Neħemija
9 Fl-24 tas-sebaʼ xahar, l-Iżraelin inġabru u samu, libsu ħwejjeġ tal-ixkora, u tefgħu t-trab fuqhom. 2 Huma nfirdu mill-barranin kollha u ammettew id-dnubiet tagħhom u l-iżbalji taʼ missirijiethom. 3 Imbagħad inqralhom b’leħen għoli l-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom għal tliet sigħat.* U għal tliet sigħat oħra, huma ammettew id-dnubiet tagħhom u mielu quddiem Ġeħova l-Alla tagħhom.
4 Ġeswa, Bani, Kadmijel, Sebanija, Bunni, Serebija, Bani, u Kenani telgħu fuq il-platform tal-Leviti u talbu lil Ġeħova l-Alla tagħhom b’leħen għoli. 5 U l-Leviti Ġeswa, Kadmijel, Bani, Ħasabneja, Serebija, Ħodija, Sebanija, u Petaħija qalu: “Qumu u faħħru lil Ġeħova l-Alla tagħkom għal dejjem. Alla tagħna, ħa jfaħħru lill-isem glorjuż tiegħek, għalkemm int akbar minn kwalunkwe tifħir jew barka li n-nies jistgħu jagħtu.
6 “Ġeħova, m’hemmx Alla ieħor bħalek. Int għamilt is-sema, iva, l-ogħla sema u kulma fiha, l-art u kulma hemm fuqha, u l-ibħra u kulma fihom. Int iżżomm kollox ħaj, u kulma hemm fis-sema* jmil quddiemek. 7 Int Ġeħova l-Alla l-veru, li għażilt lil Abram u ħriġtu minn Ur tal-Kaldin u biddiltlu ismu f’Abraham. 8 Int rajt li qalbu kienet leali lejk, għalhekk għamilt patt miegħu biex tagħtih l-art tal-Kangħanin, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Pereżin, il-Ġebusin, u l-Girgasin għal dawk li jiġu minnu. Int żammejt kelmtek, għaliex int ġust.
9 “Int rajt lill-antenati tagħna jbatu fl-Eġittu, u smajthom meta talbuk bil-ħniena biex tgħinhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. 10 Imbagħad għamilt sinjali u mirakli biex tikkastiga lill-Fargħun, il-qaddejja kollha tiegħu, u n-nies kollha tal-art tiegħu, għax huma kienu arroganti mal-poplu tiegħek. Int għamilt lil ismek magħruf u għadu magħruf sal-lum. 11 U fridt il-baħar quddiemhom biex ikunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra fuq art niexfa. Int tfajt lil dawk li kienu qed jiġru warajhom f’qiegħ il-baħar bħal ġebla mitfugħa fl-ilmijiet qawwijin. 12 Matul il-ġurnata mexxejthom b’kolonna tas-sħab, u billejl b’kolonna tan-nar biex tagħtihom id-dawl u turihom minn fejn jgħaddu. 13 Int inżilt fuq il-Muntanja Sinaj u wkoll kellimthom mis-sema u tajthom liġijiet ġusti, liġijiet ibbażati fuq il-verità,* u regoli u kmandamenti tajbin. 14 Int għallimthom josservaw jum is-Sabat u jżommuh qaddis, u tajthom kmandamenti, regoli, u liġi permezz tal-qaddej tiegħek Mosè. 15 Meta kienu bil-ġuħ, int tajthom ħobż mis-sema, u meta kienu bil-għatx ħriġtilhom l-ilma mill-blat, u għedtilhom biex jidħlu u jieħdu f’idejhom l-art li int ħlift li se tagħtihom.
16 “Imma huma, l-antenati tagħna, aġixxew bi prużunzjoni, webbsu rashom, u ma ridux jisimgħu mill-kmandamenti tiegħek. 17 Huma ma ridux jisimgħu, u ma ftakrux fl-affarijiet tal-għaġeb li int għamilt f’nofshom. Huma webbsu rashom u inkarigaw mexxej biex imorru lura l-Eġittu bħala lsiera. Imma int Alla li lest li taħfer, qalbek tajba* u ħanin, ma tirrabjax malajr u turi ħafna mħabba u lealtà.* Int m’abbandunajthomx. 18 Huma għamlu għalihom statwa taʼ barri żgħir mill-metall* u bdew jgħidu, ‘Dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.’ Huma wrewk diżrispett kbir. 19 Minkejja dan kollu, peress li int ħanin ħafna, m’abbandunajthomx fid-deżert. Int bqajt tipprovdilhom il-kolonna tas-sħab matul il-jum sabiex tiggwidahom u l-kolonna tan-nar billejl biex tagħtihom id-dawl u turihom minn fejn jgħaddu. 20 Int tajthom l-ispirtu* tiegħek biex ikunu għorrief. Int ma żammejtx lura milli tagħtihom il-manna, u tajthom jixorbu meta kienu bil-għatx. 21 Int bqajt tipprovdilhom l-ikel fid-deżert għal 40 sena. Ma kien jonqoshom xejn. Ħwejjiġhom ma qdimux u saqajhom ma ntefħux.
22 “Int tajthom saltniet u popli, u qassamtilhom l-artijiet. B’hekk ħadu taħt idejhom l-art taʼ Siħon, jiġifieri l-art tar-re taʼ Ħesbon, kif ukoll l-art t’Għog ir-re tal-Basan. 23 Int tajthom tfal daqskemm hemm stilel. Imbagħad daħħalthom fl-art li kont wegħedt lil missirijiethom li għandhom jidħlu fiha u jiħduha taħt idejhom. 24 Għalhekk, it-tfal tagħhom marru u ħadu dik l-art, u int għelibt lill-Kangħanin li kienu joqogħdu hemm, u tajthom f’idejhom lir-re u lin-nies taʼ dik l-art biex jagħmlu li jridu bihom. 25 Huma rebħu bliet iffortifikati u għelieqi li jipproduċu ħafna u ħadu djar mimlijin b’affarijiet tajbin, ġwiebi li kienu diġà mħaffrin, dwieli, għelieqi taż-żebbuġ, u ħafna siġar li jagħmlu l-frott. Huma kielu, xebgħu, u ħxienu. Huma ħadu pjaċir ħafna bl-affarijiet tajbin kollha li għamilt magħhom.
26 “Minkejja dan, huma ma baqgħux jobduk, irribellaw kontrik, u injoraw il-Liġi tiegħek.* Huma qatlu lill-profeti tiegħek li wissewhom biex jerġgħu lura għandek u wrewk diżrispett kbir. 27 Għalhekk, int tajthom f’idejn l-għedewwa tagħhom, li baqgħu jġegħluhom ibatu. Imma f’dan iż-żmien diffiċli huma kienu jgħajtulek għall-għajnuna, u int kont tismagħhom mis-sema. U peress li int ħanin ħafna, kont tibagħtilhom lil xi ħadd biex jeħlishom minn idejn l-għedewwa tagħhom.
28 “Imma malli ma kinux jibqgħu taħt l-għedewwa tagħhom, kienu jerġgħu jagħmlu dak li hu ħażin u int tagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, li kienu jiddominawhom.* Imbagħad kienu jerġgħu jduru lejk u jgħajtulek għall-għajnuna, u int kont tismagħhom mis-sema u ssalvahom għal darba wara l-oħra, peress li int ħanin ħafna. 29 Għalkemm kont twissihom biex jerġgħu jobdu l-Liġi tiegħek, huma aġixxew bi prużunzjoni u rrifjutaw li jisimgħu mill-kmandamenti tiegħek. Huma dinbu kontra r-regoli tiegħek, li jekk bniedem jobdihom jistaʼ jgħix. Huma baqgħu jagħtuk daharhom, webbsu rashom, u ma ridux jobdu. 30 Int bqajt tieħu paċenzja bihom għal ħafna snin u bqajt twissihom bl-ispirtu tiegħek permezz tal-profeti, imma huma ma ridux jisimgħu. Fl-aħħar, int tajthom f’idejn in-nies tal-artijiet taʼ madwarhom. 31 U peress li int ħanin ħafna, ma qridthomx għalkollox u m’abbandunajthomx, għax int Alla qalbek tajba* u ħanin.
32 “Alla tagħna, int l-Alla l-kbir, b’saħħtek, u taʼ min jibżaʼ minnek u jirrispettak. Int żammejt il-patt tiegħek u wrejt imħabba u lealtà. Tinsiex it-tbatijiet kollha li għaddejna minnhom aħna, ir-rejiet tagħna, il-mexxejja tagħna, il-qassisin tagħna, il-profeti tagħna, missirijietna, u l-poplu kollu tiegħek minn żmien ir-rejiet tal-Assirja sal-lum. 33 Int kont ġust u leali minkejja dak kollu li għaddejna minnu. Konna aħna li aġixxejna b’mod ħażin. 34 Ir-rejiet tagħna, il-mexxejja tagħna, il-qassisin tagħna, u missirijietna m’obdewx il-Liġi tiegħek u lanqas taw kas il-kmandamenti jew it-tfakkiriet tiegħek li bihom wissejthom. 35 Huma kienu mmexxijin mir-rejiet tagħhom stess, irċivew ħafna barkiet mingħandek, u għexu fl-art li tajthom, li kienet kbira u tipproduċi ħafna. Minkejja dan, huma ma qdewkx u komplew jagħmlu dak li hu ħażin. 36 Issa aħna lsiera, iva, ilsiera fl-art li int tajt lil missirijietna biex jieklu mill-prodott tagħha u jgawdu l-affarijiet tajbin tagħha. 37 Il-prodott kollu tagħha jiħduh ir-rejiet li int poġġejt fuqna minħabba d-dnubiet tagħna. Huma jmexxu fuqna u fuq l-imrieħel tagħna kif jidhrilhom, u aħna qed inbatu ħafna.
38 “Minħabba dan, qed nagħmlu ftehim bil-miktub li huwa approvat bis-siġill tal-mexxejja, tal-Leviti, u tal-qassisin tagħna.”