Ġenesi
20 Issa Abraham ma baqax ikkampjat hemmhekk, imma telaq lejn l-art tan-Negeb u beda jgħix bejn Kades u Sur. Waqt li kien qed jgħix* f’Gerar, 2 Abraham reġaʼ qal dwar martu Sara: “Hi oħti.” Minħabba f’hekk, Abimelek, re taʼ Gerar, bagħat għal Sara u ħadha. 3 Imbagħad Alla ġie billejl f’ħolma għand Abimelek u qallu: “Int daqslikieku mejjet minħabba l-mara li ħadt, ladarba hi miżżewġa u hi taʼ raġel ieħor.” 4 Madankollu, Abimelek ma kellux relazzjoni sesswali magħha.* B’hekk, hu qal: “Ġeħova, sejjer int toqtol poplu li hu innoċenti?* 5 Mhux hu qalli li hi oħtu, u hi qaltli li hu ħuha? Jien m’għandix tort għax ma kontx naf li qed nagħmel xi ħaġa ħażina.” 6 Imbagħad l-Alla l-veru qallu fil-ħolma: “Jien naf li m’għandekx tort. Għalhekk żammejtek lura milli tidneb kontrija u ma ħallejtekx tmissha. 7 Issa agħti l-mara lil żewġha, għax hu profeta, u jagħmel talb bil-ħniena* għalik u int tibqaʼ ħaj. Imma jekk ma tagħtihiex lura, kun af li żgur se tmut, int u kull min hu tiegħek.”
8 Abimelek qam kmieni filgħodu u għajjat lill-qaddejja kollha tiegħu u qalilhom b’dan kollu, u bdew jibżgħu ħafna. 9 Imbagħad Abimelek għajjat lil Abraham u qallu: “X’għamiltilna? Xi dnub għamilt jien kontrik biex ġibt fuqi u fuq saltnati dnub daqshekk kbir? Dak li għamiltli mhux sewwa.” 10 U Abimelek kompla jgħid lil Abraham: “X’kellek f’moħħok meta għamilt din il-ħaġa?” 11 Abraham wieġbu: “Dan għamiltu għax għedt bejni u bejn ruħi, ‘Żgur li ħadd m’għandu rispett lejn* Alla f’dan il-post, u joqtluni minħabba marti.’ 12 U fuq kollox hi veru oħti, hi bint missieri imma mhux bint ommi, u saret marti. 13 U meta Alla qalli biex nitlaq minn dar missieri, jien għedtilha, ‘Din hi l-imħabba u l-lealtà* li tistaʼ turini: Kull fejn immorru, għid li jien ħuk.’”
14 Imbagħad Abimelek ħa nagħaġ u baqar u qaddejja rġiel u nisa u tahom lil Abraham u tah lura lil martu Sara. 15 Abimelek qallu wkoll: “Ara, din hi l-art tiegħi. Oqgħod fejn trid.” 16 U lil Sara qalilha: “Qed nagħti 1,000 biċċa tal-fidda lil ħuk. Dan hu sinjal li int innoċenti kemm għal dawk kollha taʼ darek u kif ukoll għal oħrajn. Int meħlusa mill-ħtija.” 17 U Abraham beda jitlob bil-ħniena lill-Alla l-veru, u Alla fejjaq lil Abimelek u lil martu u lill-ilsiera nisa tiegħu, u beda jkollhom it-tfal. 18 Għax Ġeħova żamm lin-nisa kollha tad-dar t’Abimelek milli jkollhom it-tfal* minħabba Sara, mart Abraham.