Ġenesi
8 Imma Alla ftakar* f’Noè u fl-annimali slavaġ u mansi kollha li kienu miegħu fl-arka, u Alla ġiegħel riħ jonfoħ fuq l-art, u l-ilmijiet bdew jonqsu. 2 Bwieb is-sema ngħalqu u ma baqax nieżel ilma minn fuq. Għalhekk waqfet ix-xita bil-qliel. 3 Imbagħad l-ilmijiet bdew jonqsu minn fuq l-art. Meta għaddew 150 jum, l-ilmijiet naqsu sew. 4 Fis-17 tas-sebaʼ xahar, l-arka straħet fuq il-muntanji t’Ararat. 5 U l-ilmijiet komplew jonqsu sal-għaxar xahar. Fl-ewwel jum tal-għaxar xahar, dehru l-qċaċet tal-muntanji.
6 Allura meta għaddew 40 jum, Noè fetaħ it-tieqa li kien għamel fl-arka 7 u bagħat ċawlun. Dan baqaʼ ġej u sejjer sakemm nixfu l-ilmijiet minn fuq l-art.
8 Iktar tard, bagħat ħamiema biex jara jekk l-ilmijiet kinux battew minn fuq wiċċ l-art. 9 U l-ħamiema ma sabitx post fejn tistrieħ, u għalhekk reġgħet lura għandu fl-arka għaliex kien għad hemm l-ilmijiet fuq wiċċ l-art kollha. U ħareġ idu u daħħalha fl-arka. 10 Hu stenna sebat ijiem oħra, u għal darb’oħra bagħat il-ħamiema mill-arka. 11 Meta l-ħamiema ġiet għandu għall-ħin taʼ filgħaxija, hu ra li f’munqarha kellha werqa taż-żebbuġ li kienet għadha kif inqatgħet. B’hekk, Noè sar jaf li l-ilmijiet kienu battew minn fuq l-art. 12 Hu reġaʼ stenna sebat ijiem oħra. Imbagħad bagħat il-ħamiema, imma ma reġgħetx lura għandu.
13 Issa meta Noè kellu 601, fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, l-ilmijiet kienu nixfu minn fuq l-art. U Noè neħħa parti mis-saqaf tal-arka u ra li l-wiċċ tal-art kien qed jinxef. 14 Fis-27 tat-tieni xahar, l-art kienet nixfet sew.
15 Alla issa qal lil Noè: 16 “Oħorġu mill-arka, int, martek, it-tfal tiegħek, u n-nisa tagħhom. 17 Oħroġ miegħek lil kull ħliqa ħajja: il-ħlejjaq li jtiru taʼ kull tip, l-annimali b’erbaʼ saqajn taʼ kull tip, u annimali oħra sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu fuq l-art u jkollhom iż-żgħar u jsiru ħafna.”
18 U Noè ħareġ flimkien mat-tfal tiegħu, martu, u n-nisa tat-tfal tiegħu. 19 Kull ħliqa ħajja, kull ħliqa li ttir u kull annimal* ieħor li jgħix fuq l-art, kull ħaġa li tiċċaqlaq fuq l-art ħarġet mill-arka skont l-ispeċi tagħha. 20 Imbagħad Noè bena artal lil Ġeħova u ħa ftit mill-annimali nodfa kollha u mill-ħlejjaq nodfa kollha li jtiru u offra offerti tal-ħruq fuq l-artal. 21 U Ġeħova beda jxomm riħa pjaċevoli.* Għalhekk Ġeħova qal f’qalbu: “Qatt iktar ma nerġaʼ nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu. Qatt iktar ma nerġaʼ noqtol lil kull ħaġa ħajja bħalma għamilt. 22 Mil-lum ’il quddiem, l-art dejjem se jkollha staġun taż-żrigħ u staġun tal-ħsad, bard u sħana, sajf u xitwa, jum u lejl.”