeżer, u l-Filistin kienu kkampjati f’Afek. 2 Il-Filistin tqassmu għall-battalja biex jiġġieldu kontra Iżrael, imma l-battalja marret ħażin u l-Filistin għelbu lill-Iżraelin u qatlu madwar 4,000 raġel li kienu qed jiġġieldu fil-battalja. 3 Meta l-poplu mar lura lejn il-kampijiet, l-anzjani* t’Iżrael qalu: “Ġeħova għala ħalliena niġu megħlubin* mill-Filistin illum? Ejja nieħdu magħna l-arka tal-patt taʼ Ġeħova minn Silo, sabiex tkun magħna u ssalvana minn id l-għedewwa tagħna.” 4 Għalhekk, il-poplu bagħat xi rġiel Silo, u minn hemmhekk ġabu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova tal-armati, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron fuq* il-kerubini. Iż-żewġt itfal t’Għeli, Ħofni u Fineħas, ukoll kienu hemmhekk mal-arka tal-patt tal-Alla l-veru.
5 U malli l-arka tal-patt taʼ Ġeħova waslet fil-kampijiet, l-Iżraelin kollha nfexxew jgħajtu kemm jifilħu, tant li l-art theżżet. 6 Meta l-Filistin semgħu l-għajjat, qalu: “Għala hemm dan l-għajjat kollu fil-kampijiet tal-Lhud?” Fl-aħħar saru jafu li l-Arka taʼ Ġeħova kienet waslet fil-kampijiet. 7 Il-Filistin beżgħu għax qalu: “Alla wasal fil-kampijiet!” Għalhekk qalu: “Jaħasra għalina! Ħaġa bħal din qatt ma ġrat qabel! 8 Jaħasra għalina! Min se jsalvana minn id dan l-Alla maestuż? Dan hu l-Alla li kkastiga lill-Eġizzjani b’kull mod fid-deżert. 9 Filistin, kunu kuraġġużi u uru li intom irġiel sabiex ma naqdux lil-Lhud bħalma qdewna huma. Uru li intom irġiel u ġġieldu!” 10 Għalhekk, il-Filistin iġġieldu u rebħu lill-Iżraelin, u kull wieħed ħarab lejn it-tinda tiegħu. Il-qatla kienet kbira ħafna, u min-naħa t’Iżrael mietu 30,000 suldat. 11 Iktar minn hekk, ittieħdet l-Arka t’Alla u mietu ż-żewġt itfal t’Għeli, Ħofni u Fineħas.
12 Raġel mit-tribù taʼ Benjamin telaq jiġri mill-post tal-battalja u wasal Silo dakinhar bi ħwejġu mċarrtin u bit-trab fuq rasu. 13 Meta wasal, Għeli kien bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jistenna, għax kien inkwetat ħafna minħabba l-Arka tal-Alla l-veru. Ir-raġel daħal fil-belt biex jagħti l-aħbar, u n-nies kollha tal-belt bdew jgħajtu bil-biżaʼ. 14 Meta Għeli semaʼ l-għajjat, hu staqsa: “Għala hawn dal-ħoss taʼ konfużjoni?” L-istess raġel għaġġel u ta l-aħbar lil Għeli. 15 (Issa Għeli kellu 98 sena u ma kienx jara.) 16 Imbagħad ir-raġel qal lil Għeli: “Jien dak li ġejt minn fejn kien hemm il-battalja. Illum stess ħrabt minn hemm.” Għal dan staqsieh: “X’ġara ibni?” 17 Għalhekk, dak li ġab l-aħbar wieġeb: “L-Iżraelin ħarbu mill-Filistin, u kien hemm telfa kbira fost il-poplu. Ukoll, mietu ż-żewġt itfal tiegħek, Ħofni u Fineħas, u ttieħdet l-Arka tal-Alla l-veru.”
18 Malli r-raġel semma l-Arka tal-Alla l-veru, Għeli waqaʼ lura minn fuq is-siġġu ħdejn il-bieb, u kiser għonqu u miet, għax kellu ż-żmien u kien oħxon. Hu kien iġġudika lil Iżrael għal 40 sena. 19 Il-mara t’ibnu Fineħas kienet tqila u waslet biex twelled. Malli semgħet li ttieħdet l-Arka tal-Alla l-veru u li l-kunjatu u żewġha kienu mietu, hi tgħawġet bl-uġigħ u welldet bla mistenni. 20 Xħin kienet qed tmut, in-nisa li kienu maġenbha qalulha: “Tibżax, għax kellek tifel.” Hi la wieġbet u lanqas tat kas. 21 Imma t-tifel semmietu Ikabod* għax qalet: “Il-glorja telqet minn Iżrael.” Hi kienet qed tirreferi għall-Arka tal-Alla l-veru li ttieħdet u għal dak li kien ġara lill-kunjatu tagħha u lil żewġha. 22 Hi qalet: “Il-glorja telqet minn Iżrael, għax ittieħdet l-Arka tal-Alla l-veru.”