LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Ġeremija 1:1-52:34
  • Ġeremija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeremija
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Ġeremija

ĠEREMIJA

1 Dan hu l-kliem tiegħi, Ġeremija* t-tifel taʼ Ħilkija, wieħed mill-qassisin f’Għanatot fl-art taʼ Benjamin. 2 Ġeħova kellimni fit-13-il sena tat-tmexxija taʼ Ġosija, ir-re taʼ Ġuda u t-tifel t’Amon. 3 Kellimni wkoll minn żmien Ġeħojakim ir-re taʼ Ġuda u t-tifel taʼ Ġosija, sa tmiem il-11-il sena taʼ Sedekija r-re taʼ Ġuda u t-tifel taʼ Ġosija, u sakemm in-nies taʼ Ġerusalemm ittieħdu fl-eżilju fil-ħames xahar.

4 Ġeħova kellimni u qalli:

 5 “Kont nafek* qabel għamiltek f’żaqq ommok.

U għażiltek* biex tagħmel xogħol qaddis qabel ma twilidt.

Jien għamiltek profeta għall-popli.”

 6 Imma jien għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,*

Jien ma nafx nitkellem, għax għadni żgħir.”*

 7 Imbagħad Ġeħova qalli:

“Tgħidx li għadek żgħir.

Għax int għandek tmur għand dawk kollha li se nibagħtek għandhom,

U għandek tgħid dak kollu li nikkmandak.

 8 Tibżax minnhom,

Għax jien, Ġeħova, se nkun miegħek biex insalvak.”

9 Imbagħad Ġeħova ħareġ idu u messli ħalqi. U Ġeħova qalli: “Jien għedtlek x’għandek tgħid. 10 Jien illum inkarigajtek biex twissi lill-popli u lis-saltniet, biex taqlaʼ u twaqqaʼ, biex teqred u ġġarraf, u biex tibni u tħawwel.”

11 U Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: “X’int tara, Ġeremija?” Jien għedt: “Qed nara fergħa taʼ siġra tal-lewż.”*

12 Ġeħova qalli: “Sewwa rajt, għax jien imqajjem sew* biex inwettaq dak li ngħid.”

13 Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: “X’int tara?” Jien għedtlu: “Borma qed tagħli u hi mmejla mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar.” 14 Imbagħad Ġeħova qalli:

“Mit-Tramuntana ġej id-diżastru

Kontra n-nies kollha tal-pajjiż.

15 Għax ‘jien qed insejjaħ il-familji kollha tas-saltniet tat-Tramuntana,’ jgħid Ġeħova,

‘U huma se jiġu; kull re se jagħmel it-tron tiegħu

Fid-daħla tal-bibien taʼ Ġerusalemm,

U se jattakkaw id-dawra kollha tas-swar

U l-bliet kollha taʼ Ġuda.

16 U jien se ngħid il-ġudizzji tiegħi kontra l-poplu tiegħi minħabba l-ħażen kollu tagħhom,

Għax telquni,

U qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn

U jmilu quddiem xogħol idejhom stess.’

17 Imma int għandek tipprepara biex tieħu azzjoni,*

U għandek tmur u tgħidilhom kulma nikkmandak.

Tibżax minnhom,

Ħalli ma nġegħlekx tibżaʼ saħansitra iktar minnhom.

18 Għax illum jien għamiltek belt iffortifikata,

Kolonna tal-ħadid, u swar tar-ram kontra l-pajjiż kollu,

Kontra r-rejiet taʼ Ġuda u l-prinċpijiet tiegħu,

U l-qassisin tiegħu u n-nies tal-pajjiż.

19 U huma żgur li se jiġġieldu kontrik,

Imma mhux se jegħlbuk,*

Għax ‘jien miegħek biex insalvak,’ jgħid Ġeħova.”

2 Ġeħova kellimni u qalli: 2 “Mur u pprietka lil Ġerusalemm, ‘Hekk jgħidlek Ġeħova:

“Niftakar sew il-lealtà* tiegħek meta kont żgħira,

L-imħabba li wrejtni meta tgħarrasna,

Kif imxejt warajja fid-deżert,

F’art li ma kinitx miżrugħa.

 3 Iżrael kien qaddis għal Ġeħova, kien l-ewwel prodott tal-ħsad tiegħu.”’

‘Dawk kollha li jagħmlulu l-ħsara se jsiru ħatja.

Se jiġi diżastru fuqhom,’ jgħid Ġeħova.”

 4 Isimgħu x’qed jgħid Ġeħova, dar taʼ Ġakobb,

U intom mill-familji kollha tal-poplu t’Iżrael.

 5 Hekk jgħid Ġeħova: “Missirijietkom fiex sabuni ħati,

Biex tbiegħdu daqshekk ’il bogħod minni,

U qiemu idoli li ma jiswew għal xejn,

U b’hekk saru ma jiswew għal xejn huma stess?

 6 Ma staqsewx, ‘Fejn hu Ġeħova,

Il-Wieħed li ħariġna mill-art tal-Eġittu,

Li mexxiena mix-xagħri,

Minn art b’deżert u b’ħofor,

Minn art niexfa u mdallma ħafna,

Minn art fejn ħadd ma jivvjaġġa

U fejn l-ebda bniedem ma jgħix fiha?’

 7 Imbagħad jien ġibtkom f’art mimlija siġar tal-frott,

Biex tieklu l-frott u l-affarijiet tajbin li tipproduċi.

Imma intom ħammiġtu l-art tiegħi;

Il-wirt tiegħi għamiltuh bħal xi ħaġa li titqażżiżha.

 8 Il-qassisin ma staqsewx, ‘Fejn hu Ġeħova?’

Dawk li kellhom jgħallmu l-Liġi ma kinux jafuni,

Ir-ragħajja rribellaw kontrija,

Il-profeti pprofetizzaw f’isem Bagħal,

U qiemu allat li ma setgħux jgħinuhom.

 9 ‘Għalhekk, se nkompli niġġieled magħkom,’ jgħid Ġeħova,

‘U se niġġieled mat-tfal tat-tfal tagħkom.’

10 ‘Imma morru fil-gżejjer taʼ Kittim u araw.

Iva, ibagħtu lil xi ħadd Kedar u aħsbu sew;

Araw jekk qattx ġrat xi ħaġa bħal din.

11 Kien hemm xi poplu li qatt biddel l-allat tiegħu għal dawk li mhumiex allat?

Imma n-nies tiegħi bidlu l-glorja tiegħi maʼ xi ħaġa li ma tiswa għal xejn.

12 Sema, ħares bi stagħġib lejn dan;

Tkexkex bil-biżaʼ,’ jgħid Ġeħova,

13 ‘Għax in-nies tiegħi għamlu żewġ affarijiet ħżiena:

Abbandunaw lili, il-wieħed li nagħti l-ilma tal-ħajja,

U ħaffru għalihom infushom ġwiebi,

Ġwiebi mkissrin, li ma jistgħux iżommu l-ilma.’

14 ‘Hu Iżrael qaddej? Twieled hu bħala skjav?

Allura għala ngħata biex jiġi misruq?

15 Iljuni b’saħħithom jgħajtu kontrih;

Huma għollew leħinhom.

Għamlu l-art tiegħu xi ħaġa tal-biżaʼ.

Il-bliet tiegħu ġew maħruqin, u b’hekk m’hemm ħadd jgħix fihom.

16 In-nies taʼ Nof* u Taħfanes iħarbtulek il-pajjiż tiegħek.*

17 Mhux intom ġibtu dan fuqkom stess

Billi abbandunajtu lil Ġeħova l-Alla tagħkom

Waqt li kien qed imexxikom fit-triq?

18 Għala tixtieq tmur fit-triq li tieħdok l-Eġittu,

Biex tixrob l-ilma taʼ Siħor?*

Għala tixtieq tmur fit-triq li tieħdok l-Assirja,

Biex tixrob l-ilma tax-Xmara?*

19 Il-ħażen tiegħek għandu jikkoreġik,

U n-nuqqas taʼ lealtà tiegħek stess għandu jwissik.

Kun af u ifhem li hi xi ħaġa ħażina u serja

Li titlaq lil Ġeħova l-Alla tiegħek;

Int ma bżajtx minni,’ jgħid is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati.

20 ‘Għax żmien twil ilu, jien kissirt il-madmad tiegħek

U l-ktajjen li rabtuk bihom.

Imma int għedt: “Mhux se naqdik,”

Għax int kont mixħuta kif ġie ġie u tipprostitwixxi ruħek

Fuq kull għolja kbira u taħt kull siġra b’saħħitha.

21 Jien ħawwiltek bħala dielja tal-aqwa għeneb aħmar,

Li kibret minn żerriegħa tal-aqwa kwalità;

Allura kif tħassart quddiemi billi nbdilt f’rimja salvaġġa?’

22 ‘Għalkemm tinħasel bl-alkali* u b’ħafna sapun,

Il-ħtija tiegħek xorta tibqaʼ tebgħa għalija,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.

23 Kif tistaʼ tgħid, ‘Jien ma niġġistx lili nnifsi?

Jien ma qimtx lil Bagħalim’?

Ara kif ġibt ruħek fil-wied.

Aħseb sew dwar x’għamilt.

Int bħal ġemla żgħira u ħafifa

Li tiġri ’l hemm u ’l hawn kif ifettlilha.

24 Bħal ħmara salvaġġa li mdorrija fid-deżert,

U li xxomm ir-riħ għax ikollha xewqat sesswali.

Min jistaʼ jżommha meta tkun sħuna?

Dawk li jfittxuha ma jitħabtux.

Fi żmienha,* huma se jsibuha.

25 Ieqaf qabel tispiċċa ħafja u bil-għatx.

Imma int għedt, ‘Għalxejn qed tgħidli!

Jien sirt inħobb lill-allat barranin,*

U se nqim lilhom.’

26 Bħalma ħalliel jistħi meta jinqabad,

Hekk ġew imġiegħla jistħu l-Iżraelin,

Huma, ir-rejiet u l-prinċpijiet tagħhom,

U l-qassisin u l-profeti tagħhom.

27 Huma jgħidu lil siġra, ‘Int missieri,’

U lil ġebla, ‘Int wellidtni.’

Imma lili, minflok fittxewni tawni daharhom.

Imma meta jkunu fl-inkwiet se jgħiduli,

‘Ejja salvana!’

28 Imma fejn huma l-allat li għamilt għalik?

Ħa jiġu jekk jistgħu jsalvawk meta jkollok l-inkwiet,

Għax l-allat tiegħek żdiedu daqs il-bliet tiegħek, Ġuda.

29 ‘Għala tibqgħu tiħduha kontrija?

Għala rribellajtu kontrija kollha kemm intom?’ jgħid Ġeħova.

30 Ikkastigajt lit-tfal tagħkom, imma kien għalxejn.

L-ebda dixxiplina ma jaċċettaw;

Bħal iljun jgħajjat,

Ix-xwabel tagħkom qatlu lill-profeti tagħkom.

31 Poplu tiegħi, aħsbu sew dwar dak li jgħid Ġeħova.

Sirt jien bħal deżert għal Iżrael,

Jew pajjiż taʼ dlam ċappa?

Poplu tiegħi, għala tgħidu li tmorru fejn tridu

U li mhux se tiġu iżjed għandi?

32 Tistaʼ verġni tinsa t-tiżjin tagħha,

Jew għarusa tinsa ċ-ċinturin taż-żwieġ* tagħha?

Imma l-poplu tiegħi nsieni għal żmien twil.

33 Mara, kemm int kapaċi tfittex irġiel biex iħobbuk!

Sirt esperta f’li tagħmel affarijiet ħżiena.

34 Anki d-dbielet tiegħek huma mċappsin bid-demm taʼ nies* foqra u innoċenti.

Dawn ma nqatlux għax daħlu jisirqu;

Imma d-dbielet tiegħek huma mimlijin bid-demm tagħhom.

35 Imma int tgħid, ‘Jien innoċenti.

Żgur li m’għadux irrabjat miegħi.’

Allura, issa se niġġudikak

Għax int tgħid, ‘Ma dnibtx.’

36 Għala ma tiħux bis-serjetà n-nuqqas taʼ lealtà tiegħek?

Int se tistħi wkoll minħabba l-Eġittu,

Bħalma stħajt minħabba l-Assirja.

37 Anki minħabba f’hekk, int se toħroġ b’idek fuq rasek bil-mistħija,

Għax Ġeħova rrifjuta lil dawk li int tafda fihom;

Huma mhu se jkunu t’ebda għajnuna għalik.”

3 In-nies jistaqsu: “Jekk raġel ikeċċi lill-mara tiegħu u hi titilqu u ssir il-mara taʼ raġel ieħor, għandu hu jerġaʼ lura għandha?”

Ma ġietx din l-art imniġġsa għalkollox?

“Int għamilt il-prostituzzjoni maʼ ħafna rġiel,

Allura għandek issa terġaʼ lura għandi?” jgħid Ġeħova.

 2 “Ħares u ara l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom.

Hemm xi post li ma mteddejtx mal-irġiel?

Int kont toqgħod bilqiegħda fit-toroq tistenniehom,

Bħal Għarbi li jistenna fid-deżert.

Int qed tibqaʼ tniġġes l-art

Bil-prostituzzjoni u l-ħażen tiegħek.

 3 Hu għalhekk li mhux qed jagħmlu ħalbiet tax-xita,

U lanqas fir-rebbiegħa ma kien hemm xita.

Int bla mistħija u taġixxi bħal mara miżżewġa li tagħmel il-prostituzzjoni;

Int ma stħajtx.

 4 Imma issa tgħajjatli u tgħidli,

‘Missier, int il-ħabib tal-qalb tiegħi minn mindu kont żgħira!

 5 Se tibqaʼ int irrabjat għal dejjem,

Jew dejjem iżżomm f’qalbek?’

Int hekk tgħid,

Imma tibqaʼ tagħmel il-ħażin kollu li kapaċi tagħmel.”

6 Fi żmien ir-Re Ġosija, Ġeħova qalli: “‘Rajt x’għamlet il-mara mhux leali Iżrael? Hi marret fuq kull muntanja għolja u taħt kull siġra b’saħħitha biex tagħmel il-prostituzzjoni. 7 Anki wara li għamlet dan kollu, jien bqajt ngħidilha biex terġaʼ lura għandi, imma hi ma ġietx; u oħtha Ġuda baqgħet tara n-nuqqas tal-lealtà tagħha. 8 Meta rajt dan, jien keċċejt lil Iżrael li hi ribelluża b’ċertifikat tad-divorzju minħabba li għamlet adulterju. Imma oħtha Ġuda li mhux leali ma beżgħetx; anki hi marret u għamlet il-prostituzzjoni. 9 Hi* ma kienx jimpurtaha li qed tagħmel il-prostituzzjoni, u baqgħet tniġġes l-art u tagħmel adulterju billi tqim il-ġebel u s-siġar. 10 Minkejja dan kollu, oħtha Ġuda li mhux leali ma ġietx lura għandi b’qalbha kollha, imma għamlet biss tabirruħha,’ jgħid Ġeħova.”

11 Imbagħad Ġeħova qalli: “Iżrael li hi ribelluża wriet li hi* inqas ħatja minn Ġuda li mhux leali. 12 Mur u għid dan il-kliem lin-nies li qegħdin fit-Tramuntana:

“‘“Iżrael ir-ribelluża, ejja lura,” jgħid Ġeħova.’ ‘“Jien mhux se nħares lejk irrabjat, għax jien leali,” jgħid Ġeħova.’ ‘“Jien mhux se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem. 13 Imma ammetti l-ħtija tiegħek, għax int irribellajt kontrija, Ġeħova l-Alla tiegħek. Int komplejt timtedd mal-istranġieri* taħt kull siġra b’saħħitha, u ma smajtx minni,” jgħid Ġeħova.’”

14 “Tfal ribellużi, ejjew lura,” jgħid Ġeħova. “Għax jien sirt l-uniku sid tagħkom;* u se niħodkom wieħed minn hawn u tnejn minn hemm* u nġibkom f’Sijon. 15 U se nagħtikom ragħajja li jaġixxu kif irrid jien,* u huma se jagħtukom l-għarfien u jgħinukom tifhmu. 16 Dak iż-żmien, intom se ssiru ħafna u tiżdiedu fin-numru fil-pajjiż,” jgħid Ġeħova. “Qatt iktar mhu se titkellmu dwar l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. Mhux se taħsbu dwarha, tiftakruha jew timmissjawha, u lanqas se terġgħu tagħmlu oħra. 17 Dak iż-żmien, Ġerusalemm se tissejjaħ it-tron taʼ Ġeħova; u l-popli kollha se jinġabru flimkien biex ifaħħru isem Ġeħova f’Ġerusalemm, u ma jibqgħux jagħmlu dak li tixtieq qalbhom li hi ħażina.”

18 “F’dak iż-żmien, il-poplu taʼ Ġuda u t’Iżrael se jimxu maġenb xulxin, u flimkien se jiġu mill-pajjiż tat-Tramuntana għal ġol-pajjiż li jien tajt lil missirijietkom bħala wirt. 19 U jien ħsibt, ‘Kemm kont ferħan li nittrattakom bħala t-tfal tiegħi* u nagħtikom l-art sabiħa, l-isbaħ wirt fost il-popli!’* Ħsibt ukoll li intom kontu se ssejħuli ‘Missier!ʼ u li se tibqgħu tobduni.’ 20 ‘Imma bħalma mara mhux leali titlaq lir-raġel tagħha, hekk għamiltu intom, poplu t’Iżrael, aġixxejtu b’nuqqas taʼ lealtà lejja,’ jgħid Ġeħova.”

21 Fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom instemaʼ ħoss,

Il-biki u t-talb bil-ħniena tal-poplu t’Iżrael.

Għax huma għawġu t-triq tagħhom;

Huma nsew lil Ġeħova l-Alla tagħhom.

22 “Tfal ribellużi, ejjew lura,

U jien infejjaqkom u ma tibqgħux tkunu ribellużi.”

“Hawn qegħdin! Ġejna għandek,

Għax int, Ġeħova, l-Alla tagħna.

23 Infatti, aħna qarraqna bina nfusna billi għamilna ċelebrazzjonijiet storbjużi lil allat oħrajn fuq l-għoljiet u l-muntanji.

Infatti, Ġeħova l-Alla tagħna hu dak li jsalva lil Iżrael.

24 Imma mindu konna żgħar, il-ħaġa tal-mistħija ġabet* fix-xejn ix-xogħol iebes taʼ missirijietna,

Il-merħliet tan-nagħaġ u l-baqar tagħhom,

U t-tfal subien u bniet tagħhom.

25 Ejja nimteddu fil-mistħija tagħna,

U nħallu d-diżunur tagħna jgħattina,

Għax aħna dnibna kontra Ġeħova l-Alla tagħna,

Aħna u missirijietna dnibna minn mindu konna żgħar sal-lum,

U m’obdejniex dak li qalilna Ġeħova l-Alla tagħna.”

4 “Iżrael, jekk tiġi lura,” jgħid Ġeħova,

“Jekk terġaʼ lura għandi

U tneħħi l-idoli moqżieża tiegħek minn quddiemi,

Imbagħad ma jkollokx għalfejn tibqaʼ taħrab.”

 2 U jekk tgħid il-verità u tkun ġust u sewwa

Meta taħlef b’Ġeħova l-Alla ħaj,

Imbagħad il-popli kollha se jiġu mberkin permezz tiegħu,

U se jiftaħru bih m’oħrajn.

3 Għax Ġeħova hekk jgħidilhom lill-irġiel taʼ Ġuda u Ġerusalemm:

“Aħdmu art li hi tajba għall-ħrit,

U tibqgħux tiżirgħu qalb ix-xewk.

 4 Irġiel taʼ Ġuda u nies li tgħixu Ġerusalemm,

Naddfu lilkom infuskom b’mod li jogħġob lil Ġeħova,

U naddfu lil qalbkom,*

Ħalli r-rabja kbira tiegħi ma taqbadx bħal nar,

Bħal nar li ħadd ma jistaʼ jitfih,

Minħabba l-affarijiet ħżiena li tagħmlu.”

 5 Għidu f’Ġuda, u xandru f’Ġerusalemm.

Għajtu u doqqu l-qarn mal-pajjiż kollu.

Għidu b’leħen għoli: “Inġabru flimkien,

U ejja naħarbu fil-bliet iffortifikati.

 6 Għollu arblu bħala sinjal lejn Sijon.

Fittxu fejn tistkennu u tibqgħux weqfin,”

Għax se nġib diżastru mit-Tramuntana, qerda kbira.

 7 Ħareġ il-wieħed li jeqred il-popli,

Bħalma joħroġ iljun minn fejn ikun qed jistaħba.

Hu telaq minn pajjiżu biex jagħmel l-art tagħkom diżastru.

Il-bliet tagħkom se jsiru ħerba u ħadd mhu se jibqaʼ jgħix fihom.

 8 Għalhekk, ilbsu ħwejjeġ tal-ixkora,

Uru li intom imdejqin* u ibku.

Għax Ġeħova għadu rrabjat ħafna magħna.

 9 Ġeħova jgħid, “Dakinhar ir-re se jaqtaʼ qalbu,*

U anki l-prinċpijiet;

Il-qassisin se jibżgħu, u l-profeti se jibqgħu mbellhin.”

10 Imbagħad għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* Int vera qarraqt b’dan il-poplu u b’Ġerusalemm billi għedt, ‘Intom se jkollkom il-paċi,’ meta għandna x-xabla m’għonqna.”*

11 F’dak iż-żmien lil dan il-poplu u lil Ġerusalemm se jgħidulhom:

“Ġej riħ jaħraq mill-għoljiet tad-deżert li ma jikber xejn fihom

U se jkaxkar il-poplu tiegħi;*

Dan mhux ġej biex ineħħi l-qoxra taż-żerriegħa jew biex inaddaf.

12 Dan ir-riħ qawwi ġej minn dawn il-postijiet meta nikkmandah jien.

Issa se ngħid il-ġudizzji kontra l-poplu tiegħi.

13 L-għadu ġej bħas-sħab tax-xita,

U l-karrijiet tiegħu bħal riħ taʼ maltempata.

Iż-żwiemel tiegħu huma eħfef mill-ajkli.

Ħażin għalina, għax aħna mitlufin!

14 Ġerusalemm, neħħi l-ħażen minn qalbek ħalli ssalva.

Kemm se ddum taħseb fuq affarijiet ħżiena?

15 Għax xi ħadd qed jagħti aħbar minn Dan,

U qed ixandar diżastru mill-muntanji t’Efrajm.

16 Iva, għidu dan lill-popli;

Xandruh lil Ġerusalemm.”

“Ġejjin għassiesa* minn pajjiż ’il bogħod,

U huma se jgħollu leħinhom kontra l-bliet taʼ Ġuda.

17 Huma ġejjin kontriha minn kull naħa bħal gwardji tal-kampanja,

Għax hi rribellat kontrija,” jgħid Ġeħova.

18 “Se jkollok tħallas għal dak li għamilt u għal kif ġibt ruħek.

Id-diżastru tiegħek se jkun kbir,

Għax ir-ribelljoni tiegħek niżlet sew f’qalbek!”

19 Xi dwejjaq għandi,* xi dwejjaq għandi!

Qed inħoss uġigħ kbir f’qalbi.

Qalbi qed tħabbat ħafna.

Ma nistax nibqaʼ kwiet,

Għax smajt* il-ħoss tal-qarn,

Is-sinjal tal-gwerra.*

20 Ġie rrapportat diżastru wara l-ieħor,

Għax il-pajjiż kollu ġie meqrud.

F’daqqa waħda nqerdu t-tined tiegħi,

U f’ħakka t’għajn id-drappijiet tat-tined tiegħi.

21 Kemm se ndum nara l-arblu bħala sinjal,

U nismaʼ l-ħoss tal-qarn?

22 Għax il-poplu tiegħi hu iblah;

Ma jagħtix kasi.

Huma tfal stupidi li mhux kapaċi jifhmu.

Huma jilħqilhom* biex jagħmlu affarijiet ħżiena,

Imma ma jafux kif jagħmlu t-tajjeb.

23 Rajt li l-pajjiż kien vojt u abbandunat.

Ħarist lejn is-sema, u ma kellhiex iżjed dawl.

24 Rajt li l-muntanji kienu qed jitheżżu,

U l-għoljiet jitriegħdu.

25 Rajt li ma kien hemm ebda bniedem,

U l-għasafar kienu ħarbu kollha.

26 U rajt li l-pajjiż li kien bħal ġnien tas-siġar tal-frott spiċċa deżert,

U l-bliet tiegħu twaqqgħu kollha.

Ġeħova għamel dan

Għax kien irrabjat ħafna.

27 Għax Ġeħova hekk jgħid: “Il-pajjiż kollu se jiġi abbandunat,

Imma mhux se neqirdu għalkollox.

28 Minħabba f’hekk, il-pajjiż se jitnikket,

U s-sema se tiddallam.

Għax jien hekk għedt, hekk iddeċidejt,

U la se nbiddel fehmti* u lanqas se jerġaʼ jibdieli.

29 Mal-ħoss tar-rikkieba taż-żwiemel u tal-arċieri,

In-nies kollha tal-belt jaħarbu.

Huma jmorru fejn hemm is-siġar żgħar,

U jitilgħu mal-blat.

Il-bliet kollha huma mitluqin,

U ebda bniedem ma jgħix fihom.”

30 Issa li int* ġejt ħerba, x’se tagħmel?

Int kont tilbes ħwejjeġ ħomor jgħajtu,

Tiżżejjen bid-deheb,

U tiżbogħ għajnejk bl-iswed* biex tkabbarhom.

Imma għalxejn ipprovajt tidher sabiħa,

Għax dawk li kienu jiġru warajk warrbuk;

Issa qed ifittxu li joqtluk.

31 Għax smajt għajjat bħal meta tgħajjat mara bl-uġigħ,

L-għajjat taʼ mara li qed twelled l-ewwel tarbija tagħha,

Il-leħen taʼ bint Sijon b’nifisha maqtugħ.

Hi u tiftaħ idejha, tgħid:

“Ħażin għalija, għax jien għejejt* minħabba dawk li qed jipprovaw joqtluni!”

5 Morru duru fit-toroq taʼ Ġerusalemm,

Ħarsu madwarha sew.

Fittxu fil-pjazez tagħha biex taraw

Jekk hemmx xi ħadd li qed jaġixxi bil-ġustizzja,

Xi ħadd li qed jipprova jkun leali,

U jien naħfrilha.

 2 Anki jekk jaħilfu b’Ġeħova l-Alla l-ħaj,

Huma xorta jkunu qed jaħilfu b’mod falz.

 3 Ġeħova, ma tfittixx int lil min hu leali?

Int ikkastigajthom, imma ma ġewx effettwati.*

Int qridthom, imma ma ridux jaċċettaw id-dixxiplina.

Huma webbsu rashom* iktar mill-blat,

U m’aċċettawx li jduru lura lejk.

 4 Imma jien għedt bejni u bejn ruħi: “Imma dawn żgur huma nies injoranti.

Huma aġixxew taʼ boloh, għax ma jafux it-triq taʼ Ġeħova,

Il-liġijiet tal-Alla tagħhom.

 5 Jien se mmur għand l-irġiel importanti u nkellem lilhom,

Għax huma żgur li jafu t-triq taʼ Ġeħova,

Il-liġijiet tal-Alla tagħhom.

Imma huma lkoll kissru l-madmad*

U qattgħu l-irbit.”

 6 Hu għalhekk li ljun tal-foresta se jattakkahom,

Lupu tad-deżert se jibqaʼ jeqridhom,

U leopard jibqaʼ mqajjem qrib il-bliet tagħhom.

B’hekk kull min joħroġ minn hemm jiġi mqattaʼ biċċiet.

Għax id-dnubiet tagħhom huma ħafna;

Huma kemm-il darba ma kinux leali.

 7 Kif nistaʼ naħfirlek għal dan?

It-tfal tiegħek telquni,

U huma jaħilfu b’dak li mhux Alla.

Jien tajthom kulma kellhom bżonn,

Imma huma baqgħu jagħmlu adulterju,

U jiffollaw fid-dar taʼ prostituta.

 8 Huma bħal żwiemel b’saħna kbira,

Imorru wara l-mara taʼ raġel ieħor.

 9 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.

“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?”

10 “Ejjew kontra l-għelieqi tad-dwieli tagħha u agħmlu ħerba,

Imma teqirduhomx għalkollox.

Neħħu l-friegħi ġodda tagħha,

Għax dawn mhumiex tiegħi,” jgħid Ġeħova.

11 “Għax il-poplu t’Iżrael u l-poplu taʼ Ġuda

Aġixxew għalkollox b’nuqqas taʼ lealtà miegħi,” jgħid Ġeħova.

12 “Huma warrbu lili, Ġeħova, u jibqgħu jgħidu,

‘Hu mhu se jagħmel xejn.*

Mhu se jiġi l-ebda diżastru fuqna;

Aħna mhux se nesperjenzaw ix-xabla jew il-ġuħ.’

13 Il-profeti jgħidu kliem fil-vojt,

U l-kelma tiegħi mhix f’qalbhom.

Ħa jiġu fix-xejn bħall-kliem tagħhom.”

14 Għalhekk Ġeħova, l-Alla tal-armati, jgħid:

“Minħabba li dawn l-irġiel qed jgħidu dan,

Jien se nagħmel il-kelma tiegħi bħal nar f’ħalqek,*

U lil dan il-poplu bħal injam,

U dan se jaħraqhom.”

15 Ġeħova jgħid, “Iżrael, jien se nġib fuqkom poplu mill-bogħod.

Poplu li ilu jeżisti.

Poplu tal-qedem,

Li l-lingwa tiegħu ma tafuhiex,

U li ma tifhmux dak li jgħidu.

16 Il-barżakka tal-vleġeġ tagħhom hi bħal qabar miftuħ;

Huma kollha gwerriera.

17 Huma se jħarbtu l-ħsad u l-ħobż tiegħek.

Se joqtlu lit-tfal subien u bniet tiegħek.

Se jħarbtu l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar tiegħek.

Se jħarbtu d-dwieli u s-siġar tat-tin tiegħek.

Bl-armi tagħhom se jeqirdu l-bliet iffortifikati li qed tafda fihom.”

18 Ġeħova jgħid, “Imma anki dak iż-żmien, m’iniex se neqridkom għalkollox. 19 U meta jistaqsu, ‘Għala Ġeħova l-Alla tagħna għamlilna dan kollu?’ int għandek twiġibhom, ‘Bħalma intom tlaqtu lili, l-Alla tagħkom, biex taqdu alla barrani fil-pajjiż tagħkom, hekk se taqdu lill-barranin f’art li mhix tagħkom.’”

20 Għidu dan fid-dar taʼ Ġakobb,

U xandru dan f’Ġuda:

21 “Isimgħu dan, poplu iblah u bla sens:

Għandkom l-għajnejn, imma ma tarawx;

Għandkom il-widnejn, imma ma tisimgħux.

22 ‘Kif ma tirrispettawnix?’ jgħid Ġeħova,

‘Ma misskomx titriegħdu quddiemi?

Jien dak li poġġejt ir-ramel bħala limitu għall-baħar,

U bħala regola għal dejjem li l-baħar ma jistax jaqbżu.

Għalkemm il-mewġ tiegħu jħabbat, ma jistax jilħqu;

Għalkemm jagħmel ħoss qawwi, xorta ma jistax jaqbeż il-limitu.

23 Imma dan il-poplu rasu iebsa u ribelluż;

Huma telquni u qed jagħmlu dak li jridu huma.

24 Huma ma jgħidux f’qalbhom:

“Issa ejja nirrispettaw ħafna lil Ġeħova l-Alla tagħna,

Il-Wieħed li jagħti x-xita fl-istaġun tagħha,

Kemm fil-ħarifa u kemm fir-rebbiegħa,

U Dak li jagħmel ċert li nistgħu naħsdu fil-ġimgħat tal-ħsad.”

25 L-iżbalji tagħkom stess żammewkom lura milli tirċievu dawn il-benefiċċji;

Id-dnubiet tagħkom stess ċaħħdukom milli tagħmlu dak li hu tajjeb.

26 Fost il-poplu tiegħi hemm nies mill-agħar.

Huma joqogħdu għassa, bħal nassaba li jkunu mistoħbija.

Huma jagħmlu nassa li toqtol.

Fiha jaqbdu n-nies.

27 Id-djar tagħhom huma mimlijin b’affarijiet li kisbu bil-qerq,

Bħal gaġġa mimlija għasafar.

Hu għalhekk li saru sinjuri u għandhom il-qawwa.

28 Huma ħxienu u l-ġilda tagħhom tleqq;

Qed jagħmlu ħafna affarijiet ħżiena.

Biex jirnexxu, mhux jiddefendu l-kawżi tal-orfni,

U ma jagħmlux ġustizzja mal-foqra.’”

29 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.

“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?”

30 Fil-pajjiż, ġrat xi ħaġa li tkexkex u tal-biżaʼ:

31 Il-profeti qed jipprofetizzaw il-gideb

U l-qassisin qed jużaw l-awtorità li għandhom biex imexxu fuq oħrajn.

U l-poplu tiegħi qed jieħu pjaċir b’dan.

Imma x’se tagħmlu meta jasal it-tmiem?”

6 Tfal taʼ Benjamin, morru stkennu ’l bogħod minn Ġerusalemm.

Doqqu l-qarn f’Tekogħa;

Qabbdu n-nar bħala sinjal fuq Bet-ħakkerem.

Għax ġej diżastru mit-Tramuntana, diżastru kbir.

 2 Il-Belt taʼ Sijon tixbah lil mara sabiħa u delikata.

 3 Se jiġu r-ragħajja u l-imrieħel tagħhom.

Huma se jarmaw it-tined tagħhom madwarha,

Kull wieħed se jirgħa l-imrieħel li jieħu ħsieb.

 4 “Ippreparaw* biex niggwerraw kontriha!

Ejjew ħa mmorru nattakkawha f’nofsinhar!”

“Ħażin għalina, għax il-ġurnata qed tonqos,

U qed jidlam kmieni!”

 5 “Ejja ħa nattakkawha billejl

U neqirdu t-torrijiet iffortifikati tagħha.”

 6 Għax Ġeħova tal-armati hekk jgħid:

“Aqtgħu s-siġar u tellgħu rampa għall-assedju kontra Ġerusalemm.

Hi l-belt li trid tagħti kont.

Moħqrija biss hemm fiha.

 7 Bħalma ġiebja fiha ilma frisk,

Din il-belt fiha l-ħażen.

Il-vjolenza u l-qerda ma jiqfux fiha;

Il-ħin kollu nara l-mard u d-diżastri tagħha.

 8 Oqgħod attent għal dak li qed navżak, Ġerusalemm,

Inkella nitilqek* għax inkun iddiżgustat bik;

Se nagħmlek art abbandunata u ħadd ma jgħix fik.”

 9 Ġeħova tal-armati hekk jgħid:

“Il-fdal t’Iżrael huma bħall-għeneb li jifdal f’dielja.

Għandek tiġborhom flimkien bħalma wieħed ilaqqat l-aħħar għeneb.”

10 “Lil min għandi nkellem u nwissi?

Min se jismaʼ?

Widnejhom magħluqin* ħalli ma jagħtux kas.

Huma jwaqqgħu għaċ-ċajt dak li jgħid Ġeħova;

Ma jiħdux pjaċir bih.

11 Allura jien irrabjat ħafna bħalma hu Ġeħova,

U ma niflaħx inżomm iktar.”

“Għid dwar ir-rabja tiegħi lit-tfal fit-toroq,

U lill-ġuvintur miġburin flimkien.

Kulħadd se jinħataf, raġel mal-mara tiegħu,

U raġel kbir fl-età maʼ dak ikbar minnu.

12 Id-djar tagħhom se jtuhom lil ħaddieħor,

U anki l-għelieqi u n-nisa tagħhom.

Għax se nuża l-qawwa tiegħi biex nikkastiga lin-nies taʼ dan il-pajjiż,” jgħid Ġeħova.

13 “Għax miż-żgħir sal-kbir, qed jagħmlu qligħ diżonest;

Mill-profeta sal-qassis, kollha jagħmlu l-qerq.

14 Huma jipprovaw ifejqu taʼ fuq fuq il-ferita tal-poplu tiegħi, billi jgħidu,

‘Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!’

Meta m’hemmx paċi.

15 Jistħu huma għall-affarijiet moqżieża li jagħmlu?

Lanqas xejn!

Huma lanqas biss jafu jistħu!

Allura se jaqgħu maʼ dawk li diġà waqgħu.

Meta nikkastigahom, se jitfixklu,” jgħid Ġeħova.

16 Hekk jgħid Ġeħova:

“Ieqfu f’salib it-toroq u araw.

Staqsu dwar it-toroq tal-qedem,

Staqsu fejn hi t-triq it-tajba, u imxu fiha,

U ssibu s-serħan.”*

Imma intom tgħidu: “Mhux se nimxu fiha.”

17 “U inkarigajt għassiesa biex jgħidu,

‘Oqogħdu attenti għall-ħoss tal-qarn!’”

Imma intom għedtu: “Mhux se noqogħdu attenti.”

18 “Għalhekk, isimgħu ġnus!

Popli, kunu afu x’se jiġrilhom.

19 Isimgħu, nies kollha tal-art!

Jien se nġib diżastru fuq dan il-poplu

Bħala konsegwenza taʼ dak li ppjanaw,

Għax huma ma tawx kas dak li għedtilhom

U warrbu l-liġi* tiegħi.”

20 “Jien ma jinteressanix li ġġibu l-inċens abjad minn Xeba

U l-qasab aromatiku minn pajjiż ’il bogħod.

Mhux se naċċetta l-offerti sħaħ tal-ħruq li toffru,

U ma niħux pjaċir bis-sagrifiċċji tagħkom.”

21 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova:

“Jien se nqiegħed ġebel taʼ tfixkil għal dan il-poplu,

U huma se jitfixklu fih,

Il-missirijiet mat-tfal,

Il-ġar mal-ħabib tiegħu,

U kollha kemm huma se jispiċċaw fix-xejn.”

22 Hekk jgħid Ġeħova:

“Ġej poplu mill-pajjiż tat-Tramuntana,

U ġens kbir se jaġixxi mill-iżjed partijiet ’il bogħod tal-art.

23 Huma se jaqbdu l-qaws u l-lanza.

Huma kattivi u mhux se juru ħniena.

Leħinhom se jinstemaʼ bħall-baħar imqalleb,

U huma jirkbu fuq iż-żwiemel.

Belt taʼ Sijon, huma se joħorġu għall-battalja bħal raġel wieħed kontrik.”

24 Sirna nafu dwar dan.

Spiċċajna bla saħħa.

Ħakmitna l-ansjetà,

U għandna wġigħ bħal taʼ mara li qed twelled.

25 Toħroġx fl-għalqa,

U timxix fit-triq,

Għax l-għadu għandu xabla;

In-nies kullimkien huma mwerwrin.

26 Poplu tiegħi,*

Ilbsu ħwejjeġ tal-ixkora u tqallbu fl-irmied.

Ibku u agħmlu l-vistu bħal xi ħadd li mietlu l-uniku tifel,

Għax f’daqqa waħda dak li se jeqred se jiġi fuqna.

27 “Għamiltek* bħal wieħed li jeżamina l-metall fost il-poplu tiegħi,

Wieħed li jfittex sew;

Għandek tagħti kas u teżamina x’inhuma jagħmlu.

28 Huma l-iktar nies rashom iebsa.

Imorru jduru jimmalafamaw.

Huma bħal ram u ħadid;

Kollha kemm huma korrotti.

29 Wieħed jagħmel sforz kbir biex jirfinahom,

Tant li anki l-għodod tiegħu jinħarqu.

Imma hu għalxejn li jipprova jirfinahom

Għax kollha kemm huma ħżiena.

Ċomb biss joħroġ min-nar.

30 In-nies se jgħidu li huma bħal fidda mwarrba,

Għax Ġeħova warrabhom.”

7 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Oqgħod fil-bieb tad-dar taʼ Ġeħova u xandar dan il-messaġġ, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li tidħlu minn dawn il-bibien biex tqimu lil Ġeħova. 3 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael jgħid: “Irranġaw il-mod kif tgħixu u kif iġġibu ruħkom, u jien inħallikom tgħixu f’dan il-post. 4 Tafdawx fi kliem qarrieq u tgħidu: ‘Dan hu* t-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova!’ 5 Għax jekk veru tirranġaw il-mod kif tgħixu u kif iġġibu ruħkom; jekk vera tagħmlu ġustizzja bejn in-nies; 6 jekk ma taħqrux lir-residenti barranin, l-orfni,* u n-nisa romol; jekk ma toqtlux lil xi ħadd innoċenti f’dan il-post; u jekk ma tqimux lil allat oħrajn bi ħsara għalikom infuskom, 7 imbagħad jien se nħallikom tibqgħu tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom għal dejjem.”’”*

8 “Imma intom qed tafdaw fi kliem qarrieq, li assolutament mhu se jkun t’ebda benefiċċju għalikom. 9 Taħsbu li tistgħu tisirqu, toqtlu, tagħmlu adulterju, taħilfu falz, tagħmlu sagrifiċċji* lil Bagħal, u tqimu allat oħrajn li ma kontux tafu, 10 u mbagħad tiġu quddiemi f’din id-dar li tissejjaħ b’ismi u tgħidu li se ssalvaw minkejja l-affarijiet moqżieża kollha li qed tagħmlu? 11 Jaqaw din id-dar li tissejjaħ b’ismi saret għar tal-ħallelin għalikom? Jien qed nara x’intom tagħmlu,” jgħid Ġeħova.

12 “‘Madankollu, issa morru fil-post tiegħi f’Silo, il-post li kont għażilt l-ewwel biex jiġi mfaħħar ismi, u araw x’għamiltlu minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Iżrael. 13 Imma intom bqajtu tagħmlu dawn l-affarijiet kollha, u għalkemm kellimtkom għal darba wara l-oħra intom ma smajtux,’ jgħid Ġeħova. ‘Jien bqajt ngħajtilkom, imma intom ma wiġibtux. 14 Għalhekk, bħalma għamilt lil Silo, hekk se nagħmel lid-dar li tissejjaħ b’ismi li fiha qed tafdaw, u lil dan il-post li tajt lilkom u lil missirijietkom. 15 Se nkeċċikom minn quddiem għajnejja bħalma keċċejt lil ħutkom kollha, lil dawk kollha li jiġu minn Efrajm.’

16 “Imma int, Ġeremija, titlobx għal dan il-poplu. Tgħajjatlix biex ngħinhom, u titlobnix jew tissupplikani* għalihom, għax jien mhux se nisimgħek. 17 M’intix tara x’qed jagħmlu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm? 18 It-tfal qed jiġbru l-injam, il-missirijiet qed iqabbdu n-nar, u l-ommijiet qed jagħġnu l-għaġina biex jagħmlu ħobż taʼ sagrifiċċju għar-Reġina tas-Sema,* u qed iferrgħu offerti tax-xorb lil allat oħrajn biex joffenduni. 19 ‘Imma lili qed iweġġgħu?’* jgħid Ġeħova. ‘Huma qed iweġġgħu lilhom infushom, u se jkollhom jistħu.’ 20 Għalhekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Jien se nferraʼ r-rabja u l-korla tiegħi fuq dan il-post, fuq in-nies u l-annimali, u fuq is-siġar u l-prodott tal-art. Ir-rabja tiegħi hi bħal nar li mhux se jintefa.’

21 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Mas-sagrifiċċji l-oħra tagħkom żidu l-offerti sħaħ tal-ħruq, u kulu l-laħam intom stess. 22 Għax dakinhar li ħriġt lil missirijietkom mill-art tal-Eġittu, jien la kellimthom u lanqas ikkmandajthom dwar l-offerti sħaħ tal-ħruq u s-sagrifiċċji. 23 Imma jien tajthom dan il-kmand: “Obdu dak li ngħid, u nsir l-Alla tagħkom u intom issiru l-poplu tiegħi. Għandkom tagħmlu dak kollu li nikkmandakom ħalli tirnexxu.”’ 24 Imma huma la semgħuni u lanqas taw kasi.* Minflok, b’ras iebsa għamlu dak li kienu jaħsbu huma* u dak li tixtieq qalbhom li hi ħażina, u marru lura u mhux ’il quddiem, 25 minn dakinhar li missirijietkom ħarġu mill-art tal-Eġittu sal-lum. Hu għalhekk li bqajt nibagħtilkom il-qaddejja kollha tiegħi l-profeti. Kont nibgħathom kuljum għal darba wara l-oħra. 26 Imma dan il-poplu ma riedx jismagħni u lanqas jagħti kasi. Minflok, kien rasu iebsa u aġixxa agħar minn missirijietu!

27 “Int se tgħidilhom dan kollu, imma mhux se jisimgħuk. Int se tgħajtilhom, imma mhux se jwiġbuk. 28 U int se tgħidilhom, ‘Dan hu l-poplu li ma jobdix dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħhom u li jirrifjuta li jaċċetta d-dixxiplina. M’hemm ħadd li hu leali, u l-lealtà lanqas biss tissemma fosthom.’

29 “Qaxxar ix-xagħar twil* tiegħek u armih ’l hemm, u fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom semmaʼ għanja taʼ swied il-qalb, għax Ġeħova warrab lil dan il-poplu li ġiegħlu jirrabja ħafna, u se jabbandunah. 30 ‘Għax il-poplu taʼ Ġuda għamel dak li hu ħażin f’għajnejja,’ jgħid Ġeħova. ‘Huma qiegħdu l-idoli moqżieża tagħhom fid-dar li tissejjaħ b’ismi, sabiex iniġġsuha. 31 Huma bnew il-postijiet għoljin għal Tofet, li qiegħed fil-Wied taʼ Bin Ħinnom,* biex jaħarqu lis-subien u l-bniet tagħhom fin-nar, xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx u li lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi.’

32 “Ġeħova jgħid, ‘Għalhekk, ġej iż-żmien meta ma jibqax jissejjaħ Tofet jew il-Wied taʼ Bin Ħinnom,* imma l-Wied tal-Qatla. Huma se jidfnu f’Tofet sakemm ma jibqax iktar post fejn jidfnu. 33 U l-iġsma mejtin taʼ dan il-poplu se jsiru ikel għall-għasafar u għall-bhejjem, u ma jkun hemm ħadd biex ikeċċihom. 34 U fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, u l-leħen tal-għarus u l-għarusa, għax il-pajjiż se jsir ħerba.’”

8 Ġeħova jgħid: “F’dak iż-żmien, l-għadam tar-rejiet taʼ Ġuda, tal-prinċpijiet, tal-qassisin, tal-profeti, u taʼ dawk li jgħixu Ġerusalemm se jittieħdu mill-qabar tagħhom. 2 L-għadam tagħhom se jiġi mferrex max-xemx, il-qamar, u l-istilel* kollha li kienu jħobbu, jaqdu, jimxu warajhom, ifittxu l-gwida tagħhom, u jmilu quddiemhom. Mhux se jinġabar u lanqas jindifen. Se jsir bħal demel fuq wiċċ l-art.”

3 “U dawk li jibqgħu ħajjin minn dan il-poplu ħażin se jippreferu li jmutu milli jgħixu fil-postijiet kollha li se nferrixhom,” jgħid Ġeħova tal-armati.

4 “U int għandek tgħidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova:

“Jaqaw jekk xi ħadd jaqaʼ, ma jerġax iqum?

Jekk xi ħadd jiġi lura, l-oħrajn ma jiġux lura wkoll?

 5 Għala dawn in-nies f’Ġerusalemm jibqgħu mhux leali lejja?

Jibqgħu jemmnu fil-gideb;

Ma jridux jiġu lura.

 6 Jien qgħadt attent u qgħadt nismagħhom, imma ma kinux qed jgħidu l-verità.

Lanqas raġel ma nidem mill-ħażen tiegħu jew staqsa, ‘X’għamilt?’

Kull wieħed jibqaʼ jagħmel kif tagħmel il-maġġoranza, bħal żiemel li jidħol għall-battalja.

 7 Anki ċ-ċikonja taf meta għandha tpassi;*

Il-gamiema, ir-rundun, u l-għasfur tal-għana* jżommu maż-żmien li jridu jmorru lura.

Imma l-poplu tiegħi ma jifhimx li jien, Ġeħova, se niġġudikah.”’

 8 ‘Kif tistgħu tgħidu: “Aħna għorrief u għandna l-liġi* taʼ Ġeħova”?

Fil-fatt, is-segretarji* jużaw il-pinna biex jiktbu l-gideb biss.

 9 L-għorrief ġew imġiegħla jistħu.

Huma se jitwerwru u jinqabdu.

Huma warrbu dak li jgħid Ġeħova,

Allura x’għerf għandhom?

10 Għalhekk, se nagħti n-nisa tagħhom lil irġiel oħra,

U l-għelieqi tagħhom lil ħaddieħor;

Għax miż-żgħir sal-kbir, qed jagħmlu qligħ diżonest;

Mill-profeta sal-qassis, kollha jagħmlu l-qerq.

11 U huma jipprovaw ifejqu taʼ fuq fuq il-ferita tal-poplu tiegħi* billi jgħidu:

“Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!”

Meta m’hemmx paċi.

12 Jistħu huma għall-affarijiet moqżieża li jagħmlu?

Lanqas xejn!

Huma lanqas biss jafu jistħu!

Allura se jaqgħu ma’ dawk li diġà waqgħu.

Meta nikkastigahom, se jitfixklu,’ jgħid Ġeħova.

13 ‘Meta niġborhom, se neqridhom,’ jgħid Ġeħova.

‘Mhux se jkun hemm iktar għeneb fid-dielja, tin fis-siġra tat-tin, u l-weraq se jinxef.

Dak li tajthom se jitilfuh.’”

14 “Għala qegħdin bilqiegħda hawn?

Ejja ninġabru, nidħlu fil-bliet iffortifikati, u mmutu hemm.

Għax Ġeħova l-Alla tagħna se jeqridna,

Hu jagħtina ilma vvelenat x’nixorbu,

Għax dnibna kontra Ġeħova.

15 Ittamajna għall-paċi, imma ma ġara xejn sew!

Ittamajna għal żmien taʼ fejqan, imma aħna mwerwrin!

16 Mill-art taʼ Dan jinstemaʼ l-infiħ taż-żwiemel tal-għadu.

L-art kollha triegħdet meta bdew jiżhru ż-żwiemel tiegħu,

L-għadu belaʼ l-art u kulma fiha, il-belt u dawk li joqogħdu fiha.”

17 Ġeħova jgħid, “Għax jien qed nibgħat sriep fostkom,

Sriep velenużi, li ma jistgħux jiġu kkontrollati bis-sħaħar,

U dawn żgur li se jigdmukom.”

18 M’hemmx fejqan għall-uġigħ kbir li għandi.

Qalbi maqsuma.

19 Il-poplu tiegħi* qed jgħajjat għall-għajnuna mill-bogħod:

“Mela Ġeħova mhux f’Sijon?

Mela r-re tagħhom mhux hemm?”

“Għala offendejtuni bl-istatwi minquxin tagħkom,

Bl-allat barranin tagħkom li ma jiswew għal xejn?”

20 “Il-ħsad spiċċa u s-sajf għadda;

Imma aħna ma ġejniex salvati!”

21 Jien inħossni mkisser minħabba l-ferita tal-poplu tiegħi;*

Għandi qalbi sewda.

Qabditni biżaʼ kbira.

22 M’hemmx balzmu* f’Gilegħad?

Jew xi ħadd li jfejjaq?*

Għala l-poplu tiegħi* ma ġiex imfejjaq?

9 Kemm nixtieq li rasi kienet bir ilma

U għajnejja funtana!

Kieku kont nibki lejl u nhar

Għan-nies tal-poplu tiegħi li nqatlu.

 2 Kemm nixtieq li kont naf b’post fejn nistaʼ noqgħod fid-deżert!

Kieku mmur ’il bogħod mill-poplu tiegħi,

Għax huma mhux leali,*

Grupp taʼ nies tradituri.

 3 Huma lesti li jigdbu, bħal meta wieħed jgħawweġ qaws u jkun lest jispara.

Il-pajjiż mimli b’nies giddieba u mhux leali.

“Huma qed jiggravaw fil-ħażen tagħhom

U mhux jagħtu kasi,” jgħid Ġeħova.

 4 “Ħa joqgħod attent kull wieħed mill-ġar tiegħu,

U lanqas lil ħuh m’għandu jafda.

Għax kull ħu jittradixxi,

U kull ġar jimmalafama.

 5 Kull wieħed iqarraq bil-ġar tiegħu,

U ħadd ma jgħid il-verità.

Huma tgħallmu jigdbu.

Għejjew lilhom infushom jagħmlu l-ħażen.

 6 Int imdawwar b’nies li jqarrqu.

Huma jigdbu u jirrifjutaw li jsiru jafuni,” jgħid Ġeħova.

 7 Allura, Ġeħova tal-armati jgħid hekk:

“Jien se nnaddafhom* u nittestjahom,

Għax x’nistaʼ nagħmel iktar mal-poplu tiegħi?*

 8 Huma jitkellmu b’mod qarrieq, bħal vleġeġ li joqtlu.

Kull wieħed jibqaʼ jitkellem mal-ġar tiegħu bil-paċi,

Imma f’qalbu jipprepara nassa.”

 9 “M’għandix jien nitlob kont minnhom taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.

“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?

10 Jien se nibki fuq li nibki minħabba l-muntanji,

U nkanta għanja taʼ swied il-qalb minħabba l-postijiet fid-deżert fejn jirgħaw l-annimali,

Għax inħarqu biex ħadd ma jgħaddi minn hemm

U n-nies ma jisimgħux il-ħoss tal-imrieħel.

L-għasafar u l-annimali ħarbu, dawn telqu ’l hemm.

11 Lil Ġerusalemm se nagħmilha borġ ġebel, post fejn jgħixu l-klieb slavaġ,

U lill-bliet taʼ Ġuda se nabbandunahom, mhux se jkun hemm iktar nies jgħixu fihom.

12 Min hu għaref biżżejjed biex jifhem dan?

Jien, Ġeħova, lil min għedt dwar dan biex jgħidu lil ħaddieħor?

Għala nqerdet l-art?

Għala nħarqet u ġiet bħal deżert,

Biex ħadd ma jgħaddi minn hemm?”

13 Ġeħova wieġeb: “Għax huma warrbu l-liġi* li tajthom, m’obdewhiex, u ma semgħux minni. 14 Minflok, b’ras iebsa għamlu dak li tixtieq qalbhom stess u qiemu l-idoli taʼ Bagħal, bħalma għallmuhom jagħmlu missirijiethom. 15 Allura jien, Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk, ‘Se nġiegħel lil dawn in-nies jieklu pjanta morra u jixorbu ilma vvelenat. 16 Ħa nferrixhom fost popli li huma u missirijiethom qatt ma semgħu bihom. Se nibgħat l-għedewwa tagħhom bix-xabla għal warajhom sakemm neqridhom.’

17 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati,

‘Aħsbu dwar dak li qed jiġri.

Iġbru n-nisa li jkantaw l-għanjiet taʼ swied il-qalb,

U ibagħtu għall-bikkejja tas-sengħa biex jiġu,

18 Ħalli jħaffu u jibku għalina,

Ħalli għajnejna jimtlew bid-dmugħ

U l-kpiepel t’għajnejna jqattru l-ilma.

19 Għax il-biki tan-nies instemaʼ minn Sijon:

“Kif qerduna!

Kemm ġejna umiljati!

Għax aħna ġejna mġegħlin nitilqu mill-pajjiż, u huma waqqgħulna d-djar tagħna.”

20 Intom nisa, isimgħu dak li jgħid Ġeħova

U aċċettawh.

Għallmu lill-bniet tagħkom din l-għanja tal-biki,

U għallmu lil xulxin din l-għanja taʼ swied il-qalb.

21 Għax il-mewt daħlet mit-twieqi tagħna;

Daħlet fit-torrijiet iffortifikati tagħna

Biex tieħu lit-tfal mit-toroq

U l-ġuvintur mill-pjazez.’

22 Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova:

“Il-ġisem mejjet tan-nies se jkun mitluq mal-art bħad-demel,

Bħal ringiela qamħ li jkun għadu kif inqataʼ

U ma jkun hemm ħadd li jiġbru.”’”

23 Hekk jgħid Ġeħova:

“Ħa ma jiftaħarx dak li hu għaref bl-għerf tiegħu,

Ħa ma jiftaħarx dak li hu b’saħħtu bis-saħħa tiegħu,

U ħa ma jiftaħarx is-sinjur bil-ġid tiegħu.”

24 “Imma min jiftaħar ħa jiftaħar b’dan:

Li jifhem u jaf li jien Ġeħova,

Il-Wieħed li nuri mħabba u lealtà,* ġustizzja, u sewwa fuq l-art;

Għax b’dawn l-affarijiet nieħu pjaċir,” jgħid Ġeħova.

25 Ġeħova jgħid, “Ġej żmien, meta nitlob kont minn kull min hu ċirkonċiż imma m’għandux qalb nadifa, 26 mill-Eġittu, Ġuda, l-Edomin, l-Għammonin, il-Mowabin, u dawk kollha li jqaxxru l-barbetti* u li joqogħdu fid-deżert; għax il-popli kollha mhumiex ċirkonċiżi, u l-poplu kollu t’Iżrael m’għandux qalb nadifa.”*

10 Iżraelin, isimgħu dak li qal Ġeħova kontrikom. 2 Ġeħova jgħid:

“Timitawx id-drawwiet tal-popli

U titwerwrux minħabba dak li qed taraw fis-sema,

Sempliċement għax qed jitwerwru minnu huma.

 3 Għax id-drawwiet tal-popli ma jiswew għal xejn.

Ħaddiem tas-sengħa jaqtaʼ siġra mill-foresta u jagħmel idolu minnha.

 4 Huma jżejnuh bid-deheb u l-fidda,

U jwaħħluh bl-imsiemer ħalli ma jaqax.

 5 L-idoli ma jistgħux jitkellmu, bħal xi ħaġa li tbeżżaʼ l-għasafar f’għalqa tal-ħjar;*

Iridu jinġarru, għax ma jistgħux jimxu.

Tibżgħux minnhom, għax ma jistgħux jagħmlulkom ħsara,

U lanqas ma jistgħu jagħmlu l-ġid.”

 6 M’hemm ħadd bħalek, Ġeħova.

Int kbir, u ismek hu kbir u juri l-qawwa tiegħek.

 7 Hu xieraq li kulħadd jirrispettak ħafna,* Re tal-popli!

Għax żgur li m’hemm ħadd bħalek

Fost l-għorrief kollha tal-popli u s-saltniet kollha tagħhom.

 8 Huma kollha bla raġuni u boloh.

Hu bla sens li xi ħadd jaħseb li siġra tistaʼ tiggwidah.

 9 Il-pjanċi tal-fidda jinġiebu minn Tarsis u d-deheb minn Ufaż,

Dawn jinħadmu minn ħaddiem tas-sengħa u ħaddied.

In-nies ilibbsu l-idoli bi ħwejjeġ magħmulin minn ħajt blu u suf vjola.

Dawn l-idoli huma kollha magħmulin minn ħaddiema tas-sengħa.

10 Imma Ġeħova hu Alla veru.

Hu l-Alla l-ħaj u r-Re li se jibqaʼ għal dejjem.

L-art se titriegħed minħabba r-rabja kbira tiegħu,

U l-ebda poplu mhu se jkun jiflaħ għall-kundanna tiegħu.

11* Dan għandek tgħidilhom:

“L-allat li m’għamlux is-sema u l-art

Se jinqerdu mill-art u minn taħt din is-sema.”

12 Hu Dak li Għamel id-dinja bil-qawwa tiegħu,

Il-Wieħed li għamel l-art u kulma fiha bl-għerf tiegħu

U li firex is-sema bl-intelliġenza tiegħu.

13 Meta jsemmaʼ leħnu,

L-ilmijiet fis-sema jagħmlu ħoss qawwi.

Hu jġiegħel is-sħab* jitlaʼ mit-truf tal-art.

Hu jibgħat is-sajjetti max-xita*

U joħroġ ir-riħ mill-imħażen tiegħu.

14 Kulħadd jaġixxi bla raġuni u mingħajr għarfien.

Kull ħaddied se jiġi mġiegħel jistħi minħabba l-istatwa minquxa,

Għax l-istatwa tal-metall* tiegħu hi falza,

U m’hemmx nifs* fiha.

15 Dawn ma jiswew għal xejn u huma xi ħaġa tad-daħq.

Se jinqerdu meta jasal il-jum tal-ġudizzju tagħhom.

16 L-Alla* taʼ Ġakobb mhuwiex bħal dawn,

Għax hu l-Wieħed li għamel kollox,

U Iżrael hu l-bastun tiegħu, il-wirt tiegħu.

Ismu hu Ġeħova tal-armati.

17 Iġbor l-affarijiet li għandek bżonn biex titlaq,

Mara* li qed tiġi assedjata.

18 Għax Ġeħova jgħid:

“Din id-darba, se nwaddab ’il barra lil dawk li joqogħdu fl-art

U se nġegħelhom ibatu.”

19 Ħażin għalija minħabba l-ksur li għandi!

Il-ferita tiegħi ma tistax tfiq.

U jien għedt: “Dan hu l-uġigħ tiegħi, u se jkolli nissaportih.

20 It-tinda tiegħi nqerdet, u l-ħbula kollha tagħha tqattgħu.

It-tfal tiegħi telquni, u m’għad fadal ħadd iktar.

M’għadx fadal min jistaʼ jiftaħ it-tinda tiegħi jew itellagħli d-drapp tat-tinda.

21 Għax ir-ragħajja aġixxew bla sens

U ma talbux għall-gwida taʼ Ġeħova.

Hu għalhekk li m’aġixxewx bl-għaqal

U l-imrieħel kollha tagħhom inxterdu.”

22 Ismaʼ! Għadna kemm irċivejna aħbar!

Hemm ħoss kbir ġej mill-pajjiż tat-Tramuntana,

Biex iġib il-bliet taʼ Ġuda post abbandunat, post fejn joqogħdu l-klieb slavaġ.

23 Ġeħova, jien naf sew li l-bniedem m’għandux l-abbiltà jew id-dritt li jiddeċiedi kif jgħix ħajtu.

Waħdu ma jistax jiddeċiedi x’għandu jagħmel.

24 Ġeħova, ikkoreġini skont dak li ħaqqni,

Imma mhux meta tkun irrabjat, ħalli ma teqridnix.

25 Irrabja mal-popli li jinjorawk,

U mal-familji li ma jgħajtulekx b’ismek.

Għax huma qerdu lil Ġakobb,

Iva, qerduh u kważi ma baqax jeżisti iktar,

U l-art tiegħu għamluha ħerba.

11 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Poplu, isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt!

“Kellem* lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm, 3 u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael: “Misħut hu dak li ma jobdix il-kliem taʼ dan il-patt, 4 li jien ikkmandajt lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu, mill-forn li jdewweb il-ħadid. Jien għedt, ‘Isimgħu minni, u agħmlu l-affarijiet kollha li kkmandajtkom. B’hekk, issiru l-poplu tiegħi u jien l-Alla tagħkom, 5 biex inwettaq dak li ħlift lil missirijietkom, li nagħtihom art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma għadni nagħmel sal-lum.’”’”

U jien wiġibt: “Ammen* Ġeħova.”

6 Imbagħad Ġeħova qalli: “Xandar dan il-kliem fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm: ‘Isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt u obduh. 7 Għax jien wissejt bis-serjetà lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu u għedtilhom, “Isimgħu minni.” U bqajt nagħti din it-twissija għal darba wara l-oħra sal-lum. 8 Imma huma la semgħuni u lanqas taw kasi.* Minflok, b’ras iebsa, kull wieħed għamel dak li tixtieq qalbu li hi ħażina. Huma ma ridux jagħmlu dak li kkmandajthom. Għalhekk, ikkastigajthom bħalma hemm miktub fil-patt.’”

9 Imbagħad Ġeħova qalli: “In-nies taʼ Ġuda u dawk li joqogħdu Ġerusalemm qed jikkonfoffaw kontrija. 10 Huma qed jagħmlu l-iżbalji li għamlu missirijiethom tal-qedem, li ma ridux jobdu dak li għedt. Anki huma qiemu allat oħrajn u qdewhom. In-nies tal-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda kisru l-patt li għamilt maʼ missirijiethom. 11 Għalhekk, Ġeħova jgħid, ‘Jien se nġib fuqhom diżastru li ma jkunux jistgħu jeħilsu minnu. Meta jgħajtuli biex ngħinhom, mhux se nismagħhom. 12 Imbagħad dawk li joqogħdu fil-bliet taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm se jmorru għand l-allat li lilhom qed jagħmlu s-sagrifiċċji* u jitolbuhom biex jgħinuhom, imma dawn żgur li mhux se jsalvawhom meta jkunu fl-inkwiet. 13 Għax f’Ġuda hemm allat daqskemm hemm bliet. Huma għamlu artali biex jagħmlu sagrifiċċji lill-alla tal-mistħija, jiġifieri lil Bagħal. Hemm artali daqskemm hemm toroq f’Ġerusalemm.’

14 “Issa int Ġeremija, titlobx għal dan il-poplu. Tgħajjatlix biex ngħinhom jew titlob għalihom, għax mhux se nismagħhom meta jgħajtuli biex ngħinhom minħabba l-inkwiet tagħhom.

15 Il-poplu għażiż tiegħi, liema dritt għandu biex ikun fid-dar tiegħi,

Meta ħafna minnhom qed jagħmlu l-ħażen li ppjanaw?

Meta jiġi d-diżastru fuqek* se jiskansak il-laħam qaddis?*

Se tifraħ f’dak iż-żmien?

16 Jien, Ġeħova, darba sejjaħtlek siġra taż-żebbuġ li tagħmel ħafna,

Siġra sabiħa b’żebbuġ mill-aqwa.

B’ħoss kbir ħafna, jien tajtek in-nar,

U l-għedewwa kissrulek il-friegħi.

17 “Jien, Ġeħova tal-armati, il-Wieħed li Ħawwiltek, għedt li ġej diżastru fuqek, poplu taʼ Ġuda, minħabba l-ħażen li għamiltu flimkien mal-poplu t’Iżrael, meta offendejtuni billi għamiltu sagrifiċċji lil Bagħal.”

18 Ġeħova, int għedtli ħalli nkun naf;

F’dak iż-żmien urejtni x’kienu qed jagħmlu.

19 Jien kont bħal ħaruf li qed jittieħed għall-qatla.

Ma kontx naf li kienu qed jippjanaw kontrija.

“Ejja neqirdu s-siġra bil-frott tagħha,

Ejja noqtluh,

Ħalli ħadd iktar ma jiftakar ismu.”

20 Imma int, Ġeħova tal-armati, tiġġudika b’mod ġust;

Int teżamina l-ħsibijiet* u l-qalb.

Ħallini ħa nara l-vendetta li se ġġib fuqhom,

Għax jien għandek ġejt bil-kawża legali tiegħi.

21 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova kontra n-nies t’Għanatot li qed jipprovaw joqtluk u li qalulek: “Jekk tibqaʼ tipprofetizza f’isem Ġeħova, noqtluk”; 22 għalhekk, Ġeħova tal-armati jgħid: “Jien se nitlob kont minnhom. L-irġiel żgħażagħ se jmutu bix-xabla u t-tfal subien u bniet tagħhom se jmutu bil-ġuħ. 23 Ħadd mhu se jifdal minnhom, għax jien se nġib diżastru fuq in-nies t’Għanatot fis-sena li nitlob kont minnhom.”

12 Ġeħova meta ngħidlek dak li qed idejjaqni,

U anki meta nitkellem dwar il-ġudizzji tiegħek, int tittrattani b’mod ġust.

Imma l-ħżiena għala qed jirnexxu?

U t-tradituri għala m’għandhomx inkwiet?

 2 Int ħawwilthom u huma qabbdu l-għeruq.

Kibru u taw il-frott.

Huma spiss jitkellmu dwarek, imma qalbhom* hi ’l bogħod minnek.

 3 Imma int tafni sew u tarani, Ġeħova;

Int eżaminajtli qalbi u taf li jien leali lejk.

Agħżilhom bħal nagħaġ għall-qatla

U warrabhom għall-ġurnata li se toqtolhom.

 4 Kemm se jdum jinxef il-pajjiż

U l-ħaxix tal-għelieqi kollha jmut?

L-annimali u l-għasafar inqerdu

Minħabba l-ħażen taʼ dawk li jgħixu fih.

Għax huma qalu: “Hu mhux qed jara x’se jiġrilna.”

 5 Jekk tegħja tiġri man-nies,

Kif se ttellaq maż-żwiemel?

Int tħossok fis-sigurtà f’art fejn hemm il-paċi,

Imma x’se tagħmel meta tkun ġol-ħafna siġar li hemm mal-Ġordan?

 6 Għax anke ħutek stess, il-familja tiegħek,

Qarrqu bik.

Huma għajtu miegħek.

Tafdahomx, lanqas jekk jgħidulek kliem tajjeb.

 7 “Jien abbandunajt it-tempju tiegħi; tlaqt il-wirt tiegħi.

Jien tajt lill-għażiża tiegħi* f’idejn l-għedewwa tagħha.

 8 Hi, il-wirt tiegħi, saret għalija bħal iljun fil-foresta.

Hi għajtet miegħi.

U jien spiċċajt nobgħodha.

 9 Hi, il-wirt tiegħi, saret għalija bħal għasfur tal-priża kollu kuluri;

L-għasafar tal-priża l-oħra daruha u attakkawha.

Bhejjem kollha, ejjew inġabru,

Ejjew kulu.

10 Ħafna ragħajja qerduli l-għalqa tad-dwieli;

Huma għaffġu fuq l-art li ngħatatli bħala sehem.

Huma ġabuli din l-art sabiħa bħal deżert abbandunat.

11 Saret art mitluqa;

Nixfet* u saret art abbandunata għalija.

L-art kollha saret abbandunata,

Imma ħadd ma ħa dan bis-serjetà.

12 Dawk li jeqirdu ġew minn kull passaġġ fid-deżert,

Għax ix-xabla taʼ Ġeħova qed teqred in-nies minn naħa s’oħra tal-pajjiż.

Ħadd m’għandu l-paċi.

13 Huma żergħu l-qamħ, imma ħasdu x-xewk.

Għejjew lilhom infushom jaħdmu, imma għalxejn.

Ġeħova rrabjat ħafna magħhom

U mhux se jtihom x’jaħsdu.

Dan se jġegħelhom jistħu.”

14 Ġeħova hekk jgħid kontra l-ġirien ħżiena tiegħi li qed jattakkaw l-art li tajt bħala wirt lill-poplu tiegħi Iżrael: “Jien se naqlagħhom mill-art tagħhom, u jien se naqlaʼ l-poplu taʼ Ġuda minn fosthom. 15 Imma wara li naqlagħhom jien se nerġaʼ nħenn għalihom u nġib lil kull wieħed minnhom lura u nagħtih il-wirt u l-art tiegħu.”

16 “Dawn il-popli għallmu lill-poplu tiegħi jaħilfu b’Bagħal. Jekk dawn il-popli jagħmlu ċert li jitgħallmu jgħixu bħall-poplu tiegħi u jaħilfu bija, Ġeħova l-Alla l-ħaj, huma se jkollhom post mal-poplu tiegħi. 17 Imma jekk wieħed minnhom ma jobdix, jien se naqilgħu u neqirdu wkoll,” jgħid Ġeħova.

13 Ġeħova qalli: “Mur ixtri ċinturin tal-għażel u ilbsu maʼ qaddek, imma xxarrbux.” 2 Allura xtrajt iċ-ċinturin bħalma qalli Ġeħova u lbistu maʼ qaddi. 3 U Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: 4 “Ħu ċ-ċinturin li xtrajt u li liebes, mur l-Ewfrat, u aħbih f’xaqq fil-blat.” 5 Allura mort u ħbejtu fl-Ewfrat, bħalma kkmandani Ġeħova.

6 Imma wara ħafna ġranet Ġeħova qalli: “Mur l-Ewfrat u ħu minn hemm iċ-ċinturin li kkmandajtek biex taħbi.” 7 Allura mort l-Ewfrat, ħaffirt għaċ-ċinturin, u ħadtu mill-post fejn kont ħbejtu, u rajt li ċ-ċinturin tmermer; ma kien jiswa għal xejn.

8 Imbagħad Ġeħova tani dan il-messaġġ: 9 “Ġeħova jgħid, ‘Jien se neqred il-kburija taʼ Ġuda u l-kburija kbira ħafna taʼ Ġerusalemm bħal dan iċ-ċinturin. 10 Dawn in-nies mill-agħar li ma jridux jobdu dak li ngħidilhom, li b’ras iebsa jagħmlu dak li trid qalbhom, u li jimxu wara allat oħra billi jaqduhom u jmilu quddiemhom, se jsiru bħal dan iċ-ċinturin li ma jiswa għal xejn.’ 11 ‘Għax bħalma ċinturin jintrabat maʼ qadd taʼ raġel, hekk irbatt miegħi l-poplu kollu t’Iżrael u l-poplu kollu taʼ Ġuda,’ jgħid Ġeħova, ‘biex isiru l-poplu tiegħi, il-fama tiegħi, it-tifħir tiegħi, u xi ħaġa sabiħa għalija. Imma huma m’obdewx.’

12 “U għaddilhom dan il-messaġġ ukoll, ‘Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: “Kull ġarra kbira għandha timtela bl-inbid.”’ U huma se jwiġbuk, ‘Mhux diġà nafu li kull ġarra kbira trid timtela bl-inbid?’ 13 Imbagħad għidilhom, ‘Ġeħova jgħid: “Bħalma jimlew ġarra kbira bl-inbid, jien qed insakkar bl-inbid lil dawk kollha li joqogħdu fil-pajjiż, lir-rejiet li qegħdin bilqiegħda fuq it-tron taʼ David, lill-qassisin u l-profeti, u lil dawk kollha li joqogħdu Ġerusalemm. 14 Jien se nħabbathom flimkien u nkissirhom, il-missirijiet u t-tfal se nittrattahom l-istess. Mhux se nħoss għalihom, nitħassarhom, jew inħenn għalihom. Xejn mhu se jwaqqafni milli neqridhom,” jgħid Ġeħova.’

15 “Isimgħu u oqogħdu attenti.

Tkunux suppervi, għax Ġeħova qalu dan.

16 Igglorifikaw lil Ġeħova l-Alla tagħkom

Qabel ma jġib id-dlam

U qabel ma titfixklu fuq il-muntanji waqt li jkun qed jidlam.

Intom se tittamaw għad-dawl,

Imma hu se jġib dlam ċappa;

Hu se jbiddel id-dawl f’dalma kbira.

17 U jekk ma tkunux tridu tisimgħu,

Jien* nibki fil-moħbi minħabba l-kburija tagħkom.

Se nibki ħafna, u minn għajnejja se jinżel ħafna dmugħ,

Għax il-merħla taʼ Ġeħova ttieħdet fil-jasar.

18 Għid lir-re u lil ommu,* ‘Poġġu f’post iktar baxx,

Għax il-kuruna sabiħa tagħkom se tittieħed minn fuq raskom.’

19 Il-bliet li hemm fin-Nofsinhar ġew assedjati,* u m’hemm ħadd li jistaʼ jeħlishom.*

In-nies kollha taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.

20 Ħares* lejn l-għadu li ġej mit-Tramuntana.

Fejn hi l-merħla li ngħatatlek, in-nagħaġ sbieħ tiegħek?

21 X’se tgħid meta tiġi kkastigata

Minn dawk li dejjem qisthom bħala l-ħbieb tal-qalb tiegħek?

Int se jaqbdek uġigħ bħal taʼ mara li se twelled.

22 U meta tgħid f’qalbek, ‘Għala ġrali hekk?’

Għandek tkun taf li hu minħabba l-iżball kbir tiegħek li neħħewlek id-dublett tiegħek

U li għandek uġigħ kbir fl-għarqub.

23 Jistaʼ Kusi* jbiddel il-kulur tal-ġilda tiegħu jew leopard kif jidher?

Jekk iva, mela tistgħu tagħmlu t-tajjeb,

Avolja tgħallimtu tagħmlu l-ħażin.

24 Għalhekk, se nxerridkom bħal tiben li jtajru r-riħ tad-deżert.

25 Hekk se jiġrilek,* dan hu s-sehem li tajtek,” jgħid Ġeħova,

“Għax int insejtni u fdajt fil-gideb.

26 Għalhekk, jien se ngħollilek id-dublett fuq wiċċek,

U n-nies se jaraw li int għarwiena,

27 L-adulterji li qed tagħmel, ix-xewqat sesswali li għandek,

U l-prostituzzjoni tal-mistħija li qed tagħmel.

Jien rajt il-qżiżijiet tiegħek

Fuq l-għoljiet u fl-għelieqi.

Ħażin għalik Ġerusalemm!

Kemm se ddum mhux nadifa?”

14 Dan hu l-messaġġ dwar in-nixfa li Ġeħova ta lili, Ġeremija:

 2 Ġuda hu mdejjaq, u l-bibien tiegħu spiċċaw fix-xejn.

Huma mwaqqgħin mal-art dipressi,

Anki l-għajjat taʼ Ġerusalemm qed jinstemaʼ.

 3 Is-sidien tagħhom jibagħtu lill-qaddejja* tagħhom għall-ilma.

Huma jmorru ħdejn il-ġwiebi u ma jsibux ilma,

U jmorru lura bil-ġarar vojta.

Huma jistħu, ikunu ddiżappuntati, u jgħattu rashom.

 4 Minħabba li m’għamlitx xita

Hemm il-qsim fl-art.

Il-bdiewa qatgħu qalbhom u għattew rashom.

 5 Anki ċ-ċerva abbandunat il-ferħ tagħha,

Għax m’hemmx ħaxix.

 6 Il-ħmir slavaġ qegħdin fuq għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom.

Huma jilhġu għall-arja bħall-klieb slavaġ;

Għajnejhom għajjenin għax jibqgħu jfittxu l-ħaxix, imma ma jsibu xejn.

 7 Ġeħova, l-iżbalji tagħna juru li aħna ħatja,

Aġixxi minħabba ismek.

Għax aħna wrejna nuqqas taʼ lealtà ħafna drabi

U dnibna kontrik.

 8 Int il-wieħed li Iżrael qed jittama fih, Dak li Ssalvah,

Għala int bħal stranġier fil-pajjiż,

Bħal wieħed li qed jivvjaġġa u jieqaf biex iqattaʼ l-lejl biss?

 9 Għala int bħal raġel imbellah,

Bħal raġel b’saħħtu li ma jistaʼ jsalva lil ħadd?

Int, Ġeħova, qiegħed fostna,

U nissejħu b’ismek.

Tabbandunaniex.

10 Ġeħova jgħid hekk dwar dan il-poplu: “Huma jħobbu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn; ma kkontrollawx fejn marru. Allura jien, Ġeħova, ma niħux pjaċir bihom. Jien se niftakar l-iżbalji tagħhom u nitlob kont tad-dnubiet tagħhom.”

11 Imbagħad Ġeħova qalli: “Titlobx biex l-affarijiet taʼ dawn in-nies imorru sew. 12 Meta jsumu, jien ma nismax it-talb bil-ħniena tagħhom, u meta jagħtu l-offerti sħaħ tal-ħruq u l-offerti taċ-ċereali,* ma niħux pjaċir bihom, għax jien se neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.”*

13 Għal dan għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid ta’ Kollox,* il-profeti qed jgħidulhom, ‘F’dan il-pajjiż mhux se jkun hawn gwerra, mhux se tkunu bil-ġuħ, imma Alla se jagħtikom il-paċi vera.’”

14 Imbagħad Ġeħova qalli: “Il-profeti qed jipprofetizzaw il-gideb f’ismi. Jien la bgħatthom, la kkmandajthom, u lanqas kellimthom. Huma qed jipprofetizzawlkom viżjoni falza, tbassir li ma jiswa għal xejn, u l-qerq taʼ qalbhom. 15 Dwar il-profeti li qed jipprofetizzaw f’ismi, li jien ma bgħatthomx u li qed jgħidu li mhux se jkun hemm gwerra jew ġuħ f’dan il-pajjiż, jien, Ġeħova, ngħid: ‘Dawn il-profeti se jinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ. 16 U l-ġisem mejjet tan-nies li semgħu minn dawn il-profeti se jitfgħuh fit-toroq taʼ Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u l-gwerra. Mhux se jkun hemm min jidfinhom, la lilhom, la n-nisa tagħhom, u lanqas it-tfal subien u bniet tagħhom, għax jien se neqridhom kif ħaqqhom.’

17 “Int għandek tgħidilhom hekk,

‘Ħallu l-għajnejja ma jiqfux jibku lejl u nhar,

Għax il-poplu tiegħi* tfarrak għalkollox,

U b’hekk għandu ferita gravi ħafna.

18 Jekk immur fl-għelieqi,

Nara lil dawk maqtulin bix-xabla.

U jekk immur fil-belt,

Nara l-mard li jiġi mill-ġuħ.

Kemm il-profeta u kemm il-qassis marru f’pajjiż li ma jafux bih.ʼ”

19 Alla, tlaqt int għalkollox lil Ġuda? Sirt* tobgħod lil Sijon?

Għala kkastigajtna sal-punt li m’hemmx fejqan għalina?

Ittamajna għall-paċi, imma ma ġara xejn sew!

Ittamajna għal żmien taʼ fejqan, imma aħna mwerwrin!

20 Ġeħova, aħna nammettu l-ħażen tagħna

U l-iżbalji taʼ missirijietna,

Għax aħna dnibna kontrik.

21 Minħabba ismek, tabbandunaniex;

Issirx tobgħod it-tron glorjuż tiegħek.

Ftakar fil-patt li għamilt magħna u żomm miegħu.

22 Jistaʼ xi idolu li ma jiswa għal xejn tal-popli jagħti x-xita,

Jew is-sema tibgħat ħalbiet tax-xita minn jeddha?

Mhux int l-uniku wieħed, Ġeħova l-Alla tagħna, li tistaʼ tagħmel dan?

Aħna nittamaw fik,

Għax int biss għamilt dan kollu.

15 Imbagħad Ġeħova qalli: “Lanqas kieku hawn Mosè u Samwel quddiemi ma nuri ħniena maʼ dan il-poplu. Keċċihom minn quddiemi. Ġegħelhom jitilqu. 2 Jekk jistaqsuk x’se jiġrilhom, għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova:

“Xi wħud minnkom se jmutu bil-mard,

Xi wħud se jmutu bix-xabla,

Xi wħud se jmutu bil-ġuħ,

U xi wħud se jmorru fil-jasar.”’

3 Ġeħova jgħid: “‘Jien se nġib fuqhom erbaʼ tipi taʼ kastigi.* Ix-xabla biex toqtol, il-klieb biex ikaxkru l-iġsma mejta tagħhom, u l-għasafar u l-annimali biex jibilgħuhom u jeqirduhom. 4 Jien se nġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jitwerwru minħabba dak li ġralhom. Dan minħabba dak li għamel Manasse f’Ġerusalemm. Hu kien it-tifel taʼ Ħeżekija r-re taʼ Ġuda.

 5 Ġerusalemm, min se jħenn għalik,

Iħoss għalik, jew jieqaf biex jara kif inti?’

 6 Ġeħova jgħid: ‘Int abbandunajtni,

Bqajt tagħtini dahrek.*

Għalhekk jien se nkompli nuri l-qawwa tiegħi kontrik u neqirdek.

Għajejt nitħassrek.*

 7 U se nxerridhom bil-furkettun fil-bliet tal-pajjiż.

Se nħallihom bla tfal.

Jien se neqred il-poplu tiegħi,

Għax huma jridu jibqgħu jagħmlu dak li jridu.

 8 In-nisa romol tagħhom se jkunu iktar mir-ramel tal-baħar.

Jien se nġib kontrihom wieħed li jeqred f’nofsinhar, kontra l-ommijiet u t-tfal subien tagħhom.

F’daqqa waħda, se nġegħelhom iħossuhom inkwetati u mwerwrin.

 9 Il-mara* li kellha sebat itfal iddgħajfet;

Hi* qed taqtaʼ nifisha.

Għalkemm ikun għadu d-dawl tax-xemx, hi qed tara d-dlam,

U b’hekk qed tħossha* tistħi u umiljata.’

‘U l-ftit li fadal jien se nagħtihom lill-għedewwa tagħhom

Biex joqtluhom bix-xabla,’ jgħid Ġeħova.”

10 Ma, ħażin għalija għax wellidtni,

In-nies kollha fil-pajjiż qed jargumentaw u jiġġieldu miegħi.

Jien la sellifthom u lanqas issellift mingħandhom.

Imma kollha qed jisħtuni.

11 Ġeħova jgħid: “Jien żgur se ngħinek;

Jien żgur li se naqbeż għalik fi żmien taʼ inkwiet,

Fiż-żmien tat-tbatija meta jiġi l-għadu.

12 Jistaʼ xi ħadd ikisser f’biċċiet il-ħadid,

Il-ħadid mit-Tramuntana, u r-ram?

13 Minħabba d-dnubiet kollha li għamilt fit-territorji kollha tiegħek,

Jien se nagħti b’xejn ir-riżorsi u l-ġid kollu li għandek lill-għedewwa tiegħek.

14 Jien se nagħtihom lill-għedewwa tiegħek

Biex jiħduhom f’art li ma tafx biha.

Bir-rabja tiegħi qabad nar,

U dan se jaqbad kontrik.”

15 Ġeħova, int taf is-sitwazzjoni tiegħi.

Ftakar fija u agħti kasi.

Agħmel vendetta għalija minn dawk li qed jippersegwitawni.

Tħallinix immut minħabba li ddum biex tirrabja.

Ftakar li jien qed nissaporti dan it-tmaqdir minħabba ismek.

16 Jien irċivejt il-messaġġ tiegħek u ħadtu bis-serjetà;*

U dan sar il-ferħ u l-għaxqa taʼ qalbi,

Għax nissejjaħ b’ismek, Ġeħova l-Alla tal-armati.

17 Jien ma noqgħodx bilqiegħda maʼ dawk li jħobbu jixxalaw u nifraħ magħhom.

Peress li qiegħed taħt l-awtorità tiegħek, noqgħod bilqiegħda waħdi,

Għax int tajtni messaġġ taʼ ġudizzju.*

18 Għala l-ħin kollu muġugħ, u l-ferita tiegħi m’hemmx fejqan għaliha?

Ma tridx tfiq.

Se ssir int għalija bħal sors taʼ ilma

Li ma tistax tistrieħ fuqu?

19 Għalhekk, Ġeħova jgħid:

“Jekk int terġaʼ lura, jien nerġaʼ nkun kuntent bik.

U int taqdini.

Jekk tneħħi dak li ma jiswa għal xejn u żżomm dak li hu taʼ valur,

Int* se tkompli tkun il-kelliemi tiegħi.

Huma se jkollhom iduru lejk,

Imma int mhux se ddur lejhom.”

20 “Se nagħmlek sur tar-ram għal dawn in-nies.

Huma żgur li se jiġġieldu kontrik,

Imma mhux se jegħlbuk.*

Għax jien miegħek biex insalvak u neħilsek,” jgħid Ġeħova.

21 “U jien se neħilsek minn idejn il-ħżiena,

U nsalvak minn idejn il-kattivi.”

16 Ġeħova reġaʼ qalli: 2 “La għandek tiżżewweġ u lanqas ikollok tfal f’dan il-post. 3 Għax dwar it-tfal subien u bniet li jitwieldu hawn u dwar ommhom u missierhom stess, jien, Ġeħova, ngħid: 4 ‘Se jmutu b’mard qerriedi, imma ħadd mhu se jibkihom jew jidfinhom. Se jsiru bħal demel fuq wiċċ l-art. Huma se jinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ, u l-iġsma mejtin tagħhom se jsiru ikel għall-għasafar u għall-annimali.’

 5 Għax Ġeħova jgħid,

‘Tidħolx f’dar tal-vistu,

Tibkihomx jew tħoss għalihom.’

‘Għax jien neħħejt il-paċi tiegħi minn dan il-poplu,’ jgħid Ġeħova,

‘U mhux se nurihom qalb tajba* u ħniena.

 6 Kemm il-kbar u kemm iż-żgħar se jmutu f’din l-art.

Mhux se jiġu midfunin.

Ħadd mhu se jibkihom

U ħadd mhu se jqattaʼ lilu nnifsu jew iqaxxar xagħru għalihom.*

 7 Ħadd mhu se jagħti ikel lil dawk imdejqin

Biex ifarraġhom minħabba l-mejtin tagħhom.

U ħadd mhu se jagħti tazza tal-inbid

Biex iħossuhom aħjar minħabba t-telfa taʼ missierhom jew ommhom.

 8 Tidħolx f’dar fejn hemm festa

U tpoġġix magħhom biex tiekol u tixrob.’

9 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: ‘F’dan il-post, fi żmienkom u quddiem għajnejkom, se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, u l-leħen tal-għarus u tal-għarusa.’

10 “Meta tgħid dan kollu lil dan il-poplu, huma se jistaqsuk, ‘Ġeħova għala qal li se jġib dan id-diżastru kollu fuqna? Liema żball jew dnub għamilna kontra Ġeħova l-Alla tagħna?’ 11 Int għandek twiġibhom, ‘Ġeħova jgħid, “Għax missirijietkom abbandunawni. Huma baqgħu jimxu wara allat oħra, jaqduhom, u jmilu quddiemhom. Imma lili abbandunawni u m’obdewx il-liġijiet tiegħi. 12 Intom ġibtu ruħkom agħar minn missirijietkom, u kull wieħed minnkom b’ras iebsa baqaʼ jagħmel dak li tixtieq qalbu li hi ħażina, minflok jobdini. 13 Allura se nkeċċikom minn din l-art u nitfagħkom f’art li la intom u lanqas missirijietkom ma jafu biha, u hemm se jkollkom taqdu allat oħra lejl u nhar, għax mhux se nurikom ħniena.”’

14 “Ġeħova jgħid, ‘Imma ġej żmien li minflok jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, 15 jibdew jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tat-Tramuntana u mill-pajjiżi kollha fejn xerridthom. U jien se nġibhom lura fil-pajjiż tagħhom, li kont tajt lil missirijiethom.’

16 Ġeħova jgħid, ‘Qed nibgħat għal ħafna sajjieda,

U huma se jistadu għalihom.

Imbagħad se nibgħat għal ħafna kaċċaturi,

U huma se jikkaċċjawhom fuq kull muntanja u għolja

U fix-xquq tal-blat.

17 Għax jien nara kulma jagħmlu.

Huma xejn ma jistgħu jaħbu minni,

Lanqas l-iżbalji tagħhom.

18 Imma qabel nurihom ħniena, se nagħtihom dak kollu li ħaqqhom għall-iżbalji u d-dnubiet tagħhom,

Għax huma niġġsu l-art tiegħi bl-idoli bla ħajja u moqżieża tagħhom,

U mlew il-wirt tiegħi b’affarijiet diżgustanti.’”

19 Ġeħova, int is-saħħa u l-fortizza tiegħi

Fejn naħrab fi żmien taʼ inkwiet.

Għandek se jiġu l-popli minn truf l-art,

U dawn se jgħidu: “Missirijietna baqgħu jżommu mat-tradizzjoni taʼ li jqimu allat foloz,*

Affarijiet bla sens u bla bżonn li mhumiex taʼ ġid.”

20 Il-bniedem ma jistax jagħmel allat għalih innifsu,

Għax fir-realtà, mhumiex allat.

21 “Allura se ngħallimhom.

Dak iż-żmien, se nurihom il-qawwa u s-saħħa tiegħi,

U huma se jkollhom ikunu jafu li ismi hu Ġeħova.”

17 “Id-dnub taʼ Ġuda hu miktub b’pinna tal-ħadid.

Hu mnaqqax b’ponta taʼ djamant fuq qalbhom

U fuq il-qrun tal-artali tagħhom,

 2 Filwaqt li t-tfal tagħhom jiftakru fl-artali u l-arbli sagri*

Ħdejn siġar b’saħħithom u fuq għoljiet,

 3 U fuq il-muntanji fil-kampanja.

Ir-riżorsi u l-ġid kollu li għandek se nagħtihom lill-għedewwa tiegħek.

Iva, l-affarijiet li hemm fil-postijiet għoljin tiegħek minħabba d-dnub fit-territorji kollha tiegħek.

 4 Għax trid, int se titlaq il-wirt li tajtek.

U jien se nġiegħlek taqdi lill-għedewwa tiegħek f’art li ma tafx biha,

Għax int kebbist ir-rabja tiegħi bħan-nar.*

Dan se jaqbad għal dejjem.”

 5 Hekk jgħid Ġeħova:

“Misħut il-bniedem* li jafda f’sempliċi bnedmin,

Li jistrieħ fuq il-qawwa tan-nies,

U li jitlaq lili, Ġeħova.

 6 Hu se jsir bħal siġra waħedha fid-deżert.

Hu mhux se jgawdi affarijiet tajbin,

Imma se jgħix f’postijiet xotti fix-xagħri,

F’art mielħa fejn ma jistaʼ jgħix ħadd.

 7 Imbierek il-bniedem* li jafda fija, Ġeħova,

U li l-fiduċja tiegħu hi fija, Ġeħova.

 8 Hu se jsir bħal siġra mħawla ħdejn l-ilmijiet,

Li l-għeruq tagħha jaslu sax-xmara.

Hu mhux se jħoss is-sħana tax-xemx taħraq,

Imma l-weraq tiegħu se jibqaʼ jħaddar.

Fis-sena tan-nixfa, mhux se jkun ansjuż

U se jibqaʼ jagħmel il-frott.

 9 Il-qalb hi qarrieqa iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra,

U għax hi ddisprata, lesta li tagħmel kollox.*

Min jistaʼ jifhimha?

10 Jien, Ġeħova, qed infittex fil-qalb,

Neżamina l-ħsibijiet,*

U nagħti lil kull wieħed skont kif jaġixxi

U skont dak li jagħmel.

11 Bħal għasfur salvaġġ* li jiġbor dak li ma jkunx bied hu,

Hekk hu min jakkwista l-ġid b’mod diżonest.

Fl-aqwa taʼ ħajtu, hu se jitilfu,

U fl-aħħar taʼ ħajtu, se juri li hu bla sens.”

12 Il-post tas-santwarju tagħna

Hu t-tron glorjuż li kien fl-għoli mill-bidu.

13 Ġeħova, int it-tama t’Iżrael.

Dawk kollha li jitilquk se jkollhom jistħu.

Dawk li jħalluk* biex isiru apostati qishom se jiġu miktubin fit-trab,

Għax huma telqu lilek, Ġeħova, il-wieħed li tagħti l-ilma tal-ħajja.

14 Ġeħova, fejjaqni, u jien infiq.

Salvani, u jien insalva,

Għax jien lilek infaħħar.

15 In-nies qed jgħiduli:

“Għala dak li qal Ġeħova għadu ma twettaqx?

Ħa jiġri issa.”

16 Imma jien bqajt nimxi warajk bħala ragħaj,

U ma xtaqtx li jiġi l-jum tad-diżastru.

Int taf sew kulma għedt;

Dan kollu ġara quddiemek.

17 Tħallinix inkun imwerwer billi titlaqni.

Int ir-refuġju tiegħi f’jum id-diżastru.

18 Ħa jkollhom jistħu dawk li jippersegwitawni,

Imma lili tħallinix nistħi.

Ħa jkollhom jitwerwru,

Imma lili tħallinix nitwerwer.

Ġib fuqhom il-jum tad-diżastru,

U farrakhom u eqridhom għalkollox.

19 Ġeħova qalli: “Mur u oqgħod fil-bieb tal-poplu li minnu jidħlu u joħorġu r-rejiet taʼ Ġuda, u fil-bibien kollha taʼ Ġerusalemm. 20 Għandek tgħidilhom, ‘Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, rejiet taʼ Ġuda, nies kollha taʼ Ġuda, u intom kollha li toqogħdu Ġerusalemm, li tidħlu minn dawn il-bibien. 21 Hekk jgħid Ġeħova: “Araw li ma ġġorru l-ebda tagħbija f’jum is-Sabat jew tidħlu biha mill-bibien taʼ Ġerusalemm. 22 M’għandkomx toħorġu b’xi tagħbija mid-dar tagħkom f’jum is-Sabat u m’għandkom tagħmlu l-ebda tip taʼ xogħol. Żommu s-Sabat qaddis, bħalma kkmandajt lil missirijietkom. 23 Imma huma la semgħu u lanqas taw kas,* u b’ras iebsa ma ridux jobdu jew jaċċettaw id-dixxiplina.”’

24 “‘Ġeħova jgħid, “Imma jekk tobduni f’kollox u ma ddaħħlu l-ebda tagħbija mill-bibien taʼ din il-belt f’jum is-Sabat u żżommu s-Sabat qaddis billi ma tagħmlu l-ebda xogħol, 25 imbagħad ir-rejiet u l-prinċpijiet li jpoġġu fuq it-tron taʼ David ukoll se jidħlu minn dawn il-bibien tal-belt rekbin fuq karru u żwiemel, huma, il-prinċpijiet tagħhom, in-nies taʼ Ġuda, u dawk li joqogħdu Ġerusalemm. U f’din il-belt dejjem ikun hemm nies jgħixu fiha. 26 U n-nies se jiġu fid-dar taʼ Ġeħova mill-bliet taʼ Ġuda, mill-postijiet taʼ madwar Ġerusalemm, mill-art taʼ Benjamin, mill-għoljiet, mir-reġjun muntanjuż, u min-Negeb.* Huma se jġibu offerti sħaħ tal-ħruq, sagrifiċċji, offerti taċ-ċereali,* inċens abjad, u sagrifiċċji taʼ ringrazzjament.

27 “‘“Imma jekk ma tobdunix billi ma żżommux is-Sabat qaddis u ġġorru tagħbijiet u ddaħħluhom mill-bibien taʼ Ġerusalemm f’jum is-Sabat, jien se naħraq il-bibien tagħha bin-nar, u dan se jaħraq u jġib fix-xejn it-torrijiet iffortifikati taʼ Ġerusalemm u mhux se jintefa.”’”

18 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Mur sad-dar ta’ dak li jaħdem il-fuħħar, u nkellmek hemm.”

3 Għalhekk, mort għandu u hu kien qed jaħdem fuq ir-rota li tintuża biex jagħmlu l-fuħħar. 4 Imma r-reċipjent tat-tafal li kien qed jagħmel ma ġiehx sew, għalhekk ħadmu f’xi ħaġa oħra bħalma ried hu.

5 Imbagħad Ġeħova qalli: 6 “‘Poplu t’Iżrael, ma nistax jien nagħmlilkom bħalma għamel dan bil-fuħħar?’ jgħid Ġeħova. ‘Poplu t’Iżrael, jien nifformakom bħalma dak li jaħdem il-fuħħar jifforma t-tafal. 7 Kull darba li nitkellem dwar li se naqlaʼ, inwaqqaʼ, u neqred poplu jew saltna, 8 u dan il-poplu ma jibqax jagħmel il-ħażen li avżajthom dwaru, jien ukoll inbiddel fehmti* dwar id-diżastru li kont se nġib fuqhom. 9 Imma kull darba li nitkellem dwar li nibni u ntellaʼ poplu jew saltna, 10 u dan il-poplu jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejja u ma jobdix dak li ngħidlu, jien inbiddel fehmti* dwar it-tajjeb li kont se nagħmillu.’

11 “Jekk jogħġbok, għid lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm, ‘Ġeħova jgħid: “Qed nipprepara biex nagħmlilkom il-ħsara u qed naħseb dwar kif se nikkastigakom. Jekk jogħġobkom, duru lura mill-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu u rranġaw il-mod kif qed tgħixu u ġġibu ruħkom.”’”

12 Imma huma jgħidu: “Għalxejn qed tinsisti! Għax se nagħmlu kif naħsbu aħna, u b’ras iebsa se nagħmlu dak li tixtieq il-qalb ħażina tagħna.”

13 Għalhekk, Ġeħova jgħid:

“Jekk jogħġobkom, staqsu għall-affari tagħkom fost il-popli

Jekk qattx instemgħet xi ħaġa bħal din.

Iżrael* għamel xi ħaġa tal-biżaʼ ħafna.

14 Il-borra taʼ fuq il-muntanji tal-Libanu ma tinħallx minn fuq il-blat tagħhom.

U l-ilmijiet kesħin tagħhom li ġejjin mill-bogħod ma jinxfux.

15 Imma għall-kuntrarju, il-poplu tiegħi nsieni.

Għax jagħmlu sagrifiċċji* lil xi ħaġa li ma tiswa għal xejn,

U jġiegħlu lil oħrajn jitfixklu mit-triq it-tajba, mit-triq li ilha hemm żmien twil ilu,

Biex jimxu f’toroq mhux prinċipali li huma mħarbta.*

16 Għalhekk, l-art tagħhom se tinqered,

U dawk li jarawha se jxenglu rashom.*

Kull min jgħaddi minn hemm se jibqaʼ ċċassat bil-biżaʼ u jxengel rasu.

17 Jien se nxerridhom quddiem l-għedewwa tagħhom bħalma jagħmel riħ mil-Lvant.

Meta jiġi d-diżastru fuqhom, jien se nagħtihom dahri.”

18 U huma qalu: “Ejja ħa nippjanaw xi ħaġa kontra Ġeremija, għax aħna għandna l-qassisin li se jkomplu jgħallmuna l-liġi,* għandna l-irġiel għorrief li se jkomplu jagħtuna l-pariri, u għandna l-profeti li se jkomplu jgħidulna dak li jgħid Alla. Ejja nitkellmu kontrih* u ma nagħtux kasu.”

19 Ġeħova, agħti kasi

U ismaʼ x’qed jgħidu dawk taʼ kontrija.

20 Għandu t-tajjeb jitpatta bil-ħażin?

Għax huma ħaffru ħofra biex joqtluni.*

Ftakar kemm-il darba ġejt quddiemek biex nitkellem tajjeb dwarhom,

Ħalli b’hekk ma tibqax irrabjat magħhom.

21 Għalhekk, ħalli lit-tfal tagħhom imutu bil-ġuħ,

U l-irġiel jinqerdu bix-xabla.

Jalla n-nisa tagħhom jitilfu t-tfal u jsiru romol.

Jalla l-irġiel tagħhom jinqatlu b’mard qerriedi,

U l-irġiel żgħażagħ tagħhom jinqatlu bix-xabla fil-battalja.

22 Ħa jinstemaʼ l-għajjat mid-djar tagħhom

Meta f’daqqa waħda tibgħat grupp taʼ ħallelin għalihom.

Għax huma ħaffru ħofra biex jaqbduni,

U għamlu nases minn fejn ngħaddi.

23 Imma int, Ġeħova,

Taf sew il-pjanijiet tagħhom biex joqtluni.

Tgħattix l-iżball tagħhom,

U tneħħix id-dnub tagħhom minn quddiemek.

Ħa jitfixklu quddiemek

Meta b’rabja taġixxi kontrihom.

19 Ġeħova qalli: “Ixtri flixkun tal-fuħħar mingħand dak li jagħmel il-fuħħar, ħu miegħek ftit mill-anzjani* tal-poplu u tal-qassisin, 2 mur fil-Wied taʼ Bin Ħinnom u oqgħod fid-daħla taʼ Bieb ix-Xaqquf, u għid dak li ngħidlek. 3 Int se tgħid, ‘Rejiet taʼ Ġuda u intom li toqogħdu Ġerusalemm, isimgħu dak li għandu jgħid Ġeħova. Dan jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael:

“‘“Jien daqt se nġib diżastru f’dan il-post, u kull min jismaʼ dwar dan se jinħasad.* 4 Dan għax abbandunawni u għax ma ħallewx dan il-post jintgħaraf. Fih għamlu sagrifiċċji lil allat oħrajn, li huma, missirijiethom, u r-rejiet taʼ Ġuda ma kinux jafu bihom; u mlew dan il-post bid-demm taʼ nies innoċenti. 5 Huma bnew il-postijiet għoljin għal Bagħal biex jaħarqu t-tfal tagħhom fin-nar bħala offerti sħaħ tal-ħruq lil Bagħal, xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx, ma tkellimtx dwarha, u lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi.”’

6 “‘Ġeħova jgħid, “Għalhekk, ġej żmien meta dan il-post ma jibqax jissejjaħ Tofet jew il-Wied taʼ Bin Ħinnom, imma l-Wied tal-Qatla. 7 Jien se nwaqqaf il-pjanijiet taʼ Ġuda u Ġerusalemm f’dan il-post, u se nħallihom imutu bix-xabla tal-għedewwa tagħhom li jridu joqtluhom. U se nagħti l-ġisem mejjet tagħhom bħala ikel lill-għasafar u l-annimali. 8 Lil din il-belt se neqridha, u min jgħaddi minn hemm ixengel rasu.* Kull min jgħaddi minn ħdejha se jiċċassa bil-biżaʼ u se jxengel rasu minħabba l-kastigi kollha tagħha. 9 Jien se nġegħelhom jieklu t-tfal subien u bniet tagħhom, u kull wieħed minnhom se jiekol lil ħaddieħor. Huma se jagħmlu hekk meta jkunu mdawrin bl-għedewwa tagħhom u b’dawk li qed jipprovaw joqtluhom, għax ikunu assedjati u ddisprati.”’

10 “Imbagħad, kisser il-flixkun quddiem l-irġiel li ġew miegħek 11 u għidilhom, ‘Ġeħova tal-armati jgħid: “Hekk se nkisser lil dawn in-nies u l-belt, bħal xi ħadd li jkisser reċipjent tal-fuħħar ħalli qatt ma jkun jistaʼ jissewwa. U huma se jidfnu f’Tofet sakemm ma jibqax iktar post fejn jidfnu.”’

12 “Ġeħova jgħid, ‘Hekk se nagħmel b’dan il-post u bin-nies li joqogħdu fih, biex din il-belt tiġi bħal Tofet. 13 U d-djar taʼ Ġerusalemm u tar-rejiet taʼ Ġuda se jsiru mniġġsin bħal Tofet. Iva, id-djar kollha li fuq il-bjut tagħhom offrew sagrifiċċji lix-xemx, il-qamar, u l-istilel* u fejn ferrgħu l-offerti tax-xorb lil allat oħra.’”

14 Meta jien, Ġeremija, ġejt lura minn Tofet, fejn Ġeħova kien bagħatni biex nipprofetizza, qgħadt fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova u għedt lil kulħadd: 15 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nġib id-diżastru kollu li tkellimt dwaru fuq din il-belt u l-bliet kollha tagħha, għax huma b’ras iebsa rrifjutaw li jobduni.’”

20 Pasħur il-qassis bin Immer, li kien ukoll kap taʼ dawk li jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova, kien qed jismaʼ l-affarijiet li jien, Ġeremija, kont qed nipprofetizza. 2 Imbagħad Pasħur sawwatni u tefagħni fil-qjud* li kien hemm fil-Bieb taʼ Fuq taʼ Benjamin, li kien qrib id-dar taʼ Ġeħova. 3 Imma l-għada, meta Pasħur ħelisni mill-qjud, jien Ġeremija għedtlu:

“Ġeħova biddillek ismek minn Pasħur għal Twerwir Minn Kull Naħa. 4 Għax Ġeħova jgħid hekk, ‘Jien se nagħmlek xi ħaġa li int u l-ħbieb kollha tiegħek titwerwru minnha, u huma se jmutu quddiem għajnejk bix-xabla tal-għedewwa tagħhom. U jien se nagħti lil Ġuda kollu f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u lil xi wħud se jiħodhom fl-eżilju f’Babilonja u lil oħrajn se joqtolhom bix-xabla. 5 Se nagħti f’idejn l-għedewwa tagħhom il-ġid, ir-riżorsi, u l-affarijiet prezzjużi kollha taʼ din il-belt u l-ġid kollu tar-rejiet taʼ Ġuda. Huma se jaħtfu l-ġid kollu tagħhom u jiħduh Babilonja. 6 U int, Pasħur, u dawk kollha li joqogħdu fid-dar tiegħek se tmorru fl-eżilju. Int se tmur Babilonja, tmut hemm, u tindifen mal-ħbieb kollha tiegħek, għax int ipprofetizzajtilhom il-gideb.’”

 7 Int qarraqt bija, Ġeħova, u jien tqarraqt.

Int urejtni kemm int b’saħħtek u rbaħtli.

Il-ġurnata kollha n-nies jidħqu bija;

Kulħadd iwaqqagħni għaċ-ċajt.

 8 Għax kull meta nitkellem irrid ngħajjat u nxandar:

“Vjolenza u qerda!”

Kienu jwaqqgħuni għaċ-ċajt u jiddieħqu bija l-ġurnata kollha

Minħabba dak li jgħid Ġeħova.

 9 Allura jien għedt: “Jien mhux se nsemmih

U mhux se nkompli nitkellem f’ismu.”

Imma dak li qalli kien bħal nar jaqbad f’qalbi,

Kien bħal nar f’għadmi,

U għejejt ma ngħid xejn;

Ma flaħtx inżomm iktar.

10 Smajt ħafna affarijiet ħżiena;

Is-sitwazzjoni li kont fiha kienet tal-biżaʼ.

Huma jgħidu: “Ikkundannawh; ejja ħa nikkundannawh!”

Kull min taparsi jixtieqli l-ġid

Qed jistennieni nagħmel xi ħaġa ħażina u jgħid:

“Forsi jagħmel żball banali, u jirnexxilna negħlbuh u npattuhielu.”

11 Imma Ġeħova kien miegħi bħal gwerrier b’saħħtu.

Hu għalhekk li dawk li qed jippersegwitawni se jitfixklu u mhux se jirbħu.

Huma se jiġu mġegħlin jistħu ħafna, għax mhux se jirnexxu.

Il-mistħija tagħhom se tkun għal dejjem u qatt mhu se tintesa.

12 Imma int, Ġeħova tal-armati, teżamina lil min hu sewwa;

Inti tara l-ħsibijiet* u l-qalb.

Ħallini ħa nara l-vendetta li se ġġib fuqhom,

Għax jien għandek ġejt bil-kawża legali tiegħi.

13 Kantaw lil Ġeħova! Faħħru lil Ġeħova!

Għax hu ħeles lill-batut* minn idejn il-ħżiena.

14 Nisħet il-ġurnata li twilidt!

Kien ikun aħjar li kieku ommi ma wilditnix!

15 Misħut ir-raġel li ferraħ ħafna lil missieri meta tah aħbar tajba u qallu:

“Għandek tifel!”

16 Jalla dak ir-raġel isir bħall-bliet li Ġeħova qered mingħajr ma ddispjaċieh.

U jalla jismaʼ għajta filgħodu u l-għajta tal-gwerra f’nofsinhar.

17 Għala ma qatilnix f’żaqq ommi,

Ħalli kienet issir bħal qabar għalija

U b’hekk ma kontx nitwieled?*

18 Għala kelli nitwieled

Biex nara l-inkwiet u t-tbatija,

U fl-aħħar taʼ ħajti nispiċċa nistħi?

21 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova meta r-Re Sedekija bagħat għandi lil Pasħur bin Malkija u lill-qassis Sofonija bin Magħseja, u qaluli: 2 “Jekk jogħġbok, staqsi lil Ġeħova biex inkunu nafu x’se jiġri, għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja qed jiggwerra kontrina. Forsi Ġeħova jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb għalina, ħalli b’hekk ir-re jitlaq minn hawn.”

3 Jien, Ġeremija, għedtilhom: “Hekk għandkom tgħidulu lil Sedekija, 4 ‘Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: “Jien se ndawwar kontrikom l-armi tal-gwerra li għandkom f’idejkom u li bihom qed tiġġieldu kontra r-re taʼ Babilonja u l-Kaldin li qegħdin barra s-sur li qed jassedjawkom. U se niġbor l-armi f’nofs din il-belt. 5 U jien stess se niġġieled kontrikom b’id b’saħħitha u b’qawwa kbira, u anki b’rabja u korla kbira. 6 Se nikkastiga lil dawk li joqogħdu f’din il-belt, kemm in-nies u kemm l-annimali. Huma se jmutu b’mard kiefer.”’*

7 “‘Ġeħova jgħid: “U wara dan, jien se nagħti lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, il-qaddejja tiegħu, u l-poplu taʼ din il-belt, jiġifieri dawk li ma nqatlux bil-mard, ix-xabla, u l-ġuħ, f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, f’idejn l-għedewwa tagħhom, u f’idejn dawk li qed jipprovaw joqtluhom. Hu se joqtolhom bix-xabla. Mhux se jiddispjaċih għalihom, la jitħassarhom u lanqas iħenn għalihom.”’

8 “U lil dan il-poplu għandek tgħidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien qed inpoġġi quddiemkom il-ħajja u l-mewt. 9 Dawk li jibqgħu f’din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard. Imma kull min joħroġ u jċedi ruħu lill-Kaldin li qegħdin jassedjawkom, se jibqaʼ ħaj u jsalva ħajtu.”’

10 “‘“Għax jien determinat li nġib diżastru* fuq din il-belt u mhux affarijiet tajbin,” jgħid Ġeħova. “Din se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jaħraqha.”

11 “‘Intom li tagħmlu parti mid-dar tar-re taʼ Ġuda, isimgħu dak li jgħid Ġeħova. 12 Dar taʼ David, hekk jgħid Ġeħova:

“Agħmlu l-ġustizzja kuljum,

U eħilsu lil min qed jiġi misruq mill-imbroljuni,

Ħalli r-rabja kbira tiegħi ma taqbadx bħan-nar,

Bħan-nar li ħadd ma jistaʼ jitfih

Minħabba l-affarijiet ħżiena li tagħmlu.”’

13 ‘Intom li toqogħdu fil-wied,*

Intom in-nies li tgħixu fil-belt li qiegħda fuq blata tal-wita,

Jien ġej kontrik,’ jgħid Ġeħova.

‘U intom li qed tgħidu: “Min se jinżel għalina?

Min se jiġi fejn ngħixu?”

14 Kunu afu, jien se nitlob kont minnkom

Bħalma ħaqqkom għal dak li għamiltu,’ jgħid Ġeħova.

‘Se nqabbad nar fil-foresta tagħkom,

U dan se jġib fix-xejn l-affarijiet kollha taʼ madwarha.’”

22 Hekk jgħid Ġeħova: “Mur fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u wassallu dan il-messaġġ. 2 Għandek tgħidlu, ‘Ismaʼ dak li jgħid Ġeħova, re taʼ Ġuda li qiegħed fuq it-tron taʼ David, int u l-qaddejja u l-poplu tiegħek, jiġifieri dawk li jidħlu minn dawn il-bibien. 3 Hekk jgħid Ġeħova: “Agħmlu l-ġustizzja u s-sewwa. Eħilsu lil min qed jiġi misruq mill-imbroljuni. Tittrattawx ħażin lir-resident barrani u tagħmlux ħsara lill-orfni* jew lin-nisa romol. U toqtlux nies innoċenti f’dan il-post. 4 Għax jekk toqgħod attent li tagħmel dak li ngħidlek, imbagħad ir-rejiet li joqogħdu fuq it-tron taʼ David se jidħlu mill-bibien taʼ dan il-palazz rekbin fuq karrijiet u żwiemel, flimkien mal-qaddejja u l-poplu tagħhom.”’

5 “‘Imma jekk ma tobdix dak li qed ngħidlek, naħlef bija nnifsi li dan il-palazz isir ħerba,’ jgħid Ġeħova.

6 “Għax hekk jgħid Ġeħova dwar il-palazz tar-re taʼ Ġuda,

‘Int bħal foresta taʼ Gilegħad għalija,

Bħall-quċċata tal-muntanja tal-Libanu.

Imma jien nagħmlek deżert;

Ma jkunx hemm belt waħda li jgħixu n-nies fiha.

 7 U jien se ninkariga* wħud biex jeqirduk,

Kull wieħed bl-armi tiegħu.

Huma se jaqtgħu l-aqwa siġar taċ-ċedri

U jitfgħuhom fin-nar.

8 “‘U nies minn ħafna popli se jgħaddu minn quddiem din il-belt u jgħidu: “Għala Ġeħova għamlilha hekk lil din il-belt il-kbira?” 9 U mbagħad huma se jgħidu: “Għax telqu l-patt taʼ Ġeħova l-Alla tagħhom u mielu quddiem allat oħrajn u qdewhom.”’

10 Tibkux għar-re li miet

U m’għandux jiddispjaċikom għalih.

Minflok, ibku ħafna għal min sejjer fl-eżilju,

Għax mhux se jerġaʼ jara art twelidu.

11 “Għax dwar Sallum* bin Ġosija, ir-re taʼ Ġuda li qed imexxi minflok missieru Ġosija u li ħareġ minn dan il-post, Ġeħova jgħid: ‘Hu qatt mhu se jerġaʼ lura pajjiżu. 12 Għax hu se jmut fil-post fejn ħaduh fl-eżilju, u din l-art mhux se jaraha iktar.’

13 Ħażin għal min qed jibni d-dar tiegħu b’mod diżonest

U l-kmamar taʼ fuq mingħajr ġustizzja,

Li jġiegħel lil sieħbu jaqdih għalxejn

Billi ma jkunx irid jagħtih il-paga;

14 Il-wieħed li jgħid, ‘Se nibni dar kbira għalija nnifsi

Bi kmamar taʼ fuq spazjużi.

Nagħmlilha twieqi,

Niksiha biċ-ċedru, u niżbogħha bl-aħmar.’

15 Jaqaw se tkompli tmexxi int minħabba li użajt iktar ċedru minn oħrajn?

Anki missierek kiel u xorob,

Imma hu għamel il-ġustizzja u s-sewwa,

U b’hekk irnexxa.

16 Hu ddefenda l-kawża legali tal-batut u l-fqir,

Għalhekk mar kollox sew.

‘Hu għamel hekk għax kien jafni,’ jgħid Ġeħova.

17 ‘Imma int moħħok* biss biex tagħmel qligħ diżonest,

Toqtol nies innoċenti,

U tagħmel il-frodi u tieħu l-affarijiet taʼ ħaddieħor.’

18 “Għalhekk, dwar Ġeħojakim bin Ġosija, ir-re taʼ Ġuda, Ġeħova jgħid,

‘Mhux se jibkuh u jgħidu lil xulxin:

“Jaħasra ħija! Jaħasra oħti!”

Mhux se jibkuh u jgħidu:

“Jaħasra sidi! Jaħasra kif spiċċat il-glorja tiegħu!”

19 Hu se jindifen bħalma jidfnu ħmar,

Ikaxkruh u jarmuh,

’Il barra mill-bibien taʼ Ġerusalemm.’

20 Itlaʼ* fuq il-Libanu u għajjat,

Għolli leħnek fil-Basan,

U għajjat mill-Għabarim,

Għax il-maħbubin kollha tiegħek ġew meqrudin.

21 Jien kellimtek meta kont qed tħossok fis-sigurtà.

Imma int għedt, ‘M’iniex se nobdi.’

Ilek iġġib ruħek hekk mindu kont żgħira,

Għax int m’obdejtx dak li għedtlek.

22 Riħ se jtajjar* lir-ragħajja kollha tiegħek,

U l-maħbubin tiegħek se jmorru fil-jasar.

Imbagħad int se tiġi mġiegħla tistħi u tkun umiljata minħabba l-inkwiet kollu li għandek.

23 Int li qisek tgħix fil-Libanu,

Fil-kenn tas-siġar taċ-ċedri,

Kemm se tgħajjat meta jiġi l-uġigħ fuqek,

L-uġigħ bħal taʼ mara li qed twelled!”

24 “Ġeħova l-Alla l-ħaj jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi li lanqas li kieku int, Konija* bin Ġeħojakim, ir-re taʼ Ġuda, kont iċ-ċurkett tas-siġill fuq idi l-leminija, xorta kont naqilgħek minn hemm. 25 Jien se nagħtik f’idejn dawk li qed jipprovaw joqtluk, dawk li tibżaʼ minnhom, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u l-Kaldin. 26 U nitfaʼ lilek u lil ommok f’pajjiż ieħor fejn ma twilidtux, u hemmhekk tmutu. 27 U qatt mhu se terġaʼ lura lejn il-pajjiż li tixtieq tmur fih.

28 Hu dan ir-raġel Konija sempliċi borma mkissra u mibgħuda,

Reċipjent li ħadd ma jrid?

Għala hu u t-tfal tiegħu ġew imkeċċijin

F’pajjiż li ma jafux?’

29 Nies li tgħixu fil-pajjiż,* isimgħu dak li jgħid Ġeħova.

30 Hekk jgħid Ġeħova:

‘Irreġistraw lil dar-raġel bħala li ma kellux tfal,

Bħala raġel li ma kellu l-ebda suċċess matul ħajtu,

Għax ħadd mit-tfal tiegħu mhu se jirnexxilu

Joqgħod fuq it-tron taʼ David u jerġaʼ jmexxi lil Ġuda.’”

23 “Ħażin għar-ragħajja li qed jeqirdu u jxerrdu n-nagħaġ li nirgħa jien!” jgħid Ġeħova.

2 Għalhekk, Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid hekk kontra r-ragħajja li qed jirgħaw lill-poplu tiegħu: “Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi. Komplejtu tferrxuhom u ma tajtux kashom.”

“Allura mhux se nagħti kaskom minħabba l-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu,” jgħid Ġeħova.

3 “Imbagħad jien se niġbor flimkien lil min fadal min-nagħaġ tiegħi mill-pajjiżi kollha li xerridthom fihom, u se nerġaʼ nġibhom fl-art tagħhom. Huma se jkollhom it-tfal u jsiru ħafna. 4 Jien se nqiegħed fuqhom ragħajja li se jirgħawhom kif suppost. Huma mhux se jibqgħu jibżgħu jew jitwerwru, u ħadd minnhom mhu se jintilef,” jgħid Ġeħova.

5 “Se jiġi żmien meta npoġġi fuq it-tron dixxendent ġust* taʼ David,” jgħid Ġeħova. “Ir-re li se jmexxi se jkun għaqli u jagħmel is-sewwa u l-ġustizzja fil-pajjiż. 6 F’dak iż-żmien, Ġuda se jiġi salvat u Iżrael se jgħix fis-sigurtà. Hu se jissejjaħ: Ġeħova Hu s-Sewwa Tagħna.”

7 Ġeħova jgħid: “Imma ġej żmien li minflok jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, 8 jibdew jaħilfu bija, Ġeħova, bħala l-Alla l-ħaj li ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tat-Tramuntana u mill-pajjiżi kollha fejn xerridthom, u huma se jgħixu fil-pajjiż tagħhom.”

9 Lill-profeti ngħidilhom:

Qalbi maqsuma.

L-għadam tiegħi kollu jitriegħed.

Jien bħal raġel fis-sakra

U bħal raġel li ħadu l-inbid,

Minħabba kif qed jiġi ttrattat Ġeħova u l-kliem qaddis tiegħu.

10 L-art mimlija b’dawk kollha li jagħmlu l-adulterju;

Minħabba s-saħta, l-art imdejqa u l-ħaxix fid-deżert nixef.

Huma jaġixxu b’mod ħażin u jabbużaw mill-awtorità tagħhom.

11 “Kemm il-profeti u anki l-qassisin huma apostati.*

Anki fid-dar tiegħi stess għamlu l-ħażen,” jgħid Ġeħova.

12 “Allura t-triq tagħhom se ssir tiżloq u mudlama;

Huma se jiġu mbottati u se jaqgħu.

Għax fis-sena li nitlob kont minnhom,

Jien se nara li jkollhom l-inkwiet,” jgħid Ġeħova.

13 “U lill-profeti tas-Samarija rajthom jagħmlu affarijiet diżgustanti.

Huma jipprofetizzaw f’isem Bagħal,

U jbiegħdu lill-poplu tiegħi, Iżrael, mit-triq it-tajba.

14 U lill-profeti taʼ Ġerusalemm rajthom jagħmlu affarijiet tal-biżaʼ.

Huma qed jagħmlu adulterju u jigdbu;

Jinkuraġġixxu lil* dawk li jagħmlu l-ħażen

U ma jiqfux jagħmlu dak li hu ħażin.

Għalija kollha huma bħal Sodoma,

U n-nies tagħha huma bħal Gomorra.”

15 Għalhekk, Ġeħova tal-armati hekk jgħid kontra l-profeti:

“Se nġegħelhom jieklu pjanta morra u jixorbu ilma vvelenat,

Għax il-profeti taʼ Ġerusalemm xerrdu l-apostasija mal-pajjiż kollu.”

16 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:

“Tisimgħux mill-profeti li qed jipprofetizzawlkom.

Huma qed iqarrqu bikom.*

Il-viżjonijiet li jgħidu ġejjin minn moħħhom,

Mhux minn Ġeħova.

17 Lil dawk li ma jirrispettawnix jibqgħu jgħidulhom,

‘Ġeħova qal: “Intom se jkollkom il-paċi.”’

U lil kull min b’ras iebsa jibqaʼ jagħmel dak li tixtieq qalbu, jgħidulu,

‘Mhux se jkollok inkwiet.’

18 Min hu fost in-nies qrib taʼ Ġeħova

Biex jismaʼ u jifhem dak li jgħid?

Min qagħad attent biex jismaʼ l-kelma tiegħu?

19 Ir-rabja taʼ Ġeħova se toħroġ bħal riefnu,

Bħal tempesta qawwija li tiġi fuq il-ħżiena.

20 Ġeħova se jibqaʼ rrabjat

Sakemm jagħmel u jwettaq dak li għandu f’moħħu.

Fl-aħħar parti tal-jiem, intom se tifhmu dan b’mod ċar.

21 Lill-profeti ma bgħatthomx, imma xorta ġrew.

Jien ma kellimthomx, imma xorta pprofetizzaw.

22 Imma kieku kienu fost in-nies li huma qrib tiegħi,

Kienu jġiegħlu lill-poplu tiegħi jismaʼ minni

U jdur lura mit-triq ħażina tiegħu u jieqaf jagħmel dak li hu ħażin.”

23 Ġeħova jgħid, “Jaqaw jien Alla biss meta nkun qrib tagħkom, u mhux meta nkun ’il bogħod ukoll?”

24 “Hemm xi ħadd li jistaʼ jinħeba fejn ma nistax narah?” jgħid Ġeħova.

“Jien nara kulma hemm fis-sema u fl-art,” jgħid Ġeħova.

25 “Smajt lill-profeti li qed jipprofetizzaw gideb f’ismi, jgħidu, ‘Kelli ħolma! Kelli ħolma!’ 26 Kemm ħa jdumu l-profeti jgħidu gideb? Huma jqarrqu minn qalbhom. 27 Huma jgħidu l-ħolm lil xulxin bl-intenzjoni li jġiegħlu l-poplu tiegħi jinsa lil ismi, bħalma missirijiethom insew lil ismi biex iqimu lil Bagħal. 28 Ħalli l-profeta li għandu ħolma jgħid il-ħolma, imma dak li għandu l-kelma tiegħi jgħid il-verità.”

“It-tibna x’inhi fejn il-qamħa?” jgħid Ġeħova.

29 “Mhijiex il-kelma tiegħi bħal nar u bħal martell li jkisser il-blat?” jgħid Ġeħova.

30 “Għalhekk, jien se nikkastiga lill-profeti li jgħawġu l-kliem tiegħi u jgħidu lin-nies dak li jridu huma,” jgħid Ġeħova.

31 “Jien se nikkastiga lill-profeti li jgħidu, ‘Alla jgħid!’” jgħid Ġeħova.

32 “Jien se nikkastiga lill-profeti li jgħidu ħolm falz u li jbiegħdu lill-poplu tiegħi mit-triq it-tajba minħabba l-gideb u l-ftaħir tagħhom,” jgħid Ġeħova.

“Imma jien la bgħatthom u lanqas ikkmandajthom. Allura ma jistgħux ikunu t’għajnuna għal dan il-poplu,” jgħid Ġeħova.

33 “U meta dan il-poplu, xi profeta, jew qassis jistaqsik, ‘X’inhi t-tagħbija* taʼ Ġeħova?’ int għandek twiġibhom, ‘“Intom it-tagħbija! U jien se nwarrabkom,” jgħid Ġeħova.’ 34 Lill-profeta, il-qassis, u l-poplu li jgħidlek, ‘Din hi t-tagħbija* taʼ Ġeħova!’ jien se nikkastiga lilu u lil taʼ daru. 35 Kull wieħed minnkom hekk qed jgħid lil sieħbu u lil ħuh, ‘Ġeħova x’wiġibkom? U Ġeħova x’qal?’ 36 Imma t-tagħbija* taʼ Ġeħova m’għandkomx issemmuha iktar, għax it-tagħbija taʼ kull wieħed hi dak li jgħid hu stess, u intom biddiltu dak li jgħid l-Alla l-ħaj, Ġeħova tal-armati, l-Alla tagħna.

37 “Lill-profeta hekk għandek tgħidlu, ‘Ġeħova x’wieġbek? U Ġeħova x’qallek? 38 U jekk tibqgħu tgħidu, “Din hi t-tagħbija* taʼ Ġeħova!” Ġeħova hekk jgħidilkom: “Talli tibqgħu tgħidu, ‘Dak li ngħidu hu t-tagħbija taʼ Ġeħova,’ wara li għedtilkom, ‘M’għandkomx tgħidu: “Din hi t-tagħbija taʼ Ġeħova!”’ 39 se nerfaʼ lilkom u lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom, u nitfagħkom ’il bogħod minni. 40 U l-umiljazzjoni u d-diżunur li nġib fuqkom qatt mhu se jintesew.”’”

24 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja lir-Re Ġekonija* taʼ Ġuda bin Ġeħojakim, flimkien mal-mexxejja taʼ Ġuda, l-irġiel tas-sengħa, u l-ħaddieda.* Imbagħad Ġeħova wrieni żewġt iqfief tat-tin li kienu quddiem it-tempju taʼ Ġeħova. 2 Qoffa minnhom kellha tin tajjeb ħafna, bħall-ewwel tin li jinqataʼ. Imma l-qoffa l-oħra kellha tin ħażin ħafna, tant kien ħażin li ma setax jittiekel.

3 Imbagħad Ġeħova staqsieni: “X’int tara Ġeremija?” Jien għedtlu: “Tin. It-tin tajjeb hu tajjeb ħafna. Imma l-ħażin hu ħażin ħafna, tant li ma jistax jittiekel.”

4 Imbagħad Ġeħova qalli: 5 “Jien Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk, ‘L-eżiljati taʼ Ġuda li jien bgħatt minn dan il-post għall-art tal-Kaldin huma bħat-tin tajjeb. Lil dawn jien inqishom tajbin. 6 Se nżomm għajnejja fuqhom biex nieħu ħsiebhom u se nagħmel ċert li jerġgħu lura f’dan il-pajjiż. Jien se ngħinhom jirnexxu, u mhux inkissirhom. Se nħawwilhom, u mhux naqlagħhom. 7 U se nqanqal lil qalbhom biex ikunu jafuni sew, biex ikunu jafu li jien Ġeħova. Huma se jsiru l-poplu tiegħi, u jien se nsir l-Alla tagħhom, għax huma se jerġgħu jiġu għandi b’qalbhom kollha.

8 “‘Imma dwar it-tin ħażin li tant hu ħażin li ma jistax jittiekel, jien Ġeħova ngħid hekk, “Bl-istess mod se nqis lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, il-mexxejja tiegħu, dawk li baqgħu jgħixu Ġerusalemm, u dawk li qed jgħixu l-Eġittu. 9 Se nġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jibżgħu meta jaraw l-inkwiet li se nġib fuqhom. In-nies se jmaqdruhom, se jużawhom bħala eżempju taʼ nies li batew l-inkwiet, se jwaqqgħuhom għaċ-ċajt, u se jisħtuhom kull fejn inxerridhom. 10 U se neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard,* sakemm ma jibqaʼ ħadd minnhom fil-pajjiż li tajt lilhom u lil missirijiethom.”’”

25 Ġeħova kellem lili, Ġeremija, dwar in-nies kollha taʼ Ġuda fir-rabaʼ sena li kien qed imexxi r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, li kienet l-ewwel sena li kien qed imexxi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. 2 Jien, il-profeta Ġeremija, għedt hekk dwar in-nies* kollha taʼ Ġuda u dawk kollha li joqogħdu f’Ġerusalemm:

3 “Ġeħova kellimni dawn l-aħħar 23 sena, mit-13-il sena tar-Re Ġosija taʼ Ġuda bin Amon sal-lum. U jien bqajt inkellimkom għal darba wara l-oħra, imma intom ma smajtux. 4 Għal darba wara l-oħra, Ġeħova bagħtilkom il-qaddejja kollha tiegħu l-profeti, imma intom la smajtu u lanqas tajtu kas.* 5 Dawn kienu jgħidulkom, ‘Jekk jogħġobkom, tibqgħux tagħmlu affarijiet ħżiena u duru lura mill-ħażen tagħkom. Jekk tagħmlu hekk, se tkomplu tgħixu għal żmien twil f’din l-art li Ġeħova ta lilkom u lil missirijietkom żmien twil ilu. 6 Toffendunix b’dak kollu li tagħmlu billi tqimu allat oħrajn, taqduhom, u tmilu quddiemhom, għax inkella nġib diżastru fuqkom.’

7 “Ġeħova jgħid, ‘Imma intom ma smajtux minni. Minflok, offendejtuni b’dak kollu li tagħmlu u ġibtu diżastru fuqkom stess.’

8 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘“Peress li m’obdejtux dak li għedtilkom, 9 se nibgħat għall-popli kollha tat-Tramuntana, billi se nibgħat għall-qaddej tiegħi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u se nġibhom kontra din l-art, kontra n-nies li joqogħdu fiha, u kontra l-popli kollha taʼ madwarha,” jgħid Ġeħova. “Se neqridhom u dawk li jarawhom se jibżgħu u se jxenglu rashom.* Jien se nagħmilhom ħerba għalkollox. 10 Se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, il-leħen tal-għarus u l-għarusa, il-ħoss tal-mitħna tal-idejn, u d-dawl tal-lampa. 11 U se nagħmel din l-art ħerba u tal-biżaʼ, u dawn il-popli jridu jaqdu lir-re taʼ Babilonja għal 70 sena.”’

12 “‘Imma wara li jgħaddu s-70 sena, jien se nikkastiga lir-re* taʼ Babilonja u l-poplu tiegħu għall-ħażen tagħhom. U l-art tal-Kaldin se nagħmilha art abbandunata għal dejjem,’ jgħid Ġeħova. 13 ‘Se nġib fuq dik l-art dak kollu li għedt kontriha, inkluż dak kollu li hemm miktub f’dan il-ktieb li Ġeremija pprofetizza kontra l-popli kollha. 14 Il-Kaldin se jsiru lsiera għal ħafna popli u għal rejiet kbar, u jien se npattihielhom għal kif jgħixu ħajjithom u għal dak kollu li jagħmlu.’”

15 Għax Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, qalli hekk: “Ħu din it-tazza tal-inbid tar-rabja minn idi, u ġiegħel lill-popli kollha li jien nibagħtek għandhom jixorbu minnha. 16 Huma se jixorbu, jixxenglu, u jaġixxu bħal wieħed miġnun meta nibgħat l-għadu tagħhom jattakkahom bix-xabla.”

17 Allura ħadt it-tazza minn id Ġeħova u ġegħelt lill-popli kollha li Ġeħova bagħatni għandhom biex jixorbu minnha: 18 bdejt minn Ġerusalemm u l-bliet taʼ Ġuda, u mir-rejiet u l-mexxejja tagħhom, għax Alla ddeċieda li jeqridhom. In-nies se jxenglu rashom meta jarawhom u se jużawhom bħala eżempju taʼ nies li huma misħutin peress li se jibqgħu mbellhin meta jaraw xi ġralhom, bħalma qed jiġri llum. 19 Imbagħad komplejt mill-Fargħun ir-re tal-Eġittu, il-qaddejja tiegħu, il-mexxejja tiegħu, in-nies kollha tiegħu, 20 u l-barranin kollha li jgħixu f’pajjiżu; ir-rejiet kollha tal-art t’Uż, ir-rejiet kollha tal-art tal-Filistin, jiġifieri r-re t’Askelon, taʼ Gaża, t’Għekron, u taʼ dawk li fadal minn Asdod; 21 l-Edomin, il-Mowabin, u l-Għammonin; 22 ir-rejiet kollha taʼ Tir, ir-rejiet kollha taʼ Sidon, u r-rejiet tal-gżejjer;* 23 in-nies taʼ Dedan, Tema, Buż, u dawk kollha li jqaxxru x-xagħar tal-ġenb taʼ rashom; 24 ir-rejiet kollha tal-Għarab u r-rejiet kollha tan-nies differenti li jgħixu fid-deżert; 25 ir-rejiet kollha taʼ Żimri, ir-rejiet kollha t’Għelam, u r-rejiet kollha tal-Medin; 26 ir-rejiet kollha tat-Tramuntana li qegħdin fil-viċin u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet l-oħrajn kollha fuq l-art; u r-re taʼ Sesak* se jixrob warajhom.

27 “U għandek tgħidilhom, ‘Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħidilkom hekk: “Ixorbu, iskru, irremettu, u aqgħu ħalli ma terġgħux tqumu, għax se nibgħat l-għadu biex joqtolkom bix-xabla.”’ 28 U jekk ma jkunux iridu jieħdu t-tazza minn idek u jixorbu, għidilhom, ‘Ġeħova tal-armati jgħid hekk: “Bilfors tridu tixorbu. 29 Jien l-ewwel se nġib diżastru fuq il-belt li tissejjaħ b’ismi. Allura sejjer ma nikkastigax lilkom?”’

“‘Intom se tiġu kkastigati, għax jien se nibda gwerra* kontra n-nies kollha tal-art,’ jgħid Ġeħova tal-armati.

30 “U għandek tipprofetizzalhom dak kollu li se ngħidlek, u għidilhom,

‘Ġeħova se jgħajjat mill-għoli

U se jsemmaʼ leħnu mill-post qaddis tiegħu.

Hu se jgħajjat ħafna maʼ dawk li qegħdin fil-post tiegħu fuq l-art.

Bħalma jgħajtu bil-ferħ dawk li jagħsru l-inbid,

Hu se jkanta għanja taʼ rebħa kontra n-nies kollha tal-art.’

31 Ġeħova jgħid: ‘Se jinstemaʼ ħoss mad-dinja kollha,

Għax jien, Ġeħova, għandi xi ngħid mal-popli.

Jien stess se nġib ġudizzju fuq in-nies kollha.

U lill-ħżiena se noqtolhom bix-xabla.’

32 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:

‘Se jkun hemm diżastru fuq poplu wara l-ieħor,

U se tqum tempesta kbira mill-iżjed postijiet imbegħdin fl-art.

33 “‘U dawk li jien, Ġeħova, se noqtol dakinhar, se jkunu kullimkien, minn tarf sa tarf tal-art. La se jibkuhom, la se jiġbruhom, u lanqas jidfnuhom. Se jsiru bħal demel fuq wiċċ l-art.’

34 Ibku u għajtu intom ir-ragħajja!

Intom in-nagħaġ importanti, tmiegħku fl-art,

Għax wasal iż-żmien biex tinqatlu u tinfirxu,

U se taqgħu u titfarrku bħal reċipjent prezzjuż!

35 Ir-ragħajja m’għandhomx fejn jaħarbu,

U n-nagħaġ importanti mhux se jeħilsuha.

36 Isimgħu l-għajjat tar-ragħajja

U l-biki tan-nagħaġ importanti,

Għax jien, Ġeħova, qed inħarbtilhom il-post fejn jirgħaw.

37 U l-postijiet fejn kienu jgħixu fil-paċi spiċċaw bla ħajja

Minħabba r-rabja kbira tiegħi, Ġeħova.

38 Jien se noħroġ minn posti bħal iljun b’saħħtu,

Għax l-art tagħhom se tispiċċa ħerba

Minħabba li x-xabla ntużat bla ħniena

U minħabba r-rabja kbira tiegħi.”

26 Meta beda jmexxi r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Mur u oqgħod fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova u kellem lin-nies* kollha tal-bliet taʼ Ġuda li qed jiġu biex jagħtu qima* fid-dar taʼ Ġeħova. Għidilhom kulma qed nikkmandak, sal-inqas kelma. 3 Forsi huma jisimgħu u kull wieħed ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin, u jien inbiddel fehmti* dwar id-diżastru li għandi l-ħsieb li nġib fuqhom minħabba l-affarijiet ħżiena li qed jagħmlu. 4 Għidilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Jekk ma tisimgħux minni billi ma tobdux il-liġi* li tajtkom 5 u billi ma tobdux dak li jgħidu l-qaddejja tiegħi l-profeti, li bgħattilkom għal darba wara l-oħra u li intom ma tajtux kashom, 6 imbagħad lil din id-dar nagħmilha bħal Silo, u lil din il-belt bħal xi ħaġa li l-popli kollha tal-art jisħtuha.’”’”

7 Il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha semgħu lili, Ġeremija, ngħid dan il-kliem fid-dar taʼ Ġeħova. 8 Meta għedtilhom dak kollu li Ġeħova kien ikkmandani ngħid lin-nies kollha, imbagħad il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha ħatfuni u qaluli: “Int ħaqqek tmut. 9 Għala pprofetizzajt f’isem Ġeħova u għedt, ‘Din id-dar se ssir bħal Silo, u din il-belt se ssir ħerba u ħadd ma jibqaʼ jgħix fiha’?” U n-nies kollha nġabru madwari fid-dar taʼ Ġeħova.

10 Meta l-kapijiet taʼ Ġuda semgħu dan il-kliem, huma ġew mill-palazz tar-re lejn id-dar taʼ Ġeħova u qagħdu bilqiegħda fid-daħla tal-bieb il-ġdid tad-dar taʼ Ġeħova. 11 Il-qassisin u l-profeti qalu lill-kapijiet u lin-nies kollha: “Dan ir-raġel ħaqqu jiġi maqtul, għax hu pprofetizza kontra din il-belt bħalma smajtuh intom stess.”

12 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lill-kapijiet u lin-nies kollha: “Kien Ġeħova li bagħatni nipprofetizza dak kollu li għadkom kif smajtu kontra din id-dar u din il-belt. 13 Allura issa rranġaw il-mod kif tgħixu, kif iġġibu ruħkom, u obdu dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħkom, u Ġeħova jbiddel fehmtu* dwar id-diżastru li tkellem kontrikom. 14 Imma jien f’idejkom. Agħmlu bija dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejkom. 15 Biss kunu afu li jekk toqtluni, intom, din il-belt, u n-nies tagħha se tkunu ħatja li qtiltu bniedem innoċenti, għax jien veru Ġeħova bagħatni biex ngħidilkom dan kollu.”

16 Imbagħad il-kapijiet u n-nies kollha qalu lill-qassisin u lill-profeti: “Dan ir-raġel ma ħaqqux jinqatel, għax hu kellimna f’isem Ġeħova l-Alla tagħna.”

17 Iktar minn hekk, xi anzjani* tal-pajjiż qamu u bdew jgħidu lill-kongregazzjoni kollha tal-poplu: 18 “Fi żmien ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda kien hemm Mikea minn Moreset li kien qed jipprofetizza u qal lin-nies kollha taʼ Ġuda, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:

“Sijon se tiġi maħruta bħal għalqa,

Ġerusalemm se ssir ħerba sħiħa,

U l-muntanja tat-tempju se ssir bħal għolja mimlija siġar.”’

19 Ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda u n-nies taʼ Ġuda kollha ma qatluhx, imma r-re rrispetta lil* Ġeħova u talab bil-ħniena lil Ġeħova biex iħenn għalih. B’hekk, Ġeħova biddel fehmtu* dwar id-diżastru li kien tkellem kontrihom. Allura, issa aħna se nġibu diżastru fuqna nfusna.*

20 “U kien hemm raġel ieħor li kien jipprofetizza f’isem Ġeħova, Urijah bin Semajja minn Kirjat-ġegħarim. Hu pprofetizza kontra din il-belt u dan il-pajjiż bi kliem simili taʼ Ġeremija. 21 Ir-Re Ġeħojakim, l-irġiel b’saħħithom kollha tiegħu, u l-kapijiet kollha semgħu dak li qal, u r-re pprova joqtlu. Malli Urijah sar jaf b’dan, hu beżaʼ u ħarab lejn l-Eġittu. 22 Imbagħad ir-Re Ġeħojakim bagħat l-Eġittu lil Elnatan bin Għakbor flimkien maʼ xi rġiel oħrajn. 23 Huma ġabu lil Urijah mill-Eġittu u ħaduh għand ir-Re Ġeħojakim li qatlu bix-xabla u tefaʼ l-ġisem mejjet tiegħu fejn jindifnu n-nies komuni.”

24 Imma Aħikam bin Safan qabeż għalija ħalli ma ningħatax f’idejn in-nies u joqtluni.

27 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova meta r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija beda jmexxi: 2 “Ġeħova qalli, ‘Orbot xi ħbula maʼ madmad u poġġihom fuq għonqok. 3 Imbagħad ibgħathom lir-re t’Edom, lir-re taʼ Mowab, lir-re t’Għammon, lir-re taʼ Tir, u lir-re taʼ Sidon mal-messaġġiera li ġew Ġerusalemm għand ir-Re Sedekija taʼ Ġuda. 4 Agħtihom dan il-kmand biex jgħiduh lis-sidien tagħhom:

“‘“Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael; għandkom tgħidulhom hekk lis-sidien tagħkom, 5 ‘Jien għamilt l-art, in-nies, u l-annimali li hawn fuq wiċċ l-art bil-qawwa kbira u bl-id b’saħħitha tiegħi, u tajtha lil kull min ridt.* 6 U issa tajt dawn l-artijiet kollha f’idejn il-qaddej tiegħi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, anki l-bhejjem slavaġ tajtu biex jaqduh. 7 U l-popli kollha se jaqdu lilu, lil ibnu, u lin-neputi tiegħu sakemm jasal iż-żmien li tispiċċa s-saltna tiegħu, fejn ħafna popli u rejiet kbar se jagħmluh il-qaddej tagħhom.’

8 “‘“‘U jekk ikun hemm xi poplu jew saltna li ma tkunx trid taqdi lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u ma tkunx trid tpoġġi għonqha taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja, jien se nikkastiga lil dan il-poplu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard* sakemm neqridhom permezz tiegħu,’ jgħid Ġeħova.

9 “‘“‘Għalhekk, tisimgħux mill-profeti, minn dawk li jbassru l-futur, minn dawk li jfissru l-ħolm, minn dawk li jagħmlu l-maġija, u mis-sħaħar tagħkom, li qed jgħidulkom: “Intom mhux se taqdu lir-re taʼ Babilonja.” 10 Għax huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb ħalli intom tittieħdu ’l bogħod minn artkom u jien inferrixkom u tispiċċaw fix-xejn.

11 “‘“‘Imma l-poplu li jqiegħed għonqu taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja u jaqdih, jien se nħallih jibqaʼ* f’artu biex jieħu ħsiebha u jgħix fiha,’ jgħid Ġeħova.’”’”

12 Jien għedt l-istess ukoll lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, u għedtlu: “Qiegħdu għonqkom taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja u aqdu lilu u lill-poplu tiegħu, u tibqgħu tgħixu. 13 Għala int u l-poplu tiegħek għandkom tmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard bħalma Ġeħova qal dwar il-poplu li mhux se jaqdi lir-re taʼ Babilonja? 14 Tisimgħux mill-profeti li qed jgħidulkom, ‘Intom mhux se taqdu lir-re taʼ Babilonja,’ għax dawn qed jipprofetizzaw il-gideb.

15 “Ġeħova jgħid, ‘Għax jien ma bgħatthomx u huma qed jipprofetizzaw il-gideb f’ismi. Minħabba f’hekk, jien se nferrixkom u intom se tispiċċaw fix-xejn, intom u l-profeti li qed jipprofetizzawlkom.’”

16 U lill-qassisin u lill-poplu kollu għedtilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Tisimgħux mill-profeti tagħkom li qed jipprofetizzawlkom: “L-għodod tad-dar taʼ Ġeħova dalwaqt se jerġgħu jinġiebu lura minn Babilonja.” Għax huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb. 17 Tisimgħux minnhom. Aqdu lir-re taʼ Babilonja u tibqgħu tgħixu. Għala għandha ssir ħerba din il-belt? 18 Imma jekk huma profeti u Ġeħova verament kellimhom, ħa jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova tal-armati biex il-bqija tal-għodod li hemm fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm ma jittiħdux f’Babilonja.’

19 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati dwar il-kolonni, il-Baħar,* il-karrijiet, u l-bqija tal-għodda li baqaʼ fil-belt, 20 li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ma ħadhomx miegħu meta ħa fl-eżilju, minn Ġerusalemm lejn Babilonja, lir-Re Ġekonija taʼ Ġuda bin Ġeħojakim, flimkien man-nies importanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm. 21 Iva, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, dwar l-għodod li baqaʼ fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm: 22 ‘“Dawn se jittieħdu Babilonja u se jibqgħu hemm sa dakinhar li niftakar fihom,” jgħid Ġeħova. “Imbagħad inġibhom lura u nerġaʼ nqegħedhom f’dan il-post.”’”

28 Fl-istess sena, jiġifieri fir-rabaʼ sena u l-ħames xahar taʼ meta beda jmexxi r-Re Sedekija taʼ Ġuda, il-profeta Ħananija bin Għażżur minn Gibegħon, qalli fid-dar taʼ Ġeħova quddiem il-qassisin u n-nies kollha: 2 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nkisser il-madmad tar-re taʼ Babilonja. 3 Fi żmien sentejn, jien se nġib lura f’dan il-post l-għodod kollha tad-dar taʼ Ġeħova li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ħa minn dan il-post għal Babilonja.’” 4 “‘U se nġib lura f’dan il-post lir-Re Ġekonija taʼ Ġuda bin Ġeħojakim u lin-nies kollha taʼ Ġuda li ttieħdu Babilonja, għax jien se nkisser il-madmad tar-re taʼ Babilonja,’” jgħid Ġeħova.

5 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, kellimt lill-profeta Ħananija quddiem il-qassisin u n-nies kollha li kienu qegħdin fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Jien, il-profeta Ġeremija, għedtlu: “Ammen!* Jalla Ġeħova jagħmel hekk! Jalla Ġeħova jwettaq dak li int ipprofetizzajt billi jġib lura minn Babilonja f’dan il-post l-għodod tad-dar taʼ Ġeħova u lin-nies kollha li qegħdin fl-eżilju! 7 Madankollu, jekk jogħġbok, ismaʼ l-messaġġ li qed ngħid lilek u lin-nies kollha. 8 Żmien twil ilu, il-profeti li ġew qabli u qablek kienu jipprofetizzaw li se jkun hemm gwerra, diżastru, u mard* kontra ħafna pajjiżi u saltniet kbar. 9 Jekk profeta jipprofetizza dwar il-paċi, u dak li jgħid iseħħ, imbagħad inkunu nafu li Ġeħova verament bagħtu lil dan il-profeta.”

10 Għal dan, il-profeta Ħananija neħħa l-madmad minn fuq għonqi u kissru. 11 Imbagħad Ħananija qal quddiem il-poplu kollu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Fi żmien sentejn, se nkisser il-madmad li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja poġġa fuq għonq il-popli kollha.’” U jien, il-profeta Ġeremija, tlaqt minn hemm.

12 Wara li l-profeta Ħananija kisser il-madmad minn fuq għonqi, Ġeħova ta lili, il-profeta Ġeremija, dan il-messaġġ: 13 “Mur u għid lil Ħananija, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Int kissirt madmad tal-injam, imma minfloku se jkun hemm madmad tal-ħadid.” 14 Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jien se npoġġi madmad tal-ħadid fuq għonq dawn il-popli kollha biex jaqdu lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u se jkollhom jaqduh. Sa nagħtih anki l-annimali slavaġ.”’”

15 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, għedt lill-profeta Ħananija: “Jekk jogħġbok ismagħni, Ħananija! Ġeħova ma bagħtekx, imma int ġegħelt lil dan il-poplu jafda f’gidba. 16 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova, ‘Jien se nneħħik minn fuq wiċċ l-art. Int se tmut din is-sena, għax int ħeġġiġt lin-nies jirribellaw kontrija, Ġeħova.’”

17 B’hekk, il-profeta Ħananija miet dik is-sena, fis-sebaʼ xahar.

29 Din hi l-ittra li jien, il-profeta Ġeremija, bgħatt minn Ġerusalemm lill-bqija tal-anzjani, il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha li Nebukadnessar ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja. 2 Din bgħattha wara li r-Re Ġekonija, ommu,* l-uffiċjali tal-palazz, il-prinċpijiet taʼ Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa, u l-ħaddieda* ttieħdu minn Ġerusalemm. 3 Din l-ittra bgħattha Babilonja m’Elgħasa bin Safan u Gemarija bin Ħilkija, dawk li r-Re Sedekija taʼ Ġuda bagħathom għand ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. Din kienet tgħid:

4 “Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħidilhom lin-nies kollha li marru fl-eżilju, dawk li bgħatthom fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja, 5 ‘Ibnu d-djar u għixu fihom. Ħawlu l-ġonna u kulu l-frott tagħhom. 6 Iżżewġu nisa u ħa jkollkom tfal subien u bniet. Ħudu nisa għas-subien tagħkom u żewġu lill-bniet tagħkom, ħalli anki huma jkollhom tfal subien u bniet. Komplu żdiedu hemmhekk u tonqsux. 7 U aħdmu biex ikun hemm il-paċi fil-belt li bgħattkom fiha u itolbu lil Ġeħova għaliha, għax jekk ikollha l-paċi, anki intom ikollkom il-paċi. 8 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħidilkom: “Tħallux lill-profeti u lil dawk li jbassru l-futur li hemm fostkom iqarrqu bikom, u tisimgħux minn dawk li jispjegaw il-ħolm tagħhom. 9 Għax ‘huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb f’ismi. Jien ma bgħatthomx,’ jgħid Ġeħova.”’”

10 “Għax hekk jgħid Ġeħova, ‘Meta jgħaddu s-70 sena f’Babilonja, jien se nieħu ħsiebkom u nżomm il-wegħda li għamilt magħkom billi nġibkom lura f’dan il-post.’

11 “Ġeħova jgħid, ‘Jien naf eżatt x’nixtieq għalikom. Nixtieq li jkollkom il-paċi u mhux l-inkwiet, u se nagħtikom futur u tama. 12 U intom se tgħajtuli u tiġu għandi bit-talb, u jien se nismagħkom.’

13 “‘Intom se tfittxuni u ssibuni, għax se tfittxuni b’qalbkom kollha. 14 U jien se nħallikom issibuni,’ jgħid Ġeħova. ‘Jien se nġibkom lura mill-jasar. Jien se niġborkom flimkien mill-popli u l-postijiet kollha fejn xerridtkom, u se nerġaʼ nġibkom lura fil-pajjiż tagħkom,’ jgħid Ġeħova.

15 “Imma intom għedtu, ‘Ġeħova tana profeti f’Babilonja.’

16 “Ġeħova hekk jgħid dwar ir-re li qiegħed fuq it-tron taʼ David u dwar in-nies kollha li qed jgħixu f’din il-belt, jiġifieri ħutkom li ma ttiħdux fl-eżilju magħkom, 17 ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Jien qed nibgħat kontrihom ix-xabla, il-ġuħ, u l-mard,* u se nagħmilhom bħal tin li tant hu mħassar* li ma jistax jittiekel daqskemm hu ħażin.”’

18 “‘U se niġri warajhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard, u se nġiegħel is-saltniet kollha tal-art jitwerwru minħabba dak li jkun ġralhom. U kull fejn inxerridhom mal-popli kollha, in-nies se jisħtuhom, jistagħġbu bihom, ixenglu rashom lejhom,* u jwaqqgħuhom għaċ-ċajt, 19 għax ma semgħux minn dak li għedtilhom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti li bgħattilhom darba wara l-oħra,’ jgħid Ġeħova.

“‘Imma lanqas intom ma smajtu,’ jgħid Ġeħova.

20 “Għalhekk, intom ilkoll li qegħdin eżiljati, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm għal Babilonja, isimgħu x’se ngħidilkom jien, Ġeħova. 21 Jien, Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk dwar Aħab bin Kolaja u dwar Sedekija bin Magħseja, li qed jipprofetizzawlkom il-gideb f’ismi, ‘Jien qed nagħtihom f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se joqtolhom quddiem għajnejkom. 22 U l-eżiljati kollha taʼ Ġuda li qegħdin f’Babilonja se jużaw dak li jkun ġralhom bħala eżempju biex jisħtu lil oħrajn billi jgħidu: “Jalla Ġeħova jagħmlek bħal Sedekija u Aħab, li r-re taʼ Babilonja xwiehom fin-nar!” 23 Dan għax huma aġixxew bla mistħija f’Iżrael, billi għamlu adulterju man-nisa taʼ sħabhom u gidbu f’ismi mingħajr ma kkmandajthom.

“‘“Jien dan nafu u xhud tiegħu,” jgħid Ġeħova.’”

24 “U lil Semajja taʼ Neħelam għidlu, 25 ‘Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħid hekk: “Int bgħatt ittri f’ismek lin-nies kollha li qegħdin Ġerusalemm, lill-qassis Sofonija bin Magħseja, u lill-qassisin kollha, biex tgħidilhom, 26 ‘Ġeħova għamlek qassis minflok il-qassis Ġeħojada biex tieħu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova, biex toqgħod għassa għal min hu miġnun u jagħmilha taʼ profeta, u biex tpoġġilu saqajh, idejh, u rasu fil-qjud.* 27 Mela għala ma kkastigajtx lil Ġeremija t’Għanatot, li qed jagħmilha taʼ profeta għalikom? 28 Għax anki f’Babilonja bagħat jgħidilna: “Se ddumu hemm! Ibnu d-djar u għixu fihom. Ħawlu l-ġonna u kulu l-frott tagħhom.”’”’”

29 Meta l-qassis Sofonija qara din l-ittra quddiemi, il-profeta Ġeremija, 30 jien irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 31 “Ibgħat messaġġ lil dawk kollha li qegħdin fl-eżilju u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova dwar Semajja taʼ Neħelam: “Peress li Semajja pprofetizzalkom mingħajr ma bgħattu jien u pprova jġegħelkom tafdaw fil-gideb, 32 għalhekk jien, Ġeħova, ngħid, ‘Jien se nitlob kont minn Semajja taʼ Neħelam u mit-tfal tiegħu.’ Ġeħova jgħid, ‘Mhux se jkun hemm raġel mill-familja tiegħu li jibqaʼ ħaj minn dan il-poplu u mhux se jara l-ġid li se nagħmel għall-poplu tiegħi, għax hu ħeġġeġ lin-nies biex jirribellaw kontrija, Ġeħova.’”’”

30 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Ikteb fi ktieb dak kollu li ngħidlek, 3 għax “ġej iż-żmien,” jgħid Ġeħova, “meta se niġbor lill-poplu tiegħi, Iżrael u Ġuda, li qegħdin fl-eżilju. Jien se nġibhom lura fl-art li tajt lil missirijiethom, u se terġaʼ tkun tagħhom, jgħid Ġeħova.”’”

4 Ġeħova bagħat dan il-messaġġ lil Iżrael u Ġuda.

 5 Hekk jgħid Ġeħova:

“Intom smajtu l-għajjat tat-tkexkix;

Hemm il-biżaʼ, u mhux il-paċi.

 6 Jekk jogħġobkom, staqsu jekk raġel jistax iwelled.

Allura għala kull raġel b’saħħtu għandu jdejh maʼ żaqqu

Bħal mara li qed twelled?

Għala kull wiċċ bjad?

 7 Xi dwejjaq! Dik il-ġurnata se tkun waħda tal-biżaʼ.*

M’hemmx oħra bħalha,

Żmien taʼ inkwiet għal Ġakobb.

Imma jien se nsalvah.”

8 “U f’dik il-ġurnata,” jgħid Ġeħova tal-armati, “se nkisser il-madmad minn fuq għonq il-poplu tiegħi u naqtaʼ l-ħbula tagħhom fi tnejn, u l-barranin* mhux se jagħmluhom iktar l-ilsiera tagħhom. 9 Huma se jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom u lir-re tagħhom David, li se nagħtih biex imexxi fuqhom.”

10 “U int, il-qaddej tiegħi Ġakobb, tibżax,” jgħid Ġeħova,

“U int, Iżrael, titwerwirx.

Għax jien se nsalvak mill-bogħod

U lit-tfal tiegħek mill-art fejn qegħdin fl-eżilju.

Ġakobb se jiġi lura, ikun kalm u fil-paċi,

U ħadd mhu se jbeżżgħu.”

11 Ġeħova jgħid, “Għax jien miegħek biex insalvak.

Imma se neqred il-popli kollha li fihom xerridtek;

Madankollu, lilek mhux se neqirdek għalkollox.

Se niddixxiplinak* kemm ħaqqek

U żgur li se nikkastigak.”

12 Għax hekk jgħid Ġeħova:

“Il-ksur tiegħek ma jfiqx.

M’hemmx fejqan għall-ferita tiegħek.

13 M’hemm ħadd li jaqbeż għalik,

M’hemmx kura għall-ferita tiegħek.

M’hemmx fejqan għalik.

14 Il-maħbubin kollha tiegħek insewk.

M’għadhomx ifittxuk.

Għax għamiltlek ferita bħalma jagħmel għadu,

U kkastigajtek bħal xi ħadd aħrax,

Minħabba l-ħtija kbira u l-ħafna dnubiet tiegħek.

15 Għala qed tgħajjat minħabba l-ksur li għandek?

Int se tibqaʼ muġugħ!

Għamiltlek dan minħabba l-ħtija kbira tiegħek

U l-ħafna dnubiet tiegħek.

16 Għalhekk, dawk kollha li qed jeqirduk se jinqerdu,

U l-għedewwa kollha tiegħek ukoll se jmorru fl-eżilju.

Dawk li qed iħarbtuk se jitħarbtu,

U lil dawk kollha li qed jisirquk se nħallihom jiġu misruqa.”

17 “Imma jien se nagħtik saħħtek lura u nfejjaqlek il-feriti,” jgħid Ġeħova,

“Minkejja li int ikkunsidrata bħala mwarrba, u jgħidu:

‘Lil Sijon ħadd mhu qed ifittixha.’”

18 Hekk jgħid Ġeħova:

“Qed niġbor lill-ilsiera tat-tined taʼ Ġakobb,

U se tiġini ħasra għat-tabernakli tiegħu.

Il-belt se terġaʼ tinbena fuq l-għolja tagħha,

U t-torri ffortifikat se jkun fejn kien qabel.

19 U minn hemm se jinstemaʼ kliem taʼ ringrazzjament

U l-ħoss taʼ nies jidħqu.

Jien se nżidhom* u mhux se jkunu ftit;

Se nagħmilhom ħafna u mhux se jmaqdruhom.

20 It-tfal tagħhom se jkunu ħafna bħalma kienu fil-passat,

U huma se jsiru poplu b’saħħtu quddiemi.

Jien se nikkastiga lill-għedewwa kollha tagħhom.

21 Minn dan il-poplu stess se jkun hemm il-wieħed glorjuż

U l-mexxej tiegħu se joħroġ minn nofsu.

Jien se nħallih jiġi viċin, u hu se jiġi ħdejja.”

“Għax inkella min se jażżarda jiġi ħdejja?” jgħid Ġeħova.

22 “U intom issiru l-poplu tiegħi, u jien insir l-Alla tagħkom.”

23 Ir-rabja taʼ Ġeħova se toħroġ bħal riefnu,

Bħal tempesta qawwija li tiknes lill-ħżiena.

24 Ġeħova se jibqaʼ rrabjat ħafna

Sakemm jagħmel u jwettaq dak li għandu f’moħħu.

Fl-aħħar parti tal-jiem, intom se tifhmu dan.

31 Ġeħova jgħid, “F’dak iż-żmien, jien se nsir l-Alla tal-familji kollha t’Iżrael, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”

 2 Hekk jgħid Ġeħova:

“In-nies li ma nqatlux bix-xabla sabu l-ħniena fid-deżert

Meta Iżrael kien miexi lejn il-post tal-mistrieħ tiegħu.”

 3 Ġeħova deherli mill-bogħod u qal:

“Jien inħobbok bi mħabba li tibqaʼ għal dejjem.

U għalhekk li ġbidtek lejja bi* mħabba u lealtà.*

 4 Jien se nerġaʼ nsaħħek u int terġaʼ ssir poplu.

Verġni t’Iżrael, int se terġaʼ taqbad it-tanburlini

U toħroġ tiżfen bil-ferħ.

 5 Int se terġaʼ tħawwel għelieqi bid-dwieli fil-muntanji tas-Samarija;

Dawk li jħawlu d-dwieli se jieklu l-frott tagħhom.

 6 Għax ġej iż-żmien, meta l-għassiesa li jkunu fuq il-muntanji t’Efrajm se jgħajtu:

‘Ejja ħa nitilgħu Sijon, lejn Ġeħova l-Alla tagħna.’”

 7 Għax hekk jgħid Ġeħova:

“Kantaw lil Ġakobb bil-ferħ.

Għajtu bil-ferħ minħabba li intom l-ewwel fost il-popli.

Xandru l-messaġġ, faħħru lil Alla, u għidu,

‘Ġeħova, salva l-poplu tiegħek, dak li fadal minn Iżrael.’

 8 Jien se nġibhom lura mill-pajjiż tat-Tramuntana.

Se niġborhom flimkien mill-iktar postijiet ’il bogħod tal-art.

Fosthom se jkun hemm dawk li ma jarawx u dawk li jzappu,

Nisa tqal u dawk li waslu biex iwelldu.

Se jiġu lura hawn bħala kongregazzjoni kbira.

 9 Huma se jiġu jibku.

Jien se mmexxihom hekk kif jitolbuni biex nurihom ħniena.

Se niggwidahom lejn għejun tal-ilma,

Fuq triq lixxa li ma jitfixklux fiha.

Għax jien Missier għal Iżrael, u Efrajm hu l-ewwel imwieled tiegħi.”

10 Popli, isimgħu dak li jgħid Ġeħova

U xandruh fost in-nies tal-gżejjer li huma ’l bogħod:

“Il-Wieħed li xerred lill-Iżraelin se jiġborhom flimkien.

Hu se jieħu ħsiebhom bħalma ragħaj jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.

11 Għax Ġeħova se jifdi* lil Ġakobb

U se jeħilsu* mingħand dak li hu iktar b’saħħtu minnu.

12 Huma se jiġu u se jgħajtu bil-ferħ fuq il-muntanja taʼ Sijon

U wiċċhom se jixgħel minħabba li Ġeħova wera qalb tajba magħhom,*

Minħabba ċ-ċereali, l-inbid ġdid, u ż-żejt,

U minħabba l-frieħ tan-nagħaġ u l-baqar.

Huma se jsiru* bħal ġnien li hu msoqqi tajjeb,

U qatt iktar mhu se jħossuhom dgħajfin.”

13 “F’dak iż-żmien, it-tfajliet verġni se jiżfnu bil-ferħ,

U l-ġuvintur se jiżfnu bil-ferħ mal-irġiel akbar.

Jien se nbiddel id-dwejjaq tagħhom f’ferħ.

Se nfarraġhom u se nagħtihom il-ferħ minflok swied taʼ qalb.

14 Il-qassisin se nagħtihom* ikel bl-abbundanza,

U l-poplu tiegħi se jkun sodisfatt bl-affarijiet tajbin li se nagħtihom,” jgħid Ġeħova.

15 “Hekk jgħid Ġeħova,

‘Instemaʼ xi ħadd jgħajjat bid-dwejjaq u jibki fuq li jibki f’Rama:

Rakele qed tibki lit-tfal tagħha.

Hi ma tridx min ifarraġha,

Għax it-tfal tagħha mietu.’”

16 Hekk jgħid Ġeħova:

“‘Tibqax tibki u imsaħ id-dmugħ tiegħek,

Għax se tiġi ppremjata għal dak li għamilt,’ jgħid Ġeħova.

‘Huma se jiġu lura mill-art tal-għadu.’

17 “‘U għandek tama għall-futur,’ jgħid Ġeħova.

‘It-tfal tiegħek se jiġu lura fit-territorju tagħhom stess.’”

18 “Jien żgur li smajt lil Efrajm jeqred:

‘Int iddixxiplinajtni u jien ħadt it-tagħlima,

Bħal barri żgħir li ma ġiex ittrennjat.

Ġibni lura, u jien mill-ewwel indur lura,

Għax int Ġeħova l-Alla tiegħi.

19 Jien ħassejtni ddispjaċut u ġejt lura;

Wara li fhimt, tajt fuq koxxti bid-dwejjaq.

Minħabba dak li għamilt meta kont żgħir,

Stħajt u ħassejtni umiljat.’”

20 “Efrajm hu tifel prezzjuż u għażiż għalija.

Kull darba li nitkellem kontrih, xorta niftakru bi mħabba.

U għalhekk li nitħassru.*

Jien żgur li se nħenn għalih,” jgħid Ġeħova.

21 “Agħmel pilastri tal-ġebel għalik

U qiegħed is-sinjali.

Oqgħod attent għat-triq prinċipali, it-triq li għandek tgħaddi minnha.

Verġni t’Iżrael,* ejja lura, ejja lura fil-bliet tiegħek!

22 Ja bint mhux leali, kemm se ddum indeċiża?

Ġeħova ħalaq xi ħaġa ġdida fl-art:

Mara se tmur b’ħeġġa wara r-raġel tagħha.”

23 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Se jerġgħu jgħidu dan il-kliem fl-art taʼ Ġuda u fil-bliet tagħha meta niġbor lura l-ilsiera, ‘Jalla Ġeħova jbierkek, post fejn hemm il-ġustizzja, muntanja qaddisa.’ 24 F’Ġuda u l-bliet tiegħu se jgħixu anki l-bdiewa u r-ragħajja. 25 Jien se nsaħħaħ lid-dgħajjef* u nxebbaʼ lil min hu dgħajjef minħabba l-ġuħ.”

26 Għal dan, qomt u ħarist madwari, u r-raqda kienet ġietni ħelwa.

27 Ġeħova jgħid, “Ġej iż-żmien, meta jien inżid ħafna lill-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda. Se nżid ukoll ħafna l-annimali tagħhom.”

28 “U bħalma qgħadt attent biex naqlagħhom, inwaqqagħhom, inġarrafhom, neqridhom, u nagħmlilhom il-ħsara, hekk se noqgħod attent biex nibnihom u nħawwilhom,” jgħid Ġeħova. 29 “F’dak iż-żmien, mhux se jibqgħu jgħidu, ‘Missirijietna kielu l-għeneb qares, imma ddarrsu s-snien tat-tfal tagħhom.’ 30 Minflok, se jiddarras kull min jiekol l-għeneb qares. Kull wieħed se jmut minħabba d-dnub tiegħu.”

31 Ġeħova jgħid, “Ġej iż-żmien meta jien nagħmel patt ġdid man-nies t’Iżrael u taʼ Ġuda. 32 Dan mhux se jkun bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom u ħriġthom mill-art tal-Eġittu, ‘għax huma kissru dak il-patt, għalkemm jien kont l-uniku sid tagħhom,’* jgħid Ġeħova.”

33 Ġeħova jgħid, “Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel man-nies t’Iżrael. Jien se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’moħħhom,* u niktibhom f’qalbhom. Jien insir l-Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”

34 “U ħadd minnhom ma jgħid iktar lil sieħbu jew lil ħuh, ‘Sir af lil Ġeħova!’ għax kollha se jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,” jgħid Ġeħova. “U jien se naħfer l-iżball tagħhom u ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom.”

35 Hekk jgħid Ġeħova,

Li għamel ix-xemx biex ikun hemm id-dawl matul il-ġurnata,

U li għamel il-liġijiet għall-qamar u l-istilel biex ikun hemm id-dawl billejl,

Li jċaqlaq il-baħar u jagħmel il-mewġ tiegħu qawwi ħafna,

Li ismu hu Ġeħova tal-armati:

36 “Ġeħova jgħid, ‘Bħalma dawn il-liġijiet qatt mhu se jfallu,

Hekk il-familja t’Iżrael dejjem se tkun bħala poplu quddiemi.’”

37 Ġeħova jgħid: “‘Bħalma s-sema ma tistax tiġi mkejla u l-pedament tal-art ma jistax jiġi eżaminat, jien ma nistax inwarrab il-familja kollha t’Iżrael għal dak kollu li għamlu,’ jgħid Ġeħova.”

38 Ġeħova jgħid: “Ġej iż-żmien meta l-belt se tinbena bħala l-belt taʼ Ġeħova mit-Torri taʼ Ħananel sal-Bieb tal-Kantuniera. 39 U l-ħabel tal-kejl se jmur dritt sal-għolja taʼ Gareb, u jdur lejn Gogħa. 40 U l-wied* kollu fejn jitfgħu l-iġsma mejtin u l-irmied,* u l-għelieqi kollha sal-Wied taʼ Kidron u sal-kantuniera taʼ Bieb iż-Żwiemel lejn il-Lvant, se jkunu xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova. Il-belt qatt iktar mhu se terġaʼ tinqalaʼ jew titwaqqaʼ.”

32 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova fl-għaxar sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija taʼ Ġuda, jiġifieri fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar. 2 F’dak iż-żmien, l-armati tar-re taʼ Babilonja kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm, u jien, il-profeta Ġeremija, kont arrestat fil-Bitħa tal-Għassa fil-palazz tar-re taʼ Ġuda. 3 Għax ir-Re Sedekija taʼ Ġuda kien arrestani u qalli: “Għala qed tipprofetizza b’dan il-mod? Int tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien se nagħti din il-belt f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha, 4 u li r-Re Sedekija taʼ Ġuda mhux se jeħlisha mill-Kaldin, għax żgur se jingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja u se jkellmu wiċċ imb wiċċ.”’ 5 Ġeħova jgħid: ‘Hu se jieħu lil Sedekija f’Babilonja, u se jibqaʼ hemm sakemm niftakar fih. Għalkemm se tkompli tiġġieled kontra l-Kaldin, m’intix se tirnexxi.’”

6 “Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova, 7 ‘Ġej Ħanamel bin zijuk* Sallum u se jgħidlek: “Ixtri mingħandi l-għalqa li qiegħda f’Għanatot, għax int għandek l-ewwel dritt biex tixtriha.”’”

8 Bħalma qalli Ġeħova, ġie kuġinuwi Ħanamel fil-Bitħa tal-Għassa, u qalli: “Jekk jogħġbok, ixtri l-għalqa tiegħi li għandi f’Għanatot, fl-art taʼ Benjamin, għax int għandek id-dritt li tiħodha u tixtriha. Ixtriha int.” U għal dan jien fhimt li kien Ġeħova li riedni nagħmel hekk.

9 Allura xtrajt l-għalqa f’Għanatot mingħand il-kuġin tiegħi Ħanamel. Jien wiżintlu l-flus: sebaʼ xwiekel* u għaxar biċċiet tal-fidda. 10 Imbagħad ktibt kuntratt, waħħaltlu s-siġill, sejjaħt ix-xhieda, u wiżint il-flus fil-miżien. 11 Jien ħadt il-kuntratt tax-xiri, li ssiġillajt skont il-kmandament u l-ħtiġijiet legali, kif ukoll il-wieħed li ħallejt mhux issiġillat, 12 u tajt il-kuntratt tax-xiri lil Baruk bin Nerija u n-neputi taʼ Maħseja quddiem il-kuġin tiegħi Ħanamel, ix-xhieda li ffirmaw fil-kuntratt tax-xiri, u l-Lhud kollha li kienu bilqiegħda fil-Bitħa tal-Għassa.

13 Quddiemhom ikkmandajt lil Baruk u għedtlu: 14 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Ħu dawn il-kuntratti, il-kuntratt tax-xiri, il-wieħed siġillat u l-wieħed li mhuwiex, u poġġihom f’reċipjent tal-fuħħar biex jibqgħu għal żmien twil.’ 15 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘F’dan il-pajjiż se jerġgħu jinxtraw djar, għelieqi, u għelieqi tad-dwieli.’”

16 Wara li tajt il-kuntratt tax-xiri lil Baruk bin Nerija, jien tlabt lil Ġeħova u għedtlu: 17 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* int għamilt is-sema u l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bl-id b’saħħitha tiegħek. Xejn mhu diffiċli wisq għalik, 18 int li turi mħabba u lealtà* mal-eluf, imma tħalli t-tfal iħallsu l-iżball tal-missirijiet, l-Alla l-veru, il-Wieħed kbir u b’saħħtu, li ismek hu Ġeħova tal-armati. 19 Il-pariri tiegħek huma tal-għaġeb* u taġixxi b’qawwa kbira. Int tara kulma jagħmlu l-bnedmin kollha, u tagħti lil kull wieħed skont kif jaġixxi u dak li jagħmel. 20 Int għamilt sinjali u mirakli kbar fl-art tal-Eġittu, li għadhom magħrufin sal-lum, u b’hekk għamilt isem għalik innifsek f’Iżrael u fost il-bnedmin, bħalma hu llum. 21 U int ħriġt lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu b’sinjali, b’mirakli, b’qawwa kbira, b’id b’saħħitha, u b’affarijiet tat-twerwir.

22 “Maż-żmien, int tajthom din l-art li ħlift lil missirijiethom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 23 U huma daħlu u ħaduha f’idejhom, imma m’obdewx minn dak li għedtilhom u m’għamlux skont il-liġi tiegħek. M’għamlu xejn minn dak li kkmandajthom, b’hekk ġibt dan id-diżastru kollu fuqhom. 24 Ġew irġiel u għamlu rampa għall-assedju biex jieħdu l-belt, u minħabba x-xabla, il-ġuħ, u l-mard,* il-belt żgur li se taqaʼ f’idejn il-Kaldin li qed jiġġieldu kontriha. Bħalma qed tara, dak li għedt kollu seħħ. 25 Imma għalkemm il-belt żgur se tingħata f’idejn il-Kaldin, int, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, għedtli biex nixtri l-għalqa u ngħajjat ix-xhieda.”

26 Għal dan, Ġeħova qalli: 27 “Jien, Ġeħova, l-Alla tan-nies kollha. Hemm xi ħaġa diffiċli wisq għalija? 28 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova, ‘Jien qed nagħti din il-belt lill-Kaldin u f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha. 29 U l-Kaldin li qed jiġġieldu kontra din il-belt se jidħlu, jagħtuha n-nar, u jaħarqu lilha u d-djar li fuq il-bjut tagħhom in-nies kienu qed joffru sagrifiċċji lil Bagħal u jferrgħu l-offerti tax-xorb lil allat oħrajn biex joffenduni.’

30 “‘Għax il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda, mindu kienu żgħar, għamlu biss dak li hu ħażin f’għajnejja. Il-poplu t’Iżrael baqaʼ joffendini b’dak li jagħmel,’ jgħid Ġeħova. 31 ‘Minn dakinhar li bnewha sal-lum, din il-belt kienet biss xi ħaġa li ġġegħelni nirrabja ħafna, għalhekk se nneħħiha minn quddiem għajnejja, 32 minħabba l-ħażen kollu li l-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda għamlu biex joffenduni. Huma, ir-rejiet, il-prinċpijiet, il-qassisin, il-profeti, u n-nies taʼ Ġuda u dawk li joqogħdu Ġerusalemm irrabjawni. 33 Huma baqgħu jagħtuni daharhom. Għalkemm ippruvajt ngħallimhom għal darba wara l-oħra, ħadd minnhom ma ried jaċċetta d-dixxiplina. 34 Huma poġġew l-idoli moqżieża tagħhom fid-dar li tissejjaħ b’ismi biex iniġġsuha. 35 Iktar minn hekk, huma ġiegħlu lil Ġuda jidneb billi bnew il-postijiet għoljin għal Bagħal fil-Wied taʼ Bin Ħinnom,* biex jaħarqu lis-subien u l-bniet tagħhom fin-nar għal Molek. Din kienet xi ħaġa li jien ma kkmandajthomx u li lanqas qatt m’għaddietli minn moħħi li jagħmlu xi ħaġa li tant nobgħod.’

36 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael dwar il-belt li intom qed tgħidu li se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard, 37 ‘Jien se niġborhom flimkien mill-artijiet kollha li xerridthom meta kont irrabjat, inkorlat, u f’dagħdigħa, u se nġibhom lura f’dan il-post u nħallihom jgħixu b’moħħhom mistrieħ. 38 U huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien l-Alla tagħhom. 39 U għall-ġid tagħhom stess u għat-tfal tagħhom li jiġu warajhom, jien se nagħtihom qalb waħda u triq waħda ħalli huma dejjem jirrispettawni ħafna.* 40 Se nagħmel patt magħhom għal dejjem, li nibqaʼ nagħmlilhom dak li hu tajjeb. Se nqiegħed il-biżaʼ tiegħi f’qalbhom ħalli ma jitbegħdux minni. 41 Se nieħu pjaċir nagħmlilhom il-ġid. Se nqegħedhom għal dejjem f’dan il-pajjiż b’qalbi kollha u b’ruħi* kollha.’”

42 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Bħalma ġibt fuq dan il-poplu dan id-diżastru kbir, hekk se nagħtihom l-affarijiet tajbin kollha li qed inwegħedhom. 43 U f’dal-pajjiż se jerġgħu jinxtraw l-għelieqi, għalkemm intom qed tgħidu: “Hija art abbandunata mingħajr nies u annimali, u ngħatat f’idejn il-Kaldin.”’

44 “‘L-għelieqi se jinxtraw bil-flus, il-kuntratti tax-xiri se jiġu miktubin u ssiġillati, u se jissejħu x-xhieda fl-art taʼ Benjamin, fl-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm, fil-bliet taʼ Ġuda, fil-bliet tar-reġjun muntanjuż, fil-bliet tal-għoljiet, u fil-bliet tan-Nofsinhar, għax jien se nerġaʼ nġib lura lill-eżiljati,’ jgħid Ġeħova.”

33 Waqt li kont għadni arrestat fil-Bitħa tal-Għassa, jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, u qalli: 2 “Ġeħova, Dak li Għamel l-art, Ġeħova, il-wieħed li ħalaqha u stabbilieha fis-sod, li ismu hu Ġeħova, jgħid hekk, 3 ‘Għajjatli, u jien inwieġbek u nkun lest li ngħidlek affarijiet kbar li ħadd ma jifhimhom u li int ma tafhomx.’”

4 “Jien, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk dwar id-djar taʼ din il-belt u d-djar tar-rejiet taʼ Ġuda, li waqqgħuhom biex jipproteġu lilhom infushom mir-rampi tal-assedju u mix-xabla, 5 u dwar dawk li qed jiġu biex jiġġieldu kontra l-Kaldin u li mlew dawn il-postijiet bl-iġsma li jien qtilt meta kont irrabjat u inkorlat, dawk kollha li minħabba l-ħażen tagħhom ġegħluni naħbi wiċċi minn din il-belt: 6 ‘Jien se ntejjeb il-kundizzjonijiet taʼ din il-belt, se nfejjaq lill-poplu, nagħtihom ħafna paċi, u nurihom il-verità. 7 U se nġib lura l-ilsiera taʼ Ġuda u t’Iżrael, u se nagħmilhom poplu bħalma għamilt fil-bidu. 8 Jien se naħfrilhom id-dnubiet u n-nuqqasijiet kollha li għamlu kontrija, ħalli huma jkunu nodfa u ma jibqgħux ħatjin. 9 L-isem taʼ din il-belt se jġibli ferħ kbir. Din se ġġibli tifħir u unur quddiem in-nies kollha tal-art li se jisimgħu dwar il-qalb tajba li wrejt mal-poplu tiegħi. U n-nies kollha se jibżgħu u jitwerwru minħabba l-affarijiet tajbin u l-paċi li se nagħtiha.’”

10 “Ġeħova hekk jgħid: ‘F’dan il-post li intom tgħidu li hu ħerba, li la bniedem u lanqas annimal ma jgħix fih, u fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm li huma abbandunati, mingħajr nies u annimali, se jinstemaʼ 11 l-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, il-leħen tal-għarus u l-għarusa, u l-leħen taʼ dawk li jgħidu: “Irringrazzjaw lil Ġeħova tal-armati, għax Ġeħova hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem!”’

“‘Huma se jġibu offerta taʼ ringrazzjament fid-dar tiegħi, Ġeħova, għax jien se nġib lura l-ilsiera tal-art bħalma għamilt fil-bidu,’ jgħid Ġeħova.”

12 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘F’din l-art li hi ħerba, li la bniedem u lanqas annimal ma jgħix fiha, u fil-bliet kollha tagħha se jerġaʼ jkun hemm art tajba fejn ir-ragħajja jieħdu l-merħliet tagħhom biex jistrieħu.’

13 “‘Fil-bliet tar-reġjun muntanjuż, fil-bliet tal-għoljiet, fil-bliet tan-Nofsinhar, fl-art taʼ Benjamin, fl-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm, u fil-bliet taʼ Ġuda, ir-ragħajja se jerġgħu jgħoddu n-nagħaġ tagħhom,’ jgħid Ġeħova.”

14 “‘Ġej żmien, meta se nagħmel it-tajjeb li għedt dwar il-poplu t’Iżrael u l-poplu taʼ Ġuda,’ jgħid Ġeħova. 15 F’dak iż-żmien, se npoġġi fuq it-tron dixxendent ġust* għal David, u hu se jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. 16 F’dak iż-żmien, Ġuda se jiġi salvat u Ġerusalemm se tgħix fis-sigurtà. Hi se tissejjaħ: Ġeħova Hu s-Sewwa Tagħna.’”

17 “Għax hekk jgħid Ġeħova, ‘Dejjem se jkun hemm raġel li jiġi mil-linja taʼ David li se jpoġġi fuq it-tron t’Iżrael. 18 Ukoll, dejjem se jkun hemm qassis mil-Leviti li se jaqdi quddiemi u joffri offerti sħaħ tal-ħruq, jaħraq l-offerti taċ-ċereali,* u joffri sagrifiċċji.’”

19 U jien, Ġeremija, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova u qalli: 20 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Bħalma intom ma tistgħux tiksru l-patt li jien għamilt mal-ġurnata u l-lejl biex dawn ma jiġux fil-ħin tagħhom, 21 lanqas ma jistaʼ jinkiser il-patt li għamilt mal-qaddej tiegħi David li dejjem se jkun hemm wieħed mit-tfal tiegħu jmexxi bħala re fuq it-tron tiegħu, u lanqas ma jistaʼ jinkiser il-patt li għamilt mal-qassisin Leviti, li huma l-qaddejja tiegħi. 22 Bħalma ma tistgħux tgħoddu l-istilel* tas-sema u ma tistgħux tkejlu r-ramel tal-baħar, jien hekk se nżid id-dixxendenti tal-qaddej* tiegħi David u l-Leviti li qed jaqduni.’”

23 Jien, Ġeremija, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, u qalli: 24 “Ma nnotajtx li dawn in-nies qed jgħidu ‘Ġeħova se jabbanduna lil dawn iż-żewġ familji li hu għażel’? Huma qed jittrattaw lin-nies tiegħi b’diżrispett u m’għadhomx iqisuhom bħala poplu.

25 “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Bħalma jien ma niksirx il-patt li għamilt mal-ġurnata u l-lejl, il-liġijiet tas-sema u l-art, 26 jien mhux se nabbanduna d-dixxendenti taʼ* Ġakobb u tal-qaddej tiegħi David, u se nieħu mil-linja taʼ David mexxejja fuq id-dixxendenti t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Għax jien se niġbor lill-ilsiera tagħhom u nitħassarhom.’”

34 Meta r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, l-armata kollha tiegħu, is-saltniet kollha tal-art, u n-nies kollha li qegħdin taħtu kienu qed jiġġieldu kontra Ġerusalemm u l-bliet tagħha, jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova:

2 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Mur għid lir-Re Sedekija taʼ Ġuda: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Qed nagħti din il-belt f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jaħraqha. 3 Int mhux se taħrab minnu, għax żgur se tinqabad u tingħata f’idejh. Int se tara lir-re taʼ Babilonja wiċċ imb wiċċ, hu stess se jkellmek, u se tmur Babilonja.’ 4 Imma ismaʼ x’se jgħidlek Ġeħova, Re Sedekija taʼ Ġuda, ‘Hekk jgħid Ġeħova dwarek: “Int mhux se tmut bix-xabla. 5 Int se tmut fil-paċi, u se jaħarqu l-inċens bħala ċerimonja għalik bħalma għamlu għal missirijietek, ir-rejiet li kien hemm qablek, u huma se jibkuk u jgħajtu, ‘Jaħasra sidi!’ għax jien, Ġeħova, għedt hekk.’”’”’”

6 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, għedt dan kollu lir-Re Sedekija taʼ Ġuda f’Ġerusalemm 7 meta l-armati tar-re taʼ Babilonja kienu qed jiġġieldu kontra Ġerusalemm u l-bliet kollha taʼ Ġuda li kien għad baqaʼ, jiġifieri Lakis u Għażeka, għax huma kienu l-aħħar żewġt ibliet iffortifikati mill-bliet taʼ Ġuda.

8 Ġeħova reġaʼ kellimni wara li r-Re Sedekija għamel patt mal-poplu kollu taʼ Ġerusalemm biex jeħilsu lill-ilsiera. 9 Kulħadd kellu jeħles lill-ilsiera Lhud, kemm raġel u kemm mara, ħalli ħadd ma jżomm lil xi ħadd Lhudi bħala lsir. 10 Allura l-mexxejja kollha u n-nies kollha obdew. Huma daħlu fil-patt li kulħadd għandu jeħles lill-ilsir u l-ilsira tiegħu u li ma jżommhomx iktar bħala lsiera. Huma obdew u ħallewhom jitilqu. 11 Imma iktar tard reġgħu ġabu lill-ilsiera rġiel u nisa li kienu ħelsu, u reġgħu ġegħluhom ikunu l-ilsiera tagħhom. 12 Għalhekk, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, u Ġeħova qalli:

13 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien għamilt patt maʼ missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu, fejn kienu lsiera, u għedtilhom: 14 “Fis-sebaʼ sena, kull wieħed minnkom għandu jeħles lil ħuh Lhudi li jkun xtara u qdieh għal sitt snin; lil dan għandu jeħilsu.” Imma missirijietkom la semgħu minni u lanqas taw kasi.* 15 U dan l-aħħar,* intom stess biddiltu kif iġġibu ruħkom u għamiltu dak li hu tajjeb f’għajnejja billi ħlistu lil sħabkom u għamiltu patt quddiemi fid-dar li tissejjaħ b’ismi. 16 Imma mbagħad reġaʼ bdielkom u ddiżonorajtu lil ismi billi ġibtu lura lill-ilsiera rġiel u nisa li kontu ħlistu skont ix-xewqa tagħhom u ġegħeltuhom jerġgħu jkunu lsiera.’

17 “Allura, hekk jgħid Ġeħova: ‘Kull wieħed minnkom m’obdiex meta kellu jeħles lil ħuh u lil sieħbu.’ Ġeħova jgħid: ‘Allura lanqas jien mhu se neħliskom mix-xabla, mill-mard,* u mill-ġuħ. Jien se nġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jitwerwru minħabba dak li se jiġrilkom. 18 Hekk se jiġri lil dawk li kisru l-patt tiegħi billi ma żammewx mal-patt li għamlu quddiemi meta qasmu l-barri żgħir* fi tnejn u għaddew minn bejn iż-żewġ biċċiet, 19 jiġifieri l-mexxejja taʼ Ġuda, il-mexxejja taʼ Ġerusalemm, l-uffiċjali tal-palazz, il-qassisin, u n-nies kollha tal-pajjiż li għaddew minn bejn iż-żewġ biċċiet tal-barri żgħir:* 20 Jien se nagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom u dawk li qed jipprovaw joqtluhom, u l-ġisem mejjet tagħhom se jsir ikel għall-għasafar u l-annimali. 21 U jien se nagħti lir-Re Sedekija taʼ Ġuda u l-mexxejja tiegħu f’idejn l-għedewwa tagħhom, dawk li qed jipprovaw joqtluhom, u l-armati tar-re taʼ Babilonja, li qed jieqfu jassedjawkom.’

22 “Ġeħova jgħid: ‘Jien se noħroġ il-kmand, se nġibhom lura f’din il-belt, se jiġġieldu kontriha, jiħduha f’idejhom, u jaħarquha. Il-bliet taʼ Ġuda se nagħmilhom art abbandunata u ħadd ma jgħix fihom.’”

35 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fi żmien ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda, bin Ġosija: 2 “Mur għand il-familja tar-Rekabin, tkellem magħhom, u ħudhom fid-dar taʼ Ġeħova, f’waħda mill-kmamar tal-ikel. Imbagħad offrilhom l-inbid.”

3 Għalhekk, jien ħadt lil Ġagħżanija bin Ġeremija u n-neputi taʼ Ħabassinija, lil ħutu, lit-tfal tiegħu kollha, u l-familja kollha tar-Rekabin 4 fid-dar taʼ Ġeħova. Jien daħħalthom fil-kamra tal-ikel tat-tfal taʼ Ħanan bin Igdalija, qaddej tal-Alla l-veru. Din kienet ħdejn il-kamra tal-ikel tal-mexxejja li kienet fuq il-kamra tal-ikel taʼ Magħseja bin Sallum l-għassies tal-bieb. 5 Imbagħad poġġejt tazzi mimlijin inbid quddiem l-irġiel tal-familja tar-Rekabin, u għedtilhom: “Ixorbu l-inbid.”

6 Imma huma qalu: “Aħna mhux se nixorbu nbid, għax l-antenat tagħna Ġeħonadab* bin Rekab tana dan il-kmand, ‘Intom u t-tfal tagħkom qatt m’għandkom tixorbu nbid. 7 U m’għandkomx tibnu djar, tiżirgħu żerriegħa, tħawlu d-dwieli, jew ikollkom għelieqi tad-dwieli. Minflok, għandkom dejjem tgħixu fit-tined ħalli jkollkom ħajja twila fl-art fejn qed tgħixu bħala barranin.’ 8 Għalhekk, bqajna nobdu dak kollu li kkmandana Ġeħonadab bin l-antenat tagħna Rekab, billi qatt ma nixorbu xi nbid, la aħna, la n-nisa tagħna, u lanqas it-tfal subien u bniet tagħna, 9 u ma nibnux djar biex ngħixu fihom, u lanqas għandna għelieqi tad-dwieli, għelieqi, jew xi żerriegħa. 10 Aħna bqajna ngħixu fit-tined u nobdu kulma kkmandana l-antenat tagħna Ġeħonadab.* 11 Imma meta r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontra l-pajjiż, aħna għedna, ‘Ejja ħa mmorru Ġerusalemm biex naħarbu mill-armata tal-Kaldin u tas-Sirjani,’ u issa qed ngħixu Ġerusalemm.”

12 Imbagħad jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 13 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Mur u għid lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm: “Ma kontux intom il-ħin kollu mħeġġin biex tobduni?” jgħid Ġeħova. 14 “Ġeħonadab bin Rekab ikkmanda lil dawk kollha li jiġu minnu biex ma jixorbux inbid, u huma għamlu dak li qalilhom billi sal-lum ma xorbux inbid, u b’hekk obdew il-kmand li tahom l-antenat tagħhom. Imma għalkemm jien għedtilkom għal darba wara l-oħra, intom m’obdejtunix. 15 Jien bqajt nibagħtilkom lill-qaddejja tiegħi l-profeti għal darba wara l-oħra, u għedtilkom, ‘Jekk jogħġobkom, duru lura. U kull wieħed minnkom ħa ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin, imma dak li hu tajjeb. Tmorrux wara allat oħrajn u taqduhomx. Imbagħad tibqgħu tgħixu f’dan il-pajjiż li jien tajt lilkom u lil missirijietkom.’ Imma intom la tajtu kasi,* u lanqas smajtuni. 16 Il-familja taʼ Ġeħonadab bin Rekab obdew il-kmand li tahom l-antenat tagħhom, imma dan il-poplu ma semax minni.”’”

17 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nġib fuq Ġuda u n-nies kollha taʼ Ġerusalemm id-diżastru kollu li wissejthom dwaru, għax jien kellimthom, imma huma ma semgħux, u jien bqajt ngħajtilhom, imma ma wiġbux.’”

18 U jien, Ġeremija, għedt lill-familja tar-Rekabin: “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Peress li obdejtu l-kmand tal-antenat tagħkom Ġeħonadab u bqajtu tobdu dak li qalilkom billi għamiltu eżatt dak li kkmandakom, 19 hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Dejjem se jkun hemm xi ħadd li jiġi minn Ġeħonadab* bin Rekab biex jaqdi quddiemi.”’”

36 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fir-rabaʼ sena tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija: 2 “Ħu skroll u fih ikteb dak kollu li għedtlek kontra Iżrael, Ġuda, u l-popli kollha, minn dakinhar li kellimtek fi żmien Ġosija sal-lum. 3 Forsi meta l-poplu taʼ Ġuda jisimgħu dwar id-diżastru kollu li beħsiebni nġib fuqhom, jieqfu jagħmlu l-ħażen li qed jagħmlu, u jien naħfrilhom l-iżbalji u d-dnubiet tagħhom.”

4 Jien, Ġeremija, għajjatt lil Baruk bin Nerija, għedtlu dak kollu li qalli Ġeħova, u Baruk kitibhom fi skroll. 5 Imbagħad ikkmandajt lil Baruk: “Jien ma nistax nidħol fid-dar taʼ Ġeħova, għax mhux iħalluni. 6 Allura se jkollok tmur int u taqra b’leħen għoli dak li qalli Ġeħova u li jien għedtlek biex tiktbu fl-iskroll. Aqra l-iskroll fid-dar taʼ Ġeħova f’jum is-sawm quddiem in-nies kollha, inkluż in-nies kollha taʼ Ġuda li jiġu minn bliet oħra. 7 Għax Ġeħova diġà qal li hu rrabjat ħafna maʼ dan il-poplu, imma forsi huma jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova u jduru lura, u kull wieħed minnhom jieqaf jagħmel dak li hu ħażin.”

8 Allura Baruk bin Nerija għamel dak kollu li kkmandajtu jien, il-profeta Ġeremija, u qara mill-iskroll b’leħen għoli dak kollu li qal Ġeħova fid-dar taʼ Ġeħova.

9 Issa fil-ħames sena u d-disaʼ xahar tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, in-nies kollha taʼ Ġerusalemm u n-nies kollha li ġew Ġerusalemm mill-bliet taʼ Ġuda bdew isumu quddiem Ġeħova. 10 Imbagħad Baruk qara b’leħen għoli mill-iskroll dak kollu li għedtlu jien quddiem in-nies kollha fid-dar taʼ Ġeħova, fil-kamra tal-ikel taʼ Gemarija bin Safan li jikkopja l-Iskrittura,* li kienet fil-bitħa taʼ fuq viċin id-daħla tal-bieb il-ġdid tad-dar taʼ Ġeħova.

11 Meta Mikaja bin Gemarija bin Safan semaʼ dak kollu li qal Ġeħova mill-iskroll, 12 hu mar fil-kamra tas-segretarju fil-palazz tar-re. Hemm kien hemm bilqiegħda l-uffiċjali kollha tal-palazz: Elisama s-segretarju, Delaja bin Semajja, Elnatan bin Għakbor, Gemarija bin Safan, Sedekija bin Ħananija, u l-uffiċjali l-oħra kollha. 13 Mikaja qalilhom dak kollu li kien semaʼ meta Baruk qara mill-iskroll quddiem in-nies.

14 Imbagħad l-uffiċjali kollha bagħtu lil Ġeħudi, bin Netanija, bin Selemija, bin Kusi, biex jgħid lil Baruk: “Ejja u ġib l-iskroll li qrajt quddiem in-nies.” Baruk bin Nerija qabad l-iskroll u mar għandhom. 15 Imbagħad qalulu: “Jekk jogħġbok, poġġi u aqrahulna b’leħen għoli.” Allura Baruk qrahulhom.

16 Xħin semgħuh, ħarsu lejn xulxin bil-biżaʼ, u qalu lil Baruk: “Irridu ngħidu lir-re x’hemm fl-iskroll.” 17 U staqsew lil Baruk: “Jekk jogħġbok, għidilna minn fejn ġibt dan li ktibt? Ġeremija qallek x’tikteb?” 18 Baruk wiġibhom: “Hu qalli dan il-kliem, u jien ktibtu fl-iskroll bil-linka.” 19 L-uffiċjali qalu lil Baruk: “Int u Ġeremija morru nħbew u tħallu lil ħadd ikun jaf fejn qegħdin.”

20 Huma marru jqiegħdu l-iskroll fil-kamra t’Elisama s-segretarju u marru quddiem ir-re li kien qiegħed fil-bitħa u qalulu dak kollu li semgħu.

21 Allura r-re bagħat lil Ġeħudi biex iġib l-iskroll. U hu ġabu mill-kamra t’Elisama s-segretarju. Ġeħudi beda jaqrah quddiem ir-re u l-uffiċjali kollha li kien hemm mar-re. 22 Kien id-disaʼ xahar,* u r-re kien bilqiegħda fid-dar tiegħu tax-xitwa b’nar quddiemu minħabba l-bard. 23 Wara li Ġeħudi jkun qara tliet kolonni jew erbgħa, ir-re kien jaqtaʼ dik il-biċċa mill-iskroll bis-sikkina tas-segretarju u jitfagħha fin-nar, sakemm l-iskroll sħiħ spiċċa fin-nar. 24 Huma ma beżgħux. La r-re u lanqas il-qaddejja kollha tiegħu li semgħu dan il-kliem ma ċarrtu ħwejjiġhom. 25 Għalkemm Elnatan, Delaja, u Gemarija talbu bil-ħniena lir-re biex ma jaħraqx l-iskroll, hu ma semax minnhom. 26 Imbagħad ir-re kkmanda lit-tifel tiegħu* Ġeraħmel, lil Seraja bin Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel biex jaħtfu lis-segretarju Baruk u lili, il-profeta Ġeremija, imma Ġeħova żammna moħbijin.

27 U wara li r-re kien ħaraq l-iskroll li kien fih il-kliem li jien, Ġeremija, għedt lil Baruk biex jikteb, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li kien jgħid: 28 “Ħu skroll ieħor u ikteb il-kliem kollu li kien hemm fl-ewwel skroll, li ħaraq ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda. 29 U dwar ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Int ħraqt l-iskroll u għedt, ‘Għala ktibt fuqu: “Ir-re taʼ Babilonja żgur se jiġi u jeqred din l-art u ma jħalli l-ebda bniedem u annimal fiha”?’ 30 Għalhekk, Ġeħova hekk jgħid kontra r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda, ‘Hu mhu se jkollu lil ħadd li se joqgħod bilqiegħda fuq it-tron taʼ David, u l-ġisem mejjet tiegħu se jitħalla fis-sħana taʼ matul il-ġurnata u fil-kesħa taʼ billejl. 31 Se nikkastiga lilu, lill-familja tiegħu,* u lill-qaddejja tiegħu għall-iżball tagħhom, u jien se nġib fuqhom, fuq dawk li joqogħdu f’Ġerusalemm, u fuq in-nies taʼ Ġuda d-diżastru kollu li tkellimt kontrihom, imma huma ma semgħux minni.’”’”

32 Jien, Ġeremija, ħadt skroll ieħor u tajtu lis-segretarju Baruk bin Nerija u għedtlu biex jikteb dak kollu li kien hemm miktub fl-iskroll li r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda ħaraq. U miegħu ġie miżjud ħafna kliem ieħor simili.

37 Ir-Re Sedekija bin Ġosija beda jmexxi minflok Konija* bin Ġeħojakim, għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja kien għamlu re fl-art taʼ Ġuda. 2 Imma hu, il-qaddejja tiegħu, u n-nies tal-pajjiż ma semgħux minn dak li qal Ġeħova permezz tiegħi, il-profeta Ġeremija.

3 Ir-Re Sedekija bagħat lil Ġeħukal bin Selemija u lil Sofonija bin il-qassis Magħseja għandi, il-profeta Ġeremija, u qaluli: “Jekk jogħġbok, itlob għalina lil Ġeħova l-Alla tagħna.” 4 Jien kien għad kelli l-libertà li nkun ħdejn in-nies, għax kienu għadhom ma tefgħunix il-ħabs. 5 Issa l-armata tal-Fargħun kienet ħarġet mill-Eġittu, u meta l-Kaldin li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm semgħu dwar dan, huma rtiraw minn hemm. 6 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 7 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Hekk għandkom tgħidulu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsuni dwar dan: “L-armata tal-Fargħun li ġejja biex tgħinkom se jkollha tmur lura f’pajjiżha, l-Eġittu. 8 U l-Kaldin se jiġu lura, jiġġieldu kontra din il-belt, jirbħuha, u jaħarquha.” 9 Hekk jgħid Ġeħova: “Tqarrqux bikom infuskom billi tgħidu, ‘Il-Kaldin mhux se jiġu lura,’ għax żgur se jerġgħu jiġu. 10 Anki li kieku kellkom tegħlbu l-armata kollha tal-Kaldin li qed jiġġieldu kontrikom u jibqaʼ biss ftit irġiel feruti, huma xorta joħorġu mit-tined tagħhom u jaħarqu din il-belt.”’”

11 Meta l-armata tal-Kaldin kienet irtirat minn Ġerusalemm minħabba l-armata tal-Fargħun, 12 jien, Ġeremija, tlaqt minn Ġerusalemm biex immur fl-art taʼ Benjamin biex nirċievi sehmi fost il-poplu tiegħi. 13 Imma meta wasalt fil-Bieb taʼ Benjamin, l-uffiċjal tal-għassiesa, li kien Irija bin Selemija u n-neputi taʼ Ħananija, ħataf lili, il-profeta Ġeremija, u qalli: “Int qed taħrab biex tmur għand il-Kaldin!” 14 Imma jien għedtlu: “Mhux veru! Jien mhux qed naħrab biex immur għand il-Kaldin.” Iżda hu ma tax kasi. Għalhekk, Irija arrestani u ħadni għand il-mexxejja. 15 Il-mexxejja tgħidx kemm kienu rrabjati miegħi. Huma sawtuni u tefgħuni priġunier* fid-dar tas-segretarju Ġeħonatan, li kienu għamluha ħabs. 16 Lili, Ġeremija, poġġewni fil-ħabs taħt l-art* fil-kmamar bil-ħnejjiet u bqajt hemm għal ħafna żmien.

17 Imbagħad ir-Re Sedekija bagħat għalija, u bil-moħbi staqsieni fil-palazz tiegħu: “Hemm xi messaġġ mingħand Ġeħova?” Jien, Ġeremija, wiġibtu, “Iva hemm. Int se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja!”

18 Jien, Ġeremija, għedtlu wkoll lir-Re Sedekija: “B’liema mod dnibt kontrik, kontra l-qaddejja tiegħek, u kontra dan il-poplu, biex tfajtuni l-ħabs? 19 Fejn huma l-profeti tagħkom li pprofetizzawlkom, ‘Ir-re taʼ Babilonja mhux se jiġi kontrikom u kontra din l-art’? 20 Jekk jogħġbok, sidi r-re, ismagħni. Jalla tagħtini dak li se nitolbok. Terġax tibgħatni lura fid-dar tas-segretarju Ġeħonatan, inkella mmut hemm.” 21 Allura r-Re Sedekija ta kmand biex jien, Ġeremija, ninżamm arrestat fil-Bitħa tal-Għassa. Hemmhekk ingħatajt biċċa ħobż kuljum mit-triq tal-furnara, sakemm spiċċa l-ħobż kollu tal-belt. U jien bqajt fil-Bitħa tal-Għassa.

38 Sefatija bin Mattan, Gedalija bin Pasħur, Ġukal bin Selemija, u Pasħur bin Malkija semgħu l-messaġġ li jien, Ġeremija, kont qed ngħid lill-poplu kollu: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Dawk li jibqgħu f’din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* Imma kull min iċedi ruħu lill-Kaldin se jibqaʼ ħaj u jsalva ħajtu.’ 3 Hekk jgħid Ġeħova, ‘Din il-belt żgur li se tingħata lill-armata tar-re taʼ Babilonja, u hu se jirbaħha.’”

4 Il-mexxejja qalu lir-re: “Jekk jogħġbok, oqtol lil dan ir-raġel, għax bil-mod kif qed jitkellem qed jaqtaʼ qalb is-suldati li baqaʼ f’din il-belt u anki tan-nies kollha. Għax dan ir-raġel ma jridx li dawn in-nies ikollhom il-paċi, imma l-inkwiet.” 5 Ir-Re Sedekija wieġeb: “Agħmlu bih dak li tridu intom. Għax jien, ir-re, ma nistaʼ nagħmel xejn biex inwaqqafkom.”

6 Allura qabdu lili, Ġeremija, u niżżluni bil-ħbula fil-ġiebja taʼ Malkija bin* ir-re, li kienet fil-Bitħa tal-Għassa. F’din il-ġiebja ma kienx hemm ilma, imma ħama biss, u jien bdejt nieżel fil-ħama.

7 Għebed-melek l-Etjopjan u ewnuku* fil-palazz tar-re, semaʼ li kienu tefgħu lili, Ġeremija, fil-ġiebja. Ir-re kien bilqiegħda fil-Bieb taʼ Benjamin. 8 Għalhekk, Għebed-melek ħareġ mill-palazz tar-re, u qallu: 9 “Sidi r-re, dak li għamlu dawn l-irġiel lill-profeta Ġeremija hu ħażin. Huma tefgħuh fil-ġiebja, u hu se jmut hemm minħabba l-ġuħ, għax ma baqax iżjed ħobż fil-belt.”

10 Imbagħad ir-re kkmanda lil Għebed-melek l-Etjopjan: “Ħu miegħek 30 raġel minn hawn, u tellgħu lill-profeta Ġeremija mill-ġiebja qabel imut.” 11 Allura, Għebed-melek ħa miegħu l-irġiel u marru fil-palazz tar-re taħt il-post fejn jinżammu t-teżori. Minn hemm ħadu ħwejjeġ u ċraret qodma, u niżżluhomli bil-ħbula fil-ġiebja. 12 Imbagħad Għebed-melek l-Etjopjan qalli: “Jekk jogħġbok Ġeremija, poġġi dawn il-ħwejjeġ u ċ-ċraret qodma bejn taħt idejk u l-ħbula.” U jien hekk għamilt. 13 U huma ġibduni bil-ħbula u tellgħuni mill-ġiebja. U jien, Ġeremija, bqajt arrestat fil-Bitħa tal-Għassa.

14 Ir-Re Sedekija bagħat għalija, il-profeta Ġeremija, biex immur għandu fit-tielet daħla fid-dar taʼ Ġeħova, u r-re qalli: “Għandi mistoqsija għalik. Taħbi xejn minni.” 15 Imbagħad għedt lil Sedekija: “Jekk ngħidlek, żgur toqtolni. U jekk nagħtik parir, mhux se tismaʼ minni.” 16 Allura r-Re Sedekija ħalifli bil-moħbi: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, li tana din il-ħajja, li mhux se noqtlok u mhux se nagħtik f’idejn dawn l-irġiel li qed jipprovaw joqtluk.”

17 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lil Sedekija: “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jekk iċċedi għall-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja, int tibqaʼ ħaj, din il-belt mhux se jaħarquha, u int u dawk taʼ darek tibqgħu ħajjin. 18 Imma jekk ma ċċedix għall-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja, din il-belt se tingħata lill-Kaldin, huma se jaħarquha, u int mhux se teħlisha minn taħt idejhom.’”

19 Imbagħad ir-Re Sedekija qal lili, Ġeremija: “Qed nibżaʼ mil-Lhud li ħarbu għand il-Kaldin, għax jekk nispiċċa taħt idejhom, se jittrattawni bl-aħrax.” 20 Imbagħad jien għedtlu: “M’intix se tingħata f’idejhom. Jekk jogħġbok, obdi dak li qed jgħidlek Ġeħova permezz tiegħi, u ma jiġrilek xejn ħażin, u tibqaʼ tgħix. 21 Imma jekk tirrifjuta li ċċedi, Ġeħova wrieni li se jiġri hekk: 22 In-nisa kollha li fadal fil-palazz tar-re taʼ Ġuda qed jittieħdu għand l-uffiċjali tar-re taʼ Babilonja u huma qed jgħidu,

‘L-irġiel li fdajt fihom* qarrqu bik u għelbuk.

Lilek niżżlulek sieqek fil-ħama, u abbandunawk.’

23 “U n-nisa u t-tfal subien kollha tiegħek qed jittieħdu għand il-Kaldin, u int mhux se teħlisha minn taħt idejhom. Imma r-re taʼ Babilonja se jaħtfek, u minħabba fik, din il-belt se tinħaraq.”

24 Imbagħad Sedekija qal lili, Ġeremija: “Tħalli lil ħadd ikun jaf dwar dan, ħalli ma tmutx. 25 U jekk il-mexxejja jisimgħu li tkellimt miegħek, u jgħidulek, ‘Ġeremija, jekk jogħġbok, għidilna x’għedt lir-re. Taħbi xejn minna, u ma noqtlukx. Ir-re x’qallek?’ 26 int għandek twiġibhom, ‘Kont qed nitlob lir-re biex ma jerġax jibgħatni fid-dar taʼ Ġeħonatan ħalli mmut hemmhekk.’”

27 Maż-żmien, il-mexxejja kollha ġew għandi, Ġeremija, biex jagħmluli xi mistoqsijiet. Jien għedtilhom dak kollu li r-re kkmandani biex ngħid. Allura ma qaluli xejn iżjed, għax ħadd ma kien semaʼ b’dak li konna għedna. 28 Jien, Ġeremija, bqajt fil-Bitħa tal-Għassa sa dakinhar li ntrebħet Ġerusalemm.

39 Fl-għaxar xahar tad-disaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija taʼ Ġuda, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u l-armata kollha tiegħu ġew Ġerusalemm u assedjawha.

2 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar tal-11-il sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, huma nifdu s-swar tal-belt. 3 L-uffiċjali kollha tar-re taʼ Babilonja daħlu u qagħdu bilqiegħda fil-Bieb tan-Nofs. Dawn kienu Nergal-sareser is-Samgar, Nebo-sarsekim ir-Rabsaris,* Nergal-sareser ir-Rabmag,* u l-kumplament tal-uffiċjali kollha tar-re taʼ Babilonja.

4 Meta r-Re Sedekija taʼ Ġuda u s-suldati kollha rawhom, ħarbu billejl billi ħarġu mill-belt mit-triq tal-ġnien tar-re, għaddew mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan, u komplew mit-triq li tagħti għall-Għaraba. 5 Imma l-armata tal-Kaldin ġrew warajhom u laħqu lil Sedekija fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko. Huma qabduh u ħaduh għand ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. Hemmhekk qatagħlu s-sentenza. 6 Ir-re taʼ Babilonja qatel it-tfal subien taʼ Sedekija quddiem għajnejh f’Ribla u qatel ukoll in-nies importanti taʼ Ġuda. 7 Imbagħad għama lil Sedekija u wara rabtu bil-ktajjen tar-ram biex jieħdu f’Babilonja.

8 Imbagħad il-Kaldin ħarqu l-palazz tar-re u d-djar tan-nies, u waqqgħu s-swar taʼ Ġerusalemm. 9 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju f’Babilonja lin-nies li kien għad fadal fil-belt, lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejh, u lil kull min kien għad baqaʼ.

10 Imma Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħalla xi ftit mill-iktar nies foqra, dawk li ma kellhom xejn, fl-art taʼ Ġuda. Dakinhar hu tahom għelieqi tad-dwieli u għelieqi biex jaħdmu.*

11 Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ta dan il-kmand dwari, Ġeremija, lil Nebużaradan il-kap tal-gwardji: 12 “Ħudu u ħu ħsiebu. Tweġġgħux u agħtih kulma jitolbok.”

13 Għalhekk, Nebużaradan il-kap tal-gwardji, Nebusażban ir-Rabsaris,* Nergal-sareser ir-Rabmag,* u l-irġiel importanti kollha tar-re taʼ Babilonja bagħtu xi rġiel 14 u dawn ħarġuni mill-Bitħa tal-Għassa. Huma tawni f’idejn Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan biex jiħodni fid-dar tiegħu. Allura jien, Ġeremija, għext fost il-poplu.

15 Waqt li jien, Ġeremija, kont arrestat fil-Bitħa tal-Għassa, Ġeħova tani dan il-messaġġ: 16 “Mur u għid lil Għebed-melek l-Etjopjan, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jien se nwettaq dak li għedt fuq din il-belt. Mhux se nġib affarijiet tajbin, imma diżastru, u int se tarah dan.”’

17 “‘Imma dakinhar, jien se neħilsek u m’intix se tingħata f’idejn l-irġiel li qed tibżaʼ minnhom,’ jgħid Ġeħova.

18 “‘Jien żgur nipprovdilek mod kif taħrab, u m’intix se tmut bix-xabla. Int se tibqaʼ ħaj, għax fdajt fija,’ jgħid Ġeħova.”

40 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova wara li Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħallieni nitlaq minn Rama. Hu ħadni hemmhekk bil-ktajjen maʼ jdejja, u jien kont fost l-eżiljati kollha minn Ġerusalemm u Ġuda li kienu qed jittieħdu Babilonja. 2 Imbagħad il-kap tal-gwardji ħadni mal-ġenb, u qalli: “Ġeħova l-Alla tiegħek kien diġà bassar dan id-diżastru fuq dan il-post, 3 u Ġeħova ġab dan id-diżastru bħalma qal, għax intom dnibtu kontra Ġeħova u m’obdejtuhx. Hu għalhekk li ġralkom hekk. 4 Illum, qed neħilsek mill-ktajjen li għandek maʼ jdejk. Jekk għalik jidher tajjeb li tiġi miegħi Babilonja, ejja, u jien nieħu ħsiebek. Imma jekk ma tridx tiġi miegħi Babilonja, tiġix. Il-pajjiż kollu qiegħed quddiemek. Agħżel int fejn trid tmur.”

5 Waqt li jien, Ġeremija, kont għadni qed naħsibha, Nebużaradan qalli: “Mur lura għand Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. Lil dan, ir-re taʼ Babilonja għamlu gvernatur fuq il-bliet taʼ Ġuda, u oqgħod miegħu fost il-poplu. Jew mur fejn trid int.”

Imbagħad il-kap tal-gwardji tani xi ikel, rigal, u ħallieni nitlaq. 6 Allura jien, Ġeremija, mort għand Gedalija bin Aħikam f’Mispa, u għext hemmhekk miegħu fost in-nies li kien baqaʼ fl-art taʼ Ġuda.

7 Maż-żmien, il-kapijiet kollha tal-armata li kienu fil-pajjiż mas-suldati tagħhom, semgħu li r-re taʼ Babilonja għamel lil Gedalija bin Aħikam gvernatur fuq il-pajjiż u fuq l-irġiel, in-nisa, u t-tfal min-nies foqra tal-pajjiż li ma ttiħdux Babilonja. 8 Allura dawn marru mas-suldati tagħhom għand Gedalija f’Mispa. Dawn il-kapijiet kienu Ismagħel bin Netanija, Ġoħanan u Ġonatan it-tfal taʼ Kareja, Seraja bin Tanħumet, it-tfal t’Għefaj in-Netofati, u Ġeżanija bin il-Magħkati. 9 Imbagħad Gedalija bin Aħikam u n-neputi taʼ Safan ħalef lilhom u lis-suldati tagħhom: “Tibżgħux taqdu lill-Kaldin. Għixu fil-pajjiż u aqdu lir-re taʼ Babilonja, u tmorru tajjeb. 10 Jien se nibqaʼ f’Mispa, ħalli nirrappreżentakom quddiem il-Kaldin li jiġu għandna. Imma ħudu nbid, frott tas-sajf, u żejt, u qegħduhom fir-reċipjenti tagħkom u ssetiljaw fil-bliet li ħadtu għalikom.”

11 Anki l-Lhud kollha li kienu f’Mowab, Għammon, Edom, u fil-pajjiżi l-oħrajn kollha semgħu li r-re taʼ Babilonja kien ħalla xi nies f’Ġuda u li fuqhom għamel gvernatur lil Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. 12 Allura l-Lhud kollha bdew jiġu lura mill-pajjiżi kollha li kienu nfirxu fihom, u ġew fil-pajjiż taʼ Ġuda għand Gedalija f’Mispa. U huma ġabru bi kwantità kbira għeneb għall-inbid u frott tas-sajf.

13 Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu fil-pajjiż ġew għand Gedalija f’Mispa. 14 Huma qalulu: “Taf li Bagħalis ir-re tal-Għammonin bagħat lil Ismagħel bin Netanija biex joqtlok?” Imma Gedalija bin Aħikam m’emminhomx.

15 Imbagħad Ġoħanan bin Kareja qal bil-moħbi lil Gedalija f’Mispa: “Ħa mmur noqtol lil Ismagħel bin Netanija, u ħadd ma jkun jaf. Għala għandu joqtlok? U għala n-nies kollha taʼ Ġuda li ġew għandek għandhom jitferrxu, u dawk li fadal minn Ġuda jmutu?” 16 Imma Gedalija bin Aħikam qal lil Ġoħanan bin Kareja: “Tagħmilx hekk, għax dak li qed tgħid dwar Ismagħel mhux veru.”

41 Fis-sebaʼ xahar, Ismagħel bin Netanija n-neputi t’Elisama li kien mil-linja tar-re, wieħed mill-irġiel importanti tar-re, mar m’għaxar suldati għand Gedalija bin Aħikam f’Mispa. Waqt li kienu qed jieklu flimkien f’Mispa, 2 Ismagħel bin Netanija u l-għaxar suldati li kienu miegħu qamu u qatlu bix-xabla lil Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. Allura Ismagħel qatel lill-wieħed li r-re taʼ Babilonja kien għamel gvernatur fuq il-pajjiż. 3 Hu qatel ukoll lil-Lhud kollha li kienu maʼ Gedalija f’Mispa, u anki lis-suldati Kaldin li kienu hemm.

4 L-għada li nqatel Gedalija, meta ħadd ma kien għadu jaf x’ġara, 5 ġew 80 raġel minn Sikem, Silo, u s-Samarija. Huma kienu qaxxru d-daqna, ċarrtu l-ħwejjeġ, u qattgħu ġisimhom stess, u kellhom offerti taċ-ċereali* u inċens abjad biex iġibuhom fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Għalhekk, Ismagħel bin Netanija ħareġ minn Mispa biex jiltaqaʼ magħhom, jibki hu u miexi. Meta ltaqaʼ magħhom, qalilhom: “Ejjew għand Gedalija bin Aħikam.” 7 Imma meta daħlu fil-belt, Ismagħel bin Netanija u s-suldati tiegħu qatluhom u tefgħuhom fil-ġiebja.

8 Imma minnhom kien hemm għaxart irġiel li qalu lil Ismagħel: “Toqtolniex, għax fl-għelieqi għandna moħbijin ħafna qamħ, xgħir, żejt, u għasel.” Allura ma qatilhomx. 9 Imbagħad Ismagħel tefaʼ fil-ġiebja l-kbira l-irġiel kollha li kien qatel, li r-Re Asa kien għamel minħabba r-Re Bagħsa t’Iżrael. Din kienet il-ġiebja li Ismagħel bin Netanija mela b’dawk li qatel.

10 Ismagħel ħa bħala lsiera lil dawk kollha li kien fadal f’Mispa, inkluż il-bniet tar-re u n-nies kollha li tħallew f’Mispa, li Nebużaradan il-kap tal-gwardji kien ħalliehom f’idejn Gedalija bin Aħikam. Ismagħel bin Netanija ħadhom bħala lsiera u telaq lejn l-art tal-Għammonin.

11 Meta Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu semgħu dwar il-ħażen kollu li kien għamel Ismagħel bin Netanija, 12 ħadu lis-suldati kollha u telqu biex jiġġieldu kontra Ismagħel bin Netanija. Huma sabuh ħdejn l-ilmijiet kbar* taʼ Gibegħon.

13 In-nies kollha li kienu maʼ Ismagħel ferħu meta raw lil Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata miegħu. 14 Imbagħad in-nies kollha li Ismagħel ħa bħala lsiera minn Mispa daru lura u marru maʼ Ġoħanan bin Kareja. 15 Imma Ismagħel bin Netanija u tmienja mis-suldati tiegħu ħarbu minn Ġoħanan u marru għand l-Għammonin.

16 Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu ħadu magħhom il-kumplament tan-nies minn Mispa. Huma kienu salvaw lil dawn in-nies li Ismagħel bin Netanija kien ħadhom wara li qatel lil Gedalija bin Aħikam. Huma ġabu l-irġiel, is-suldati, in-nisa, it-tfal, u l-uffiċjali tal-palazz lura f’Gibegħon. 17 Allura marru u qagħdu fil-post taʼ Kimħam ħdejn Betlem, għax kellhom il-ħsieb li jibqgħu sejrin l-Eġittu 18 minħabba l-Kaldin. Għax huma bdew jibżgħu minnhom, peress li Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam, li r-re taʼ Babilonja kien għamlu gvernatur fuq il-pajjiż.

42 Imbagħad il-kapijiet kollha tal-armata, Ġoħanan bin Kareja, Ġeżanija bin Ħosajja, u n-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, ġew 2 għandi, il-profeta Ġeremija, u qaluli: “Jekk jogħġbok, ismaʼ t-talb bil-ħniena tagħna u itlob lil Ġeħova l-Alla tiegħek għalina u għal dawk kollha li fadal, għax bħalma tistaʼ tara fadal biss ftit għalkemm konna ħafna. 3 Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jgħidilna minn fejn għandna ngħaddu u x’għandna nagħmlu.”

4 Jien, il-profeta Ġeremija, wiġibthom: “Smajtkom, u qed nitlob lil Ġeħova l-Alla tagħkom skont m’għedtuli, u se ngħidilkom dak kollu li Ġeħova jgħidli biex inwiġibkom. Xejn mhu se nżomm lura.”

5 Imbagħad wiġbuni: “Jekk ma nagħmlux eżatt bħalma jgħidilna Ġeħova l-Alla tiegħek permezz tiegħek, jalla Ġeħova jkun xhud veru u leali kontra tagħna. 6 Jgħidilna x’jgħidilna, tajjeb jew ħażin, aħna se nobdu dak li jgħidilna Ġeħova l-Alla tagħna li qed nibagħtuk għandu. B’hekk jaħbtilna tajjeb, għax nobdu dak li jgħidilna Ġeħova l-Alla tagħna.”

7 Għaxart ijiem wara, jien, Ġeremija, ingħatajt messaġġ mingħand Ġeħova. 8 Allura għajjatt lil Ġoħanan bin Kareja, lill-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu, u lin-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. 9 Jien għedtilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, li bgħattuni għandu biex nitolbu bil-ħniena għalikom: 10 ‘Jekk vera se tibqgħu f’dan il-pajjiż, allura jien se ngħinkom tirnexxu u mhux inkissirkom, se nħawwilkom u mhux naqlagħkom, għax jien se jiddispjaċini* dwar id-diżastru li ġibt fuqkom. 11 Tibżgħux mir-re taʼ Babilonja li qed tibżgħu minnu.’

“Ġeħova jgħid, ‘Tibżgħux minnu, għax jien magħkom biex insalvakom u neħliskom minn taħt idejh. 12 U jien se nurikom ħniena, u hu se jkollu ħniena minnkom u jibgħatkom fl-art tagħkom stess.

13 “‘Imma jekk tgħidu, “Le, mhux se nibqgħu f’din l-art!” u ma tobdux dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħkom, 14 billi tgħidu, “Le, minflok se mmorru fl-art tal-Eġittu, fejn mhux se naraw gwerer, nisimgħu l-ħoss tal-qarn, jew inkunu bil-ġuħ, u se ngħixu hemm,” 15 jekk dan hu l-ħsieb tagħkom, allura isimgħu x’jgħid Ġeħova, fdal taʼ Ġuda. Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jekk intom determinati li tmorru l-Eġittu biex tgħixu hemm,* 16 imbagħad l-għadu li qed tibżgħu minnu se jiġi u jattakkakom bix-xabla waqt li tkunu l-Eġittu, u hemmhekk se jkollkom ukoll il-ġuħ li qed tibżgħu minnu, u tmutu hemm. 17 U dawk kollha li huma determinati li jmorru jgħixu l-Eġittu se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* Ħadd minnhom mhu se jibqaʼ ħaj jew jeħlisha mid-diżastru li se nġib fuqhom.”’

18 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: ‘Bħalma jien urejt ir-rabja u l-korla tiegħi maʼ dawk li joqogħdu Ġerusalemm, hekk se nuri r-rabja kbira tiegħi magħkom jekk tmorru l-Eġittu, u intom issiru misħutin u xi ħaġa tal-biżaʼ, u tiġu ddiżonorati u mwaqqgħin għaċ-ċajt. U qatt iktar ma terġgħu taraw dan il-post.’

19 “Fdal taʼ Ġuda, Ġeħova tkellem kontrikom. Tmorrux l-Eġittu. Tinsewx li llum qed inwissikom 20 li l-iżball tagħkom se jiswielkom ħajjitkom. Għax intom bgħattuni għand Ġeħova l-Alla tagħkom, billi għedtuli, ‘Itlob għalina lil Ġeħova l-Alla tagħna, u għidilna dak kollu li jgħid Ġeħova l-Alla tagħna, u aħna nagħmluh.’ 21 U llum jien għedtilkom x’qalilkom Ġeħova l-Alla tagħkom, imma intom mhux se tobduh u mhu ħa tagħmlu xejn milli qalli biex ngħidilkom. 22 Allura kunu afu li intom żgur se tmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard fil-post fejn tixtiequ tmorru tgħixu.”

43 Meta jien, Ġeremija, għedt lin-nies dak kollu li Ġeħova l-Alla tagħhom qalli biex ngħid mingħajr ma ħallejt barra xejn minn dak li Ġeħova qalli biex ngħidilhom, 2 Għażarija bin Ħosajja, Ġoħanan bin Kareja, u l-irġiel prużuntużi kollha qaluli: “Int qed tigdeb. Ġeħova l-Alla tagħna ma bagħtekx biex tgħid, ‘Tmorrux l-Eġittu biex tgħixu hemm.’ 3 Imma Baruk bin Nerija qed ixewxek kontrina biex jagħtina f’idejn il-Kaldin ħalli jew joqtluna jew jiħduna fl-eżilju f’Babilonja.”

4 B’hekk, Ġoħanan bin Kareja, il-kapijiet tal-armata kollha, u n-nies kollha m’obdewx minn dak li qal Ġeħova biex jibqgħu fl-art taʼ Ġuda. 5 Minflok, Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata ħadu magħhom in-nies fl-Eġittu. Huma ħadu n-nies li kien fadal f’Ġuda u li kienu ġew lura biex joqogħdu hemm mill-popli li kienu nxterdu fihom. 6 Ħadu wkoll l-irġiel, in-nisa, it-tfal, il-bniet tar-re, u lil kull min Nebużaradan il-kap tal-gwardji kien ħalla maʼ Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan, kif ukoll ħadu lili, il-profeta Ġeremija, u lil Baruk bin Nerija. 7 Huma m’obdewx minn dak li qal Ġeħova u marru fl-art tal-Eġittu u waslu sa Taħfanħes.

8 Imbagħad jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova f’Taħfanħes: 9 “Ħu ġebel kbir u aħbih fit-tajn fit-terrazzin tal-briks li hemm fid-daħla tad-dar tal-Fargħun f’Taħfanħes u agħmel dan waqt li jkunu qed jarawk l-irġiel Lhud. 10 Imbagħad għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jien qed nibgħat lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja l-qaddej tiegħi, u hu se jqiegħed it-tron tiegħu eżatt fuq il-ġebel li jien ħbejt, u hu se jarma t-tinda rjali fuqu. 11 U hu se jiġi jattakka l-art tal-Eġittu. Xi wħud se jmutu bil-mard, xi wħud se jmorru fil-jasar, u xi wħud se jmutu bix-xabla. 12 U jien se nagħti n-nar lit-tempji* tal-allat tal-Eġittu, u hu se jaħraqhom u jiħodhom fil-jasar. Bħalma hu faċli għal ragħaj li jilbes il-ħwejjeġ tiegħu, hekk se jkun faċli għalih biex jieħu l-art tal-Eġittu taħt idejh u jitlaq rebbieħ.* 13 Hu se jfarrak il-pilastri taʼ Bet-xemex* fl-art tal-Eġittu u jaħraq it-tempji tal-allat tal-Eġittu.”’”

44 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ għal-Lhud li kienu jgħixu fl-art tal-Eġittu, dawk li kienu jgħixu f’Migdol, f’Taħfanħes, f’Nof,* u fl-art taʼ Patros. Dan kien jgħid: 2 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Intom rajtu d-diżastru kollu li ġibt fuq Ġerusalemm u l-bliet kollha taʼ Ġuda, u llum huma ħerba u ma jgħix fihom ħadd. 3 Dan minħabba l-affarijiet ħżiena li qed tagħmlu biex toffenduni billi tmorru u tagħmlu sagrifiċċji u taqdu allat oħrajn li ma tafux u li lanqas missirijietkom ma kienu jafu. 4 Jien bqajt nibgħat il-qaddejja kollha tiegħi l-profeti għandkom għal darba wara l-oħra, u ngħidilkom: “Jekk jogħġobkom, tibqgħux tagħmlu din il-ħaġa moqżieża li jien nobgħod.” 5 Imma intom la smajtu u lanqas tajtu kas,* u allura bqajtu tagħmlu l-ħażin billi tagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn. 6 Għalhekk, jien irrabjajt ħafna u ħraqt il-bliet taʼ Ġuda u t-toroq taʼ Ġerusalemm, u dawn saru ħerba u abbandunati bħalma huma llum.’

7 “U issa hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Għala qed iġġibu dan id-diżastru kbir fuqkom biex kull raġel u mara, tifel u tarbija jispiċċaw minn Ġuda, u b’hekk lanqas fdal ma jibqaʼ? 8 Għala għandkom toffenduni b’dak li tagħmlu billi qed tagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn fl-art tal-Eġittu fejn mortu tgħixu? Intom se tispiċċaw fix-xejn u se jisħtukom u jmaqdrukom fost il-popli kollha tal-art. 9 Insejtu l-affarijiet ħżiena li għamlu missirijietkom, ir-rejiet taʼ Ġuda u n-nisa tagħhom, kif ukoll l-affarijiet ħżiena li għamiltu intom stess u n-nisa tagħkom, li saru fl-art taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm? 10 Sal-lum għadkom m’umiljajtux ruħkom, ma wrejtunix rispett, u lanqas obdejtu l-liġijiet u r-regoli li tajt lilkom u lil missirijietkom.’

11 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien determinat li nġib diżastru fuqkom u neqred in-nies kollha taʼ Ġuda. 12 U n-nies li fadal minn Ġuda li huma determinati li jmorru jgħixu fl-art tal-Eġittu se jmutu hemm. Huma se jmutu bix-xabla u se jispiċċaw fix-xejn bil-ġuħ. Miż-żgħir sal-kbir, huma se jmutu bix-xabla u bil-ġuħ. U intom issiru xi ħaġa tal-biżaʼ u se tiġu ddiżonorati u mmaqdrin. 13 Jien se nikkastiga lil dawk li jgħixu fl-art tal-Eġittu, bħalma kkastigajt lil Ġerusalemm bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* 14 U n-nies li fadal minn Ġuda li marru jgħixu fl-art tal-Eġittu mhux se jeħilsuha jew jibqgħu ħajjin biex imorru lura fl-art taʼ Ġuda. Huma ħa jkunu jixtiequ jmorru u jgħixu hemm, imma mhux se jmorru, ħlief ftit li jaħarbu.’”

15 U l-irġiel kollha li kienu jafu li n-nisa tagħhom kienu qed jagħmlu sagrifiċċji lil allat oħrajn u n-nisa kollha li kienu qegħdin hemm, li fformaw grupp kbir, u l-Lhud kollha li kienu qed jgħixu f’Patros fl-art tal-Eġittu, qalu lili, Ġeremija: 16 “Aħna mhux se nisimgħu dak li qed tgħidilna f’isem Ġeħova. 17 Minflok, aħna żgur se nżommu l-wegħdi li għamilna biex nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u nferrgħulha offerti tax-xorb, bħalma aħna, missirijietna, ir-rejiet tagħna, u l-mexxejja tagħna għamilna fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm meta konna sodisfatti bil-ħobż, ma kien jonqosna xejn, u ma rajna l-ebda diżastru. 18 Minn mindu waqafna nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u noffrulha l-offerti tax-xorb, qed jonqsilna kollox u spiċċajna fix-xejn bix-xabla u bil-ġuħ.”

19 In-nisa komplew jgħidu: “Aħna bil-permess tar-raġel tagħna konna nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema,* inferrgħulha l-offerti tax-xorb, u konna nagħmlu ħobż tas-sagrifiċċju fil-forma tagħha.”

20 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lin-nies kollha, jiġifieri l-irġiel, in-nisa tagħhom, u n-nies kollha li kienu qed ikellmuni: 21 “Ġeħova jiftakarhom u ma nesihomx is-sagrifiċċji li intom, missirijietkom, ir-rejiet tagħkom, il-mexxejja tagħkom, u n-nies tal-pajjiż għamiltu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm. 22 Fl-aħħar, Ġeħova ma felaħx jissaporti iktar il-ħażen u l-affarijiet moqżieża li għamiltu, u l-pajjiż tagħkom sar ħerba, xi ħaġa tal-biżaʼ u taʼ saħta, mingħajr ma joqgħod fih ħadd, bħalma hu llum. 23 Hu minħabba li għamiltu dawn is-sagrifiċċji u dnibtu kontra Ġeħova billi ma smajtux minn Ġeħova u m’obdejtux il-liġijiet, ir-regoli, u t-tfakkiriet tiegħu li ġie dan id-diżastru fuqkom, bħalma hu llum.”

24 Jien, Ġeremija, bqajt ngħid lin-nies kollha, inkluż lin-nisa: “Isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li qegħdin fl-art tal-Eġittu. 25 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Dak li intom u n-nisa tagħkom għedtu li se tagħmlu, għamiltuh, għax intom għedtu: “Aħna żgur li se nżommu l-wegħdi tagħna biex nagħmlu s-sagrifiċċji lir-Reġina tas-Sema* u nferrgħulha l-offerti tax-xorb.” Intom in-nisa żgur li se żżommu l-wegħdi tagħkom u tagħmluhom.’

26 “Għalhekk, isimgħu dak li jgħid Ġeħova, intom in-nies kollha taʼ Ġuda li qed tgħixu fl-art tal-Eġittu. Ġeħova jgħid: ‘Intom taħilfu billi tgħidu, “Naħlef b’Ġeħova s-Sid taʼ Kollox l-Alla l-ħaj.” Imma jien naħlef b’ismi l-kbir li ħadd minnkom ma jibqaʼ juża ismi meta jaħlef. 27 Jien għandi l-ħsieb li nġib fuqkom diżastru, u mhux xi ħaġa tajba. Intom in-nies kollha taʼ Ġuda fl-art tal-Eġittu se tinqerdu bix-xabla u bil-ġuħ, sakemm ma tibqgħux teżistu. 28 Ftit biss se jaħarbu mix-xabla u jmorru lura fl-art taʼ Ġuda mill-art tal-Eġittu. Imbagħad dawk kollha li jifdal minn Ġuda, li marru fl-art tal-Eġittu biex joqogħdu hemm, se jkunu jafu min qed jgħid il-verità, jekk hux jien jew huma!’”

29 “Ġeħova jgħid: ‘U se nagħtikom sinjal biex nurikom li se nikkastigakom f’dan il-post biex tkunu tafu li dak li għedt dwar id-diżastru kontrikom se jseħħ: 30 Hekk jgħid Ġeħova: “Lill-Fargħun Ħofra r-re tal-Eġittu se nagħtih f’idejn l-għedewwa tiegħu u dawk li qed jipprovaw joqtluh, bħalma tajt lir-Re Sedekija taʼ Ġuda f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja li kien l-għadu tiegħu u pprova joqtlu.”’”

45 Dan hu l-messaġġ li jien, il-profeta Ġeremija, għedt lil Baruk bin Nerija meta kiteb dak li għedtlu fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija:

2 “Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, jgħid hekk dwarek, Baruk, 3 ‘Int għedt: “Ħażin għalija, għax Ġeħova żiedli d-dwejjaq mal-uġigħ tiegħi! Għajejt ingerger, u ma sibtx post fejn nistrieħ.”’

4 “Għid lil Baruk, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Dak li bnejt qed inwaqqgħu u dak li ħawwilt qed naqilgħu, u se nagħmel hekk lill-pajjiż kollu. 5 Imma int qed tfittex* affarijiet kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom.”’

“‘Jien dalwaqt se nġib diżastru fuq in-nies kollha, imma lilek se nsalvak, tmur fejn tmur,’ jgħid Ġeħova.”

46 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lili, il-profeta Ġeremija, dwar il-popli: 2 Għall-Eġittu, dwar l-armata tal-Fargħun Neko r-re tal-Eġittu, li ntrebaħ f’Karkemis ħdejn ix-Xmara Ewfrat mir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda t-tifel taʼ Ġosija:

 3 “Ippreparaw it-tarki żgħar* u kbar,

U ersqu għall-battalja.

 4 Rikkieba taż-żwiemel, ippreparaw iż-żwiemel u irkbuhom.

Ħudu postkom u ilbsu l-elmu.

Illostraw il-lanez u ilbsu l-kurazza.

 5 ‘Għala qed narahom imwerwrin?

Huma qed jirtiraw, u l-gwerriera tagħhom ġew megħlubin.

Huma ħarbu ppanikjati, u l-gwerriera tagħhom lanqas daru lura biex jaraw x’inhu jiġri.

Hemm biżaʼ maʼ kullimkien,’ jgħid Ġeħova.

 6 ‘Il-ħfief u l-gwerriera ma jistgħux jaħarbu.

Huma tfixklu u waqgħu fit-Tramuntana,

Ħdejn ix-Xmara Ewfrat.’

 7 Min hu dan li tielaʼ bħax-Xmara Nil,

Bħax-xmajjar li jfuru bl-ilma?

 8 L-Eġittu tielaʼ bħax-Xmara Nil,

Bħal xmajjar li jfuru bl-ilma,

U hu jgħid, ‘Jien se nitlaʼ u niksi l-art.

Se neqred il-belt u lil dawk li jgħixu fiha.’

 9 Rikkieba taż-żwiemel, itilgħu għall-gwerra!

Rikkieba tal-karrijiet, suqu bħal imġienen!

Ħalli lis-suldati joħorġu għall-gwerra,

Kus u Put, li jżommu t-tarka,

U l-Ludin, li jużaw il-qaws bis-sengħa.

10 “Dik il-ġurnata hi tas-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati, il-ġurnata tal-vendetta li se jpattiha lill-għedewwa tiegħu. U x-xabla se tiblaʼ, tixbaʼ, u timtela b’demmhom, għax is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati, se joqtolhom* fl-art tat-Tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.

11 “Eġittu,* itlaʼ Gilegħad u ġib ftit balzmu.

Għalxejn użajt ħafna affarijiet biex ifejquk

Għax ma tistax tfiq.

12 Il-popli semgħu bid-diżunur tiegħek,

U l-għajta tiegħek instemgħet mal-pajjiż kollu.

Gwerrier jitfixkel fi gwerrier ieħor,

U t-tnejn li huma jaqgħu flimkien.”

13 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova qal lili, il-profeta Ġeremija, dwar li ġej ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja biex jegħleb l-art tal-Eġittu:

14 “Għidu dan fl-Eġittu, xandruh f’Migdol.

Xandruh f’Nof* u f’Taħfanħes.

Għidu, ‘Ħudu postkom u kunu ppreparati,

Għax xabla se teqred in-nies kollha taʼ madwarkom.

15 Għala l-irġiel b’saħħithom tiegħek ġew imkaxkrin?

Huma ma żammewx sod,

Għax Ġeħova mbottahom.

16 Huma qed jitfixklu u jaqgħu bi kwantità kbira.

Qed jgħidu lil xulxin:

“Ejja nqumu. Ejja mmorru lura lejn in-nies u l-pajjiż tagħna,

Għax ix-xabla qed tintuża bla ħniena.”’

17 Huma hemmhekk qed ixandru,

‘Il-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, paroli biss għandu.

Kellu l-opportunità u tilifha.’*

18 Ir-Re li ismu hu Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj

Li hu* se jidħol bħalma hi l-muntanja Tabor fost il-muntanji

U bħall-Karmel ħdejn il-baħar.

19 Nies tal-Eġittu,

Ippreparaw l-affarijiet tagħkom biex tmorru fl-eżilju.

Għax Nof* se ssir xi ħaġa tal-biżaʼ;

Se tingħata n-nar* u ħadd ma jibqaʼ jgħix fiha.

20 L-Eġittu hu bħal baqra żgħira* sabiħa.

Imma d-dubbien li joqros se jiġi kontrih mit-Tramuntana.

21 Anki s-suldati mikrijin li hemm f’nofsu huma bħal barrin żgħar* imsemmnin,

Imma anki huma daru lura u ħarbu flimkien.

Ma setgħux jibqgħu sodi,

Għax ġiet fuqhom il-ġurnata tad-diżastru tagħhom,

Meta ntalab kont minnhom.’

22 ‘Il-ħoss tiegħu hu bħal taʼ serp li qed jaħrab,

Għax l-għedewwa b’saħħithom ġejjin kontrih bħal mannara,

Bħall-irġiel li jaqtgħu s-siġar.

23 Ġeħova jgħid, ‘Huma se jaqtgħulu l-foresta, għalkemm jidher li ħadd ma jistaʼ jgħaddi minnha.

Għax huma ħafna iktar mill-ġurati u lanqas tistaʼ tgħoddhom.

24 In-nies tal-Eġittu* se jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt.

Huma se jingħataw lin-nies tat-Tramuntana.’

25 “Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħid, ‘Issa qed nitlob kont minn Amon taʼ No,* mill-Fargħun, mill-Eġittu, mill-allat tiegħu, u mir-rejiet tiegħu. Iva, mill-Fargħun u dawk kollha li jafdaw fih.’

26 “‘U jien se nagħtihom f’idejn dawk li jridu joqtluhom, f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u f’idejn il-qaddejja tiegħu. Imma wara, fl-Eġittu se jerġgħu jgħixu n-nies bħalma kienu qabel,’ jgħid Ġeħova.

27 ‘Imma int, il-qaddej tiegħi Ġakobb, tibżax,

U int, Iżrael, titwerwirx.

Għax jien se nsalvak mill-bogħod

U se nsalva lit-tfal tiegħek mill-art fejn qegħdin fl-eżilju.

Ġakobb se jiġi lura, ikun kalm u fil-paċi,

U ħadd mhu se jbeżżgħu.

28 Għalhekk tibżax, Ġakobb il-qaddej tiegħi, għax jien miegħek,ʼ jgħid Ġeħova.

Jien se neqred il-popli kollha li fihom xerridtek,

Imma lilek mhux se neqirdek għalkollox.

Se niddixxiplinak* kemm ħaqqek,

U żgur li se nikkastigak.’”

47 Jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova dwar il-Filistin qabel il-Fargħun rebaħ lil Gaża. 2 Hekk jgħid Ġeħova:

“L-ilmijiet ġejjin mit-Tramuntana.

Huma se jsiru wied kbir.

Dawn se jgħerrqu l-pajjiż u kulma hemm fih,

Il-belt u lil dawk li joqogħdu fiha.

In-nies se jgħajtu,

U kull min jgħix fil-pajjiż se jibki.

 3 Meta jisimgħu l-ħoss taż-żwiemel jiġru,

Il-ħoss tal-karrijiet tal-gwerra,

U l-ħoss tar-roti tagħhom,

Il-missirijiet se jitilfu l-kuraġġ

U lanqas biss se jmorru jsalvaw it-tfal tagħhom.

 4 Dan minħabba li se tasal il-ġurnata li fiha l-Filistin kollha se jinqerdu.

Minn Tir u minn Sidon se jinqered kull min jibqaʼ ħaj u jipprova jgħinhom.

Ġeħova se jeqred lill-Filistin,

L-uħud li fadal li kienu ġew mill-gżira taʼ Kaftor.*

 5 In-nies taʼ Gaża se jispiċċaw bil-qargħa.*

In-nies t’Askelon ġew imsikktin.

Intom li fadal fil-pjanura tal-wied* tagħhom,

Kemm se ddumu tqattgħu ġisimkom?

 6 Ja xabla taʼ Ġeħova,

Kemm se ddum ma tieqaf?

Mur lura f’postok.

Strieħ u oqgħod kwieta.

 7 Kif tistaʼ tkun wieqfa

Meta Ġeħova stess ta l-kmand

Biex tattakka lil Askelon u l-kosta tal-baħar?

Hemm qabbadha tmur.”

48 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħid dwar Mowab:

“Ħażin għal Nebo, għax hi ġiet meqruda!

Kirjatajm ġiet imwaqqgħa għaċ-ċajt u ntrebħet.

Il-post taʼ protezzjoni* ġie mwaqqaʼ għaċ-ċajt u mkisser.

 2 M’għadhomx ifaħħru lil Mowab.

F’Ħesbon ippjanaw kif jeqirduh:

‘Ejja neqirduh ħalli ma jibqax poplu.’

Int ukoll, Madmen, trid tibqaʼ kwiet.

Għax ix-xabla ġejja warajk.

 3 Qed jinstemaʼ għajjat minn Ħoronajm,

Għax dan il-post inqered u waqaʼ għalkollox.

 4 Mowab sar ħerba.

It-tfal tiegħu qed jibku.

 5 Huma jkomplu jibku fit-telgħa lejn Luħit.

U huma u neżlin minn Ħoronajm, jisimgħu n-nies jibku minħabba d-diżastru.

 6 Aħarbu u salvaw lilkom infuskom!

Siru bħal siġra tal-ġnibru fid-deżert.

 7 Mowab, int tafda fl-affarijiet li tagħmel u fit-teżori tiegħek,

Minħabba f’hekk li int se tintrebaħ.

U Kemos se jmur fl-eżilju,

Flimkien mal-qassisin u l-uffiċjali tiegħu.

 8 Dak li se jeqred se jidħol f’kull belt,

U l-ebda belt mhu se teħlisha.

Il-wied* se jispiċċa fix-xejn,

U l-art ċatta* se tinqered, bħalma qal Ġeħova.

 9 Agħmlu marka għal Mowab,

Għax se jaħrab u jsir ħerba,

U l-bliet tiegħu se jsiru xi ħaġa tal-biżaʼ,

U ħadd ma jgħix fihom.

10 Misħut hu dak li jwettaq l-inkarigu li tah Ġeħova bi traskuraġni!

Misħut hu dak li jżomm lura x-xabla milli joqtol!

11 Il-Mowabin tħallew jgħixu għall-kwiet minn mindu kienu żgħar,

Bħal inbid li tħalla joqgħod fuq it-tartru tiegħu.

Huma qatt ma marru fl-eżilju,

Bħal inbid li qatt ma tferraʼ minn reċipjent għal ieħor.

Hu għalhekk li t-togħma tagħhom baqgħet l-istess,

U r-riħa tagħhom ma nbidlitx.

12 “Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ġej iż-żmien meta jien se nibagħtilhom irġiel biex jaqilbuhom. Huma se jdawruhom, ibattlu r-reċipjenti tagħhom, u jfarrku l-ġarar kbar tagħhom. 13 U l-Mowabin se jistħu minħabba Kemos, bħalma l-Iżraelin jistħu għax f’Betel kienu jafdaw fil-qima falza tagħhom.

14 Kif tażżardaw tgħidu: “Aħna gwerriera b’saħħitna lesti għall-gwerra”?’

15 ‘Mowab inqered,

L-għedewwa daħlu fil-bliet tiegħu,

U l-aqwa żgħażagħ tagħhom inqatlu,’

Jgħid ir-Re, li ismu hu Ġeħova tal-armati.

16 Id-diżastru fuq il-Mowabin dalwaqt ġej,

U r-rovina tagħhom ġejja malajr.

17 Dawk kollha taʼ madwarhom u dawk kollha li jafu bir-reputazzjoni tagħhom,

Żgur se jħossu għalihom.

Għidilhom, ‘Kif tkisser il-bastun b’saħħtu, il-ħatar tas-sbuħija!’

18 Neħħu l-glorja tagħkom,

U poġġu bilqiegħda bil-għatx,* nies taʼ Dibon,

Għax dak li se jeqred lil Mowab ġie kontrikom,

U se jġib ħerba mill-postijiet iffortifikati tagħkom.

19 Nies t’Għarogħer, ieqfu mat-triq u araw x’inhu jiġri.

Staqsu lir-raġel u lill-mara li qed jaħarbu, ‘X’ġara?’

20 Mowab ġie mġiegħel jistħi u hu mwerwer.

Ibku u għajtu.

Xandru fl-Arnon li Mowab inqered.

21 “Il-ġudizzju wasal fuq l-art ċatta,* kontra Ħolon, Ġaħas, u Mefgħat; 22 kontra Dibon, Nebo, u Bet-diblatajm; 23 kontra Kirjatajm, Bet-gamul, u Bet-megħon; 24 kontra Kerjot u Bosra; u kontra l-bliet kollha tal-art taʼ Mowab, dawk li huma fil-bogħod u fil-viċin.

25 ‘Is-saħħa* taʼ Mowab tqaċċtet;

Idu nkisret,’ jgħid Ġeħova.

26 ‘Agħtuh x’jixrob ħa jisker, għax tkabbar u ħadha kontra Ġeħova.

Mowab jitmiegħek fir-remettar tiegħu,

U lilu jwaqqgħuh għaċ-ċajt.

27 Ma kontx int twaqqgħu għaċ-ċajt lil Iżrael?

Jaqaw inqabad jisraq,

Biex qed ixxengel rasek u titkellem kontrih?

28 Nies taʼ Mowab, itilqu mill-bliet u għixu fuq il-blat għoli,

U siru bħall-ħamiema li tbejjet f’xifer l-irdum.’”

29 “Smajna bil-kburija taʼ Mowab, u hu supperv ħafna.

Smajna kemm hu arroganti, kburi, supperv, u jaħseb li hu xi ħaġa.”

30 “Ġeħova jgħid, ‘Jien naf x’rabja għandu,

Imma l-paroli fil-vojt tiegħu ħa jiġi fix-xejn.

Huma mhu se jagħmlu xejn.

31 Hu għalhekk li se nibki għal Mowab,

Ngħajjat għal Mowab kollu,

U nagħmel id-dwejjaq għan-nies taʼ Kir-ħeres.

32 Dielja taʼ Sibma, ħa nibkik

Iktar milli bkejt għal Ġagħżer.

Il-friegħi tiegħek kibru ħafna u qasmu l-baħar.

Waslu sal-baħar, sa Ġagħżer.

Ġie l-għadu u qered

Il-frott tas-sajf u l-għeneb li ġbart.

33 Il-ferħ u l-kuntentizza tneħħew mill-ġnien tas-siġar tal-frott

U mill-art taʼ Mowab.

Ma ħallejtx iktar inbid fejn jagħsru l-għeneb.

Ħadd mhu se jagħsar l-għeneb u jgħajjat bil-ferħ.

Se jkun hemm għajjat, imma mhux se jkun taʼ ferħ.’”

34 “‘Qed jgħajtu minn Ħesbon u qed jinstemgħu s’Elegħale.

Qed jgħollu leħinhom u jinstemaʼ sa Ġaħas,

L-għajta minn Sogħar tinstemaʼ sa Ħoronajm u s’Għeglat-selisija.

Saħansitra l-ilmijiet taʼ Nimrim se jinxfu.’

35 Ġeħova jgħid, ‘Jien se neqred minn Mowab

Lil min qed iġib offerta fil-post għoli

U lil min qed jagħmel sagrifiċċji lill-alla tiegħu.

36 Għalhekk, qalbi se tibki* bħal flawt*

Għal Mowab u għan-nies taʼ Kir-ħeres.

Għax il-ġid kollu li kisbu se jispiċċa.

37 Kull ras hi bil-qargħa,

U kull daqna mqaxxra.

L-idejn kollha huma mimlijin qtugħ,

U lebsin il-ħwejjeġ tal-ixkora madwar ġenbejhom!’”

38 “‘Fuq il-bjut kollha taʼ Mowab

U fil-pjazez kollha tiegħu,

M’hemm xejn ħlief biki.

Għax jien kissirt lil Mowab,

Bħal reċipjent mormi,’ jgħid Ġeħova.

39 ‘Kemm hu mwerwer Mowab! Ibku!

Mowab dar lura bil-mistħija!

Mowab qed jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt,

U sar xi ħaġa tal-biżaʼ għal dawk kollha taʼ madwaru.’”

40 “Għax hekk jgħid Ġeħova:

‘Bħalma ajkla tinżel għall-priża,

L-għadu se jiftaħ ġwinħajh fuq Mowab.

41 Il-bliet se jintrebħu,

U l-postijiet iffortifikati tiegħu se jinqerdu.

Dakinhar, il-gwerriera taʼ Mowab

Se jibżgħu bħal mara li qed twelled.’”

42 “‘Mowab se jinqered għalkollox u ma jibqax poplu,

Għax tkabbar u ħadha kontra Ġeħova.

43 Nies taʼ Mowab, il-biżaʼ, il-ħofra, u n-nassa

Qegħdin quddiemkom,’ jgħid Ġeħova.

44 ‘Kull min jaħrab bil-biżaʼ se jaqaʼ fil-ħofra;

U kull min jitlaʼ mill-ħofra se jinqabad fin-nassa.’

‘Għax ġejja s-sena li jien se nikkastiga lil Mowab,’ jgħid Ġeħova.

45 ‘Dawk li jaħarbu f’Ħesbon għall-protezzjoni* mhux se jirċievu għajnuna.

Għax minn Ħesbon se joħroġ nar,

U minn Siħon se toħroġ fjamma.

Dan se jaħraq ras Mowab

U l-iskutella tar-ras taʼ nies vjolenti.’

46 ‘Ħażin għalik, Mowab!

In-nies li jqimu lill-alla Kemos inqerdu.

Is-subien tiegħek ittieħdu bħala lsiera,

U l-bniet tiegħek marru fl-eżilju.

47 Imma fl-aħħar parti tal-jiem, jien se niġbor lill-ilsiera taʼ Mowab,’ jgħid Ġeħova.

‘Hawnhekk jispiċċa l-messaġġ tal-ġudizzju kontra Mowab.’”

49 Hekk jgħid Ġeħova kontra l-Għammonin:

“Jaqaw il-poplu t’Iżrael m’għandux subien?

M’għandux min jiret?

Malkam* għala ħa lil Gad?

U n-nies tiegħu għala jgħixu fil-bliet t’Iżrael?”

 2 “Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ġej iż-żmien

Meta nġiegħel li jinstemaʼ s-sinjal tal-gwerra* kontra Rabba tal-Għammonin.

Hi se ssir għolja abbandunata,

U l-bliet li jiddependu minnha* se jingħataw in-nar.’

‘Iżrael se jieħu lura l-art li ħadulu,’ jgħid Ġeħova.

 3 ‘Nies taʼ Ħesbon, ibku, għax Għaj inqerdet!

Nies li toqogħdu fil-bliet li jiddependu minn Rabba, għajtu.

Ilbsu l-ixkejjer.

Ibku u iġru ’l hemm u ’l hawn f’nofs l-imqawel tal-ġebel,

Għax Malkam se jittieħed fl-eżilju

Flimkien mal-qassisin u l-mexxejja tiegħu.

 4 Nies* mhux leali, għala tiftaħru bil-widien,*

Bil-pjanura tagħkom li tipproduċi ħafna,

Tafdaw fit-teżori tagħkom,

U tgħidu: “Min se jiħodha kontrina?”’”

 5 “Is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Qed inġib xi ħaġa tal-biżaʼ fuqkom

Minn dawk kollha taʼ madwarkom.

Intom se tinfirxu f’kull direzzjoni,

U ħadd minnkom mhu se jiġbor lil dawk li jaħarbu.’”

 6 “Ġeħova jgħid: ‘Imma wara se niġbor l-Għammonin li huma lsiera.’”

7 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati kontra Edom:

“Jaqaw m’għadx hemm iktar għerf f’Teman?

Il-pariri tajbin mingħand dawk li jifhmu spiċċaw fix-xejn?

M’għadux tajjeb l-għerf tagħhom?

 8 Nies taʼ Dedan!

Aħarbu u duru lura!

Morru nħbew fil-widien fondi.

Meta jasal iż-żmien li nitlob kont minn Għesaw,

Se nġib diżastru fuqu.

 9 Jekk dawk li jaqtgħu l-għeneb jiġu għandek,

Ma jħallux huma xi ħaġa biex jiġborha ħaddieħor?

Jekk jidħlu l-ħallelin billejl,

Ma jagħmlux huma ħsara kemm iridu?

10 Imma jien se nneżżaʼ lil Għesaw għalkollox.

Se nikxef il-postijiet fejn jinħeba

Ħalli ma jkunx jistaʼ jinħeba.

It-tfal, ħutu, u sħabu, kollha se jiġu meqrudin,

U hu ma jibqax iktar.

11 Ħalli lit-tfal orfni* f’idejja,

U jien inżommhom ħajjin,

U r-romol nisa tiegħek se jafdaw fija.”

12 Għax hekk jgħid Ġeħova: “Jekk dawk li ma ngħatawx is-sentenza biex jixorbu mit-tazza jkollhom jixorbu, għandek int tibqaʼ mingħajr ebda kastig? Int mhux se titħalla mingħajr kastig, għax se jkollok tixrob mit-tazza tar-rabja.”

13 Ġeħova jgħid: “Jien ħlift bija nnifsi li Bosra se ssir xi ħaġa tal-biżaʼ, ħerba, saħta, u tiġi mwaqqgħa għaċ-ċajt. Il-bliet kollha tagħha se jsiru ħerba għal dejjem.”

14 Jien smajt aħbar mingħand Ġeħova,

Intbagħat messaġġier għand il-popli li jgħid:

“Inġabru flimkien u morru kontra Edom;

Ippreparaw biex tiġġieldu kontrih.”

15 “Ġibtek ma tiswa xejn fost il-popli,

U l-bnedmin imaqdruk.

16 Int li tgħix fil-kenn tal-blat,

Li toqgħod fl-ogħla għolja,

Ġejt imqarraq, għax in-nies jibżgħu minnek u int kburi f’qalbek.

Għalkemm tagħmel il-bejta tiegħek fl-għoli bħal ajkla,

Jien se nniżżlek minn hemm,” jgħid Ġeħova.

17 “U Edom għandu jsir xi ħaġa tal-biżaʼ. Kull min jgħaddi minn ħdejh se jiċċassa bil-biżaʼ u se jxengel rasu minħabba l-kastigi kollha li ġew fuqu. 18 Bħalma nqerdu Sodoma u Gomorra u l-bliet taʼ madwarhom, ħadd mhu se jgħix hemm, u l-ebda bniedem mhu se jissetilja hemm,” jgħid Ġeħova.

19 “Bħalma ljun joħroġ mill-ħafna siġar li hemm fil-Ġordan, xi ħadd se jiġi u jattakka l-postijiet siguri fejn jirgħaw l-annimali f’Edom, imma f’daqqa waħda se nġiegħlu jaħrab minn hemm. U jien se ninkariga fuqu mexxej li nkun għażilt. Għax min hu bħali u min se jisfidani? Liema ragħaj jistaʼ jiħodha kontrija? 20 Għalhekk, isimgħu d-deċiżjoni li Ġeħova ħa kontra Edom, u x’ħaseb kontra n-nies taʼ Teman:

Il-frieħ tal-merħla żgur se jiġu mkaxkrin.

Hu se jagħmel il-post fejn jgħixu abbandunat minħabba dak li għamlu.

21 Meta jaqgħu, tant se jkun hemm ħoss li l-art titriegħed.

Hemm għajta!

U din instemgħet saħansitra sal-Baħar l-Aħmar.

22 Bħal ajkla, l-għadu se jinżel biex jattakka

U hu se jiftaħ ġwinħajh fuq Bosra.

Dakinhar, il-gwerriera t’Edom se jibżgħu

Bħalma tibżaʼ mara li qed twelled.”

23 Kontra Damasku:

“Ħamat u Arfad ġew imġiegħla jistħu,

Għax semgħu rapport ħażin.

Tant beżgħu li qatgħu qalbhom.

In-nies huma bħal baħar li ma jistax jiġi kkalmat.

24 In-nies taʼ Damasku m’għadhomx kuraġġużi.

Huma daru biex jaħarbu, imma bil-paniku ma setgħux.

Għandhom ħafna inkwiet u wġigħ,

Bħal mara li qed twelled.

25 Kif jistaʼ jkun li ma ġietx abbandunata l-belt li tiġi mfaħħra,

Il-belt mimlija ferħ?

26 “Dakinhar, iż-żgħażagħ se jmutu fil-pjazez tagħha,

U s-suldati kollha se jispiċċaw fix-xejn,” jgħid Ġeħova tal-armati.

27 “U nagħti n-nar lis-sur taʼ Damasku,

U dan se jaħraq it-torrijiet iffortifikati taʼ Ben-ħadad.”

28 Hekk jgħid Ġeħova kontra Kedar u s-saltniet taʼ Ħasor, li għelibhom ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja:

“Morru itilgħu għal Kedar,

U eqirdu lil dawk li hemm fil-Lvant.

29 It-tined u l-imrieħel tagħhom se jittiħdulhom,

Anki d-drappijiet tat-tined tagħhom u kulma għandhom.

L-iġmla tagħhom se jiħduhomlhom.

U se jgħajtu u jgħidulhom, ‘Il-biżaʼ qiegħda maʼ kullimkien!’”

30 “Nies taʼ Ħasor, aħarbu u morru ’l bogħod!

Morru nħbew fil-widien fondi,” jgħid Ġeħova.

“Għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja għandu strateġija kontrikom

U għamel pjan kontra tagħkom.”

31 “Morru itilgħu qalb il-poplu li hu fil-paċi,

Li qed jgħix fis-sigurtà!” jgħid Ġeħova.

“M’għandhomx bibien jew staneg; huma jgħixu fl-imwarrab.

32 L-iġmla tagħhom se jinsterqulhom,

U l-ħafna bhejjem li għandhom se jittiħdulhom.

Dawk li jqaxxru x-xagħar tal-ġenb taʼ rashom

Se nxerridhom f’kull direzzjoni,*

U se nġib diżastru fuqhom minn kullimkien,” jgħid Ġeħova.

33 “Ħasor se ssir post fejn joqogħdu l-klieb slavaġ,

Post abbandunat għal dejjem.

Ħadd mhu se jgħix hemm,

U l-ebda bniedem mhu se jissetilja fiha.”

34 Jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova dwar Għelam fil-bidu li beda jmexxi r-Re Sedekija taʼ Ġuda: 35 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘Qed inkisser il-qaws t’Għelam, il-qawwa tas-saħħa tagħhom. 36 Se nattakka lil Għelam bl-erbat irjieħ mill-erbaʼ trufijiet tas-sema, u se nxerridhom mad-direzzjonijiet kollha.* Mhux se jkun hemm poplu li n-nies t’Għelam ma jinxterdux fih.’”

37 “Se nġiegħel lill-Għelamin jibżgħu quddiem l-għedewwa tagħhom u quddiem dawk li qed ifittxu biex joqtluhom. Se nġib diżastru fuqhom, ir-rabja kbira tiegħi,” jgħid Ġeħova. “U se nibgħat ix-xabla warajhom sakemm neqridhom.”

38 “Se nqiegħed it-tron tiegħi f’Għelam, u minn hemm se neqred ir-re u l-mexxejja tiegħu,” jgħid Ġeħova.

39 “Imma fl-aħħar parti tal-jiem se niġbor lill-ilsiera t’Għelam,” jgħid Ġeħova.

50 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova qal dwar Babilonja, dwar l-art tal-Kaldin, permezz tiegħi, il-profeta Ġeremija:

 2 “Għiduh fost il-popli u xandruh.

Għollu arblu bħala sinjal u xandruh.

Taħbu xejn!

Għidu, ‘Babilonja ntrebħet.

Bel ġie mġiegħel jistħi.

Merodak hu mwerwer.

L-istatwi tagħha ġew imġiegħla jistħu.

L-idoli moqżieża* tagħha huma mwerwrin.’

 3 Għax ġie kontriha poplu mit-Tramuntana.

Dan għamilha art tal-biżaʼ;

Ħadd ma joqgħod fiha.

Ħarbu kemm in-nies u kemm l-annimali;

Telqu ’l hemm.”

4 Ġeħova jgħid: “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien, il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda se jiġu flimkien. Huma u mexjin se jibku, u flimkien se jfittxu l-gwida tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħhom. 5 Huma se jistaqsu għat-triq li tagħti għal Sijon u jkunu determinati li jmorru hemm, u jgħidu, ‘Ejjew ħa nerġgħu nsiru l-poplu taʼ Ġeħova permezz taʼ patt għal dejjem li ma jintesiex.’ 6 Il-poplu tiegħi sar bħal merħla nagħaġ mitlufin. Ir-ragħajja tagħhom stess ġegħluhom jintilfu. Huma ħaduhom fuq il-muntanji, jiġru minn muntanja għal għolja. Huma nesew il-post fejn kienu jistrieħu. 7 Dawk kollha li jsibuhom jibilgħuhom, u l-għedewwa tagħhom jgħidu, ‘Mhux tort tagħna, għax huma dinbu kontra Ġeħova, il-wieħed li għamel il-livelli taʼ dak li hu ġust, kontra Ġeħova, li kienu jittamaw fih missirijiethom.’”

 8 “Aħarbu minn nofs Babilonja,

Oħorġu mill-art tal-Kaldin,

U kunu bħall-annimali li jkunu fuq quddiem tal-merħla.

 9 Għax jien se nsejjaħ ġemgħa kbira taʼ popli mill-art tat-Tramuntana

U nġibhom kontra Babilonja.

Huma se jiġu mqassmin għall-battalja;

Hemmhekk hi se tintrebaħ.

Il-vleġeġ tagħhom huma bħal dawk taʼ gwerriera

U se joqtlulhom it-tfal;

Mhux se jiġu lura mingħajr ma jirnexxu.

10 Lill-Kaldija se jisirquha.

Dawk kollha li se jiħdulha l-affarijiet se jkunu sodisfatti għalkollox,” jgħid Ġeħova.

11 “Għax intom bqajtu tifirħu u taqbżu bil-ferħ

Meta kontu qed tisirqu l-wirt tiegħi.

Intom bdejtu tagħtu b’saqajkom bħal baqra żgħira* fil-ħaxix,

U bqajtu tiżhru bħaż-żwiemel.

12 Ommkom ġiet imġiegħla tistħi.

Dik li wilditkom ġiet iddiżappuntata.

Hi l-inqas mill-popli,

Hi xagħri bla ilma u deżert.

13 Ħadd mhu se jgħix fiha minħabba r-rabja taʼ Ġeħova;

U se ssir art abbandunata għalkollox.

Kull min jgħaddi minn ħdejn Babilonja se jistagħġeb bil-biżaʼ

U se jxengel rasu* minħabba l-kastigi kollha tagħha.

14 Intom l-arċieri kollha,*

Ejjew kontra Babilonja mqassmin għall-battalja minn kull naħa.

Sparawlha u tħallux vleġġa waħda,

Għax hi dinbet kontra Ġeħova.

15 Għajtu għajta tal-gwerra kontriha minn kull naħa.

Hi ċediet.

Il-kolonni tagħha waqgħu, is-swar tagħha ġġarrfu,

Għax Ġeħova għamel vendetta.

Ivvendikaw ruħkom minnha.

Agħmlulha bħalma għamlet hi.

16 Eqirdu lil min jiżraʼ minn Babilonja

U lil min juża l-minġel fi żmien il-ħsad.

Peress li x-xabla qed tintuża mingħajr ħniena,

Kull wieħed se jmur lura għand il-poplu tiegħu stess,

U kull wieħed se jaħrab lejn pajjiżu.

17 “Il-poplu t’Iżrael hu nagħaġ imxerrdin. L-iljuni ħarbtuhom. L-ewwel belagħhom ir-re tal-Assirja; imbagħad ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mexmixilhom l-għadam tagħhom. 18 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nikkastiga lir-re taʼ Babilonja u l-pajjiż tiegħu bl-istess mod li kkastigajt lir-re tal-Assirja. 19 U se nġib lura lil Iżrael fl-art tajba tiegħu, u hu se jirgħa fuq il-Karmel u fuq il-Basan, u hu* se jiekol sa ma jixbaʼ fuq il-muntanji t’Efrajm u taʼ Gilegħad.’”

20 Ġeħova jgħid: “F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,

Se jfittxu għall-ħtija t’Iżrael,

Imma mhux se jkun hemm.

Se jfittxu għad-dnubiet taʼ Ġuda, imma mhux se jsibuhom,

Għax jien se naħfer lil dawk li se nħalli ħajjin.”

21 “Ejja kontra l-art taʼ Meratajm u kontra n-nies taʼ Pekod.

Immassakrahom u eqridhom għalkollox,” jgħid Ġeħova.

“Agħmel kulma kkmandajtek.

22 Hemm ħoss taʼ gwerra fil-pajjiż,

Diżastru sħiħ.

23 Kif inqasam u tkisser il-martell li jfarrak il-popli tal-art kollha!

Kemm saret xi ħaġa tal-biżaʼ Babilonja fost il-popli!

24 Babilonja, jien għamiltlek nassa, u int inqbadt fiha,

U lanqas indunajt.

Lilek sabuk u qabduk,

Għax int ħadtha kontrija, Ġeħova.

25 Jien, Ġeħova, ftaħt il-maħżen tiegħi

U ħriġt l-armi biex nuri r-rabja tiegħi.

Għax jien, is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati,

Għandi biċċa xogħol x’nagħmel fl-art tal-Kaldin.

26 Ejjew kontriha minn postijiet ’il bogħod.

Iftħulha l-imħażen tal-qamħ.

Iġbru dak li serqet bħal qatet tal-qamħ.

Eqirduha għalkollox.

Jalla ma jibqgħalha ħadd ħaj fiha.

27 Immassakraw lil dawk kollha li huma bħal barrin żgħar;*

Ħalluhom ħa jmorru għall-qatla.

Ħażin għalihom, għax il-ġurnata tagħhom waslet,

Iż-żmien meta se jkollhom jagħtu kont!

28 Qed jinstemaʼ l-ħoss taʼ dawk li qed jaħarbu,

Taʼ dawk li qed jaħarbu mill-art taʼ Babilonja,

Biex ixandru f’Sijon li Ġeħova l-Alla tagħna qed jagħmel vendetta,

Qed jagħmel vendetta għat-tempju tiegħu.

29 Sejħu lill-arċieri kontra Babilonja,

Dawk kollha li jgħawġu l-qaws.

Ikkampjaw madwarha. Tħallu lil ħadd jaħrab.

Pattuhielha għal dak kollu li għamlet.

Agħmlulha bħalma għamlet.

Għax hi aġixxiet b’mod arroganti maʼ Ġeħova,

Mal-Qaddis t’Iżrael.

30 Dakinhar, iż-żgħażagħ tagħha se jmutu fil-pjazez,

U s-suldati kollha tagħha se jispiċċaw fix-xejn,” jgħid Ġeħova.

31 “Ja ribelluża, jien ġej kontrik,” jgħid is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati,

“Għax il-ġurnata tiegħek se tasal, iż-żmien li jien se nitlob kont minnek.

32 Ja ribelluża, int se titfixkel u taqaʼ,

U ma jkun hemm ħadd li se jqajmek.

Jien se nagħti n-nar lill-bliet tiegħek,

U dan se jaħraq kulma hemm madwarek.”

33 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:

“Il-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda huma maħqurin,

U dawk kollha li qabduhom qed iżommuhom bħala lsiera.

Ma jridux iħalluhom jitilqu.

34 Imma jien, Dak li Nixtrihom Lura, b’saħħti.

Jien jisimni Ġeħova tal-armati.

Żgur li se niddefendi l-kawża legali tagħhom,

Sabiex ikun hemm il-paċi fl-art tagħhom

U nġib konfużjoni fost in-nies taʼ Babilonja.”

35 Ġeħova jgħid, “Hemm xabla kontra l-Kaldin,

Kontra n-nies taʼ Babilonja, il-mexxejja tagħha, u l-għorrief tagħha.

36 Hemm xabla kontra dawk li jpaċpċu fil-vojt,* u huma se jaġixxu taʼ boloh.

Hemm xabla kontra l-gwerriera tagħha, u huma se jitwerwru.

37 Hemm xabla kontra ż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tagħhom,

U kontra n-nies kollha differenti li hemm f’nofsha,

U lkoll se jsiru bħal nisa.

Hemm xabla kontra t-teżori tagħha, u dawn se jiġu misruqin.

38 Ħażin għall-ilmijiet tagħha, għax se jinxfu.

Għax hi art tal-istatwi minquxin,

U minħabba l-viżjonijiet tal-biżaʼ li jkollhom, jibqgħu jaġixxu bħal imġienen.

39 Għalhekk, l-annimali tad-deżert se jgħixu mal-annimali li jgħajtu,

U fiha se jgħixu n-ngħam.*

Qatt iktar mhu se jerġgħu jgħixu fiha,

U lanqas se tkun post fejn jgħixu n-nies fiha tul il-ġenerazzjonijiet kollha.”

40 Ġeħova jgħid, “Bħalma jien qridt lil Sodoma u Gomorra u l-bliet taʼ madwarhom, ħadd mhu se jgħix hemm u l-ebda bniedem mhu se jissetilja fiha.

41 Ġej poplu mit-Tramuntana;

Ġens kbir u rejiet li jispikkaw issejħu għall-azzjoni

Mill-iżjed partijiet ’il bogħod tal-art.

42 Huma qed iżommu l-qaws u l-lanza.

Huma kattivi u mhux se juru ħniena.

Il-ħoss li jagħmlu hu bħal taʼ baħar imqalleb

Hekk kif jirkbu fuq iż-żwiemel tagħhom.

Nies taʼ* Babilonja, huma ġejjin għalikom imqassmin għall-battalja bħal raġel wieħed.

43 Ir-re taʼ Babilonja semaʼ rapport dwarhom,

U qataʼ qalbu.

Ħakmitu l-ansjetà,

U wġigħ bħal taʼ mara li qed twelled.

44 “Bħalma ljun joħroġ mill-ħafna siġar li hemm fil-Ġordan, xi ħadd se jiġi u jattakka l-postijiet siguri fejn jirgħaw l-annimali f’Edom, imma f’daqqa waħda se nġegħelhom jaħarbu minnu. U jien se ninkariga fuqu mexxej li nkun għażilt. Għax min hu bħali u min se jisfidani? Liema ragħaj jistaʼ jiħodha kontrija? 45 Għalhekk, isimgħu d-deċiżjoni li Ġeħova ħa kontra Babilonja, u x’ħaseb kontra l-art tal-Kaldin:

Il-frieħ tal-merħla żgur se jiġu mkaxkrin.

Hu se jagħmel il-post fejn jgħixu abbandunat minħabba dak li għamlu.

46 Meta Babilonja tintrebaħ, se jkun hemm ħoss, l-art titriegħed,

U tinstemaʼ għajta fost il-popli.”

51 Hekk jgħid Ġeħova:

“Jien se nġib riħ li jeqred

Kontra Babilonja u n-nies li joqogħdu Leb-qamaj.*

 2 Se nibgħat nies f’Babilonja biex ixerrduha,

Bħalma riħ ixerred il-qoxra taż-żerriegħa, u l-art tagħha jġibha vojta;

Se jiġu kontriha minn kull naħa f’jum id-diżastru.

 3 L-arċieri taʼ Babilonja mhux se jgħawġu l-qaws tagħhom.

Ħadd minnhom mhu se jqum bilwieqfa bil-kurazza tiegħu.

M’għandkomx turu ħniena maż-żgħażagħ tagħha.

Eqirdu l-armata kollha tagħha.

 4 Huma se jinqatlu fl-art tal-Kaldin,

Se jiġu minfudin fit-toroq tagħha.

 5 Għax Ġeħova tal-armati ma telaqx lil Iżrael u lil Ġuda.

Huma ma sarux bħar-romol.

Imma l-art tal-Kaldin* hi ħatja ħafna mill-ħarsa tal-Qaddis t’Iżrael.

 6 Oħorġu minn nofs Babilonja

U aħarbu ħalli ssalvaw ħajjitkom.

Tinqerdux minħabba l-iżbalji tagħha.

Għax wasal iż-żmien li Ġeħova jagħmel vendetta minnha.

Se jħallasha għal dak li għamlet.

 7 Babilonja kienet tazza tad-deheb f’idejn Ġeħova;

Hi ġiegħlet lill-art kollha tisker.

Il-popli sikru bl-inbid tagħha;

Hu għalhekk li ġġennu.

 8 F’daqqa waħda, Babilonja waqgħet u nkisret.

Ibkuha!

Ġibu l-balzmu għall-uġigħ tagħha, forsi tkun tistaʼ tfiq.”

 9 “Ipprovajna nfejquha lil Babilonja, imma ma tistax tiġi mfejqa.

Ejja nħalluha u nitilqu ’l hemm, kull wieħed lejn pajjiżu stess.

Għax il-ħtija tagħha waslet sas-sema;

Hi għolja daqs is-sħab.

10 Ġeħova għamel ġustizzja għalina.

Ejja mmorru Sijon nirrakkontaw x’għamel Ġeħova l-Alla tagħna.”

11 “Illostraw il-vleġeġ; ħudu t-tarki tondi.*

Ġeħova ħeġġeġ lir-rejiet tal-Medin,

Għax hu għandu l-ħsieb li lil Babilonja jagħmilha ħerba.

Din hi l-vendetta taʼ Ġeħova, il-vendetta għat-tempju tiegħu.

12 Għollu arblu bħala sinjal kontra s-swar taʼ Babilonja.

Saħħu l-għassa, qiegħdu l-għassiesa.

Ippreparaw lil dawk li jistaħbew biex jattakkaw.

Għax Ġeħova għamel pjan,

U hu se jwettaq dak li wiegħed kontra n-nies taʼ Babilonja.”

13 “Mara li toqgħod fuq ħafna ilmijiet,

B’abbundanza taʼ teżori,

Wasal it-tmiem tiegħek u tal-qligħ inġust li tagħmel.

14 Ġeħova tal-armati ħalef bih innifsu,

‘Jien se nimliek bl-irġiel, u dawn se jkunu daqs il-ġurati.

Huma se jgħajtu bil-ferħ għax rebħulek.’

15 Hu Dak li Għamel id-dinja bil-qawwa tiegħu,

Il-Wieħed li għamel l-art u kulma fiha bl-għerf tiegħu

U li firex is-sema bl-intelliġenza tiegħu.

16 Meta jsemmaʼ leħnu,

L-ilmijiet fis-sema jagħmlu ħoss qawwi,

U hu jġiegħel is-sħab* jitlaʼ mit-truf tal-art.

Hu jibgħat is-sajjetti max-xita,*

U joħroġ ir-riħ mill-imħażen tiegħu.

17 Kulħadd jaġixxi bla raġuni u mingħajr għarfien.

Kull ħaddied se jiġi mġiegħel jistħi minħabba l-istatwa minquxa,

Għax l-istatwa tal-metall* tiegħu hi falza,

U m’hemmx nifs* fiha.

18 Dawn ma jiswew għal xejn u huma xi ħaġa tad-daħq.

Se jinqerdu meta jasal il-jum tal-ġudizzju tagħhom.

19 L-Alla* taʼ Ġakobb mhuwiex bħal dawn,

Għax hu Dak li għamel kollox,

Anki l-bastun tal-wirt tiegħu.

Ismu hu Ġeħova tal-armati.”

20 “Int* mazza tal-gwerra għalija, arma għall-battalja,

Għax bik se nfarrak il-popli,

Bik se nagħmel ħerba mis-saltniet.

21 Bik se nfarrak liż-żiemel u r-rikkieb tiegħu.

Bik se nfarrak lill-karru tal-gwerra u r-rikkieb tiegħu.

22 Bik se nfarrak lill-irġiel u n-nisa.

Bik se nfarrak lix-xjuħ u t-tfal.

Bik se nfarrak lill-ġuvintur u t-tfajliet.

23 Bik se nfarrak lir-ragħaj u l-merħla tiegħu.

Bik se nfarrak lill-bidwi u l-annimali li jaħdem bihom.

Bik se nfarrak lill-gvernaturi u l-uffiċjali.

24 Jien se npattiha lil Babilonja u lin-nies kollha tal-Kaldija

Għall-ħażen kollu li għamlu f’Sijon quddiem għajnejkom, poplu taʼ Ġuda,” jgħid Ġeħova.

25 “Muntanja li teqred, jien kontrik,” jgħid Ġeħova,

“Int qridt l-art kollha.

Jien se nuża l-qawwa tiegħi kontrik u ngerbek mill-irdum

U nagħmlek muntanja maħruqa.”

26 “In-nies la se jieħdu minnek ġebla li tintuża fil-kantuniera u lanqas waħda li tintuża fil-pedament,

Għax int se ssir abbandunata għal dejjem,” jgħid Ġeħova.

27 “Għollu arblu bħala sinjal fil-pajjiż.

Doqqu l-qarn fost il-popli.

Agħżlu* popli biex jiġġieldu kontriha.

Sejħu kontriha s-saltniet t’Ararat, taʼ Minni, u t’Askenaż.

Qabbdu uffiċjal tal-armata kontriha.

Tellgħu ż-żwiemel bħal qatgħa ġurati żgħar.

28 Agħżlu popli biex jiġġieldu kontriha:

Ir-rejiet tal-Medja, il-gvernaturi, u l-uffiċjali kollha tagħha,

U l-pajjiżi kollha li qed imexxu fuqhom.

29 U l-art se titheżżeż u titriegħed,

Għax Ġeħova se jagħmel dak li għandu f’moħħu kontra Babilonja,

U l-art taʼ Babilonja se jagħmilha xi ħaġa tal-biżaʼ u ħadd ma jgħix fiha.

30 Il-gwerriera taʼ Babilonja m’għadhomx jiġġieldu.

Qegħdin bilqiegħda fil-fortizzi tagħhom.

M’għadhomx b’saħħithom.

Saru bħal nisa.

Id-djar tagħha ngħataw in-nar.

L-istaneg tagħha ġew imkissrin.

31 Wieħed li jagħti aħbar jiġri biex jiltaqaʼ maʼ ieħor li jagħti aħbar,

Messaġġier jiġri biex jiltaqaʼ maʼ messaġġier ieħor,

Biex jgħidu lir-re taʼ Babilonja li l-belt tiegħu ġiet mirbuħa minn kull naħa,

32 Li l-għadu ħa l-ilmijiet baxxi taħt idejh,

Li d-dgħajjes tal-papiru ngħataw in-nar,

U li s-suldati huma mwerwrin.”

33 Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael:

“Babilonja hi bħal post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*

Wasal iż-żmien li tiġi mgħaffġa sew.

Dalwaqt jasal iż-żmien tal-ħsad għaliha.”

34 “Ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja qeridni;*

Tefagħni f’konfużjoni.

Għamilni bħal reċipjent vojt.

Hu belagħni bħal serp kbir;

Hu mela żaqqu bl-aqwa affarijiet tiegħi.

Lili ramieni ’l hemm.*

35 ‘Jalla l-vjolenza li batejt jien tiġi fuq Babilonja!’ jgħidu n-nies taʼ Sijon.

‘U jalla d-demm tiegħi jkun fuq in-nies tal-Kaldija!’ tgħid Ġerusalemm.”

36 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova:

“Jien qed niddefendi l-kawża legali tiegħek,

U se nagħmel vendetta minnha għalik.

Jien se nnixxef il-baħar u l-bjar tagħha.

37 Babilonja ssir borġ ġebel,

Fejn jgħixu l-klieb slavaġ,

U xi ħaġa tal-biżaʼ u li n-nies ixenglu rashom lejha,*

U ma jgħix ħadd fiha.

38 Huma* kollha flimkien se jgħajtu bħal iljuni b’saħħithom.

Se jgergru bħall-frieħ tal-iljuni.”

39 “Meta jkunu eċċitati, se nagħmlilhom ikla kbira u nġegħelhom jiskru,

Sabiex ikunu jistgħu jifirħu;

Imbagħad huma se jorqdu raqda għal dejjem,

Li ma jqumux minnha,” jgħid Ġeħova.

40 “Se niħodhom għall-qatla bħall-ħrief,

Bħall-imtaten flimkien mal-bdabad.”

41 “Kif inqabdet Sesak,*

Kif inħatfet il-belt li kienet tiġi mfaħħra mid-dinja kollha!

Kemm saret xi ħaġa tal-biżaʼ Babilonja fost il-popli!

42 Il-baħar telaʼ għal fuq Babilonja.

Din tgħattiet bil-ħafna mewġ tiegħu.

43 Il-bliet tagħha saru xi ħaġa tal-biżaʼ, art mingħajr ilma u deżert.

Pajjiż fejn ħadd mhu se jgħix fih jew jgħaddi minnu.

44 Jien se nikkastiga lil Bel f’Babilonja,

U se niħodlu minn ħalqu dak li belaʼ.

Il-popli mhux se jibqgħu jmorru għandu,

U s-sur taʼ Babilonja se jaqaʼ.

45 Poplu tiegħi, oħorġu minn ġo nofsha!

Aħarbu biex issalvaw ħajjitkom, għax jien, Ġeħova, irrabjat ħafna magħha.

46 Taqtgħux qalbkom u tibżgħux dwar l-aħbar li se tisimgħu fil-pajjiż.

Fi żmien sena, se tisimgħu aħbar,

U fis-sena taʼ wara aħbar oħra:

Fil-pajjiż se jkun hemm vjolenza u mexxej kontra ieħor.

47 Għalhekk, ġej iż-żmien

Meta jien se neqred l-istatwi minquxa taʼ Babilonja.

U l-art kollha tagħha se jkollha tistħi,

U n-nies kollha tagħha li jinqatlu se jaqgħu f’nofsha.

48 Is-sema, l-art, u kulma fihom

Se jgħajtu bil-ferħ meta taqaʼ Babilonja,

Għax dawk li se jeqirduha se jiġu mit-Tramuntana,” jgħid Ġeħova.

49 “Babilonja mhux biss qatlet nies minn Iżrael,

Imma fiha ġew maqtulin nies mill-art kollha.

50 Intom li ħlistu mix-xabla, ibqgħu sejrin! Toqogħdux weqfin!

Intom li qegħdin ’il bogħod, ftakru f’Ġeħova,

U jalla taħsbu f’Ġerusalemm.”

51 “Ġejna mġegħlin nistħu, għax ġejna mmaqdrin.

Ġejna umiljati għalkollox,*

Għax il-barranin* ġew kontra l-postijiet qaddisa tad-dar taʼ Ġeħova.”

52 “Għalhekk, ġej iż-żmien meta jien se nikkastiga l-istatwi minquxa tagħha.

U mal-art kollha tagħha, dawk li huma feruti se jibku,” jgħid Ġeħova.

53 “Anki kieku Babilonja kellha titlaʼ fis-sema,

Anki kieku kellha ssaħħaħ il-fortizzi għoljin tagħha,

Xorta se nibgħat għandha lil dawk li se jeqirduha,” jgħid Ġeħova.

54 “Isimgħu! Qed tinstemaʼ għajta ġejja minn Babilonja,

Il-ħoss taʼ diżastru kbir mill-art tal-Kaldin,

55 Għax jien, Ġeħova, qed neqred lil Babilonja,

U se nagħlqilha ħalqha,

U l-ħoss li se jagħmlu l-għedewwa tagħha se jkun bħal mewġ qawwi.

Se jinstemaʼ leħinhom.

56 Għax dak li jeqred se jiġi fuq Babilonja;

Il-gwerriera tagħha se jittieħdu lsiera,

U l-qaws tagħhom se jitkisser

Għax jien, Ġeħova, Alla li nagħti kastig ġust.

Żgur li se nivvendika ruħi minnha.

57 Lill-kapijiet, l-irġiel għorrief, il-gvernaturi, l-uffiċjali,

U l-gwerriera tagħha se nġegħelhom jiskru,

U huma se jorqdu raqda għal dejjem,

Li ma jqumux minnha,” jgħid ir-Re, li ismu hu Ġeħova tal-armati.

58 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:

“Is-sur taʼ Babilonja, għalkemm hu wiesaʼ, se jiġi mwaqqaʼ għalkollox,

U l-bibien tagħha, għalkemm huma għoljin, se jingħataw in-nar.

Il-popli se jitħabtu għalxejn;

U l-ġnus se jegħjew sempliċement biex iżommu n-nar jaqbad.”

59 Jien, il-profeta Ġeremija, tajt dan il-kmand lil Seraja bin Nerija n-neputi taʼ Maħseja meta mar mar-Re Sedekija taʼ Ġuda f’Babilonja fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tiegħu. Seraja kien il-wieħed li jieħu ħsieb l-affarijiet tar-re. 60 Jien, Ġeremija, ktibt fi skroll wieħed id-diżastru kollu li kien se jiġi fuq Babilonja. Dan kollu nkiteb kontra Babilonja. 61 Iktar minn hekk, jien, Ġeremija, għedt lil Seraja: “Meta tasal Babilonja u taraha, għandek taqra b’leħen għoli dan il-kliem kollu. 62 Imbagħad għid, ‘Ġeħova, int għedt li dan il-post se jinqered u ma jibqaʼ ħadd jgħix fih, la bniedem u lanqas annimal, u li se jsir abbandunat għal dejjem.’ 63 U meta tkun qrajt dak kollu li hemm miktub fl-iskroll, orbot ġebla miegħu, u itfgħu f’nofs l-Ewfrat. 64 Imbagħad għid, ‘Hekk għad tegħreq Babilonja u qatt ma terġaʼ titlaʼ minħabba d-diżastru li se nġib fuqha; u n-nies tagħha se jegħjew.’”

Hawn jispiċċa l-kliem li għedt jien, Ġeremija.

52 Sedekija kellu 21 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel Ġeħojakim. 3 Kien minħabba r-rabja taʼ Ġeħova li ġraw dawn l-affarijiet f’Ġerusalemm u Ġuda, sakemm keċċiehom minn quddiem wiċċu. U Sedekija rribella kontra r-re taʼ Babilonja. 4 Fid-disaʼ sena tat-tmexxija taʼ Sedekija, fl-għaxar jum tal-għaxar xahar, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja mar kontra Ġerusalemm bl-armata kollha tiegħu. Huma kkampjaw biex jattakkawha u bnew ħajt tal-assedju mad-dawra kollha tagħha. 5 U l-belt damet assedjata sal-11-il sena tat-tmexxija tar-Re Sedekija.

6 Fid-disaʼ jum tar-rabaʼ xahar, il-ġuħ kien kbir fil-belt u ma kienx hemm ikel għan-nies tal-pajjiż. 7 Fl-aħħar, il-Kaldin għamlu fetħa fis-sur tal-belt, u s-suldati kollha ħarbu mill-belt billejl mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan, li hemm ħdejn il-ġnien tar-re, waqt li l-Kaldin kienu qed idawru l-belt. Huma komplew jaħarbu mit-triq li tagħti għall-Għaraba. 8 Imma l-armata tal-Kaldin marret għal wara r-Re Sedekija, u laħqitu fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko, u s-suldati kollha li kellu miegħu telquh. 9 Imbagħad qabdu lir-re u ħaduh għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla fl-art taʼ Ħamat, u qatagħlu s-sentenza. 10 U r-re taʼ Babilonja qatel lit-tfal taʼ Sedekija quddiem għajnejh stess, u qatel ukoll lill-mexxejja kollha taʼ Ġuda hemm stess f’Ribla. 11 Imbagħad ir-re taʼ Babilonja għama lil Sedekija, rabtu bi ktajjen tar-ram, ħadu f’Babilonja, u żammu fil-ħabs sakemm miet.

12 Fl-għaxar jum tal-ħames xahar, jiġifieri fid-19-il sena tat-tmexxija tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, Nebużaradan ġie Ġerusalemm. Hu kien il-kap tal-gwardji u l-qaddej tar-re taʼ Babilonja. 13 Hu ħaraq id-dar taʼ Ġeħova, il-palazz tar-re, id-djar kollha taʼ Ġerusalemm, u kull dar kbira. 14 L-armata kollha tal-Kaldin li kienet mal-kap tal-gwardji waqqgħu s-swar taʼ madwar Ġerusalemm.

15 Nebużaradan il-kap tal-gwardji ħa fl-eżilju wħud min-nies foqra u lin-nies li kien għad fadal fil-belt. Hu ħa wkoll lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejn ir-re taʼ Babilonja u l-kumplament tan-nies tas-sengħa. 16 Imma Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħalla ftit mill-iktar nies foqra tal-pajjiż biex jieħdu ħsieb id-dwieli u jaħdmu l-għelieqi.

17 Il-Kaldin kissru biċċiet il-kolonni tar-ram tad-dar taʼ Ġeħova. Kissru wkoll il-karrijiet u l-vaska kbira tar-ram li ssemmiet Baħar li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, u ħadu r-ram kollu Babilonja. 18 Ħadu wkoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, u l-għodod kollha tar-ram li kienu jintużaw fit-tempju. 19 Il-kap tal-gwardji ħa l-bwieqi, ir-reċipjenti għall-ġamar, l-iskutelli, ir-reċipjenti għall-irmied, il-gandlieri, it-tazzi, u l-iskutelli, li kienu tad-deheb pur u tal-fidda pura. 20 Tant intuża ram meta r-Re Salamun għamel iż-żewġ kolonni, il-Baħar, it-12-il barri tar-ram taħt il-Baħar, u l-karrijiet għad-dar taʼ Ġeħova li kien impossibbli biex jiġi kkalkulat kemm jiżen.

21 Kull kolonna kienet twila 18-il kubitu,* u d-dawra tagħha kienet 12-il kubitu. Kienet vojta minn ġewwa u l-ħxuna tar-ram tagħha kien daqs erbat iswabaʼ.* 22 Il-parti mżejna taʼ fuq tal-kolonna kienet tar-ram u għolja ħames kubiti, u x-xibka u r-rummien mad-dawra tal-parti mżejna kienu kollha tar-ram. It-tieni kolonna kienet bħalha, anki r-rummien. 23 Kien hemm 96 rummiena mal-ġnub; b’kollox kien hemm 100 rummiena madwar ix-xibka.

24 Il-kap tal-gwardji ħa wkoll lil Seraja l-qassis il-kbir, lil Sofonija l-qassis li jgħin lill-qassis il-kbir, u lit-tliet għassiesa tal-bibien. 25 U mill-belt ħa uffiċjal tal-palazz li kien fuq is-suldati, sebat irġiel li kienu jagħtu l-pariri lir-re, is-segretarju tal-kap tal-armata li kien jagħżel is-suldati għall-armata, u 60 raġel min-nies komuni tal-pajjiż. 26 Imbagħad, Nebużaradan ħadhom għand ir-re taʼ Babilonja f’Ribla. 27 U r-re taʼ Babilonja qatilhom f’Ribla fl-art taʼ Ħamat. B’hekk, in-nies taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.

28 Fis-sebaʼ sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, hu ħa 3,023 Lhudi fl-eżilju.

29 Fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, ittieħdu 832 ruħ minn Ġerusalemm.

30 Fit-23 sena tat-tmexxija taʼ Nebukadnessar, Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħa 745 Lhudi fl-eżilju.

B’kollox ittieħdu 4,600 fl-eżilju.

31 Imbagħad fis-37 sena tal-eżilju tar-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda, fil-25 jum tat-12-il xahar, ir-Re Evil-merodak taʼ Babilonja ħeles* lir-Re Ġeħojakin taʼ Ġuda mill-ħabs. Dan għamlu fis-sena li sar re. 32 Hu kellmu b’qalb tajba u onorah iktar mir-rejiet* l-oħra li kienu miegħu f’Babilonja. 33 Għalhekk, Ġeħojakin neħħa l-ħwejjeġ tal-ħabs, libes ħwejjeġ ġodda, u kiel b’mod regulari mal-mejda tar-re ħajtu kollha. 34 Ir-re taʼ Babilonja baqaʼ jagħtih porzjon taʼ ikel jum wara l-ieħor tul ħajtu kollha, sa dakinhar li miet.

Jistaʼ jfisser “Ġeħova Jgħolli.”

Jew “Għażiltek.”

Jew “qaddistek.”

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “żagħżugħ.”

Letteralment “taʼ xi ħadd imqajjem.”

Bl-Ebrajk hawnhekk hawn logħob bil-kliem: “siġra tal-lewż” (vers 11) u “mqajjem sew” għandhom l-istess għerq tal-kelma.

Letteralment “ħażżem ġenbejk.”

Jew “se jirbħulek.”

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Memfi.”

Letteralment “jieklu mill-qorriegħa taʼ rasek.”

Jiġifieri fergħa tax-Xmara Nil.

Jiġifieri l-Ewfrat.

Jew “il-Mulej Sovran.”

Dan jirreferi għall-karbonat tas-sodju.

Letteralment “Fix-xahar tagħha.”

Letteralment “inħobb lill-barranin.”

Dan iċ-ċinturin kien terħa li l-għarusa kienet tilbes fit-tieġ tagħha.

Jew “erwieħ.”

Jistaʼ jkun li qed jirreferi għal Iżrael.

Jew “li ruħha hi.”

Jew “mal-allat barranin.”

Jew forsi “raġel tagħkom.”

Letteralment “wieħed minn belt u tnejn minn familja.”

Jew “li jogħġbu lil qalbi.”

Jiġifieri nagħtikom wirt li normalment jingħata lit-tfal subien.

Letteralment “tal-armati tal-popli.”

Jew “l-alla tal-mistħija ġab.”

Letteralment “agħmlu ċ-ċirkonċiżjoni f’qalbkom.”

Jew “Ħabbtu fuq sidirkom.”

Jew “ma jibqax kuraġġuż.”

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “meta x-xabla waslet sa ruħna.”

Letteralment “it-tifla tal-poplu tiegħi.” Espressjoni poetika li forsi turi ħniena jew simpatija.

Jiġifieri dawk li joqogħdu għassa mal-belt biex jaraw meta se jattakkaw.

Letteralment “L-imsaren tiegħi.”

Jew “ruħi semgħet.”

Jew forsi “L-għajta tal-gwerra.”

Jew “għorrief.”

Jew “la se jiddispjaċini.”

Qed jirreferi għal Sijon, jew Ġerusalemm.

Jew “kont tagħmel l-eye shadow.”

Jew “ruħi għejiet.”

Letteralment “imma ma ddgħajfux.”

Letteralment “wiċċhom.”

Jiġifieri ma baqgħux sottomessi lejn Alla.

Jew forsi “Hu ma jeżistix.”

Jiġifieri f’ħalq Ġeremija.

Letteralment “Tqaddsu.”

Jew “ruħi titilqek.”

Letteralment “Widnejhom mhux ċirkonċiżi.”

Jew “is-serħan għal ruħkom.”

Jew “l-istruzzjoni.”

Letteralment “It-tifla tal-poplu tiegħi.”

Qed jirreferi għal Ġeremija.

Letteralment “Dawn huma,” qed jirreferi għall-bini sħiħ tat-tempju.

Letteralment “lil dawk bla missier.”

Jew “minn eternità sa eternità.”

Jew “id-duħħan tas-sagrifiċċji.”

Jew “titlobnix bil-ħniena.”

It-titlu t’alla mara li kienu jqimuha l-Iżraelin apostati; jistaʼ jkun li kienet alla mara tal-fertilità.

Jew “joffendu?”

Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “mejlu widnejhom lejja.”

Jew “skont il-pjanijiet tagħhom.”

Jew “ix-xagħar li jirrappreżenta d-dedikazzjoni.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”

Letteralment “l-armata tas-sema.”

Jew “meta jkun żmienha.”

Jew forsi “l-ajrun.”

Jew “l-istruzzjoni.”

Jew “l-iskribi.”

Letteralment “tat-tifla tal-poplu tiegħi.”

Letteralment “It-tifla tal-poplu tiegħi.”

Letteralment “tat-tifla tal-poplu tiegħi.”

Jew “żejt li jfejjaq.”

Jew “tabib?”

Letteralment “it-tifla tal-poplu tiegħi.”

Letteralment “huma adulteri.”

Dan jirreferi għan-nar li jdewweb il-metall biex ineħħi l-ħmieġ minnu.

Letteralment “mat-tifla tal-poplu tiegħi?”

Jew “l-istruzzjoni.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ix-xagħar taʼ ngħashom.”

Letteralment “għandu qalbu mhux ċirkonċiża.”

Jiġifieri scarecrow.

Letteralment “jibżaʼ minnek.”

Vers 11 oriġinalment inkiteb bl-Aramajk.

Jew “il-fwar.”

Jew forsi “jagħmel bibien għax-xita.”

Jew “l-istatwa minn metall imdewweb.”

Letteralment “spirtu.”

Letteralment “Is-Sehem.”

Jiġifieri Ġerusalemm.

Aktarx qed jgħid lil Ġeremija.

Jew “Hekk ikun.”

Letteralment “mejlu widnejhom lejja.”

Jew “id-duħħan tas-sagrifiċċji.”

Jiġifieri Ġuda.

Jiġifieri s-sagrifiċċji li jsiru fit-tempju.

Jew “is-sentimenti.” Letteralment “il-kliewi.”

Jew “il-ħsibijiet tagħhom; is-sentimenti tagħhom.” Letteralment “il-kliewi tagħhom.”

Jew “lill-għaxqa taʼ ruħi.”

Jew forsi “Qed titnikket.”

Jew “Ruħi.”

Jew “lir-reġina omm.”

Jew “magħluqin.”

Letteralment “jiftaħhom.”

Aktarx qed jirreferi għal Ġerusalemm.

Jew “Etjopjan.”

Qed jirreferi għal Ġerusalemm.

Jew “liż-żgħar.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “bil-pesta.”

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Letteralment “it-tifla verġni tal-poplu tiegħi.”

Jew “Ruħek saret.”

Jew forsi “erba’ tipi ta’ ġudizzji.”

Jew forsi “Bqajt timxi b’lura.”

Jew “Inħossni ddispjaċut għalik.”

Tistaʼ tirreferi għal Ġerusalemm.

Jew “Ruħha.”

Jew forsi “U b’hekk ix-xemx qed tħossha.”

Letteralment “Kliemek instab u jien kiltu.”

Jew “Għax imlejtni bir-rabja.”

Jiġifieri Ġeremija.

Jew “se jirbħulek.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Dawn kienu drawwiet pagani li milli jidher kienu jagħmlu l-Iżraelin apostati meta jmut xi ħadd.

Jew “wirtu l-gideb.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew forsi “Għax intom qbadtu bħan-nar fir-rabja tiegħi.”

Jew “il-bniedem b’saħħtu.”

Jew “il-bniedem b’saħħtu.”

Jew forsi “U m’hemmx kura għaliha.”

Jew “is-sentimenti.” Letteralment “il-kliewi.”

Jew “perniċi.”

Letteralment “iħalluni,” milli jidher b’referenza għal Ġeħova.

Letteralment “mejlu widnithom.”

Jew “min-Nofsinhar.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “jiddispjaċini.”

Jew “jiddispjaċini.”

Letteralment “Il-verġni t’Iżrael.”

Jew “id-duħħan tas-sagrifiċċji.”

Jew “li għadhom ma sarux.”

Letteralment “isaffru.”

Jew “l-istruzzjoni.”

Letteralment “insawtuh bi lsienna.”

Jew “joqtlu lil ruħi.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “iżarżru widnejh.”

Letteralment “isaffar.”

Letteralment “lill-armata tas-sema.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “is-sentimenti.” Letteralment “il-kliewi.”

Jew “ruħ il-batut.”

Jew “ġufha jibqaʼ bit-tqala għal dejjem?”

Jew “bʼpesta kbira.”

Jew “Għax jien dawwart wiċċi kontra din il-belt biex inġib diżastru.”

Jew “fil-pjanura l-baxxa.”

Letteralment “lit-tifel bla missier.”

Letteralment “inqaddes.”

Jissejjaħ ukoll Ġeħogħaħaż.

Letteralment “għajnejk u qalbek.”

Milli jidher dan il-kmand hu indirizzat lil Ġerusalemm.

Letteralment “jirgħa.”

Jissejjaħ ukoll Ġeħojakin u Ġekonija.

Letteralment “Art, art, art.”

Letteralment “rimja ġusta.”

Jew “imniġġsin.”

Letteralment “Isaħħu jdejn.”

Jew “qed iġegħlukom tittamaw f’affarijiet li mhux se jiġru.”

Jew “X’inhu l-messaġġ tqil.” Il-kelma Ebrajka fiha żewġ tifsiriet: “messaġġ minn Alla li hu serju” jew “tagħbija letterali.”

Jew “Dan hu l-messaġġ tqil.”

Jew “il-messaġġ tqil.”

Jew “Dan hu l-messaġġ tqil.”

Jissejjaħ ukoll Ġeħojakin u Konija.

Jew forsi “l-bennejja tas-swar.”

Jew “bil-pesta.”

Jew forsi “lin-nies.”

Letteralment “mejjiltu widnitkom.”

Letteralment “isaffru.”

Jew “se nitlob kont mir-re.”

Letteralment “tal-gżira.”

Milli jidher dan hu isem ieħor għal Babel (Babilonja).

Letteralment “xabla.”

Jew forsi “tkellem dwar in-nies.”

Jew “imilu.”

Jew “jiddispjaċini.”

Jew “l-istruzzjoni.”

Jew “jiddispjaċih.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “beżaʼ minn.”

Jew “jiddispjaċih.”

Jew “fuq ruħna.”

Letteralment “lil min hu tajjeb f’għajnejja.”

Jew “bil-pesta.”

Letteralment “inħallih jistrieħ.”

Jiġifieri l-vaska kbira tar-ram tat-tempju.

Jew “Hekk ikun!”

Jew “pesta.”

Jew “ir-reġina omm.”

Jew forsi “il-bennejja tas-swar.”

Jew “il-pesta.”

Jew forsi “mifqugħ.”

Letteralment “isaffrulhom.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “se tkun waħda kbira.”

Jew “l-istranġieri.”

Jew “nikkoreġik.”

Jew forsi “nonorahom.”

Jew “komplejt nurik.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”

Jew “jieħdu lura.”

Jew “tahom affarijiet tajbin.”

Jew “Ruħhom se ssir.”

Jew “Ir-ruħ tal-qassisin se nagħtiha.”

Letteralment “il-ġewwieni tiegħi tqanqal għalih.”

Jew “Poplu t’Iżrael.”

Jew “ir-ruħ dgħajfa.”

Jew forsi “r-raġel tagħhom.”

Letteralment “ġo fihom.”

Jew “il-pjanura l-baxxa.”

Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.

Jiġifieri ħu missierek.

Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”

Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Għandek skopijiet kbar.”

Jew “il-pesta.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”

Letteralment “jibżgħu minni.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “rimja ġusta.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Letteralment “l-armata.”

Jew “dawk li jiġu mill-qaddej.”

Jew “lil dawk li jiġu minn.”

Letteralment “mejlu widnithom.”

Letteralment “illum.”

Jew “mill-pesta.”

Jew “l-għoġol.”

Jew “tal-għoġol.”

Letteralment “Ġonadab,” il-forma mqassra taʼ Ġeħonadab.

Letteralment “Ġonadab,” il-forma mqassra taʼ Ġeħonadab.

Letteralment “mejjiltu widnitkom.”

Letteralment “Ġonadab,” il-forma mqassra taʼ Ġeħonadab.

Jew “l-iskriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Minn nofs Novembru sa nofs Diċembru. Ara App. B15.

Forsi kien membru mill-familja tar-re.

Jew “lid-dixxendenti tiegħu.”

Jissejjaħ ukoll Ġeħojakin u Ġekonija.

Letteralment “tefugħni fid-djar tal-qjud.”

Letteralment “fid-dar tal-ġiebja.”

Jew “bil-pesta.”

Forsi kien membru mill-familja tar-re.

Jew “uffiċjal.”

Jew “L-irġiel li kienu fil-paċi miegħek.”

Jew skont kitba Ebrajka li qasmu l-kliem differenti, “Nergal-sareser, Samgar-nebo, Sarsekim, Rabsaris.”

Jew “il-kap tas-sħaħar (l-astrologu).”

Jew forsi “u ġegħelhom jagħmlu xogħol taʼ bilfors.”

Jew “il-kap tal-uffiċjali tal-palazz.”

Jew “il-kap tas-sħaħar (l-astrologu).”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew forsi “l-għadira l-kbira.”

Jew “se nħossni mdejjaq.”

Jew “tgħixu hemm għal xi żmien.”

Jew “bil-pesta.”

Letteralment “lid-djar.”

Letteralment “fil-paċi.” Jew “mingħajr ma jweġġaʼ.”

Jew “tad-Dar (tat-Tempju) tax-Xemx,” jiġifieri Ħiljopolis.

Jew “Memfi.”

Letteralment “mejjiltu widnitkom.”

Jew “bil-pesta.”

It-titlu t’alla mara li kienu jqimuha l-Iżraelin apostati; jistaʼ jkun li kienet alla mara tal-fertilità.

It-titlu t’alla mara li kienu jqimuha l-Iżraelin apostati; jistaʼ jkun li kienet alla mara tal-fertilità.

It-titlu t’alla mara li kienu jqimuha l-Iżraelin apostati; jistaʼ jkun li kienet alla mara tal-fertilità.

It-titlu t’alla mara li kienu jqimuha l-Iżraelin apostati; jistaʼ jkun li kienet alla mara tal-fertilità.

Jew “tistenna.”

Dawn spiss kienu jintużaw mill-arċieri.

Jew “tal-Mulej Sovran.”

Jew “se jagħmel sagrifiċċju.”

Letteralment “Verġni bint l-Eġittu.”

Jew “Memfi.”

Jew “Ħalla ż-żmien jgħaddi.”

Jiġifieri dak li se jirbaħ lill-Eġittu.

Jew “Memfi.”

Jew forsi “Se ssir art abbandunata.”

Jew “għoġla.”

Jew “għoġġiela.”

Letteralment “Bint l-Eġittu.”

Jiġifieri Tebe.

Jew “nikkoreġik.”

Jiġifieri Kreta.

Jiġifieri se jqaxxru rashom minħabba li huma mdejqin u qed jistħu.

Jew “fil-pjanura l-baxxa.”

Jew “Il-post fl-għoli taʼ sigurtà.”

Jew “Il-pjanura l-baxxa.”

Jew “il-pjanura fl-għoli.”

Jew forsi “fuq art niexfa.”

Jew “il-pjanura fl-għoli.”

Letteralment “Il-qarn.”

Jew “tokrob.”

Jiġifieri flawt li kienu jdoqqu f’funeral.

Letteralment “għad-dell tagħha.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew forsi “tinstemaʼ l-għajta tal-gwerra.”

Jew “taʼ madwarha.”

Letteralment “Bint.”

Jew “bil-pjanuri l-baxxi.”

Jew “Il-Mulej Sovran.”

Letteralment “bla missier.”

Letteralment “riħ.”

Letteralment “mal-irjieħ kollha.”

It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.

Jew “għoġla.”

Letteralment “isaffar.”

Jew “li qed tgħawġu l-qaws.”

Jew “ruħu.”

Jew “il-Mulej Sovran.”

Jew “għoġġiela.”

Jew “il-profeti foloz.”

Jiġifieri ostriches.

Letteralment “Bint.”

Milli jidher dan hu isem għall-Kaldija.

Letteralment “Imma l-art tagħhom.”

Jew forsi “imlew il-barżakki tal-vleġeġ.”

Jew “il-fwar.”

Jew forsi “jagħmel bibien għax-xita.”

Jew “l-istatwa minn metall imdewweb.”

Letteralment “spirtu.”

Letteralment “Is-sehem.”

Jistaʼ jkun qed jirreferi għal Babilonja jew għal Nebukadnessar.

Letteralment “Qaddsu.”

Jew “qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dris; Qiegħa tad-dris.”

Hawnhekk Ġeremija qed jitkellem bħallikieku qed jirrappreżenta lil Ġerusalemm u lil Ġuda.

Jew “neħħieni bl-ilma.”

Letteralment “isaffrulha.”

Jiġifieri n-nies taʼ Babilonja.

Milli jidher dan hu isem ieħor għal Babel (Babilonja).

Letteralment “Wiċċna nkesa bl-umiljazzjoni.”

Jew “l-istranġieri.”

Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.

Ħxuna taʼ subaʼ kien daqs 1.85 ċentimetri. Ara App. B14.

Letteralment “għolla ras.”

Letteralment “tah tron ’il fuq mit-tronijiet tar-rejiet.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja