DEWTERONOMJU
1 Dan hu l-kliem li Mosè qal lil Iżrael kollu fir-reġjun tal-Ġordan fid-deżert, fil-pjanuri tad-deżert quddiem Suf, u bejn il-Faran, Tofel, Laban, Ħaserot, u Diżaħab. 2 Hemm 11-il jum mixi minn Ħoreb sa Kades-barnegħa mit-triq li tagħti għall-Muntanja Segħir. 3 Fis-sena 40 mindu l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu, fl-ewwel jum tal-11-il xahar, Mosè qal lill-Iżraelin* kulma Ġeħova kien ikkmandah jgħidilhom. 4 Dan kien wara li rebaħ lil Siħon ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon, u lil Għog ir-re tal-Basan, li kien jgħix f’Għastarot, f’Edrej. 5 Fir-reġjun tal-Ġordan fl-art taʼ Mowab, Mosè beda jispjega din il-Liġi u qal:
6 “Ġeħova l-Alla tagħna qalilna f’Ħoreb, ‘Ilkom biżżejjed f’dan ir-reġjun muntanjuż. 7 Morru fir-reġjun muntanjuż tal-Amurrin u fir-reġjuni taʼ ħdejh: fl-Għaraba, fir-reġjun muntanjuż, fis-Sefela, fin-Negeb, u fir-reġjun tal-kosta tal-baħar. Morru fl-art tal-Kangħanin. Morru sal-Libanu* u l-Ewfrat, ix-xmara l-kbira. 8 Qegħedt l-art quddiemkom. Idħlu u ħudu l-art li Ġeħova ħalef li jagħtiha lil missirijietkom, lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, u lid-dixxendenti tagħhom.’*
9 “Dik il-ħabta jien għedtilkom, ‘Ma nistax immexxikom waħdi. 10 Ġeħova l-Alla tagħkom żiedkom ħafna, u intom illum sirtu daqs l-istilel tas-sema. 11 Jalla Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, iżidkom elf darba iktar milli intom, u jalla jberikkom bħalma wegħedkom. 12 Kif nistaʼ nġorr waħdi l-piż, it-tagħbija, u l-argumenti tagħkom? 13 Agħżlu rġiel għorrief, għaqlin, u bl-esperjenza mit-tribujiet tagħkom, u jien ninkarigahom kapijiet fuqkom.’ 14 Intom wiġibtuni, ‘Dak li għedtilna nagħmlu hu tajjeb.’ 15 Għalhekk, jien ħadt il-kapijiet tat-tribujiet tagħkom, irġiel għorrief u bl-esperjenza, u inkarigajthom bħala kapijiet fuqkom, kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, kapijiet tal-għaxriet, u uffiċjali tat-tribujiet tagħkom.
16 “Għal dik il-ħabta jien tajt lill-imħallfin tagħkom dawn l-istruzzjonijiet: ‘Meta wħud mill-poplu jiġu għandkom b’xi każ, tridu tiġġudikaw b’ġustizzja, kemm jekk ikun bejn żewġ Iżraelin u kemm jekk ikun bejn Iżraeli u resident barrani. 17 Turux preferenzi meta tiġġudikaw. Għandkom tisimgħu lill-fqir l-istess bħas-sinjur. Tibżgħux minn xi bniedem, għax il-ġudizzju hu t’Alla. Jekk xi każ ikun diffiċli wisq għalikom, għandkom tippreżentawh lili u nisimgħu jien.’ 18 Għal dik il-ħabta jien tajtkom istruzzjonijiet dwar kulma għandkom tagħmlu.
19 “Imbagħad, bħalma kien ikkmandana Ġeħova l-Alla tagħna, aħna tlaqna minn Ħoreb u mxejna minn ġo dak id-deżert kbir u tal-biżaʼ li intom rajtu fit-triq li tagħti għar-reġjun muntanjuż tal-Amurrin, u fl-aħħar wasalna Kades-barnegħa. 20 Imbagħad għedtilkom, ‘Wasaltu fir-reġjun muntanjuż tal-Amurrin, li Ġeħova l-Alla tagħna qed jagħtina. 21 Ġeħova l-Alla tagħkom ta l-art lilkom. Itilgħu u ħuduha f’idejkom bħalma qalilkom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom. Tibżgħux u titwerwrux.’
22 “Madankollu, ilkoll kemm intom ġejtu għandi u għedtuli, ‘Ħa nibagħtu xi rġiel qabilna biex jitkixxfu x’fiha l-art u jġibulna l-aħbar dwar liema triq għandna naqbdu u dwar x’tip taʼ bliet se mmorru fihom.’ 23 Is-suġġeriment deher tajjeb għalija, u għalhekk għażilt 12-il raġel minnkom, wieħed minn kull tribù. 24 Huma telqu u telgħu lejn ir-reġjun muntanjuż u waslu fil-Wied t’Eskol u tkixxfu x’fiha l-art. 25 U ġabulna ftit mill-prodott tal-art u qalulna, ‘L-art li se jagħtina Ġeħova l-Alla tagħna hi tajba.’ 26 Imma intom ma ridtux tmorru, u rribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom. 27 Intom bqajtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu, ‘Hu għax Ġeħova jobgħodna li ħariġna mill-art tal-Eġittu biex jagħtina f’idejn l-Amurrin u jeqridna għalkollox. 28 Ma rridux immorru hemm. Ħutna qatgħulna qalbna meta qalulna: “Huma poplu akbar u itwal minna, u l-bliet tagħhom huma kbar u bis-swar sas-sema,* u rajna lit-tfal tal-Għanakin hemm.”’
29 “Għalhekk jien għedtilkom, ‘Titwerwrux u tibżgħux minħabba fihom. 30 Ġeħova l-Alla tagħkom sejjer qabilkom u se jiġġieled għalikom, bħalma għamel fl-Eġittu quddiem għajnejkom stess. 31 U fid-deżert intom rajtu kif bħalma raġel iġorr lil ibnu, Ġeħova l-Alla tagħkom ġarrkom kull fejn mortu sakemm wasaltu f’dan il-post.’ 32 Imma minkejja dan kollu, intom ma kellkomx fidi f’Ġeħova l-Alla tagħkom, 33 li kien miexi quddiemkom fit-triq biex ifittex post għalikom fejn tikkampjaw. Hu deher permezz taʼ nar billejl u permezz taʼ sħaba matul il-jum biex jurikom minn fejn għandkom tgħaddu.
34 “Sadanittant, Ġeħova semaʼ dak li kontu qed tgħidu, u rrabja u ħalef, 35 ‘Ħadd minn din il-ġenerazzjoni mill-agħar mhu se jara l-art tajba li jien ħlift li nagħtiha lil missirijietkom, 36 ħlief Kaleb bin Ġefunne. Hu jaraha, u jien se nagħti l-art li mexa fuqha lilu u lit-tfal tiegħu, għax hu mexa warajja, Ġeħova, b’qalbu kollha.’* 37 Ġeħova rrabja anki miegħi minħabba fikom u qalli, ‘Int ukoll ma tidħolx hemmhekk. 38 Ġożwè bin Nun li qiegħed quddiemek jidħol fl-art. Saħħu,* għax se jmexxi lil Iżrael biex jiret l-art.’ 39 Alla qalilkom, ‘Iktar minn hekk, huma t-tfal tagħkom li għedtu li se jsiru lsiera u li llum ma jafux x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin li se jidħlu, u jien nagħtiha lilhom biex tkun tagħhom. 40 Imma intom duru lura u itilqu lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar.’
41 “U għal dan għedtuli, ‘Dnibna kontra Ġeħova. Aħna issa se nitilgħu u niġġieldu, bħalma kkmandana Ġeħova l-Alla tagħna!’ Għalhekk, ilkoll kemm intom ħadtu l-armi tal-gwerra u ħsibtu li kien se jkun faċli li titilgħu l-muntanja. 42 Imma Ġeħova qalli, ‘Għidilhom: “Titilgħux biex tiġġieldu, għax jien mhux se nkun magħkom. Jekk tmorru, se tiġu megħlubin mill-għedewwa tagħkom.”’ 43 Għalhekk, jien kellimtkom, imma intom ma smajtux minni. Minflok, irribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova billi kontu prużuntużi u pprovajtu titilgħu fuq il-muntanja. 44 Imbagħad l-Amurrin li kienu qed jgħixu fuq dik il-muntanja ħarġu jattakkawkom u ġrew warajkom bħalma jagħmel in-naħal, u xerrdukom fis-Segħir saħansitra sa Ħorma. 45 B’hekk, ġejtu lura u bdejtu tibku quddiem Ġeħova, imma Ġeħova la semagħkom u lanqas ta kaskom. 46 Hu għalhekk li bqajtu tgħixu f’Kades għal ħafna żmien.
2 “Imbagħad dorna u tlaqna lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar, bħalma kien qalli Ġeħova, u vvjaġġajna għal ħafna jiem madwar il-Muntanja Segħir. 2 Fl-aħħar, Ġeħova qalli, 3 ‘Ilkom biżżejjed idduru madwar din il-muntanja. Issa duru lejn it-Tramuntana. 4 U agħti dan il-kmand lin-nies: “Se tgħaddu minn ħdejn il-fruntiera taʼ ħutkom mill-familja t’Għesaw, li qed jgħixu fis-Segħir, u huma se jibżgħu minnkom, u intom tridu toqogħdu attenti ħafna. 5 Tiġġildux kontrihom,* għax mhu se nagħtikom xejn minn arthom, lanqas kemm toqgħod pala taʼ sieq; għaliex il-Muntanja Segħir tajtha lil Għesaw. 6 Għandkom tagħtuhom il-flus għall-ikel li tieklu, u tħallsu għall-ilma li tixorbu. 7 Għax Ġeħova l-Alla tagħkom berikkom f’kulma għamiltu. Hu konxju taʼ kull pass li għamiltu f’dan id-deżert kbir. Matul dawn l-40 sena, Ġeħova l-Alla tagħkom kien magħkom u ma kien jonqoskom xejn.”’ 8 Għalhekk, għaddejna minn ħdejn ħutna mill-familja t’Għesaw, li qed jgħixu fis-Segħir, u żammejna ’l bogħod mit-triq li tagħti għall-Għaraba, minn Elat, u minn Għesjon-geber.
“Imbagħad dorna u vvjaġġajna minn ħdejn it-triq tad-deżert taʼ Mowab. 9 Ġeħova mbagħad qalli, ‘Tiġġilidx maʼ Mowab u tiggwerrax kontrih, għaliex mhu se nagħtik xejn minn artu biex tkun tiegħek, għax Ar tajtha lil dawk li jiġu mill-familja taʼ Lot biex tkun tagħhom.’ 10 Qabel kienu jgħixu fiha l-Emin, poplu b’saħħtu u kbir u b’nies twal bħall-Għanakin. 11 Anki r-Refajin kienu meqjusin bħall-Għanakin, u l-Mowabin kienu jirreferu għalihom bħala Emin. 12 Qabel kien hemm il-Ħorin jgħixu fis-Segħir, imma dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw ħadulhom il-propjetà tagħhom u qerduhom għalkollox u għexu hemm minflokhom, bħalma se jagħmlu l-Iżraelin fl-art li hi tagħhom u li Ġeħova żgur li se jagħtihom. 13 ‘Issa qumu u aqsmu l-Wied taʼ Żered.’ Għalhekk qsamna l-Wied taʼ Żered. 14 Iż-żmien li ħadna biex imxejna minn Kades-barnegħa sa ma qsamna l-Wied taʼ Żered kien 38 sena, sakemm il-ġenerazzjoni kollha tal-gwerriera kienet inqerdet mill-kampijiet, bħalma kien ħalfilhom Ġeħova. 15 Id Ġeħova kienet kontrihom biex tneħħihom mill-kampijiet sakemm inqerdu.
16 “Malli l-gwerriera kienu mietu minn fost il-poplu, 17 Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli, 18 ‘Illum se tgħaddi minn ħdejn it-territorju taʼ Mowab, jiġifieri Ar. 19 Meta tmur qrib l-Għammonin, taħqarhomx u tiġġilidx kontrihom, għax mhu se nagħtik xejn mill-art tal-Għammonin biex tkun tiegħek, għax tajtha lil dawk li jiġu mill-familja taʼ Lot biex tkun tagħhom.’ 20 Din kienet titqies ukoll bħala art ir-Refajin. Ir-Refajin kienu jgħixu fiha qabel, u l-Għammonin kienu jirreferu għalihom bħala Żamżummin. 21 Dawn kienu poplu b’saħħtu u kbir u b’nies twal bħall-Għanakin. Imma Ġeħova qeridhom għalkollox minn quddiem l-Għammonin, u dawn keċċewhom ’il barra u għexu hemm minflokhom. 22 Hu hekk għamel għal dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw, li issa qed jgħixu fis-Segħir, meta qered għalkollox lill-Ħorin minn quddiemhom, sabiex setgħu jiħdulhom il-propjetà tagħhom u jgħixu hemm minflokhom sa dan il-jum. 23 U l-Għawwin kienu jgħixu fl-irħula sa Gaża, sakemm il-Kaftorin, li ħarġu minn Kaftor,* qerduhom għalkollox u għexu hemm minflokhom.
24 “‘Qumu u aqsmu l-Wied tal-Arnon. Jien tajtek f’idek lil Siħon l-Amurri, ir-re taʼ Ħesbon. Għalhekk, ibda ħu f’idejk artu, u ggwerra kontrih. 25 Illum, se nġiegħel lin-nies kollha tal-art li jisimgħu bik jitkexkxu u jibżgħu minnek. Huma se jinkwetaw u jitriegħdu* minħabba fik.’
26 “Imbagħad, bgħatt xi messaġġiera mid-deżert taʼ Kedemot għand ir-Re Siħon taʼ Ħesbon b’dan il-kliem taʼ paċi, 27 ‘Ħallini ngħaddi minn artek. Se nibqaʼ fit-triq u ma ndurx lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 28 Niekol u nixrob biss l-ikel u l-ilma li tbegħli. Biss ħallini ngħaddi, 29 bħalma għamlu dawk li jiġu mill-familja t’Għesaw li jgħixu fis-Segħir u l-Mowabin li jgħixu f’Ar, sakemm naqsam il-Ġordan u nidħol fl-art li qed jagħtina Ġeħova l-Alla tagħna.’ 30 Imma r-Re Siħon taʼ Ħesbon ma ħalliniex ngħaddu minn artu, għax Ġeħova l-Alla tiegħek ħallieh iwebbes rasu, sabiex jagħtih f’idejk bħalma hu llum.
31 “Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Jien diġà bdejt nagħtik lil Siħon u lil artu. Ibda ħu artu f’idejk.’ 32 Meta ħareġ Siħon mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħna f’Ġaħas, 33 Ġeħova l-Alla tagħna tahulna f’idejna, u b’hekk għelibna lilu, lit-tfal tiegħu, u lill-poplu kollu tiegħu. 34 F’dak iż-żmien, ħadna taħt idejna l-bliet kollha tiegħu u qridna lil kull belt, inkluż l-irġiel, in-nisa, u t-tfal. Ma ħallejna lil ħadd ħaj. 35 Ħadna biss il-bhejjem u l-affarijiet tal-bliet li konna għelibna. 36 Minn Għarogħer, li qiegħda fix-xifer tal-Wied tal-Arnon u mill-belt li qiegħda fil-wied, sa Gilegħad, ma kien hemm ebda belt b’saħħitha wisq għalina. Ġeħova l-Alla tagħna tahomlna kollha. 37 Madankollu, ma morniex fl-art tal-Għammonin, fix-xatt kollu tal-Wied tal-Ġabbok, u l-bliet tar-reġjun muntanjuż, jew f’xi post li Ġeħova l-Alla tagħna kien ikkmandana biex ma mmorrux.
3 “Imbagħad dorna u tlajna minn Triq il-Basan. U Għog, ir-re tal-Basan, ħareġ mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħna f’Edrej. 2 Għalhekk Ġeħova qalli, ‘Tibżax minnu, għax se nagħti f’idejk lilu, lill-poplu kollu tiegħu, u lil artu. U int agħmillu bħalma għamilt lil Siħon ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon.’ 3 Għalhekk, Ġeħova l-Alla tagħna tana wkoll f’idejna lir-Re Għog tal-Basan u lill-poplu kollu tiegħu, u bqajna noqtluhom sakemm ma kien għad baqaʼ ħadd ħaj mill-poplu tiegħu. 4 Imbagħad ħadna taħt idejna l-bliet kollha tiegħu. Ma kienx hemm belt li ma ħadnilhomx, 60 belt, jiġifieri r-reġjun kollu tal-Argob, is-saltna t’Għog fil-Basan. 5 Dawn il-bliet kienu kollha ffortifikati bi swar għoljin, bibien kbar, u staneg. Ħadna wkoll ħafna bliet żgħar. 6 Madankollu, qridniehom, bħalma konna għamilna lir-Re Siħon taʼ Ħesbon, meta qridna lil kull belt, inkluż l-irġiel, in-nisa, u t-tfal. 7 U ħadna l-bhejjem kollha u l-affarijiet tal-bliet għalina.
8 “Dik il-ħabta, ħtafna l-art taż-żewġ rejiet Amurrin li kienu fir-reġjun tal-Ġordan, mill-Wied tal-Arnon sal-Muntanja Ħermon, 9 il-muntanja li s-Sidonin kienu jgħidulha Sirjon u li l-Amurrin kienu jgħidulha Senir, 10 u ħtafna wkoll il-bliet kollha tal-pjanura fl-għoli, Gilegħad kollu, u l-Basan kollu sa Saleka u Edrej, il-bliet tas-saltna t’Għog fil-Basan. 11 Għax Għog tal-Basan kien l-aħħar wieħed mir-Refajin. It-tebut* tiegħu kien magħmul mill-ħadid* u għadu f’Rabba tal-Għammonin. Dan twil disaʼ kubiti* u wiesaʼ erbaʼ kubiti, skont il-qies taʼ kubitu normali. 12 F’dak iż-żmien ħadna f’idejna din l-art li hi minn Għarogħer, li qiegħda ħdejn il-Wied tal-Arnon, u tinkludi nofs ir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. Jien tajt il-bliet tagħha lir-Rubenin u lill-Gadin. 13 U l-bqija taʼ Gilegħad u l-Basan kollu tas-saltna t’Għog tajthom lil nofs it-tribù taʼ Manasse. Ir-reġjun kollu tal-Argob, li hu tal-Basan, kien magħruf bħala l-art tar-Refajin.
14 “Ġajir bin Manasse ħa r-reġjun kollu tal-Argob sal-fruntiera tal-Gesurin u l-Magħkatin, u dawk l-irħula tal-Basan semmiehom għalih, Ħawwot-ġajir,* sa dan il-jum. 15 U lil Makir tajtu Gilegħad. 16 U lir-Rubenin u lill-Gadin tajthom minn Gilegħad sal-Wied tal-Arnon, b’nofs il-wied bħala fruntiera, u sal-Ġabbok, il-wied li hu l-fruntiera tal-Għammonin, 17 u l-Għaraba u x-Xmara Ġordan u x-xatt tagħha, minn Kinneret sal-Baħar tal-Għaraba, il-Baħar il-Mielaħ,* li jinsab in-naħa t’isfel tal-Pisga lejn il-Lvant.
18 “Imbagħad tajtkom dan il-kmand: ‘Ġeħova l-Alla tagħkom ta din l-art lilkom biex tkun tagħkom. L-irġiel kollha kuraġġużi se jieħdu l-armi u jaqsmu qabel ħuthom l-Iżraelin. 19 Huma biss in-nisa, it-tfal, u l-bhejjem tagħkom (naf tajjeb li intom għandkom ħafna bhejjem) li se jibqgħu jgħixu fil-bliet li tajtkom, 20 sakemm Ġeħova jagħti mistrieħ lil ħutkom, bħalma għamel magħkom, u huma wkoll ikunu ħadu l-art li Ġeħova l-Alla tagħkom se jagħtihom in-naħa l-oħra tal-Ġordan. Imbagħad tiġu lura, kull wieħed lejn il-propjetà tiegħu li tajtkom jien.’
21 “Dak iż-żmien tajt dan il-kmand lil Ġożwè: ‘Rajt b’għajnejk stess dak li Ġeħova l-Alla tagħna għamel lil dawn iż-żewġ rejiet. Ġeħova se jagħmel l-istess affarijiet lis-saltniet kollha li se tgħaddi minnhom. 22 Tibżgħux minnhom, għax hu Ġeħova l-Alla tagħkom li qed jiġġieled għalikom.’
23 “F’dak iż-żmien jien tlabt bil-ħniena lil Ġeħova, 24 ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int bdejt turi lill-qaddej tiegħek il-kobor tiegħek u s-saħħa t’idek, għax liema alla fis-sema jew fuq l-art jagħmel affarijiet tal-għaġeb bħalek? 25 Jekk jogħġbok, ħallini naqsam u nara l-art tajba li qiegħda n-naħa l-oħra tal-Ġordan, dan ir-reġjun muntanjuż sabiħ u l-Libanu.’ 26 Imma Ġeħova kien għadu rrabjat miegħi minħabba fikom u ma semagħnix. Minflok, Ġeħova qalli, ‘Biżżejjed! Terġax tkellimni fuq dan. 27 Itlaʼ fuq il-quċċata tal-Pisga u ħares lejn il-Punent, it-Tramuntana, in-Nofsinhar, u l-Lvant, u ħares lejn l-art, għax m’intix se taqsam dan il-Ġordan. 28 Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu l-wieħed li se jmexxi lill-poplu fl-art li se tara sabiex jgħixu fiha.’ 29 Dan kollu ġara waqt li konna qed ngħixu fil-wied quddiem Bet-pegħor.
4 “Iżrael, isimgħu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed ngħallimkom tobdu, sabiex tibqgħu ħajjin u tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed jagħtikom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom. 2 Iżżidu xejn mal-kliem li qed nikkmandakom, lanqas tnaqqsu minnu, sabiex tobdu l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li qed nikkmandakom.
3 “Għajnejkom stess raw dak li għamel Ġeħova fil-każ tal-Bagħal taʼ Pegħor. Ġeħova l-Alla tagħkom qered minn nofskom lil kull raġel li mexa wara l-Bagħal taʼ Pegħor. 4 Imma intom li bqajtu mqabbdin maʼ Ġeħova l-Alla tagħkom għadkom kollha ħajjin illum. 5 Jien għallimtkom ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali, bħalma kkmandani Ġeħova l-Alla tiegħi, biex tobduhom fl-art li se tieħdu f’idejkom. 6 Tridu timxu magħhom bir-reqqa, għaliex b’dan turu li għandkom l-għerf u li kapaċi tifhmu quddiem għajnejn il-popli li se jisimgħu dawn ir-regoli kollha, u jgħidu, ‘Dan il-poplu kbir bla dubju għandu l-għerf u kapaċi jifhem.’ 7 Għax liema poplu kbir għandu allat qribu bħalma hu Ġeħova l-Alla tagħna kull meta ngħajtulu? 8 U liema poplu kbir għandu regoli u deċiżjonijiet ġudizzjali ġusti bħal din il-Liġi kollha li qed inpoġġi quddiemkom illum?
9 “Biss oqogħdu attenti. Agħmlu ċert li ma tinsewx l-affarijiet li rajtu b’għajnejkom ħalli ma jitbegħdux minn qalbkom il-jiem kollha taʼ ħajjitkom. Tridu wkoll tgħiduhom lit-tfal u n-neputijiet tagħkom. 10 Dakinhar li intom qgħadtu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom f’Ħoreb, Ġeħova qalli, ‘Iġborli n-nies flimkien ħalli jisimgħu kliemi, sabiex jitgħallmu jirrispettawni ħafna* l-jiem kollha li jkunu ħajjin fuq l-art u jgħallmu lit-tfal tagħhom.’
11 “Għalhekk, intom ersaqtu qrib u qgħadtu n-naħa t’isfel tal-muntanja, u l-muntanja kienet qed taqbad bin-nar sas-sema. Kien hemm dlam u sħab iswed. 12 U Ġeħova beda jkellimkom minn ġon-nar. Smajtu lil xi ħadd jitkellem, imma ma stajtu taraw lil ħadd—kien hemm biss leħen. 13 Hu qalilkom il-patt tiegħu, li kkmandakom tobdu, jiġifieri l-Għaxar Kmandamenti.* Wara, kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel. 14 F’dak iż-żmien, Ġeħova kkmandani ngħallimkom ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali, li għandkom tobdu fl-art li se tidħlu biex tiħduha f’idejkom.
15 “Għaldaqstant, ħudu ħsieb sew tagħkom infuskom,* ladarba ma rajtu lil ħadd dakinhar li Ġeħova kellimkom f’Ħoreb minn ġon-nar, 16 sabiex ma taġixxux b’mod mill-agħar billi tagħmlu xi statwa skolpita forma taʼ xi simbolu. Dan jinkludi xi ħaġa li tirrappreżenta raġel, mara, 17 annimal, għasfur, 18 xi ħaġa li titkaxkar fuq l-art, jew xi ħuta. 19 U meta tħarsu lejn is-sema u taraw ix-xemx, il-qamar, u l-istilel, jiġifieri kulma hemm fis-sema, titħajrux tmilu quddiemhom u taqduhom. Ġeħova l-Alla tagħkom tahom lill-popli kollha taħt is-sema. 20 Imma intom dawk li Ġeħova ħadkom u ħariġkom mill-forn li jdewweb il-ħadid, mill-Eġittu, biex issiru poplu bħala propjetà persunali* tiegħu bħalma intom illum.
21 “Ġeħova rrabja miegħi minħabba fikom, u ħalef li m’għandix naqsam il-Ġordan jew nidħol fl-art tajba li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom bħala wirt. 22 Għax jien se mmut f’din l-art. M’iniex se naqsam il-Ġordan, imma intom se taqsmu u tieħdu f’idejkom din l-art tajba. 23 Oqogħdu attenti biex ma tinsewx il-patt li Ġeħova l-Alla tagħkom għamel magħkom u tagħmlux għalikom infuskom statwa skolpita, il-forma taʼ kwalunkwe ħaġa li Ġeħova l-Alla tagħkom ikkmandakom biex ma tagħmlux. 24 Għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu nar li jeqred, Alla li jrid li tqimu lilu biss.
25 “Anki meta tkunu ilkom tgħixu għal żmien twil f’din l-art u jkollkom it-tfal u n-neputijiet, jekk taġixxu b’mod mill-agħar u tagħmlu statwa skolpita taʼ kwalunkwe ħaġa, u tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex iġġegħluh jirrabja, 26 jien nieħu bħala xhieda kontrikom lil dawk kollha fis-sema u fl-art, u intom żgur li tinqerdu malajr minn fuq l-art li se taqsmu l-Ġordan biex tiħduha f’idejkom. Ma ddumux wisq fuqha, imma tinqerdu għalkollox. 27 Ġeħova jxerridkom fost il-popli, u ftit minnkom biss jibqgħu ħajjin fost il-popli fejn Ġeħova se jiħodkom. 28 Hemmhekk ikollkom taqdu lil allat tal-injam u l-ġebel magħmulin min-nies, allat li la jistgħu jaraw, la jisimgħu, la jieklu, u lanqas ixommu.
29 “Jekk tfittxu lil Ġeħova l-Alla tagħkom b’qalbkom kollha u b’ruħkom* kollha minn hemmhekk, żgur li ssibuh. 30 Meta fil-futur tkunu f’inkwiet kbir u għaddejtu minn dawn l-affarijiet kollha, imbagħad idduru lura lejn Ġeħova l-Alla tagħkom u tisimgħu leħnu. 31 Għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu Alla ħanin. Mhux se jabbandunakom, jeqridkom, jew jinsa l-patt li ħalef lil missirijietkom.
32 “Issa staqsu dwar il-jiem tal-passat li seħħew qabilkom, minn dakinhar li Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art. Fittxu minn tarf sa tarf tas-sema. Qatt ġrat xi ħaġa kbira bħal din jew qatt instemgħet xi ħaġa bħalha? 33 Kien hemm xi poplu ieħor li semaʼ leħen Alla jitkellem min-nar kif smajtuh intom, u baqaʼ ħaj? 34 Jew ipprova Alla jieħu poplu għalih innifsu minn fost poplu ieħor b’kastigi,* b’sinjali, b’mirakli, bi gwerra, b’id b’saħħitha u qawwija, u b’affarijiet tal-biżaʼ, bħalma Ġeħova l-Alla tagħkom għamel għalikom fl-Eġittu quddiem għajnejkom stess? 35 Lilkom intwerew dawn l-affarijiet sabiex tkunu tafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u m’hemmx ieħor ħliefu. 36 Mis-sema ħalliekom tisimgħu leħnu sabiex jikkoreġikom, u fuq l-art ħalliekom taraw in-nar kbir tiegħu, u smajtu kliemu min-nar.
37 “Peress li ħabb lil missirijietkom u għażel lil dawk li kienu se jiġu minnhom biex ikunu l-poplu tiegħu, hu kien magħkom hekk kif ħariġkom mill-Eġittu bil-qawwa kbira tiegħu. 38 Minn quddiemkom keċċa popli akbar u iktar b’saħħithom minnkom, sabiex idaħħalkom u jagħtikom l-art tagħhom bħala wirt, bħalma qed jiġri llum. 39 Għaldaqstant, kunu afu llum u żommu f’moħħkom li Ġeħova hu l-Alla l-veru fis-sema u fuq l-art. M’hemmx ħliefu. 40 Għandkom tobdu r-regoli u l-kmandamenti tiegħu li qed nikkmandakom illum, biex intom u t-tfal tagħkom tirnexxu, u biex tibqgħu żmien twil fuq l-art li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom.”41 Dik il-ħabta Mosè għażel tlett ibliet fin-naħa tal-Lvant tal-Ġordan. 42 Jekk xi ħadd joqtol lil sieħbu mhux apposta u ma kienx jobogħdu qabel, hu jrid jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet u jgħix. 43 Il-bliet huma Beser fid-deżert fuq il-pjanura fl-għoli għar-Rubenin, Ramot f’Gilegħad għall-Gadin, u Golan fil-Basan għall-Manassin.
44 Issa din hi l-Liġi li Mosè ppreżenta lill-poplu t’Iżrael. 45 Dawn huma t-tfakkiriet, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Mosè ta lill-Iżraelin wara li ħarġu mill-Eġittu, 46 ħdejn il-Ġordan, fil-wied quddiem Bet-pegħor, fl-art tar-Re Siħon tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon u li kien megħlub minn Mosè u l-Iżraelin wara li ħarġu mill-Eġittu. 47 U huma ħadu f’idejhom artu u l-art tar-Re Għog tal-Basan, jiġifieri ż-żewġ rejiet tal-Amurrin li kienu fir-reġjun fil-Lvant tal-Ġordan, 48 minn Għarogħer, li qiegħda fix-xifer tal-Wied tal-Arnon, sal-Muntanja Sigħon, jiġifieri l-Ħermon, 49 u l-Għaraba kollha fir-reġjun fil-Lvant tal-Ġordan, u sal-Baħar tal-Għaraba,* in-naħa t’isfel tal-Pisga.
5 Imbagħad Mosè ġabar lill-Iżraelin kollha u qalilhom: “Iżrael, isimgħu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed ngħidilkom illum, u tridu titgħallmuhom u tobduhom bir-reqqa. 2 Ġeħova l-Alla tagħna għamel patt magħna f’Ħoreb. 3 Dan il-patt Ġeħova m’għamlux maʼ missirijietna imma magħna, dawk kollha li qegħdin hawnhekk illum. 4 Ġeħova kellimkom wiċċ imb wiċċ fuq il-muntanja min-nar. 5 Jien kont qiegħed bejn Ġeħova u bejnkom f’dak iż-żmien biex inwasslilkom il-kelma taʼ Ġeħova, għax intom bżajtu minħabba n-nar u ma tlajtux fuq il-muntanja. Hu qal:
6 “‘Jien Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir. 7 Qatt m’għandu jkollok allat oħrajn ħliefi.*
8 “‘Tagħmilx xi statwa skolpita jew forma* taʼ xi ħaġa li hemm fis-sema, fuq l-art, jew fl-ilmijiet. 9 Tmilx quddiemhom u titħajjarx taqdihom, għaliex jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, Alla li rrid li tqim lili biss, li nġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, sat-tielet u r-rabaʼ ġenerazzjoni taʼ dawk li jobogħduni, 10 imma nuri mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuni u jobdu l-kmandamenti tiegħi sal-elf ġenerazzjoni.
11 “‘Tużax l-isem taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek b’mod ħażin, għax Ġeħova ma jħallix bla kastig lil min juża ismu b’mod ħażin.
12 “‘Żomm jum is-Sabat biex jibqaʼ qaddis, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek. 13 Għandek taħdem u tagħmel ix-xogħol kollu tiegħek f’sitt ijiem, 14 imma s-sebaʼ jum hu sabat għal Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol, la int, la ibnek, la bintek, la l-ilsir tiegħek, la l-ilsira tiegħek, la l-barri tiegħek, la l-ħmar tiegħek, la xi annimal ieħor tiegħek, u lanqas ir-resident barrani li qiegħed ġol-bliet* tiegħek, sabiex l-ilsir u l-ilsira tiegħek jistrieħu bħalek. 15 Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu u Ġeħova l-Alla tiegħek ħarġek minn hemmhekk b’id b’saħħitha u b’qawwa kbira. Huwa għalhekk li Ġeħova l-Alla tiegħek ikkmandak iżżomm jum is-Sabat.
16 “‘Irrispetta lil missierek u lil ommok, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek, biex tgħix ħajja twila u tirnexxi* fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek.
18 “‘Tagħmilx adulterju.
19 “‘Tisraqx.
20 “‘Tixhidx falz kontra xi ħadd.
21 “‘Tixtieqx il-mara taʼ ħaddieħor. Tixxennaqx b’egoiżmu għad-dar taʼ ħaddieħor, għall-għelieqi tiegħu, għall-ilsir tiegħu, għall-ilsira tiegħu, għall-barri tiegħu, għall-ħmar tiegħu, jew għal kwalunkwe ħaġa li hi tiegħu.’
22 “Dawn il-kmandamenti* Ġeħova qalhom lill-kongregazzjoni kollha tagħkom fuq il-muntanja min-nar, mis-sħaba, u mid-dalma l-kbira, b’leħen għoli, u ma żied xejn iktar. Imbagħad, kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel u tahomli.
23 “Imma malli smajtu l-leħen minn ġod-dlam, waqt li l-muntanja kienet qed taqbad bin-nar, il-kapijiet kollha tat-tribujiet tagħkom u l-anzjani* ġew ħdejja. 24 Imbagħad għedtuli, ‘Ġeħova l-Alla tagħna wriena l-glorja u l-kobor tiegħu, u smajna leħnu min-nar. Illum rajna li Alla jistaʼ jkellem lill-bniedem u dan jistaʼ jibqaʼ ħaj. 25 Imma aħna ma rridux immutu. Għax dan in-nar kbir jistaʼ jeqridna. Jekk inkomplu nisimgħu leħen Ġeħova l-Alla tagħna żgur immutu. 26 Għax min hemm fost il-bnedmin kollha li semaʼ l-leħen tal-Alla l-ħaj jitkellem min-nar, bħalma għamilna aħna, u xorta baqaʼ ħaj? 27 Mur int qrib u ismaʼ kulma se jgħid Ġeħova l-Alla tagħna, u int tkun il-wieħed li jgħidilna kulma jgħidlek Ġeħova l-Alla tagħna, u aħna nisimgħuh u nagħmluh.’
28 “Għalhekk, Ġeħova semaʼ l-kliem li għedtuli, u Ġeħova qalli, ‘Smajt il-kliem li qallek dan il-poplu. Kulma qalu hu tajjeb. 29 Mhux li kieku f’qalbhom dejjem ikunu jridu jirrispettawni ħafna* u jobdu l-kmandamenti tiegħi, imbagħad jirnexxu huma u t-tfal tagħhom għal dejjem! 30 Mur għidilhom: “Morru lura lejn it-tined tagħkom.” 31 Imma int għandek toqgħod hawnhekk miegħi, u jien ngħidlek il-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha li għandek tgħallimhom u li huma jridu jobdu fl-art li qed nagħtihom biex jiħduha f’idejhom.’ 32 Issa intom qisu li tagħmlu bħalma kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħkom. Iddurux lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 33 Għandkom timxu fit-triq kollha li kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħkom, sabiex tgħixu, tirnexxu, u ttawlu jiemkom fl-art li se tieħdu f’idejkom.
6 “Issa dawn huma l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li tak Ġeħova l-Alla tiegħek biex jgħallmek, sabiex tobdihom meta taqsam għall-art li se tieħu f’idejk. 2 Għandek tirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħek u tobdi l-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak, int, ibnek, u n-neputi tiegħek, il-jiem kollha taʼ ħajtek, sabiex tgħix ħajja twila. 3 Ismaʼ Iżrael, u obdihom bir-reqqa, sabiex tirnexxi u tiżdied bil-kbir fl-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma wiegħdek Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietek.
4 “Ismaʼ Iżrael: Ġeħova l-Alla tagħna hu Ġeħova wieħed. 5 Għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek* kollha, u b’saħħtek* kollha. 6 Dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek, 7 u daħħlu sew f’qalb* it-tfal tiegħek u tkellem dwaru meta toqgħod bilqiegħda f’darek, meta timxi fit-triq, meta timtedd, u meta tqum. 8 Orbtu bħala tfakkira m’idek, u jrid ikun bħala sinjal* fuq moħħok.* 9 Iktbu fuq il-koxox tal-bieb taʼ darek u fuq il-bibien taʼ beltek.
10 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielek, art li fiha bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int, 11 djar mimlijin b’kull ħaġa tajba li int ma ħdimtx għaliha, ġwiebi li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltx int, u tkun kilt u xbajt, 12 oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, l-art fejn kont ilsir. 13 Lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tirrispetta ħafna,* lilu għandek taqdi, u b’ismu għandek taħlef. 14 Timxix wara allat oħrajn, wara xi alla tal-popli taʼ madwarek, 15 għax Ġeħova l-Alla tiegħek li qiegħed f’nofsok hu Alla li jrid li tqim lilu biss. Jekk tmur wara allat oħra, Ġeħova l-Alla tiegħek jirrabja ħafna miegħek u jeqirdek għalkollox minn fuq wiċċ l-art.
16 “Tgħaddix lil Ġeħova l-Alla tiegħek minn prova bħalma għamilt f’Massah. 17 Għandek tobdi bir-reqqa l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u r-regoli li Ġeħova l-Alla tiegħek ikkmandak tobdi. 18 Għandek tagħmel dak li hu sewwa u tajjeb f’għajnejn Ġeħova, sabiex tirnexxi u tidħol u tieħu l-art tajba li Ġeħova ħalef lil missirijietek, 19 billi tkeċċi l-għedewwa kollha tiegħek minn quddiemek, bħalma wiegħed Ġeħova.
20 “Fil-futur, meta ibnek jistaqsik, ‘Xi jfissru t-tfakkiriet, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħna?’ 21 int trid tgħidlu, ‘Aħna konna lsiera tal-Fargħun fl-Eġittu, imma Ġeħova ħariġna mill-Eġittu b’id b’saħħitha. 22 Għalhekk, quddiem għajnejna Ġeħova baqaʼ jibgħat sinjali u mirakli kbar u taʼ ħsara fuq l-Eġittu, il-Fargħun, u n-nies kollha taʼ daru. 23 U ħariġna minn hemm sabiex iġibna hawn biex jagħtina l-art li dwarha kien ħalef lil missirijietna. 24 Imbagħad Ġeħova kkmandana nobdu dawn ir-regoli kollha u nirrispettaw ħafna lilu,* Ġeħova l-Alla tagħna, biex ikun taʼ ġid għalina għal dejjem, sabiex nibqgħu ħajjin bħalma bqajna ħajjin sal-lum. 25 U nkunu kkunsidrati ġusti jekk noqogħdu attenti li nobdu dawn il-kmandamenti kollha quddiem Ġeħova l-Alla tagħna, bħalma kkmandana hu.’
7 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek idaħħlek fl-art li daqt tidħol fiha u tiħodha f’idek, iwarrab minn quddiemek popli kbar: il-Ħittin, il-Girgasin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, sebaʼ popli akbar u iktar b’saħħithom minnek. 2 Ġeħova l-Alla tiegħek se jerħihom f’idek u int tegħlibhom. Qis li teqridhom, li ma tagħmel ebda patt magħhom, u lanqas tħenn għalihom. 3 Titħallatx b’rabta taż-żwieġ magħhom. Iżżewwiġx il-bniet tiegħek lis-subien tagħhom jew il-bniet tagħhom lis-subien tiegħek. 4 Għax huma jbiegħdu lit-tfal tiegħek milli jimxu wara Alla biex jaqdu lil allat oħrajn. Imbagħad Ġeħova jirrabja ħafna kontrikom u malajr iġibkom fix-xejn.
5 “Minflok, dan għandkom tagħmlulhom: Kissru l-artali u l-pilastri sagri tagħhom, qaċċtu l-arbli sagri* tagħhom, u aħarqu l-istatwi minquxin tagħhom. 6 Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek, u Ġeħova l-Alla tiegħek għażlek biex issir il-poplu tiegħu, il-poplu speċjali* tiegħu mill-popli kollha fuq wiċċ l-art.
7 “Mhux għax kontu l-akbar mill-popli kollha li Ġeħova wera affezzjoni lejkom u għażilkom, għax intom kontu l-iżgħar mill-popli kollha. 8 Imma kien għax Ġeħova ħabbkom, u għax żamm il-ħalfa li kien għamel maʼ missirijietkom li Ġeħova ħariġkom b’id b’saħħitha, sabiex jifdikom* mill-art fejn kontu lsiera, minn id il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. 9 Int taf tajjeb li Ġeħova l-Alla tiegħek hu l-Alla l-veru, l-Alla l-leali, li jżomm il-patt u juri mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuh u jobdu l-kmandamenti tiegħu għal elf ġenerazzjoni. 10 Imma lil dawk li jobogħduh ipattihielhom billi jeqridhom. Hu mhux se jdum biex jikkastiga lil dawk li jobogħduh; hu jpattihielhom billi jeqridhom. 11 Għalhekk, qis li tobdi l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed nikkmandak illum billi tagħmilhom.
12 “Jekk tkompli tismaʼ, tobdi, u tagħmel dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjali, Ġeħova l-Alla tiegħek iżomm il-patt u juri mħabba u lealtà bħalma ħalef lil missirijietek. 13 Hu se jħobbok, ibierkek, u jżidek fl-art li ħalef lil missirijietek li jagħtik. Iva, ibierkek b’ħafna tfal* u b’abbundanza taʼ prodotti tal-għelieqi, ċereali,* inbid ġdid, żejt, u wkoll b’ħafna frieħ tal-baqar u tan-nagħaġ. 14 Issir l-iktar imbierek mill-popli kollha. Ma jkunx hemm fostkom raġel jew mara li ma jkollhiex tfal, u l-imrieħel tagħkom kollha jkollhom il-frieħ. 15 Ġeħova jneħħilek il-mard kollu, u ma jġib fuqek ebda mard ikrah li rajt fl-Eġittu. Minflok, iġibu fuq dawk kollha li jobogħduk. 16 Int għandek teqred* lill-popli kollha li jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. Int m’għandekx titħassarhom u lanqas taqdi lill-allat tagħhom, għaliex dan ikun taʼ nassa għalik.
17 “Jekk f’qalbek tgħid, ‘Dawn il-popli huma iktar minni. Kif nistaʼ nkeċċihom?’ 18 tibżax minnhom. Għandek tfakkar lilek innifsek f’dak li Ġeħova l-Alla tiegħek għamel lill-Fargħun u lill-Eġittu kollu, 19 fil-kastigi* kbar li raw għajnejk, is-sinjali, il-mirakli, l-id b’saħħitha u l-qawwa kbira li bihom ħarġek Ġeħova l-Alla tiegħek. Hekk se jagħmel Ġeħova l-Alla tiegħek lill-popli kollha li tibżaʼ minnhom. 20 Ġeħova l-Alla tiegħek se jġegħelhom iħossuhom skuraġġiti* sakemm imutu dawk kollha li jkun baqaʼ u li jkunu qed jinħbew minn quddiemek. 21 Titwerwirx minħabba fihom, għax Ġeħova l-Alla tiegħek hu miegħek, u hu Alla kbir li taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah.
22 “Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li se jkeċċi lil dawn il-popli minn quddiemek ftit ftit. M’intix se titħalla teqridhom malajr, sabiex l-annimali slavaġ ma jiżdidux kontrik. 23 Ġeħova l-Alla tiegħek se jerħihom f’idek u jegħlibhom għalkollox sakemm jiġu fix-xejn. 24 Hu se jagħti f’idek ir-rejiet tagħhom, u int tħassar isimhom minn taħt is-sema. Ħadd mhu se jiqaflek, sakemm tkun qridthom għalkollox. 25 Għandek taħraq l-istatwi minquxin tal-allat tagħhom. Tixtieqx il-fidda u d-deheb taʼ fuqhom, u tiħodhomx għalik, biex ma jkunux taʼ nassa għalik, għax din il-ħaġa hi moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek. 26 Iddaħħalx f’darek affarijiet li Alla jobgħod, sabiex ma jeqirdekx magħhom. Għandek tobgħodhom b’qalbek kollha għax huma affarijiet li għandhom jinqerdu.
8 “Għandek toqgħod attent li tobdi kull kmandament li qed nagħtik illum, sabiex tibqaʼ ħaj, ikollok it-tfal, u tidħol u tieħdu l-art li dwarha Ġeħova ħalef lil missirijietek. 2 Ftakar fit-triq twila li Ġeħova l-Alla tiegħek mexxiek dawn l-40 sena fid-deżert, biex jgħallmek tkun umli u jkun jaf x’kellek f’qalbek, jekk kontx se tobdi l-kmandamenti tiegħu jew le. 3 Għalhekk, għallmek tkun umli u ħalliek tbati l-ġuħ u temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu tafu biha, sabiex iġiegħlek tkun taf li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova. 4 Il-ħwejjeġ li lbist ma qdimux fuqek, u saqajk ma ntefħux dawn l-40 sena. 5 Int taf tajjeb li bħalma raġel jikkoreġi lil ibnu, Ġeħova l-Alla tiegħek kien qed jikkoreġi lilek.
6 “Issa int għandek tobdi l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek billi tgħix fi qbil magħhom u tirrispettah ħafna.* 7 Għax Ġeħova l-Alla tiegħek qed idaħħlek f’art tajba, art li fiha widien bl-ilma, għejun u ilmijiet fondi ħerġin għal ġol-pjanura fil-wied u ġor-reġjun muntanjuż, 8 art b’abbundanza taʼ qamħ, xgħir,* dwieli, siġar tat-tin, rummien, żejt taż-żebbuġa, u għasel, 9 art li fiha l-ikel ma jkunx skars u ma jkun jonqsok xejn, art li l-ġebel tagħha fih il-ħadid u mill-muntanji tagħha taqtaʼ r-ram.
10 “Meta tkun kilt u xbajt, faħħar lil Ġeħova l-Alla tiegħek għall-art tajba li tak. 11 Oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova l-Alla tiegħek billi ma tobdix il-kmandamenti, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-liġijiet tiegħu li qed nikkmandak illum. 12 Meta tiekol u tixbaʼ u tibni djar sbieħ u tgħix fihom, 13 u meta l-baqar u n-nagħaġ tiegħek jiżdiedu u jiżdidulek il-fidda u d-deheb u jkollok abbundanza minn kollox, 14 tħallix lil qalbek titkabbar u b’hekk tinsa lil Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir, 15 li mexxiek fid-deżert kbir, tal-biżaʼ, bla ilma, u bi sriep u skorpjuni velenużi. Hu ħareġ l-ilma mill-blata taż-żnied 16 u temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kinux jafu biha, biex jgħallmek tkun umli u jgħaddik minn prova ħalli jkun taʼ benefiċċju għalik fil-futur. 17 Jekk tgħid f’qalbek, ‘Bil-qawwa u bis-saħħa tiegħi ksibt dan il-ġid,’ 18 ftakar li hu Ġeħova l-Alla tiegħek li jagħtik il-qawwa biex tikseb il-ġid, sabiex iżomm il-patt tiegħu li ħalef lil missirijietek, bħalma għamel sal-lum.
19 “Jekk tinsew lil Ġeħova l-Alla tagħkom u timxu wara allat oħrajn, taqduhom, u tmilu quddiemhom, jien inwissikom illum li żgur tmutu. 20 Tmutu bħall-popli li Ġeħova qed jeqred minn quddiemkom, għaliex ma tkunux smajtu minn leħen Ġeħova l-Alla tagħkom.
9 “Ismaʼ Iżrael, illum int se taqsam il-Ġordan biex tidħol u tieħu l-propjetà taʼ popli akbar u iktar b’saħħithom minnek, bi bliet kbar u ffortifikati sas-sema,* 2 b’nies kbar u twal, l-Għanakin, li fuqhom kont taf u smajt, ‘Min jistaʼ jiħodha kontra t-tfal t’Għanak?’ 3 Għaldaqstant, għandek tkun taf illum li Ġeħova l-Alla tiegħek se jaqsam quddiemek. Hu nar li jeqred, u hu se jġibhom fix-xejn. Hu se jrażżanhom quddiem għajnejk sabiex int tkeċċihom* u teqridhom malajr, bħalma wiegħdek Ġeħova.
4 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek ikeċċihom minn quddiemek, tgħidx f’qalbek, ‘Kien minħabba li jien ġust li Ġeħova daħħalni f’din l-art biex niħodha f’idejja.’ Għax hu minħabba l-ħażen taʼ dawn il-popli li Ġeħova qed ikeċċihom minn quddiemek. 5 Mhuwiex minħabba li int ġust jew l-onestà taʼ qalbek li se tidħol biex tieħu arthom. Imma hu minħabba l-ħażen taʼ dawn il-popli li Ġeħova l-Alla tiegħek qed ikeċċihom minn quddiemek u biex jagħmel dak li Ġeħova ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb. 6 Kun af mela, li mhux minħabba li int ġust li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik din l-art tajba biex tiħodha f’idejk, għax int poplu rasu iebsa.*
7 “Ftakru, u tinsew qatt, kif ġegħeltu lil Ġeħova l-Alla tagħkom jirrabja fid-deżert. Minn dakinhar li ħriġtu mill-art tal-Eġittu sakemm wasaltu f’dan il-post, intom irribellajtu kontra Ġeħova. 8 Anki f’Ħoreb ġegħeltu lil Ġeħova jirrabja, u Ġeħova tant kien irrabjat għalikom li kien lest li jeqridkom għalkollox. 9 Meta tlajt fuq il-muntanja biex nirċievi t-twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt li Ġeħova kien għamel magħkom, jien bqajt fuq il-muntanja 40 jum u 40 lejl mingħajr ma kilt u xrobt. 10 Imbagħad Ġeħova tani ż-żewġ twavel tal-ġebel miktubin b’sebgħu, u fuqhom kien hemm il-kliem kollu li Ġeħova kien qalilkom minn ġon-nar dakinhar li nġbartu fuq il-muntanja. 11 Meta għaddew l-40 jum u l-40 lejl, Ġeħova tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt, 12 u Ġeħova qalli, ‘Inżel malajr minn hawnhekk, għaliex in-nies tiegħek li int ħriġt mill-Eġittu aġixxew b’mod mill-agħar. Huma malajr warrbu mit-triq li kkmandajthom biex jimxu fiha. Għamlu għalihom statwa tal-metall.’* 13 Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Ħarist lejn dan il-poplu u rajt li hu poplu rasu iebsa.* 14 Ħallini ħa neqridhom għalkollox u nħassar isimhom minn taħt is-sema, u ħa nagħmel lilek poplu iktar b’saħħtu u akbar minnhom.’
15 “Imbagħad dort u nżilt mill-muntanja waqt li din kienet qed taqbad bin-nar, u ż-żewġ twavel tal-patt kienu f’idejja t-tnejn. 16 Imbagħad ħarist u rajt li kontu dnibtu kontra Ġeħova l-Alla tagħkom! Għamiltu għalikom barri żgħir tal-metall.* Malajr warrabtu mit-triq li Ġeħova kien ikkmandakom biex timxu fiha. 17 Għalhekk, qbadt iż-żewġ twavel u waddabthom u farrakthom quddiem għajnejkom. 18 Imbagħad inxtħett fl-art quddiem Ġeħova bħall-ewwel darba, għal 40 jum u 40 lejl. La kilt u lanqas xrobt, minħabba d-dnubiet kollha li għamiltu meta għamiltu l-ħażen f’għajnejn Ġeħova u ġegħeltuh jirrabja. 19 Għax jien twerwirt minħabba r-rabja kbira li Ġeħova kellu għalikom. Hu kien lest jeqridkom għalkollox. Madankollu, Ġeħova semagħni f’dan iż-żmien ukoll.
20 “Ġeħova tant kien irrabjat għal Aron li kien lest jeqirdu għalkollox, imma jien tlabt bil-ħniena* għal Aron ukoll dak iż-żmien. 21 Imbagħad ħadt id-dnub tagħkom, il-barri żgħir* li kontu għamiltu, u ħraqtu, farraktu, u tħantu sew sakemm sar fin bħat-trab, u tfajt it-trab fil-wied li kien nieżel mill-muntanja.
22 “F’Tabgħera, f’Massah, u f’Kibrot-ħattawa, intom ukoll ġegħeltu lil Ġeħova jirrabja. 23 Meta Ġeħova ħariġkom minn Kades-barnegħa u qalilkom, ‘Itilgħu u ħudu f’idejkom l-art li żgur li se nagħti lilkom!’ intom erġajtu rribellajtu kontra l-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, u ma wrejtux fidi fih u m’obdejtuhx. 24 Ilkom tirribellaw kontra Ġeħova minn mindu sirt nafkom.
25 “Għalhekk, bqajt ninxteħet fl-art quddiem Ġeħova għal 40 jum u 40 lejl. Dan għamiltu għaliex Ġeħova qal li kien se jeqridkom għalkollox. 26 Jien bdejt nitlob bil-ħniena lil Ġeħova u ngħidlu, ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* teqridx lin-nies tiegħek. Huma l-propjetà persunali* tiegħek, li int fdejt* bil-kobor tiegħek u ħriġt mill-Eġittu b’id b’saħħitha. 27 Ftakar fil-qaddejja tiegħek Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Aħfer ir-ras iebsa taʼ dawn in-nies, il-ħażen, u d-dnub tagħhom. 28 Inkella n-nies tal-art li ħriġtna minnha jgħidu: “Ġeħova ma kellux il-ħila jdaħħalhom fl-art li kien wegħedhom, u minħabba li kien jobgħodhom, ħariġhom biex joqtolhom fid-deżert.” 29 Għax huma l-poplu tiegħek u l-propjetà persunali* tiegħek, li int ħriġt bil-qawwa kbira u bl-id b’saħħitha tiegħek.’
10 “F’dak iż-żmien Ġeħova qalli, ‘Aqtaʼ żewġ twavel tal-ġebel bħal dawk tal-ewwel, u itlaʼ ħdejja fuq il-muntanja. Trid tagħmel ukoll arka* tal-injam. 2 U fuq it-twavel, jien nikteb il-kliem li deher fuq l-ewwel twavel li farrakt int, u għandek tpoġġihom fl-arka.’ 3 Għalhekk, jien għamilt arka mill-injam tal-akaċja u qtajt żewġ twavel bħal dawk tal-ewwel u tlajt fuq il-muntanja biż-żewġ twavel f’idi. 4 Imbagħad Ġeħova kiteb fuq it-twavel il-kliem li kien kiteb qabel, l-Għaxar Kmandamenti,* li Ġeħova kien qalilkom minn ġon-nar dakinhar li nġbartu* fuq il-muntanja; u hu tahomli. 5 Imbagħad jien dort u nżilt mill-muntanja u poġġejt it-twavel fl-arka li kont għamilt, sabiex jibqgħu hemm, bħalma kien ikkmandani Ġeħova.
6 “Imbagħad l-Iżraelin telqu minn Birot Bene-ġagħkan lejn Mosera. Hemmhekk miet u ndifen Aron, u ibnu Elegħażar beda jaqdi bħala qassis minfloku. 7 Minn hemmhekk telqu lejn Gudgoda, u minn Gudgoda lejn Ġotbata, art li fiha widien mimlijin bl-ilma ġieri.
8 “F’dak iż-żmien, Ġeħova għażel lit-tribù taʼ Levi biex iġorr l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, biex jieqaf quddiem Ġeħova ħalli jaqdih, u biex ibierek f’ismu, bħalma għadu jagħmel sal-lum. 9 Huwa għalhekk li Levi m’għandu ebda sehem jew wirt bħal ħutu. Ġeħova hu l-wirt tiegħu, bħalma kien qallu Ġeħova l-Alla tiegħek. 10 Jien stess bqajt fuq il-muntanja bħalma għamilt l-ewwel darba, 40 jum u 40 lejl, u Ġeħova semagħni dik id-darba wkoll. Ġeħova ma riedx jeqirdek. 11 Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Lesti biex titlaq u imxi qabel il-poplu, ħalli jidħlu u jieħdu f’idejhom l-art li ħlift lil missirijiethom li nagħtihom.’
12 “Iżrael, x’qed jitlob minnek Ġeħova l-Alla tiegħek? Dan biss: li tirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħek, li timxi fi triqatu kollha, li tħobbu, li taqdi lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek* kollha, 13 u li tobdi l-kmandamenti u l-liġijiet taʼ Ġeħova li qed nikkmandak illum għall-ġid tiegħek stess. 14 Taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek huma s-sema, saħansitra l-ogħla smewwiet, u l-art u kulma fiha. 15 Imma Ġeħova resaq qrib u esprima l-imħabba tiegħu lejn missirijietek biss, u mill-popli kollha għażel lilkom, id-dixxendenti tagħhom, bħalma intom illum. 16 Issa naddfu* qalbkom u tkomplux twebbsu raskom.* 17 Għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu l-Alla tal-allat u s-Sid tas-sidien, l-Alla l-kbir, b’saħħtu, taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah, li ma juri preferenzi maʼ ħadd u ma jaċċettax tixħim. 18 Hu jara li ssir ġustizzja mal-orfni* u mal-armla, u jħobb lir-resident barrani billi jagħtih x’jiekol u x’jilbes. 19 Intom ukoll tridu tħobbu lir-resident barrani, għax kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.
20 “Lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tirrispetta ħafna,* lilu għandek taqdi, miegħu għandek tintrabat, u b’ismu għandek taħlef. 21 Lilu għandek tfaħħar. Hu l-Alla tiegħek, li għamillek dawn l-affarijiet kbar li jqanqlu l-biżaʼ u r-rispett, li int rajt b’għajnejk stess. 22 Missirijietek niżlu l-Eġittu b’70 ruħ, u issa Ġeħova l-Alla tiegħek għamlek poplu kbir daqs l-istilel tas-sema.
11 “Ħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek u dejjem agħmel dak li jitlob minnek u obdi l-liġijiet, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-kmandamenti tiegħu. 2 Intom tafu li llum qed inkellem lilkom u mhux lit-tfal tagħkom li m’esperjenzawx jew ma rawx id-dixxiplina taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, il-kobor tiegħu, u l-id b’saħħitha u l-qawwa tiegħu. 3 Huma ma rawx is-sinjali tiegħu u dak li għamel fl-Eġittu lill-Fargħun ir-re tal-Eġittu u lil artu kollha; 4 jew dak li għamel lill-armati tal-Eġittu, liż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tal-Fargħun, li għattiehom bl-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar meta kienu qed jiġru warajkom, u li Ġeħova qeridhom darba għal dejjem. 5 Huma ma rawx x’għamel għalikom* fid-deżert sakemm ġejtu f’dan il-post, 6 jew x’għamel lil Datan u lil Abiram, it-tfal t’Eljab bin Ruben, meta l-art infetħet u belgħet lilhom, lin-nies taʼ darhom, it-tined tagħhom, u kull ħaġa ħajja li mxiet warajhom, quddiem għajnejn Iżrael kollu. 7 Intom rajtu b’għajnejkom stess l-affarijiet kbar kollha li għamel Ġeħova.
8 “Obdu l-kmandamenti kollha li qed nagħtikom illum, sabiex issiru poplu b’saħħtu u tidħlu fl-art biex tiħduha f’idejkom, 9 u sabiex tgħixu ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietkom u lil dawk li kienu se jiġu minnhom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.
10 “L-art li se tieħdu f’idejkom mhix bħall-art tal-Eġittu li ħriġtu minnha, fejn kontu tiżirgħu ż-żerriegħa u taħdmu iebes ħafna biex issaqquha,* bħalma ssaqqu ġnien tal-ħxejjex. 11 Imma l-art li daqt sejrin fiha u li se tieħdu hi art bil-muntanji u bil-pjanuri fil-widien. Din tixrob l-ilma li jinżel mis-sema. 12 Din hi art li jieħu ħsiebha Ġeħova l-Alla tiegħek. Għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek huma l-ħin kollu fuqha, matul is-sena kollha.
13 “U jekk tobdu bir-reqqa l-kmandamenti t’Alla* li qed jispjegalkom illum, tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, u taqduh b’qalbkom u b’ruħkom* kollha, 14 hu* wkoll jagħti x-xita lill-għelieqi tagħkom fiż-żmien xieraq, xita tal-ħarifa u xita tar-rebbiegħa, u intom tiġbru ċ-ċereali,* l-inbid ġdid, u ż-żejt tagħkom. 15 U hu jipprovdilkom il-ħaxix fl-għelieqi għall-imrieħel tagħkom, u intom tieklu u tixbgħu. 16 Oqogħdu attenti li ma tħallux lil qalbkom tiżvija u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom. 17 Inkella, Ġeħova jirrabja ħafna magħkom, u jagħlaq is-sema sabiex ma tagħmilx xita u l-art ma tagħtix il-prodott tagħha, u intom malajr tmutu fl-art tajba li Ġeħova qed jagħtikom.
18 “U daħħlu dan il-kliem tiegħi f’qalbkom u f’ruħkom* u orbtuh bħala sinjal m’idkom, u jrid ikun bħala sinjal* fuq moħħkom.* 19 Għallmuh lit-tfal tagħkom billi titkellmu dwaru meta toqogħdu bilqiegħda f’darkom, meta timxu fit-triq, meta timteddu, u meta tqumu. 20 Iktbuh fuq il-koxox tal-bieb taʼ darkom u fuq il-bibien taʼ beltkom, 21 sabiex intom u t-tfal tagħkom tgħixu ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietkom, sakemm is-sema tibqaʼ fuq l-art.
22 “Jekk iżżommu bir-reqqa mal-kmandamenti li qed nagħtikom, tobduhom, tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, timxu fit-triqat kollha tiegħu, u tintrabtu miegħu, 23 Ġeħova jkeċċi lil dawn il-popli kollha minn quddiemkom, u intom tieħdu l-propjetà taʼ popli akbar u aqwa minnkom. 24 Kull post li tirfsu fuqu jsir tagħkom. Il-fruntiera tagħkom tkun mid-deżert sal-Libanu, u mix-Xmara Ewfrat sal-baħar tal-Punent.* 25 Ħadd ma jwaqqafkom. Ġeħova l-Alla tagħkom se jġiegħel lin-nies tal-art kollha li timxu fiha jitkexkxu u jibżgħu minnkom, bħalma wegħedkom.
26 “Illum qed nagħtikom għażla, tistgħu tagħżlu barka jew saħta. 27 Ikollkom il-barka jekk tobdu l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li qed nikkmandakom illum. 28 U jkollkom is-saħta jekk ma tobdux il-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, jekk twarrbu mit-triq li qed nikkmandakom timxu fiha llum, u jekk timxu wara allat li ma tafux.
29 “Meta Ġeħova l-Alla tagħkom idaħħalkom fl-art li se tieħdu f’idejkom, tridu tgħidu x’inhuma l-barkiet lin-nies minn fuq il-Muntanja Geriżim u x’inhuma s-saħtiet lin-nies fuq il-Muntanja Għebal. 30 Dawn qegħdin fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan lejn il-Punent,* fl-art tal-Kangħanin li jgħixu fl-Għaraba, faċċata taʼ Gilgal, ħdejn is-siġar il-kbar taʼ More. 31 Għax intom se taqsmu l-Ġordan biex tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom. Meta tiħduha f’idejkom u tgħixu fiha, 32 qisu li tobdu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha li qed inpoġġi quddiemkom illum.
12 “Dawn huma r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li għandkom tqisu li tobdu sakemm iddumu ħajjin fl-art li Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, se jagħtikom ħalli tkun tagħkom. 2 Għandkom teqirdu għalkollox il-postijiet kollha fejn il-popli li se tieħdu l-propjetà tagħhom qdew lill-allat tagħhom, kemm jekk qegħdin fuq il-muntanji għoljin u kemm jekk qegħdin fuq l-għoljiet jew taħt xi siġra b’saħħitha. 3 U tridu tkissru l-artali tagħhom, tfarrku l-pilastri sagri* tagħhom, taħarqu l-arbli sagri tagħhom fin-nar, u tqaċċtu l-istatwi minquxin tal-allat tagħhom. B’hekk teqirdu isimhom minn dak il-post.
4 “Tqimux lil Ġeħova l-Alla tagħkom bħalma l-popli jqimu lill-allat tagħhom. 5 Minflok, morru fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom biex jiġi mfaħħar ismu, il-post fejn jagħżel li jgħix fost it-tribujiet kollha tagħkom, u qimuh hemmhekk. 6 Hemmhekk għandkom tieħdu l-offerti tal-ħruq, is-sagrifiċċji, l-għaxra fil-100,* l-offerti tal-wegħdi, l-offerti volontarji, l-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ tagħkom, u kull ħaġa oħra li tkunu tridu tagħtu. 7 Intom u n-nies taʼ darkom għandkom tieklu hemmhekk quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom u tifirħu b’kull xogħol li tagħmlu, għaliex Ġeħova l-Alla tagħkom berikkom.
8 “Tagħmlux bħalma qed nagħmlu hawnhekk illum, kulħadd jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejh, 9 għax għadkom ma dħaltux fil-post taʼ mistrieħ u fil-wirt li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom. 10 Meta taqsmu l-Ġordan u tgħixu fl-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom biex tiħduha, hu żgur li jipproteġikom mill-għedewwa kollha taʼ madwarkom, u intom tgħixu fis-sigurtà. 11 Intom tieħdu dak kollu li qed nikkmandakom fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom biex jiġi mfaħħar ismu, jiġifieri l-offerti tal-ħruq, is-sagrifiċċji, l-għaxra fil-100 tagħkom, kull offerta li tagħmlu b’wegħda għal Ġeħova, u kull ħaġa oħra li tkunu tridu tagħtu. 12 Intom se tifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom, flimkien mat-tfal tagħkom subien u bniet, l-ilsiera rġiel u nisa tagħkom, u l-Leviti li qegħdin fil-bliet* tagħkom u li m’għandhom ebda sehem jew wirt magħkom. 13 Oqogħdu attenti li ma toffrux l-offerti tal-ħruq tagħkom f’xi post ieħor li taraw. 14 L-offerti tal-ħruq għandkom toffruhom biss fil-post li jagħżel Ġeħova f’wieħed mit-territorji tat-tribujiet tagħkom, u hemmhekk għandkom tagħmlu kulma qed nikkmandakom.
15 “Madankollu, kull meta tkunu tixtiequ* tieklu l-laħam tistgħu toqtlu wieħed mill-annimali li għandkom, skont il-barka li jkun takom Ġeħova l-Alla tagħkom fil-bliet* kollha tagħkom. Jistaʼ jieklu min mhux nadif u min hu nadif, bħalma kieku tieklu għażżiel jew ċerv. 16 Imma d-demm ma tistgħux tikluh. Għandkom tferrgħuh fl-art bħall-ilma. 17 Ma tistgħux tieklu fil-bliet* tagħkom l-għaxra fil-100 taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, l-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ, xi offerta li tagħmlu b’wegħda, l-offerti volontarji tagħkom, jew il-kontribuzzjoni t’idkom. 18 Dawn għandkom tikluhom quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom—intom, binkom, bintkom, l-ilsir u l-ilsira tagħkom, u l-Levita li qiegħed fil-bliet* tagħkom. U tifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom b’kull xogħol li tagħmlu. 19 Kemm iddumu tgħixu f’artkom qisu li ma tabbandunawx lil-Leviti.
20 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek ikabbar it-territorju tiegħek bħalma wiegħdek, u int tkun tixtieq* tiekol il-laħam, tkun tistaʼ tieklu kull meta tixtieq.* 21 Jekk il-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu jkun ’il bogħod minnek, għandek toqtol ftit mill-baqar jew min-nagħaġ li tak Ġeħova bħalma kkmandajtek, u għandek tiekol il-laħam fil-bliet* tiegħek kull meta tixtieq.* 22 Tistaʼ tieklu bħalma kieku tiekol l-għażżiel u ċ-ċerv. Jistaʼ jieklu kemm min mhux nadif u kemm min hu nadif. 23 Biss kun deċiż b’mod sod li ma tikolx id-demm, għax id-demm hu l-ħajja,* u ma tistax tiekol il-ħajja* mal-laħam. 24 Tiklux. Għandek tferrgħu fl-art bħall-ilma. 25 Tiklux, sabiex int u t-tfal tiegħek tirnexxu, għax int qed tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. 26 Meta tmur fil-post li jagħżel Ġeħova għandek tieħu biss l-affarijiet qaddisin u l-offerti tal-wegħdi tiegħek. 27 Hemmhekk toffri l-offerti tal-ħruq tiegħek, il-laħam u d-demm, fuq l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, u d-demm tas-sagrifiċċji tiegħek għandu jitferraʼ man-naħa t’isfel tal-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, imma l-laħam tistaʼ tieklu.
28 “Qis li tobdi dan il-kliem kollu li qed nikkmandak, sabiex int u t-tfal tiegħek dejjem tkunu mberkin, għax int qed tagħmel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek.
29 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek jeqred il-popli li int se tieħu l-propjetà tagħhom, u tkun qed tgħix f’arthom, 30 oqgħod attent li ma tmurx tinqabad f’nassa wara li jkunu nqerdu għalkollox minn quddiemek. Tistaqsix dwar allathom, u tgħid, ‘Dawn il-popli b’liema mod kienu jaqdu lil allathom? Jien bħalhom se nagħmel.’ 31 Tagħmillux hekk lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għax għal allathom huma jagħmlu kull ħaġa moqżieża li Ġeħova jobgħod, saħansitra jaħarqu lit-tfal tagħhom subien u bniet fin-nar lil allathom. 32 Oqgħod attent li tagħmel kulma qed nikkmandak. La għandek iżżid u lanqas tnaqqas minnu.
13 “Ejja ngħidu li jkun hemm profeta jew xi ħadd li jbassar il-futur permezz tal-ħolm u jagħtik sinjal jew ibassarlek xi ħaġa, 2 u jseħħ is-sinjal jew il-ħaġa li jkun bassar waqt li jgħidlek, ‘Ħa nimxu wara allat oħrajn, allat li ma tafhomx, u ħa naqduhom.’ 3 Int m’għandekx tismaʼ l-kliem taʼ dan il-profeta jew taʼ dak li joħlom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom qed jgħaddikom minn prova biex ikun jaf jekk tħobbux lil Ġeħova l-Alla tagħkom b’qalbkom kollha u b’ruħkom* kollha. 4 Għandkom timxu wara Ġeħova l-Alla tagħkom, lilu għandkom tirrispettaw ħafna,* il-kmandamenti tiegħu għandkom tobdu, kliemu għandkom tisimgħu, hu l-wieħed li għandkom taqdu, u miegħu għandkom iżżommu sod. 5 Imma dak il-profeta jew dak li joħlom għandu jinqatel, għax ikun inkuraġġiekom tirribellaw kontra Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħariġkom mill-art tal-Eġittu u fdiekom* mill-art fejn kontu lsiera, biex ibegħedkom mit-triq li Ġeħova l-Alla tagħkom ikkmandakom biex timxu fiha. U tridu tneħħu l-ħażen minn ġo nofskom.
6 “Ejja ngħidu li ħuk, ibnek, bintek, l-għażiża martek, jew ħabib tal-qalb,* jipprova jħajrek bil-moħbi u jgħidlek, ‘Ejja mmorru naqdu allat oħrajn.’ Dawn huma allat li la int u lanqas missirijietek ma tafu, 7 mill-allat tal-popli taʼ madwarek li huma qrib u ’l bogħod, minn kwalunkwe parti tal-art. 8 Iċċedix għal li jgħidlek u tismax minnu, lanqas m’għandek titħassru, tħenn għalih, jew tipproteġih. 9 Anzi, qis li toqtlu. Int għandek tkun l-ewwel wieħed li twaddablu l-ġebel, u mbagħad iwaddablu l-ġebel il-poplu kollu. 10 U trid tagħmel hekk sakemm imut, għaliex ipprova jbiegħdek minn Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir. 11 Imbagħad Iżrael kollu jismaʼ u jibżaʼ, u ħadd fostok ma jerġaʼ jagħmel ħaġa ħażina bħal din.
12 “Ejja ngħidu li f’waħda mill-bliet li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik biex tgħix fiha, tismagħhom jgħidu 13 li rġiel li mhuma tajbin għal xejn qed jipprovaw ibiegħdu minn Alla lin-nies taʼ belthom billi jgħidu, ‘Ejja naqdu allat oħrajn,’ allat li ma tafhomx. 14 Int trid tfittex dwar il-każ, billi tinvestiga u tistaqsi bir-reqqa. U jekk jiġi kkonfermat li vera saret din il-ħaġa moqżieża fostok, 15 qis li toqtol bix-xabla lil dawk li jgħixu f’din il-belt. Eqred lilha u kulma fiha, anki l-annimali tagħha. 16 Imbagħad iġbor l-affarijiet kollha tagħha f’nofs il-pjazza tagħha u aħraq il-belt, u dawn ikunu bħala offerta sħiħa lil Ġeħova l-Alla tiegħek. Il-belt trid issir ħerba għal dejjem. Qatt m’għandha terġaʼ tinbena. 17 M’għandek tieħu xejn minn dak li hu ddedikat għall-qerda,* sabiex Ġeħova ma jibqax irrabjat miegħek, imma jitħassrek u jurik ħniena, u jkabbar il-poplu tiegħek bħalma ħalef lil missirijietek. 18 Għax int għandek tismaʼ minn Ġeħova l-Alla tiegħek billi tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum, u b’hekk tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek.
14 “Intom it-tfal taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom. Tqattgħux ġisimkom u tqaxxrux is-suf taʼ fuq għajnejkom għal persuna mejta. 2 Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek, u Ġeħova għażlek biex issir il-poplu tiegħu, poplu speċjali* mill-popli kollha fuq wiċċ l-art.
3 “Tiekol ebda ħaġa moqżieża. 4 Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu: il-barri, in-nagħġa, il-mogħża, 5 iċ-ċerv, l-għażżiel, iċ-ċerv żgħir, il-mogħża salvaġġa, l-antilop, in-nagħġa salvaġġa, u n-nagħġa tal-muntanji. 6 Tistgħu tieklu kull annimal li għandu d-difer maqsum għalkollox fi tnejn u li jixtarr.* 7 Imma m’għandkomx tieklu minn dawn l-annimali li jixtarru jew li għandhom qasma fid-dwiefer: il-ġemel, il-fenek salvaġġ, u l-fenek tad-deżert, għax għalkemm jixtarru, m’għandhomx qasma fid-dwiefer. Dawn mhumiex nodfa għalikom. 8 Il-ħanżir ukoll, għax għalkemm għandu qasma fid-dwiefer, ma jixtarrx. Mhuwiex nadif għalikom. Tiklux il-laħam tagħhom jew tmissu l-ġisem mejjet tagħhom.
9 “Minn kulma jgħix fl-ilmijiet, tistgħu tieklu kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur.* 10 Imma tieklu xejn li m’għandux ġwienaħ u qxur. Mhux nadif għalikom.
11 “Tistgħu tieklu kull għasfur nadif. 12 Imma dawn ma tistgħux tikluhom: l-ajkla, l-arpa, l-avultun iswed, 13 l-astun aħmar, l-astun iswed, kull tip t’astun, 14 kull tip taʼ ċawlun, 15 in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, kull tip taʼ seqer, 16 il-kokka żgħira, il-kokka tal-qrun, iċ-ċinju, 17 il-pellikan, l-avultun, il-margun, 18 iċ-ċikonja, kull tip taʼ russett, id-daqquqa tat-toppu, u l-farfett il-lejl. 19 Kull insett bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ wkoll mhux nadif għalikom. M’għandkomx tikluh. 20 Tistgħu tieklu kull ħliqa nadifa li ttir.
21 “Tiekol ebda annimal li jinstab mejjet. Tistaʼ tagħtih lir-resident barrani li qiegħed fil-bliet* tiegħek għax hu jistaʼ jieklu, jew tistaʼ tbigħu lil barrani. Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
“Tgħallix gidi f’ħalib ommu.
22 “Qis li tagħti għaxra fil-100* minn kulma tipproduċi ż-żerriegħa tiegħek fl-għelieqi minn sena għal sena. 23 Int tiekol l-għaxra fil-100 taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, u tal-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ tiegħek quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu, sabiex titgħallem tirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħek dejjem.
24 “Issa jekk il-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel għal ismu jkun ’il bogħod wisq minnek u l-vjaġġ ikun twil wisq għalik, u ma tkunx tistaʼ ġġorr kollox miegħek hemm peress li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun bierkek, 25 tkun tistaʼ ssarraf kollox fi flus, tpoġġihom f’basket, u tiħodhom miegħek lejn il-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek. 26 Imbagħad tkun tistaʼ tonfoq il-flus fuq kulma tkun tixtieq*—baqar, nagħaġ, mogħoż, inbid, xorb alkoħoliku ieħor, u kulma jogħġbok;* u tiekol hemmhekk quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek u tifraħ flimkien man-nies taʼ darek. 27 Tabbandunax il-Leviti li qegħdin fi blietek, għax m’għandhom ebda sehem jew wirt miegħek.
28 “Fit-tmiem taʼ kull tliet snin, għandek toħroġ l-għaxra fil-100 tal-prodott tiegħek taʼ dik is-sena u tqegħedha fi blietek. 29 Imbagħad il-Levita, li m’għandu ebda sehem jew wirt miegħek, ir-resident barrani, l-orfni,* u l-armla, li qegħdin fi blietek, jiġu u jieklu sa ma jixbgħu, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kulma tagħmel.
15 “Wara kull sebaʼ snin, għandek tagħti ħelsien. 2 Dan hu t-tip taʼ ħelsien: Min jislef għandu jeħles lil Iżraeli ieħor mid-dejn li jkun daħal fih. M’għandux jinsisti biex iħallsu, għax tħabbar ħelsien bil-kmand taʼ Ġeħova. 3 Int tistaʼ tinsisti biex il-barrani jħallsek, imma għandek taħfer id-dejn kollu li ħuk għandu miegħek. 4 Madankollu, ħadd minnkom m’għandu jsir fqir, għax Ġeħova żgur li se jbierkek fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk. 5 Dan se jagħmlu jekk tobdi bir-reqqa lil Ġeħova l-Alla tiegħek u toqgħod attent li tobdi dawn il-kmandamenti kollha li qed nagħtik illum. 6 Għax Ġeħova l-Alla tiegħek se jbierkek bħalma wiegħdek, u int issellef lil ħafna popli, imma ma jkollokx għalfejn tissellef. Int tiddomina lil ħafna popli, imma huma ma jiddominawkx.
7 “Jekk xi ħadd minn ħutek isir fqir f’waħda mill-bliet tiegħek fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik, tkunx bla qalb jew idek magħluqa* maʼ ħuk il-fqir. 8 Għax għandek tkun idek miftuħa miegħu b’mod ġeneruż u tisilfu dak li għandu bżonn jew jonqsu. 9 Oqgħod attent li ma jkollokx din l-idea ħażina f’qalbek, ‘Is-sebaʼ sena, is-sena tal-ħelsien, qorbot,’ u għalhekk ma tkunx ġeneruż maʼ ħuk il-fqir u ma tagħtih xejn. Jekk jgħajjat lil Ġeħova u jakkużak, dan ikun dnub min-naħa tiegħek. 10 Għandek tagħtih b’mod ġeneruż u mhux b’nofs qalb, għax hu minħabba f’hekk li Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek xogħlok u kulma tagħmel. 11 Għax dejjem se jkun hemm nies foqra fl-art. Huwa għalhekk li qed nikkmandak, ‘Għandek tkun idek miftuħa b’mod ġeneruż maʼ ħuk li jkun batut u fqir f’artek.’
12 “Jekk xi ħadd minn ħutek, Lhudi jew Lhudija, jinbiegħ lilek u jkun qdiek għal sitt snin, fis-sebaʼ sena għandek teħilsu. 13 U meta teħilsu, tibagħtux b’idu vojta. 14 Għandek tagħtih b’mod ġeneruż xi ħaġa mill-merħla, mill-prodott tal-għelieqi, miż-żejt taż-żebbuġa, u mill-inbid tiegħek. Għandek tagħtih skont kemm Ġeħova l-Alla tiegħek bierek lilek. 15 Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu u li Ġeħova l-Alla tiegħek fdiek.* Huwa għalhekk li llum qed nikkmandak tagħmel dan.
16 “Imma jekk hu jgħidlek li ma jridx jitlaq minn miegħek għax iħobb lilek u lin-nies taʼ darek, peress li kien kuntent kemm dam miegħek, 17 ħudu ħdejn il-bieb u taqqablu widintu b’xifa, u hu jsir l-ilsir tiegħek ħajtu kollha. Għandek tagħmel l-istess lill-ilsira tiegħek. 18 Tqisx li hi xi ħaġa inġusta li teħilsu u jitilqek, għaliex is-servizz li tak għal sitt snin kien jiswa d-doppju taʼ dak taʼ ħaddiem mikri, u Ġeħova l-Alla tiegħek bierkek f’kulma sar.
19 “Int għandek tqaddes għal Ġeħova l-Alla tiegħek kull l-ewwel ferħ raġel mill-imrieħel tal-baqar u n-nagħaġ tiegħek. Tagħmel ebda xogħol bl-ewwel ferħ tal-imrieħel tal-baqar* u lanqas taqtaʼ s-suf tal-ewwel ferħ tal-imrieħel tan-nagħaġ tiegħek. 20 Int u n-nies taʼ darek għandkom tikluh quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom minn sena għal sena fil-post li jagħżel Ġeħova. 21 Imma jekk ikollu xi difett, ikun zopp, agħmi, jew ikollu xi difett serju ieħor, toffrihx lil Ġeħova l-Alla tiegħek. 22 Għandek tieklu fil-bliet* tiegħek, kemm il-persuna mhix nadifa u kemm dik nadifa, bħallikieku kien għażżiel jew ċerv. 23 Imma m’għandekx tiekol demmu. Għandek tferrgħu fl-art bħall-ilma.
16 “Ftakar li x-xahar taʼ Abib* hu importanti, u ċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għax fix-xahar taʼ Abib, Ġeħova l-Alla tiegħek ħarġek mill-Eġittu billejl. 2 U offri s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova l-Alla tiegħek min-nagħaġ u mill-baqar fil-post li jagħżel Ġeħova biex jiġi mfaħħar ismu. 3 Mas-sagrifiċċju tiekol xejn li fih il-ħmira. Għal sebat ijiem għandek tiekol ħobż bla ħmira, il-ħobż tat-tbatija, għax int ħriġt mill-art tal-Eġittu bl-għaġla. Agħmel dan biex kemm iddum ħaj tiftakar fil-jum li ħriġt mill-art tal-Eġittu. 4 Ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fit-territorju kollu tiegħek għal sebat ijiem, u ebda laħam li toffri bħala sagrifiċċju filgħaxija fl-ewwel jum m’għandu jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu. 5 Ma tistax toffri s-sagrifiċċju tal-Qbiż fi kwalunkwe belt li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. 6 Imma għandek toffrih fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek biex jiġi mfaħħar ismu. Għandek toffri s-sagrifiċċju tal-Qbiż filgħaxija malli tinżel ix-xemx, fiż-żmien stabbilit li ħriġt mill-Eġittu. 7 U sajru u kulu fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek, u filgħodu tkun tistaʼ tmur lura lejn it-tined tiegħek. 8 Għal sitt ijiem għandek tiekol ħobż bla ħmira, u fis-sebaʼ jum ikun hemm assemblea speċjali għal Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol.
9 “Għandek tgħodd sebaʼ ġimgħat. Tibda tgħodd sebaʼ ġimgħat mill-ewwel darba li taħsad iċ-ċereali* fl-għalqa. 10 Imbagħad iċċelebra l-Festa tal-Ġimgħat lil Ġeħova l-Alla tiegħek bl-offerta volontarja minn idek, mogħtija skont il-barka li jkun tak Ġeħova l-Alla tiegħek. 11 U ifraħ quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, flimkien m’ibnek, bintek, l-ilsir tiegħek, l-ilsira tiegħek, il-Levita li qiegħed fil-bliet* tiegħek, ir-resident barrani, l-orfni,* u l-armla, li qegħdin f’nofsok, fil-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu. 12 Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu, u obdi bir-reqqa dawn ir-regoli.
13 “Għandek tiċċelebra l-Festa tal-Għerejjex* għal sebat ijiem meta tiġbor mill-prodott tal-għelieqi, miż-żejt taż-żebbuġa, u mill-inbid tiegħek. 14 Ifraħ matul il-festa tiegħek, flimkien m’ibnek, bintek, l-ilsir tiegħek, l-ilsira tiegħek, il-Levita, ir-resident barrani, l-orfni, u l-armla, li qegħdin fil-bliet tiegħek. 15 Għandek tiċċelebra l-festa lil Ġeħova l-Alla tiegħek għal sebat ijiem fil-post li jagħżel Ġeħova, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek il-prodott kollu tiegħek u kulma tagħmel, u ħlief ferħ ma jkollokx.
16 “Tliet darbiet fis-sena, l-irġiel kollha tiegħek għandhom jidhru quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel: fil-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, fil-Festa tal-Ġimgħat, u fil-Festa tal-Għerejjex.* Ħadd minnhom m’għandu jidher quddiem Ġeħova b’idu vojta. 17 Ir-rigal li kull wieħed iġib għandu jkun skont il-barka li jkun tah Ġeħova l-Alla tiegħek.
18 “Għandek tinkariga mħallfin u uffiċjali għal kull tribù fil-bliet kollha* li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik, u dawn iridu jiġġudikaw lin-nies b’ġudizzju ġust. 19 M’għandekx tgħawweġ il-ġustizzja, turi preferenzi, jew taċċetta tixħim, għax it-tixħim jagħmi għajnejn l-għorrief u jgħawweġ il-kliem tan-nies sewwa. 20 Tfittex xejn ħlief il-ġustizzja, sabiex tibqaʼ ħaj u tieħu f’idejk l-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek.
21 “Tħawwel ebda tip taʼ siġra bħala arblu sagru* ħdejn l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek li tagħmel għalik.
22 “Lanqas m’għandek twaqqaf għalik pilastru sagru, xi ħaġa li Ġeħova l-Alla tiegħek jobgħod.
17 “Lil Ġeħova l-Alla tiegħek toffrilux barri jew nagħġa li jkollha difett jew xi ħaġa ħażina, għax din tkun moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
2 “Ejja ngħidu li f’xi waħda mill-bliet li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek ikun hemm xi ħadd, raġel jew mara, li jipprattika dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek u jikser il-patt tiegħu, 3 u dan jiżvija u jqim u jmil quddiem allat oħrajn, quddiem ix-xemx, il-qamar, jew l-istilel, xi ħaġa li jien ma kkmandajtx. 4 Meta jgħidulek b’dan jew tismaʼ bih, int għandek tinvestiga l-każ sew. Jekk jiġi kkonfermat li din il-ħaġa moqżieża vera tkun saret f’Iżrael, 5 oħroġ lil dak li jkun għamel din il-ħaġa ħażina mill-bibien taʼ beltek, u trid twaddablu l-ġebel sakemm imut. 6 Dan għandu jinqatel skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta. Ma jinqatilx skont ix-xhieda taʼ persuna waħda. 7 Dawk li jkunu xhieda għandhom ikunu l-ewwel li jwaddbulu l-ġebel biex joqtluh, u mbagħad ikompli jwaddablu l-ġebel il-poplu kollu. Int trid tneħħi dak li hu ħażin minn nofsok.
8 “Jekk f’waħda mill-bliet tiegħek ikun hemm każ li jkun diffiċli wisq għalik biex tiġġudikah, kemm jekk ikun każ taʼ qtil, kawża legali, att vjolenti, u kemm jekk ikunu każijiet oħra taʼ nuqqas taʼ qbil, għandek tmur lejn il-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek. 9 Mur għand il-qassisin Leviti u għand l-imħallef li jkun qed jaqdi dak iż-żmien, u staqsihom dwar il-każ u jagħtuk id-deċiżjoni. 10 Imbagħad agħmel skont id-deċiżjoni li jagħtuk mill-post li jagħżel Ġeħova. Qis li tagħmel skont kulma jgħidulek. 11 Għandek tagħmel skont il-liġi li juruk u skont id-deċiżjoni li jgħidulek. Twarrabx mid-deċiżjoni li jagħtuk, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. 12 Ir-raġel prużuntuż li ma jismax mill-qassis li qed jaqdi lil Ġeħova l-Alla tiegħek jew mill-imħallef, għandu jmut. Int trid tneħħi dak li hu ħażin minn Iżrael. 13 Imbagħad, in-nies kollha jisimgħu u jibżgħu, u ma jkunux prużuntużi iktar.
14 “Meta tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek u tkun ħadtha f’idejk u tkun qed tgħix fiha, u tgħid, ‘Ħa ninkariga re fuqi bħall-popli kollha taʼ madwari,’ 15 qis li tinkariga re li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek. Għandek tagħżel re mill-poplu tiegħek. Ma tistax tagħżel barrani li mhuwiex mill-poplu tiegħek. 16 Madankollu, hu m’għandux jakkwista ħafna żwiemel għalih jew iġiegħel lin-nies imorru lura l-Eġittu sabiex iġibu iktar żwiemel, għax Ġeħova qalilkom, ‘Qatt m’għandkom tmorru lura l-Eġittu.’ 17 Lanqas m’għandu jiżżewweġ ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minni. U m’għandux jakkwista ammonti kbar taʼ fidda u deheb. 18 Meta jsir re, irid jikteb għalih kopja taʼ din il-Liġi fi ktieb.* Għandu jikkopjaha mil-Liġi li qiegħda għand il-qassisin Leviti.
19 “Din trid tibqaʼ għandu, u jrid jaqra minnha l-jiem kollha taʼ ħajtu, sabiex jitgħallem jirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħu u jobdi l-kliem kollu taʼ din il-Liġi u dawn ir-regoli billi jagħmilhom. 20 B’hekk qalbu ma titkabbarx fuq ħutu, u ma jwarrabx mill-kmandamenti, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, biex b’hekk jibqaʼ żmien twil imexxi, hu u t-tfal tiegħu f’nofs Iżrael.
18 “Il-qassisin Leviti u t-tribù kollu taʼ Levi mhu se jkollhom ebda sehem jew wirt bħal Iżrael. Huma jieklu mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova, is-sehem tiegħu. 2 Għalhekk, m’għandu jkollhom ebda wirt f’nofs ħuthom. Ġeħova hu l-wirt tagħhom, bħalma qalilhom.
3 “Issa dan għandu jkun is-sehem li l-qassisin jirċievu mingħand il-poplu: Kull min joffri sagrifiċċju, sew jekk mill-barrin u sew jekk min-nagħaġ, irid jagħti lill-qassis l-ispalla, ix-xedaq, u l-istonku. 4 Għandek tagħtih l-ewwel prodott taċ-ċereali* tiegħek, tal-inbid ġdid tiegħek, taż-żejt tiegħek, u l-ewwel suf li taqtaʼ mill-merħla tiegħek. 5 Ġeħova l-Alla tiegħek għażel lilu u lit-tfal tiegħu mit-tribujiet kollha tiegħek biex jaqdu f’isem Ġeħova għal dejjem.
6 “Imma jekk Levita jitlaq minn waħda mill-bliet tiegħek f’Iżrael fejn kien qed jgħix u jkun jixtieq imur fil-post li Ġeħova jagħżel,* 7 hu jkun jistaʼ jaqdi hemm f’isem Ġeħova l-Alla tiegħu bħal ħutu l-Leviti kollha li jkunu qed jaqdu hemmhekk quddiem Ġeħova. 8 Hu jirċievi sehem mill-ikel daqs l-oħrajn, minbarra dak li jaqlaʼ mill-bejgħ tal-ġid taʼ missirijietu.
9 “Meta tkun dħalt fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, tipprovax timita l-prattiki moqżieża taʼ dawk il-popli. 10 M’għandux ikun hemm fostkom xi ħadd li jaħraq fin-nar* lil ibnu jew lil bintu, li jeħber, li jagħmel il-maġija, li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur, xi saħħar, 11 xi ħadd li jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor, li jikkonsulta maʼ medjum tal-ispirti jew maʼ min jaqra x-xorti, jew li jistħarreġ dwar il-mejtin. 12 Għax kull min jagħmel dawn l-affarijiet ikun moqżież għal Ġeħova, u minħabba dawn il-prattiki moqżieża Ġeħova l-Alla tiegħek qed ikeċċi lil dawn il-popli minn quddiemek. 13 Għandek turi li int bla ħtija quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek.
14 “Għax dawn il-popli li qed tiħdilhom il-propjetà tagħhom kienu jisimgħu minn dawk li jagħmlu l-maġija u li jeħbru, imma Ġeħova l-Alla tiegħek ma jħallikx tagħmel hekk. 15 Ġeħova l-Alla tiegħek se jagħtik minn fost ħutek profeta bħali. Għandek tismaʼ minnu. 16 Dan hu bi tweġiba għal dak li tlabt lil Ġeħova l-Alla tiegħek dakinhar li nġbart f’Ħoreb meta għedt, ‘Tħallinix nismaʼ leħen Ġeħova l-Alla tiegħi jew nara iktar dan in-nar kbir, għax inkella mmut.’ 17 Imbagħad Ġeħova qalli, ‘Dak li qalu hu tajjeb. 18 Se nagħtihom profeta bħalek minn fost ħuthom, u jien ngħidlu kliemi, u hu jgħidilhom kulma nikkmandah. 19 U min ma jismax minn kliemi li hu jgħid f’ismi, jien żgur li nitlob kont minnu.
20 “‘Jekk profeta bi prużunzjoni jgħid xi ħaġa f’ismi li ma kkmandajtux jgħid jew jitkellem f’isem allat oħrajn, għandu jmut. 21 Madankollu, forsi tgħid f’qalbek: “Kif se nkunu nafu li mhux Ġeħova qal dan il-kliem?” 22 Meta l-profeta jitkellem f’isem Ġeħova u dak li jgħid ma jseħħx, dan il-kliem ma jkunx qalu Ġeħova. Ikun qalu l-profeta bi prużunzjoni. Tibżax minnu.’
19 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek jeqred il-popli li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik arthom, u int tkun ħadtilhom il-propjetà tagħhom u tkun qed tgħix fi bliethom u fi djarhom, 2 agħżel tlett ibliet għalik f’nofs artek li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk. 3 Aqsam fi tlieta t-territorju tal-art li tak Ġeħova l-Alla tiegħek, u pprepara t-toroq biex kull min joqtol ikun jistaʼ jaħrab f’waħda minn dawn il-bliet.
4 “Dak li joqtol ikun jistaʼ jaħrab hemm biex jgħix jekk ikun ta daqqa bi żball lil sieħbu li ma kienx jobogħdu qabel. 5 Pereżempju, jekk imur fil-foresta maʼ sieħbu biex jiġbor l-injam, u jgħolli l-mannara biex jaqtaʼ siġra, imma l-ħadida tal-mannara ttir minn mal-manku u tolqot lil sieħbu u jmut, dak li jkun qatel għandu jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet ħalli jibqaʼ ħaj. 6 Imma li kieku t-triq lejn il-belt tkun twila wisq, dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, f’mument taʼ rabja* jistaʼ jitlaq jiġri wara dak li jkun qatel, jilħqu, u joqtlu. Madankollu, ma jkunx jistħoqqlu jmut għaliex ma kienx jobgħod lil sieħbu qabel. 7 Huwa għalhekk li qed nikkmandak biex tagħżel tlett ibliet.
8 “Ġeħova l-Alla tiegħek se jkabbar it-territorju tiegħek bħalma ħalef lil missirijietek u jagħtik l-art kollha li wegħedhom. 9 Imma biex jiġri dan, int għandek tobdi b’lealtà l-kmandamenti kollha li qed nagħtik illum. Dan ifisser li għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek u dejjem timxi fi triqatu. Imbagħad meta jkollok iktar art, żid tlett ibliet oħrajn taʼ refuġju. 10 B’dan il-mod, ma jixxerred ebda demm taʼ nies innoċenti fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, u ma tkunx ħati tal-mewt taʼ xi ħadd.
11 “Imma jekk raġel ikun jobgħod lil sieħbu, u kien qed ifittex opportunità biex joqtlu u tah daqqa u miet, u r-raġel jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet, 12 l-anzjani* taʼ beltu jridu jibagħtu għalih minn hemmhekk u jagħtuh f’idejn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u għandu jmut. 13 M’għandekx titħassru. B’hekk Iżrael ma jkunx ħati taʼ qtil taʼ xi ħadd innoċenti, u tirnexxi.
14 “Meta tirċievi l-wirt tiegħek fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk, tressaqx il-marka tal-fruntiera tal-ġar tiegħek mill-post fejn l-antenati jkunu għamlu l-fruntieri.
15 “Xhud wieħed m’għandux jikkundanna* lil xi ħadd għal xi żball jew dnub li għandu mnejn għamel. Il-kwistjoni għandha tiġi stabbilita skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta. 16 Jekk xhud li jippjana l-ħsara kontra raġel jixhed kontrih u jakkużah li kiser il-liġi, 17 dawn iż-żewġt irġiel li jkollhom l-argument iridu jmorru quddiem Ġeħova, jiġifieri quddiem il-qassisin u l-imħallfin li jkunu qed jaqdu dak iż-żmien. 18 L-imħallfin iridu jinvestigaw sew, u jekk ix-xhud ikun gideb u jkun akkuża lil ħuh b’mod falz, 19 agħmlulu bħalma kellu f’moħħu li jagħmel lil ħuh. Tridu tneħħu dak li hu ħażin minn ġo nofskom. 20 Il-bqija tan-nies se jisimgħu u jibżgħu, u qatt ma jerġgħu jagħmlu xi ħaġa ħażina bħal din f’nofsok. 21 M’għandekx titħassru. Għandek tagħti ħajja għal ħajja, għajn għal għajn, sinna għal sinna, id għal id, u sieq għal sieq.
20 “Jekk tmorru għall-battalja kontra l-għedewwa tagħkom u taraw li għandhom iktar żwiemel, karrijiet tal-gwerra, u suldati minnkom, tibżgħux minnhom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom li tellagħkom mill-art tal-Eġittu qiegħed magħkom. 2 Meta tkunu wasaltu biex tmorru għall-battalja, il-qassis irid jersaq u jkellem lis-suldati. 3 Irid jgħidilhom, ‘Ismaʼ Iżrael, daqt se tmorru għall-battalja kontra l-għedewwa tagħkom. Taqtgħux qalbkom. Tibżgħux, titwerwrux, u tirtogħdux minħabba fihom, 4 għax Ġeħova l-Alla tagħkom qed jimmarċja magħkom biex jiġġieled għalikom kontra l-għedewwa tagħkom u jsalvakom.’
5 “Anki l-uffiċjali jridu jkellmu lis-suldati, u jgħidulhom, ‘Jekk xi ħadd bena dar ġdida u ma bediex jgħix fiha, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jgħix fiha raġel ieħor. 6 Jekk xi ħadd ħawwel għalqa dwieli u ma bediex jaħsad il-frott, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jaħsad il-frott raġel ieħor. 7 Jekk xi ħadd tgħarras mara u ma żżewwiġhiex, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jiżżewwiġha raġel ieħor.’ 8 L-uffiċjali jridu jgħidulhom ukoll, ‘Min qed jibżaʼ u jaqtaʼ qalbu, għandu jmur lura lejn daru, sabiex ma jaqtax qalb ħutu bħalma għamel hu.’ 9 Meta l-uffiċjali jkunu spiċċaw ikellmuhom, iridu jinkarigaw kapijiet tal-armati biex imexxu s-suldati.
10 “Jekk toqrob lejn belt biex tiġġieled kontriha, l-ewwel trid tgħid lin-nies tagħha l-kundizzjonijiet għal ftehim taʼ paċi. 11 Jekk jaċċettaw il-kundizzjonijiet tiegħek u jiftħulek il-bieb tal-belt tagħhom, in-nies kollha li hemm fiha jsiru tiegħek biex jagħmlu xogħol taʼ bilfors u jaqdu lilek. 12 Imma jekk ma jaċċettawx li jagħmlu paċi miegħek u minflok jiggwerraw kontrik, trid tassedja l-belt tagħhom, 13 u Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li jagħtihielek f’idek, u trid toqtol lil kull raġel li hemm fiha bix-xabla. 14 Madankollu, in-nisa, it-tfal, l-imrieħel, u kulma hemm fil-belt, tistaʼ tiħodhom għalik, u tistaʼ tuża l-affarijiet kollha tal-għedewwa tiegħek li tak Ġeħova l-Alla tiegħek.
15 “Hekk għandek tagħmlilhom il-bliet kollha li huma ’l bogħod ħafna minnek u li mhumiex taʼ dawn il-popli li huma viċin. 16 Imma fil-bliet taʼ dawn il-popli, li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, m’għandek tħalli lil ħadd ħaj.* 17 Minflok, għandek teqridhom għalkollox, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek. 18 B’hekk ma jgħallmukomx tagħmlu l-prattiki moqżieża kollha tagħhom li għamlu għal allathom, u jġegħlukom tidinbu kontra Ġeħova l-Alla tagħkom.
19 “Jekk tassedja belt u tiħodha f’idejk wara li tiġġieled kontriha għal ħafna jiem, m’għandekx teqred is-siġar tagħha bil-mannara. Tistaʼ tiekol minnhom, imma tqaċċathomx. Għala għandek teqred siġra bħalma kieku tagħmel lil bniedem? 20 Tistaʼ teqred biss siġra li taf li mhix tal-ikel. Tistaʼ tqaċċatha u tibni strutturi tal-assedju kontra l-belt li qed tiggwerra kontrik, sakemm tiħodha f’idejk.
21 “Jekk jinstab xi ħadd maqtul f’għalqa fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk u ma jkunux jafu min qatlu, 2 l-anzjani* u l-imħallfin tiegħek joħorġu u jkejlu d-distanza mill-ġisem mejjet sal-bliet li qegħdin madwaru. 3 Imbagħad l-anzjani tal-belt li hi l-eqreb tal-ġisem mejjet għandhom jieħdu mill-merħla baqra żgħira li qatt ma jkunu ħadmu biha u qatt ma ġibdet madmad, 4 u jiħduha lejn wied bl-ilma ġieri fejn l-art ma tinħadimx u ma tinżerax, u għandhom jiksru għonq il-baqra żgħira fil-wied.
5 “U l-qassisin Leviti jridu jkunu hemm ukoll għax Ġeħova l-Alla tiegħek għażilhom biex jaqduh u biex ibierku f’isem Ġeħova. Huma jiddikjaraw kif għandu jissolva kull argument li jinvolvi l-vjolenza. 6 Imbagħad l-anzjani kollha tal-belt li hi l-eqreb tal-ġisem mejjet tal-persuna għandhom jaħslu jdejhom fuq il-baqra żgħira, li kisrulha għonqha fil-wied, 7 u għandhom jiddikjaraw, ‘Idejna ma xerrdux dan id-demm u għajnejna ma rawhx jixxerred. 8 Ġeħova titlobx kont taʼ dan mill-poplu tiegħek Iżrael, li lilu fdejt,* u eħilsu mill-ħtija taʼ qtil* taʼ persuna innoċenti.’ Imbagħad huma ma jintalbux jagħtu kont tal-qtil. 9 B’dan il-mod tneħħi l-ħtija taʼ qtil taʼ persuna innoċenti minn nofsok billi tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.
10 “Jekk toħroġ għall-gwerra kontra l-għedewwa tiegħek u Ġeħova l-Alla tiegħek jirbħilhom għalik u int tiħodhom fil-jasar, 11 u tara fost l-ilsiera mara sabiħa u tinġibed lejha u tkun trid tiżżewwiġha, 12 int tkun tistaʼ ddaħħalha f’darek. Hi mbagħad trid tqaxxar xagħarha, taqtaʼ difrejha, 13 tneħħi l-ilbies tal-jasar tagħha, u tgħix f’darek. Hi tibki lil missierha u lil ommha għal xahar sħiħ, u wara jistaʼ jkollok x’taqsam magħha. Int issir żewġha u hi ssir martek. 14 Imma jekk ma tkunx kuntent biha, għandek tħalliha titlaq fejn tixtieq hi. Imma ma tistax tbigħha jew tittrattaha bl-aħrax, ladarba tkun umiljajtha.
15 “Jekk raġel ikollu żewġ nisa, u jkun iħobb waħda iktar mill-oħra* u jkollu t-tfal mit-tnejn li huma u l-ewwel tifel ikun taʼ dik inqas maħbuba, 16 dakinhar li jagħti l-wirt lit-tfal tiegħu, hu ma jistax jittratta lit-tifel tal-maħbuba bħala l-ewwel imwieled tiegħu, u b’hekk imur minn taħt it-tifel taʼ dik inqas maħbuba, li hu l-ewwel imwieled. 17 Hu għandu jirrikonoxxi lit-tifel taʼ dik inqas maħbuba bħala l-ewwel imwieled billi jagħtih sehem doppju taʼ kulma għandu, għaliex dan hu l-ewwel tifel tiegħu.* Id-dritt tal-ewwel imwieled hu tiegħu.
18 “Jekk raġel ikollu tifel ribelluż, rasu iebsa, ma jobdix lilu jew lil ommu, u ma semax minnhom għalkemm ipprovaw jikkoreġuh, 19 missieru u ommu jridu jaqbduh u jiħduh għand l-anzjani f’bieb il-belt tiegħu, 20 u jgħidulhom, ‘Dan it-tifel ribelluż, rasu iebsa, u ma jridx jobdina. Hu għandu l-vizzju li jiekol iżżejjed u sakranazz.’ 21 Imbagħad l-irġiel kollha tal-belt tiegħu jridu jwaddbulu l-ġebel sakemm imut. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok, u Iżrael kollu jismaʼ u jibżaʼ.
22 “Jekk raġel jagħmel dnub li jistħoqqlu l-mewt, u jinqatel, u int iddendlu maʼ zokk, 23 il-ġisem tiegħu m’għandux jibqaʼ l-lejl kollu mdendel maz-zokk. Minflok qis li tidfnu dakinhar stess, għaliex min jiġi mdendel ikun xi ħaġa misħuta minn Alla. Int m’għandekx tniġġes l-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt.
22 “Jekk tara l-barri jew in-nagħġa taʼ ħuk mitlufa, m’għandekx tagħmel tabirruħek li ma rajthiex. Qis li tiħodha lura għand ħuk. 2 Imma jekk ħuk ma jkunx joqgħod qrib tiegħek jew ma tkunx tafu, ħu l-annimal għandek, u jibqaʼ għandek sakemm ifittxu ħuk. Imbagħad għandek tagħtihulu lura. 3 Hekk għandek tagħmel bil-ħmar, bil-ħwejjeġ, u b’kull ħaġa li jitlef ħuk u ssibha int. Ma tistax tagħmel tabirruħek li ma rajthomx.
4 “Jekk tara l-ħmar taʼ ħuk jew il-barri tiegħu jaqaʼ fl-art, m’għandekx tagħmel tabirruħek li ma rajtux. Qis li tgħinu jqajjem l-annimal.
5 “Mara m’għandhiex tilbes il-ħwejjeġ taʼ raġel, u raġel m’għandux jilbes il-ħwejjeġ taʼ mara. Għax kull min jagħmel hekk ikun moqżież għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
6 “Jekk mat-triq issib bejta għasafar bil-frieħ jew bil-bajd, kemm f’xi siġra jew fl-art, u l-omm tkun qiegħda fuq il-frieħ jew fuq il-bajd, tiħux l-omm flimkien mal-frieħ. 7 Qis li titlaq l-omm, imma l-frieħ tistaʼ tiħodhom. Agħmel hekk sabiex tirnexxi u tgħix ħajja twila.
8 “Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mad-dawra tal-bejt tiegħek, sabiex int u l-familja ma tkunux ħatjin* jekk xi ħadd jaqaʼ u jmut.
9 “Fl-għalqa tad-dwieli tiegħek tiżrax prodott ieħor. Inkella kull ħaġa li tipproduċi l-għalqa għandu jingħata lis-santwarju.
10 “Taħratx b’barri u bi ħmar flimkien.
11 “Tilbisx ħwejjeġ magħmulin mis-suf u l-għażel flimkien.
12 “Għandek tagħmel il-ġmiemen fl-erbaʼ kantunieri tal-ilbies tiegħek.
13 “Jekk raġel jiżżewweġ mara u jkollu x’jaqsam magħha, imma mbagħad isir jobgħodha* 14 u jakkużaha bi mġiba ħażina u jġib isem ħażin fuqha billi jgħid, ‘Ħadt lil din il-mara, imma meta kelli x’naqsam magħha ma sibtx evidenza li kienet verġni,’ 15 missier u omm it-tfajla jridu jġibu l-evidenza tal-verġinità tat-tfajla għand l-anzjani* f’bieb il-belt. 16 Missier it-tfajla jrid jgħid lill-anzjani, ‘Jien tajt lil binti lil dan ir-raġel bħala martu, imma hu jobgħodha* 17 u qed jakkużaha bi mġiba ħażina billi jgħid: “Sibt li bintek m’għandhiex evidenza tal-verġinità.” Din hi l-evidenza tal-verġinità taʼ binti.’ Imbagħad jifirxu d-drapp quddiem l-anzjani tal-belt. 18 L-anzjani tal-belt jieħdu r-raġel u jiddixxiplinawh. 19 Huma jwaħħluh multa taʼ 100 xekel* fidda u jagħtuhom lil missier it-tfajla, għax ir-raġel ikun immalafama verġni t’Iżrael, u hi tibqaʼ martu. Ma jistax jiddivorzjaha għal għomru.
20 “Iżda jekk l-akkuża tkun vera, u ma jkunx hemm evidenza li t-tfajla kienet verġni, 21 iridu joħorġu lit-tfajla fid-daħla tad-dar taʼ missierha, u l-irġiel tal-belt tagħha jridu jwaddbulha l-ġebel sakemm tmut, għaliex tkun għamlet att taʼ mistħija f’Iżrael billi għamlet l-immoralità sesswali* f’dar missierha. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok.
22 “Jekk raġel jinqabad ikollu x’jaqsam maʼ mara miżżewġa, it-tnejn li huma għandhom imutu, ir-raġel li mtedd mal-mara kif ukoll il-mara. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo Iżrael.
23 “Jekk verġni tkun għarusa, u raġel ieħor jiltaqaʼ magħha fil-belt u jkollu x’jaqsam magħha, 24 oħorġuhom it-tnejn li huma fil-bieb taʼ dik il-belt u waddbulhom il-ġebel sakemm imutu, it-tfajla għax ma werżqitx fil-belt, u r-raġel għax umilja lil mart sieħbu. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok.
25 “Madankollu, jekk ikun fl-għalqa li r-raġel jiltaqaʼ mat-tfajla li hi għarusa u jistupraha, ir-raġel biss għandu jmut, 26 u lit-tfajla tagħmlilha xejn. It-tfajla m’għamlitx dnub li jistħoqqlu l-mewt. Dan il-każ hu bħal meta raġel jattakka lil xi ħadd u joqtlu. 27 Għax hu ltaqaʼ magħha fl-għalqa, u t-tfajla li kienet għarusa werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha.
28 “Jekk raġel jiltaqaʼ ma’ tfajla verġni li mhix għarusa u jaħtafha u jkollu x’jaqsam magħha u jinqabdu, 29 ir-raġel li kellu x’jaqsam magħha jrid jagħti 50 xekel fidda lil missier it-tfajla, u hi ssir martu. Minħabba li umiljaha, hu ma jistax jiddivorzjaha għal għomru.
30 “Ebda raġel m’għandu jiżżewweġ il-mara taʼ missieru, sabiex ma jiddiżonorax lil missieru.*
23 “Ebda raġel li jiġi kkastrat billi jkollu t-testikoli mgħaffġin jew ikollu l-organu maskili maqtugħ ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova.
2 “Ebda iben barra ż-żwieġ ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Saħansitra sal-għaxar ġenerazzjoni, ħadd minn dawk li jiġu minnu ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova.
3 “Ħadd mill-Għammonin jew mill-Mowabin ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Saħansitra sal-għaxar ġenerazzjoni, dawk li jiġu minnhom qatt ma jistgħu jsiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova, 4 għax huma ma tawkomx ikel u ilma biex jgħinukom fit-triq meta kontu ħerġin mill-Eġittu, u għaliex krew lil Balgħam, bin Begħor minn Petor tal-Mesopotamja, biex jisħtek. 5 Imma Ġeħova l-Alla tiegħek ma riedx jismaʼ lil Balgħam. Minflok, Ġeħova l-Alla tiegħek biddillek is-saħta f’barka, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek ħabbek. 6 Sakemm iddum ħaj, tgħinhomx biex ikollhom il-paċi jew il-ġid.
7 “Tobgħodx lil Edomi, għax hu ħuk.
“Tobgħodx lil Eġizzjan, għax int kont resident barrani f’pajjiżu. 8 It-tielet ġenerazzjoni tat-tfal li jitwildulhom jistgħu jsiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova.
9 “Meta tikkampja għall-gwerra kontra l-għedewwa tiegħek, qis li tevita kull ħaġa ħażina.* 10 Jekk raġel ma jibqax nadif minħabba li toħroġlu l-isperma billejl, irid joħroġ ’il barra minn fejn il-kampijiet u ma jerġax jidħol. 11 Għall-ħabta taʼ filgħaxija, għandu jinħasel bl-ilma, u mbagħad ikun jistaʼ jmur lura lejn il-kampijiet fi nżul ix-xemx. 12 Għandu jkun hemm post privat* ’il barra mill-kampijiet biex tużah meta jkollok bżonn, hemm għandek tmur. 13 Għandu jkollok pala mal-għodod tiegħek. Meta titbaxxa barra, trid tħaffer ħofra biha u mbagħad tgħatti ħmieġek. 14 Għax Ġeħova l-Alla tiegħek qiegħed fil-post fejn int ikkampjat biex jeħilsek u jagħtik f’idejk l-għedewwa tiegħek, u l-kampijiet tiegħek għandhom ikunu qaddisin, sabiex ma jara xejn indiċenti fik, u b’hekk jibqaʼ miegħek.
15 “Meta lsir jaħrab mingħand sidu u jiġi għandek, tagħtihx lura lil sidu. 16 Hu jistaʼ jgħix f’nofsok fi kwalunkwe post li jagħżel f’waħda mill-bliet tiegħek, kull fejn jogħġbu. Tittrattahx ħażin.
17 “Ebda waħda mill-bniet t’Iżrael m’għandha ssir prostituta tat-tempju, u ebda wieħed mis-subien t’Iżrael m’għandu jsir prostitut tat-tempju. 18 Iddaħħalx il-prezz li jitħallas għal prostituta jew il-prezz* li jitħallas għal prostitut* fid-dar taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek biex tagħmel dak li wegħedt, għax it-tnejn huma xi ħaġa moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
19 “Iġġegħelx lil ħuk iħallas l-imgħax, kemm jekk ikun imgħax fuq il-flus, fuq l-ikel, jew fuq kwalunkwe ħaġa li għaliha jistaʼ jintalab l-imgħax. 20 Lil barrani tistaʼ ġġiegħlu jħallas l-imgħax, imma lil ħuk iġġegħlux iħallsu, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kull xogħol li tagħmel fl-art li se tieħu f’idejk.
21 “Titnikkirx biex tagħmel dak li wegħedt lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li jitlobha mingħandek. Jekk ma tagħmilx dak li wegħedt, tkun dnibt. 22 Imma jekk ma tagħmilx wegħda, ma tkunx ħati taʼ dnub. 23 Għandek iżżomm kelmtek, u dak li wegħedt bħala offerta volontarja lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tagħmlu.
24 “Jekk tidħol fl-għalqa tad-dwieli taʼ xi ħadd, tistaʼ tiekol l-għeneb sakemm tixbaʼ, imma tqiegħed xejn fil-basket tiegħek.
25 “Jekk tidħol fl-għalqa taʼ xi ħadd li jkun fiha ċ-ċereali,* aqtaʼ biss is-sbul misjur b’idek, imma m’għandekx taqtaʼ ċ-ċereali tiegħu bil-minġel.
24 “Jekk raġel jiżżewweġ mara imma ma jkunx iridha iktar għax ikun sar jaf li għamlet ħaġa indiċenti, irid jiktbilha ċertifikat tad-divorzju, jagħtihulha, u jibgħatha ’l barra minn daru. 2 Wara li titlaq minn daru, hi tistaʼ ssir mart raġel ieħor. 3 Jekk it-tieni raġel jobgħodha* u jiktbilha ċertifikat tad-divorzju, jagħtihulha, u jibgħatha ’l barra minn daru, jew jekk it-tieni raġel li żżewwiġha jmut, 4 l-ewwel raġel li bagħatha ma jistax jerġaʼ jiħodha lura bħala martu wara li tkun tniġġset, għax din hi xi ħaġa moqżieża għal Ġeħova. M’għandekx iddaħħal id-dnub fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt.
5 “Meta raġel ikun għadu kif iżżewweġ, m’għandux jaqdi fl-armata jew jingħata xi xogħol ieħor. Għandu jibqaʼ ħieles minn dan għal sena sħiħa u jibqaʼ d-dar u jferraħ lil martu.
6 “Ħadd m’għandu jieħu mitħna tal-idejn jew il-ġebla taʼ fuq tagħha bħala garanzija taʼ self, għax ikun qed jieħu l-mezz t’għajxien* taʼ dak li jkun bħala garanzija.
7 “Jekk issiru tafu li raġel ħataf lil wieħed minn ħutu l-Iżraelin u ttrattah ħażin u biegħu, dan ir-raġel għandu jmut. Għandek tneħħi dak li hu ħażin minn nofsok.
8 “Meta jkun hemm każ taʼ ġdiem,* ħudu ħsieb li tagħmlu bir-reqqa dak kollu li jgħidulkom il-qassisin Leviti. Oqogħdu attenti li tagħmlu eżatt bħalma kkmandajthom jien. 9 Ftakru f’dak li Ġeħova l-Alla tagħkom għamel lil Mirjam fit-triq meta kontu ħerġin mill-Eġittu.
10 “Jekk tislef xi ħaġa lil xi ħadd, tidħolx f’daru biex tiħodlu dak li jkun offrielek bħala garanzija. 11 Int għandek toqgħod barra, u r-raġel li jkun issellef għandu jġiblek dak li jkun qed jagħti bħala garanzija. 12 U jekk ir-raġel ikun fil-bżonn, m’għandekx tmur torqod u żżomm għandek dak li jkun tak bħala garanzija. 13 Qis li tagħtih lura dak li jkun tak bħala garanzija malli tinżel ix-xemx, u hu jmur jorqod bil-libsa tiegħu, u jbierkek. Ġeħova l-Alla tiegħek se jikkunsidra dan bħala xi ħaġa ġusta.
14 “Timbroljax ħaddiem mikri li jkun fil-bżonn u fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek u sew jekk ikun resident barrani fil-bliet* tiegħek. 15 Għandek tagħtih il-paga dakinhar stess, qabel ma tinżel ix-xemx, għaliex qiegħed fil-bżonn u ħajtu tiddependi mill-paga tiegħu. Inkella hu jitlob lil Ġeħova u jakkużak, u int tkun ħati taʼ dnub.
16 “Il-missirijiet m’għandhomx jinqatlu minħabba dak li jagħmlu t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx jinqatlu minħabba dak li jagħmlu missirijiethom. Individwu għandu jinqatel biss għad-dnub tiegħu stess.
17 “Iċċaħħadx lir-resident barrani jew lill-orfni* mid-drittijiet tiegħu, u tiħux il-libsa taʼ xi armla bħala garanzija taʼ self. 18 Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu u Ġeħova l-Alla tiegħek fdiek* minn hemmhekk. Għalhekk qed nikkmandak biex tagħmel dan.
19 “Meta taħsad l-għalqa tiegħek u tkun insejt qatta fl-għalqa, tmurx lura għaliha. Għandha titħalla għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kulma tagħmel.
20 “Meta twaqqaʼ ż-żebbuġ mis-siġra tiegħek biex tiġbru, m’għandekx tirrepeti din il-proċedura. Dak li jifdal trid tħallih għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla.
21 “Meta tiġbor l-għeneb mill-għalqa tad-dwieli tiegħek, tmurx lura biex tiġbor dak li jifdal. Għandek tħallih għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla. 22 Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu. Għalhekk qed nikkmandak biex tagħmel dan.
25 “Meta jinqalaʼ argument bejn tnejn min-nies, huma jistgħu jmorru quddiem l-imħallfin, u dawn jiġġudikawhom u jiddikjaraw lill-ġust innoċenti u lil dak mill-agħar ħati. 2 Jekk dak li hu mill-agħar ikun jistħoqqlu jiġi msawwat, l-imħallef iġiegħlu joqgħod mimdud, u dan jiġi msawwat quddiemu. Hu jaqlaʼ daqqiet skont kemm ikun gravi dak li għamel. 3 Hu jistaʼ jagħtih sa 40 daqqa, u mhux iktar. Jekk ikompli jagħtih iktar minn hekk, ħuk li għamel il-ħażen jiġi ddiżonorat quddiem għajnejk.
4 “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.*
5 “Jekk l-aħwa jkunu jgħixu viċin taʼ xulxin u wieħed minnhom imut mingħajr ma jkollu tifel, mart dak li miet m’għandhiex tiżżewweġ lil xi ħadd barra mill-familja. Ħu żewġha għandu jmur għandha, jiżżewwiġha, u jaqdi dmiru bħala ħu żewġha. 6 L-ewwel imwieled jiġi kkunsidrat bħala iben ir-raġel li miet, sabiex ismu ma jinqeridx minn Iżrael.
7 “Issa jekk ir-raġel ma jkunx irid jiżżewweġ l-armla taʼ ħuh, hi għandha tmur ħdejn bieb il-belt għand l-anzjani* u tgħid, ‘Ħu żewġi ma jridx iżomm isem ħuh ħaj f’Iżrael. Ma qabilx li jiżżewwiġni u jaqdi dmiru bħala ħu żewġi.’ 8 L-anzjani taʼ beltu għandhom jgħajtulu u jkellmuh. Jekk hu jinsisti u jgħid, ‘Ma rridx niżżewwiġha,’ 9 l-armla taʼ ħuh għandha tersaq lejh quddiem l-anzjani, tneħħilu s-sandlija minn siequ, tobżoqlu f’wiċċu, u tgħid, ‘Hekk għandhom jagħmlulu lir-raġel li ma jkunx irid ikollu iben għal ħuh.’ 10 Wara dan, isem il-familja tiegħu* f’Iżrael ikun magħruf bħala: ‘Id-dar taʼ dak li tneħħietlu s-sandlija.’
11 “Jekk żewġt irġiel jibdew jiġġieldu flimkien u mart wieħed minnhom tersaq qrib biex tipproteġi lil żewġha minn dak li qed isawtu u hi toħroġ idha u taqbdu mill-partijiet privati tiegħu, 12 għandek taqtgħalha idha barra. M’għandux jiddispjaċik.
13 “Fil-basket tiegħek m’għandux ikollok żewġ ġebliet differenti li tiżen bihom, jiġifieri waħda tqila u oħra ħafifa. 14 F’darek m’għandux ikollok żewġ reċipjenti differenti li tkejjel bihom,* jiġifieri wieħed kbir u ieħor żgħir. 15 Għandu jkollok użin eżatt u ġust u kejl eżatt u ġust, sabiex tgħix ħajja twila fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. 16 Għax kull bniedem inġust li jagħmel dawn l-affarijiet hu moqżież għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
17 “Ftakru x’għamlulkom l-Għamalekin fit-triq intom u ħerġin mill-Eġittu. 18 Meta ltaqgħu magħkom, attakkaw lil dawk kollha li nqatgħu lura minnkom waqt li kontu dgħajfin u għajjenin. Huma ma rrispettawx lil* Alla. 19 Meta Ġeħova l-Alla tagħkom ikun serraħkom mill-għedewwa kollha taʼ madwarkom, fl-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom bħala wirt, għandkom teqirdu għalkollox lill-Għamalekin ħalli qatt ma jiġu mfakkrin taħt is-sema. M’għandkomx tinsew.
26 “Meta fl-aħħar tidħol fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt u tkun ħadtha f’idejk u qed tgħix fiha, 2 ħu ftit mill-ewwel prodott* tal-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, u poġġih f’qoffa u mur fil-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu. 3 Għandek tmur għand il-qassis li jkun qed jaqdi f’dawk il-jiem u tgħidlu, ‘Illum qed niddikjara lil Ġeħova l-Alla tagħna li jien dħalt fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijietna li jagħtina.’
4 “Imbagħad il-qassis jieħu l-qoffa minn idek u jqegħedha quddiem l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek. 5 Imbagħad int għandek tiddikjara quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, ‘Missieri kien Arami li jivvjaġġa minn post għal ieħor.* Hu niżel l-Eġittu bi ftit nies u għex hemm bħala barrani. Imma hemm sar poplu tassew b’saħħtu u kbir. 6 U l-Eġizzjani ttrattawna ħażin, ħaqruna, u sforzawna naħdmu iebes bħala lsiera. 7 Għalhekk, bdejna nitolbu għall-għajnuna lil Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietna, u Ġeħova semaʼ leħinna u ra t-tbatija, l-inkwiet, u l-moħqrija tagħna. 8 Fl-aħħar, Ġeħova ħariġna mill-Eġittu b’id b’saħħitha u qawwija u billi għamel affarijiet tat-twerwir, sinjali, u mirakli. 9 Imbagħad ġabna f’dan il-post u tana din l-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 10 Issa jien ġibt l-ewwel prodott tal-art li tani Ġeħova.’
“Int għandek tqiegħdu quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek u tmil quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek. 11 Imbagħad int, il-Leviti, u r-residenti barranin li qegħdin f’nofsok se tifirħu bil-ġid kollu li Ġeħova l-Alla tiegħek ta lilek u lil taʼ darek.
12 “Meta tkun ġbart l-għaxra fil-100 tal-prodott tiegħek fit-tielet sena, jiġifieri s-sena tal-għexur, agħtih lil-Levita, lir-resident barrani, lill-orfni,* u lill-armla, u dawn jieklu sa ma jixbgħu fil-bliet* tiegħek. 13 Imbagħad tgħid quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, ‘Neħħejt is-sehem qaddis mid-dar tiegħi u tajtu lil-Levita, lir-resident barrani, lill-orfni, u lill-armla, bħalma kkmandajtni. La ksirt il-kmandamenti tiegħek u lanqas injorajthom. 14 La kilt minnu meta kont bil-vistu, la ħadt minnu meta ma kontx nadif, u lanqas tajt minnu għal xi ħadd mejjet. Obdejt minn leħnek, Ġeħova Alla tiegħi, u għamilt skont kulma kkmandajtni int. 15 Issa ħares ’l isfel mill-post qaddis fejn tgħix, mis-sema, u bierek lill-poplu tiegħek Iżrael u l-art li tajtna, bħalma ħlift lil missirijietna, l-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.’
16 “Illum Ġeħova l-Alla tiegħek qed jikkmandak tobdi dawn ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali. Dan għandek tagħmlu b’qalbek u b’ruħek* kollha. 17 Illum Ġeħova aċċertak li hu se jkun l-Alla tiegħek dment li timxi fi triqatu u tobdi r-regoli, il-kmandamenti, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, u dment li tismaʼ minn leħnu. 18 Int illum għedt lil Ġeħova li se tkun il-poplu tiegħu, il-poplu speċjali* tiegħu, bħalma wiegħdek, u li se tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu. 19 Imbagħad hu se jgħollik ’il fuq mill-popli l-oħrajn kollha li għamel, bħalma wiegħed, u jagħtik tifħir, fama, u glorja dment li turi li int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek.”
27 Imbagħad Mosè, flimkien mal-anzjani t’Iżrael, ikkmanda lill-poplu u qallu: “Obdi kull kmandament li qed nagħtik illum. 2 U dakinhar li taqsam il-Ġordan biex tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, waqqaf ġebel kbir u iksih bil-ġibs.* 3 Meta tkun qsamt, ikteb fuqu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi, sabiex tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma wiegħdek Ġeħova l-Alla taʼ missirijietek. 4 Meta tkun qsamt il-Ġordan, għandek twaqqaf dan il-ġebel fuq il-Muntanja Għebal u tiksih bil-ġibs,* bħalma qed nikkmandak illum. 5 Hemmhekk trid ukoll tibni artal lil Ġeħova l-Alla tiegħek, artal tal-ġebel. Tużax għodda tal-ħadid fuqu. 6 Għandek tibni l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek b’ġebel mhux maħdum u toffri fuqu offerti tal-ħruq lil Ġeħova l-Alla tiegħek. 7 Offri s-sagrifiċċji tal-paċi u kulhom hemm, u int tifraħ quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek. 8 U ikteb b’mod ċar il-kliem kollu taʼ din il-Liġi fuq il-ġebel.”
9 Imbagħad Mosè u l-qassisin Leviti kellmu lil Iżrael kollu u qalulu: “Oqgħod kwiet u ismaʼ Iżrael. Illum int sirt il-poplu taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek. 10 Ismaʼ minn leħen Ġeħova l-Alla tiegħek u obdi l-kmandamenti u r-regoli tiegħu li qed nagħtikom illum.”
11 Dakinhar Mosè kkmanda lill-poplu u qallu: 12 “Dawn huma t-tribujiet li se joqogħdu fuq il-Muntanja Geriżim biex jgħidu l-barkiet li se jirċievu n-nies meta tkunu qsamtu l-Ġordan: Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, Ġużeppi, u Benjamin. 13 U dawn huma t-tribujiet li se joqogħdu fuq il-Muntanja Għebal biex jgħidu lin-nies x’inhuma s-saħtiet: Ruben, Gad, Aser, Żebulun, Dan, u Naftali. 14 U l-Leviti jridu jgħidu b’leħen għoli lin-nies kollha t’Iżrael:
15 “‘Misħut ir-raġel li jagħmel statwa skolpita jew statwa tal-metall* u jaħbiha. Ħaġa bħal din magħmula minn xi ħadd tas-sengħa* hi moqżieża għal Ġeħova.’ (U l-poplu kollu jwieġeb u jgħid, ‘Ammen!’*)
16 “‘Misħut min jittratta lil missieru jew lil ommu b’diżrispett.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
17 “‘Misħut min iressaq il-marka tal-fruntiera tal-ġar tiegħu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
18 “‘Misħut min joħroġ lil xi ħadd li ma jarax ’il barra minn triqtu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
19 “‘Misħut min iċaħħad lir-resident barrani, lill-orfni,* jew lill-armla mid-drittijiet tagħha.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
20 “‘Misħut min ikollu x’jaqsam* maʼ mart missieru, għax ikun iddiżonora lil missieru.’* (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
21 “‘Misħut min ikollu x’jaqsam m’annimal.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
22 “‘Misħut min ikollu x’jaqsam m’oħtu, bint missieru jew bint ommu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
23 “‘Misħut min ikollu x’jaqsam mal-kunjata tiegħu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
24 “‘Misħut min jistaħba biex jattakka u joqtol lil xi ħadd.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
25 “‘Misħut min jaċċetta t-tixħim biex joqtol persuna innoċenti.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
26 “‘Misħut min ma jobdix din il-Liġi.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)
28 “U jekk int tassew tismaʼ minn leħen Ġeħova l-Alla tiegħek billi toqgħod attent li tagħmel il-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum, Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li se jgħollik ’il fuq mill-popli l-oħrajn kollha tal-art. 2 Dawn il-barkiet kollha jiġu fuqek għaliex int tibqaʼ tismaʼ minn Ġeħova l-Alla tiegħek:
3 “Imbierek tkun fil-belt u mbierek tkun fl-għalqa.
4 “Imberkin ikunu t-tfal tiegħek,* il-prodott tal-art tiegħek, u l-frieħ tal-imrieħel tiegħek, tal-baqar u tan-nagħaġ.
5 “Imbierek tkun għax il-qoffa tiegħek u l-iskutella li fiha tagħġen il-ħobż ikunu mimlijin.
6 “Imbierek tkun kull fejn tmur u f’kulma tagħmel.
7 “Ġeħova se jegħleb quddiemek l-għedewwa tiegħek li jiħduha kontrik. Huma se jattakkawk minn direzzjoni waħda, imma jaħarbu minn sebaʼ direzzjonijiet. 8 Ġeħova se jbierek l-imħażen tiegħek u kull xogħol li tagħmel. Hu żgur li jbierkek fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. 9 Ġeħova se jagħmlek poplu qaddis għalih stess, bħalma ħaliflek, għax int tibqaʼ tobdi l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek u timxi fi triqatu. 10 Il-popli kollha tal-art se jkollhom jaraw li int taʼ Ġeħova, u se jibżgħu minnek.
11 “Ġeħova se jagħtik ħafna tfal, annimali, u prodotti tal-għelieqi fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijietek li jagħtik. 12 Ġeħova se jiftaħlek il-maħżen tajjeb tiegħu, is-sema, biex jagħti x-xita lil artek fl-istaġun tagħha u biex ibierek kulma tagħmel. Int issellef lil ħafna popli, waqt li int stess ma jkollokx bżonn tissellef. 13 Ġeħova se jpoġġik fuq quddiem* u mhux fuq wara; u jkollok pożizzjoni superjuri u mhux inferjuri, dment li tibqaʼ tobdi u tgħix fi qbil mal-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek li qed nikkmandak illum. 14 Twarrabx mill-kliem kollu li qed nikkmandak illum, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. Timxix wara allat oħrajn u taqdihomx.
15 “Imma jekk ma tismax minn Ġeħova l-Alla tiegħek billi ma tobdix il-kmandamenti u l-liġijiet kollha tiegħu li qed nikkmandak illum, jiġu fuqek dawn is-saħtiet kollha:
16 “Misħut tkun fil-belt u misħut tkun fl-għalqa.
17 “Misħut tkun għax il-qoffa tiegħek u l-iskutella li fiha tagħġen il-ħobż ikunu vojta.
18 “Misħutin ikunu t-tfal tiegħek,* il-prodott tal-art tiegħek, u ż-żgħar tal-baqar u tan-nagħaġ tiegħek.
19 “Misħut tkun kull fejn tmur u f’kulma tagħmel.
20 “Ġeħova jisħet kull ħaġa li tagħmel. Hu jġiegħlek tippanikja u jikkastigak sakemm tiġi fix-xejn u tinqered malajr, minħabba l-prattiki ħżiena tiegħek u minħabba li abbandunajtu.* 21 Ġeħova se jġiegħlek tkun marid sakemm jeqirdek għalkollox minn fuq l-art li int sejjer fiha biex tiħodha f’idejk. 22 Ġeħova se jġib fuqek tuberkulosi, deni qawwi, infjammazzjoni, sħana kbira, xabla, riħ jaħraq, u moffa. U dawn jibqgħu jiġru warajk sakemm tinqered. 23 Se jagħlaq is-sema sabiex ma tagħmilx xita* u ma jħallix l-art tagħti l-prodott tagħha.* 24 Ġeħova se jagħmel ix-xita t’artek ramel u trab, u din tiġi fuqek mis-sema sakemm int tiġi fix-xejn. 25 Ġeħova se jħallik tiġi megħlub quddiem l-għedewwa tiegħek. Int se tattakkahom minn direzzjoni waħda, imma taħrab minn sebaʼ direzzjonijiet. U s-saltniet kollha tal-art se jibżgħu meta jaraw l-affarijiet koroh li qed tgħaddi minnhom. 26 U l-ġisem mejjet tiegħek isir ikel għall-għasafar kollha u għall-annimali, u ma jkun hemm ħadd biex ikeċċihom.
27 “Ġeħova se jġib fuqek l-imsiemer tal-Eġittu, murliti, ekżema, u raxx fuq il-ġilda, li ma tkunx tistaʼ tfiq minnhom. 28 Ġeħova se jġib fuqek ġenn u konfużjoni,* u se jagħmik. 29 Int tibda tfittex l-affarijiet b’idejk f’nofsinhar, bħalma jagħmel raġel agħmi, u ma tirnexxi fl-ebda ħaġa li tagħmel. U tiġi imbroljat u misruq il-ħin kollu, u ma jkunx hemm min isalvak. 30 Titgħarras mara, imma jistupraha raġel ieħor. Tibni dar, imma ma tgħixx fiha. Tħawwel għalqa bid-dwieli, imma ma tiħux il-frott tagħhom. 31 Il-barri tiegħek jinqatel quddiem għajnejk, imma ma tiekol xejn minnu. Il-ħmar tiegħek jinsteraq minn quddiemek, imma ma jerġax lura għandek. In-nagħaġ tiegħek jingħataw lill-għedewwa tiegħek, imma ma jkunx hemm min isalvak. 32 It-tfal tiegħek subien u bniet jingħataw lil poplu ieħor quddiem għajnejk, u int dejjem tixxennaq biex tarahom, imma ma tkun tistaʼ tagħmel xejn. 33 Il-prodott tal-art u l-ikel kollu tiegħek jieklu poplu li ma tafux, u tkun dejjem imbroljat u maħqur. 34 Int tiġġennen b’dak li tara b’għajnejk.
35 “Ġeħova se jġib fuqek imsiemer taʼ wġigħ li ma jfiqux fuq irkopptejk u saqajk, saħansitra mill-qiegħ taʼ sieqek sal-qorriegħa taʼ rasek. 36 Ġeħova se jieħu lilek u lir-re li inkarigajt fuqek għand poplu li la int u lanqas missirijietek ma tafu, u hemmhekk taqdi allat oħrajn, allat tal-injam u tal-ġebel. 37 Meta tasal fil-postijiet li Ġeħova jibagħtek fihom, l-affarijiet li ġrawlek iġiegħlu lin-nies t’hemm jibżgħu, u huma jmaqdruk* u jwaqqgħuk għaċ-ċajt.
38 “Int tiżraʼ ħafna żerriegħa fl-għalqa, imma ftit tiġbor, għax jibilgħuha l-ġurati. 39 Tħawwel għelieqi bid-dwieli u tikkultivahom, imma ma tixrobx inbid u ma tiġbor xejn, għax jikolhom id-dud. 40 Ikollok is-siġar taż-żebbuġ fit-territorju kollu tiegħek, imma ma jkollokx żejt biex tindilek bih, għax iż-żebbuġ tiegħek jaqaʼ. 41 Ikollok subien u bniet, imma ma jibqgħux tiegħek, għax isiru lsiera. 42 Is-siġar kollha tiegħek u l-prodott tal-art tiegħek jinqerdu minn qtajjaʼ taʼ insetti.* 43 Ir-resident barrani li qiegħed f’nofsok jibqaʼ jogħla iktar u iktar ’il fuq minnek, waqt li int tibqaʼ nieżel iktar u iktar ’l isfel. 44 Hu jsellfek, imma int ma ssellfux. Hu jkun fuq quddiem, waqt li int tkun fuq wara.*
45 “Dawn is-saħtiet kollha żgur li jiġu fuqek sakemm tiġi fix-xejn, għaliex ma tkunx smajt minn leħen Ġeħova l-Alla tiegħek u m’obdejtx il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħu li kkmandak. 46 U jibqgħu fuqek u fuq dawk li se jiġu minnek bħala sinjal u twissija permanenti, 47 għax ma qdejtx lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalb ferħana meta kellek kollox b’abbundanza. 48 Ġeħova jibgħat lill-għedewwa tiegħek kontrik, u taqdihom waqt li tkun bil-ġuħ, bil-għatx, ma jkollokx x’tilbes, u tkun nieqes minn kollox. Hu jpoġġilek madmad tal-ħadid fuq għonqok sakemm iġibek fix-xejn.
49 “Ġeħova jibgħat poplu mill-bogħod, minn tarf l-art, biex jattakkak. Dan jiġi fuqek bħal ajkla, poplu li l-lingwa tiegħu ma tifhimhiex, 50 poplu kiefer li la jimpurtah minn dawk kbar fl-età u lanqas iħenn għaż-żgħażagħ. 51 Huma jieklu l-frieħ tal-bhejjem tiegħek u l-prodott tal-art tiegħek sakemm tiġi fix-xejn. Huma ma jħallulek ebda ċereali,* inbid ġdid jew żejt, żgħar tal-baqar jew tan-nagħaġ sakemm jeqirduk. 52 Huma jassedjawk u jagħlquk fil-bliet* kollha tiegħek f’artek kollha sakemm is-swar għoljin u ffortifikati li qed tafda fihom jaqgħu. Iva, żgur li jassedjawk fil-bliet kollha tiegħek fl-art kollha li tak Ġeħova l-Alla tiegħek. 53 Minħabba l-assedju aħrax u t-tbatija li se jġib fuqek l-għadu tiegħek, int ikollok tiekol lit-tfal tiegħek stess,* il-laħam tat-tfal tiegħek subien u bniet li tak Ġeħova l-Alla tiegħek.
54 “Lanqas ir-raġel delikat u mfissed ħafna fostok ma jitħassar lil ħuh jew lil martu l-għażiża jew lit-tfal tiegħu li jkun baqagħlu, 55 u ma jagħtihom xejn mil-laħam tat-tfal tiegħu li se jiekol, għaliex m’għandu xejn iktar minħabba l-assedju aħrax u t-tbatija li jġib fuqek l-għadu tiegħek fil-bliet tiegħek. 56 U l-mara delikata u mfissda fostok li lanqas biss jgħaddilha minn moħħha li tpoġġi qiegħ sieqha fl-art minħabba li hi tant delikata, ma titħassarx lil żewġha l-għażiż jew lil binha jew lil bintha, 57 għax mhux se tagħtihom mil-laħam tat-tfal li twelled u lanqas minn kulma joħroġ minn ġufha eżatt wara li twelled. Hi se tikolhom bil-moħbi minħabba l-assedju aħrax u t-tbatija li jġib fuqek l-għadu tiegħek fil-bliet tiegħek.
58 “Għandek toqgħod attent li tobdi l-kliem kollu taʼ din il-Liġi, li hu miktub f’dan il-ktieb, u tibżaʼ minn dan l-isem glorjuż u li hu taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah, jiġifieri isem Ġeħova l-Alla tiegħek. Jekk ma tagħmilx dan, 59 Ġeħova se jġib fuqek u fuq dawk li se jiġu minnek kastigi ħorox ħafna, kastigi kbar li jdumu għal żmien twil, u mard gravi li jdum għal żmien twil. 60 Hu se jġib lura fuqek il-mard kollu tal-Eġittu li kont tibżaʼ minnu, u żgur li jibqaʼ mqabbad miegħek. 61 Barra minn hekk, Ġeħova se jġib fuqek saħansitra kwalunkwe marda u kastig li mhumiex miktubin fil-ktieb taʼ din il-Liġi sakemm tiġi fix-xejn. 62 Għalkemm sirtu ħafna daqs l-istilel tas-sema, vera ftit se jifdal minnkom, għaliex ma tkunux smajtu minn leħen Ġeħova l-Alla tagħkom.
63 “U bħalma Ġeħova ħa pjaċir jagħmlilkom il-ġid u jżidkom, Ġeħova se jieħu pjaċir jeqridkom u jġibkom fix-xejn. Intom titqaċċtu mill-art li se tieħdu f’idejkom.
64 “Ġeħova se jxerrdek fost il-popli kollha minn tarf wieħed sat-tarf l-ieħor tal-art, u hemmhekk ikollok taqdi allat tal-injam u tal-ġebel, li la int u lanqas missirijietek ma tafu. 65 Ma jkollokx paċi fost dawk il-popli u lanqas post fejn isserraħ qiegħ sieqek. Minflok, hemmhekk Ġeħova se jagħtik qalb ansjuża u għajnejn dgħajfin, u tħossok iddisprat.* 66 Ħajtek tkun f’periklu kbir u tħossok imbeżżaʼ lejl u nhar, u ma tkunx ċert jekk hux se tibqaʼ ħaj. 67 Filgħodu tgħid, ‘Mhux li kien filgħaxija!’ u filgħaxija tgħid, ‘Mhux li kien filgħodu!’ minħabba l-biżaʼ li tħoss f’qalbek u minħabba dak li se tara b’għajnejk. 68 U Ġeħova żgur li jieħdok lura lejn l-Eġittu b’vapur, mit-triq li dwarha għedtlek, ‘Qatt mhu se terġaʼ taraha.’ Hemmhekk ikollkom tbigħu lilkom infuskom lill-għedewwa tagħkom bħala lsiera, imma ma jkunx hemm min jixtrikom.”
29 Dan hu l-kliem tal-patt li Ġeħova kkmanda lil Mosè biex jagħmel mal-poplu t’Iżrael fl-art taʼ Mowab, minbarra l-patt li kien għamel magħhom f’Ħoreb.
2 Imbagħad Mosè ġabar lill-Iżraelin kollha u qalilhom: “Intom rajtu b’għajnejkom kulma Ġeħova għamel fl-art tal-Eġittu lill-Fargħun, lill-qaddejja kollha tiegħu, u lil artu kollha, 3 jiġifieri l-kastigi* kbar permezz taʼ sinjali kbar u mirakli. 4 Imma sal-lum Ġeħova ma takomx moħħ* biex tifhmu u għajnejn biex taraw u widnejn biex tisimgħu. 5 ‘Waqt li jien bqajt niggwidakom għal 40 sena fid-deżert, ħwejjiġkom ma qdimux u s-sandli tagħkom ma qdiemx f’saqajkom. 6 Ma kiltux ħobż, u ma xrobtux inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, sabiex tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’ 7 Maż-żmien ġejtu f’dan il-post, u Siħon ir-re taʼ Ħesbon u Għog ir-re tal-Basan ħarġu jiltaqgħu magħna għall-battalja, imma rbaħnielhom. 8 Imbagħad ħadna arthom u tajnieha bħala wirt lir-Rubenin, lill-Gadin, u lin-nofs tribù tal-Manassin. 9 Għaldaqstant, żommu mal-kliem taʼ dan il-patt u obduh, sabiex tirnexxu f’kulma tagħmlu.
10 “Illum ilkoll kemm intom tinsabu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom: il-kapijiet tat-tribujiet tagħkom, l-anzjani* tagħkom, l-uffiċjali tagħkom, kull raġel t’Iżrael, 11 it-tfal tagħkom, in-nisa tagħkom, u r-residenti barranin li qegħdin f’nofs il-kampijiet tagħkom, minn dawk li jiġbrulkom l-injam sa dawk li jtellgħulkom l-ilma. 12 Intom qegħdin hawn sabiex issiru parti mill-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom u l-ħalfa tiegħu, li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħmel magħkom illum 13 biex jagħmilkom il-poplu tiegħu u jkun l-Alla tagħkom, bħalma wegħedkom u bħalma ħalef lil missirijietkom Abraham, Iżakk, u Ġakobb.
14 “Issa jien mhux magħkom biss qed nagħmel dan il-patt u din il-ħalfa, 15 imma maʼ dawk li llum qegħdin hawn magħna quddiem Ġeħova l-Alla tagħna u maʼ dawk li mhumiex hawnhekk magħna llum. 16 (Għax intom tafu tajjeb kif għexna fl-art tal-Eġittu u kif għaddejna minn fost diversi popli fil-vjaġġ tagħna. 17 U kontu taraw l-affarijiet moqżieża tagħhom u l-idoli diżgustanti* tagħhom, tal-injam u tal-ġebel, tal-fidda u tad-deheb, li kienu fosthom.) 18 Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm fostkom raġel jew mara, familja jew tribù li qalbu llum titbiegħed minn Ġeħova l-Alla tagħna biex imur jaqdi l-allat taʼ dawn il-popli, ħalli ma jkunx hemm fostkom xi ħadd bħal għeruq taʼ pjanta li tikber u tipproduċi frott morr u velenuż.
19 “Imma jekk xi ħadd jismaʼ l-kliem taʼ din il-ħalfa u jiftaħar f’qalbu u jgħid, ‘Se jkolli l-paċi, anki jekk nibqaʼ ngħix kif irrid,’* u b’hekk jeqred kull ħaġa* li jkun hemm fi triqtu, 20 Ġeħova mhux se jkun lest jaħfirlu. Minflok, ir-rabja kbira taʼ Ġeħova se tkun bħal nar kontra dan ir-raġel, u s-saħta kollha miktuba f’dan il-ktieb żgur li se tiġi fuqu, u Ġeħova żgur li jħassarlu ismu minn taħt is-sema. 21 Imbagħad Ġeħova jifirdu mit-tribujiet kollha t’Iżrael u jġib gwaj fuqu, fi qbil mas-saħta kollha tal-patt li hi miktuba f’dan il-ktieb tal-Liġi.
22 “U l-ġenerazzjoni tal-futur tat-tfal tagħkom u l-barranin li jiġu minn art imbiegħda se jaraw il-kastigi li Ġeħova bagħat fuq l-art. 23 Hu bagħat kubrit,* melħ, u nar, u b’hekk l-art kollha la tinżeraʼ, la tnibbet, u lanqas jikber ħaxix fiha, bħalma ġara fil-qerda taʼ Sodoma u Gomorra, u Adma u Sebojim, li Ġeħova qered fir-rabja u l-korla tiegħu. 24 It-tfal tagħkom, il-barranin, u l-popli kollha se jgħidu, ‘Ġeħova għala għamlilha hekk lil din l-art? X’wasslu biex jirrabja daqshekk?’ 25 Imbagħad jgħidu, ‘Kien minħabba li abbandunaw il-patt li għamel magħhom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, meta ħariġhom mill-art tal-Eġittu. 26 Huma marru u qdew allat oħrajn u mielu quddiemhom, allat li ma kinux jafu u li hu ma tahomx permess iqimuhom.* 27 Imbagħad Ġeħova rrabja ħafna kontra din l-art u ġab fuqha s-saħta kollha miktuba f’dan il-ktieb. 28 Għaldaqstant, Ġeħova qalagħhom mill-għeruq minn arthom fir-rabja, fil-korla, u fl-għadab kbir u ħadhom f’art oħra, fejn qegħdin illum.’
29 “Ġeħova l-Alla tagħna jaf l-affarijiet moħbija kollha, u jirrivela l-affarijiet lilna u lil dawk li se jiġu minna għal dejjem, sabiex nobdu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi.
30 “Waqt li tkun fost il-popli kollha li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun xerrdek fihom, se tesperjenza l-barka jew is-saħta u tiftakar* dak li għedtlek dwarhom. 2 Meta int, flimkien mat-tfal tiegħek, terġaʼ lura lejn Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha u tismaʼ minnu skont kulma qed nikkmandak illum, 3 imbagħad Ġeħova l-Alla tiegħek iġibek lura minn fejn tkun ilsir, iħenn għalik, u jerġaʼ jiġbrok minn fost il-popli kollha li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun xerrdek fihom. 4 Anki jekk in-nies tiegħek ikunu mxerrdin sa tarf is-sema, Ġeħova l-Alla tiegħek jiġbrok minn hemmhekk u jġibek lura. 5 Ġeħova l-Alla tiegħek se jdaħħlek fl-art li missirijietek kienu ħadu f’idejhom, u int tiħodha f’idejk. Hu jagħmillek il-ġid u jżidek iktar minn missirijietek. 6 Ġeħova l-Alla tiegħek inaddaf qalbek* u qalb dawk li se jiġu minnek, sabiex tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha, u b’hekk tgħix. 7 Imbagħad Ġeħova l-Alla tiegħek iġib dawn is-saħtiet kollha fuq l-għedewwa tiegħek, li kienu jobogħduk u jippersegwitawk.
8 “Int imbagħad iddur lura u tismaʼ minn leħen Ġeħova u tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum. 9 Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek bil-kbir ix-xogħol kollu taʼ jdejk u jagħtik ħafna tfal, annimali, u prodotti tal-art, għaliex Ġeħova se jerġaʼ jieħu pjaċir bik u jagħmillek il-ġid, bħalma ħa pjaċir b’missirijietek. 10 Għax imbagħad int se tismaʼ minn Ġeħova l-Alla tiegħek u tobdi l-kmandamenti u l-liġijiet tiegħu miktubin f’dan il-ktieb tal-Liġi, u terġaʼ lura lejn Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha.
11 “Issa dan il-kmandament li qed nikkmandak illum la hu diffiċli wisq għalik, u lanqas mhu ’l bogħod minnek. 12 Mhuwiex fis-sema, sabiex tgħid, ‘Min se jitlaʼ fis-sema biex iġibhulna, ħalli nisimgħuh u nagħmluh?’ 13 Lanqas mhu n-naħa l-oħra tal-baħar, sabiex tgħid, ‘Min se jaqsam għan-naħa l-oħra tal-baħar biex iġibhulna, ħalli nisimgħuh u nagħmluh?’ 14 Għax il-messaġġ tal-liġi hu qribek ħafna, f’ħalqek u f’qalbek stess, biex tkun tistaʼ tagħmlu.
15 “Illum qed nagħtikom l-għażla bejn il-ħajja u t-tajjeb, u l-mewt u l-ħażin. 16 Jekk tismaʼ mill-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek li qed nikkmandak illum, billi tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek, timxi fi triqatu, u tobdi l-kmandamenti, il-liġijiet, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, int tgħix u tiżdied, u Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek fl-art li se tieħu f’idejk.
17 “Imma jekk qalbek titbiegħed u int ma tismax, u tiġi mħajjar biex tmil quddiem allat oħrajn u taqdihom, 18 jien ngħidlek illum li żgur tinqered. Ma tgħixx ħajja twila fl-art li se taqsam il-Ġordan biex tiħodha f’idejk. 19 Jien qegħedt il-ħajja u l-mewt quddiemek, il-barka u s-saħta. Dawk kollha fis-sema u fl-art huma xhieda kontrik. Trid tagħżel il-ħajja sabiex tgħix int u dawk li se jiġu minnek 20 billi tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek, tismaʼ minnu, u tintrabat miegħu, għax hu jagħti l-ħajja, u jistaʼ jagħtik ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb.”
31 Imbagħad Mosè ħareġ u qal dan il-kliem lill-poplu t’Iżrael kollu: 2 “Illum għandi 120 sena. Ma nistax niggwidak* iktar, għax Ġeħova qalli, ‘M’intix se taqsam dan il-Ġordan.’ 3 Ġeħova l-Alla tiegħek jaqsam quddiemek, u hu stess se jeqred għalkollox lil dawn il-popli quddiemek, u int tkeċċihom. Hu Ġożwè li se jiggwidak biex taqsam, bħalma qal Ġeħova. 4 Ġeħova se jagħmlilhom bħalma għamel lil Siħon u lil Għog, ir-rejiet tal-Amurrin, u lil arthom meta qeridhom għalkollox. 5 Ġeħova se jirbħilhom għalik, u trid tagħmlilhom skont il-kmandamenti kollha li tajtek. 6 Kun kuraġġuż u sod. Tibżax u titwerwirx quddiemhom, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek qed jimxi miegħek. La se jitilqek u lanqas jabbandunak.”
7 Imbagħad Mosè għajjat lil Ġożwè u quddiem għajnejn Iżrael kollu qallu: “Kun kuraġġuż u sod, għaliex int il-wieħed li se ddaħħal lil dan il-poplu fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijiethom li jagħtihom, u int tagħtiha lilhom bħala wirt. 8 Ġeħova qed jimxi quddiemek, u hu se jibqaʼ miegħek. La se jitilqek u lanqas jabbandunak. Tibżax u titwerwirx.”
9 Imbagħad Mosè kiteb din il-Liġi u taha lill-qassisin Leviti li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, u lill-anzjani* kollha t’Iżrael. 10 Mosè kkmandahom u qalilhom: “Fi tmiem kull sebaʼ snin, fiż-żmien stabbilit fis-sena tal-ħelsien, matul il-Festa tal-Għerejjex,* 11 meta l-Iżraelin kollha jidhru quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel, int trid taqra din il-Liġi biex Iżrael kollu jismagħha. 12 Laqqaʼ l-poplu, l-irġiel, in-nisa, it-tfal,* u r-residenti barranin li qegħdin fil-bliet* tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu dwar Ġeħova l-Alla tagħkom, jirrispettawh ħafna,* u joqogħdu attenti li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi. 13 Imbagħad, it-tfal tagħhom li ma jkunux jafu din il-Liġi jisimgħu u jitgħallmu jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova l-Alla tagħkom il-jiem kollha li tgħixu fl-art li għaliha qed taqsmu l-Ġordan.”
14 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qorob iż-żmien biex tmut. Għajjat lil Ġożwè u morru* fit-tinda tal-laqgħa biex jien ninkarigah.” Għalhekk, Mosè u Ġożwè marru fit-tinda tal-laqgħa. 15 Imbagħad Ġeħova deher ħdejn it-tinda fil-kolonna tas-sħab, u l-kolonna tas-sħab qagħdet ħdejn id-daħla tat-tinda.
16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Int daqt se tmut,* u dawn in-nies se jibdew iqimu* l-allat barranin li hemm fl-art li sejrin fiha. Huma se jabbandunawni u jiksru l-patt tiegħi li għamilt magħhom. 17 F’dak iż-żmien, nirrabja ħafna kontrihom, u nabbandunahom u naħbi wiċċi minnhom sakemm jinqerdu. Imbagħad wara li jiġu fuqhom gwaj u tbatija kbira, huma jgħidu, ‘Hu minħabba li l-Alla tagħna mhux qiegħed f’nofsna li ġie fuqna dan il-gwaj!’ 18 Imma jien nibqaʼ naħbi wiċċi dakinhar minħabba l-ħażen kollu li għamlu meta daru lejn allat oħrajn.
19 “Issa iktbu din l-għanja għalikom u għallmuha lill-Iżraelin. Għidulhom jitgħallmuha* sabiex din isservi bħala x-xhieda tiegħi kontra l-Iżraelin. 20 Meta niħodhom fl-art li dwarha ħlift lil missirijiethom, art li tipproduċi ħafna,* u huma jieklu sa ma jixbgħu u jkollhom il-ġid,* huma se jduru lejn allat oħrajn u jaqduhom u juruni nuqqas taʼ rispett u jiksru l-patt tiegħi. 21 Meta jiġu fuqhom gwaj u tbatija kbira, din l-għanja sservi bħala xhieda għalihom (għax dawk li se jiġu minnhom m’għandhomx jinsewha), għax jien diġà naf x’beħsiebhom jagħmlu anki qabel ma ndaħħalhom fl-art li ħlift dwarha.”
22 Għalhekk, Mosè kiteb din l-għanja dakinhar u għallimha lill-Iżraelin.
23 Imbagħad hu* inkariga lil Ġożwè bin Nun u qallu: “Kun kuraġġuż u sod, għax int il-wieħed li se ddaħħal lill-Iżraelin fl-art li jien ħliftilhom dwarha, u jien nibqaʼ miegħek.”
24 Malli Mosè spiċċa jikteb fi ktieb il-kliem kollu taʼ din il-Liġi, 25 hu kkmanda lil-Leviti li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, u qal: 26 “Ħudu dan il-ktieb tal-Liġi u qegħduh mal-ġenb tal-arka tal-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, u dan iservi bħala xhieda kontrikom. 27 Għax jien stess naf tajjeb kemm intom ribellużi u raskom iebsa.* Jekk kontu tant ribellużi kontra Ġeħova waqt li jien għadni ħaj magħkom, aħseb u ara wara li mmut! 28 Laqqaʼ lill-anzjani kollha tat-tribujiet tagħkom u l-uffiċjali tagħkom ħalli ngħidilhom dan il-kliem biex jisimgħuh, u jien nieħu bħala xhieda kontrihom lil dawk kollha fis-sema u fl-art. 29 Għax jien naf tajjeb li wara li mmut, intom żgur li se taġixxu b’mod mill-agħar u se titbiegħdu mit-triq li kkmandajtkom dwarha. U fiż-żmien li ġej żgur li se jiġi fuqkom il-gwaj, għax se tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u toffenduh bix-xogħlijiet taʼ jdejkom.”
30 Imbagħad biex il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael tisimgħu, Mosè reġaʼ qal il-kliem taʼ din l-għanja mill-bidu sal-aħħar:
32 “Isma’ sema, u jien nitkellem,
U ħa tismaʼ l-art dak li ngħid jien.
2 L-istruzzjoni tiegħi tinżel bħax-xita,
Kliemi joqtor bħan-nida,
Bħal irxiex fuq il-ħaxix
U bħal ħalbiet tax-xita spissi fuq il-ħdura.
3 Għax jien se niddikjara l-isem taʼ Ġeħova.
Nitkellem dwar il-kobor tal-Alla tagħna!
4 Hu l-Blata, dak li jagħmel hu perfett,
Għax triqatu kollha huma ġusti.
Hu Alla taʼ min jafdah li qatt mhu inġust;
Hu ġust u sewwa.
5 Intom aġixxejtu b’mod mill-agħar.
M’intomx it-tfal tiegħu, it-tort hu tagħkom stess.
Intom ġenerazzjoni qarrieqa u mgħawġa!
6 Hekk għandek tittrattah lil Ġeħova,
Poplu stupidu u bla għerf?
Mhuwiex hu Missierek li ħalqek,
Il-Wieħed li għamlek u saħħek?
7 Ftakar f’jiem il-qedem;
Ikkunsidra s-snin tal-ġenerazzjonijiet tal-passat.
Staqsi lil missierek u jgħidlek;
Lil uħud imdaħħlin fiż-żmien u jinformawk.
8 Meta l-Iktar Għoli ta lill-popli l-wirt tagħhom,
Meta fired lit-tfal t’Adam* minn xulxin,
Hu għamel il-fruntiera tal-popli
Skont kemm kienu t-tfal t’Iżrael.
9 Għax sehem Ġeħova hu l-poplu tiegħu;
Ġakobb hu l-wirt tiegħu.
10 Hu sabu fid-deżert,
U f’deżert vojt, li fih kien jinstemaʼ l-għajjat.
Hu pproteġieh, ħa ħsiebu,
U ddefendieh bħall-mimmi t’għajnejh.
11 Bħalma ajkla tgħallem il-frieħ tagħha jtiru,
Ittir fuq il-frieħ tagħha,
Tiftaħ ġwinħajha, taqbadhom,
U ġġorrhom fuq ġwinħajha,
12 Ġeħova waħdu baqaʼ jmexxih;*
Ma kien hemm ebda alla barrani miegħu.
13 Hu rikkbu fuq il-postijiet għoljin tal-art,
U b’hekk kiel il-prodott tal-għelieqi.
Tah jiekol l-għasel mill-irdum
U ż-żejt minn blata taż-żnied,
14 Butir mill-merħla tal-baqar u ħalib mill-merħla tan-nagħaġ,
Flimkien mal-aqwa* nagħaġ,
U mtaten tal-Basan, u bdabad,
Flimkien mal-aqwa* qamħ;
U tah jixrob l-inbid mid-demm* tal-għeneb.
15 Meta Ġesurun* ħxien, hu rribella kontra sidu.
Hu ħxien, simen, u mtela.
Għalhekk, hu abbanduna lill-Alla li għamlu,
U stmerr il-Blata tas-salvazzjoni tiegħu.
16 Hu ġiegħlu jirrabja billi qiem allat barranin;
Beda joffendih b’affarijiet moqżieża.
17 Beda joffri sagrifiċċji lid-demonji, u mhux lil Alla,
Lill-allat li ma kienx jaf,
Allat ġodda li daħlu dan l-aħħar,
Lill-allat li missirijietu ma kinux jafu.
18 Hu nesa l-Blata, lil Missieru,
U ma ftakarx fl-Alla li welldu.
19 Meta Ġeħova ra dan, hu warrbu,
Għax it-tfal tiegħu subien u bniet offendewh.
20 Għalhekk qal, ‘Jien se naħbi wiċċi minnhom;
Ħa nara x’se jiġri minnhom.
Għax huma ġenerazzjoni mħassra,
Tfal li ma tistax tafdahom.
21 Huma ġegħluni nirrabja* billi qiemu allat foloz;
Offendewni bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn.
Allura jien se nqanqalhom jgħiru għal nies li mhumiex poplu;
B’poplu stupidu se noffendihom.
22 Għax ir-rabja tiegħi qabbdet nar
Li se jaqbad sal-qiegħ tal-Qabar,*
U se jeqred l-art u l-prodott tagħha
U jagħti n-nar lil kulma hemm taħt il-muntanji.
23 Se nżid il-gwaj tagħhom;
Se nuża l-vleġeġ tiegħi fuqhom.
24 Huma jkunu dgħajfin minħabba l-ġuħ,
Jittieklu minn deni qawwi, u jinqerdu għalkollox.
Se nibgħat snien il-bhejjem kontrihom
U l-velenu tas-sriep* tat-trab.
25 Barra, ix-xabla se tiħdilhom it-tfal;
Ġewwa, se jkun hemm twerwir
Kemm għaż-żagħżugħ u kemm għall-verġni,
Kemm għat-tarbija u kemm għal dak b’xagħru abjad.
26 Kieku kont ngħid: “Inxerridhom;
Sabiex in-nies ma jiftakruhomx iktar,”
27 Imma m’għedtx hekk għax bżajt mir-reazzjoni tal-għadu,
Għax l-għedewwa jistgħu jinterpretaw dan ħażin.
Forsi jgħidu: Bil-qawwa tagħna rbaħna;
Ma kienx Ġeħova li għamel dan kollu.”
29 Mhux li kienu għorrief! Kieku kienu jirriflettu dwar dan.
Kienu jaħsbu dwar il-konsegwenzi tagħhom.
30 Kif jistaʼ wieħed jiġri wara 1,000,
U tnejn iġiegħlu 10,000 jaħarbu,
Li kieku ma kienx għax il-Blata tagħhom kien biegħhom
U Ġeħova kien tahom f’idejn l-għedewwa?
31 Għax il-blata tagħhom mhijiex bħall-Blata tagħna,
Anki l-għedewwa tagħna fehmu dan.
32 Għax id-dielja tagħhom hi mid-dielja taʼ Sodoma
U mill-għelieqi tad-dwieli taʼ Gomorra.
L-għeneb tagħhom għeneb velenuż,
L-għenieqed tagħhom morri.
33 L-inbid tagħhom hu l-velenu tas-sriep,
Il-velenu qattiel tal-kobri.
34 Mhuwiex dak kollu li għamlu maħżun għandi,
Magħluq sew fil-maħżen tiegħi?
35 Il-vendetta hi tiegħi, anki t-tpattija,
Għaż-żmien stabbilit meta sieqhom togħtor,
Għax jum id-diżastru tagħhom hu qrib,
U dak li qed jistenniehom ġej malajr.’
36 Għax Ġeħova se jiġġudika lill-poplu tiegħu,
U se jitħassar* lill-qaddejja tiegħu,
Meta jara li s-saħħa tagħhom naqset,
U li fadal biss dawk bla ħila u dgħajfin.
37 Imbagħad hu jgħid, ‘Fejn huma allathom,
Il-blata li fittxew il-kenn fiha,
38 Li kienu jieklu x-xaħam tas-sagrifiċċji* tagħhom
U jixorbu l-inbid tal-offerti tax-xorb tagħhom?
Ħa jqumu jgħinukom.
Ħa jsiru għalikom post taʼ kenn.
39 Araw issa li jien—jien Alla,
U m’hemmx allat ħliefi.
Jien nagħti l-mewt, u jien nagħti l-ħajja.
Jien nagħmel ferita, u jien infejjaq,
U ħadd ma jistaʼ jeħles lil ħaddieħor minn idi.
40 Għax nerfaʼ idi lejn is-sema,
U naħlef: “Daqskemm jien ħaj għal dejjem,”
41 Jekk insinn ix-xabla tleqq tiegħi,
U nlesti idi għall-ġudizzju,
Jien nagħmel vendetta mill-avversarji tiegħi
U npattiha lil dawk li jobogħduni.
42 Inġiegħel il-vleġeġ tiegħi jiskru bid-demm,
Bid-demm tal-maqtulin u tal-ilsiera.
U x-xabla tiegħi tiekol il-laħam
Mill-irjus tal-mexxejja tal-għadu.’
43 Nies ta’ popli oħra, ifirħu mal-poplu tiegħu,
Għax hu se jitħallas għad-demm tal-qaddejja tiegħu,
U jagħmel vendetta mill-avversarji tiegħu
U jagħmel tpattija għall-art* tal-poplu tiegħu.”
44 B’hekk Mosè, flimkien maʼ Ħosegħa* bin Nun, mar u reġaʼ qal il-kliem kollu taʼ din l-għanja biex jisimgħuh in-nies. 45 Wara li Mosè spiċċa jgħid dan il-kliem kollu lill-Iżraelin kollha, 46 hu qalilhom: “Ħudu bis-serjetà l-kliem kollu li llum qed ngħidilkom bħala twissija, sabiex tikkmandaw lit-tfal tagħkom biex ikunu ċerti li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi. 47 Għax dan mhux kliem vojt, imma jfisser ħajjitkom, u b’dan il-kliem tistgħu tgħixu ħajja twila fl-art li se taqsmu l-Ġordan biex tiħduha f’idejkom.”
48 Ġeħova kellem lil Mosè dakinhar stess u qallu: 49 “Itlaʼ fuq din il-muntanja t’Għabarim, il-Muntanja Nebo, li qiegħda fl-art taʼ Mowab faċċata taʼ Ġeriko, u ħares lejn l-art taʼ Kangħan, li qed nagħti lill-Iżraelin biex tkun tagħhom. 50 Imbagħad int tmut fuq il-muntanja li se titlaʼ fuqha u tinġabar maʼ niesek,* bħalma miet ħuk Aron fuq il-muntanja Ħor u nġabar maʼ niesu, 51 għax it-tnejn li intom ma kontux leali lejja fost l-Iżraelin ħdejn l-ilmijiet taʼ Meriba taʼ Kades fid-deżert taż-Żin, għax ma qaddistunix quddiem il-poplu t’Iżrael. 52 Se tara l-art mill-bogħod, imma m’intix se tidħol fl-art li qed nagħti lill-poplu t’Iżrael.”
33 Issa din hi l-barka li Mosè, il-qaddej tal-Alla l-veru, qal lill-Iżraelin qabel ma miet. 2 Hu qal:
“Ġeħova ġie mis-Sinaj,
U idda fuqhom mis-Segħir.
Idda bil-glorja mir-reġjun muntanjuż tal-Faran,
U miegħu kien hemm għaxriet t’eluf t’anġli qaddisin,
U fuq il-lemin tiegħu kien hemm il-gwerriera tiegħu.
3 Hu kien jgħożż il-poplu tiegħu;
Il-qaddisin kollha tiegħu qegħdin f’idejh.
Huma joqogħdu bilqiegħda ħdejn saqajh;
Huma jisimgħu kliemu.
4 (Mosè tana liġi,
Bħala wirt tal-kongregazzjoni taʼ Ġakobb.)
6 Ħa jgħix Ruben u ma jmutx,
U ħa ma jsirux ftit l-irġiel tat-tribù tiegħu.”
7 U hu qal din il-barka għal Ġuda:
“Ġeħova, ismaʼ leħen Ġuda,
U jalla ġġibu lura għand niesu.
Hu ddefenda b’idejh* dak li hu tiegħu,
U jalla tgħinu kontra l-avversarji tiegħu.”
8 Dwar Levi qal:
“Alla, it-Tummim u l-Urim huma tar-raġel leali lejk,
Li int għaddejtu minn prova f’Massah.
Int bdejt tiġġieled miegħu ħdejn l-ilmijiet taʼ Meriba.
9 L-irġiel Leviti ma wrewx konsiderazzjoni għal missierhom u ommhom.
Lanqas lil ħuthom ma rrikonoxxew,
U injoraw lit-tfal tagħhom stess.
Għax huma obdew kelmtek,
U baqgħu jżommu mal-patt tiegħek.
10 Ħa jgħallmu lil Ġakobb id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħek
U lil Iżrael il-Liġi tiegħek.
Ħa joffru l-inċens bħala riħa pjaċevoli għalik
U offerta sħiħa fuq l-artal tiegħek.
11 Ġeħova, bierek is-saħħa tiegħu,
U jalla tieħu pjaċir b’xogħol idejh.
Kisser saqajn* dawk li jqumu kontrih,
Sabiex dawk li jobogħduh ma jerġgħux iqumu.”
12 Dwar Benjamin qal:
“Ħa jgħix il-maħbub taʼ Ġeħova fis-sigurtà ħdejh.
Waqt li jipprovdilu kenn il-jum kollu,
Hu se jgħix fuq spallejh.”
13 Dwar Ġużeppi qal:
“Jalla artu tkun imbierka minn Ġeħova
Bl-affarijiet mill-aqwa tas-sema,
Bin-nida u bl-ilmijiet mill-għejun taʼ taħt l-art,
14 Bl-affarijiet mill-aqwa li jikbru bix-xemx
U bl-affarijiet mill-aqwa tal-ħsad taʼ kull xahar,
15 Bl-aqwa nett tal-affarijiet mill-muntanji tal-qedem*
U bl-affarijiet mill-aqwa tal-għoljiet li jibqgħu,
16 Bl-affarijiet mill-aqwa tal-art u kulma fiha,
U bl-approvazzjoni taʼ Dak li deher fin-nar tal-għollieqa.
Jalla dawn il-barkiet jinżlu fuq ras Ġużeppi,
Jalla joqogħdu fuq il-qorriegħa taʼ ras il-magħżul minn fost ħutu.
17 Il-ġmiel tiegħu hu bħal dak tal-ewwel ferħ taʼ barri,
U l-qrun tiegħu huma bħall-qrun taʼ barri salvaġġ.
Bihom se jimbotta* l-popli
Kollha kemm huma sa truf l-art.
Dawn huma l-għaxriet tal-eluf t’Efrajm,
U huma l-eluf taʼ Manasse.”
18 Dwar Żebulun qal:
“Ifraħ Żebulun, meta toħroġ,
U anki int, Issakar, fit-tined tiegħek.
19 Huma se jgħajtu lill-popli lejn il-muntanja.
Hemmhekk joffru s-sagrifiċċji tal-ġustizzja.
Għax jieħdu mill-ġid abbundanti tal-ibħra
U mill-ħażniet* moħbijin tar-ramel.”
20 Dwar Gad qal:
“Imbierek dak li qed iwessaʼ l-fruntieri taʼ Gad.
Hu joqgħod hemm bħal iljun,
Lest biex iqaċċat l-id u r-ras.
21 Hu jagħżel l-ewwel sehem għalih.
Dan hu s-sehem li l-wieħed li jagħti l-liġi refaʼ għalih.
Il-kapijiet tal-poplu jinġabru flimkien.
Hu se jagħmel dak li hu sew f’isem Ġeħova
U d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu m’Iżrael.”
22 Dwar Dan qal:
“Dan hu ferħ taʼ ljun.
Hu joħroġ jaqbeż mill-Basan.”
23 Dwar Naftali qal:
“Naftali se jkun sodisfatt bl-approvazzjoni
U mimli bil-barka taʼ Ġeħova.
Ħu f’idejk il-Punent u n-Nofsinhar.”
24 Dwar Aser qal:
“Imbierek bit-tfal ikun Aser.
Ħa jkun approvat minn ħutu,
U ħa jdaħħal* siequ fiż-żejt.
26 M’hemm ħadd bħall-Alla l-veru taʼ Ġesurun,
Li jivvjaġġa fis-sema biex jgħinek
U li jiġi fuq is-sħab fil-kobor tiegħu.
27 Alla hu refuġju minn żmien il-qedem,
L-idejn dejjiema tiegħu huma taħtek.
Hu jkeċċi l-għadu minn quddiemek,
U jgħid, ‘Ġibhom fix-xejn!’
28 Iżrael se jgħix fis-sigurtà,
U dawk li se jiġu minn* Ġakobb se jkunu protetti
F’art taʼ ċereali* u nbid ġdid,
Li fiha s-sema tqattar in-nida.
29 Ferħan int, Iżrael!
Min hemm bħalek,
Poplu li jgawdi s-salvazzjoni minn Ġeħova,
It-tarka taʼ protezzjoni tiegħek,
U x-xabla kbira tiegħek?
L-għedewwa tiegħek ibaxxu rashom quddiemek,
U int tirfes fuq daharhom.”*
34 Imbagħad Mosè telaʼ mill-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab għal fuq il-Muntanja Nebo, fuq il-quċċata tal-Pisga, li hi faċċata taʼ Ġeriko. U Ġeħova wrieh l-art kollha, minn Gilegħad sa Dan, 2 u Naftali kollu u l-art t’Efrajm u Manasse, u l-art kollha taʼ Ġuda sal-baħar tal-Punent,* 3 u n-Negeb u d-distrett tal-Ġordan, il-pjanura fil-wied taʼ Ġeriko, il-belt tas-siġar tal-palm, sa Sogħar.
4 Imbagħad Ġeħova qallu: “Din hi l-art li dwarha ħlift lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, u għedt, ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha.’ Jien ħallejtek taraha b’għajnejk stess, imma m’intix se taqsam għal hemmhekk.”
5 Imbagħad Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova, miet hemmhekk fl-art taʼ Mowab bħalma kien qal Ġeħova. 6 Hu difnu fil-wied fl-art taʼ Mowab, faċċata taʼ Bet-pegħor, u sa dan il-jum ħadd ma jaf fejn hu l-qabar tiegħu. 7 Mosè kellu 120 sena meta miet. Hu kien għadu jara ċar u b’saħħtu. 8 In-nies t’Iżrael damu 30 jum jibku lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab. Imbagħad għaddew il-jiem tal-biki u tal-vistu għal Mosè.
9 Ġożwè bin Nun kien mimli bl-għerf,* għax Mosè kien qiegħed idu fuqu u inkarigah. U l-Iżraelin bdew jisimgħu minnu, u għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 10 Imma qatt ma reġaʼ kien hemm f’Iżrael profeta bħal Mosè, li Ġeħova kien jafu wiċċ imb wiċċ. 11 Hu għamel is-sinjali u l-mirakli kollha li Ġeħova bagħtu jagħmel fl-art tal-Eġittu quddiem il-Fargħun, il-qaddejja kollha tiegħu, u l-art kollha tiegħu, 12 u hu wera id b’saħħitha u qawwa tal-għaġeb quddiem għajnejn Iżrael kollu.
Letteralment “lit-tfal t’Iżrael.”
Milli jidher ir-reġjun muntanjuż tal-Libanu.
Jew “lil dawk li se jiġu minnhom.”
Jiġifieri bi swar għoljin ħafna.
Letteralment “għalkollox.”
Jew forsi “Alla saħħu.”
Jew “Tipprovokawhomx.”
Jiġifieri Kreta.
Jew “ikollhom uġigħ bħal dak tal-ħlas.”
Jew “Dak li ntuża biex jinġarr il-katavru.”
Jew forsi “minn ġebla sewda.”
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Ifisser “Irħula tat-Tined taʼ Ġajir.”
Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.
Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Letteralment “jibżgħu minni.”
Letteralment “l-Għaxar Kelmiet.” Magħrufin ukoll bħala Dekalogu.
Jew “oqogħdu attenti għal ruħkom.”
Jew “bħala l-wirt.”
Jew “bi provi.”
Jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ, jew il-Baħar il-Mejjet.
Letteralment “kontra wiċċi.”
Jew “rappreżentazzjoni.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “jaħbatlek tajjeb.”
Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-liġi.
Letteralment “Dan il-kliem.”
Letteralment “jibżgħu minni.”
Letteralment “tibżaʼ minn.”
Jew “bil-forza tiegħek; b’kulma għandek.”
Jew “irrepetih lil; fiehem kemm hu importanti lil.”
Jew “strixxa.”
Letteralment “bejn għajnejk.”
Letteralment “tibżaʼ.”
Letteralment “nibżgħu minnu.”
Jew “il-propjetà prezzjuża.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ibierek il-frott taʼ ġufek.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “tiblaʼ.”
Jew “fil-provi.”
Jew forsi “ppanikjati; imwerwrin.”
Letteralment “tibżaʼ minnu.”
Jiġifieri barley.
Jiġifieri bi swar għoljin ħafna.
Jew “tiħdilhom il-propjetà tagħhom.”
Letteralment “għonqu iebes.”
Jew “statwa minn metall imdewweb.”
Letteralment “għonqu iebes.”
Jew “għoġol minn metall imdewweb.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Jew “il-wirt.”
Jew “il-wirt.”
Jew “kaxxa.”
Letteralment “l-Għaxar Kelmiet.” Magħrufin ukoll bħala Dekalogu.
Jew “f’jum il-kongregazzjoni.”
Letteralment “tibżaʼ minn.”
Letteralment “agħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lil.”
Letteralment “għonqkom.”
Letteralment “mat-tifel bla missier.”
Letteralment “tibżaʼ.”
Jew “lilkom.”
Letteralment “issaqquha b’sieqkom,” jiġifieri b’xi ħaġa li titħaddem bis-saqajn, sew jekk b’xi rota tal-ilma u sew billi jsiru u jinfetħu kanali tal-ilma.
Letteralment “tiegħi.”
Letteralment “jien.” Hawn u fil-vers li jmiss “hu” qed tirreferi għal Alla.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “strixxa.”
Letteralment “bejn għajnejkom.”
Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.
Jew “inżul ix-xemx.”
Jew “l-għexur kollha.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “kull meta ruħkom tkun tixtieq.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “ruħek tkun tixtieq.”
Jew “kull meta ruħek tixtieq.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “kull meta ruħek tixtieq.”
Jew “ir-ruħ.”
Jew “ir-ruħ.”
Letteralment “minnu għandkom tibżgħu.”
Jew “ħabib li hu bħal ruħek stess.”
Jew “intgħamel qaddis permezz taʼ projbizzjoni.”
Jew “propjetà prezzjuża.”
Jiġifieri li jerġaʼ jomgħod l-ikel li jkun belaʼ.
Jiġifieri fins u scales.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “l-għexur.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “tibżaʼ minn.”
Jew “ruħek tkun tixtieq.”
Jew “kulma ruħek titlob minnek.”
Letteralment “tifel bla missier.”
Jew “qammiel.”
Letteralment “tal-barri.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Ara App. B15.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “it-tifel bla missier.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien kollha tiegħek.”
Jew “skroll.”
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jiġifieri l-post li Ġeħova jagħżel għall-qima.
Letteralment “jgħaddi min-nar.”
Letteralment “minħabba li qalbu tkun taħraq.”
Letteralment “iqum kontra.”
Jew “ebda ħaġa li tieħu n-nifs ħajja.”
Jew “mill-ħtija taʼ demm.”
Letteralment “żewġ nisa, waħda maħbuba u l-oħra mibgħuda.”
Jew “il-bidu tal-qawwa riproduttiva tiegħu.”
Jew “ħatjin tad-demm.”
Jew “imbagħad iwarrabha.”
Jew “iwarrabha.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “il-prostituzzjoni.”
Letteralment “jikxef id-dublett taʼ missieru.”
Jew “li tniġġes.”
Jiġifieri latrina.
Jew “il-qligħ.”
Letteralment “kelb.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “iwarrabha.”
Jew “jieħu l-ħajja.”
Il-kelma Ebrajka tradotta “ġdiem” għandha diversi tifsiriet u tistaʼ tinkludi diversi mard tal-ġilda li jittieħed. Tistaʼ tinkludi wkoll ċerti infezzjonijiet fil-ħwejjeġ u fid-djar.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “lit-tifel bla missier.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “isem id-dar tiegħu.” Letteralment “ismu.”
Letteralment “efa u efa.” Ara App. B14.
Letteralment “ma beżgħux minn.”
Letteralment “frott.”
Jew forsi “li kien wasal biex jinqered.”
Letteralment “lit-tifel bla missier.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “il-propjetà prezzjuża.”
Jew “bajdu bil-ġir.”
Jew “tbajdu bil-ġir.”
Jew “statwa mill-metall imdewweb.”
Jew “minn idejn min jaħdem l-injam u l-metall.”
Jew “Hekk ikun!”
Letteralment “lit-tifel bla missier.”
Letteralment “jimtedd.”
Letteralment “kixef id-dublett taʼ missieru.”
Letteralment “il-frott taʼ ġufek.”
Letteralment “jagħmlek ir-ras u mhux id-denb.”
Letteralment “il-frott taʼ ġufek.”
Letteralment “abbandunajtni.”
Letteralment “Is-smewwiet taʼ fuq rasek isiru ram.”
Letteralment “l-art taʼ taħtek issir ħadid.”
Jew “thewdin tal-moħħ.”
Letteralment “u ssir proverbju.”
Jew “insetti li jvenvnu ġwinħajhom.”
Letteralment “Hu jsir ir-ras, waqt li int stess issir id-denb.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “il-frott taʼ ġufek.”
Jew “u ruħ iddisprata.”
Jew “il-provi.”
Letteralment “qalb.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Jew “għalkemm ninsisti li nimxi fit-triqat taʼ qalbi.”
Letteralment “il-waħda msoqqija sew flimkien mal-waħda xotta.”
Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.
Letteralment “ma ngħatawx sehem minnhom.”
Letteralment “iġġib lura f’qalbek.”
Letteralment “jagħmillek iċ-ċirkonċiżjoni f’qalbek.”
Letteralment “noħroġ u nidħol.”
Jew “Tined Temporanji.”
Letteralment “iċ-ċkejknin.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “jibżgħu minnu.”
Letteralment “jibżgħu minn.”
Jew “ħudu postkom.”
Letteralment “timtedd maʼ missirijietek.”
Jew “jagħmlu prostituzzjoni spiritwali maʼ.”
Letteralment “Qegħduha f’ħalqhom.”
Jew “art li tnixxi ħalib u għasel.”
Letteralment “jeħxienu.”
Milli jidher tirreferi għal Alla.
Letteralment “għonqkom iebes.”
Jew forsi “lir-razza umana.”
Jiġifieri lil Ġakobb.
Letteralment “max-xaħam taʼ.”
Letteralment “max-xaħam tal-kilwa taʼ.”
Jew “mill-meraq.”
Ifisser “Wieħed Ġust,” titlu onorarju għal Iżrael.
Jew “ngħir.”
Jew “taʼ Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “tar-rettilli.”
Jew forsi “li ma jismax il-parir.”
Jew “jiddispjaċih għal.”
Jew “jieklu l-aqwa sagrifiċċji.”
Jew “inaddaf l-art.”
L-isem oriġinali taʼ Ġożwè. Ħosegħa hu forma mqassra taʼ Ħosajja li jfisser “Salvat minn Jah; Jah Salva.”
Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.
Ifisser “Wieħed Ġust,” titlu onorarju għal Iżrael.
Jew “Dirgħajh iġġieldu għal.”
Jew “ġenbejn.”
Jew forsi “mill-muntanji tal-Lvant.”
Jew “se jweġġaʼ.”
Jew “mit-teżori.”
Jew “jaħsel.”
Letteralment “U bħal jiemek se tkun saħħtek.”
Letteralment “l-għajn tal-ilma taʼ.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew forsi “l-postijiet għoljin tagħhom.”
Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.
Jew “Lil dawk li se jiġu minnek.”
Jew “bl-għerf li jiġi mill-ispirtu t’Alla.”