L-AĦBAR TAJBA SKONT ĠWANNI
1 Fil-bidu kien hemm wieħed li jissejjaħ il-Kelma,* u l-Kelma kien m’Alla u l-Kelma kien alla.* 2 Dan kien m’Alla fil-bidu. 3 Kollox beda jeżisti permezz tiegħu, u mingħajru lanqas ħaġa waħda ma kienet teżisti.
4 Il-ħajja bdiet teżisti permezz tiegħu, u l-ħajja tiegħu hi d-dawl tal-bnedmin. 5 U d-dawl qed jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma rebaħlux.
6 Kien hemm raġel jismu Ġwanni li ntbagħat biex jirrappreżenta lil Alla. 7 Dan ir-raġel ġie biex jagħti xhieda lin-nies dwar id-dawl, ħalli kull tip taʼ nies jemmnu minħabba dak li qal. 8 Ġwanni ma kienx dan id-dawl, imma kellu jagħti xhieda dwaru.
9 Id-dawl veru li jagħti d-dawl lil kull tip taʼ nies kien se jiġi dalwaqt fid-dinja. 10 Hu kien fid-dinja, u d-dinja bdiet teżisti permezz tiegħu, imma n-nies tad-dinja ma kinux jafuh. 11 Hu mar għand niesu stess, imma m’aċċettawhx. 12 Madankollu, lil dawk kollha li aċċettawh, hu tahom id-dritt li jsiru t-tfal t’Alla, għax dawn kienu qed juru fidi f’ismu. 13 Huma ma twildux mill-bnedmin* jew bis-saħħa taʼ xi bniedem jew missier, imma minn Alla.
14 Għalhekk dak li jissejjaħ il-Kelma sar bniedem u għex fostna. Aħna rajna l-glorja tiegħu, glorja bħal dik li l-uniku tifel jirċievi mingħand missieru. Hu dejjem kellu l-approvazzjoni t’Alla* u għallem il-verità. 15 (Ġwanni ta xhieda dwaru. Hu qal b’leħen għoli: “Dan hu l-wieħed li dwaru għedt, ‘Dak li ġej warajja għaddieni, għax hu eżista qabli.’”) 16 Ilkoll kemm aħna ntwerejna qalb tajba kbira mingħand Alla, għax hu dejjem juri qalb tajba kbira. 17 Hu tana l-Liġi permezz taʼ Mosè, imma hu wriena x’inhuma l-qalb tajba kbira u l-verità permezz taʼ Ġesù Kristu. 18 L-ebda bniedem ma ra lil Alla, imma l-alla li hu l-uniku iben* u li qiegħed maġenb il-Missier* spjega min hu.
19 Meta l-Lhud bagħtu xi qassisin u Leviti minn Ġerusalemm biex jistaqsu lil Ġwanni min kien, 20 hu ma evitax il-mistoqsija imma ammetta li ma kienx il-Kristu. 21 Huma staqsewh: “Mela min int? Elija?” Wiġibhom: “Le m’iniex.” Imbagħad staqsewh: “Int il-Profeta?” U wiġibhom: “Le!” 22 Għalhekk qalulu: “Min int? Għidilna ħalli nkunu nistgħu nwieġbu lil dawk li bagħtuna. Għidilna dwarek.” 23 Hu qal: “Jien dak li qed ngħajjat fid-deżert, ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova,’* bħalma qal il-profeta Isaija.” 24 Issa dawn in-nies li kienu qed jistaqsuh intbagħtu mill-Fariżej. 25 Għalhekk staqsewh: “Allura għala tgħammed lin-nies jekk m’intix il-Kristu, Elija, jew il-Profeta?” 26 Ġwanni wiġibhom: “Jien ngħammed fl-ilma. Hemm wieħed f’nofskom li intom ma tafuhx, 27 dak li ġej warajja, li jien lanqas biss jixraqli nħoll il-lazz tas-sandli tiegħu.” 28 Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed.
29 L-għada, hu ra lil Ġesù riesaq lejh u qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja! 30 Dan hu l-wieħed li dwaru għedt: ‘Warajja ġej wieħed li għaddieni, għax hu eżista qabli.ʼ 31 Lanqas jien ma kont nafu, imma jien qed ngħammed fl-ilma biex Iżrael ikun jaf min hu.” 32 Ukoll, Ġwanni kkonferma dan billi qal: “Jien rajt l-ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-sema u baqaʼ fuqu. 33 Lanqas jien ma kont nafu, imma Dak li bagħatni ngħammed fl-ilma qalli: ‘Dak li jinżel fuqu l-ispirtu u jibqaʼ fuqu, hu l-wieħed li jgħammed bl-ispirtu qaddis.’ 34 Jien rajtu dan, u tajt xhieda li hu l-Iben t’Alla.”
35 L-għada, Ġwanni reġaʼ kien maʼ tnejn mid-dixxipli tiegħu 36 u xħin ra lil Ġesù għaddej, qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla!” 37 Meta ż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid hekk, marru wara Ġesù. 38 Imbagħad Ġesù dar, u peress li rahom mexjin warajh, qalilhom: “X’qed tfittxu?” Huma qalulu: “Rabbi (li meta jiġi tradott ifisser “Għalliem”), fejn qed toqgħod?” 39 Hu qalilhom: “Ejjew u taraw.” Huma marru u raw fejn kien qed joqgħod xi l-erbgħa taʼ waranofsinhar.* Dakinhar qagħdu miegħu. 40 Indrì, ħu Xmun Pietru, kien wieħed minn dawn it-tnejn li semgħu dak li qal Ġwanni u marru wara Ġesù. 41 Hu mill-ewwel mar ifittex lil ħuh Xmun u qallu: “Sibna lill-Messija” (li meta jiġi tradott ifisser Kristu). 42 Hu ħadu għand Ġesù. Meta Ġesù rah, qallu: “Xmun bin Ġwanni, mil-lum se nibdew ngħajtulek Kefa” (li jiġi tradott Pietru).
43 L-għada, Ġesù ried jitlaq lejn il-Galilija. Hu sab lil Filippu u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.” 44 Filippu kien minn Betsajda, minn fejn kienu Indrì u Pietru. 45 Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil Ġesù t-tifel taʼ Ġużeppi minn Nazaret, li l-Liġi taʼ Mosè u l-kitbiet tal-profeti jitkellmu dwaru.” 46 Imma Natanjel staqsieh: “Tistaʼ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” Filippu wieġbu: “Ejja u ara.” 47 Meta Ġesù ra lil Natanjel sejjer lejh, qal dwaru: “Ara, Iżraeli fil-veru sens tal-kelma, li m’hemm ebda qerq fih.” 48 Natanjel qallu: “Kif tafni?” Ġesù wieġbu: “Qabel ma Filippu għajjatlek, jien rajtek taħt is-siġra tat-tin.” 49 Natanjel qallu: “Rabbi, int l-Iben t’Alla, int ir-Re t’Iżrael.” 50 Ġesù wieġbu: “Qed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Int se tara iktar affarijiet tal-għaġeb.” 51 Imbagħad hu qal: “Naċċertakom ilkoll li se taraw is-sema miftuħa u l-anġli t’Alla neżlin għandi, Bin il-Bniedem, u telgħin lura.”
2 Jumejn wara kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. 2 Anki Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu mistidnin għat-tieġ.
3 Meta l-inbid kien kważi spiċċa, omm Ġesù qaltlu: “M’għandhomx inbid.” 4 Imma Ġesù qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu?* Għadu ma wasalx iż-żmien biex nuri min jien.” 5 Lil dawk li kienu qed iservu, ommu qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom.” 6 Hemmhekk kien hemm sitt ġarar tal-ġebel għall-ilma skont ir-regola tal-Lhud biex jaħslu jdejhom qabel jieklu. Kull waħda kienet tesaʼ żewġ jew tliet metreti.* 7 Ġesù qalilhom: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U huma mlewhom sa fuq. 8 Imbagħad qalilhom: “Ħudu ftit minnu u agħtuh lil dak li qed jieħu ħsieb it-tieġ.” U hekk għamlu. 9 Dak li kien qed jieħu ħsieb it-tieġ daq l-ilma li kien inbidel fi nbid. Hu ma kienx jaf minn fejn ġie l-inbid, imma dawk li tawhulu kienu jafu. Imbagħad għajjat lill-għarus 10 u qallu: “Kulħadd joħroġ l-aħjar inbid l-ewwel, u meta n-nies ikunu fis-sakra, joħroġ dak li jkun inqas tajjeb. Imma int żammejt l-aħjar inbid għal issa.” 11 Ġesù għamel l-ewwel miraklu f’Kana tal-Galilija. B’hekk hu wera l-qawwa tiegħu, u d-dixxipli tiegħu beda jkollhom fidi fih.
12 Wara dan, hu, ommu, ħutu, u d-dixxipli tiegħu niżlu Kafarnahum, imma ma damux hemm.
13 Issa kien wasal iż-żmien biex il-Lhud jiċċelebraw il-Qbiż, u Ġesù telaʼ Ġerusalemm. 14 Fit-tempju sab nies ibigħu l-baqar, in-nagħaġ, u l-ħamiem, u kien hemm dawk li jsarrfu l-flus bilqiegħda mal-mejda tagħhom. 15 Wara li għamel frosta bil-ħbula, hu keċċa mit-tempju lil dawk kollha li kellhom in-nagħaġ u l-baqar, u tefaʼ mal-art il-muniti taʼ dawk li kienu qed isarrfu l-flus u qalbilhom l-imwejjed. 16 U lil dawk li kienu qed ibigħu l-ħamiem, qalilhom: “Neħħuhom minn hawn! Tibqgħux tagħmlu negozju fid-dar taʼ Missieri!” 17 Id-dixxipli tiegħu ftakru li fl-Iskrittura hemm miktub: “Iż-żelu għad-dar tiegħek hu bħal nar jaqbad ġo fija.”
18 Għalhekk il-Lhud qalulu: “Agħmlilna miraklu biex turi li għandek id-dritt tagħmel dawn l-affarijiet.” 19 Ġesù wiġibhom: “Waqqgħu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġaʼ ntellgħu.” 20 Imbagħad il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju nbena f’46 sena, u int se ttellgħu fi tlett ijiem?” 21 Imma meta semma t-tempju, hu kien qed jirreferi għall-ġisem tiegħu. 22 U meta ġie mqajjem mill-mewt, id-dixxipli tiegħu ftakru li kien jgħid hekk, u huma emmnu l-Iskrittura u dak li kien qal Ġesù.
23 Madankollu, meta kien f’Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż, ħafna nies beda jkollhom fidi fih* xħin raw il-mirakli li kien qed jagħmel. 24 Imma Ġesù ma kienx jafdahom għalkollox għax kien jafhom kollha 25 u ma kellu bżonn lil ħadd biex jgħidlu kif jaħsbuha n-nies, għax hu kien jaf x’hemm f’qalb il-bniedem.
3 Issa kien hemm Fariżew jismu Nikodemu, li kien mexxej tal-Lhud. 2 Dan mar għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi,* aħna nafu li Alla bagħtek bħala għalliem, għax ħadd ma jistaʼ jagħmel dawn il-mirakli li qed tagħmel int kieku Alla ma jkunx miegħu.” 3 Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jerġax jitwieled mill-ġdid,* hu ma jistax jidħol fis-Saltna t’Alla.”* 4 Nikodemu qallu: “Kif jistaʼ raġel jitwieled meta jkun xjaħ? Ħadd ma jistaʼ jerġaʼ jidħol f’żaqq ommu u jitwieled, hux hekk?” 5 Ġesù wieġbu: “Naċċertak li jekk xi ħadd ma jitgħammidx bl-ilma u ma jirċivix l-ispirtu t’Alla u jitwieled,* ma jistax jidħol fis-Saltna t’Alla. 6 Dawk li jitwieldu mill-bnedmin huma tal-art, imma dawk li jintgħażlu mill-ispirtu qaddis huma tas-sema. 7 Tistagħġibx għax għedtlek li għandkom terġgħu titwieldu. 8 Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tismaʼ l-ħoss tiegħu, imma ma tkunx taf minn fejn ġej u fejn sejjer. B’mod simili, int ma tistax tifhem kif xi ħadd jitwieled mill-ispirtu.”
9 Nikodemu wieġbu: “Kif jistaʼ jkun dan?” 10 Ġesù qallu: “Int għalliem f’Iżrael u ma tafx dawn l-affarijiet? 11 Naċċertak li aħna nitkellmu dwar dak li nafu u nagħtu xhieda dwar dak li rajna, imma intom ma taċċettawx ix-xhieda li nagħtu. 12 Jekk kellimtkom dwar l-affarijiet li huma fuq l-art u intom xorta m’emmintunix, kif se temmnuni meta nkellimkom dwar l-affarijiet li huma fis-sema? 13 Iktar minn hekk, ebda bniedem ma kien* fis-sema ħlief jien, Bin il-bniedem, li nżilt mis-sema. 14 U bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert, jien, Bin il-bniedem, se nitgħolla min-nies 15 biex kull min jemmen fija jkun jistaʼ jgħix għal dejjem.
16 “Għax Alla tant ħabb lid-dinja li ta lili, l-uniku Iben* tiegħu, biex kull min juri fidi fija ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem. 17 Għax Alla ma bagħatx lili, Ibnu, fid-dinja biex niġġudika d-dinja, imma biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħi. 18 Kull min juri fidi fija mhux se jiġi ġġudikat, imma kull min ma jurix fidi diġà ġie ġġudikat, għax ma jkunx wera fidi f’ismi, l-uniku Iben* t’Alla. 19 Id-dawl ġie fid-dinja, imma minflok ma ħabbew id-dawl, in-nies ħabbew id-dlam, għax huma jagħmlu l-ħażin. Hu għalhekk li se jiġu kkundannati. 20 Għax dak li jagħmel il-ħażin jobgħod id-dawl u ma jmurx fih, ħalli d-dawl ma jkunx jistaʼ jikxef il-ħażen li qed jagħmel. 21 Imma kull min jagħmel dak li hu tajjeb imur fid-dawl, ħalli kulma jagħmel ikun jidher ċar li hu fi qbil maʼ dak li jrid Alla.”
22 Wara, Ġesù u d-dixxipli tiegħu marru fil-kampanja tal-Lhudija. Hemmhekk hu qattaʼ l-ħin magħhom u għammed lin-nies. 23 Imma anki Ġwanni kien qed jgħammed. Hu kien qiegħed f’Għajnun qrib Salim fejn kien hemm għadira kbira. In-nies baqgħu jmorru jitgħammdu għandu, 24 għax kien għadu ma ġiex mitfugħ il-ħabs.
25 Id-dixxipli taʼ Ġwanni kellhom argument maʼ Lhudi dwar kif ikunu nodfa f’għajnejn Alla.* 26 Wara, huma marru għand Ġwanni u qalulu: “Rabbi, ir-raġel li kien miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, li int tajt xhieda dwaru, qiegħed jgħammed lin-nies. Kulħadd qed imur għandu.” 27 Ġwanni wieġeb: “Bniedem ma jistaʼ jkollu xejn jekk ma jirċivihx mingħand Alla. 28 Intom stess xhieda li jien għedt, ‘M’iniex il-Kristu, imma jien intbgħatt qablu.’ 29 L-għarusa hi tal-għarus. Imma l-ħabib tal-għarus, meta joqgħod ħdejh u jisimgħu jitkellem, ikun ferħan ħafna. Bl-istess mod, jien vera ferħan. 30 Id-dixxipli tiegħu se jkomplu jiżdiedu, imma tiegħi jonqsu.”
31 Dak li jiġi minn fuq hu fuq kulħadd. Dak li jiġi mill-art jitkellem dwar affarijiet li huma fuq l-art, għax hu mill-art ġej. Dak li jiġi mis-sema hu fuq kulħadd. 32 Hu jagħti xhieda dwar dak li ra u semaʼ, imma ħadd ma jaċċetta dak li jgħid. 33 Kull min aċċetta dak li qal jemmen b’qalbu kollha* li Alla hu veru. 34 Għax dak li ntbagħat minn Alla jgħid il-kliem t’Alla, għax Hu jagħti l-ispirtu qaddis b’mod ġeneruż. 35 Il-Missier iħobbu lill-Iben u ħalla kollox f’idejh. 36 Min juri fidi fl-Iben ikollu l-ħajja taʼ dejjem, imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jkollu l-ħajja taʼ dejjem u Alla se jibqaʼ rrabjat miegħu.
4 Meta l-Mulej induna li l-Fariżej saru jafu li qed ikollu iktar dixxipli u jgħammed iktar nies minn Ġwanni, 2 (għalkemm kienu d-dixxipli tiegħu li qed jgħammdu n-nies u mhux hu) 3 hu telaq mil-Lhudija u reġaʼ mar il-Galilija. 4 Imma hu kellu jgħaddi mis-Samarija 5 u wasal f’belt tas-Samarija jisimha Sikar, viċin l-għalqa li Ġakobb kien ta lit-tifel tiegħu Ġużeppi. 6 Fil-fatt, f’dan il-post kien hemm il-bir taʼ Ġakobb. Issa Ġesù, peress li kien għajjien mill-vjaġġ, poġġa ħdejn il-bir.* Il-ħin kien madwar nofsinhar.*
7 U marret mara mis-Samarija biex ittellaʼ l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini ftit ilma.” 8 (Għax id-dixxipli tiegħu kienu marru jixtru l-ikel mill-belt.) 9 Allura s-Samaritana staqsietu: “Kif qed titlob lili nagħtik l-ilma meta int Lhudi u jien mara Samaritana?” (Għax il-Lhud ma jagħmluhiex mas-Samaritani.) 10 Ġesù wiġibha: “Kieku kont taf bir-rigal b’xejn li qed jagħti Alla u min hu dak li qed jitolbok ftit ilma, kont tistaqsih int biex jagħtik x’tixrob u hu kien jagħtik ilma li jagħti l-ħajja.” 11 Hi qaltlu: “Sinjur, lanqas biss għandek barmil biex ittellaʼ l-ilma, u l-bir hu fond. Mela minn fejn se ġġibu l-ilma li jagħti l-ħajja? 12 Int m’intix aħjar mill-antenat tagħna Ġakobb, hux hekk? Hu tana dan il-bir u xorob minnu hu, it-tfal tiegħu, u l-imrieħel tiegħu.” 13 Ġesù wiġibha: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġaʼ jaqbdu l-għatx. 14 Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jerġaʼ jaqbdu għatx, anzi l-ilma li nagħtih isir bħal għajn tal-ilma fih biex jagħtih il-ħajja taʼ dejjem.” 15 Il-mara qaltlu: “Sinjur, agħtini dan l-ilma, ħalli ma jerġax jaqbadni l-għatx u lanqas noqgħod niġi hawnhekk biex intellaʼ l-ilma.”
16 Hu qalilha: “Mur għajjat lir-raġel u ejjew hawnhekk.” 17 Il-mara qaltlu: “M’iniex miżżewġa.” Ġesù qalilha: “Sewwa qed tgħid li m’intix miżżewġa. 18 Għax int kont miżżewġa ħames darbiet u r-raġel li qiegħda miegħu issa mhuwiex żewġek. Allura int għedt il-verità.” 19 Il-mara qaltlu: “Sinjur, qed ninduna li int profeta. 20 L-antenati tagħna kienu jqimu lil Alla fuq din il-muntanja, imma intom il-Lhud tgħidu li n-nies għandhom iqimuh f’Ġerusalemm biss.” 21 Ġesù qalilha: “Naċċertak li ġej żmien li la fuq din il-muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma tqimuh lill-Missier. 22 Intom ma tafux lil dak li tqimu, imma aħna nafu lil dak li nqimu, għax il-Lhud kienu l-ewwel li saru jafu x’se jagħmel Alla biex isalva lin-nies. 23 Imma issa wasal iż-żmien meta l-qaddejja veri jqimu lill-Missier skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis u dak li hu veru.* Il-Missier qed ifittex uħud bħal dawn biex iqimuh. 24 Alla hu Spirtu, u dawk li jqimuh għandhom jagħmlu dan skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis u dak li hu veru.” 25 Il-mara qaltlu: “Naf li ġej il-Messija, li jgħidulu Kristu. Meta jiġi, hu se jispjegalna kollox.” 26 Ġesù qalilha: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.”
27 Dak il-ħin waslu d-dixxipli tiegħu. Huma kienu sorpriżi xħin rawh jitkellem maʼ mara. Ovvjament ħadd ma staqsieh għala kien qed jitkellem magħha jew x’ried mingħandha. 28 Għalhekk, il-mara ħalliet il-ġarra tal-ilma warajha, marret il-belt, u qalet lin-nies: 29 “Hemm raġel li qalli kulma għamilt. Ejjew arawh. Jistaʼ jkun li hu l-Kristu?” 30 U n-nies ħarġu mill-belt u marru jiltaqgħu miegħu.
31 Sadanittant, id-dixxipli bdew iħeġġuh: “Kul Rabbi.”* 32 Imma hu qalilhom: “Għandi ikel li ma tafux bih.” 33 Għalhekk, id-dixxipli bdew jgħidu lil xulxin: “Ħadd ma ġablu x’jiekol, hux?” 34 Ġesù qalilhom: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel dak li jrid il-wieħed li bagħatni u li llesti x-xogħol li tani nagħmel. 35 Intom tgħidu li għad baqaʼ erbaʼ xhur għall-ħsad. Imma jien ngħidilkom: Ħarsu lejn l-għelieqi, u araw kif inhuma lesti għall-ħsad. 36 Dak li jaħsad diġà qed jitħallas u jiġbor il-frott. Il-frott hu dawk li se jgħixu għal dejjem. B’hekk, dak li jiżraʼ u dak li jaħsad jifirħu flimkien. 37 Għalhekk, f’dan il-każ, hu veru l-proverbju li jgħid: Wieħed jiżraʼ u ieħor jaħsad. 38 Jien bgħattkom taħsdu dak li ma ħdimtux għalih. Oħrajn ħadmu, u intom ibbenefikajtu mix-xogħol tagħhom.”
39 Ħafna Samaritani minn dik il-belt bdew juru fidi fih. Dan minħabba x-xhieda li tat il-mara meta qaltilhom li hu qalilha kulma għamlet. 40 Għalhekk, meta s-Samaritani marru ħdejh, talbuh biex joqgħod magħhom u hu qagħad magħhom jumejn. 41 B’hekk, ħafna iktar nies bdew jemmnu minħabba dak li għallem, 42 u lill-mara qalulha: “Qed nemmnu mhux minħabba dak li għedtilna int biss, imma għax smajnieh aħna stess ukoll u nafu li dan ir-raġel żgur li hu l-wieħed li se jsalva d-dinja.”
43 Wara jumejn, Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija, 44 avolja hu stess kien qal li profeta ma jiġix irrispettat f’pajjiżu. 45 Meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh għax kienu raw kulma għamel fil-festa f’Ġerusalemm, peress li anki huma kienu marru għall-festa.
46 Imbagħad hu reġaʼ mar f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Hemm kien hemm uffiċjal tar-re li kien jgħix Kafarnahum u kellu t-tifel marid. 47 Meta dan semaʼ li Ġesù telaq mil-Lhudija u mar il-Galilija, mar ħdejh u talbu biex imur miegħu ħalli jfejjaqlu lit-tifel għax kien se jmut. 48 Imma Ġesù qallu: “Intom temmnu biss jekk taraw mirakli u affarijiet tal-għaġeb.” 49 L-uffiċjal tar-re qallu: “Mulej, ejja miegħi qabel ma jmutli t-tifel.” 50 Ġesù qallu: “Mur lura d-dar. It-tifel tiegħek fieq.” Hu emmen dak li qallu Ġesù u telaq. 51 Waqt li kien fi triqtu, l-ilsiera tiegħu ltaqgħu miegħu biex jgħidulu li t-tifel tiegħu kien fieq.* 52 Għalhekk, hu staqsiehom x’ħin fieq. U wiġbuh: “Id-deni niżillu lbieraħ għal xi s-siegħa taʼ waranofsinhar.”* 53 Imbagħad il-missier induna li kien fl-istess ħin li Ġesù qallu: “It-tifel tiegħek fieq.” Għalhekk hu u dawk taʼ daru saru jemmnu b’Ġesù. 54 Dan kien it-tieni miraklu li Ġesù għamel meta mar il-Galilija mil-Lhudija.
5 Wara dan, kien hemm festa tal-Lhud, u Ġesù telaʼ Ġerusalemm. 2 Issa f’Ġerusalemm ħdejn Bieb in-Nagħaġ kien hemm għadira* li bl-Ebrajk jisimha Betzata. Din kellha ħames loġoġ bil-kolonni. 3 Ħdejn il-kolonni kien ikun hemm ħafna nies morda, ma jarawx, izappu, u oħrajn li kellhom idejhom jew saqajhom ipparalizzati.* 4*—— 5 Kien hemm ukoll raġel li kien ilu marid 38 sena. 6 Ġesù ra lil dan ir-raġel mixħut mal-art, u peress li kien jaf li kien ilu ħafna marid, staqsieh: “Tixtieq tfiq?” 7 Ir-raġel wieġbu: “Sinjur, m’għandi lil ħadd biex iniżżilni fl-għadira meta l-ilma jkun qed jiċċaqlaq, u waqt li nkun sejjer, xi ħadd ieħor jinżel qabli.” 8 Ġesù qallu: “Qum, erfaʼ s-sodda tiegħek, u imxi.” 9 U r-raġel fieq mill-ewwel, refaʼ s-sodda tiegħu, u beda jimxi.
Dakinhar kien is-Sabat. 10 Għalhekk, il-Lhud bdew jgħidu lir-raġel imfejjaq: “Illum is-Sabat, u skont il-Liġi ma tistax iġġorr is-sodda tiegħek.” 11 Imma hu wiġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Erfaʼ s-sodda tiegħek u imxi.’” 12 Huma staqsewh: “Min hu r-raġel li qallek hekk?” 13 Imma r-raġel ma kienx jaf min fejqu, għax Ġesù kien telaq minn hemm u mar ġol-folla.
14 Wara dan, Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Issa li fiqt, tkomplix tidneb ħalli ma jiġrilekx xi ħaġa agħar.” 15 Ir-raġel telaq u qal lil-Lhud li kien Ġesù li fejqu. 16 Minħabba f’hekk, il-Lhud bdew jippersegwitaw lil Ġesù, għax kien qed jagħmel dawn l-affarijiet fis-Sabat. 17 Imma hu qalilhom: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, allura jien nibqaʼ naħdem.” 18 Minħabba f’hekk, il-Lhud iktar bdew jipprovaw joqtluh, għax hu mhux biss kien qed jikser il-liġi tas-Sabat, imma kien qed jgħid li Alla hu Missieru, u b’hekk qed jagħmel lilu nnifsu daqs Alla.
19 Għalhekk, Ġesù wiġibhom: “Naċċertakom li jien, l-Iben, ma nistaʼ nagħmel xejn minn jeddi, imma nagħmel biss dak li nara lill-Missier jagħmel. Għax jien nagħmel l-affarijiet bħal Missieri. 20 Għax Missieri jħobbni u jurini l-affarijiet kollha li jagħmel, u se jurini affarijiet akbar minn dawn, ħalli intom tibqgħu mistagħġbin. 21 Bħalma l-Missier jirxoxta lill-mejtin, anki jien, l-Iben, nirxoxta lil min irrid. 22 Għax il-Missier ma jiġġudika lil ħadd, imma ħalla f’idejja biex niġġudika lil kulħadd, 23 sabiex ikunu jistgħu jonorawni bħalma jonoraw lill-Missier. Kull min ma jonorax lili, l-Iben, ma jonorax lill-Missier li bagħatni. 24 Naċċertakom li kull min jismaʼ dak li ngħid jien u jemmen lil dak li bagħatni jkollu l-ħajja taʼ dejjem u ma jiġix ikkundannat, għax ikun qisu bħal xi ħadd li kien mejjet u issa ħaj.
25 “Naċċertakom li issa wasal iż-żmien meta l-mejtin se jisimgħu leħni, l-Iben t’Alla, u dawk li jkunu taw kas, se jgħixu. 26 Il-Missier għandu l-qawwa li jagħti l-ħajja* u lili tani l-qawwa li nagħti l-ħajja wkoll. 27 Hu tani l-awtorità biex niġġudika, għax jien Bin il-bniedem. 28 Tistagħġbux b’dan, għax ġej żmien li dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħni 29 u joħorġu. Dawk li għamlu t-tajjeb se jingħataw il-ħajja taʼ dejjem,* imma dawk li għamlu l-ħażin se jiġu ġġudikati.* 30 Jien ma nistaʼ nagħmel xejn minn jeddi. Jien niġġudika lin-nies skont dak li jgħidli l-Missier. Jien niġġudikahom b’mod ġust, għax ma nagħmilx dak li rrid jien imma dak li jrid il-Missier li bagħatni.
31 “Jekk jien biss ngħid lin-nies dwari, huma mhux se jemmnu dak li ngħid. 32 Imma hemm xi ħadd ieħor li jgħid lin-nies dwari, u jien naf li dak li jgħid hu veru. 33 Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni, u hu ta xhieda vera dwari. 34 Jien m’għandix bżonn lil xi ħadd jgħid lin-nies dwari, imma qed ngħid dan ħalli intom tkunu tistgħu ssalvaw. 35 Dan ir-raġel kien bħal lampa tixgħel u tiddi, u għal xi żmien intom kontu lesti li tifirħu ħafna fid-dawl tiegħu. 36 Ġwanni qal lin-nies li jien intbgħatt minn Missieri, imma jien għandi provi iktar importanti minn hekk. Dan hu l-fatt li jien qed nagħmel ix-xogħol li qabbadni nagħmel il-Missier. 37 Ukoll, il-Missier ikkonferma li bagħatni. Intom qatt ma smajtu leħnu jew rajtuh, 38 u kliemu mhuwiex ġo qalbkom, għax intom lanqas biss temmnu lili, li ntbgħatt minnu.
39 “Intom qed tfittxu fl-Iskrittura, għax taħsbu li permezz tagħha jistaʼ jkollkom il-ħajja taʼ dejjem, filwaqt li l-Iskrittura stess tagħti xhieda dwari. 40 Minkejja dan, intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja taʼ dejjem. 41 Jien ma naċċettax tifħir mingħand in-nies, 42 imma intom iva. Jien naf sew li intom ma tħobbux lil Alla. 43 Jien ġejt f’isem Missieri, imma intom ma taċċettawnix. Li kieku ġie xi ħadd ieħor f’ismu stess, intom kontu taċċettawh. 44 Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw it-tifħir mingħand xulxin u mhux qed tfittxu li tiġu approvati mill-uniku Alla? 45 Taħsbux li se nakkużakom jien quddiem il-Missier. Dak li se jakkużakom hu Mosè, il-wieħed li ttamajtu fih. 46 Fil-fatt, li kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili, għax hu kiteb dwari. 47 Imma jekk ma temmnux dak li kiteb hu, kif tistgħu temmnu dak li ngħid jien?”
6 Wara dan, Ġesù mar lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, li jgħidulu wkoll Tiberija. 2 U folla kbira baqgħet tmur warajh, għax bdiet tara l-mirakli li kien qed jagħmel biex ifejjaq il-morda. 3 Għalhekk, Ġesù telaʼ fuq muntanja u qagħad bilqiegħda hemm mad-dixxipli tiegħu. 4 Issa kien wasal il-Qbiż, il-festa tal-Lhud. 5 Meta Ġesù ra li folla kbira kienet sejra lejh, hu staqsa lil Filippu: “Minn fejn se nixtru l-ħobż għal dawn in-nies?” 6 Ġesù kien diġà jaf x’se jagħmel, imma staqsieh hekk biex ikun jaf x’qed jaħseb. 7 Filippu wieġbu: “Lanqas 200 dinar* ħobż mhuma biżżejjed biex kull wieħed jieħu xi ħaġa żgħira.” 8 Wieħed mid-dixxipli, Indrì ħu Xmun Pietru, qallu: 9 “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir* u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn mhuma xejn għal dawn in-nies kollha.”
10 Ġesù qal: “Għidulhom joqogħdu bilqiegħda.” Peress li kien hemm ħafna ħaxix, dawn qagħdu bilqiegħda. Kien hemm madwar 5,000 raġel. 11 Ġesù ħa l-ħobż, irringrazzja lil Alla, u qassmu lil dawk li kienu bilqiegħda. Hu għamel l-istess bil-ħut żgħir, u dawn kielu u xebgħu. 12 Wara dan, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru dak li fadal ħalli ma jinħela xejn.” 13 U minn dak li ħallew mill-ħames ħobżiet imlew 12-il qoffa.
14 Meta n-nies raw il-mirakli li għamel, huma bdew jgħidu: “Dan żgur li hu l-Profeta li kellu jiġi fid-dinja.” 15 Peress li Ġesù kien jaf li dalwaqt kienu se jaqbduh biex jagħmluh re, hu reġaʼ mar lejn il-muntanja waħdu.
16 Filgħaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar, 17 telgħu fuq dgħajsa, u bdew jaqsmu għal Kafarnahum. Sadanittant dalam u Ġesù kien għadu ma marx ħdejhom. 18 Ukoll, il-baħar beda jitqawwa, għax kien hemm riħ qawwi. 19 Imma meta kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri,* huma raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar u riesaq lejn id-dgħajsa. Dawn bdew jibżgħu, 20 imma hu qalilhom: “Jien Ġesù, tibżgħux!” 21 Għalhekk, huma riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, u fi ftit ħin waslu fejn kienu sejrin.
22 L-għada, il-folla li kienet in-naħa l-oħra tal-baħar rat li kien hemm dgħajsa żgħira biss, u li Ġesù ma kienx mad-dixxipli tiegħu meta telqu bid-dgħajsa. 23 Imma xi dgħajjes minn Tiberija waslu ħdejn il-post fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej irringrazzja lil Alla. 24 Għalhekk, meta n-nies raw li Ġesù u d-dixxipli tiegħu ma kinux hemm, huma telgħu fuq dawn id-dgħajjes u marru Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.
25 Meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, huma staqsewh: “Rabbi,* meta ġejt hawn?” 26 Ġesù wiġibhom: “Bla dubju, intom ġejtu tfittxuni għax kiltu l-ħobż u xbajtu, u mhux għax rajtu l-mirakli. 27 Taħdmux għall-ikel li jispiċċa imma aħdmu għall-ikel li ma jispiċċax u li jagħti l-ħajja taʼ dejjem, li jien, Bin il-bniedem, se nagħtikom. Għax Alla, il-Missier tas-sema, approvani biex nagħmel dan.”*
28 Għalhekk staqsewh: “Xi rridu nagħmlu biex inkunu approvati minn Alla?” 29 Ġesù wiġibhom: “Biex ikollkom l-approvazzjoni t’Alla, tridu turu fidi fija, il-wieħed li bagħat.” 30 Imbagħad huma qalulu: “Allura x’miraklu se tagħmel, ħalli nkunu nistgħu narawh u nemmnuk? X’se tagħmel? 31 L-antenati tagħna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub fl-Iskrittura, ‘Hu tahom il-ħobż mis-sema.’” 32 Ġesù mbagħad qalilhom: “Naċċertakom li Mosè ma takomx il-ħobż mis-sema, imma issa Missieri qed jagħtikom il-ħobż veru mis-sema. 33 Għax il-ħobż t’Alla hu dak li niżel mis-sema u qed jagħti l-ħajja lid-dinja.” 34 Għalhekk qalulu: “Mulej, agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”
35 Ġesù qalilhom: “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. Kull min jiġi għandi qatt ma jaqbdu l-ġuħ, u kull min juri fidi fija qatt ma jaqbdu l-għatx. 36 Imma kif għedtilkom, intom rajtuni imma xorta m’emmintux. 37 Dawk kollha li jagħtini l-Missier se jiġu warajja, u jien qatt mhu se nkeċċihom. 38 Għax jien inżilt mis-sema biex nagħmel li jrid dak li bagħatni, u mhux li rrid jien. 39 Dak li bagħatni jrid li ma nitlef lil ħadd minn dawk li tani, imma li nirxoxtahom fl-aħħar jum. 40 Missieri jrid li kull min jaċċetta lili, l-Iben, u juri fidi fija jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.”
41 Imbagħad il-Lhud bdew igergru fuqu għax qal: “Jien il-ħobż li ġie mis-sema.” 42 Huma bdew jistaqsu: “Dan mhux Ġesù t-tifel taʼ Ġużeppi? Aħna nafuhom lil missieru u lil ommu. Allura kif qed jgħid li ġie mis-sema?” 43 Ġesù qalilhom: “Tibqgħux tgergru bejnietkom. 44 Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja, u lil dan jien nirxoxtah fl-aħħar jum. 45 Il-profeti kitbu, ‘Kollha kemm huma se jiġu mgħallmin minn Ġeħova.’* Kull min semaʼ mill-Missier u tgħallem, jiġi għandi. 46 Ebda bniedem ma ra lill-Missier, ħlief jien, li ġej minn Alla. Jien biss rajtu lill-Missier. 47 Naċċertakom li kull min jemmen ikollu l-ħajja taʼ dejjem.
48 “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. 49 L-antenati tagħkom kielu l-manna fid-deżert u xorta mietu. 50 Imma kull min jiekol mill-ħobż li niżel mis-sema, ma jmutx. 51 Jien il-ħobż li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja. Jekk xi ħadd jiekol minnu jgħix għal dejjem. Fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu ġismi li se noffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.”*
52 Imbagħad il-Lhud bdew jargumentaw bejniethom u jgħidu: “Dan kif qed jgħid li se jagħtina l-ġisem tiegħu biex nikluh?” 53 Għalhekk Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li jekk ma tiklux il-ġisem tiegħi u ma tixorbux id-demm tiegħi, Bin il-bniedem, ma jkollkomx il-ħajja.* 54 Kull min jiekol mill-ġisem tiegħi u jixrob mid-demm tiegħi se jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum. 55 Għax il-ġisem tiegħi hu l-ikel veru u d-demm tiegħi x-xorb veru. 56 Jien u kull min jiekol il-ġisem tiegħi u jixrob id-demm tiegħi nibqgħu magħqudin. 57 Bħalma jien ngħix minħabba l-Missier li hu ħaj u bagħatni, min jiekol il-ġisem tiegħi ukoll se jgħix minħabba fija. 58 Dan hu l-ħobż li ġie mis-sema. Mhuwiex bħal dak li kielu l-antenati tagħna u li mbagħad mietu. Kull min jiekol minn dan il-ħobż se jgħix għal dejjem.” 59 Hu qal dan waqt li kien qed jgħallem f’sinagoga* f’Kafarnahum.
60 Meta semgħu dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu qalu: “Dan il-kliem hu tal-biżaʼ, ma rridux nisimgħuh!” 61 Imma Ġesù, peress li kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan, qalilhom: “Qed titilfu l-fidi minħabba dan?* 62 Mela kemm iktar li kieku taraw lili, Bin il-bniedem, tielaʼ lura fejn kont qabel! 63 Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja. In-nies ma jistax ikollhom il-ħajja bis-saħħa tagħhom stess.* Dak li għedtilkom ġej mill-ispirtu qaddis u jagħti l-ħajja. 64 Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Għax Ġesù kien jaf mill-bidu min huma dawk li ma jemmnux u min kien se jittradih. 65 Hu kompla jgħid: “Hu għalhekk li għedtilkom li ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jkunx irid iġibu l-Missier.”
66 Minħabba f’hekk, ħafna mid-dixxipli tiegħu marru lura għal dak li kienu ħallew warajhom u ma baqgħux jimxu warajh. 67 Għalhekk, Ġesù qal lit-Tnax: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” 68 Xmun Pietru wieġbu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int tgħallem dwar kif jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem. 69 Aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.” 70 Ġesù wiġibhom: “Mhux jien kont li għażilt lilkom it-Tnax? Imma wieħed minnkom hu bħax-xitan.”* 71 Infatti, hu kien qed jitkellem dwar Ġuda t-tifel taʼ Xmun l-Iskarjota, għax dan kien se jittradih għalkemm kien wieħed mit-Tnax.
7 Wara, Ġesù kompla jipprietka* fil-Galilija, għax ma riedx jagħmel dan fil-Lhudija peress li l-Lhud kienu qed jipprovaw joqtluh. 2 Imma kien wasal iż-żmien għall-Festa tat-Tabernakli* tal-Lhud. 3 Għalhekk ħutu qalulu: “Mur il-Lhudija ħalli anki d-dixxipli tiegħek jaraw dak li qed tagħmel. 4 Għax jekk xi ħadd irid isir magħruf, ma jagħmel xejn bil-moħbi. Jekk qed tagħmel dawn l-affarijiet, agħmilhom quddiem kulħadd.” 5 Fil-fatt, ħutu ma kinux qed juru fidi fih. 6 Għalhekk Ġesù qalilhom: “Għadu ma wasalx iż-żmien għalija, imma intom tistgħu tmorru xħin tridu. 7 Id-dinja m’għandhiex għalfejn tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax jien nikxef l-affarijiet ħżiena li tagħmel. 8 Itilgħu għall-festa, imma jien mhux se nitlaʼ għalissa, għax għadu ma wasallix iż-żmien.” 9 Wara li qalilhom dan, baqaʼ l-Galilija.
10 Però xħin ħutu telgħu għall-festa, hu mar ukoll, imma bil-moħbi. 11 Għalhekk il-Lhud bdew ifittxuh fil-festa u jgħidu: “Fejn hu dak ir-raġel?” 12 U kien hemm ħafna mill-folla li bdew jitkellmu minn taħt l-ilsien dwaru. Xi wħud bdew jgħidu: “Hu raġel sew.” Oħrajn bdew jgħidu: “Le mhuwiex. Hu jqarraq bil-folla.” 13 Ovvjament, ħadd ma kien jażżarda jitkellem fuqu quddiem in-nies, għax kienu jibżgħu mil-Lhud.*
14 Xi erbat ijiem wara li bdiet il-festa, Ġesù mar fit-tempju u beda jgħallem. 15 Il-Lhud baqgħu mbellhin u qalu: “Dan ir-raġel kif jaf daqshekk dwar l-Iskrittura* la ma studjax fl-iskejjel?”* 16 Ġesù wiġibhom: “Dak li ngħallem ġej mingħand dak li bagħatni, u mhux mingħandi. 17 Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel dak li jrid Alla, ikun jaf jekk dak li ngħallem huwiex mingħand Alla jew hux skont dak li naħseb jien. 18 Min jitkellem skont dak li jaħseb ikun irid li jiġi mfaħħar hu. Imma kull min jixtieq li jiġi mfaħħar dak li bagħtu, jgħid il-verità u jagħmel kollox bl-onestà. 19 Mhux Mosè takom il-Liġi? Imma ħadd minnkom ma jobdiha. Mela għaliex qed tipprovaw toqtluni?” 20 Il-folla wieġbet: “Int għandek demonju fik. Min qed jipprova joqtlok?” 21 Ġesù wiġibhom: “Ħaġa waħda għamilt, u kollha bqajtu mistagħġbin. 22 Hu għalhekk li Mosè takom il-liġi dwar iċ-ċirkonċiżjoni—mhux għax ġejja minn żmien Mosè, imma għax ġejja minn żmien l-antenati tiegħu—u intom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni anki fis-Sabat. 23 Jekk raġel ma jkunx qed jikser il-Liġi taʼ Mosè meta jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni fis-Sabat, għala intom daqshekk irrabjati miegħi għax fejjaqt raġel għalkollox fis-Sabat? 24 Tibqgħux tiġġudikaw skont dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’mod ġust.”
25 Imbagħad xi nies minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan mhux ir-raġel li qed ifittxu biex joqtlu? 26 Imma hu qed jitkellem fil-pubbliku, u mhuma jgħidulu xejn. Jistaʼ jkun li l-mexxejja huma ċerti li hu l-Kristu? 27 Għall-kuntrarju, aħna nafu minn fejn hu dan ir-raġel. Imma meta jiġi l-Kristu, ħadd m’għandu jkun jaf minn fejn hu.” 28 Imbagħad, meta kien qed jgħallem fit-tempju, Ġesù qal b’leħen għoli: “Intom tafuni u tafu minn fejn jien. Mhux jien iddeċidejt li niġi, imma Alla bagħatni. Hu vera jeżisti, imma intom ma tafuhx. 29 Jien nafu, għax ġejt mingħandu u hu l-Wieħed li bagħatni.” 30 Allura bdew jipprovaw jaqbduh, imma ħadd ma rnexxielu, għax kien għadu ma wasalx iż-żmien għal dan. 31 Minkejja dan, ħafna nies bdew juru fidi fih u bdew jgħidu: “Il-Kristu kellu jagħmel ħafna mirakli meta jiġi. Dan ir-raġel hekk għamel.”
32 Il-Fariżej semgħu lin-nies jgħidu dawn l-affarijiet dwaru minn taħt l-ilsien, u l-qassisin importanti u l-Fariżej bagħtu xi uffiċjali biex jarrestawh.* 33 Imbagħad Ġesù qal lin-nies: “Jien se nibqaʼ magħkom ftit ieħor qabel ma mmur għand il-Wieħed li bagħatni. 34 Intom se tfittxuni, imma ma ssibunix. Fejn se nkun jien mhux se tkunu tistgħu tiġu.” 35 Allura l-Lhud bdew jgħidu bejniethom: “Dan fejn beħsiebu jmur biex ma nsibuhx? Mhux beħsiebu jmur għand il-Lhud li qed jgħixu fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi, hux? 36 X’ried jgħid biha meta qal, ‘Intom se tfittxuni, imma ma ssibunix, u fejn se nkun jien mhux se tkunu tistgħu tiġu’?”
37 Fl-aħħar jum, l-iktar jum importanti tal-festa, Ġesù qam bilwieqfa u qal b’leħen għoli: “Jekk xi ħadd hu bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. 38 Dwar dak li juri fidi fija l-Iskrittura tgħid: ‘Minn qiegħ qalbu joħroġ ħafna ilma li jagħti l-ħajja.’” 39 Imma hu qal hekk dwar l-ispirtu li kienu se jirċievu dawk li juru fidi fih. Huma kienu għadhom ma rċivewx l-ispirtu, minħabba li Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat. 40 Xi wħud mill-folla li semgħu dan il-kliem bdew jgħidu: “Dan żgur il-Profeta.” 41 Oħrajn qalu: “Dan il-Kristu.” Imma oħrajn qalu: “Il-Kristu mhux ġej mill-Galilija, hux hekk? 42 L-Iskrittura tgħid li l-Kristu kellu jiġi minn David, u kellu jkun mir-raħal taʼ Betlem, minn fejn kien David, hux veru?” 43 Allura n-nies ma bdewx jaqblu bejniethom dwar dan. 44 Xi wħud minnhom riedu jarrestawh,* imma ħadd ma rnexxielu.
45 Allura meta l-uffiċjali marru lura, il-qassisin importanti u l-Fariżej staqsewhom: “Għala m’arrestajtuhx u ġibtuh magħkom?” 46 L-uffiċjali wiġbuhom: “Qatt ma smajna lil xi ħadd jitkellem bħalu.” 47 Imbagħad il-Fariżej wiġbuhom: “Jaqaw anki intom ġejtu mqarrqin? 48 Ħadd mill-mexxejja jew mill-Fariżej ma wera fidi fih, hux hekk? 49 Imma din il-folla li ma tafx il-Liġi hi misħuta.” 50 Nikodemu, li kien mar għandu qabel u li kien wieħed mill-Fariżej, qalilhom: 51 “Skont il-Liġi tagħna ma nistgħux nikkundannaw lil xi ħadd qabel ma nisimgħu x’għandu xi jgħid u nsiru nafu x’qed jagħmel, hux hekk?” 52 Huma wiġbuh: “Għala qed tappoġġah, qisek xi Galilew? Fittex fl-Iskrittura u tara li ma kellux ikun hemm profeta mill-Galilija.”*
8 12 Imbagħad Ġesù reġaʼ qal lin-nies: “Jien bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw. Kull min jiġi warajja żgur ma jimxix fid-dlam, imma se jkollu d-dawl li jagħti l-ħajja.” 13 Allura l-Fariżej qalulu: “Int tagħti xhieda dwarek stess, allura ma nistgħux nemmnuk.” 14 Ġesù wieġeb: “Anki jekk jien nagħti xhieda dwari stess, dak li ngħid hu veru, għax jien naf minn fejn ġejt u fejn sejjer. Imma intom ma tafuhx dan. 15 Intom tiġġudikaw skont kif taħsbuha.* Jien ma niġġudika lil ħadd. 16 U anki jekk niġġudika, jien nagħmel dan kif suppost, għax jien ma nagħmilx dan waħdi, imma nagħmlu mal-Missier li bagħatni. 17 Ukoll, il-Liġi tagħkom stess tgħid: ‘Jekk żewġ xhieda jgħidu l-istess ħaġa, mela x-xhieda tagħhom hi vera.’ 18 Jien nagħti xhieda dwari, u anki l-Missier li bagħatni jagħti xhieda dwari.” 19 Imbagħad qalulu: “Fejn hu Missierek?” Ġesù wiġibhom: “Intom la tafu lili u lanqas lil Missieri. Kieku kontu tafuni, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.” 20 Hu qal hekk fil-post fejn jinżammu l-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet waqt li kien qed jgħallem fit-tempju. Imma ħadd m’arrestah għax kien għadu mhux iż-żmien għal dan.
21 Għalhekk reġaʼ qalilhom: “Jien sejjer u intom se tfittxuni. Minkejja dan, se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub. Intom ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.” 22 Il-Lhud bdew jgħidu: “Mhux beħsiebu joqtol lilu nnifsu, hux? Għax hu qed jgħid, ‘Intom ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.’” 23 Hu kompla jgħidilhom: “Intom mill-art, imma jien mis-sema. Intom minn din id-dinja, imma jien le. 24 Hu għalhekk li għedtilkom li se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub. Għax jekk ma temmnux li jien il-wieħed li kellu jiġi, intom se tmutu waqt li tkunu għadkom bid-dnub.” 25 Għalhekk bdew jistaqsuh: “Min int?” Ġesù wiġibhom: “Ma nafx għala qed naħli l-ħin magħkom! 26 Għandi ħafna x’ngħid dwarkom u hemm ħafna affarijiet x’niġġudika. Fil-fatt, jien qed ngħid eżatt dak li smajt mingħand il-Wieħed li bagħatni fid-dinja. Hu dejjem jgħid il-verità.” 27 Huma ma fehmux li kien qed ikellimhom dwar il-Missier. 28 Imbagħad Ġesù qal: “Lili, Bin il-bniedem, se ddendluni maʼ zokk. Wara, se tkunu tafu min jien u li ma nagħmel xejn minn jeddi, imma ngħid eżatt dak li għallimni l-Missier. 29 Dak li bagħatni qiegħed miegħi. Hu ma telaqnix waħdi, għax jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” 30 Waqt li kien qed jgħid dan, ħafna nies bdew juru fidi fih.
31 Imbagħad Ġesù kompla jgħid lil-Lhud li emmnuh: “Jekk tkomplu tobdu t-tagħlim tiegħi, tkunu vera d-dixxipli tiegħi, 32 u tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.” 33 Huma wiġbuh: “Aħna niġu minn Abraham u qatt ma konna lsiera taʼ ħadd. Allura kif qed tgħidilna, ‘Se tinħelsu’?” 34 Ġesù wiġibhom: “Naċċertakom li kull min jidneb hu lsir tad-dnub. 35 Iktar minn hekk, l-ilsir ma jibqax fid-dar taʼ sidu għal dejjem, imma t-tifel tas-sid jibqaʼ għal dejjem. 36 Għalhekk, jekk l-Iben jeħliskom, se tkunu meħlusin għalkollox. 37 Jien naf li intom ġejjin minn Abraham. Imma intom qed tipprovaw toqtluni, għax ma taċċettawx it-tagħlim tiegħi. 38 Jien nitkellem dwar l-affarijiet li rajt waqt li kont maʼ Missieri, imma intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.” 39 Huma wiġbuh: “Missierna hu Abraham.” Ġesù qalilhom: “Li kieku intom it-tfal t’Abraham, timitaw l-eżempju tiegħu. 40 Imma issa qed tipprovaw toqtluni, avolja għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Abraham żgur li ma kienx jagħmel hekk. 41 Intom qed tagħmlu bħal missierkom.” Huma qalulu: “Aħna ma twilidniex mill-immoralità.* Missier wieħed għandna, lil Alla.”
42 Ġesù qalilhom: “Kieku Alla kien Missierkom, kontu tħobbuni, għax jien ġejt mingħandu u għalhekk qiegħed hawnhekk. Mhux jien stess iddeċidejt li niġi, imma kien Hu li bagħatni. 43 Intom ma tridux taċċettaw it-tagħlim tiegħi. Hu għalhekk li ma tistgħux tifhmuni. 44 Missierkom hu x-Xitan, u intom tixtiequ tagħmlu bħalu. Hu kien qattiel mill-bidu* u ma żammx mal-verità, għax il-verità mhix f’qalbu. Meta jigdeb, hu juri x’inhu, għax hu giddieb u missier il-gidba. 45 Mill-banda l-oħra, għax jien ngħid il-verità, intom ma temmnunix. 46 Min minnkom jistaʼ jsibni ħati taʼ xi dnub? Jekk ngħid il-verità, għala ma temmnunix? 47 Dawk li missierhom hu Alla, jisimgħu dak li jgħid Alla. Imma intom ma tridux tisimgħu, għax Alla mhuwiex missierkom.”
48 B’hekk il-Lhud qalulu: “Sewwa ngħidu li int Samaritan u għandek demonju fik!” 49 Ġesù wiġibhom: “Jien m’għandix demonju fija. Jien nonora lil Missieri, imma lili intom ma tonorawnix. 50 Jien m’iniex infittex li niġi mfaħħar. Hu Alla li jixtieq li niġi mfaħħar u hu l-imħallef. 51 Naċċertakom li jekk xi ħadd jobdi t-tagħlim tiegħi, qatt ma jmut.” 52 Il-Lhud qalulu: “Issa ċerti li għandek demonju fik. Abraham miet u anki l-profeti, imma int qed tgħid li jekk xi ħadd jobdi t-tagħlim tiegħek, qatt ma jmut. 53 M’intix aħjar minn missierna Abraham li miet, hux hekk? Anki l-profeti mietu. Min qed taħseb li int?” 54 Ġesù wieġeb: “Jekk infaħħar lili nnifsi, dan ma jkun jiswa xejn. Hu Missieri li jfaħħarni, dak li intom tgħidu li hu l-Alla tagħkom. 55 Madankollu intom ma sirtux tafuh, imma jien nafu. U jekk ngħid li ma nafux, inkun qed nigdeb bħalkom. Imma jien vera nafu u qed nobdih. 56 Missierkom Abraham kien iħares ’il quddiem għall-ġurnata meta niġi jien. Hu immaġina* din il-ġurnata u feraħ.” 57 Imbagħad il-Lhud qalulu: “Kif jistaʼ jkun li rajt lil Abraham jekk lanqas biss għandek 50 sena?” 58 Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li kont neżisti qabel Abraham.” 59 Għalhekk, qabdu l-ġebel biex iwaddbuhulu, imma Ġesù staħba u ħareġ mit-tempju.
9 Hu u għaddej, ra raġel li twieled ma jarax. 2 Id-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi,* min dineb, ir-raġel jew il-ġenituri tiegħu, biex twieled ma jarax?” 3 Ġesù wieġeb: “La r-raġel u lanqas il-ġenituri tiegħu ma dinbu, imma dan ġara biex in-nies jaraw x’inhu kapaċi jagħmel Alla. 4 Irridu nagħmlu dak li jrid il-Wieħed li bagħatni matul il-ġurnata, għax matul il-lejl l-ebda bniedem ma jistaʼ jaħdem. 5 Sakemm jien fid-dinja, jien bħal dawl li jgħin lin-nies jaraw.” 6 Wara li qal dan, beżaq fl-art, għamel it-tajn bil-bżieq, poġġieh fuq għajnejn ir-raġel, 7 u qallu: “Mur inħasel fl-għadira* taʼ Silogħam” (li tiġi tradotta “Ilma Ħiereġ”). Hu mar, inħasel, u ġie lura jara.
8 Imbagħad il-ġirien u dawk li qabel kienu jarawh jittallab bdew jistaqsu: “Dan mhux ir-raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?” 9 Xi nies qalu: “Dan hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu.” Imma r-raġel baqaʼ jgħid: “Jien hu.” 10 Huma staqsewh: “Allura kif bdejt tara?” 11 Hu wiġibhom: “Ir-raġel li jismu Ġesù għamel it-tajn, poġġihuli fuq għajnejja, u qalli, ‘Mur Silogħam u nħasel.’ Allura mort, inħsilt, u ġejt nara.” 12 Imbagħad qalulu: “Fejn hu dan ir-raġel?” Hu qal: “Ma nafx.”
13 Huma ħadu lil dan ir-raġel li qabel ma kienx jara għand il-Fariżej. 14 Dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fejqu inzerta li kien is-Sabat. 15 Anki l-Fariżej bdew jistaqsuh kif beda jara. Hu qalilhom: “Poġġieli tajn fuq għajnejja, inħsilt, u bdejt nara.” 16 Imbagħad xi Fariżej bdew jgħidu: “Dan ir-raġel ma bagħtux Alla, għax hu ma jobdix il-liġi tas-Sabat.” Oħrajn qalu: “Kif jistaʼ raġel midneb* jagħmel mirakli bħal dawn?” B’hekk ma bdewx jaqblu bejniethom. 17 U reġgħu staqsew lir-raġel li beda jara: “Int x’taħseb dwaru, peress li fejqek?” Ir-raġel wieġeb: “Hu profeta.”
18 Madankollu, il-mexxejja Lhud m’emmnux li r-raġel ma kienx jara. Imbagħad għajtu lill-ġenituri tiegħu 19 u staqsewhom: “Dan it-tifel tagħkom li tgħidu li twieled ma jarax? Allura issa kif qed jara?” 20 Il-ġenituri tiegħu wieġbu: “Iva, dan it-tifel tagħna u twieled ma jarax. 21 Imma ma nafux kif issa qed jara u min fejqu. Għandu l-età tiegħu. Staqsu lilu u jgħidilkom.” 22 Il-ġenituri tiegħu qalu dan għax bdew jibżgħu mill-mexxejja Lhud. Għax il-Lhud kienu diġà ftiehmu li jekk xi ħadd jgħid li Ġesù hu Kristu jiġi mkeċċi mis-sinagoga. 23 Huwa għalhekk li l-ġenituri tiegħu qalu: “Għandu l-età tiegħu. Staqsu lilu.”
24 Għalhekk, reġgħu għajtu lir-raġel li ma kienx jara u qalulu: “Onora lil Alla billi tgħid il-verità. Aħna nafu li dan ir-raġel hu midneb.” 25 Hu wieġeb: “Jekk hux midneb, ma nafx. Li naf hu li ma kontx nara u issa qed nara.” 26 Imbagħad qalulu: “X’għamillek? Kif fejqek?” 27 Hu wiġibhom: “Diġà għedtilkom imma ma tajtux kas. Għala tridu terġgħu tisimgħuni? Jaqaw anki intom tridu ssiru dixxipli tiegħu?” 28 Għal dan għajruh u qalulu: “Int dixxiplu taʼ dak ir-raġel, imma aħna dixxipli taʼ Mosè. 29 Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè, imma ma nafux min bagħat lil dan ir-raġel.” 30 Ir-raġel wiġibhom: “Qed tiskantawni li ma tafux min bagħtu minkejja li fejjaqni. 31 Aħna nafu li Alla ma jismax lil dawk li jidinbu, imma jismaʼ lil min għandu rispett kbir lejh* u jagħmel dak li jrid hu. 32 Qatt ma smajna li xi ħadd fejjaq lil wieħed li twieled ma jarax. 33 Kieku dan ir-raġel ma bagħtux Alla, ma kien ikun jistaʼ jagħmel xejn.” 34 Wiġbuh: “Int twilidt kollok dnubiet, u issa ġej tgħallem lilna?” U tefgħuh ’il barra!
35 Ġesù semaʼ li kienu keċċewh u xħin sabu staqsieh: “Int qed turi fidi f’Bin il-bniedem?” 36 Ir-raġel wieġbu: “Sinjur, min hu ħalli nuri fidi fih?” 37 Ġesù qallu: “Int rajtu. Fil-fatt, hu jien li qed nitkellem miegħek.” 38 Dan qallu: “Iva, għandi fidi fik, Mulej.” Imbagħad miel quddiemu. 39 Wara, Ġesù qal: “Jien ġejt f’din id-dinja ħalli din tkun tistaʼ tiġi ġġudikata u dawk li ma jarawx, jibdew jaraw, u dawk li jaraw, ma jibqgħux jaraw.” 40 Meta l-Fariżej li kienu hemm semgħu dan, qalulu: “Ma tridx tgħid li aħna ma narawx ukoll, hux?” 41 Ġesù qalilhom: “Li kieku ma tarawx, ma tkunux ħatjin tad-dnub. Imma la qed tgħidu li taraw, id-dnub tagħkom mhux se jinħafer.”
10 “Naċċertakom li min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jidħol minn xi mkien ieħor, ikun ħalliel. 2 Imma dak li jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. 3 Min ikun mal-bieb jiftaħlu, u n-nagħaġ jisimgħu leħnu. Hu jgħajjat lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom u joħroġhom barra. 4 Meta joħroġ lin-nagħaġ kollha tiegħu, hu jgħaddi qabilhom, u dawn jimxu warajh għax jagħrfu leħnu. 5 Dawn żgur mhux se jmorru wara xi ħadd li ma jafuhx, anzi jaħarbu minnu, għax ma jagħrfux leħnu.” 6 Għalkemm Ġesù qalilhom dan l-eżempju, huma ma fehmuhx.
7 Għalhekk Ġesù reġaʼ qal: “Naċċertakom li jien il-bieb li jgħaddu minnu n-nagħaġ. 8 Dawk kollha li ġew minfloki huma ħallelin, imma n-nagħaġ ma semgħux minnhom. 9 Jien il-bieb. Kull min jiġi għandi biex jidħol fil-maqjel tan-nagħaġ se jiġi salvat. Dan se jidħol u joħroġ u jsib x’jiekol. 10 Il-ħalliel jiġi biss biex jisraq, joqtol, u jeqred. Imma jien ġejt biex nagħti l-ħajja, waħda li ma tispiċċax.* 11 Jien ir-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. 12 Meta l-lavrant jara lupu ġej lejn in-nagħaġ, hu jabbandunahom u jaħrab għax hu mhuwiex ragħaj u n-nagħaġ mhumiex tiegħu. B’hekk il-lupu jaħtafhom u jxerridhom. 13 Ir-raġel jagħmel hekk peress li hu lavrant u ma jimpurtahx min-nagħaġ. 14 Jien ir-ragħaj it-tajjeb. Jien nafhom lin-nagħaġ tiegħi u huma jafu lili, 15 bħalma l-Missier jaf lili u jien naf lill-Missier. Jien nagħti ħajti għan-nagħaġ tiegħi.
16 “Jien għandi nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel. Lil dawn ukoll irrid niggwidahom, u huma jisimgħu minn leħni, u jsiru merħla waħda, b’ragħaj wieħed. 17 Hu għalhekk li jħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti sabiex nerġaʼ nirċiviha. 18 Ħajti ħadd ma jiħodhieli, imma nagħtiha minn jeddi. Jien għandi l-awtorità kemm li nagħti ħajti u kemm li nirċiviha lura. Missieri tani l-kmand biex nagħmel dan.”
19 Il-Lhud reġgħu ma qablux bejniethom minħabba dak li qal. 20 Ħafna minnhom bdew jgħidu: “Għandu demonju fih u qed jiġġennen. Għala qed tisimgħuh?” 21 Oħrajn qalu: “Bniedem li għandu demonju fih żgur li ma jitkellimx b’dan il-mod. Demonju ma jistax ifejjaq lil xi ħadd li ma jarax, hux hekk?”
22 Dak iż-żmien kien hemm il-Festa tad-Dedikazzjoni f’Ġerusalemm. Kienet ix-xitwa, 23 u Ġesù kien miexi fit-tempju fil-loġġa taʼ Salamun. 24 Imbagħad il-Lhud daru miegħu u bdew jgħidulu: “Kemm se ddum taqlgħalna qalbna? Jekk int il-Kristu, aqbad u għidilna.” 25 Ġesù wiġibhom: “Jien għedtilkom imma intom m’emmintunix. Dak li qed nagħmel f’isem Missieri jagħti xhieda dwari. 26 Intom ma temmnux, għax m’intomx in-nagħaġ tiegħi. 27 In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni. Jien nafhom, u huma jiġu warajja. 28 Jien se nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem, u huma żgur li ma jinqerdux. Ħadd mhu se jaħtafhom minn idi. 29 In-nagħaġ li tani Missieri huma importanti iktar minn kull ħaġa oħra, u ħadd ma jistaʼ jaħtafhom minn id Missieri. 30 Jien u l-Missier ħaġa waħda.”*
31 Il-Lhud reġgħu bdew jaqbdu l-ġebel biex iwaddbuhomlu u joqtluh. 32 Għalhekk Ġesù qal: “Għamilt ħafna affarijiet tal-għaġeb permezz tal-qawwa taʼ Missieri. Għal liema minnhom se twaddbuli l-ġebel?” 33 Il-Lhud wiġbuh: “Mhux se nwaddbulek il-ġebel għall-affarijiet tal-għaġeb li għamilt, imma għax qed tidgħi.* Għax għalkemm int bniedem, qed tgħid li int alla.” 34 Ġesù wieġeb: “Fil-Liġi* tagħkom hemm miktub, ‘Alla qal: “Intom allat.”’* 35 Mela Alla jsejjaħ ‘allat’ lil dawk li l-kelma tiegħu tikkundannahom, u l-Iskrittura dejjem tgħid il-verità. 36 Allura għala qed tgħidu li qed nidgħi għax għedt li jien l-Iben t’Alla, meta kien il-Missier li qaddisni u bagħatni fid-dinja? 37 Jekk m’iniex nagħmel dak li jrid Missieri, temmnunix. 38 Imma jekk qed nagħmel hekk, għalkemm ma temmnux dak li qed ngħid, emmnu minħabba dak li qed nagħmel, ħalli ssiru tafu u tkomplu temmnu li l-Missier qiegħed miegħi u jien qiegħed mal-Missier.” 39 Allura reġgħu pprovaw jaqbduh, imma hu ħarbilhom.
40 Hu reġaʼ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fil-post fejn Ġwanni kien jgħammed fil-bidu, u qagħad hemm. 41 Ħafna nies marru ħdejh u bdew jgħidu lil xulxin: “Ġwanni m’għamel l-ebda miraklu, imma kull ħaġa li qal dwar Ġesù kienet vera.” 42 U hemmhekk ħafna nies bdew juru fidi f’Ġesù.
11 Issa kien hemm raġel marid minn Betanja jismu Lazzru. Ħutu Marija u Marta wkoll kienu joqogħdu f’dan ir-raħal. 2 Din kienet Marija li ferrgħet żejt ifuħ fuq il-Mulej u mesħitlu saqajh b’xagħarha. Kien ħuha Lazzru li kien ma jiflaħx. 3 Għalhekk, ħutu bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, il-ħabib tal-qalb tiegħek ma jiflaħx.” 4 Imma meta Ġesù semaʼ dan, qal: “Din il-marda m’għandhiex twassal għall-mewt, imma għall-glorja t’Alla, ħalli jien, l-Iben t’Alla, niġi gglorifikat permezz tagħha.”
5 Ġesù kien iħobbhom lil Marta, lil Marija, u lil Lazzru. 6 Imma meta semaʼ li Lazzru kien marid, hu baqaʼ jumejn oħra fejn kien qiegħed. 7 Wara qal lid-dixxipli: “Ejja nerġgħu mmorru l-Lhudija.” 8 Dawn qalulu: “Rabbi,* il-Lhud għadhom kif kienu qed jipprovaw joqtluk bil-ġebel, u int se terġaʼ tmur hemm?” 9 Ġesù wieġeb: “F’ġurnata hemm 12-il siegħa dawl, hux hekk? Jekk xi ħadd jimxi fid-dawl, hu ma jitfixkel f’xejn, għax jara d-dawl taʼ din id-dinja. 10 Imma jekk xi ħadd jimxi billejl, hu jitfixkel għax m’għandux id-dawl fih.”
11 Imbagħad qalilhom: “Il-ħabib tagħna Lazzru raqad, imma jien sejjer hemm biex inqajmu.” 12 Id-dixxipli qalulu: “Mulej, jekk qed jistrieħ, jgħaddilu.” 13 Però Ġesù ried jgħid li Lazzru miet. Imma huma ħasbu li kien sempliċement rieqed. 14 Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: “Lazzru miet, 15 u jien ferħan li ma kontx hemm, għax b’hekk il-fidi tagħkom se tissaħħaħ. Imma issa ejja mmorru.” 16 Għalhekk Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, qal lid-dixxipli sħabu: “Ejja mmorru aħna wkoll, ħalli mmutu maʼ Ġesù.”
17 Meta Ġesù wasal, Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem fil-qabar.* 18 Issa Betanja kienet biss madwar tliet kilometri* ’l bogħod minn Ġerusalemm. 19 Ħafna Lhud kienu marru għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. 20 Meta Marta semgħet li kien ġej Ġesù, hi marret tiltaqaʼ miegħu, imma Marija baqgħet id-dar. 21 Imbagħad Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut. 22 Imma xorta nemmen li kulma titlob lil Alla, jagħtihulek.” 23 Ġesù qalilha: “Ħuk se jqum.” 24 Marta qaltlu: “Naf li se jqum meta jsir l-irxoxt fl-aħħar jum.” 25 Ġesù qalilha: “Jien l-irxoxt u l-ħajja. Min juri fidi fija, għalkemm imut, jerġaʼ jgħix. 26 U kull min hu ħaj u juri fidi fija, qatt ma jmut. Temmnu dan?” 27 Qaltlu: “Iva Mulej, jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla, il-wieħed li kellu jiġi fid-dinja.” 28 Wara li qalet hekk, marret tgħajjat lil oħtha Marija u qaltilha minn taħt l-ilsien: “Hawn l-Għalliem u qed jistaqsi għalik.” 29 Meta semgħet dan, hi qamet malajr u marret ħdejh.
30 Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma kien qiegħed fejn iltaqgħet miegħu Marta. 31 Il-Lhud li kienu għadhom id-dar maʼ Marija biex ifarrġuha rawha tqum malajr u toħroġ. Għalhekk huma marru warajha għax assumew li kienet sejra ħdejn il-qabar* tibki. 32 Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, mielet ħdejn saqajh u qaltlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” 33 Meta Ġesù ra lilha u l-Lhud li kienu magħha jibku, hu ħass ħafna għalihom* u għamel id-dwejjaq. 34 Imbagħad qal: “Fejn qegħedtuh?” Qalulu: “Ejja ħa nuruk, Mulej.” 35 Ġesù qabiżlu d-dmugħ. 36 Xħin raw dan, il-Lhud bdew jgħidu: “Kemm kien iħobbu!” 37 Imma xi wħud minnhom qalu: “La fejjaq raġel li ma jarax, ma setax jagħmel xi ħaġa biex Lazzru ma jmutx?”
38 Imbagħad Ġesù reġaʼ ħassu mdejjaq u mar ħdejn il-qabar.* Dan kien għar u kien magħluq b’ġebla. 39 Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.” Marta, oħt dak li kien miet, qaltlu: “Mulej, s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem.” 40 Ġesù qalilha: “M’għedtlekx jien li jekk temmen tara l-qawwa kbira* t’Alla?” 41 Wara li neħħew il-ġebla, Ġesù ħares lejn is-sema u qal: “Missier, grazzi talli smajtni. 42 Naf li dejjem tismagħni, imma qed ngħid hekk minħabba l-folla taʼ madwari, ħalli jemmnu li int bgħattni.” 43 Wara hu qal b’leħen għoli: “Lazzru oħroġ!” 44 Dak li qabel kien mejjet ħareġ b’saqajh u jdejh infaxxati, u wiċċu kien mgħotti b’ċarruta. Ġesù qalilhom: “Neħħuhomlu ħalli jkun jistaʼ jimxi.”
45 Għalhekk ħafna mil-Lhud li kienu marru għand Marija u raw x’għamel, bdew juru fidi fih. 46 Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. 47 Għalhekk, il-qassisin importanti u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed jagħmel ħafna mirakli? 48 Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jibda juri fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna t-tempju* u l-poplu tagħna.” 49 Imma Kajfa, wieħed minnhom, li dik is-sena kien il-qassis il-kbir, qalilhom: “Intom ma tafu assolutament xejn. 50 M’intomx tindunaw li hu għall-ġid tagħkom li raġel wieħed imut għall-poplu minflok ma jinqered il-poplu kollu?” 51 Dan ma qalux skont dak li kien qed jaħseb hu. Imma peress li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, hu pprofetizza li Ġesù kien se jmut għall-poplu, 52 u mhux biss għall-poplu, imma biex jiġbor flimkien lit-tfal t’Alla li huma mxerrdin. 53 Għalhekk, minn dakinhar bdew jiftiehmu biex joqtluh.
54 Għalhekk, Ġesù ma baqax imur f’postijiet fejn setgħu jarawh ħafna nies,* imma telaq minn hemm lejn post viċin id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u baqaʼ hemm mad-dixxipli. 55 Issa kien wasal iż-żmien għall-festa tal-Qbiż tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu lejn Ġerusalemm biex jitnaddfu b’mod ċerimonjali qabel il-Qbiż. 56 Huma bdew ifittxu lil Ġesù u waqt li kienu fit-tempju bdew jgħidu lil xulxin: “Int x’taħseb? Tgħid veru li mhux se jiġi għall-festa?” 57 Imma l-qassisin importanti u l-Fariżej kienu taw kmand li jekk xi ħadd isir jaf fejn hu Ġesù, għandu jgħidilhom ħalli jkunu jistgħu jarrestawh.*
12 Sitt ijiem qabel il-Qbiż, Ġesù wasal f’Betanja, fejn kien jgħix Lazzru li kien ġie mqajjem mill-mewt. 2 Għalhekk, għamlulu ikla taʼ filgħaxija hemm u Marta kienet qed isservihom, imma Lazzru kien wieħed minn dawk li qed jieklu miegħu. 3 Imbagħad Marija ħadet libbra* żejt ifuħ, li kien magħmul minn nard pur u kien jiswa ħafna, ferrgħetu fuq saqajn Ġesù, u mesħithomlu b’xagħarha. Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ taʼ dan iż-żejt. 4 Imma Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu li kien se jittradih dalwaqt, qal: 5 “Dan iż-żejt ifuħ għala ma nbiegħx għal 300 dinar* u ngħataw lill-foqra?” 6 Hu qal dan mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u peress li kien jieħu ħsieb il-kaxxa tal-flus, hu kien jisraq minnha. 7 Imbagħad Ġesù qal: “Ħalliha bi kwietha biex tkun tistaʼ tagħmel dan bħala preparazzjoni għal meta se nindifen. 8 Dejjem se jkun hawn nies foqra magħkom, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.”
9 Sadanittant ħafna Lhud saru jafu li kien hemm. Huma marru hemm mhux biex jaraw lil Ġesù biss, imma wkoll lil Lazzru, li kien qajmu mill-mewt. 10 Il-qassisin importanti issa ftiehmu bejniethom biex joqtlu lil Lazzru wkoll, 11 għax minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu qed imorru hemm u juru fidi f’Ġesù.
12 L-għada, il-folla kbira li kienet marret għall-festa semgħet li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm. 13 Għalhekk, ħadu friegħi tal-palm, marru jiltaqgħu miegħu, u bdew jgħajtu: “Ħa jiġi salvat! Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova,* ir-Re t’Iżrael!” 14 Meta Ġesù sab felu taʼ ħmara, hu qagħad bilqiegħda fuqu bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: 15 “Tibżax bint Sijon.* Ir-re tiegħek ġej riekeb fuq felu taʼ ħmara.” 16 Għall-ewwel, id-dixxipli tiegħu ma fehmuhomx dawn l-affarijiet, imma meta Ġesù ġie gglorifikat, huma ftakru li dak li għamlulu kien eżatt dak li hemm miktub dwaru.
17 In-nies li kienu miegħu meta għajjat lil Lazzru biex joħroġ mill-qabar* u qajmu mill-mewt baqgħu jgħidu lill-oħrajn x’ġara. 18 Hu għalhekk li l-folla marret tiltaqaʼ miegħu għax semgħet li hu kien għamel dan il-miraklu. 19 Għalhekk, il-Fariżej qalu bejniethom: “Kif nistgħu naraw mhu qed naslu mkien! Id-dinja kollha marret warajh!”
20 Fost dawk li kienu marru biex iqimu fil-festa kien hemm xi Griegi. 21 Għalhekk, huma marru ħdejn Filippu, li kien minn Betsajda tal-Galilija, u bdew jgħidulu: “Sinjur, irridu naraw lil Ġesù.” 22 Filippu mar jgħid lil Indrì. Imbagħad it-tnejn li huma marru jgħidu lil Ġesù.
23 Imma Ġesù wiġibhom: “Wasal iż-żmien biex jien, Bin il-bniedem, niġi gglorifikat. 24 Naċċertakom li jekk qamħa ma taqax fl-art u tmut, tibqaʼ hi biss, imma jekk tmut, tagħmel ħafna qamħ. 25 Kull min iħobb lil ħajtu jeqridha, imma kull min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja se jipproteġiha biex ikollu l-ħajja taʼ dejjem. 26 Jekk xi ħadd irid ikun il-qaddej tiegħi, ħa jiġi warajja, u fejn inkun jien, hu jkun hemm ukoll. Jekk xi ħadd irid ikun il-qaddej tiegħi, il-Missier jonorah. 27 Issa jien inkwetat u ma nafx x’naqbad ngħid. Missier, salvani minn din is-sitwazzjoni diffiċli. Minkejja dan, jien għalhekk ġejt. 28 Missier, igglorifika lil ismek.” Imbagħad leħen mis-sema qal: “Igglorifikajtu u ħa nerġaʼ nigglorifikah.”
29 In-nies li kienu hemm semgħu dan u bdew jgħidu li kien riegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” 30 Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma nstemax minħabba fija, imma minħabba fikom. 31 Issa din id-dinja qed tiġi ġġudikata, u l-mexxej tagħha se jitkeċċa ’l barra. 32 Imma jien, jekk niġi mdendel maʼ zokk, se niġbed lejja lil kull tip taʼ nies.” 33 Hu kien qed jgħid dan biex jurihom b’liema mod kien se jmut dalwaqt. 34 Imbagħad il-folla wiġbitu: “Mil-Liġi* aħna smajna li l-Kristu se jibqaʼ għal dejjem. Allura kif qed tgħid li Bin il-bniedem għandu jiġi mdendel maʼ zokk? Min hu Bin il-bniedem?” 35 Għalhekk Ġesù qalilhom: “Id-dawl se jkun fostkom għal ftit ieħor. Imxu waqt li għandkom id-dawl, biex id-dlam ma jirbħilkomx. Kull min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer. 36 Waqt li għandkom id-dawl, uru l-fidi fih biex b’hekk issiru t-tfal tad-dawl.”
Wara li Ġesù qal dan, mar jistaħba minnhom. 37 Għalkemm kien għamel ħafna mirakli quddiemhom, huma ma kinux qed juru fidi fih. 38 Dan ġara biex isir dak li qal il-profeta Isaija: “Ġeħova,* hemm xi ħadd li wera fidi fl-affarijiet li smajna aħna?* U lil min intweriet l-id b’saħħitha tiegħek, Ġeħova?”* 39 Isaija qal ukoll ir-raġuni għala ma setgħux jemmnu: 40 “Jien għamejthom u ġegħelthom iwebbsu rashom* ħalli ma jkunux jistgħu jaraw u jifhmu x’għandhom jagħmlu u jerġgħu jiġu għandi biex infejjaqhom.” 41 Isaija qal dawn l-affarijiet dwar Kristu għax ra l-glorja tiegħu. 42 Minkejja dan, ħafna mill-mexxejja kellhom fidi fih, però ma kinux juruha minħabba l-Fariżej, għax inkella kienu jitkeċċew mis-sinagoga. 43 Huma kienu jħobbu iktar li jkunu approvati min-nies* milli jkunu approvati minn* Alla.
44 Madankollu Ġesù qal b’leħen għoli: “Kull min ikollu fidi fija ma jkollux fidi fija biss, imma wkoll f’dak li bagħatni, 45 u kull min jarani, jara wkoll lill-Wieħed li bagħatni. 46 Jien ġejt bħala dawl fid-dinja ħalli kull min juri fidi fija ma jibqax fid-dlam. 47 Imma jekk xi ħadd jismaʼ dak li ngħid u ma jobdix, jien ma niġġudikahx, għax ma ġejtx biex niġġudika lid-dinja, imma biex insalvaha. 48 Kull min ma jagħtix kasi u ma jaċċettax dak li ngħid, hemm xi ħadd li se jiġġudikah. Hu se jiġi ġġudikat fl-aħħar jum b’dak li għedt jien. 49 Jien ma nitkellimx minn jeddi, imma jien ngħid u ngħallem dak li kkmandani l-Missier li bagħatni. 50 Jien naf li dak li kkmandani nagħmel iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, jien ngħid kulma jgħidli l-Missier.”
13 Qabel il-festa tal-Qbiż, Ġesù kien jaf li wasal il-ħin biex jitlaq mid-dinja u jmur għand il-Missier, u peress li kien iħobb lid-dixxipli tiegħu li kienu fid-dinja, hu baqaʼ jħobbhom sal-aħħar. 2 Waqt li kienu qed jieklu l-ikla taʼ filgħaxija, ix-Xitan kien diġà influwenza lil* Ġuda l-Iskarjota t-tifel taʼ Xmun biex jittradixxi lil Ġesù. 3 Għalhekk, peress li Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh u li kien ġej mingħand Alla u kien reġaʼ sejjer għand Alla, 4 qam minn mal-mejda u neħħa l-ħwejjeġ taʼ fuq. Hu qabad xugaman u dawru maʼ qaddu. 5 Wara, tefaʼ l-ilma fi friskatur u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxottahom bix-xugaman li kellu maʼ qaddu. 6 Meta wasal għal Xmun Pietru, dan qallu: “Mulej, int se taħsilli saqajja?” 7 Ġesù wieġbu: “Għalissa mhux se tifhem x’qed nagħmel, imma se tifhem iktar ’il quddiem.” 8 Pietru qallu: “Qatt mhu se nħallik taħsilli saqajja.” Ġesù wieġbu: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma tkunx wieħed minn tiegħi.” 9 Xmun Pietru qallu: “Mulej, mhux saqajja biss aħsilli, imma jdejja u rasi wkoll.” 10 Ġesù qallu: “Min hu maħsul, saqajh biss irid jaħsel, għax hu nadif għalkollox. Intom kollha nodfa, apparti wieħed.” 11 Għax hu kien jaf min kien se jittradih. Kien għalhekk li qal li mhux kollha kienu nodfa.
12 Wara li ħaslilhom saqajhom u libes il-ħwejjeġ taʼ fuq, reġaʼ qagħad mal-mejda u qalilhom: “Qed tifhmu għala għamiltilkom hekk? 13 Intom tgħajtuli ‘Għalliem’ u ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. 14 Għalhekk, jekk jien, il-Mulej u l-Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, anki intom għandkom* taħslu saqajn xulxin. 15 Jien kont t’eżempju għalikom* ħalli tagħmlu bħalma għamiltilkom jien. 16 Naċċertakom li lsir mhux aħjar minn sidu, u lanqas dak li ntbagħat mhu aħjar minn dak li bagħtu. 17 Issa li tafu dawn l-affarijiet, se tkunu ferħanin jekk tagħmluhom. 18 Mhux qed nitkellem dwarkom kollha, għax nafhom lil dawk li għażilt. Imma dan ġara ħalli jsir bħalma tgħid l-Iskrittura, ‘Il-wieħed li kien jiekol miegħi dar kontrija.’* 19 Jien qed ngħidilkom x’se jiġri, ħalli meta jiġri temmnu li din l-iskrittura qed titkellem dwari. 20 Naċċertakom li min jilqaʼ lil xi ħadd li bgħattu jien, jilqaʼ lili wkoll. U min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil Dak li bagħatni.”
21 Wara li qal hekk, Ġesù ħassu inkwetat ħafna u qal: “Naċċertakom li wieħed minnkom se jittradini.” 22 Id-dixxipli bdew iħarsu lejn xulxin, għax ma kinux jafu għal min qed jgħid. 23 Wieħed mid-dixxipli li Ġesù kien iħobb ħafna kien bilqiegħda viċin* Ġesù. 24 Għalhekk, Xmun Pietru għamillu sinjal b’rasu u qallu: “Għal min qed jgħid?” 25 Għalhekk, id-dixxiplu ntelaq lura lejn Ġesù u staqsieh: “Min hu, Mulej?” 26 Ġesù wieġbu: “Hu dak li se nagħtih il-biċċa ħobż li se nbill.” Wara li bill il-ħobż tah lil Ġuda t-tifel taʼ Xmun l-Iskarjota. 27 Wara li Ġuda ħa l-biċċa ħobż, Satana influwenzah. Għalhekk Ġesù qallu: “Dak li qed tagħmel, agħmlu iktar malajr.” 28 Imma ħadd minn dawk li kienu mal-mejda ma kien jaf għala qallu hekk. 29 Fil-fatt, peress li Ġuda kien jieħu ħsieb il-kaxxa tal-flus, xi wħud bdew jaħsbu li Ġesù kien qed jgħidlu biex jixtri dak li għandhom bżonn għall-festa jew biex jagħti xi ħaġa lill-foqra. 30 Għalhekk, wara li ngħata l-biċċa ħobż, hu ħareġ mill-ewwel. Dan ġara billejl.
31 Wara li ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Issa jien, Bin il-bniedem, qed niġi gglorifikat, u Alla se jiġi gglorifikat permezz tiegħi. 32 Alla stess se jigglorifikani, u se jagħmel dan mill-ewwel. 33 Ħbieb tiegħi,* jien se nibqaʼ magħkom ftit ieħor. Intom se tfittxuni, imma se ngħidilkom bħalma għedt lil-Lhud, ‘Ma tistgħux tiġu fejn sejjer jien.’ 34 Jien qed nagħtikom dan il-kmandament ġdid: Għandkom tħobbu lil xulxin. Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. 35 Jekk tħobbu lil xulxin, kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi.”
36 Xmun Pietru qallu: “Mulej, fejn sejjer?” Ġesù wieġbu: “Issa ma tistax tiġi fejn sejjer jien, imma se tiġi iktar tard.” 37 Pietru qallu: “Mulej, għala ma nistax niġi miegħek issa? Jien nagħti ħajti għalik.” 38 Ġesù wieġbu: “Veru li se tagħti ħajtek għalija? Naċċertak li int żgur se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq.”
14 “Tkunux ansjużi. Uru fidi f’Alla u fija wkoll. 2 Id-dar taʼ Missieri fiha ħafna postijiet fejn toqogħdu. Kieku ma kienx hekk ma kontx ngħidilkom dan. Jien sejjer biex inlestilkom post fejn toqogħdu. 3 Ukoll, wara li mmur u nlestilkom post fejn toqogħdu, nerġaʼ niġi u niħodkom miegħi ħalli tkunu fejn inkun jien. 4 U intom tafuha t-triq fejn sejjer.”
5 Tumas qallu: “Mulej, jekk lanqas nafu fejn int sejjer, kif nafu t-triq?”
6 Ġesù qallu: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jistaʼ jmur għand il-Missier ħlief permezz tiegħi. 7 Jekk tafu lili, tafu wkoll lil Missieri. Minn issa intom se ssiru tafuh. Infatti, diġà rajtuh.”
8 Filippu qallu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.”
9 Ġesù qallu: “Filippu, ili tant magħkom u għadek ma tafnix? Kull min ra lili ra lill-Missier ukoll. Allura kif qed tgħidli, ‘Urina l-Missier’? 10 Ma temminx li jien qiegħed mal-Missier u li l-Missier qiegħed miegħi? Dak li ngħidilkom mhuwiex skont dak li naħseb jien, imma l-Missier li jibqaʼ miegħi qed jagħmel dak li jrid permezz tiegħi. 11 Emmnu dak li qed ngħidilkom, li jien qiegħed mal-Missier u l-Missier qiegħed miegħi. Imma jekk ma temmnux minħabba dak li ngħid, emmnu minħabba dak li nagħmel. 12 Naċċertakom li kull min juri fidi fija, se jagħmel ukoll ix-xogħol li nagħmel jien. U se jagħmel iktar xogħol minni, għax jien sejjer għand il-Missier. 13 Ukoll, kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu, ħalli l-Missier jiġi mfaħħar permezz tiegħi, Ibnu. 14 Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jien nagħmilha.
15 “Jekk tħobbuni, tobdu dak li kkmandajtkom. 16 U jien nitlob lill-Missier u hu jagħtikom ajjutant* ieħor biex ikun magħkom għal dejjem, 17 jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċivih, għax la tarah u lanqas taf bih. Intom tafu bih għax qiegħed fikom u jibqaʼ magħkom. 18 Jien mhux se nħallikom waħedkom,* imma se nerġaʼ niġi magħkom. 19 Fi ftit żmien ieħor id-dinja mhux se tarani, imma intom se tarawni, għax jien ngħix u b’hekk intom se tgħixu. 20 Dakinhar intom se tkunu tafu li jien qiegħed maʼ Missieri, intom qegħdin miegħi, u jien qiegħed magħkom. 21 Kull min jaċċetta u jobdi dak li nikkmanda, iħobbni. U min iħobb lili, Missieri se jħobbu. Jien ukoll se nħobbu u nurih ċar min jien.”
22 Ġuda (mhux l-Iskarjota) qallu: “X’ġara Mulej biex beħsiebek turi min int b’mod ċar lilna u mhux lid-dinja?”
23 Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, se jobdi dak li ngħid, u Missieri jħobbu. Jien u Missieri mmorru għandu u noqogħdu miegħu. 24 Min ma jħobbnix ma jobdix dak li ngħid. Dak li ngħid mhux ġej mingħandi, imma mingħand il-Missier li bagħatni.
25 “Jien għedtilkom dan waqt li għadni magħkom. 26 Imma l-ajjutant, jiġifieri l-ispirtu qaddis, li l-Missier se jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom jien. 27 Jien se nkompli nagħtikom il-paċi li qed tgawdu miegħi bħalissa. Il-paċi li nagħtikom jien hi differenti minn dik tad-dinja. Tkunux ansjużi u tibżgħux. 28 Intom smajtuni ngħidilkom li se nitlaq u nerġaʼ niġi għandkom. Jekk tħobbuni, tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier għandu awtorità iktar minni.* 29 Qed ngħidilkom dan minn qabel ħalli meta jiġri, intom temmnu dak li għedt. 30 Jien mhux se nitkellem ħafna iktar magħkom, għax ġej il-mexxej taʼ din id-dinja. Hu ma jistaʼ jagħmilli xejn, 31 imma jien qed nagħmel bħalma kkmandani l-Missier, ħalli d-dinja tkun taf li jien inħobbu. Qumu, ejja nitilqu minn hawn.
15 “Jien id-dielja vera, u Missieri hu l-bidwi. 2 Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha, u jiżbor kull waħda biex inaddafha ħalli b’hekk tagħmel iktar frott. 3 Intom diġà nodfa minħabba dak li għedtilkom. 4 Ibqgħu miegħi, u jien nibqaʼ magħkom. Fergħa ma tistax tagħmel frott jekk titqaċċat minn mad-dielja. L-istess intom jekk ma tibqgħux miegħi. 5 Jien id-dielja u intom il-friegħi. Kull min jibqaʼ miegħi u jien nibqaʼ miegħu, jagħmel ħafna frott, għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. 6 Jekk xi ħadd ma jibqax miegħi, se jkun bħal fergħa li tintrema u tinxef. U n-nies jiġbru dawn il-friegħi u jaħarquhom. 7 Jekk tibqgħu miegħi u tobdu dak li ngħid, tistgħu titolbu kulma tridu u tiħduh. 8 Meta tibqgħu tagħmlu ħafna frott u turu li intom dixxipli tiegħi, Missieri jiġi gglorifikat. 9 Jien inħobbkom bħalma jħobbni l-Missier. Għalhekk komplu bbenefikaw mill-imħabba tiegħi. 10 Jekk tobdu dak li nikkmanda, se tkomplu tibbenefikaw mill-imħabba tiegħi, bħalma jien nobdi dak li kkmandani l-Missier u nkompli nibbenefika mill-imħabba tiegħu.
11 “Għedtilkom dan ħalli tħossukom ferħanin bħalma nħossni jien, u tkunu vera ferħanin. 12 Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma nħobbkom jien. 13 M’hemmx imħabba akbar milli xi ħadd imut għall-ħbieb tiegħu. 14 Jekk tagħmlu dak li nikkmandakom, tkunu l-ħbieb tiegħi. 15 Jien ma ngħidilkomx iktar ilsiera, għax l-ilsir ma jkunx jaf x’jagħmel sidu. Imma ngħidilkom ħbieb, għax għedtilkom dwar dak kollu li smajt mingħand Missieri. 16 Mhux intom għażiltuni, imma jien għażilt lilkom. Jien inkarigajtkom biex tmorru u tkomplu tagħmlu frott li ma jispiċċax, ħalli b’hekk kulma titolbu lill-Missier f’ismi jagħtihulkom.
17 “Jien qed nikkmandakom dawn l-affarijiet ħalli tħobbu lil xulxin. 18 Jekk id-dinja tobgħodkom, ftakru li kienet tobgħod lili qabel ma bdiet tobgħod lilkom. 19 Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun ferħana bikom. Imma peress li għażiltkom mid-dinja u m’intomx parti minnha, id-dinja tobgħodkom. 20 Ftakru dan li għedtilkom: Ilsir mhux aħjar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, se jippersegwitaw lilkom ukoll. Jekk obdew dak li għedt jien, se jobdu dak li tgħidulhom intom ukoll. 21 Imma huma se jagħmlu dawn l-affarijiet kollha kontrikom minħabba li intom id-dixxipli tiegħi u minħabba li ma jafux lill-Wieħed li bagħatni. 22 Li kieku ma ġejtx u kellimthom, ma kinux ikunu ħatjin tad-dnub. Imma issa m’għandhom ebda skuża għad-dnub tagħhom. 23 Kull min jobgħod lili, jobgħod ukoll lil Missieri. 24 Kieku ma rawx il-mirakli li għamilt u li ħadd m’għamel bħalhom, ma kinux ikunu ħatjin tad-dnub, imma issa rawni u saru jobogħdu lili u wkoll lil Missieri. 25 Imma dan ġara biex isir dak li hemm miktub fil-Liġi* tagħhom: ‘Huma saru jobogħduni għalxejn.’ 26 Meta jiġi l-ajjutant li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, se jagħti xhieda dwari. 27 Bl-istess mod, intom għandkom tagħtu xhieda dwari, għax ilkom miegħi mill-bidu.
16 “Għedtilkom dawn l-affarijiet ħalli ma titilfux il-fidi tagħkom.* 2 In-nies se jkeċċukom mis-sinagoga. Fil-fatt, ġej iż-żmien meta kull min joqtolkom jaħseb li qed jaqdi lil Alla. 3 Imma se jagħmlu dawn l-affarijiet għax la jafu l-Missier u lanqas lili. 4 Imma jien għedtilkom dwar dawn l-affarijiet ħalli meta jasal iż-żmien li jiġru, tiftakru li għedtilkom dwarhom.
“Għall-ewwel m’għedtilkomx dwar dawn l-affarijiet, għax kont għadni magħkom. 5 Imma issa jien sejjer għand Dak li bagħatni. Madankollu ħadd minnkom ma staqsieni, ‘Fejn sejjer?’ 6 Imma peress li għedtilkom dan, għamiltu ħafna dwejjaq. 7 Imma emmnuni li hu għall-ġid tagħkom li se nitlaq. Għax jekk ma nitlaqx, l-ajjutant ma jiġix għandkom, iżda jekk nitlaq, jien nibagħtu għandkom. 8 U meta dan l-ajjutant jasal, se juri biċ-ċar lil kulħadd x’inhu d-dnub, x’inhi l-ġustizzja, u x’inhu l-ġudizzju t’Alla: 9 l-ewwel, se juri b’mod ċar id-dnub tad-dinja, għax id-dinja ma turix fidi fija; 10 imbagħad se juri lid-dinja li jien nagħmel dak li hu ġust, għax sejjer għand il-Missier u intom ma tarawnix iktar; 11 imbagħad se juri biċ-ċar lil min jiġġudika Alla, għax hu diġà ġġudika lill-mexxej taʼ din id-dinja.
12 “Għad fadalli ħafna x’ngħidilkom, imma għalissa ma tistgħux tifhmuh. 13 Madankollu, meta dan* jiġi, jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, se jiggwidakom u jgħinkom tifhmu aħjar il-verità kollha, għax dak li jgħid mhux ġej minnu stess, imma hu jgħid dak li jismaʼ mingħand Alla. Dan se jispjegalkom l-affarijiet li għad iridu jiġru. 14 Dan se jigglorifikani, għax hu jgħidilkom dak li jismaʼ mingħandi. 15 Kulma għandu l-Missier hu tiegħi wkoll. Hu għalhekk li għedtilkom li l-ajjutant se jgħidilkom dak li semaʼ mingħandi. 16 Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni.”
17 Għal dan xi dixxipli bdew jistaqsu lil xulxin: “Xi jrid jgħid biha meta qal, ‘Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni,’ u, ‘għax sejjer għand il-Missier’?” 18 Huma baqgħu jgħidu: “Xi jrid jgħid biha, ‘ftit ieħor’? Ma nafux fuqiex qed jitkellem.” 19 Ġesù kien jaf li xtaqu jistaqsuh dwar dan, għalhekk qalilhom: “Jaqaw qed tistaqsu lil xulxin biex tkunu tafu għala għedt, ‘Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni’? 20 Naċċertakom li se tibku fuq li tibku, imma d-dinja se tifraħ. Se tkunu mdejqin ħafna, imma d-dwejjaq tagħkom se jinbidel f’ferħ. 21 Meta mara tkun qed twelled, hi tkun muġugħa,* imma meta twelled ma tibqax tiftakar fl-uġigħ li kellha, għax tkun ferħana li qed tara t-tarbija tagħha. 22 Anki intom, issa mdejqin, imma meta terġgħu tarawni se tifirħu ħafna* u ħadd ma jkun jistaʼ jiħdilkom dan il-ferħ. 23 Dakinhar mhu se tistaqsuni xejn. Imma naċċertakom li jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, hu se jagħtihielkom. 24 S’issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u tirċievu ħalli tkunu ferħanin ħafna.
25 “Jien għedtilkom dawn l-affarijiet billi użajt l-eżempji. Ġej iż-żmien fejn ma nibqax inkellimkom bl-eżempji, imma nkellimkom b’mod ċar dwar il-Missier. 26 Dakinhar se titolbu lill-Missier f’ismi, imma dan ma jfissirx li se jkolli bżonn nitlob għalikom kull darba. 27 Għax il-Missier iħobbkom peress li intom tħobbuni u emmintu li bagħatni hu. 28 Il-Missier bagħatni u ġejt fid-dinja. Issa se nitlaq mid-dinja u mmur għand il-Missier.”
29 Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Mulej, issa qed nifhmu dak li qed tgħidilna għax mhux tuża eżempji. 30 Aħna nafu li int taf kollox u li m’hemmx bżonn li xi ħadd jistaqsik xi ħaġa, għax int tkun diġà taf x’qed jaħseb. B’dan nemmnu li ġej mingħand Alla.” 31 Ġesù qalilhom: “Issa qed temmnu, 32 imma dalwaqt ġej iż-żmien fejn kull wieħed minnkom se jaħrab lejn daru u tħalluni waħdi. Imma m’iniex waħdi, għax il-Missier hu miegħi. 33 Għedtilkom dawn l-affarijiet biex permezz tiegħi jkollkom il-paċi. Fid-dinja se tbatu, imma agħmlu l-kuraġġ, għax jien irbaħt lid-dinja!”
17 Wara li Ġesù qal hekk, ħares lejn is-sema u qal: “Missier, iż-żmien wasal. Igglorifikani ħalli jien nigglorifikak. 2 Igglorifikani bħalma għamilt billi tajtni l-awtorità fuq in-nies kollha, ħalli nkun nistaʼ nagħti l-ħajja taʼ dejjem lil dawk kollha li tajtni int. 3 Dawk li se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem iridu jsiru jafu lilek,* l-uniku Alla veru, u lili, Ġesù Kristu li int bgħatt. 4 Jien igglorifikajtek fuq l-art billi lestejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. 5 Għalhekk Missier, ħallini nkun maġenbek u jkolli l-glorja li kelli meta kont ħdejk qabel ma kienet teżisti d-dinja.
6 “Lin-nies li tajtni mid-dinja, jien għallimthom dwar ismek.* Dawn kienu tiegħek u int tajthom lili, u huma obdew dak li għedtilhom int. 7 Issa saru jafu li kulma tajtni ġej mingħandek, 8 għax meta għedtilhom kulma għedtli int, huma aċċettawh u bla dubju saru jafu li jien ġejt mingħandek u emmnu li int bgħattni. 9 Jien nitlob għalihom. Ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li tajtni int, għax huma tiegħek. 10 Kulma għandi hu tiegħek u dak li għandek int hu tiegħi, u jien ġejt igglorifikat fosthom.
11 “Jien se nitlaq mid-dinja, għax ġej għandek, imma huma qegħdin fid-dinja. Missier Qaddis, ħu ħsiebhom minħabba ismek li tajtni biex nirrappreżenta, ħalli b’hekk ikunu ħaġa waħda* bħalma aħna ħaġa waħda.* 12 Meta kont magħhom, ħadt ħsiebhom minħabba ismek li tajtni biex nirrappreżenta. Jien ipproteġejthom u ħadd minnhom ma nqered, ħlief il-wieħed li se jinqered biex isir bħalma tgħid l-Iskrittura. 13 Imma issa ġej għandek, u qed ngħid dawn l-affarijiet fid-dinja ħalli d-dixxipli tiegħi jkunu vera ferħanin bħali. 14 Jien għedtilhom dak li għedtli int, imma d-dinja saret tobgħodhom, għax mhumiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti minnha.
15 “Jien ma nitolbokx biex toħroġhom mid-dinja, imma biex tipproteġihom minħabba l-wieħed ħażin. 16 Huma mhumiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti minnha. 17 Agħmilhom qaddisin* permezz tal-verità, għax dak li tgħid int hu veru. 18 Bħalma int bgħattni fid-dinja, anki jien bgħatthom fid-dinja. 19 Jien qed nibqaʼ qaddis ħalli anki huma jkunu qaddisin permezz tal-verità.
20 “Ma nitlobx għal dawn biss, imma wkoll għal kull min juri fidi fija wara li jiġi mgħallem minnhom. 21 B’hekk ikunu ħaġa waħda, bħalma int, Missier, qiegħed miegħi u jien qiegħed miegħek. Jalla huma jkunu ħaġa waħda magħna wkoll, biex hekk id-dinja temmen li int bgħattni. 22 Jien tajthom il-glorja li tajtni int, biex b’hekk ikunu ħaġa waħda bħalma jien u int ħaġa waħda. 23 Jien qiegħed magħhom u int qiegħed miegħi, biex huma jkunu verament magħqudin, u d-dinja tkun taf li int bgħattni u li tħobbhom bħalma tħobb lili. 24 Missier, jien nixtieq li dawk li tajtni jkunu fejn qiegħed jien, ħalli b’hekk jaraw il-glorja li tajtni int, għax int ħabbejtni qabel il-bidu tad-dinja.* 25 Missier Ġust, id-dinja ma saritx tafek, imma jien nafek, u dawn li tajtni jafu li int bgħattni. 26 Jien għallimthom dwar ismek u nibqaʼ nagħmel hekk, biex juru l-imħabba bħalma turi int miegħi u biex jien inkun magħhom.”
18 Wara li qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam il-Wied taʼ Kidron. Hemm kien hemm ġnien u daħlu fih. 2 Ġuda, li kien se jittradih, kien jaf b’dan il-post, għax Ġesù kemm-il darba ltaqaʼ mad-dixxipli tiegħu hemmhekk. 3 Għalhekk, Ġuda ħa miegħu l-grupp taʼ suldati u l-uffiċjali tal-qassisin importanti u tal-Fariżej, u marru hemm b’torċi, lampi, u armi. 4 Peress li Ġesù kien jaf b’kulma kien se jiġrilu, resaq ’il quddiem, u staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” 5 Huma wiġbuh: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” Hu qalilhom: “Jien hu.” Magħhom kien hemm Ġuda li kien se jittradih.
6 Imma meta Ġesù qalilhom li kien hu, huma resqu lura u waqgħu mal-art. 7 Għalhekk reġaʼ staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Qalulu: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” 8 Ġesù wiġibhom: “Għedtilkom li jien hu. Jekk qed tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru.” 9 Hu għamel hekk biex isir dak li qal: “Minn dawk kollha li tajtni ma tlift lil ħadd.”
10 Imbagħad Xmun Pietru ħareġ ix-xabla tiegħu u qataʼ l-widna l-leminija tal-ilsir tal-qassis il-kbir. Dan l-ilsir kien jismu Malku. 11 Imma Ġesù qal lil Pietru: “Daħħal ix-xabla f’postha. M’għandix jien nixrob mit-tazza* li tani l-Missier?”
12 Imbagħad is-suldati, il-kmandant tal-armata, u l-uffiċjali tal-Lhud qabdu* lil Ġesù u rabtuh. 13 Huma l-ewwel ħaduh għand Anna, għax kien il-kunjatu taʼ Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena. 14 Fil-fatt, Kajfa kien il-wieħed li qal lil-Lhud* li kien għall-ġid tagħhom li raġel wieħed imut għall-poplu.
15 Xmun Pietru u dixxiplu ieħor kienu qed isegwu lil Ġesù. Dan id-dixxiplu kien jafu lill-qassis il-kbir, allura daħal maʼ Ġesù fil-bitħa tal-qassis il-kbir, 16 imma Pietru baqaʼ barra ħdejn il-bieb.* Għalhekk, id-dixxiplu l-ieħor, li kien jaf lill-qassis il-kbir, ħareġ, tkellem maʼ min kien qed jieħu ħsieb il-bieb, u daħħal lil Pietru. 17 Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int mhux xi wieħed mid-dixxipli taʼ dan ir-raġel, hux?” Qalilha: “Le ta.” 18 Peress li kienet il-kesħa, l-ilsiera u l-uffiċjali qabbdu n-nar u qagħdu madwaru. Anki Pietru qagħad magħhom ħdejn in-nar.
19 Wieħed mill-qassisin importanti staqsa lil Ġesù dwar id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. 20 Ġesù wieġbu: “Jien tkellimt quddiem kulħadd. Dejjem għallimt fis-sinagogi u fit-tempju, fejn kienu jiltaqgħu l-Lhud kollha. M’għedt xejn bil-moħbi. 21 Għala qed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni. Huma jafu x’għedt.” 22 Wara li qal dan, wieħed mill-uffiċjali li kien hemm ta daqqa taʼ ħarta lil Ġesù ġo wiċċu u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis?” 23 Ġesù wieġbu: “Jekk għedt xi ħaġa ħażina, għidli x’inhi,* imma jekk m’għedt xejn ħażin, għala tajtni daqqa?” 24 Imbagħad Anna bagħtu marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir.
25 Sadanittant Xmun Pietru kien għadu ħdejn in-nar għas-sħana. Dawk li kienu hemm staqsewh: “Jaqaw int wieħed mid-dixxipli tiegħu wkoll?” Hu m’ammettiex imma qal: “Le m’iniex.” 26 Wieħed mill-ilsiera tal-qassis il-kbir, li kien jiġi mir-raġel li Pietru qatagħlu widintu, staqsieh: “Int mhux li kont fil-ġnien miegħu?” 27 Imma Pietru reġaʼ qal li ma jafux, u dak il-ħin idden is-serduq.
28 Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-palazz tal-gvernatur. Dan ġara kmieni filgħodu. Imma huma ma daħlux ħalli jibqgħu nodfa b’mod ċerimonjali u jkunu jistgħu jieklu l-ikla tal-Qbiż. 29 Għalhekk, Pilatu ħareġ jiltaqaʼ magħhom u qalilhom: “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?” 30 Huma wiġbuh: “Li kieku ma kienx raġel ħażin* ma konniex inġibuh għandek!” 31 Għalhekk Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom u ġġudikawh skont il-liġi tagħkom.” Il-Lhud qalulu: “Skont il-liġi aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd.” 32 Dan ġara biex isir dak li qal Ġesù meta semma b’liema mod kien se jmut dalwaqt.
33 Għalhekk, Pilatu reġaʼ daħal fil-palazz, għajjat lil Ġesù, u qallu: “Int ir-Re tal-Lhud?” 34 Ġesù wieġbu: “Qed tistaqsini għax taħseb hekk int, jew minħabba dak li smajt dwari?” 35 Pilatu wieġeb: “Int taf li jien mhux Lhudi. Il-poplu tiegħek stess u l-qassisin importanti ġabuk għandi. Għidli x’għamilt.” 36 Ġesù wieġeb: “Is-Saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Li kieku kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma s-Saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” 37 Għalhekk Pilatu qallu: “Allura int re?” Ġesù wieġbu: “Int stess qed tgħid li jien re. Jien twilidt u ġejt fid-dinja biex nagħti xhieda dwar il-verità. Kull min jgħix fi qbil mal-verità, jagħti kas dak li qed ngħid.” 38 Pilatu qallu: “X’inhi l-verità?”
Wara li qal dan, reġaʼ ħareġ ħdejn il-Lhud u qalilhom: “Ma sibt xejn ħażin fih. 39 Barra minn hekk, skont id-drawwa tagħkom, jien se neħilsilkom ħabsi fil-Qbiż. Triduni neħles lir-Re tal-Lhud?” 40 Imma għajtu: “Teħlisx lilu, imma lil Barabba!” Issa Barabba kien ħalliel.
19 Imbagħad Pilatu qabbad lis-suldati biex isawtu lil Ġesù. 2 U s-suldati għamlu kuruna tax-xewk, poġġewhielu fuq rasu, u libbsuh biċċa drapp vjola. 3 Huma bdew jersqu lejh u jgħidulu: “Il-paċi miegħek, ja Re tal-Lhud!” Ukoll, bdew jagħtuh daqqiet taʼ ħarta f’wiċċu. 4 Pilatu reġaʼ ħareġ u qalilhom: “Ġibtu hawn barra sabiex tkunu tafu li jien ma nsib xejn ħażin fih.” 5 Għalhekk, Ġesù ħareġ, u kien liebes kuruna tax-xewk u biċċa drapp vjola. U Pilatu qalilhom: “Ħarsu lejn dan ir-raġel!” 6 Madankollu, meta rawh il-qassisin importanti u l-uffiċjali bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u oqtluh* intom, għax jien ma nsib xejn ħażin fih.” 7 Il-Lhud wiġbuh: “Aħna għandna liġi, u skont il-liġi għandu jmut, għax qal li hu l-iben t’Alla.”
8 Meta Pilatu semaʼ x’kienu qed jgħidu, iktar beżaʼ. 9 Għalhekk, reġaʼ daħal fil-palazz u qal lil Ġesù: “Minn fejn int?” Imma Ġesù ma wiġbux. 10 B’hekk, Pilatu qallu: “Ma tridx tkellimni? Ma tafx li għandi l-awtorità li neħilsek jew li noqtlok?”* 11 Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda awtorità fuqi li kieku ma tahilekx Alla. Hu għalhekk li min tani f’idejk għamel dnub akbar.”
12 Minħabba f’hekk, Pilatu baqaʼ jipprova jsib mod kif jeħilsu. Imma l-Lhud għajtu: “Jekk teħles lil dan ir-raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari. Kull min jgħid li hu re jkun qed jitkellem kontra* Ċesari.” 13 Wara li Pilatu semaʼ dan, ħareġ lil Ġesù barra u qagħad bilqiegħda fuq tron tal-ġudizzju li kien f’post li kellu l-art tal-ġebel, li bl-Ebrajk jgħidulu Gabbata. 14 Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni tal-Qbiż u kien madwar nofsinhar.* Hu qal lil-Lhud: “Hawn hu r-re tagħkom!” 15 Imma huma għajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!” Pilatu qalilhom: “Għandi jien noqtol lir-re tagħkom?” Il-qassisin importanti wiġbuh: “Ċesari biss hu r-re tagħna.” 16 Imbagħad tahulhom biex jiġi msammar maʼ zokk.
Għalhekk huma ħadu lil Ġesù. 17 Waqt li Ġesù kien qed iġorr iz-zokk tat-tortura,* hu mar f’post li jgħidulu Qorriegħa, li bl-Ebrajk jgħidulu Golgota. 18 Hemmhekk sammruh maʼ zokk ħdejn żewġt irġiel oħra, wieħed fuq kull naħa. 19 Imbagħad Pilatu kiteb titlu u poġġieh fuq iz-zokk tat-tortura.* Dan kien jgħid: “Ġesù n-Nazzarenu r-Re tal-Lhud.” 20 Ħafna mil-Lhud qrawh it-titlu, għax Ġesù ġie msammar maʼ zokk f’post qrib il-belt u dan kien miktub bl-Ebrajk, bil-Latin, u bil-Grieg. 21 Madankollu, il-qassisin importanti tal-Lhud qalu lil Pilatu: “Tiktibx ‘Ir-Re tal-Lhud,’ imma li qal, ‘Jien ir-Re tal-Lhud.’” 22 Pilatu wiġibhom: “Dak li ktibt ktibt.”
23 Meta s-suldati sammru lil Ġesù maz-zokk, huma ħadu l-ħwejjeġ tiegħu u qasmuhom f’erbgħa, biċċa għal kull suldat. Imbagħad ħadu wkoll il-libsa li kien jilbes minn taħt. Imma din kienet bla ħjata, minsuġa minn fuq s’isfel. 24 Allura qalu lil xulxin: “Ħa ma nqattgħuhiex, imma nitfgħu x-xorti għaliha ħalli naraw min se jiħodha.” Dan ġara biex isir bħalma tgħid l-iskrittura: “Huma qassmu ħwejġi bejniethom u tellgħuhom bix-xorti.” Għalhekk is-suldati għamlu eżatt bħalma qalet l-Iskrittura.
25 Ħdejn iz-zokk tat-tortura* taʼ Ġesù kien hemm ommu u oħtha, kif ukoll Marija l-mara taʼ Klofa u Marija l-Maddalena. 26 Meta Ġesù ra lil ommu u d-dixxiplu li kien iħobb ħdejha, hu qal lil ommu: “Minn issa ’l quddiem dan hu ibnek!” 27 Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Minn issa ’l quddiem din hi ommok!” U minn dakinhar id-dixxiplu ħadha għandu.
28 Wara dan, Ġesù kien jaf li kien għamel dak kollu li qallu Missieru. Imbagħad qal: “Għandi l-għatx,” ħalli jsir dak li hemm fl-Iskrittura. 29 Hemmhekk kien hemm ġarra mimlija nbid qares. Għalhekk, poġġew sponża mimlija bl-inbid qares fuq qasba taż-żuf* u ressquhielu ħdejn ħalqu. 30 Meta tawh l-inbid qares, Ġesù qal: “Għamilt dak li tlabtni!” U niżżel rasu u miet.*
31 Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni u l-Lhud ma ridux iħallu l-iġsma mdendlin fis-Sabat (għax dak is-Sabat kien speċjali). Għalhekk, talbu lil Pilatu biex jiksrilhom saqajhom u jneħħihom minn hemm. 32 Allura, is-suldati marru u kisru saqajn iż-żewġt irġiel li kienu fuq iz-zokk ħdejn Ġesù. 33 Imma meta kienu se jiksru saqajn Ġesù, m’għamlux hekk għax indunaw li kien diġà mejjet. 34 Iżda wieħed mis-suldati daħħallu lanza f’ġenbu u mill-ewwel ħareġ demm u ilma. 35 U d-dixxiplu li ra dan ta xhieda, u x-xhieda tiegħu hi vera. Hu jaf li dak li jgħid hu veru. Dan qalu biex intom temmnu wkoll. 36 Fil-fatt, ġraw dawn l-affarijiet biex isir dak li tgħid l-iskrittura: “Ebda għadma ma tinkisirlu.” 37 U skrittura oħra tgħid: “Huma se jħarsu lejn dak li kienu nifdu.”
38 Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem taʼ Ġesù. Hu kien dixxiplu taʼ Ġesù, imma għax kien jibżaʼ mil-Lhud, ma kien jgħid lil ħadd dwar dan. Pilatu tah il-permess u hu mar u ħa l-ġisem taʼ Ġesù. 39 Mar ukoll Nikodemu, ir-raġel li iktar qabel kien mar għand Ġesù billejl. Hu ħa miegħu taħlita taʼ mirra u sabbara* li kienet tiżen madwar 100 libbra.* 40 Għalhekk ħadu l-ġisem taʼ Ġesù, għamlulu l-ħwawar, u dawruh fid-drapp tal-għażel, skont id-drawwa tad-dfin li kellhom il-Lhud. 41 Fil-post fejn inqatel* Ġesù inzerta kien hemm ġnien li fih kien hemm qabar* ġdid li kien għadu ma ntużax. 42 Peress li kien jum il-Preparazzjoni għall-festa tal-Lhud u l-qabar kien viċin, huma poġġew lil Ġesù hemm.
20 Fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa, Marija l-Maddalena marret kmieni filgħodu ħdejn il-qabar,* waqt li kien għadu d-dlam, u rat li l-ġebla kienet diġà tneħħiet minn quddiem il-qabar.* 2 Għalhekk, marret tiġri għand Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor li Ġesù kien iħobb u qaltilhom: “Ħadu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”
3 Imbagħad Pietru u d-dixxiplu l-ieħor marru lejn il-qabar. 4 It-tnejn li huma telqu jiġru flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ġera iktar minn Pietru u wasal l-ewwel ħdejn il-qabar. 5 Hu ttawwal ġewwa u ra d-drapp tal-għażel, imma ma daħalx. 6 Imbagħad wasal Xmun Pietru u baqaʼ dieħel fil-qabar. Hu ra d-drapp tal-għażel. 7 Il-biċċa drapp li kienet ma’ ras Ġesù ma kinitx mal-kumplament tad-drapp, imma kienet imkebba f’post għaliha. 8 Imbagħad daħal ukoll id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel, u minn dak li ra hu emmen x’qalulu. 9 Għax huma kienu għadhom ma fehmux l-iskrittura li tgħid li jrid iqum mill-mewt. 10 Għalhekk, id-dixxipli marru lura d-dar.
11 Imma Marija baqgħet barra ħdejn il-qabar tibki. Waqt li kienet qed tibki, ittawlet fil-qabar 12 u rat żewġ anġli lebsin l-abjad bilqiegħda fejn kien il-ġisem taʼ Ġesù, wieħed fejn kien hemm rasu u l-ieħor fejn kien hemm saqajh. 13 Huma staqsewha: “Għala qed tibki?” Wiġbithom: “Ħadu l-Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.” 14 Wara li qalet hekk, daret u rat lil Ġesù bilwieqfa, imma m’għarfitux. 15 Ġesù staqsieha: “Għala qed tibki? Lil min qed tfittex?” Peress li ħasbitu l-ġardinar, qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu xi mkien, għidli fejn qiegħed, ħalli mmur nieħdu minn hemm.” 16 Ġesù qalilha: “Marija!” Hi daret u bl-Ebrajk qaltlu: “Rabboni!” (li jfisser “Għalliem!”) 17 Ġesù qalilha: “Tibqax iżżomm miegħi, għax mhux tielaʼ għalissa għand il-Missier. Mur għand ħuti u għidilhom li jien tielaʼ għand Missieri u Missierhom, l-Alla tiegħi u l-Alla tagħhom.” 18 Marija l-Maddalena marret għand id-dixxipli u qaltilhom li rat lill-Mulej. Imbagħad qaltilhom x’qalilha.
19 Iktar tard dakinhar, l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa, id-dixxipli kienu miġburin flimkien u sakkru l-bibien, għax kienu qed jibżgħu mil-Lhud.* Imbagħad Ġesù mar, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.” 20 Wara li qalilhom hekk, uriehom idejh u ġenbu. U huma ferħu meta raw lill-Mulej. 21 Ġesù reġaʼ qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi. Bħalma l-Missier bagħat lili fid-dinja, jien qed nibgħat lilkom fid-dinja.” 22 Wara li qalilhom hekk, nefħilhom u qalilhom: “Irċievu l-ispirtu qaddis. 23 Jekk taħfru d-dnubiet taʼ xi ħadd, Alla jkun diġà ħafirlu, imma jekk ma taħfrulux, Alla ma jkunx ħafirlu.”
24 Imma Tumas, wieħed mit-Tnax li jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta kien hemm Ġesù. 25 Għalhekk, id-dixxipli l-oħra bdew jgħidulu li raw lill-Mulej. Imma hu qalilhom: “Jekk ma narax il-marka tal-imsiemer f’idejh u ma ndaħħalx sebgħi fihom, u jekk ma ndaħħalx idi f’ġenbu, qatt mhu se nemmen.”
26 Tmint ijiem wara, id-dixxipli tiegħu reġgħu kienu miġburin ġewwa, u Tumas kien magħhom. Għalkemm il-bibien kienu msakkrin, Ġesù mar ħdejhom, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.” 27 Imbagħad qal lil Tumas: “Miss idi b’sebgħek u daħħal idek f’ġenbi. Tibqax tiddubita* imma emmen.” 28 Tumas qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” 29 Ġesù wieġbu: “Qed temmen għax rajtni? Ferħanin huma dawk li jemmnu għalkemm ma rawx.”
30 Ġesù għamel iktar mirakli quddiem id-dixxipli li mhumiex miktubin f’dan l-iskroll. 31 Imma dawn inkitbu ħalli intom temmnu li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben t’Alla, u għax temmnu* tkunu tistgħu tgħixu għal dejjem permezz t’ismu.
21 Wara, Ġesù reġaʼ deher lid-dixxipli ħdejn il-Baħar taʼ Tiberija. Dan hu l-mod kif deher. 2 Kien hemm flimkien Xmun Pietru, Tumas (li kienu jgħidulu t-Tewmi), Natanjel minn Kana tal-Galilija, it-tfal taʼ Żebedew, u żewġ dixxipli oħra. 3 Xmun Pietru qalilhom: “Jien sejjer nistad.” Huma qalulu: “Aħna ġejjin miegħek.” Għalhekk telgħu fuq id-dgħajsa u telqu, imma ma qabdu xejn dak il-lejl.
4 Hekk kif kien qed jisbaħ, Ġesù kien fuq ix-xatt, imma d-dixxipli ma ndunawx li kien hu. 5 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Ħbieb tiegħi, għandkom xi ħaġa* x’tieklu?” Wiġbuh: “Le!” 6 Hu qalilhom: “Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u taqbdu xi ħut.” Għalhekk tefgħuha, u tant kemm qabdu ħut li ma setgħux itellgħuha. 7 Id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb qal lil Pietru: “Dan il-Mulej!” Xħin Xmun Pietru semaʼ li kien il-Mulej, libes il-libsa taʼ fuq, għax kien għarwien,* u qabeż il-baħar. 8 Imma d-dixxipli l-oħra marru bid-dgħajsa waqt li ġibdu x-xibka mimlija ħut, għax kienu biss madwar 90 metru* ’l bogħod mill-art.
9 Meta waslu max-xatt, huma raw nar jaqbad bil-ħut fuqu u l-ħobż. 10 Ġesù qalilhom: “Ġibu naqra mill-ħut li għadkom kemm qbadtu.” 11 Għalhekk, Xmun Pietru telaʼ fid-dgħajsa u ġibed ix-xibka mimlija ħut kbir għal fuq ix-xatt. Għalkemm kien hemm 153 ħuta fix-xibka, din ma tqattgħetx. 12 Ġesù qalilhom: “Ejjew kulu.” Ħadd mid-dixxipli m’ażżarda jistaqsih min hu, għax kienu jafu li hu l-Mulej. 13 Ġesù qabad il-ħobż u tahulhom, u għamel l-istess bil-ħut. 14 Din kienet it-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara li ġie mqajjem mill-mewt.
15 Wara li kielu, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni iktar minn dawn?” Hu wieġbu: “Iva Mulej, taf li nħobbok ħafna.”* Ġesù qallu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi.” 16 U reġaʼ staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Wieġbu: “Iva Mulej, taf li nħobbok ħafna.”* Ġesù qallu: “Irgħa n-nagħaġ żgħar tiegħi.” 17 Hu staqsieh għat-tielet darba: “Xmun bin Ġwanni, int tħobbni ħafna?”* Pietru għamel id-dwejjaq xħin staqsieh għat-tielet darba jekk iħobbux ħafna. Allura qallu: “Mulej, int taf kollox u taf li nħobbok ħafna.” Ġesù qallu: “Itmaʼ n-nagħaġ żgħar tiegħi. 18 Meta kont iżgħar, kont tilbes u tmur fejn tixtieq. Imma naċċertak li meta tixjieħ int se tgħolli jdejk u jlibbsek ħaddieħor u jieħdok f’postijiet li ma tridx tmur fihom.” 19 Hu qal hekk biex juri b’liema tip taʼ mewt Pietru kellu jagħti glorja lil Alla. Wara qallu: “Kompli imxi warajja.”
20 Pietru dar u ra lid-dixxiplu li Ġesù kien iħobb miexi warajhom, il-wieħed li fl-ikla taʼ filgħaxija kien intelaq lura lejn Ġesù u qallu: “Mulej, min hu dak li se jittradik?” 21 Għalhekk, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, lil dan x’se jiġrilu?” 22 Ġesù qallu: “Li kieku rridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’differenza tagħmillek? Ibqaʼ miexi warajja.” 23 Għalhekk, id-dixxipli bdew jgħidu bejniethom li dan id-dixxiplu mhux se jmut. Imma Ġesù ma qalx li ma kienx se jmut, imma qal: “Li kieku rridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’jimpurtak?”
24 Dan hu d-dixxiplu li jagħti xhieda dwar dawn l-affarijiet u li kiteb dwarhom, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi vera.
25 Fil-fatt, hemm ħafna iktar affarijiet li għamel Ġesù. Li kieku kellhom jinkitbu fid-dettall, naħseb lanqas id-dinja kollha ma kienet tesaʼ l-iskrolli miktubin.
F’dan il-kapitlu “Kelma” hi użata bħala titlu għal Ġesù.
Jew “kien divin.”
Letteralment “mid-demm.”
Jew “qalb tajba mhix mistħoqqa; qalb tajba kbira.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “fi ħdan il-Missier.” Dan jirreferi għall-pożizzjoni li turi li hu approvat b’mod speċjali.
Ara App. A5.
Letteralment “l-għaxar siegħa.”
Letteralment “X’hemm għalija u għalik, mara?” Din hija mistoqsija idjomatika li turi oġġezzjoni. Il-fatt li tintuża l-kelma “mara” ma jfissirx li qed juri diżrispett.
X’aktarx metreta kienet il-bat li kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Letteralment “f’ismu.”
Jew “Għalliem.”
Jew forsi “jitwieled mis-sema.”
Jew “mill-Gvern (mit-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ma jitwilidx mill-ilma u mill-ispirtu.”
Letteralment “ma tela’.”
Jew “l-Iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “l-Iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “dwar il-purifikazzjoni.”
Letteralment “ittimbra b’siġill.”
Jew “l-għajn tal-ilma.”
Letteralment “is-sitt siegħa.”
Letteralment “bl-ispirtu u l-verità.”
Jew “Għalliem.”
Letteralment “kien ħaj.”
Letteralment “fis-sebaʼ siegħa.”
Jiġifieri pool.
Letteralment “nexfin.”
Ara App. A3.
Letteralment “għandu l-ħajja fih innifsu.”
Letteralment “irxoxt taʼ ħajja.”
Letteralment “irxoxt taʼ ġudizzju.”
Ara App. B14.
Jiġifieri barley.
Letteralment “madwar 25 jew 30 stadja.” Ara App. B14.
Jew “Għalliem.”
Jew “approvani b’siġill.”
Ara App. A5.
Letteralment “għall-ħajja tad-dinja.”
Letteralment “m’għandkom l-ebda ħajja fikom.”
Jew “jgħallem pubblikament f’assemblea.”
Letteralment “Ifixkilkom dan?”
Letteralment “Il-ġisem ma jiswa għal xejn.”
Il-kelma Griega “xitan” tirreferi għal persuna li tħassar ir-reputazzjoni tajba taʼ xi ħadd ieħor.”
Jew “jivvjaġġa.”
Jew “tal-Għerejjex.”
Jiġifieri l-mexxejja tal-Lhud.
Letteralment “il-kitbiet.”
Jiġifieri skejjel tal-mexxejja reliġjużi.
Letteralment “jaqbduh.”
Letteralment “jaqbduh.”
Ħafna mill-manuskritti antiki u taʼ min joqgħod fuqhom ma inkludewx minn vers 53 sa vers 11 taʼ kapitlu 8.
Letteralment “il-ġisem.”
Jew “mill-immoralità sesswali.” Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “meta beda.”
Jew “ra.”
Jew “Għalliem.”
Jiġifieri pool.
Jew “raġel li jagħmel id-dnub.”
Letteralment “jibżaʼ minn Alla.”
Letteralment “ħajja bl-abbundanza.”
Jew “magħqudin.”
Milli jidher din tirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha.
Jew “qiskom allat.”
Jew “Għalliem.”
Jew “fil-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “madwar 15-il stadja.” Ara App. B14.
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “karab fl-ispirtu.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Letteralment “il-glorja.”
Letteralment “il-post.”
Letteralment “il-Lhud.”
Letteralment “jaqbduh.”
Jiġifieri libbra Rumana, madwar 327 gramma. Ara App. B14.
Ara App. B14.
Ara App. A5.
Din tistaʼ tirreferi għall-belt taʼ Ġerusalemm li kienet fuq il-Muntanja Sijon jew għan-nies tagħha.
Jew “mill-qabar tat-tifkira.”
Milli jidher din tirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha.
Ara App. A5.
Jew “dak li rrapportajna.”
Ara App. A5.
Letteralment “iwebbsu qalbhom.”
Letteralment “il-glorja tan-nies.”
Letteralment “il-glorja taʼ.”
Letteralment “daħħalha f’qalb.”
Jew “obbligati li.”
Letteralment “ħallejtilkom mudell.”
Letteralment “għolla għarqubu kontrija.”
Letteralment “fi ħdan.”
Letteralment “Tfal żgħar.” Din hi espressjoni taʼ mħabba.
Jew “jagħtikom farraġ.”
Jew “bħall-orfni.”
Letteralment “hu akbar minni.”
Milli jidher din tirreferi għall-Iskrittura Ebrajka kollha.
Letteralment “ma titfixklux.”
Il-kelma “dan” fil-versi 13 u 14 tirreferi għall-ajjutant fil-vers 7. Ġesù uża l-kelma “ajjutant” bħala persuna li tirrappreżenta l-ispirtu qaddis, jiġifieri qawwa u mhux persuna.
Jew “tkun imdejqa.”
Letteralment “qalbkom se tifraħ.”
Jew “jieħdu għarfien dwarek.”
Jew “għarrafthom ismek.”
Jew “magħqudin.”
Jew “magħqudin.”
Jew “Agħżilhom.”
Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
It-tazza tirrappreżenta dak li jrid Alla, jiġifieri li jħalli lil Ġesù jmut minħabba li jiġi akkużat b’mod falz li dagħa.
Jew “arrestaw.”
Jiġifieri l-mexxejja tal-Lhud.
Jew “id-daħla.”
Jew “agħti xhieda taʼ dan.”
Jew “kriminal.”
Jew “sammruh maʼ zokk.”
Jew “insammrek maʼ zokk?”
Jew “jiħodha kontra.”
Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”
Letteralment “ċeda l-ispirtu tiegħu.”
Jew forsi “mirra u sabbara mgeżwrin.”
Jiġifieri libbra Rumana, madwar 327 gramma. Ara App. B14.
Jew “inqatel maʼ zokk.”
Jew “qabar tat-tifkira.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jew “il-qabar tat-tifkira.”
Jiġifieri l-mexxejja tal-Lhud.
Letteralment “ma temminx.”
Jiġifieri temmnu f’ismu.
Jew “xi ħut.”
Jew “kemxejn imlibbes.”
Letteralment “madwar 200 kubitu.” Ara App. B14.
Jew “taf li għandi affezzjoni lejk.”
Jew “taf li għandi affezzjoni lejk.”
Jew “int għandek affezzjoni lejja?”