LAMENTAZZJONIJIET
א [Alef]*
1 Ġerusalemm kienet mimlija nies, imma issa spiċċat waħedha.
Il-belt kienet importanti* fost il-popli, imma saret bħal armla.
Minkejja li kienet prinċipessa fost il-provinċji, hi ġiet imġiegħla tagħmel xogħol taʼ bilfors!
ב [Bet]
2 Hi tibki fuq li tibki matul il-lejl, u d-dmugħ tagħha jċarċar mal-wardiet taʼ wiċċha.
Ħadd mill-maħbubin kollha tagħha mhu qed ifarraġha.
Sħabha kollha ttradewha; saru għedewwa tagħha.
ג [Gimel]
3 Ġuda* ttieħdet fl-eżilju; hi qed tbati u mġiegħla taħdem ħafna bħala lsira.
Hi għandha tgħix fost il-popli; imkien ma tistaʼ tistrieħ.
Dawk kollha li jippersegwitawha laħquha meta ma setgħetx tiddefendi lilha nfisha.
ד [Dalet]
4 Hemm id-dwejjaq fit-toroq li jagħtu għal Sijon, għax ħadd mhu ġej għall-festa.
Il-bibien kollha taʼ Sijon huma mkissrin; il-qassisin tagħha għandhom qalbhom maqsuma.
It-tfajliet* tagħha qed jibku, u hi qed tbati ħafna.
ה [Ħe]
5 L-għedewwa tagħha issa huma s-sidien* tagħha; huma ma jinkwetawx.
Ġeħova ġabilha l-inkwiet minħabba li għamlet ħafna dnubiet.
It-tfal tagħha ttieħdu bħala lsiera mill-għadu.
ו [Waw]
6 Il-belt taʼ Sijon tilfet il-ġmiel kollu tagħha.
Il-mexxejja tagħha huma bħal ċriev li m’għandhomx fejn jirgħaw,
U huma jimxu għajjenin quddiem dak li jrid jaqbadhom.
ז [Żajin]
7 Fiż-żmien meta kienet qed tbati u n-nies tagħha ma kellhomx fejn joqogħdu,
Ġerusalemm tiftakar fl-affarijiet prezzjużi kollha li kellha żmien twil ilu.
Meta l-għadu ħa taħt idejh lin-nies tagħha u ma kellha lil ħadd min jgħinha,
L-għedewwa tagħha rawha u ħadu pjaċir* bil-waqgħa tagħha.
ח [Ħet]
8 Ġerusalemm dinbet bil-kbir.
Hu għalhekk li saret xi ħaġa diżgustanti.
Dawk kollha li kienu jonorawha qed jittrattawha b’diżrispett, għax rawha għarwiena.
Hi mweġġgħa u ddur lura bil-mistħija.
ט [Tet]
9 Il-ħwejjeġ tagħha huma mtebbgħin.
Hi ma ħasbitx dwar il-futur tagħha.
Il-waqgħa tagħha kienet tal-għaġeb; m’hemm ħadd min ifarraġha.
Hi tgħid, “Ġeħova, ara t-tbatija tiegħi, għax l-għadu qed jiftaħar.”
י [Jod]
10 L-għadu ħadilha t-teżori kollha tagħha.
Hi rat popli jidħlu fis-santwarju tagħha,
Dawk li int ikkmandajt li m’għandhomx jidħlu fil-kongregazzjoni tiegħek.
כ [Kaf]
11 In-nies kollha tagħha qed jibku; qed ifittxu l-ħobż.
Huma taw l-affarijiet prezzjużi li kellhom biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu, sempliċiment biex jibqgħu ħajjin.*
Ġeħova, ħares u ara li jien sirt bħal mara* li ma tiswa għal xejn.
ל [Lamed]
12 Intom li tgħaddu minn ħdejn it-triq, mhu xejn dan għalikom?
Ħarsu u araw!
Jaqaw hemm xi wġigħ bħall-uġigħ li ġejt ikkastigata bih jien,
Bħal dak li Ġeħova ġegħelni nbati meta kien irrabjat ħafna?
מ [Mem]
13 Hu bagħat nar mis-sema biex jaħraq kull għadma li għandi.
Firex xibka għal saqajja; ġegħelni ndur lura.
Hu għamilni bħal mara mwarrba.
Il-ħin kollu nħossni ma niflaħx.
נ [Nun]
14 Hu rabat id-dnubiet tiegħi m’għonqi bħal madmad, hu stess rabathom.
Poġġiehom fuq għonqi, u spiċċajt bla saħħa.
Ġeħova tani f’idejn dawk li ma nistax negħleb.
ס [Samek]
15 Ġeħova ħa lill-irġiel b’saħħithom kollha minn ġo nofsi.
Hu ġabar in-nies kontrija biex ifarrak iż-żgħażagħ tiegħi.
Ġeħova għaffeġ lill-verġni bint Ġuda fil-post fejn jintgħasar l-inbid.
ע [Għajn]
16 Qed nibki minħabba dawn l-affarijiet; għajnejja mtlew bid-dmugħ.
Għax kull min jistaʼ jfarraġni jew jgħinni* qiegħed ’il bogħod minni.
It-tfal tiegħi huma mwarrbin, għax l-għadu rebħilna.
פ [Pe]
17 Sijon fetħet idejha biex jgħinuha; m’għandha lil ħadd min ifarraġha.
Ġeħova kkmanda lil dawk kollha li huma madwar Ġakobb biex jaġixxu bħala l-għedewwa tiegħu.
Ġerusalemm saret bħal xi ħaġa diżgustanti għalihom.
צ [Sade]
18 Ġeħova hu ġust f’dak li jagħmel, għax jien irribellajt kontra l-kmandamenti tiegħu.
Isimgħu, intom in-nies kollha, u araw l-uġigħ tiegħi.
It-tfajliet u l-ġuvintur tiegħi marru fl-eżilju.
ק [Kof]
19 Jien għajjatt lill-maħbubin tiegħi, imma huma ttradewni.
Fil-belt, il-qassisin u l-anzjani tiegħi spiċċaw fix-xejn
Waqt li bdew ifittxu għall-ikel biex jibqgħu ħajjin.*
ר [Rex]
20 Ġeħova, ara l-inkwiet kbir li għandi.
Jien iddisprata.*
Qalbi muġugħa, għax jien irribellajt għalkollox.
Barra, ix-xabla qed toqtol it-tfal tiegħi u anki ġewwa d-dar, in-nies qed imutu.
ש [Xin]
21 In-nies semgħu l-biki tiegħi; m’hemm ħadd biex ifarraġni.
L-għedewwa kollha tiegħi semgħu bl-inkwiet tiegħi.
Huma qed jifirħu, għax int ġibt dan fuqi.
Imma se jasal iż-żmien li int tkellimt dwaru meta huma se jsiru bħali.
ת [Taw]
22 Jalla tinduna bil-ħażen kollu tagħhom, u jalla tittrattahom bl-aħrax,
Bħalma ttrattajt lili bl-aħrax minħabba d-dnubiet kollha tiegħi.
Għax jien imdejqa ħafna, u qalbi muġugħa.
א [Alef]
2 Ġeħova għatta bħal sħaba lill-belt taʼ Sijon bir-rabja tiegħu.
Hu tefaʼ s-sbuħija t’Iżrael mis-sema għal fuq l-art.
Hu ma ftakarx fil-banketta għal saqajh fil-ġurnata tar-rabja tiegħu.
ב [Bet]
2 Ġeħova qered il-postijiet fejn jgħix Ġakobb mingħajr ma wera ħniena.
Meta kien irrabjat ħafna, waqqaʼ l-postijiet iffortifikati taʼ Ġuda.*
Hu tefaʼ mal-art lis-saltna u l-mexxejja tagħha u ddiżonorahom.
ג [Gimel]
3 Meta kien irrabjat ħafna, neħħa s-saħħa kollha* t’Iżrael.
Hu ma baqax jipproteġina* meta attakkana l-għadu,
Hu baqaʼ rrabjat ma’ Ġakobb bħal nar li jaħraq dak kollu li hemm madwaru.
ד [Dalet]
4 Bħal għadu, għawweġ il-qaws u lesta idu l-leminija biex jattakkana;
Hu baqaʼ joqtol lil dawk kollha li huma sbieħ fl-għajnejn.
U b’rabja kbira qered it-tinda tal-belt taʼ Sijon, bħalma jeqred in-nar.
ה [Ħe]
5 Ġeħova sar bħal għadu.
Hu qered lil Iżrael.
Hu qered it-torrijiet kollha tagħha;
Hu qered il-postijiet iffortifikati kollha tagħha.
U fil-belt taʼ Ġuda żied ħafna l-biki u n-niket.
ו [Waw]
6 Hu waqqaʼ t-tinda tiegħu, bħal tinda taʼ kenn fi ġnien.
Ġeħova ġab fit-tmiem* il-festa tiegħu.
Hu ġiegħel li l-festa u s-Sabat jintesew f’Sijon,
U meta jkun irrabjat ħafna, ma jurix rispett lir-re u l-qassis.
ז [Żajin]
7 Ġeħova warrab l-artal tiegħu;
Hu stmerr is-santwarju tiegħu.
Hu ħalla l-għedewwa jirbħu s-swar tat-torrijiet iffortifikati tagħha.
Huma għollew leħinhom fid-dar taʼ Ġeħova, bħalma jagħmlu f’ġurnata taʼ festa.
ח [Ħet]
8 Ġeħova ddeċieda li jeqred is-swar tal-belt taʼ Sijon.
Hu kejjel is-swar bil-ħabel tal-kejl.
Ma żammx lura milli jġib qerda.
Hu bħallikieku qed iġiegħel lis-swar u l-ġebel taʼ taħtu jibku.
Dawn saru bla saħħa.
ט [Tet]
9 Il-bibien tagħha ntradmu fl-art.
Hu qered u farrak l-istaneg tagħha.
Ir-re u l-mexxejja tagħha huma eżiljati fost il-popli.
M’hemm ħadd li qed jobdi l-liġi.*
Anki l-profeti tagħha mhumiex jirċievu viżjonijiet minn Ġeħova.
י [Jod]
10 L-anzjani* tal-belt taʼ Sijon qegħdin bilqiegħda mal-art u ma jgħidu xejn.
Huma jitfgħu t-trab fuq rashom u lebsin il-ħwejjeġ tal-ixkora.
It-tfajliet* taʼ Ġerusalemm niżżlu rashom sal-art.
כ [Kaf]
11 Għajnejja ma niflaħhomx daqskemm bkejt.
Jien iddisprat.*
Qalbi vera maqsuma* minħabba l-waqgħa tat-tifla tal-poplu tiegħi,*
Għax it-tfal u t-trabi qed jagħtihom ħass ħażin fil-pjazez tal-belt.
ל [Lamed]
12 Hekk kif jagħtihom ħass ħażin bħal xi ħadd li weġġaʼ fil-pjazez tal-belt,
Hekk kif imutu* bil-mod il-mod f’idejn ommhom,
Jibqgħu jistaqsuha: “Fejn huma ċ-ċereali* u l-inbid?”
מ [Mem]
13 X’eżempju nistaʼ nagħtik?
Jew maʼ xiex nistaʼ nxebbhek, belt taʼ Ġerusalemm?
Maʼ xiex nistaʼ nqabblek biex infarrġek, belt taʼ Sijon?
Għax il-ferita tiegħek kbira daqs il-baħar. Min jistaʼ jfejqek?
נ [Nun]
14 Il-viżjonijiet li raw il-profeti tiegħek kienu foloz u bla sens.
U huma ħallewk tmur fl-eżilju billi ma kixfux l-iżbalji tiegħek,
Imma baqgħu jgħidulek viżjonijiet li huma foloz u li jqarrqu.
ס [Samek]
15 Dawk kollha li jgħaddu mit-triq iċapċpulek biex iwaqqgħuk għaċ-ċajt.
Huma jsaffru bi stagħġib u jxenglu rashom lejn il-belt taʼ Ġerusalemm, u jistaqsu:
“Din hi l-belt li dwarha qalu, ‘Is-sbuħija tagħha hi perfetta u li hi l-ferħ tad-dinja kollha’?”
פ [Pe]
16 L-għedewwa kollha tiegħek fetħu ħalqhom biex jgħaddu ż-żmien bik.
Huma jwaqqgħuk għaċ-ċajt u jheżżu snienhom, u jgħidu: “Aħna qridnieha.
Din hi l-ġurnata li konna qed nistennew. Waslet u rajnieha!”
ע [Għajn]
17 Ġeħova għamel dak li kellu f’moħħu;
Hu wettaq dak li qal, dak li kkmanda żmien twil ilu.
Hu qered mingħajr ħniena.
Hu ħalla l-għadu jifraħ għax rebaħlek; hu żied is-saħħa* tal-għedewwa tiegħek.
צ [Sade]
18 Belt taʼ Sijon,* in-nies tiegħek qed jgħajtu lil Ġeħova minn qalbhom.
Ħalli d-dmugħ tiegħek jibqaʼ nieżel lejl u nhar.
Tistrieħx u tiqafx tibki.
ק [Kof]
19 Qum! Ibki l-lejl kollu.
Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova, int u tibki.
Għolli jdejk ’il fuq biex titolbu għat-tfal tiegħek,
Li qed jagħtihom ħass ħażin f’kull kantuniera tat-triq minħabba l-ġuħ, ħalli jibqgħu jgħixu.
ר [Rex]
20 Ġeħova, ħares lejn in-nies tiegħek li ttrattajt bl-aħrax.
Għandhom in-nisa jibqgħu jieklu t-trabi li jwelldu u t-tfal li rabbew?
Jew għandhom il-qassisin u l-profeti jinqatlu fis-santwarju tiegħek, Ġeħova?
ש [Xin]
21 It-tfal u x-xjuħ huma mejtin fit-toroq.
It-tfajliet u l-ġuvintur tiegħi nqatlu bix-xabla.
Int qtilthom meta kont irrabjat; immassakrajthom mingħajr ħniena.
ת [Taw]
22 Int iġġib twerwir minn kull naħa, bħal meta ssejjaħ in-nies għall-festa.
Fil-ġurnata tar-rabja tiegħek, Ġeħova, ħadd mhu se jeħlisha jew isalva;
L-għadu tiegħi qered għalkollox dawk li jien wellidt u rabbejt.
א [Alef]
3 Jien rajt it-tbatija minħabba li Alla kkastigana meta kien irrabjat ħafna.
2 Hu keċċieni u ġegħelni nimxi fid-dlam, u mhux fid-dawl.
3 Fil-fatt, hu l-ħin kollu kontrija.
ב [Bet]
4 Hu herrieli l-laħam u l-ġilda tiegħi;
Kissirli għadmi.
5 Hu assedjani; dawwarni bil-velenu u t-tbatija.
6 Hu ġegħelni ngħix f’postijiet mudlama, bħal dawk li ilhom mejtin.
ג [Gimel]
7 Hu tellaʼ ħajt madwari biex ma naħrabx;
Hu rabatni bi ktajjen tqal tar-ram.
8 U meta ngħajjat b’mod iddisprat biex jgħinni, hu jirrifjuta* t-talb tiegħi.
9 Hu għalaqli minn fejn ngħaddi b’ġebel maqtugħ bl-għodda;
Hu għamilhieli diffiċli biex nimxi fit-toroq tiegħi.
ד [Dalet]
10 Hu jistenna biex jattakkani bħal ors, bħal iljun li qed jistaħba.
11 Hu ġegħelni noħroġ minn triqti u qattagħni biċċiet.*
Għamilni bħal wieħed abbandunat.
12 Hu għawweġ il-qaws tiegħu u mmira l-vleġġa lejja.
ה [Ħe]
13 Bil-vleġeġ tal-barżakka tiegħu hu niffidli l-kliewi.
14 Għan-nies kollha sirt xi ħaġa tad-daħq, il-ħin kollu jwaqqgħuni għaċ-ċajt fil-kant tagħhom.
15 Hu faqagħni b’ikel morr u ġegħelni nibqaʼ nixrob taħlita bi pjanta morra.
ו [Waw]
16 Hu jkissirli snieni biż-żrar;
Iġegħelni nitmiegħek fl-irmied.
17 Int iċċaħħadni* mill-paċi; insejt x’inhu ferħ.*
18 Allura ngħid: “Il-glorja tiegħi spiċċat fix-xejn, u anki t-tama tiegħi f’Ġeħova.”
ז [Żajin]
19 Ftakar fit-tbatija tiegħi, li m’għandix fejn noqgħod, u li niekol pjanta morra u l-velenu.
20 Int* żgur li se tiftakar fija u titbaxxa biex tgħinni.
21 Jien niftakar f’dan; hu għalhekk li nistenniek bil-paċenzja.*
ח [Ħet]
22 Huwa minħabba l-imħabba u l-lealtà* taʼ Ġeħova li ma nqridniex għalkollox,
Għax il-ħniena tiegħu ma tispiċċa qatt.
23 Kuljum turina l-ħniena; int dejjem taʼ min jafdak.
24 Jien għedt:* “Ġeħova hu s-sehem tiegħi, għalhekk se nistennieh bil-paċenzja.”*
ט [Tet]
25 Ġeħova hu tajjeb maʼ dak li jittama fih, maʼ dak* li jibqaʼ jfittxu.
26 Ikun tajjeb li wieħed jistenna bil-kwiet* biex jiġi salvat minn Ġeħova.
27 Ikun tajjeb meta xi ħadd jesperjenza diffikultà fiż-żgħożija tiegħu.
י [Jod]
28 Ħa joqgħod bilqiegħda waħdu u bil-kwiet meta Alla jippermetti dan.
29 Ħa jinxteħet wiċċu mal-art, forsi għad hemm tama li jiġi salvat.
30 Ħa jersaq lejn min qed jagħtih bil-ħarta; ħa jaċċetta t-tmaqdir kollu.
כ [Kaf]
31 Għax Ġeħova mhux se jwarrabna għal dejjem.
32 Għalkemm ġegħelna nbatu, hu se jurina ħniena wkoll għax għandu ħafna mħabba u lealtà.
33 Għax hu ma jiħux pjaċir iġiegħel lin-nies ibatu u jweġġgħu.
ל [Lamed]
34 Alla ma jiħux pjaċir li wieħed jgħaffeġ taħt saqajh il-priġunieri kollha tal-art,
35 Li wieħed ma jagħmilx il-ġustizzja maʼ xi ħadd quddiem l-Iktar Għoli,
36 U li wieħed iqarraq b’xi ħadd fil-kawża legali tiegħu.
Ġeħova ma jittollerahomx dawn l-affarijiet.
מ [Mem]
37 Ħadd ma jistaʼ jgħid xi ħaġa u jġegħelha tiġri, jekk ma jikkmandahiex Ġeħova li ssir.
38 L-Iktar Għoli jgħid affarijiet tajbin biss,
Mhux affarijiet ħżiena.
39 Għala xi ħadd għandu jgerger minħabba l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu?
נ [Nun]
40 Ejjew neżaminaw u naħsbu sew dwar kif qed ngħixu, u ejja nerġgħu lura għand Ġeħova.
41 Ejja nitolbu lil Alla li hu fis-sema b’qalb sinċiera u b’idejna ’l fuq:
42 “Aħna dnibna u rribellajna, u int ma ħfirtilniex.
ס [Samek]
43 Int irrabjajt u ma ħallejtniex nersqu lejk;
Int ġrejt warajna u qtiltna mingħajr ħniena.
44 Int għamilt sħaba biex ma nkunux nistgħu nersqu lejk, u b’hekk it-talb tagħna ma jasalx għandek.
45 Fost il-popli, int tagħmilna bħal ħmieġ u skart.”
פ [Pe]
46 L-għedewwa kollha tagħna jitkellmu kontrina.
47 Aħna dejjem nibżgħu u maqbudin f’nassa, aħna abbandunati u qegħdin f’rovina.
48 Id-dmugħ nieżel minn għajnejja bħal xmara minħabba li l-poplu tiegħi* qiegħed f’rovina.
ע [Għajn]
51 Jien qed inbati* meta nara x’inhu jiġri lill-bniet kollha tal-belt tiegħi.
צ [Sade]
52 L-għedewwa tiegħi kkaċċjawni bħal għasfur għalxejn b’xejn.
53 Huma pprovaw joqtluni billi tefgħuni fil-ħofra; huma baqgħu jitfgħuli l-ġebel.
54 L-ilmijiet għattewli rasi, u jien għedt: “Żgur se mmut!”
ק [Kof]
55 Ġeħova, jien għajjattlek għall-għajnuna minn qiegħ il-ħofra billi użajt ismek.
56 Ismagħni; tagħlaqx widnejk meta nitolbok biex tgħinni u teħlisni.
57 Int ġejt qrib tiegħi meta għajjattlek, u għedtli: “Tibżax.”
ר [Rex]
58 Ġeħova, int qbiżt għalija* u salvajtli ħajti.
59 Ġeħova, int rajt il-ħsara li għamluli. Jekk jogħġbok, iġġudikani b’ġustizzja.
60 Int rajt il-vendetta kollha tagħhom, dak kollu li ppjanaw kontrija.
ש [Sin] jew [Xin]
61 Ġeħova, int smajt kemm għajruni, dak kollu li ppjanaw kontrija.
62 L-għedewwa tiegħi l-ħin kollu jippjanaw bil-moħbi kontrija.
63 Arahom; jekk bilqiegħda jew bilwieqfa, huma jkantaw biex jgħaddu ż-żmien bija.
ת [Taw]
64 Ġeħova, int se tpattihielhom skont dak li għamlu.
65 Int se tisħithom billi twebbsilhom rashom.
66 Ġeħova, meta tkun irrabjat, int se tiġri warajhom u teqridhom għalkollox minn fuq l-art.
א [Alef]
4 Id-deheb li kien ileqq, id-deheb fin, m’għadux ileqq.
Il-ġebel tas-santwarju qiegħed imxerred fil-kantunieri kollha tat-toroq!
ב [Bet]
2 In-nies prezzjużi taʼ Sijon, li kienu prezzjużi daqs deheb irfinut,
Ġew meqjusin bħal ġarar tal-fuħħar,
Bħax-xogħol taʼ xi ħadd li jagħmel il-fuħħar.
ג [Gimel]
3 Anki l-klieb slavaġ ireddgħu ż-żgħar tagħhom,
Imma l-poplu tiegħi sar kattiv, bħan-ngħam* fid-deżert.
ד [Dalet]
4 L-ilsien tat-trabi jeħel mas-saqaf taʼ ħalqhom minħabba li huma bil-għatx.
It-tfal jittallbu għall-ħobż, imma ħadd ma jagħtihom.
ה [Ħe]
5 Dawk li kienu mdorrijin jieklu tajjeb, qegħdin fit-toroq bil-ġuħ.*
Dawk li trabbew jilbsu ħwejjeġ jiswew il-flus,* qegħdin fil-gzuz tal-irmied.
ו [Waw]
6 Il-kastig* tal-poplu tiegħi hu akbar mill-kastig għad-dnub taʼ Sodoma,
Li ntrebħet f’daqqa waħda u ma kien hemm ħadd jgħinha.
ז [Żajin]
7 In-Nażiriti taʼ Sijon kienu iktar puri mill-borra u iktar bojod mill-ħalib.
Huma kienu iktar ħomor mill-korall u jleqqu bħaż-żaffir.
ח [Ħet]
8 Id-dehra tagħhom saret iktar skura mis-swidija;
Ma jintgħarfux fit-toroq.
Saru għadma u ġilda; il-ġilda tagħhom saret qisha njama niexfa.
ט [Tet]
9 Dawk li nqatlu bix-xabla huma aħjar minn dawk li mietu bil-ġuħ.
Aħjar minn dawk li spiċċaw fix-xejn u li bħallikieku ġew minfudin,
Għax ma kellhomx prodotti fl-għelieqi.
י [Jod]
10 In-nisa li qabel kienu juru ħniena sajru lit-tfal tagħhom stess.
Dawn saru l-ikel tagħhom meta l-poplu tiegħi kien qiegħed f’rovina.
כ [Kaf]
11 Ġeħova wera l-korla tiegħu.
Hu ferraʼ r-rabja kbira tiegħu.
U qabbad nar f’Sijon li jaħraq il-pedamenti tagħha.
ל [Lamed]
12 Ir-rejiet tal-art u n-nies kollha tagħhom m’emmnux
Li l-avversarju u l-għadu kienu se jidħlu mill-bibien taʼ Ġerusalemm.
מ [Mem]
13 Dan ġara minħabba d-dnubiet tal-profeti tagħha, l-iżbalji tal-qassisin tagħha,
Li qatlu nies ġusti f’nofsha.
נ [Nun]
14 Huma ġġerrew fit-toroq bħal xi ħadd li ma jarax.
Huma mċappsin bid-demm,
U b’hekk ħadd ma jistaʼ jmiss il-ħwejjeġ tagħhom.
ס [Samek]
15 In-nies jgħidu lill-profeti u l-qassisin:
“Itilqu ’l hemm! M’intomx nodfa!” Itilqu ’l hemm! Itilqu ’l hemm! Tmissuniex!”
Għax huma m’għandhomx fejn joqogħdu u jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn.
In-nies tal-popli jgħidu: “Ma jistgħux joqogħdu magħna.*
פ [Pe]
16 Ġeħova xerridhom.
Hu mhux se jibqaʼ jħares lejhom b’approvazzjoni.
In-nies mhux se juru rispett lejn il-qassisin u lanqas se jħennu għall-anzjani.”*
ע [Għajn]
17 Għadna s’issa nħossu għajnejna għajjenin daqskemm fittixna għalxejn biex xi ħadd jgħinna.
Bqajna nfittxu l-għajnuna mingħand poplu li ma setax isalvana.
צ [Sade]
18 L-għedewwa kkaċċjawna maʼ kull pass li għamilna, tant li lanqas stajna nimxu fil-pjazez tagħna.
It-tmiem tagħna hu qrib. Jiemna spiċċaw, għax wasal it-tmiem tagħna.
ק [Kof]
19 Dawk li jiġru warajna kienu iktar ħfief mill-ajkli.
Huma ġrew warajna fuq il-muntanji; huma staħbew biex jattakkawna fid-deżert.
ר [Rex]
20 In-nifs tagħna, il-magħżul taʼ Ġeħova, inqabad fil-ħofra kbira tagħhom,
Il-wieħed li dwaru għedna: “Se ngħixu fost il-popli bil-protezzjoni* tiegħu.”
ש [Sin]
21 Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, nies t’Edom, intom li qed tgħixu fl-art t’Uż.
Imma anki lilkom se tingħata t-tazza, u intom se tiskru u jarawkom għarwenin.
ת [Taw]
22 Nies t’Edom, Alla se jitlob kont tal-iżbalji tagħkom.
Hu se jikxef id-dnubiet tagħkom.
Belt taʼ Sijon, il-kastig għall-iżball tiegħek wasal fi tmiemu.
Hu mhux se jerġaʼ jieħdok fl-eżilju.
5 Ġeħova, ftakar xi ġralna.
Ħares u ara d-diżunur tagħna.
2 Il-wirt tagħna ngħata lill-istranġieri, u d-djar tagħna lill-barranin.
3 Aħna sirna orfni mingħajr missier. Ommijietna saru bħar-romol.
4 Irridu nħallsu biex nixorbu l-ilma tagħna stess, u l-injam tagħna rridu nixtruh.
5 Dawk li qed jiġru warajna huma viċin ħafna tagħna;
Aħna għajjenin, imma mhux qed iħalluna nistrieħu.
6 Aħna fdajna fl-Eġittu u l-Assirja biex ikollna biżżejjed x’nieklu.
7 Missirijietna dinbu. Huma m’għadhomx iktar magħna, imma aħna qed inġorru l-iżbalji tagħhom bħala tagħbija.
8 Issa, qaddejja qed imexxu fuqna; m’hemm ħadd li jeħlisna minn taħt idejhom.
9 Minħabba x-xabla fid-deżert, aħna qed nissograw ħajjitna biex inġibu l-ħobż.
10 Minħabba l-ġuħ li batejna, telgħalna d-deni u l-ġilda tagħna saret taħraq bħal forn.
11 Huma umiljaw* lin-nisa miżżewġin tagħna f’Sijon, u lit-tfajliet* fil-bliet taʼ Ġuda.
12 Lill-mexxejja dendluhom minn idhom u ma wrewx rispett lejn l-anzjani.
13 Il-ġuvintur iġorru l-mitħna tal-idejn, u s-subien jaqgħu minħabba t-toqol tal-injam li qed iġorru.
14 M’għadx hemm anzjani f’bieb il-belt; il-ġuvintur m’għadhomx idoqqu l-mużika.
15 M’għadniex ferħanin; minflok niżfnu, inħossuna mdejqin.
16 Il-kuruna waqgħet minn fuq rasna. Ħażin għalina, għax aħna dnibna!
17 Minħabba f’hekk, qalbna muġugħa,
U minħabba dawn l-affarijiet li m’għadniex naraw sew.
18 Minħabba li l-Muntanja Sijon hi abbandunata, issa hemm il-volpijiet jiġġerrew fuqha.
19 Imma int, Ġeħova, qiegħed fuq it-tron għal dejjem.
It-tron tiegħek se jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra.
20 Għala se tinsiena għal dejjem u tabbandunana għal żmien twil?
21 Ġeħova, erġaʼ ressaqna lejk, u aħna se nkunu lesti li niġu mill-ewwel.
Ħa jerġaʼ jkollna żmien bħal dak taʼ qabel.
22 Madankollu, int warrabtna għalkollox.
Int għadek irrabjat ħafna magħna.
L-ewwel erbaʼ kapitli huma għanjiet taʼ swied il-qalb skont l-alfabett Ebrajk.
Jew “mimlija nies.”
Ġuda qed jitqabbel maʼ mara.
Letteralment “Il-verġni.”
Letteralment “il-kap.”
Jew “daħqu.”
Jew “biex jieħdu r-ruħ.”
Hawnhekk qed jirreferi għal Ġerusalemm.
Jew “jgħinni nieħu r-ruħ.”
Jew “biex jieħdu r-ruħ.”
Letteralment “L-imsaren tiegħi mqallbin.”
Letteralment “bint Ġuda.”
Letteralment “qaċċat kull qarn.”
Letteralment “Hu neħħa idu l-leminija.”
Jew “qered.”
Jew “l-istruzzjoni.”
Letteralment “Il-verġni.”
Letteralment “L-imsaren tiegħi mqallbin.”
Letteralment “Fwiedi xxerred mal-art.”
“It-tifla tal-poplu tiegħi” hi espressjoni poetika li forsi turi ħniena jew simpatija.
Jew “ruħhom tmut.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “il-qarn.”
Letteralment “Sur taʼ bint Sijon.”
Jew “ifixkel; ma jilqax.”
Jew forsi “ġabni ma niswa xejn.”
Jew “iċċaħħad lil ruħi.”
Letteralment “tajjeb.”
Jew “Ruħek.”
Jew “b’attitudni xierqa.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “Ruħi qalet.”
Jew “b’attitudni xierqa.”
Jew “mar-ruħ.”
Jew “jistenna bil-paċenzja.”
Letteralment “it-tifla tal-poplu tiegħi.”
Jew “Ruħi qed tbati.”
Jew “iddefendejt il-kawża taʼ ruħi.”
Jiġifieri ostriches.
Letteralment “abbandunati.”
Jew “ħwejjeġ ħomor.”
Letteralment “L-iżball.”
Jew “jgħixu hawn bħala barranin.”
Letteralment “fid-dell.”
Jew “stupraw.”
Letteralment “lill-verġni.”