Eżodu
23 “Ixxerrdux aħbar li mhix vera. Tikkooperawx maʼ xi ħadd mill-agħar billi tkunu xhieda li tippjanaw il-ħsara kontra ħaddieħor. 2 Tmorrux wara l-folla biex tagħmlu l-ħażen, u lanqas tgħawġu l-ġustizzja billi tixhdu falz biex taqblu mal-folla. 3 Meta xi ħadd fqir ikollu xi nuqqas taʼ qbil maʼ ħaddieħor, tiġġudikawx favur tiegħu għas-sempliċi fatt li hu fqir.
4 “Jekk issibu l-barri jew il-ħmar mitluf tal-għadu tagħkom, għandkom tiħduhulu lura. 5 Jekk taraw li l-ħmar taʼ xi ħadd li jobgħodkom waqaʼ fl-art taħt it-tagħbija tiegħu, m’għandkomx tinjorawh u titilqu. Għandkom tgħinuh biex jeħilsu.
6 “Tgħawġux il-ġustizzja meta tiġġudikaw il-każ taʼ xi ħadd fqir.
7 “Tinvolvux ruħkom f’akkuża* falza, u toqtlux lil min hu bla ħtija u ġust, għax lill-ħażin mhux se niddikjarah ġust.*
8 “Taċċettawx tixħim, għax it-tixħim jagħmi lil min jiġġudika bl-għerf u jistaʼ jgħawweġ il-kliem tan-nies sewwa.
9 “Taħqrux lir-resident barrani. Intom tafu x’jiġifieri li tkunu barranin, għaliex kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.
10 “Għal sitt snin tridu tiżirgħu l-art tagħkom u tiġbru dak li tipproduċi. 11 Imma fis-sebaʼ sena taħdmuhiex u ħalluha tistrieħ, u jieklu minnha l-foqra mill-poplu tagħkom. Dak li jħallu huma, jikluh l-annimali slavaġ. Għandkom tagħmlu l-istess bl-għelieqi tad-dwieli u taż-żebbuġ tagħkom.
12 “F’sitt ijiem għandkom tagħmlu x-xogħol tagħkom, imma fis-sebaʼ jum ma taħdmux, sabiex il-barri u l-ħmar tagħkom jistrieħu u l-ilsir* tagħkom u r-resident barrani jieħdu r-ruħ.
13 “Għandkom toqogħdu attenti li tagħmlu kulma għedtilkom. Issemmux l-ismijiet t’allat oħrajn; m’għandhomx jinstemgħu ħerġin minn ħalqkom.
14 “Tliet darbiet fis-sena għandkom tiċċelebraw festa għalija. 15 Tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. Bħalma kkmandajtkom, tridu tieklu l-ħobż bla ħmira għal sebat ijiem fiż-żmien li għedtilkom, fix-xahar taʼ Abib,* għaliex f’dak iż-żmien ħriġtu mill-Eġittu. Ħadd m’għandu jidher quddiemi b’idu vojta. 16 Ukoll, tridu tagħmlu l-Festa tal-Ħsad* tal-ewwel prodott li żrajtu fl-għalqa, u l-Festa tal-Ġbir* fl-aħħar tas-sena meta tiġbru l-prodott mill-għalqa. 17 Tliet darbiet fis-sena l-irġiel kollha tagħkom għandhom jidhru quddiemi, Ġeħova l-Mulej il-veru.
18 “Toffrulix id-demm tas-sagrifiċċju maʼ xi ħaġa li jkun fiha l-ħmira. U dak li jibqaʼ mis-sagrifiċċji tax-xaħam li toffruli fil-festi tiegħi m’għandux jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu.
19 “Tridu ġġibu l-aqwa mill-ewwel prodott tal-art tagħkom fid-dar tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
“Tgħallux gidi f’ħalib ommu.
20 “Qed nibgħat anġlu qabilkom biex jipproteġikom fit-triq u jwassalkom fil-post li ppreparajt għalikom. 21 Isimgħu minn kliemu u obduh. Tirribellawx kontrih, għax ma jaħfrilkomx in-nuqqasijiet tagħkom, għax hu jaġixxi f’ismi. 22 Madankollu, jekk tobdu kliemu f’kollox u tagħmlu kulma ngħidilkom, jien inkun għadu tal-għedewwa tagħkom u niħodha kontra dawk li jiħduha kontrikom. 23 Għax l-anġlu tiegħi jmur qabilkom u jwassalkom għand l-Amurrin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Kangħanin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, u jien neqridhom għalkollox. 24 Tmilux quddiem l-allat tagħhom, tiġux mħajrin biex taqduhom, u timitawx il-prattiki tagħhom. Minflok, għandkom tkissru l-idoli u l-pilastri sagri tagħhom. 25 Intom għandkom taqdu lili, Ġeħova l-Alla tagħkom, u jien inbierek il-ħobż u l-ilma tagħkom. Jien inneħħi l-mard minn fostkom. 26 Ma jkunx hemm mara f’artkom li tkorri jew li ma jistax ikollha tfal. U jien nagħtikom ħajja twila.
27 “Qabel ma taslu se nġegħelhom jibżgħu minni, u jien inħawwad lin-nies kollha li jiġġieldu kontrikom, u nġiegħel lill-għedewwa kollha tagħkom jaħarbu minnkom.* 28 U nġegħelhom iħossuhom skuraġġiti* qabel ma taslu, u b’hekk inkeċċi minn quddiemkom lill-Ħiwwin, lill-Kangħanin, u lill-Ħittin. 29 Mhux se nkeċċihom minn quddiemkom f’sena waħda, biex l-art ma ssirx ħerba u biex l-annimali slavaġ ma jiżdidux sew kontrikom. 30 Inkeċċihom minn quddiemkom ftit ftit, sakemm tiżdiedu u tieħdu l-art f’idejkom.
31 “U nqiegħed il-fruntieri tagħkom mill-Baħar l-Aħmar sal-baħar tal-Filistin u mid-deżert sax-Xmara.* Għax jien se nagħtikom f’idejkom in-nies taʼ din l-art, u intom tkeċċuhom minn quddiemkom. 32 M’għandkomx tagħmlu patt magħhom jew m’allathom. 33 M’għandhomx jgħixu f’artkom, biex ma jġegħlukomx tidinbu kontrija. Jekk tqimu l-allat tagħhom, dan żgur isir nassa għalikom.”