LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Atti 1:1-28:31
  • Atti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Atti
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Atti

ATTI—DAK LI GĦAMLU L-APPOSTLI

1 Teofilu, fl-ewwel rakkont jien spjegajtlek dak kollu li Ġesù għamel u għallem 2 sa dakinhar li ttieħed fis-sema. Dan ġara wara li ta istruzzjonijiet permezz tal-ispirtu qaddis lill-appostli li għażel. 3 Wara li bata, hu dehrilhom ħafna drabi, biex b’hekk ikunu ċerti li kien ħaj. Huma rawh kemm-il darba matul 40 jum, u hu tkellem dwar is-Saltna t’Alla. 4 Meta kien ikun magħhom ikkmandahom: “Titilqux minn Ġerusalemm, imma ibqgħu stennew dak li wiegħed il-Missier, li kellimtkom dwaru jien, 5 għax Ġwanni għammed bl-ilma, imma fi ftit żmien intom se titgħammdu bl-ispirtu qaddis.”

6 Għalhekk, meta kienu flimkien staqsewh: “Mulej, jaqaw f’dan iż-żmien se ġġib lura s-saltna t’Iżrael?” 7 Hu qalilhom: “Intom m’għandkomx għalfejn tkunu tafu meta, għax il-Missier biss għandu d-dritt* li jiddeċiedi dan. 8 Imma intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.”* 9 Wara li qal hekk, hu ttellaʼ lejn is-sema waqt li huma kienu qed iħarsu lejh, u sħaba għattietu u ma setgħux jarawh iktar. 10 Waqt li kienu qed iħarsu lejn is-sema hu u tielaʼ, f’daqqa waħda dehru żewġt irġiel lebsin l-abjad ħdejhom, 11 u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, għala qed tħarsu lejn is-sema? Ġesù li ttieħed minn magħkom lejn is-sema se jerġaʼ jiġi bl-istess mod li rajtuh sejjer.”

12 Imbagħad, mill-Muntanja taż-Żebbuġ marru lura Ġerusalemm, li hi madwar kilometru* ’l bogħod. 13 Meta waslu, huma telgħu fil-kamra taʼ fuq fejn kienu qed joqogħdu. Dawn kienu Pietru, Ġwanni, Ġakbu, Indrì, Filippu, Tumas, Bartilmew, Mattew, Ġakbu bin Alfew, Xmun iż-żeluż, u Ġuda bin Ġakbu. 14 B’fehma waħda dawn kollha komplew jitolbu taʼ spiss flimkien maʼ xi nisa, Marija omm Ġesù, u ħutu.

15 F’waħda minn dawn il-ġranet, Pietru qam bilwieqfa fost l-aħwa, li kienu madwar 120 b’kollox, u qal: 16 “Ħuti, permezz taʼ David, l-ispirtu qaddis qal profezija dwar Ġuda li kien hemm bżonn li ssir, u Ġuda sar il-wieħed li dderieġa lil dawk li kienu se jarrestaw lil Ġesù. 17 Għax hu kien wieħed minna u ġie magħżul biex jieħu sehem f’dan ix-xogħol qaddis. 18 (Għalhekk, dan ir-raġel xtara għalqa bil-flus li qalaʼ b’mod inġust. Hu waqaʼ għal rasu, u ġismu nfaqaʼ* u ħarġu msarnu kollha. 19 Dan saru jafu bih in-nies kollha taʼ Ġerusalemm, u b’hekk din l-għalqa bdew jgħidulha Akeldama bil-lingwa tagħhom, jiġifieri “L-Għalqa tad-Demm.”) 20 Għax fil-ktieb tas-Salmi hemm miktub, ‘Jalla l-post fejn jgħix isir ħerba, u ħa ma jgħix ħadd hemm’ u ‘Jalla xi ħadd ieħor jiħodlu r-responsabbiltà li għandu.’* 21 Għalhekk, hemm bżonn li nagħżlu wieħed mill-irġiel li ngħaqdu magħna matul iż-żmien li l-Mulej Ġesù kien* magħna, 22 jiġifieri minn meta għammdu Ġwanni sa meta ttieħed minn magħna lejn is-sema. Hu għandu jagħti xhieda magħna dwar l-irxoxt tiegħu.”

23 Għalhekk issuġġerew tnejn, lil Ġużeppi li jgħidulu Barsabba, li kienu jgħidulu wkoll Ġustu, u lil Mattija. 24 Imbagħad talbu u qalu: “Alla tagħna Ġeħova,* int taf x’hemm f’qalb kulħadd. Urina liema għażilt minn dawn iż-żewġt irġiel, 25 biex ikun appostlu minflok Ġuda u jaqdik. Għax Ġuda telaq ix-xogħol qaddis tiegħu biex jagħmel dak li jrid hu.” 26 Għalhekk, tefgħu x-xorti u ntagħżel Mattija, u ġie miżjud* mal-11-il appostlu.

2 Matul il-festa taʼ Pentekoste, id-dixxipli kienu kollha fl-istess post. 2 Kif kienu bilqiegħda, f’daqqa waħda nstemaʼ ħoss mis-sema mad-dar kollha bħal dak taʼ riħ qawwi. 3 Huma raw fjammi tan-nar qishom ilsna li tqassmu u marru fuq kull persuna, 4 u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom. Imbagħad, ilkoll bdew jitkellmu b’lingwi* differenti, skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis.

5 Dak iż-żmien f’Ġerusalemm kien hemm Lhud minn mad-dinja kollha li jirrispettaw ħafna lil Alla. 6 Meta nstemaʼ dan il-ħoss, inġabret folla u baqgħet mistagħġba għax kull wieħed beda jismaʼ lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwa tiegħu stess. 7 Infatti huma baqgħu mbellhin għall-aħħar u qalu: “Dawn in-nies mhux kollha mill-Galilija? 8 Allura kif jistaʼ jkun li kull wieħed minna qed jismaʼ bil-lingwa tiegħu stess?* 9 In-nies li hawn huma Partin, Medin, Għelamin, mill-Mesopotamja, il-Lhudija, il-Kappadoċja, il-Pontu, il-provinċja tal-Asja, 10 il-Friġja, il-Pamfilja, l-Eġittu, ir-reġjuni tal-Libja li huma viċin Ċirene, kif ukoll uħud li ġew minn Ruma. Uħud minna huma Lhud u oħrajn jimxu mat-tagħlim tal-Lhud. 11 Hawn ukoll nies minn Kreta u l-Arabja. Aħna qed nisimgħuhom jitkellmu bil-lingwa tagħna dwar l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla.” 12 Iva, kienu lkoll mistagħġbin u mħawdin u bdew jgħidu lil xulxin: “X’qed jiġri?” 13 Imma oħrajn bdew iwaqqgħuhom għaċ-ċajt u jgħidu: “Dawn fis-sakra.”

14 Imma Pietru qam bilwieqfa mal-Ħdax u qalilhom b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija u taʼ Ġerusalemm kollha, isimgħu b’attenzjoni dak li se ngħidilkom. 15 Dawn in-nies mhumiex fis-sakra, bħalma qed taħsbu intom, għax għadu kmieni.* 16 Anzi, permezz tagħhom qed iseħħ dak li qal il-profeta Ġoel: 17 ‘Alla jgħid, “Fl-aħħar jiem se nitfaʼ ftit mill-ispirtu tiegħi fuq kull tip taʼ nies, u t-tfal tagħkom subien u bniet se jipprofetizzaw, l-irġiel żgħażagħ tagħkom se jaraw viżjonijiet, u l-irġiel xjuħ se jkollhom ħolm. 18 U f’dawk il-jiem se nitfaʼ ftit mill-ispirtu tiegħi anki fuq l-ilsiera rġiel u nisa tiegħi u huma jipprofetizzaw. 19 Jien se nagħmel affarijiet tal-għaġeb fis-sema u sinjali fuq l-art: demm, nar, u duħħan. 20 Qabel ma jiġi l-jum il-kbir u speċjali taʼ Ġeħova,* ix-xemx se tinbidel fi dlam u l-qamar f’demm. 21 U kull min jitlob lil* Ġeħova* għall-għajnuna billi juża ismu se jiġi salvat.”’

22 “Nies t’Iżrael, isimgħu dan: Alla wriekom biċ-ċar li hu bagħat lil Ġesù n-Nazzarenu billi għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb fostkom permezz tiegħu, bħalma intom tafu sew. 23 Alla kien jaf minn qabel li hu kien se jiġi arrestat, u għalhekk dan kien skont dak li jrid hu. Intom tajtuh f’idejn nies ħżiena* biex isammruh maʼ zokk u qtiltuh. 24 Imma Alla rxoxtah billi ħelsu mill-mewt,* għax din ma kellhiex il-qawwa li żżommu. 25 Għax David qal dwaru, ‘Jien dejjem inżomm f’moħħi lil Ġeħova,* għax hu fuq il-lemin tiegħi ħalli qatt ma nħossni ansjuż. 26 Minħabba f’hekk, qalbi se tifraħ u se nitkellem b’ferħ kbir. Matul ħajti se nafda f’Alla, 27 għax int mhux se tħallini* fil-Qabar,* Alla tiegħi, u lanqas se tħalli l-ġisem tal-leali tiegħek jitħassar. 28 Int turini liema hi t-triq tal-ħajja. Li nkun miegħek jagħmilni ferħan ħafna.’

29 “Aħwa, nistaʼ nkellimkom bil-libertà tal-kelma dwar il-kap tal-familja David, li miet, indifen, u l-qabar tiegħu għadu hawn sal-lum. 30 Peress li kien profeta u kien jaf li Alla ħaliflu li se jqiegħed wieħed mit-tfal* tiegħu fuq it-tron, 31 hu kien jaf minn qabel dwar l-irxoxt tal-Kristu. Ukoll qal li ma kienx se jitħalla fil-Qabar* u li ġismu ma kienx se jitħassar. 32 Alla rxoxta lil Ġesù, u aħna lkoll xhieda taʼ dan. 33 Għalhekk, peress li Ġesù telaʼ s-sema, qagħad fuq il-lemin t’Alla, u rċieva l-ispirtu qaddis li kien imwiegħed mingħand il-Missier, hu tana* l-ispirtu qaddis bħalma qed taraw u tisimgħu. 34 Għax David ma telax is-sema, imma hu stess qal, ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi 35 sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.”’ 36 Għalhekk, kunu ċerti nies kollha t’Iżrael li Alla għamel lil Ġesù kemm Mulej u kemm Kristu, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk.”

37 Meta semgħu dan, huma tgħidx kemm iddispjaċiehom u qalu lil Pietru u lill-bqija tal-appostli: “Aħwa, x’għandna nagħmlu?” 38 Pietru qalilhom: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu ħalli jinħafrulu d-dnubiet, u intom tirċievu r-rigal b’xejn tal-ispirtu qaddis. 39 Għax din il-wegħda hi għalikom, għat-tfal tagħkom, u għal dawk kollha li huma ’l bogħod, jiġifieri dawk kollha li l-Alla tagħna Ġeħova* għażel.” 40 Hu kompla jkellimhom, jagħtihom xhieda fid-dettall, u jħeġġiġhom: “Infirdu minn dawn in-nies ħżiena, ħalli ma tinqerdux magħhom.” 41 Għalhekk, dawk li aċċettaw mill-qalb dak li qal, tgħammdu. U dakinhar madwar 3,000 ruħ saru dixxipli. 42 Huma komplew jitgħallmu mingħand l-appostli, jiltaqgħu flimkien,* jieklu, u jitolbu.

43 L-appostli bdew jagħmlu ħafna affarijiet tal-għaġeb u mirakli, u meta n-nies* raw dan bdew jirrispettaw ħafna lil* Alla. 44 Dawk kollha li saru dixxipli nġabru flimkien u qasmu kulma kellhom bejniethom. 45 Huma kienu jbigħu l-affarijiet li kellhom u l-propjetà tagħhom u jqassmu l-flus maʼ kulħadd, skont il-bżonn taʼ kull wieħed. 46 Kuljum kienu jiltaqgħu t-tempju flimkien. Kienu jmorru fi djar differenti u jaqsmu l-ikel b’ferħ kbir u mill-qalb. 47 Huma kienu jfaħħru lil Alla, u n-nies kollha kienu jieħdu gost bihom. U fl-istess żmien, Ġeħova* kien qed iżid kuljum id-dixxipli li kienu se jiġu salvati.

3 Madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* Pietru u Ġwanni kienu telgħin fit-tempju waqt il-ħin tat-talb. 2 Dak il-ħin kien qed jinġarr raġel li ma jistax jimxi u li kien ilu hekk mit-twelid. Hu kien jitpoġġa kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju li kienu jgħidulu s-Sabiħ biex jittallab mingħand dawk li jkunu deħlin fit-tempju. 3 Meta ra lil Pietru u Ġwanni deħlin fit-tempju, beda jitlobhom jagħtuh xi ħaġa. 4 Pietru u Ġwanni ħarsu lejh, u Pietru qallu: “Ħares lejna.” 5 Għalhekk, hu ħares lejhom b’attenzjoni, għax stenna li se jagħtuh xi ħaġa. 6 Imma Pietru qallu: “M’għandix fidda u deheb, imma se nagħtik dak li għandi. Ngħidlek f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, imxi!” 7 Imbagħad qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Saqajh fiequ mill-ewwel, 8 u qabeż fuq saqajh. Hu beda miexi magħhom u daħal fit-tempju, jimxi, jaqbeż, u jfaħħar lil Alla. 9 In-nies kollha rawh miexi u jfaħħar lil Alla. 10 Huma ndunaw li hu kien ir-raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. Għalhekk baqgħu mbellhin xħin rawh jimxi.

11 Waqt li r-raġel kien qed iżomm idejn Pietru u Ġwanni, in-nies kollha, peress li kienu mbellhin għall-aħħar, marru jiġru ħdejhom fil-post li jgħidulu l-Loġġa taʼ Salamun. 12 Meta Pietru ra dan, qalilhom: “Nies t’Iżrael, għala qed tistagħġbu u qed tiċċassaw lejna? Jaqaw qed taħsbu li kien bis-saħħa tagħna jew għax naqdu lil Alla b’qalbna kollha li dan qed jimxi? 13 L-Alla t’Abraham, t’Iżakk, u taʼ Ġakobb, l-Alla tal-antenati tagħna, igglorifika lill-Qaddej tiegħu Ġesù, li intom tajtuh f’idejn l-għedewwa u bl-ebda mod m’aċċettajtuh quddiem Pilatu, avolja hu kien iddeċieda li jeħilsu. 14 Iva, intom bl-ebda mod m’aċċettajtu lil dan ir-raġel qaddis u sewwa, u tlabtu li jinħeles raġel qattiel minfloku. 15 Intom qtiltu l-Mexxej Magħżul* li jagħti l-ħajja. Imma Alla qajmu mill-mewt, u aħna xhieda taʼ dan. 16 Dan ir-raġel li qed taraw u li tafu, ħa saħħtu permezz t’isem Ġesù u tal-fidi tagħna f’ismu. Il-fidi tagħna f’Ġesù fejqet lil dan ir-raġel quddiemkom. 17 Aħwa, jien naf li intom ma kontux tafu x’qed tagħmlu, l-istess bħall-mexxejja tagħkom. 18 Imma b’dan il-mod Alla għamel dak li qal minn qabel permezz tal-profeti kollha, jiġifieri li Kristu kellu jbati.

19 “Għalhekk, indmu u duru lura lejn Alla biex hu jħassar id-dnubiet tagħkom, u b’hekk Ġeħova* jagħtikom żmien taʼ serħan il-moħħ 20 u jibagħtilkom il-Kristu li ġie inkarigat biex jgħinkom, jiġifieri Ġesù. 21 Ġesù se jistenna fis-sema sakemm jiġi ż-żmien li jitranġa kollox. Alla tkellem dwar dan iż-żmien permezz tal-profeti leali tiegħu tal-passat. 22 Fil-fatt Mosè qal, ‘Ġeħova* l-Alla tagħkom se jagħtikom minn fost ħutkom profeta bħali. Għandkom tisimgħu minn kulma jgħidilkom. 23 Infatti, kull min* ma jismax minn dan il-Profeta se jiġi meqrud għalkollox.’ 24 Il-profeti kollha, minn Samwel ’il quddiem, tkellmu b’mod ċar dwar dan iż-żmien. 25 Dawn il-profeti tkellmu dwar il-patt li Alla għamel mal-antenati tagħkom. Dan il-patt jgħodd għalikom ukoll, għax Alla wiegħed lil Abraham: ‘Permezz tad-dixxendenti tiegħek,* il-familji kollha tal-art se jitbierku.’ 26 Wara li qajjem lill-Qaddej tiegħu, Alla bagħtu biex ibierek lilkom l-ewwel. Hu għamel dan billi għen lil kull wieħed minnkom jindem mill-affarijiet ħżiena li kien qed jagħmel.”

4 Waqt li Pietru u Ġwanni kienu qed jitkellmu man-nies, marru ħdejhom il-qassisin, il-kap tat-tempju, u s-Sadduċej. 2 Dawn kienu rrabjati għax l-appostli kienu qed jgħallmu lin-nies u jxandru li Ġesù ġie rxoxtat mill-mewt. 3 Għalhekk qabduhom u żammewhom arrestati sal-għada, għax kien diġà filgħaxija. 4 Imma ħafna minn dawk li semgħuhom bdew jemmnu, u l-ammont taʼ rġiel li saru dixxipli kien madwar 5,000.

5 L-għada, il-mexxejja, l-anzjani,* u l-iskribi tal-Lhud inġabru flimkien f’Ġerusalemm 6 m’Anna l-qassis importanti, Kajfa, Ġwanni, Alessandru, u dawk kollha li jiġu mill-qassis importanti. 7 Huma ġabu lil Pietru u lil Ġwanni u bdew jistaqsuhom: “Min takom l-awtorità biex tagħmlu dan, u f’isem min qed tagħmluh?” 8 Imbagħad Alla bagħat l-ispirtu qaddis fuq Pietru, u dan qalilhom:

“Mexxejja tal-poplu u anzjani, 9 tridu tkunu tafu x’għamilna għal dan ir-raġel li ma setax jimxi, u kif fieq? 10 Kunu afu intom u n-nies kollha t’Iżrael, li dan ir-raġel ġie mfejjaq f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu. Hu qiegħed wieqaf quddiemkom u b’saħħtu grazzi għal Ġesù, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-mewt. 11 Hu ‘l-ġebla li warrabtu intom il-bennejja u li saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini.’ 12 Barra minn hekk, ħadd iktar ma jistaʼ jsalvana ħlief hu, għax fuq l-art m’hemm ebda isem ieħor fost in-nies li bih nistgħu niġu salvati.”

13 Meta raw lil Pietru u lil Ġwanni jitkellmu bil-kuraġġ* u ndunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola,* baqgħu mistagħġbin. Huma rrealizzaw li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù. 14 Waqt li kienu qed iħarsu lejn ir-raġel li ġie mfejjaq u li kien magħhom, ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu. 15 Għalhekk, ikkmandawhom joħorġu ’l barra mis-sala tas-Sinedriju, u bdew jitkellmu bejniethom 16 u jgħidu: “X’se nagħmlu b’dawn l-irġiel? Għax huwa fatt li dawn għamlu xi ħaġa tal-għaġeb li saru jafu biha n-nies taʼ Ġerusalemm kollha, u aħna ma nistgħux ngħidu li mhux veru. 17 Biex ma jsirux jafu iktar nies dwar dan, ejja nhedduhom u ngħidulhom biex ma jitkellmux iktar f’isem dan ir-raġel.”

18 Imbagħad, għajtulhom u kkmandawhom biex ma jibqgħux jitkellmu jew jgħallmu dwar isem Ġesù. 19 Imma Pietru u Ġwanni wiġbuhom: “Araw intom jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nobdu lilkom minflok lilu. 20 Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” 21 Għalhekk wara li reġgħu heddewhom, ħelsuhom, għax ma sabux fuqiex jikkastigawhom u kienu jibżgħu min-nies. Dan kien għax in-nies kollha kienu qed ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġara. 22 Ir-raġel li ġie mfejjaq b’dan il-miraklu kellu iktar minn 40 sena.

23 Wara li ġew meħlusin, marru għand id-dixxipli l-oħra u rrakkontawlhom x’kienu qalulhom il-qassisin importanti u l-anzjani. 24 Meta semgħu dan, huma talbu lil Alla flimkien:

“Sid taʼ Kollox,* int il-Wieħed li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom. 25 Int il-Wieħed li permezz tal-ispirtu qaddis użajt lill-antenat tagħna David, il-qaddej tiegħek, biex jgħid: ‘Il-popli għala huma mifxulin u n-nies għala qed jaħsbu fuq affarijiet bla sens? 26 Ir-rejiet tal-art ħadu l-waqfa tagħhom u l-mexxejja nġabru flimkien kontra Ġeħova* u l-magħżul* tiegħu.’ 27 Għax fil-fatt, Erodi, Ponzju Pilatu, in-nies tal-popli, u n-nies t’Iżrael inġabru flimkien f’din il-belt kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int għażilt.* 28 Huma għamlu hekk biex isir dak li għedt int minn qabel, għax int għandek il-qawwa* u għax hekk trid. 29 U issa, Ġeħova,* agħti kas it-theddid tagħhom, u għin lilna, l-ilsiera tiegħek, biex nibqgħu nippritkaw bil-kuraġġ, 30 waqt li int tfejjaq il-morda bis-saħħa tiegħek u tagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù.”

31 Wara li talbu bil-ħniena,* il-post fejn kienu miġburin theżżeż, u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom kollha u bdew jippritkaw il-kelma t’Alla bil-kuraġġ.

32 Iktar minn hekk, id-dixxipli kollha kienu jaħsbuha l-istess* u ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu, imma kienu jaqsmu kollox bejniethom. 33 L-appostli komplew jippritkaw b’mod effettiv dwar l-irxoxt tal-Mulej Ġesù, u Alla berikhom bil-kbir. 34 Fil-fatt, ħadd minnhom ma kien fil-bżonn, għax dawk kollha li kellhom xi għalqa jew dar kienu jbigħuha u dak li jaqilgħu 35 jagħtuh lill-appostli. Imbagħad, dan kien jitqassam bejn kulħadd skont il-bżonn. 36 Hekk għamel Ġużeppi, Levita minn Ċipru, li l-appostli kienu jgħidulu wkoll Barnaba (li jfisser Wieħed li Jinkuraġġixxi).* 37 Hu kellu biċċa art, biegħha, u ta l-flus lill-appostli.

5 Raġel jismu Ananija u l-mara tiegħu Safira biegħu xi propjetà. 2 Imma hu bil-moħbi żamm xi flus milli qalaʼ u ta l-kumplament lill-appostli, u l-mara tiegħu kienet taf b’dan. 3 Imma Pietru qallu: “Ananija, għala ħallejt lil Satana jinfluwenzak biex tigdeb lill-ispirtu qaddis u bil-moħbi żżomm xi flus li qlajt mill-għalqa? 4 Qabel ma begħtha mhux tiegħek kienet? U wara li begħtha, il-flus stajt tużahom kif trid. Kif ħsibt biex tagħmel xi ħaġa ħażina bħal din? Int ma gdibtx lill-bnedmin biss, imma lil Alla wkoll.” 5 Meta semaʼ dan, Ananija waqaʼ u miet. Kull min semaʼ b’dan beda juri rispett kbir lejn* Alla. 6 Imbagħad iż-żgħażagħ li kien hemm, dawruh f’biċċiet tad-drapp, ġarrewh ’il barra, u difnuh.

7 Wara xi tliet sigħat daħlet il-mara tiegħu, imma hi ma kinitx taf x’ġara. 8 Pietru staqsieha: “Daqshekk begħtuha l-għalqa?” Hi wiġbitu: “Iva.” 9 Għalhekk Pietru qalilha: “Għala ftehemtu bejnietkom biex tittestjaw il-qawwa tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova?* Ara, dawk li difnu lir-raġel tiegħek qegħdin fil-bieb, u se joħorġu lilek ukoll.” 10 Dak il-ħin stess, hi waqgħet ħdejn saqajh u mietet. Meta ż-żgħażagħ daħlu u sabuha mejta, ġarrewha ’l barra u difnuha ħdejn ir-raġel tagħha. 11 Għalhekk, il-kongregazzjoni kollha u dawk kollha li semgħu b’dan bdew jirrispettaw ħafna lil* Alla.

12 Iktar minn hekk, l-appostli komplew jagħmlu mirakli u affarijiet tal-għaġeb fost in-nies. Huma kienu jiltaqgħu fil-Loġġa taʼ Salamun. 13 Veru li ħadd iktar ma kellu l-kuraġġ jingħaqad magħhom, imma n-nies bdew ifaħħruhom ħafna. 14 Ammont kbir taʼ rġiel u nisa emmnu fil-Mulej u saru dixxipli. 15 In-nies saħansitra ħadu lill-morda fit-toroq prinċipali u qegħduhom fuq sodod żgħar u saqqijiet. Huma kienu jittamaw li xħin jgħaddi Pietru, jiġu fid-dell tiegħu u jfiqu. 16 Ukoll, folol taʼ nies mill-bliet taʼ madwar Ġerusalemm baqgħu jmorru ħdejhom. Huma ħadu magħhom nies morda u dawk li kienu qed ibatu minħabba li kellhom spirti ħżiena,* u dawn kollha ġew imfejqin.

17 Imma l-qassis il-kbir u dawk kollha li kienu miegħu, li kienu mis-setta tas-Sadduċej, qamu minn posthom b’rabja. Huma bdew jgħiru ħafna. 18 Għalhekk arrestaw* lill-appostli u tefgħuhom fil-ħabs tal-belt. 19 Imma matul il-lejl, anġlu taʼ Ġeħova* fetaħ il-bibien tal-ħabs, ħariġhom, u qalilhom: 20 “Morru fit-tempju u ibqgħu tkellmu man-nies dwar il-ħajja li ġejja.” 21 Wara li semgħu dan, huma daħlu fit-tempju kif sebaħ, u bdew jgħallmu.

Sadanittant, il-qassis il-kbir u dawk li kienu miegħu laqqgħu s-Sinedriju u l-anzjani* kollha t’Iżrael. Huma bagħtu l-gwardji biex iġibulhom lill-appostli mill-ħabs. 22 Imma meta waslu l-ħabs, ma sabuhomx hemm. Għalhekk, marru lura u qalulhom: 23 “Il-ħabs kien imsakkar sew u l-gwardji kienu mal-bibien, imma meta ftaħna ma sibna lil ħadd ġewwa.” 24 Meta semgħu dan, il-kap tat-tempju u l-qassisin importanti tħawdu minħabba dak li setaʼ jiġri. 25 Imma xi ħadd mar għandhom u qalilhom: “L-irġiel li tfajtu l-ħabs qegħdin fit-tempju jgħallmu.” 26 Imbagħad il-kap tat-tempju u l-uffiċjali tiegħu marru u ġabuhom mingħajr ma weġġgħuhom, għax bdew jibżgħu li n-nies iwaddbulhom il-ġebel biex joqtluhom.

27 Għalhekk, daħħluhom ħdejn is-Sinedriju, u l-qassis il-kbir interrogahom 28 u qalilhom: “Aħna kkmandajniekom b’mod sod biex ma tibqgħux tgħallmu f’isem dan ir-raġel, imma intom imlejtu lil Ġerusalemm kollha bit-tagħlim tagħkom, u determinati li twaħħlu fina għall-mewt taʼ dan ir-raġel.” 29 Pietru u l-appostli l-oħra wieġbu: “Aħna għandna nobdu lil Alla bħala mexxej u mhux lill-bnedmin. 30 L-Alla taʼ missirijietna qajjem mill-mewt lil Ġesù, li intom qtiltu billi dendiltuh maʼ zokk.* 31 Alla tellgħu s-sema u qiegħdu fuq il-lemin tiegħu bħala l-Mexxej Magħżul* u Dak li Jsalva, biex l-Iżraelin jindmu u Alla jkun jistaʼ jaħfrilhom id-dnubiet. 32 Aħna xhieda taʼ dawn l-affarijiet, u anki l-ispirtu qaddis, li Alla ta lil dawk li jobduh bħala mexxej.”

33 Meta semgħu dan, tgħidx kemm irrabjaw, u riedu joqtluhom. 34 Imma Fariżew jismu Gamaljel li kien għalliem tal-Liġi stmat mill-poplu kollu, qam fis-Sinedriju u ta kmand biex l-appostli joħorġu ftit barra. 35 Imbagħad qalilhom: “Irġiel t’Iżrael, oqogħdu attenti x’beħsiebkom tagħmlulhom lil dawn l-irġiel. 36 Pereżempju, ftit taż-żmien ilu Tewda qal li hu raġel importanti, u madwar 400 raġel ingħaqdu mal-partit tiegħu. Imma hu nqatel, u dawk kollha li kienu miegħu nxterdu u l-pjanijiet tagħhom ġew fix-xejn. 37 Warajh, fiż-żmien li n-nies kienu qed jiġu rreġistrati, Ġuda l-Galilew ġibed xi nies għal miegħu. Dan miet ukoll, u dawk kollha li kienu miegħu nxterdu. 38 Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, jien ngħidilkom biex ma tindaħlulhomx lil dawn l-irġiel, imma ħalluhom. Jekk dak li qed jippjanaw jew jagħmlu hu bis-saħħa tal-bnedmin, dan se jieqaf. 39 Imma jekk inhu bis-saħħa t’Alla, mhux se jirnexxilkom twaqqfuhom. Inkella tistgħu tispiċċaw tiġġieldu kontra Alla.” 40 Għalhekk, huma ħadu l-parir tiegħu, u għajtu lill-appostli, sawtuhom bil-frosta, ikkmandawhom biex jieqfu jitkellmu f’isem Ġesù, u ħallewhom jitilqu.

41 Għalhekk, huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħanin għax kellhom l-unur li jbatu minħabba isem Ġesù. 42 Huma komplew imorru fit-tempju u minn dar għal dar kuljum biex jgħallmu u jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu Ġesù.

6 Fiż-żmien meta d-dixxipli kienu qed jiżdiedu, il-Lhud li jitkellmu bil-Grieg bdew igergru kontra l-Lhud li jitkellmu bl-Ebrajk, għax in-nisa romol tagħhom kienu qed jiġu ttraskurati meta jitqassam l-ikel taʼ kuljum. 2 Għalhekk, it-Tnax laqqgħu d-dixxipli kollha u qalulhom: “Ma jkunx sew li aħna nieqfu ngħallmu l-kelma t’Alla biex inqassmu l-ikel fuq l-imwejjed. 3 Għalhekk ħuti, agħżlu sebat irġiel taʼ min jafdahom* minn fostkom li għandhom l-ispirtu qaddis u l-għerf, biex ninkarigawhom jagħmlu dan ix-xogħol bżonjuż. 4 Imma aħna se nkomplu nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex nitolbu u ngħallmu dwar dak li jgħid Alla.” 5 Id-dixxipli kollha ħadu pjaċir b’dan. Huma għażlu lil Stiefnu, raġel li għandu fidi kbira u l-ispirtu qaddis, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, raġel minn Antjokja li kien jimxi mat-tagħlim tal-Lhud. 6 Imbagħad ħaduhom għand l-appostli, u wara li l-appostli talbu, qiegħdu jdejhom fuq ras dawn l-irġiel biex jinkarigawhom.

7 Minħabba f’hekk, it-tagħlim dwar dak li jgħid Alla kompla jinfirex, u l-ammont tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm. U ħafna qassisin ukoll bdew jemmnu.

8 Issa Stiefnu, li Alla kien japprovah u tah qawwa kbira, kien qed jagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli fost in-nies. 9 Imma ġew xi rġiel mis-Sinagoga tal-Meħlusin flimkien maʼ xi rġiel minn Ċirene, Lixandra, iċ-Ċiliċja, u l-Asja biex jargumentaw maʼ Stiefnu. 10 Imma huma ma setgħux jirbħulu l-argument għax kien qed jitkellem b’għerf kbir u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. 11 Imbagħad bil-moħbi kkonvinċew lil xi rġiel biex jgħidu li semgħuh jidgħi* kontra Mosè u Alla. 12 Huma xewxu lin-nies, l-anzjani,* u l-iskribi, u dawn marru għalih mill-ewwel u qabduh u ħaduh is-Sinedriju. 13 Huma ħadu xi xhieda foloz kontrih li qalu: “Dan ir-raġel ma waqafx jitkellem kontra dan il-post qaddis u kontra l-Liġi. 14 Pereżempju, aħna smajnieh jgħid li Ġesù n-Nazzarenu se jwaqqaʼ dan il-post u jbiddel id-drawwiet li ħallielna Mosè.”

15 Hekk kif dawk kollha li kienu bilqiegħda fis-Sinedriju kienu qed iħarsu lejn Stiefnu, raw li wiċċu kien bħal t’anġlu.

7 Imma l-qassis il-kbir qal: “Veru dan?” 2 Stiefnu wieġeb: “Isimgħu, aħwa u missirijiet. L-Alla l-glorjuż deher lill-antenat tagħna Abraham waqt li dan kien fil-Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran, 3 u qallu, ‘Itlaq minn artek u minn ħdejn qrabatek u mur fl-art li se nurik.’ 4 Imbagħad ħareġ mill-art tal-Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran. Wara li miet missieru, Alla ggwidah biex jiġi joqgħod f’din l-art li qed tgħixu fiha intom. 5 Madankollu, hu ma ħa l-ebda wirt fiha, lanqas daqs pala taʼ sieq. Imma Alla wiegħed li jagħtiha lilu u lid-dixxendenti tiegħu* avolja kien għadu bla tfal. 6 Iktar minn hekk, Alla qallu li d-dixxendenti tiegħu* se jkunu barranin f’art li mhix tagħhom u li n-nies se jagħmluhom ilsiera u jaħqruhom għal 400 sena. 7 Alla qal: ‘Jien se niġġudika lill-poplu li se jiħodhom bħala lsiera. U wara dan huma se joħorġu minn dik l-art u jqimuni f’dan il-post.’

8 “Ukoll, Alla għamel patt taʼ ċirkonċiżjoni miegħu, u Abraham kellu lil Iżakk u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni fit-tmien ġurnata, u Iżakk kellu lil* Ġakobb, u Ġakobb kellu 12-il tifel li saru kapijiet tal-familji.* 9 U l-kapijiet tal-familji bdew jgħiru għal Ġużeppi u bigħuh lill-Eġizzjani. Imma Alla kien miegħu, 10 u ħelsu mit-tbatija kollha tiegħu. Hu tah l-għerf u għenu jkollu l-approvazzjoni tal-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, u dan inkarigah biex imexxi fuq l-Eġittu u jieħu ħsieb il-palazz tiegħu. 11 Imma ġie żmien taʼ ġuħ kbir fl-Eġittu u Kangħan, u n-nies kienu qed ibatu ħafna. Missirijietna ma setgħux isibu x’jieklu. 12 Però, Ġakobb semaʼ li kien hemm l-ikel* fl-Eġittu u hu bagħat lil missirijietna hemm. 13 Meta marru t-tieni darba, Ġużeppi qal lil ħutu min kien, u l-Fargħun sar jaf lill-familja taʼ Ġużeppi. 14 Għalhekk, Ġużeppi bagħat jgħid lil missieru Ġakobb u lil dawk kollha li jiġu minnu biex jitilqu minn Kangħan. B’kollox kienu 75 ruħ. 15 Għalhekk, Ġakobb mar l-Eġittu u baqaʼ hemm sa ma miet, u anki missirijietna mietu hemm. 16 Dawn ittieħdu Sikem u tqiegħdu fil-qabar li Abraham kien xtara għal somma flus tal-fidda mingħand it-tfal taʼ Ħamor f’Sikem.

17 “Hekk kif kien qed joqrob iż-żmien biex isir dak li Alla wiegħed lil Abraham, l-Iżraelin kienu żdiedu ħafna fl-Eġittu. 18 Imbagħad laħaq re ieħor fl-Eġittu li ma kienx jaf lil Ġużeppi. 19 Dan għamel pjan mill-agħar kontra missirijietna u ġegħelhom jabbandunaw lit-trabi tagħhom ħalli jmutu. 20 F’dak iż-żmien twieled Mosè u hu kien gustuż anki f’għajnejn Alla. U ħadu ħsiebu għal tliet xhur fid-dar taʼ missieru. 21 Imma meta ġie abbandunat, it-tifla tal-Fargħun ħaditu u rabbietu qisu t-tifel tagħha. 22 Għalhekk, Mosè rċieva l-aqwa edukazzjoni fl-Eġittu.* Fil-fatt, hu kien jitkellem b’mod effettiv u jagħmel affarijiet tal-għaġeb.

23 “Meta kellu 40 sena ddeċieda li jmur iżur lil* ħutu l-Iżraelin. 24 Meta ra wieħed qed jiġi ttrattat ħażin, hu ddefendieh u vvendika ruħu billi qatel lill-Eġizzjan. 25 Hu ħaseb li ħutu se jifhmu li Alla kien se jsalvahom permezz tiegħu, imma huma ma fehmux. 26 L-għada hu mar ħdejhom waqt li tnejn minnhom kienu qed jiġġieldu, u pprova jgħinhom biex jagħmlu paċi billi qalilhom, ‘Intom aħwa. Għala qed tittrattaw lil xulxin ħażin?’ 27 Imma dak li kien qed jittratta ħażin lil sieħbu mbottah u qallu: ‘Min laħħqek bħala mexxej u mħallef fuqna? 28 Ma tridx toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan ilbieraħ, hux?’ 29 Xħin semaʼ hekk, Mosè ħarab u mar jgħix bħala barrani fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk kellu żewġ subien.

30 “Wara 40 sena, deherlu anġlu fid-deżert tal-Muntanja Sinaj fi fjamma taʼ għollieqa taqbad. 31 Meta Mosè raha, hu baqaʼ mbellah. Imma hekk kif resaq qrib biex jara x’qed jiġri, hu semaʼ lil Ġeħova* jgħid: 32 ‘Jien l-Alla taʼ missirijietek, l-Alla t’Abraham, taʼ Iżakk, u taʼ Ġakobb.’ Mosè beda jitriegħed u m’ażżardax iħares lejha. 33 Ġeħova* qallu: ‘Neħħi s-sandli, għax qiegħed fuq art qaddisa. 34 Jien rajt lin-nies tiegħi jiġu maħqurin fl-Eġittu, smajthom jibku, u nżilt biex neħlishom. Issa ejja ħa nibagħtek l-Eġittu.’ 35 Għalkemm huma bl-ebda mod m’aċċettaw lil Mosè billi qalu: ‘Min laħħqek bħala mexxej u mħallef?’ Alla lilu għażel biex imexxihom u jeħlishom. Dan għamlu permezz tal-anġlu li deherlu fl-għollieqa. 36 Dan ir-raġel ħariġhom mill-Eġittu u għamel affarijiet tal-għaġeb u mirakli fl-Eġittu, ħdejn il-Baħar l-Aħmar, u fid-deżert għal 40 sena.

37 “Dan hu l-istess Mosè li qal lill-Iżraelin, ‘Alla se jagħtikom minn fost ħutkom profeta bħali.’ 38 Dan hu l-wieħed li kien mal-poplu t’Iżrael fid-deżert. Hu kien hemm mal-anġlu li kellmu fuq il-Muntanja Sinaj u maʼ missirijietna. Hu rċieva l-messaġġ t’Alla li jagħti l-qawwa biex jagħtih lilna. 39 Missirijietna ma ridux jobduh, u warrbuh. Huma xtaqu l-affarijiet tal-Eġittu 40 u qalu lil Aron: ‘Agħmlilna allat biex jiggwidawna. Għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, li ħariġna mill-art tal-Eġittu.’ 41 Għalhekk, f’dawk il-ġranet għamlu idolu forma taʼ barri żgħir* u ħadulu sagrifiċċju. Huma għamlu festa biex jiċċelebraw dak li għamlu. 42 Għalhekk, Alla telaqhom u ħalliehom iqimu lix-xemx, il-qamar, u l-istilel, bħalma hemm miktub fil-ktieb tal-Profeti: ‘Nies t’Iżrael, intom mhux lili għamiltuhom l-offerti u s-sagrifiċċji għal 40 sena fid-deżert. 43 Minflok intom ġarrejtu t-tinda taʼ Molok u l-istilla tal-alla Refan, li għamiltu biex tqimuhom. Għalhekk se nibgħatkom bħala lsiera iktar ’il bogħod minn Babilonja.’

44 “Missirijietna kellhom it-tinda li turi li Alla kien magħhom fid-deżert. Alla qal lil Mosè biex jagħmilha, u hu għamilha skont kif urieh. 45 Missirijietna ħadu din it-tinda u ġarrewha magħhom meta marru maʼ Ġożwè fl-art tal-popli l-oħra, li Alla keċċiehom minn quddiem missirijietna. Din baqgħet hemm sa żmien David. 46 Dan kien approvat f’għajnejn Alla u talab biex ikollu l-privileġġ li jibni dar għall-Alla taʼ Ġakobb. 47 Minkejja dan kien Salamun li bena dar għalih. 48 Imma l-Iktar Għoli ma jgħixx ġo djar mibnija min-nies, bħalma qal il-profeta: 49 ‘Is-sema hi t-tron tiegħi, u l-art hi l-banketta għal saqajja. X’tip taʼ dar se tibnuli? jgħid Ġeħova.* Jew fejn hu l-post taʼ mistrieħ tiegħi? 50 Mhux jien għamilthom dawn l-affarijiet kollha?’

51 “Ja nies raskom iebsa li ssoddu widnejkom u m’intomx lesti li tinbidlu, intom qatt ma tobdu l-ispirtu qaddis u qed tagħmlu bħal missirijietkom. 52 Missirijietkom ippersegwitaw lill-profeti kollha. Huma qatlu lil dawk kollha li qalu minn qabel li ġej il-wieħed ġust, li intom tajtuh f’idejn l-għedewwa u qtiltuh. 53 Alla takom il-Liġi permezz tal-anġli imma intom m’obdejtuhiex.”

54 Meta semgħu hekk, tgħidx kemm irrabjaw u bdew jheżżu snienhom. 55 Imma l-ispirtu qaddis ġie fuq Stiefnu, u hu ħares lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-lemin t’Alla 56 u qal: “Ara, qed nara s-sema miftuħa u lil Bin il-bniedem fuq il-lemin t’Alla.” 57 Għalhekk, huma nfexxew jgħajtu kemm jifilħu, poġġew idejhom fuq widnejhom, u ġrew kollha għal fuqu. 58 Wara li tefgħuh barra l-belt, huma bdew iwaddbulu l-ġebel. Ix-xhieda foloz poġġew il-ħwejjeġ taʼ fuq tagħhom ħdejn saqajn żagħżugħ jismu Sawl. 59 Waqt li kienu qed iwaddbulu l-ġebel, Stiefnu talab bil-ħniena: “Mulej Ġesù, jien nagħtik ħajti.”* 60 Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen sod: “Ġeħova,* iżżommhomx responsabbli għal dan id-dnub.” Wara li qal hekk, raqad fil-mewt.

8 Min-naħa tiegħu, Sawl approva dan il-qtil.

Minn dakinhar qamet persekuzzjoni kbira kontra l-kongregazzjoni li kien hemm f’Ġerusalemm. Id-dixxipli kollha, minbarra l-appostli, inxterdu mar-reġjuni tal-Lhudija u s-Samarija. 2 Imma xi rġiel li jirrispettaw ħafna lil Alla ħadu lil Stiefnu minn hemm u difnuh, u tgħidx kemm bkewh. 3 Però, Sawl beda jħarbat lill-kongregazzjoni. Hu kien jidħol f’dar wara l-oħra u jkaxkar kemm irġiel u kemm nisa, u jitfagħhom il-ħabs.

4 Madankollu, id-dixxipli li nxterdu xandru l-aħbar tajba kull fejn marru. 5 Wieħed minnhom, Filippu, mar fil-belt* tas-Samarija u beda jipprietka dwar il-Kristu. 6 Waqt li kienu qed jisimgħu lil Filippu u jaraw il-mirakli li kien qed jagħmel, il-folol kollha kienu attenti ħafna għal dak li kien qed jgħid. 7 Għax ħafna kellhom spirti ħżiena,* u dawn kienu jgħajtu u joħorġu minnhom. Iktar minn hekk, dawk li kienu pparalizzati u jzappu ġew imfejqin. 8 Għalhekk, in-nies taʼ dik il-belt kienu ferħanin ħafna.

9 Issa f’dik il-belt kien hemm raġel jismu Xmun li kien jagħmel il-maġija, u n-nies tas-Samarija kienu jibqgħu mistagħġbin. Hu kien jgħid li kien speċjali. 10 In-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, kienu jisimgħu minnu u jgħidu: “Dan ir-raġel għandu qawwa kbira mingħand Alla.” 11 Hu kien ilu żmien ibellahhom bil-maġija li kien jagħmel u għalhekk kienu jisimgħu minnu. 12 Imma meta Filippu xandrilhom l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla u dwar isem Ġesù Kristu, huma emmnuh u tgħammdu, kemm irġiel u kemm nisa. 13 Anki Xmun sar dixxiplu, u wara li tgħammed kien ikun dejjem maʼ Filippu. Hu kien jibqaʼ mistagħġeb jara l-mirakli u l-affarijiet tal-għaġeb li kien jagħmel Filippu.

14 Meta l-appostli f’Ġerusalemm semgħu li n-nies fis-Samarija aċċettaw il-kelma t’Alla, huma bagħtulhom lil Pietru u Ġwanni. 15 Dawn marru u talbu għalihom biex jirċievu l-ispirtu qaddis. 16 Ħadd minnhom ma kien għadu rċivieh, għax huma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. 17 Għalhekk, Pietru u Ġwanni qiegħdu jdejhom fuqhom, u dawn bdew jirċievu l-ispirtu qaddis.

18 Meta Xmun ra li n-nies qed jirċievu l-ispirtu qaddis billi l-appostli jqiegħdu jdejhom fuqhom, hu offra l-flus lill-appostli 19 u qalilhom: “Agħtuha lili wkoll din l-awtorità, ħalli fuq kull min inqiegħed idejja jirċievi l-ispirtu qaddis.” 20 Imma Pietru qallu: “Jalla l-fidda tiegħek tinqered miegħek, għax int ħsibt li tistaʼ tixtri r-rigal b’xejn t’Alla. 21 Int m’għandek x’taqsam assolutament xejn f’din il-ħaġa, għax m’intix sinċier f’għajnejn Alla. 22 Mela indem mir-raġunar ħażin tiegħek u itlob bil-ħniena lil Ġeħova* forsi jaħfer l-intenzjoni ħażina taʼ qalbek. 23 Għax qed nara li int bħal velenu u lsir tal-ħażen.” 24 Xmun wiġibhom: “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova* għalija, ħalli ma jiġrili xejn minn dak li għedtu.”

25 Għalhekk, meta kienu tawhom xhieda fid-dettall u qalulhom dak li qal Ġeħova,* huma marru lura lejn Ġerusalemm, u bdew ixandru l-aħbar tajba f’ħafna rħula tas-Samaritani.

26 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova* qal lil Filippu: “Mur lejn in-Nofsinhar fit-triq li minn Ġerusalemm tagħti għal Gaża.” (Din hi triq fid-deżert.) 27 Għalhekk, hu mar u ra ewnuku* Etjopjan. Dan kellu awtorità taħt Kandaċe, ir-reġina tal-Etjopjani, u kien jieħu ħsieb il-ġid kollu tagħha. Hu kien mar Ġerusalemm biex iqim lil Alla. 28 Issa kien sejjer lura pajjiżu u kien qiegħed bilqiegħda fil-karru tiegħu jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija. 29 Għalhekk, l-ispirtu qaddis iggwida lil Filippu biex imur ħdejn il-karru. 30 Filippu mar jiġri u resaq lejn il-karru. Hu semgħu jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija u qallu: “Qed tifhem dak kollu li qed taqra?” 31 Hu wieġbu: “Kif nistaʼ nifhem jekk ħadd ma jgħallimni?” Għalhekk, hu ħeġġeġ lil Filippu biex jitlaʼ u jpoġġi ħdejh. 32 Is-silta li kien qed jaqra mill-Iskrittura kienet: “Bħal nagħġa hu ttieħed għall-qatla, u bħal ħaruf li jkunu qed jaqtgħulu s-suf hu baqaʼ kwiet. 33 Matul iż-żmien li bdew jgħajruh, hu ġie ttrattat b’mod inġust. Min se jitkellem dwar il-ġenerazzjoni tiegħu la se jinqatel minn fuq l-art?”

34 Imbagħad l-ewnuku qal lil Filippu: “Jekk jogħġbok, tistaʼ tgħidli dwar min qed jitkellem il-profeta? Dwaru nnifsu jew dwar xi ħadd ieħor?” 35 Imbagħad, Filippu beda minn din l-iskrittura u qallu l-aħbar tajba dwar Ġesù. 36 Hekk kif kienu għaddejjin fit-triq, ġew ħdejn post fejn kien hemm l-ilma u l-ewnuku qallu: “Ara, hawn l-ilma! X’qed iżommni milli nitgħammed?” 37*—— 38 Imbagħad, hu kkmanda biex iwaqqfu l-karru, niżel fl-ilma maʼ Filippu, u dan għammdu. 39 Meta telgħu mill-ilma, l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova* ħa malajr lil Filippu, u l-ewnuku ma rahx iktar. Imbagħad baqaʼ sejjer fi triqtu ferħan. 40 Imma Filippu sab ruħu f’Asdod, u kompla jxandar l-aħbar tajba fil-bliet kollha sakemm wasal Ċesarija.

9 Imma Sawl kien determinat li jġiegħel lid-dixxipli tal-Mulej ibatu u joqtolhom. Għalhekk mar għand il-qassis il-kbir 2 u talbu biex jagħtih ittri ħalli jurihom lis-sinagogi f’Damasku. B’hekk, l-irġiel u n-nisa li jsib li jagħmlu parti mit-Triq* ikun jistaʼ jarrestahom u jiħodhom Ġerusalemm.

3 Hekk kif kien qed jivvjaġġa u kważi wasal Damasku, f’daqqa waħda beda jiddi madwaru dawl mis-sema. 4 Hu waqaʼ mal-art u semaʼ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” 5 Hu qal: “Min int, Sinjur?” Wieġbu: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita. 6 Issa qum u mur fil-belt. Hemmhekk se jintqallek xi trid tagħmel.” 7 L-irġiel li kienu qed jivvjaġġaw miegħu baqgħu mbellhin, għax huma bdew jisimgħu leħen, imma ma raw lil ħadd. 8 Imbagħad Sawl qam, imma għalkemm għajnejh kienu miftuħin, ma setaʼ jara xejn. Għalhekk, huma qabduh minn idu u ħaduh Damasku. 9 Hu għamel tlett ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.

10 F’Damasku kien hemm dixxiplu jismu Ananija, u l-Mulej deherlu f’viżjoni u qallu: “Ananija!” Hu wieġbu: “Hawn jien Mulej.” 11 Il-Mulej qallu: “Qum, mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u fid-dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, li hu minn Tarsu. Għax hu qed jitlob, 12 u f’viżjoni rak dieħel u tpoġġi jdejk fuqu ħalli jkun jistaʼ jerġaʼ jara.” 13 Imma Ananija wieġbu: “Mulej, smajt mingħand ħafna nies dwaru u dwar il-ħsara kollha li għamel lid-dixxipli* tiegħek f’Ġerusalemm. 14 U hawnhekk hu ngħata l-awtorità mingħand il-qassisin importanti biex jarresta* lil kull min jafda f’ismek.”* 15 Imma l-Mulej qallu: “Mur, għax jien għażilt lil dan ir-raġel biex jagħti xhieda dwar ismi lill-popli, lir-rejiet, u lill-Iżraelin. 16 Jien se nurih b’mod ċar kemm se jkollu jbati minħabba ismi.”

17 Għalhekk Ananija mar, daħal fid-dar, poġġa jdejh fuqu, u qallu: “Ħija Sawl, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq li kont ġej minnha bagħatni biex int tkun tistaʼ terġaʼ tara u jkollok l-ispirtu qaddis.” 18 U mill-ewwel waqaʼ bħal qxur minn għajnejh u reġaʼ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed. 19 Wara, kiel u reġaʼ ħa saħħtu.

Hu qagħad għal xi ġranet mad-dixxipli f’Damasku, 20 u mill-ewwel mar jipprietka fis-sinagogi li Ġesù hu l-Iben t’Alla. 21 Imma dawk kollha li kienu qed jisimgħuh kienu mistagħġbin u bdew jgħidu: “Dan mhux ir-raġel li ħarbat lil dawk f’Ġerusalemm li kienu jafdaw f’dan l-isem? Hu mhux biex jarrestahom u jiħodhom għand* il-qassisin importanti ġie hawn?” 22 Imma Sawl kompla jsir iktar effettiv fl-ippritkar. B’raġunar loġiku, hu wera b’mod ċar li Ġesù hu l-Kristu. B’hekk, il-Lhud f’Damasku baqgħu mbellhin.

23 Wara xi żmien, il-Lhud ippjanaw biex joqtluh. 24 Imma Sawl sar jaf b’dan. Huma kienu għassa mal-bibien tal-belt billejl u binhar biex joqtluh. 25 Għalhekk, id-dixxipli tiegħu niżżluh f’qoffa kbira billejl minn ġo fetħa fis-sur.

26 Meta wasal Ġerusalemm, hu pprova jingħaqad mad-dixxipli. Imma kollha beżgħu minnu, għax m’emmnux li kien sar dixxiplu. 27 Għalhekk, Barnaba qabeż għalih u ħadu għand l-appostli. Hu qalilhom fid-dettall kif fit-triq Sawl ra lill-Mulej u kellmu, u kif tkellem bil-kuraġġ f’isem Ġesù f’Damasku. 28 Għalhekk, hu baqaʼ magħhom u vvjaġġa bil-libertà* f’Ġerusalemm, jitkellem bil-kuraġġ f’isem il-Mulej. 29 Hu kien jitkellem u jargumenta mal-Lhud li jitkellmu bil-Grieg. Imma dawn bdew jipprovaw joqtluh. 30 Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh Ċesarija u bagħtuh Tarsu.

31 Imbagħad il-kongregazzjonijiet kollha fil-Lhudija, il-Galilija, u s-Samarija ssaħħu u kellhom perjodu taʼ paċi mingħajr persekuzzjoni. Id-dixxipli komplew jiżdiedu għax huma rrispettaw ħafna lil* Ġeħova* u kienu msaħħin bl-ispirtu qaddis.

32 Hekk kif Pietru kien qed jivvjaġġa fir-reġjun kollu, hu mar ukoll għand id-dixxipli* li kienu joqogħdu f’Lidda. 33 Hemmhekk sab raġel jismu Enea li kien ilu tmien snin fis-sodda, għax kien ipparalizzat. 34 Pietru qallu: “Enea, Ġesù Kristu fejqek. Qum, ifrex soddtok.” U hu qam mill-ewwel. 35 Meta rawh dawk kollha li jgħixu f’Lidda u fil-Pjanura tas-Saron, bdew jemmnu fil-Mulej.

36 F’Ġaffa kien hemm dixxiplu jisimha Tabita u li bil-Grieg hu Dorka.* Hi kienet tagħmel ħafna affarijiet tajbin u tgħin lill-foqra. 37 Imma f’dak iż-żmien, hi mardet u mietet. Għalhekk ħasluha u poġġewha f’kamra taʼ fuq. 38 Meta d-dixxipli semgħu li Pietru kien f’Lidda, li qiegħda viċin Ġaffa, huma bagħtu żewġt irġiel biex jgħidulu: “Jekk jogħġbok, ejja ħdejna malajr.” 39 Għalhekk, Pietru mar magħhom. Meta wasal, ħaduh fil-kamra taʼ fuq. Ir-romol kollha marru ħdejh jibku u juruh ħafna lbiesi u ħwejjeġ taʼ fuq li Dorka għamlet meta kienet għadha magħhom. 40 Imbagħad Pietru bagħat lil kulħadd ’il barra, niżel għarkopptejh, u talab. Wara dar lejn il-ġisem u qal: “Tabita qum!” Hi fetħet għajnejha, u kif rat lil Pietru, qamet bilqiegħda. 41 Hu taha idu u qajjimha. Imbagħad għajjat lid-dixxipli,* inkluż lir-romol, u dawn raw lil Tabita ħajja. 42 Dan sar jaf bih kulħadd f’Ġaffa, u ħafna bdew jemmnu fil-Mulej. 43 U Pietru baqaʼ Ġaffa għal xi żmien għand Xmun il-konzatur.*

10 F’Ċesarija kien hemm raġel jismu Kornelju, uffiċjal tal-armata* li jgħidulha l-korp Taljan.* 2 Kornelju kien jirrispetta ħafna lil* Alla u jqimu fid-dar tiegħu mal-familja kollha. Hu kien jagħmel it-tajjeb mal-foqra u kien dejjem jitlob bil-ħniena lil Alla. 3 Madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* hu ra b’mod ċar f’viżjoni anġlu t’Alla dieħel għandu u jgħidlu: “Kornelju!” 4 Kornelju ħares lejh imwerwer u qallu: “X’ġara Mulej?” Hu qallu: “Alla jinnota t-talb tiegħek u t-tajjeb li tagħmel mal-foqra u hu jibqaʼ jiftakarhom. 5 Għalhekk, ibgħat lil xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil raġel jismu Xmun li jgħidulu wkoll Pietru. 6 Dan ir-raġel qed joqgħod għand Xmun, konzatur* li għandu dar ħdejn il-baħar.” 7 Malli l-anġlu li kellmu telaq, hu għajjat tnejn mill-qaddejja tiegħu u suldat li jirrispetta ħafna lil Alla, 8 qalilhom kollox, u bagħathom Ġaffa.

9 L-għada, waqt li kienu qed jivvjaġġaw u resqin lejn il-belt, Pietru telaʼ fuq il-bejt madwar nofsinhar* biex jitlob. 10 Imma hu qabdu ħafna ġuħ u ried jiekol. Waqt li kienu qed jippreparaw l-ikel, hu kellu viżjoni 11 u ra s-sema miftuħa u xi ħaġa* nieżla qisha liżar kbir tal-għażel li kien qed jitniżżel mal-art mill-erbat itruf tiegħu. 12 Fih kien hemm kull tip t’annimal b’erbaʼ saqajn, rettili,* u għasafar. 13 Imbagħad instemaʼ leħen li qallu: “Qum Pietru, oqtol u kul!” 14 Imma Pietru qal: “Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa u mhux nadifa.” 15 U l-leħen reġaʼ kellmu u qallu: “Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.” 16 Il-leħen instemaʼ għat-tielet darba, u dak li ra* Pietru ttellaʼ mill-ewwel lejn is-sema.

17 Waqt li Pietru kien għadu mħawwad, għax ma kienx jaf xi tfisser il-viżjoni li kien ra, l-irġiel li bagħat Kornelju kienu qed jistaqsu fejn hi d-dar taʼ Xmun u qagħdu ħdejn il-bieb. 18 Huma għajtu u staqsew jekk Xmun li jgħidulu Pietru kienx qed joqgħod hemm. 19 Hekk kif Pietru kien għadu qed jaħseb dwar il-viżjoni, l-ispirtu qaddis qallu: “Hemm tlett irġiel qed jistaqsu għalik. 20 Għalhekk lesti, inżel, u itlaq magħhom. Tiddubita xejn, għax jien bgħatthom.” 21 Imbagħad Pietru niżel ħdejn l-irġiel u qalilhom: “Jien hu r-raġel li qed tfittxu. Għala qegħdin hawn?” 22 Huma qalulu: “Aħna bagħatna Kornelju, uffiċjal tal-armata. Hu raġel sewwa u għandu rispett kbir lejn* Alla, u l-Lhud kollha jitkellmu tajjeb dwaru. Alla bagħat anġlu qaddis li dderiġieh biex jistiednek f’daru ħalli jismaʼ x’għandek x’tgħid.” 23 Għalhekk, stidinhom biex joqogħdu hemm.

L-għada telaq magħhom, u xi aħwa minn Ġaffa marru miegħu. 24 Il-ġurnata taʼ wara hu daħal Ċesarija. Ovvjament, Kornelju kien qed jistenniehom u laqqaʼ flimkien lil dawk li jiġu minnu u lill-ħbieb kbar tiegħu. 25 Xħin Pietru wasal, Kornelju mar jiltaqaʼ miegħu. Hu niżel ħdejn saqajh u miel quddiemu. 26 Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum, jien bniedem bħalek.” 27 Waqt li Pietru kien qed jitkellem miegħu, daħal fid-dar u sab ħafna nies. 28 Hu qalilhom: “Intom tafu kemm hu kontra l-liġi li Lhudi jagħmilha maʼ xi ħadd li mhuwiex Lhudi jew imur għandu, imma Alla wrieni li m’għandi nqis lil ħadd imniġġes jew mhux nadif. 29 Għalhekk, meta bgħattu għalija ġejt mingħajr ma qgħadt niddubita. Issa nixtieq inkun naf għala bgħattu għalija.”

30 Imbagħad Kornelju qallu: “Erbat ijiem ilu, jien kont qed nitlob id-dar madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* u dak il-ħin ġie quddiemi raġel bi ħwejjeġ jiddu 31 u qalli: ‘Kornelju, Alla semaʼ t-talba tiegħek u ftakar fit-tajjeb li għamilt mal-foqra. 32 Għalhekk, ibgħat lil xi ħadd Ġaffa biex iġib lil Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru. Hu qed joqgħod fid-dar taʼ Xmun il-konzatur,* li qiegħda ħdejn il-baħar.’ 33 Imbagħad, jien bgħatt għalik mill-ewwel, u int kont qalbek tajba biżżejjed li tiġi. Issa qegħdin hawn quddiem Alla biex nisimgħu dak kollu li kkmandak tgħid Ġeħova.”*

34 Għal dan Pietru qal: “Issa qed nifhem verament li Alla jqis lil kulħadd l-istess, 35 u hu jilqaʼ lil kull min jirrispettah ħafna* u jagħmel it-tajjeb, hu minn liema poplu hu. 36 Hu bagħat messaġġ lill-Iżraelin biex ixandrilhom l-aħbar tajba taʼ li jkollhom il-paċi miegħu permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej taʼ kulħadd. 37 Intom tafu li wara li Ġwanni pprietka dwar il-magħmudija tiegħu, in-nies bdew jitkellmu dwar dan fil-Galilija u fil-Lhudija kollha. 38 Qed nirreferi għal Ġesù minn Nazaret, li Alla għażlu* permezz tal-ispirtu qaddis u tah il-qawwa, u b’hekk hu għamel affarijiet tajbin u fejjaq lil dawk kollha li kienu qed ibatu minħabba x-Xitan, għax Alla kien miegħu. 39 Aħna xhieda taʼ kulma għamel kemm fil-pajjiż tal-Lhud u kemm f’Ġerusalemm, imma huma qatluh billi dendluh maʼ zokk.* 40 Alla rxoxtah fit-tielet jum u ppermettielu li jidher lin-nies. 41 Hu ma deherx lil kulħadd, imma deher lix-xhieda li ġew inkarigati minn qabel minn Alla, jiġifieri lilna li kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-mewt. 42 Ukoll, hu kkmandana biex nippritkaw lin-nies u nagħtuhom xhieda fid-dettall li dan hu l-wieħed li Alla inkariga biex jiġġudika lill-ħajjin u l-mejtin. 43 Il-profeti kollha tkellmu dwaru u qalu li permezz t’ismu, Alla se jaħfer id-dnubiet taʼ kull min juri fidi fih.”

44 Waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem dwar dawn l-affarijiet, l-ispirtu qaddis niżel fuq dawk kollha li kienu qed jisimgħu l-kelma t’Alla. 45 Id-dixxipli* ċirkonċiżi li kienu marru maʼ Pietru baqgħu mbellhin, għax ir-rigal b’xejn tal-ispirtu qaddis kien qed jingħata wkoll lil dawk li ma kinux Lhud. 46 Huma semgħuhom jitkellmu b’lingwi differenti* u jfaħħru lil Alla bil-kbir. Imbagħad Pietru qal: 47 “Dawn irċivew l-ispirtu qaddis bħalna, mela ħadd ma jistaʼ jwaqqafhom milli jitgħammdu bl-ilma!” 48 Għalhekk, hu kkmandahom jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu. Imbagħad talbuh biex jibqaʼ magħhom għal ftit jiem.

11 L-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li anki n-nies mhux Lhud aċċettaw il-kelma t’Alla. 2 Meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li riedu li n-nies minn popli oħra jiġu ċirkonċiżi bdew jikkritikawh* 3 billi qalulu: “Int dħalt fid-dar taʼ rġiel mhux ċirkonċiżi u kilt magħhom.” 4 Għalhekk, Pietru beda jispjegalhom x’ġara fid-dettall u qalilhom:

5 “Jien kont fil-belt taʼ Ġaffa nitlob, u f’viżjoni rajt xi ħaġa* nieżla bħal liżar kbir tal-għażel li kien qed jitniżżel mis-sema mill-erbat itruf tiegħu, u ġie ħdejja. 6 Meta ħarist sew lejh rajt annimali b’erbaʼ saqajn, annimali slavaġ, rettili,* u għasafar. 7 Imbagħad smajt leħen jgħidli: ‘Qum Pietru, oqtol u kul!’ 8 Imma jien għedt: ‘Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa jew mhux nadifa.’ 9 It-tieni darba, il-leħen mis-sema qalli: ‘Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.’ 10 Il-leħen instemaʼ għat-tielet darba, u kulma rajt reġaʼ ttellaʼ fis-sema. 11 Ukoll, dak il-ħin stess, kien hemm tlett irġiel ħdejn id-dar fejn kont qed noqgħod li ntbagħtu għandi minn Ċesarija. 12 Imbagħad l-ispirtu qaddis qalli biex immur magħhom u ma niddubita xejn. Anki dawn is-sitt aħwa ġew miegħi, u dħalna fid-dar tar-raġel.

13 “Hu rrakkontalna kif ra anġlu fid-dar tiegħu u qallu: ‘Ibgħat irġiel Ġaffa biex iġibu raġel jismu Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru, 14 u hu jgħidlek kif int u l-familja tiegħek tistgħu tiġu salvati.’ 15 Imma xħin bdejt nitkellem, huma rċivew l-ispirtu qaddis bħalma rċivejnieh aħna l-ewwel darba. 16 Għal dan, ftakart f’dak li kien jgħid il-Mulej: ‘Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom se titgħammdu bl-ispirtu qaddis.’ 17 Għalhekk, jekk Alla tahom l-istess rigal b’xejn li ta lilna li emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien min jien biex infixkel lil Alla milli jagħmel dak li jrid?”

18 Meta semgħu dawn l-affarijiet huma ma baqgħux joġġezzjonaw* u bdew jigglorifikaw lil Alla billi qalu: “Mela Alla jrid li anki n-nies li mhumiex Lhud jindmu ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.”

19 Id-dixxipli li kienu nxterdu minħabba l-persekuzzjoni wara l-mewt taʼ Stiefnu marru saħansitra l-Feniċja, Ċipru, u Antjokja, imma huma xandru l-aħbar tajba lil-Lhud biss. 20 Madankollu f’Antjokja, xi wħud minnhom li kienu minn Ċipru u Ċirene bdew jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Mulej Ġesù lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg. 21 Iktar minn hekk, Ġeħova* kien qed jappoġġahom, u ammont kbir taʼ nies bdew jemmnu u saru dixxipli tal-Mulej.

22 Meta semgħu dwar dan, l-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm qalu lil Barnaba biex imur Antjokja. 23 Meta wasal u ra kemm Alla kien qalbu tajba magħhom, hu feraħ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu jobdu lill-Mulej b’qalbhom kollha. 24 Barnaba kien raġel sew li kellu l-ispirtu qaddis u fidi kbira. U folla kbira bdiet temmen fil-Mulej. 25 Imbagħad, hu mar Tarsu biex ifittex lil Sawl. 26 Wara li sabu, ħadu Antjokja. Għal sena sħiħa huma ltaqgħu mal-kongregazzjoni t’hemm u għallmu lil ħafna. Kien f’Antjokja li permezz tal-gwida t’Alla d-dixxipli bdew jissejħu għall-ewwel darba Kristjani.

27 F’dak iż-żmien, xi profeti minn Ġerusalemm marru Antjokja. 28 Wieħed minnhom, li kien jismu Agabu, qal permezz tal-ispirtu qaddis li kien se jkun hemm ġuħ kbir mal-art kollha. Fil-fatt, dan seħħ fi żmien Klawdju. 29 Għalhekk, id-dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna lill-aħwa li jgħixu fil-Lhudija. Kull wieħed ta skont kemm setaʼ, 30 u l-għajnuna bagħtuha lill-anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.

12 Dak iż-żmien, ir-Re Erodi beda jittratta ħażin lil xi wħud mill-kongregazzjoni. 2 Hu qatel bix-xabla lil Ġakbu ħu Ġwanni. 3 Meta ra li l-Lhud ħadu gost b’dan, hu arresta lil Pietru. (Dan kien matul il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira.) 4 Hu qabdu, tefgħu l-ħabs, u poġġa għassa miegħu erbaʼ gruppi taʼ suldati li jbiddlu lil xulxin. Kull grupp kellu erbaʼ suldati. Hu kellu l-ħsieb li joħorġu* quddiem in-nies wara l-Qbiż. 5 Waqt li Pietru kien qed jinżamm il-ħabs, il-kongregazzjoni kienet qed titlob bil-ħniena lil Alla għalih.

6 Fil-lejl taʼ qabel ma kien se jgħaddi ġuri, Pietru kien rieqed marbut b’żewġt iktajjen bejn żewġ suldati, u quddiem il-bieb kien hemm is-suldati għassa. 7 Imma f’daqqa waħda, l-anġlu taʼ Ġeħova* mar hemm u ċ-ċella bdiet tiddi bid-dawl. Hu ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu, u qallu: “Qum malajr!” U l-ktajjen waqgħu minn maʼ jdejh. 8 L-anġlu qallu: “Ilbes il-ħwejjeġ u s-sandli.” U hekk għamel. Imbagħad qallu: “Ilbes ukoll il-libsa taʼ fuq u imxi warajja.” 9 Għalhekk, hu ħareġ u baqaʼ miexi warajh, imma ma kienx jaf li dak li kien qed jiġri permezz tal-anġlu kien veru. Fil-fatt, hu ħaseb li kien qed jara xi viżjoni. 10 Huma għaddew ħdejn l-ewwel u t-tieni għassa u waslu ħdejn il-grada tal-ħadid li tagħti għall-belt, u din infetħet waħedha. Wara li ħarġu, imxew għal ftit fit-triq, u f’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh. 11 Meta Pietru rrealizza x’ġara, qal: “Issa naf verament li Ġeħova* bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qed jittamaw li jiġrili.”

12 Wara, hu mar id-dar taʼ Marija omm Ġwanni, li jgħidulu Marku. Hemm kien hemm ftit nies mhux ħażin jitolbu. 13 Meta ħabbat fuq il-bieb taʼ barra, marret qaddejja jisimha Roda biex tara min kien hemm. 14 Hekk kif għarfet leħen Pietru, tant ferħet li minflok ma fetħitlu, daħlet tiġri ġewwa u qaltilhom li Pietru kien qiegħed ħdejn il-bieb. 15 Huma qalulha: “Int qed tiġġennen?” Imma hi baqgħet tinsisti li kien hu. U huma bdew jgħidu: “Dak l-anġlu tiegħu.” 16 Sadanittant, Pietru baqaʼ jħabbat. Meta fetħu l-bieb u rawh, baqgħu mbellhin. 17 Imma hu għamlilhom sinjal biex joqogħdu kwieti u rrakkontalhom fid-dettall kif Ġeħova* ħarġu mill-ħabs. Hu qalilhom: “Morru għidu dan lil Ġakbu u lill-aħwa.” Wara telaq minn hemm u vvjaġġa għal post ieħor.

18 L-għada filgħodu, is-suldati bdew jippanikjaw ħafna, għax ma kinux jafu x’ġara minn Pietru. 19 Meta Erodi fittxu sew u ma sabux, hu interroga lis-suldati u ta kmand biex jiġu kkastigati. Imbagħad, telaq mil-Lhudija u mar Ċesarija għal xi żmien.

20 Issa hu kien irrabjat* man-nies taʼ Tir u Sidon. Dawn kienu jixtru l-ikel mill-pajjiż tiegħu, u għalhekk ftiehmu bejniethom u talbu bil-ħniena lil Blastu, li kien jieħu ħsieb id-dar* tiegħu, biex jgħinhom. B’hekk kellmu lir-re biex jagħmlu paċi. 21 F’okkażjoni speċjali, Erodi libes ħwejjeġ irjali, poġġa fuq it-tron tal-ġudizzju, u beda jkellem lin-nies. 22 In-nies li kien hemm miġburin bdew jgħajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!” 23 F’daqqa waħda, l-anġlu taʼ Ġeħova* kkastigah, għax hu ma tax il-glorja lil Alla. Hu ttiekel mid-dud u miet.

24 Imma t-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova* kompla jinfirex u kien hemm ħafna li bdew jemmnu.

25 Meta Barnaba u Sawl wasslu l-affarijiet li nġabru lill-aħwa f’Ġerusalemm, huma marru lura Antjokja u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.

13 Fil-kongregazzjoni t’Antjokja kien hemm dawn il-profeti u għalliema: Barnaba, Simgħon li jgħidulu wkoll Niger, Luċju minn Ċirene, Manahen li tgħallem m’Erodi l-mexxej tad-distrett, u Sawl. 2 Hekk kif kienu qed iqimu* lil Ġeħova* u jsumu, l-ispirtu qaddis qal: “Inkarigaw lil Barnaba u Sawl għax jien għażilthom għal ċertu xogħol.” 3 Imbagħad, wara li samu u talbu, poġġew idejhom fuqhom u bagħtuhom.

4 Għalhekk, dawn l-irġiel li ntbagħtu mill-ispirtu qaddis, marru Selewkja u minn hemm ivvjaġġaw bil-baħar lejn Ċipru. 5 Meta waslu fil-belt taʼ Salamina huma bdew ixandru dak li jgħid Alla fis-sinagogi tal-Lhud. U Ġwanni kien qed jgħinhom.*

6 Huma telqu minn Salamina u marru sa Pafos, li qiegħda fuq in-naħa l-oħra tal-gżira. Hemm iltaqgħu maʼ raġel Lhudi jismu Bar-Jesu, li kien saħħar u profeta falz. 7 Hu kien mal-prokonslu* Serġju Pawlu, raġel intelliġenti. Serġju Pawlu għajjat lil Barnaba u Sawl, għax xtaq ħafna jismaʼ x’jgħid Alla. 8 Imma s-saħħar, li jismu wkoll Elima (li jfisser saħħar) beda jopponihom u pprova jwaqqaf lill-prokonslu milli jismaʼ dak li jgħid Alla. 9 Imbagħad ġie l-ispirtu qaddis fuq Sawl, li jismu wkoll Pawlu, u dan ħares lejn Elima 10 u qallu: “Ja raġel kollok qerq u ħażen, int bin ix-Xitan, int għadu taʼ kulma hu ġust. Kemm se ddum tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova?* 11 Ġeħova* se jikkastigak, u int se tagħma u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx.” F’daqqa waħda beda jara ċpar u dlam, u beda jdur u jipprova jsib lil xi ħadd biex imexxih minn idu. 12 Meta l-prokonslu ra x’ġara, hu sar dixxiplu, għax baqaʼ mistagħġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.*

13 Pawlu u sħabu vvjaġġaw bil-baħar minn Pafos u marru Perga fil-Pamfilja. Imma Ġwanni telaqhom u mar lura Ġerusalemm. 14 Madankollu, huma baqgħu sejrin u minn Perga marru Antjokja fil-Pisidja. Fis-Sabat huma marru s-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. 15 Wara l-qari pubbliku mil-Liġi u mill-kitbiet tal-Profeti, il-mexxejja tas-sinagoga qalu lil Pawlu u Barnaba: “Aħwa, jekk għandkom xi ħaġa inkuraġġanti x’tgħidu lin-nies, għiduha.” 16 Għalhekk, Pawlu qam, għamel sinjal b’idu, u qal:

“Isimgħu Iżraelin u intom ilkoll li tirrispettaw ħafna lil* Alla. 17 L-Alla taʼ dan il-poplu Iżrael għażel lil missirijietna u għamilhom poplu kbir waqt li għexu bħala barranin fl-art tal-Eġittu. Hu ħariġhom minn hemm b’id b’saħħitha. 18 U għal madwar 40 sena, hu ħa paċenzja bihom fid-deżert. 19 Wara li qered sebaʼ popli fl-art taʼ Kangħan, hu tahom l-art tagħhom bħala wirt. 20 Dan kollu ġara f’madwar 450 sena.

“Wara, hu inkariga mħallfin biex imexxihom saż-żmien il-profeta Samwel. 21 Imma wara huma talbu biex ikollhom re, u Alla tahom lil Sawl it-tifel taʼ Kis mit-tribù taʼ Benjamin biex imexxi fuqhom għal 40 sena. 22 Wara li neħħieh, hu għażel lil David bħala re, li dwaru qal, ‘David it-tifel taʼ Ġesse hu raġel għal qalbi. Hu se jagħmel kulma nixtieq.’ 23 Bħalma wiegħed, mid-dixxendenti taʼ* dan ir-raġel, Alla ta salvatur lil Iżrael, lil Ġesù. 24 Qabel ma wasal, Ġwanni kien għallem lin-nies kollha t’Iżrael pubblikament biex jitgħammdu ħalli juru li ddispjaċiehom. 25 Imma hekk kif Ġwanni kien wasal biex jispiċċa l-inkarigu tiegħu, kien jgħid: ‘Min taħsbu li jien? M’iniex hu. Imma ġej wieħed warajja li jien lanqas biss jistħoqqli nħollu s-sandli.’

26 “Ħuti mill-familja t’Abraham u oħrajn li tirrispettaw ħafna lil* Alla, aħna smajna dwar il-mod kif Alla se jsalvana. 27 Għax in-nies taʼ Ġerusalemm u l-mexxejja tagħhom m’aċċettawhx, imma meta ġġudikawh, huma għamlu l-affarijiet li qalu l-Profeti, li jinqraw b’leħen għoli kull Sabat. 28 Għalkemm ma sabux raġuni għala joqtluh, huma talbu lil Pilatu biex jagħtih il-mewt. 29 U meta għamlu dak kollu li hemm miktub dwaru, huma neħħewh minn fuq iz-zokk* u qegħduh f’qabar.* 30 Imma Alla qajmu mill-mewt, 31 u għal ħafna ġranet Ġesù deher lil dawk li kienu marru miegħu mill-Galilija għal Ġerusalemm. Issa dawn qed jagħtu xhieda dwaru lin-nies.

32 “Għalhekk, qed nippritkawlkom l-aħbar tajba dwar il-wegħda li Alla għamel maʼ missirijietna. 33 Alla għamel eżatt bħalma wiegħed lilna, it-tfal tagħhom, billi rxoxta lil Ġesù bħalma hemm miktub fit-tieni salm: ‘Int ibni; illum jien sirt Missierek.’ 34 Alla rxoxtah u tah ġisem li ma jitħassarx. Alla kkonferma li dan hu vera meta qal: ‘Jien se nurikom l-imħabba u l-lealtà* li wegħedt lil David. Din il-wegħda hi taʼ min jafdaha.’ 35 F’salm ieħor hemm miktub ukoll: ‘Mhux se tħalli l-ġisem tal-leali tiegħek jitħassar.’ 36 David qeda lil Alla* matul ħajtu, raqad fil-mewt, indifen maʼ missirijietu, u ġismu tħassar. 37 Mill-banda l-oħra, il-ġisem taʼ dak li qajjem Alla ma tħassarx.

38 “Ħuti, kunu afu li l-maħfra tad-dnubiet teżisti biss permezz tiegħu. Dan hu li qed jiġi ppritkat lilkom. 39 Skont il-Liġi taʼ Mosè, intom ma stajtux titqiesu innoċenti mill-affarijiet kollha. Imma kull min jemmen fih, Alla jqisu innoċenti permezz tiegħu. 40 Għalhekk, oqogħdu attenti li ma jiġrilkomx bħalma hemm miktub fil-kotba tal-Profeti: 41 ‘Intom li tħobbu tmaqdru se taraw dak li qed nagħmel u tibqgħu mistagħġbin. Imbagħad mhux se tibqgħu teżistu, għax intom qatt mhu se temmnu dak li qed nagħmel fi żmienkom anki jekk xi ħadd jgħidilkom dwaru fid-dettall.’”

42 Meta Pawlu u Barnaba kienu ħerġin, in-nies bdew jitolbuhom bil-ħniena biex jitkellmu dwar dawn l-affarijiet fis-Sabat taʼ wara wkoll. 43 Għalhekk, xħin spiċċat l-assemblea tas-sinagoga, ħafna Lhud u oħrajn li jimxu mat-tagħlim tal-Lhud u li jaqdu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba. Waqt li kienu qed ikellmu lil dawn in-nies, huma ħeġġewhom biex ikomplu jibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla.

44 Is-Sabat taʼ wara, kważi l-belt kollha ltaqgħet biex tismaʼ dak li jgħid Ġeħova.* 45 Meta l-Lhud raw lill-folol, huma bdew jgħiru ħafna u jmieru lil Pawlu, u b’hekk bdew jidgħu.* 46 Imbagħad Pawlu u Barnaba qalulhom b’kuraġġ: “Kien hemm bżonn li dak li jgħid Alla jintqal lilkom l-ewwel. Imma intom m’aċċettajtuhx, u b’hekk urejtu li ma jistħoqqilkomx il-ħajja taʼ dejjem. Allura issa se mmorru għand il-popli l-oħra. 47 Għax Ġeħova* ta dan il-kmand: ‘Jien inkarigajtek bħala d-dawl tal-popli, biex tipprietka mal-art kollha l-mezz kif in-nies se jiġu salvati.’”

48 Meta n-nies tal-popli semgħu dan, huma bdew jifirħu u jfaħħru dak li jgħid Ġeħova,* u dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli. 49 Iktar minn hekk, dak li jgħid Ġeħova* baqaʼ jinxtered mal-pajjiż kollu. 50 Imma l-Lhud xewxu lin-nisa importanti li kienu reliġjużi ħafna u lill-irġiel importanti tal-belt, u huma ppersegwitaw lil Pawlu u Barnaba u tefgħuhom barra l-belt. 51 Għalhekk, huma farfru saqajhom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom, u marru Ikonju. 52 U d-dixxipli baqgħu jkunu ferħanin u jirċievu l-ispirtu qaddis.

14 F’Ikonju, Pawlu u Barnaba daħlu flimkien fis-sinagoga tal-Lhud u tkellmu b’tali mod li folla kbira taʼ Lhud kif ukoll Griegi* saru dixxipli. 2 Imma l-Lhud li m’emmnux xewxu lin-nies tal-popli u ġegħluhom jiħduha kontra l-aħwa. 3 Għalhekk, għal diversi ġimgħat, huma ppritkaw bil-kuraġġ bl-awtorità taʼ Ġeħova.* Permezz tagħhom, hu għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb biex jikkonferma l-messaġġ li kienu qed jippritkaw, jiġifieri l-messaġġ dwar il-qalb tajba kbira tiegħu. 4 Però, in-nies tal-belt kienu maqsumin, min kien qed iżomm mal-Lhud u min mal-appostli. 5 Meta n-nies tal-popli kif ukoll il-Lhud bil-mexxejja tagħhom ippruvaw jittrattawhom ħażin u joqtluhom billi jwaddbulhom il-ġebel, 6 huma saru jafu b’dan u ħarbu lejn il-bliet taʼ Listra u Derbe fil-Likaonja u lejn l-irħula li huma viċin dawn il-bliet. 7 Hemmhekk komplew ixandru l-aħbar tajba.

8 F’Listra kien hemm wieħed raġel bilqiegħda li twieled b’diżabilità. Hu kellu saqajh ipparalizzati u qatt ma mexa. 9 Dan ir-raġel kien qed jismaʼ lil Pawlu, u Pawlu ħares lejh u nduna li hu kellu l-fidi li jistaʼ jfiq. 10 Għalhekk, qallu b’leħen għoli: “Qum,” u r-raġel qam b’qabża u beda jimxi. 11 Meta l-folol raw x’kien għamel Pawlu, huma għajtu bil-lingwa tal-Likaonja: “L-allat saru bħal bnedmin u niżlu għandna!” 12 Lil Barnaba bdew jgħidulu Żews, u lil Pawlu Erme, għax hu kien l-iktar wieħed li qed jitkellem. 13 U l-qassis taʼ Żews, li t-tempju tiegħu kien fid-daħla tal-belt, ġab barrin u kuruni tal-fjuri* fil-bibien tal-belt u ried joffri sagrifiċċji mal-folol.

14 Madankollu, meta l-appostli Barnaba u Pawlu semgħu dwar dan, huma ċarrtu ħwejjiġhom, marru jiġru lejn il-folla, u qalu b’leħen għoli: 15 “L-aħwa, għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin bl-istess dgħufijiet bħalkom. Aħna qed inxandrulkom l-aħbar tajba biex ma tibqgħux tqimu affarijiet li ma jiswew għal xejn, imma tqimu lill-Alla l-ħaj, li għamel is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom. 16 Fil-passat hu ħalla lill-popli jagħmlu dak li jridu, 17 imma xorta ta xhieda tiegħu nnifsu bl-affarijiet tajbin li għamel, billi jagħtikom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott. B’hekk jagħtikom ikel bl-abbundanza u jagħmilkom ferħanin.” 18 Imma minkejja li qalulhom dawn l-affarijiet, bilkemm setgħu jżommu l-folol milli jagħmlulhom sagrifiċċji.

19 Imbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u xewxu lill-folol kontra Pawlu, u dawn waddbu l-ġebel lil Pawlu u kaxkruh barra l-belt, għax ħasbu li kien mejjet. 20 Però, meta daru miegħu d-dixxipli, hu qam u daħal il-belt. L-għada hu telaq maʼ Barnaba lejn Derbe. 21 Wara li xandru l-aħbar tajba f’dik il-belt u għenu lil ħafna jsiru dixxipli, huma marru Listra, Ikonju, u Antjokja. 22 Hemmhekk huma saħħew lid-dixxipli* u inkuraġġewhom biex jibqgħu b’fidi soda u qalulhom: “Hemm bżonn li ngħaddu minn ħafna tbatijiet biex nidħlu fis-Saltna t’Alla.” 23 Iktar minn hekk, huma inkarigaw anzjani* f’kull kongregazzjoni. Imbagħad talbu, samu, u ħallewhom f’idejn Ġeħova,* li fih kienu jemmnu.

24 Imbagħad għaddew mill-Pisidja u waslu l-Pamfilja, 25 u wara li xandru l-kelma t’Alla f’Perga, marru Attalija. 26 Minn hemm huma vvjaġġaw bil-baħar lejn Antjokja. Din kienet il-belt fejn qabel l-aħwa kienu talbu lil Alla biex ibierek ix-xogħol taʼ Pawlu u Barnaba li issa kienu lestew.

27 Meta waslu u laqqgħu l-kongregazzjoni, huma rrakkontawlhom kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom u li kien ta l-opportunità lill-popli biex jemmnu fih. 28 Imbagħad huma għamlu xi żmien mad-dixxipli.

15 Xi rġiel niżlu mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma tiġux ċirkonċiżi skont il-Liġi taʼ Mosè, ma tiġux salvati.” 2 Imma Pawlu u Barnaba ma qablux maʼ dan u ddiskutew ħafna magħhom. Imbagħad ġie deċiż li Pawlu, Barnaba, u xi aħwa oħrajn imorru għand l-appostli u l-anzjani* f’Ġerusalemm biex jitkellmu magħhom dwar din il-kwistjoni.*

3 Wara li dawk fil-kongregazzjoni mxew biċċa magħhom, dawn l-irġiel komplew il-vjaġġ u għaddew mill-Feniċja u s-Samarija. Huma rrakkontaw fid-dettall kif in-nies tal-popli bdew iqimu lil Alla,* u meta l-aħwa t’hemm semgħu b’dan tgħidx kemm ferħu. 4 Meta waslu Ġerusalemm, huma ntlaqgħu b’qalb tajba mill-kongregazzjoni, l-appostli, u l-anzjani. Dawn irrakkontawlhom il-ħafna affarijiet li Alla kien għamel permezz tagħhom. 5 Imma xi wħud li qabel kienu parti mis-setta tal-Fariżej, qamu minn posthom u qalu: “Hemm bżonn li jiġu ċirkonċiżi u li nikkmandawhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè.”

6 Għalhekk, l-appostli u l-anzjani ltaqgħu biex jiddiskutu din il-kwistjoni. 7 Wara diskussjoni taħraq,* Pietru qam u qalilhom: “Aħwa, intom tafu tajjeb li Alla għażilni minn fostkom biex in-nies tal-popli jisimgħu l-messaġġ tal-aħbar tajba u jemmnu. 8 U Alla, li jaf x’hemm fil-qalb, wera li approvahom billi tahom l-ispirtu qaddis bħalma tah lilna. 9 Hu qies lilna u lilhom l-istess, u ħafrilhom id-dnubiet minħabba l-fidi tagħhom biex ikollhom qalb nadifa. 10 Allura għala issa qed tisfidaw lil Alla, billi qed timponu li d-dixxipli jerfgħu madmad fuq għonqhom li la aħna u lanqas missirijietna ma konna kapaċi nerfgħu? 11 Bħalma se niġu salvati aħna, nemmnu li anki huma se jiġu salvati grazzi għall-qalb tajba kbira tal-Mulej Ġesù.”

12 Għal dan, il-grupp kollu qagħad kwiet u beda jismaʼ lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkontaw dwar il-ħafna mirakli u l-affarijiet tal-għaġeb li Alla għamel permezz tagħhom fost il-popli. 13 Wara li qalu dan, Ġakbu qal: “Aħwa isimgħuni. 14 Bħalma għadna kif smajna, Simgħon qalilna fid-dettall kif Alla ftakar fin-nies tal-popli l-oħra u li minn fosthom beda jagħżel nies biex jonoraw lil ismu. 15 U dan jaqbel maʼ dak li kitbu l-profeti. Fil-fatt hemm miktub: 16 ‘Wara dawn l-affarijiet, jien immur lura u nerġaʼ nibni d-dar* taʼ David li waqgħet. Jien se nerġaʼ ntellaʼ d-dar, 17 ħalli dawk li jibqgħu, ikunu jistgħu jfittxu lili, Ġeħova,* b’qalbhom kollha flimkien man-nies tal-popli kollha li jissejħu b’ismi. Jien Ġeħova* qed ngħid dan u nagħmel dawn l-affarijiet, 18 li ddeċidejt li nagħmilhom żmien twil ilu.’ 19 Għalhekk, id-deċiżjoni* tiegħi hi li ma nagħmluhiex diffiċli għal dawk mill-popli li jridu jaqdu lil Alla, 20 imma niktbulhom biex jirrifjutaw l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-idoli, l-immoralità sesswali,* l-annimali fgati,* u d-demm. 21 Għax minn żmien twil ilu, Mosè kellu nies li jippritkaw dak li qal f’kull belt. Dan għamluh billi f’kull Sabat kienu jaqraw b’leħen għoli l-kotba tiegħu lin-nies fis-sinagogi.”

22 Imbagħad l-appostli, l-anzjani, u l-kongregazzjoni kollha ddeċidew li jibagħtu rġiel magħżulin minn fosthom lejn Antjokja, flimkien maʼ Pawlu u Barnaba. Huma bagħtu lil Ġuda li kienu jgħidulu wkoll Barsabba u lil Sila. Dawn kienu jieħdu t-tmexxija fost il-kongregazzjoni. 23 Huma tawhom din l-ittra li kienet tgħid:

“Aħwa, aħna l-appostli u l-anzjani, qed niktbu din l-ittra lilkom li mhux Lhud u li qed toqogħdu Antjokja, is-Sirja, u ċ-Ċiliċja: Il-paċi magħkom! 24 Aħna smajna li xi wħud minna ġew għandkom u għamluhielkom diffiċli b’dak li qalu billi pprovaw iħawdukom.* Imma aħna m’għednilhomx biex jagħmlu hekk, 25 allura lkoll kemm aħna qbilna li nibagħtulkom żewġt irġiel flimkien mal-għeżież tagħna, Barnaba u Pawlu, 26 li rriskjaw ħajjithom għax jemmnu f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 27 Għalhekk, qed nibagħtu lil Ġuda u Sila, ħalli anki huma jgħidulkom dan. 28 L-ispirtu qaddis għenna naslu għall-konklużjoni li m’għandna nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-affarijiet li hemm bżonn: 29 li tibqgħu tirrifjutaw l-affarijiet issagrifikati lill-idoli, id-demm, l-annimali fgati,* u l-immoralità sesswali.* Jekk tibqgħu tagħmlu hekk, se tirnexxu fil-ħajja. Insellu għalikom!”*

30 Għalhekk dawn l-irġiel marru Antjokja, ġabru lid-dixxipli kollha, u tawhom l-ittra. 31 Wara li qrawha, huma ġew inkuraġġiti u ferħu. 32 Peress li Ġuda u Sila kienu wkoll profeti, huma inkuraġġew u saħħew lill-aħwa b’ħafna taħditiet. 33 Wara li kienu qattgħu xi żmien hemm, l-aħwa xtaqulhom il-vjaġġ it-tajjeb lejn Ġerusalemm. 34*—— 35 Imma Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja, u flimkien maʼ ħafna oħrajn, għallmu u xandru l-aħbar tajba dwar il-kelma taʼ Ġeħova.*

36 Xi jiem wara, Pawlu qal lil Barnaba: “Ejja nerġgħu mmorru nżuru lill-aħwa fil-bliet kollha fejn ippritkajna dwar il-kelma taʼ Ġeħova* ħa naraw kif inhuma.” 37 Barnaba insista li jieħdu magħhom ukoll lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku, 38 imma Pawlu ma qabilx, għax meta kienu l-Pamfilja hu telaqhom u ma marx jgħinhom jippritkaw. 39 Minħabba f’hekk, huma kellhom xi jgħidu sew, u għalhekk infirdu minn xulxin. Barnaba ħa lil Marku u vvjaġġa bil-baħar lejn Ċipru, 40 u Pawlu għażel lil Sila. Pawlu telaq wara li l-aħwa talbu lil Ġeħova* biex jieħu ħsiebu. 41 Hu għadda mis-Sirja u ċ-Ċiliċja jsaħħaħ lill-kongregazzjonijiet.

16 Hu wasal Derbe u mbagħad Listra. Hemm kien hemm żagħżugħ jismu Timotju. Hu u ommu kienu dixxipli. Ommu kienet Lhudija, imma missieru Grieg. 2 L-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwar Timotju. 3 Pawlu xtaq li jieħu lil Timotju miegħu fil-vjaġġ, u għalhekk ħadu u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni minħabba l-Lhud t’hemm, għax huma kollha kienu jafu li missieru kien Grieg. 4 Hekk kif ivvjaġġaw minn belt għal oħra, huma qalu lill-aħwa dak li kienu ddeċidew l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex b’hekk ikunu jistgħu jobduh. 5 Għalhekk, l-aħwa fil-kongregazzjonijiet komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.

6 Iktar minn hekk, huma għaddew mill-Friġja u mill-Galazja, għax l-ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-aħbar tajba fil-provinċja tal-Asja. 7 Ukoll, meta niżlu l-Misja, huma pprovaw imorru l-Bitinja, imma permezz tal-ispirtu qaddis, Ġesù ma ħallihomx imorru. 8 Għalhekk, għaddew minn ħdejn il-Misja* u niżlu Troas. 9 U billejl Pawlu kellu viżjoni. Hu ra raġel mill-Maċedonja wieqaf quddiemu li beda jitolbu bil-ħniena: “Ejja l-Maċedonja u għinna.” 10 Malli ra l-viżjoni, aħna pprovajna mmorru l-Maċedonja, għax wasalna għall-konklużjoni li Alla kien qed jgħidilna biex immorru nxandrulhom l-aħbar tajba.

11 Għalhekk, tlaqna bil-baħar minn Troas u morna Samotraċja mingħajr ma waqafna mkien, imma l-għada morna Neapoli. 12 Minn hemmhekk morna Filippi, belt Rumana* li hi l-iktar belt importanti tad-distrett tal-Maċedonja. U bqajna f’dik il-belt għal xi jiem. 13 Fis-Sabat ħriġna barra l-belt u morna ħdejn xmara fejn ħsibna li kien hemm post li fih kien isir it-talb. Hemmhekk qgħadna bilqiegħda u bdejna nitkellmu man-nisa li nġabru. 14 Hemm kien hemm mara jisimha Lidja li tqim lil Alla. Din kienet tbigħ drapp vjola li jiswa ħafna u kienet mill-belt taʼ Tjatira. Hi kienet qed tismaʼ, u Ġeħova* għenha* tagħti kas u taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu. 15 Meta hi u tad-dar tagħha tgħammdu, hi ħeġġitna: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova,* ejjew u oqogħdu għandi.” U insistiet biex imorru għandha.

16 Darba minnhom waqt li konna sejrin lejn il-post tat-talb, iltaqgħet magħna qaddejja li kellha demonju fiha. Permezz tiegħu, din it-tfajla setgħet tgħid il-futur* u minħabba f’hekk is-sidien tagħha kienu qed jaqilgħu l-flus. 17 Din it-tfajla baqgħet timxi warajna, u bdiet tgħajjat u tgħid: “Dawn l-irġiel huma l-ilsiera tal-Alla l-Iktar Għoli li qed ixandrulkom kif tistgħu ssalvaw.” 18 Hi baqgħet sejra hekk għal diversi jiem. Fl-aħħar Pawlu ddejjaq u dar u qal lill-ispirtu: “Nikkmandak f’isem Ġesù Kristu biex toħroġ minnha.” U hu ħareġ minnha dak il-ħin stess.

19 Meta s-sidien tagħha raw li ma jistgħux jaqilgħu iktar flus minnha, huma ħatfu lil Pawlu u lil Sila u kaxkruhom lejn is-suq għand il-mexxejja. 20 Huma ħaduhom għand il-maġistrati u akkużawhom: “Dawn l-irġiel qed jaqilgħu ħafna inkwiet lin-nies tal-belt tagħna. Huma Lhud 21 u dak li qed jgħallmu jmur kontra l-liġi tagħna. Aħna ma nistgħux naċċettawh jew nobduh għax aħna Rumani.” 22 U l-folla kollha ħaditha kontrihom, u l-maġistrati taw il-kmand biex iċarrtulhom ħwejjiġhom u jsawtuhom bil-bsaten. 23 Wara li tawhom ħafna daqqiet, huma tefgħuhom il-ħabs u kkmandaw lill-għassies tal-ħabs biex jagħmlilhom għassa stretta. 24 Peress li ngħata dan il-kmand, hu tefagħhom fiċ-ċella taʼ ġewwa nett tal-ħabs u għamlilhom saqajhom fil-qjud.*

25 Imma xi nofsillejl, Pawlu u Sila kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant, u l-ħabsin l-oħra kienu qed jisimgħuhom. 26 F’daqqa waħda seħħ terremot kbir, tant li l-pedament tal-ħabs theżżeż. Iktar minn hekk, dak il-ħin infetħu l-bibien kollha u nħallu l-ktajjen u l-qjud taʼ kulħadd. 27 Meta l-għassies tal-ħabs qam u ra li l-bibien tal-ħabs kienu miftuħin, hu ħa x-xabla tiegħu u kien se joqtol lilu nnifsu, għax ħaseb li l-ħabsin kienu ħarbu. 28 Imma Pawlu qallu b’leħen għoli: “Tagħmilx hekk, għax aħna kollha hawn għadna!” 29 Għalhekk, hu talab lil xi ħadd biex iġiblu d-dawl u mar fejn kien hemm Pawlu u Sila. Hu beda jitriegħed bil-biżaʼ u nxteħet fl-art quddiemhom. 30 Hu ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” 31 Huma qalulu: “Għandek temmen fil-Mulej Ġesù biex tiġi salvat, u l-istess għandhom jagħmlu n-nies taʼ darek.” 32 Imbagħad xandru l-kelma taʼ Ġeħova* lilu u lil dawk kollha taʼ daru. 33 U dak il-lejl, hu ħadhom f’post fejn setaʼ jnaddfilhom il-feriti tagħhom. Imbagħad hu u n-nies kollha taʼ daru tgħammdu bla dewmien. 34 Hu ħadhom id-dar tiegħu u tahom x’jieklu, u tgħidx kemm kien ferħan għax beda jemmen f’Alla, u anki n-nies kollha taʼ daru ferħu.

35 Meta sebaħ, il-maġistrati bagħtu lill-gwardji biex jgħidu lill-għassies: “Eħles lil dawk l-irġiel.” 36 L-għassies informa b’dan lil Pawlu u qallu: “Il-maġistrati bagħtu lil xi rġiel biex jeħilsukom. Għalhekk, tistgħu toħorġu u tmorru bil-kwiet.” 37 Imma Pawlu qal lill-gwardji: “Għalkemm aħna Rumani, huma sawtuna quddiem in-nies mingħajr m’għaddewna ġuri* u tefgħuna l-ħabs. U issa jridu joħorġuna bil-moħbi? Le, ma tarax! Ħa jiġu joħorġuna huma stess.” 38 Il-gwardji qalu dan lill-maġistrati u dawn bdew jibżgħu meta semgħu li kienu Rumani. 39 Għalhekk huma marru, skużaw ruħhom magħhom, u wara li ħarġuhom mill-ħabs, talbuhom biex jitilqu mill-belt. 40 Imma wara li ħarġu mill-ħabs, huma marru fid-dar taʼ Lidja. Meta raw l-aħwa, huma inkuraġġewhom u mbagħad telqu.

17 Huma għaddew minn Amfipoli u Apollonja u waslu Tessalonika, fejn kien hemm sinagoga tal-Lhud. 2 Għalhekk, bħalma kien imdorri jagħmel, Pawlu daħal fis-sinagoga u għal tliet sabatijiet irraġuna magħhom mill-Iskrittura, 3 spjegalhom li Kristu kellu bżonn ibati u jiġi mqajjem mill-mewt, u qralhom skritturi biex jurihom li Ġesù hu l-Kristu li qed ixandrilhom dwaru. 4 B’hekk, xi wħud minnhom, flimkien ma’ folla kbira taʼ Griegi* li kienu jqimu lil Alla u ħafna nisa importanti, saru dixxipli u ngħaqdu maʼ Pawlu u Sila.

5 Imma l-Lhud l-oħra bdew jgħiru u ġabru grupp taʼ rġiel ħżiena li joqogħdu jaħlu l-ħin fis-suq, u qalgħu rewwixta fil-belt. Imbagħad daħlu fid-dar taʼ Ġason ifittxu lil Pawlu u Sila biex joħorġuhom quddiem il-grupp. 6 Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u xi aħwa għand il-mexxejja tal-belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-irġiel li qalbu d-dinja taʼ taħt fuq* ġew hawn ukoll, 7 u Ġason laqagħhom għandu. Dawn l-irġiel kollha qed jiħduha kontra l-liġi taʼ Ċesari billi jgħidu li hemm re ieħor, Ġesù.” 8 Meta semgħu dan, il-folla u l-mexxejja tal-belt beżgħu minn dak li setaʼ jiġri. 9 Huma ħadu biżżejjed flus bħala garanzija mingħand Ġason u l-oħrajn u ħelsuhom.

10 Billejl, l-aħwa mill-ewwel bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea. Meta waslu, huma marru fis-sinagoga tal-Lhud. 11 Dawn kienu iktar lesti li jitgħallmu mit-Tessalonikin, għax huma aċċettaw il-kelma t’Alla bil-ħeġġa kollha u kuljum kienu jfittxu sew fl-Iskrittura biex jaraw jekk dak li kienu qed jisimgħu kienx veru. 12 Għalhekk, ħafna minnhom saru dixxipli, u anki ħafna nisa Griegi li kellhom reputazzjoni tajba u xi rġiel Griegi. 13 Imma meta l-Lhud f’Tessalonika saru jafu li Pawlu qed jipprietka dak li jgħid Alla f’Berea wkoll, huma marru hemm biex ixewxu l-folla u jaqilgħu l-inkwiet. 14 L-aħwa mill-ewwel bagħtu lil Pawlu ’l bogħod ħdejn il-baħar, imma Sila u Timotju baqgħu hemm. 15 Imma dawk li kienu ma’ Pawlu wassluh s’Ateni, għax Pawlu qalilhom biex jgħidu lil Sila u Timotju jmorru ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, marru lura.

16 Waqt li Pawlu kien qed jistenniehom f’Ateni, hu beda jinkedd meta ra li l-belt kienet mimlija idoli. 17 Għalhekk, hu beda jirraġuna fis-sinagoga mal-Lhud u m’oħrajn li kienu jqimu lil Alla. Taʼ kuljum hu kien jirraġuna fis-suq maʼ dawk li kienu jinzertaw hemm. 18 Imma xi filosfi Epikurin u Stojċi bdew jargumentaw miegħu u jgħidu: “X’qed jgħid dan li qed iparla fil-vojt?” Oħrajn bdew jgħidu: “Qisu qed jipprietka dwar allat barranin.” Dan ġara għax hu kien qed jipprietka l-aħbar tajba dwar Ġesù u l-irxoxt. 19 Għalhekk, ħaduh l-Arjopagu u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-tagħlim ġdid li qed titkellem dwaru? 20 Għax int qed titkellem dwar affarijiet li huma strambi għalina u rridu nkunu nafu xi jfissru.” 21 Fil-fatt, in-nies kollha t’Ateni u l-barranin li kienu joqogħdu hemm* kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom jitkellmu jew jisimgħu dwar xi ħaġa ġdida. 22 Għalhekk, Pawlu qagħad f’nofs l-Arjopagu u qal:

“Irġiel t’Ateni, qed nara li intom iktar devoti lejn l-allat* minn nies oħrajn. 23 Pereżempju, jien u għaddej innotajt sew dak li tqimu u wkoll sibt artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla li Ma Nafux.’ Għalhekk, jien se nippritkalkom dwar dan l-Alla li bla ma tafu qed tqimuh. 24 Peress li l-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha hu l-Mulej tas-sema u l-art, ma jgħixx f’tempji li huma magħmulin bl-idejn. 25 Hu m’għandux bżonn l-għajnuna tan-nies, għax hu jagħti lil kulħadd il-ħajja, in-nifs, u kull ħaġa oħra. 26 Minn raġel wieħed Alla għamel il-popli kollha biex jgħixu mad-dinja kollha. Hu għażel żmien speċifiku għal ħafna affarijiet u ddeċieda fejn kellhom joqogħdu n-nies 27 biex b’hekk ifittxuh. Jekk jagħmlu sforz, isibuh, għax fil-fatt hu mhux ’il bogħod minna. 28 Għax bis-saħħa tiegħu, aħna ngħixu, niċċaqalqu, u neżistu, bħalma saħansitra qalu xi poeti minn tagħkom, ‘Għax aħna kollha t-tfal tiegħu.’

29 “Għalhekk, la aħna t-tfal t’Alla, m’għandniex naħsbu li l-Qaddis hu xi statwa tad-deheb, fidda, jew ġebel, li ddisinjawha u naqqxuha l-bnedmin. 30 Veru li Alla għalaq għajnejh għaż-żmien meta n-nies ma kinux jafuh, imma issa qed jgħid lin-nies kollha li għandhom jindmu. 31 Għax hu għażel ġurnata li fiha se jiġġudika lin-nies tal-art bil-ġustizzja permezz taʼ raġel li inkariga hu. Hu ta prova li dan se jiġri billi rxoxta lil dan ir-raġel mill-mewt.”

32 Meta semgħu dwar l-irxoxt tal-mejtin, xi wħud bdew jidħqu, waqt li oħrajn qalu: “Imbagħad għidilna darb’oħra dwar dan.” 33 Għalhekk, Pawlu telaq minn ħdejhom, 34 imma xi wħud ingħaqdu miegħu u saru dixxipli. Fosthom kien hemm Dijonisju, li kien imħallef tal-qorti tal-Arjopagu, u mara li jisimha Damari.

18 Wara, hu telaq minn Ateni u mar Korintu. 2 Hu sab Lhudi jismu Akwila li twieled il-Pontu u l-mara tiegħu Prixilla. Huma kienu għadhom kemm ġew mill-Italja għax Klawdju kien ikkmanda lil-Lhud kollha biex jitilqu minn Ruma. Għalhekk, hu mar għandhom, 3 qagħad id-dar tagħhom, u ħadem magħhom peress li kellhom l-istess sengħa li jagħmlu t-tined. 4 Kull Sabat hu kien jagħti taħdita* fis-sinagoga u jikkonvinċi lil-Lhud u l-Griegi biex jemmnu f’dak li qed jgħid.

5 Meta Sila u Timotju telqu mill-Maċedonja u waslu Korintu, Pawlu uża l-ħin kollu tiegħu biex jipprietka l-messaġġ u jagħti prova lil-Lhud li Ġesù hu l-Kristu. 6 Imma wara li n-nies baqgħu jopponuh u jgħajruh, hu farfar il-ħwejjeġ u qalilhom: “Intom se tkunu ħatjin għal dak li se jiġrilkom. Jien m’iniex ħati. Mil-lum ’il quddiem jien se mmur għand in-nies taʼ popli oħra.” 7 Għalhekk, telaq minn hemm* u mar id-dar taʼ Tizju Ġustu, li kien jaqdi lil Alla. Id-dar tiegħu kienet viċin is-sinagoga. 8 Imma Krispu, il-mexxej tas-sinagoga, u dawk kollha fil-familja tiegħu saru dixxipli tal-Mulej. U ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu. 9 Iktar minn hekk, Pawlu kellu viżjoni billejl li fiha l-Mulej qallu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, 10 għax għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt. Għalhekk, jien se nkun miegħek u ħadd mhu se jattakkak u jagħmillek il-ħsara.” 11 Għalhekk hu qagħad hemm għal sena u nofs jgħallimhom dak li jgħid Alla.

12 Meta Galljon kien prokonslu* tal-Akaja, il-Lhud ftiehmu, attakkaw lil Pawlu, u ħaduh fil-post fejn isir ġudizzju. 13 Huma qalu: “Dan ir-raġel qed jikkonvinċi lin-nies biex iqimu lil Alla b’mod li jmur kontra l-liġi.” 14 Imma hekk kif Pawlu kien se jitkellem, Galljon qal lil-Lhud: “Li kieku dan ir-raġel għamel xi ħaġa ħażina jew xi att kriminali serju, ikun jagħmel sens li nismagħkom bil-paċenzja. 15 Imma jekk mhux qed taqblu fuq xi kliem, ismijiet, jew il-liġi tagħkom, dak arawh intom. Jien ma nixtieqx niġġudika dawn l-affarijiet.” 16 Għalhekk keċċiehom mill-post fejn isir ġudizzju. 17 Dawk kollha li kien hemm qabdu lil Sostene, il-mexxej tas-sinagoga, u bdew isawtuh quddiem il-post fejn isir ġudizzju. Imma Galljon ma ndaħalx.

18 Madankollu, wara li Pawlu għamel xi żmien hemm, hu sellem lill-aħwa u telaq bil-baħar lejn is-Sirja ma’ Prixilla u Akwila. Hu qataʼ xagħru qasir f’Kenkre, għax kien għamel wegħda. 19 Meta waslu Efesu, l-oħrajn qagħdu l-belt, imma Pawlu mar fis-sinagoga jirraġuna mal-Lhud. 20 Għalkemm baqgħu jitolbuh biex jibqaʼ iżjed hemm, hu ma riedx 21 imma sellmilhom u qalilhom: “Jekk Ġeħova* jrid, nerġaʼ niġi għandkom.” Hu telaq bil-baħar minn Efesu 22 u mar Ċesarija. Hu telaʼ* u żar għal ftit lill-kongregazzjoni, imbagħad niżel Antjokja.

23 Wara li qattaʼ xi żmien hemm, hu telaq u mar isaħħaħ lid-dixxipli kollha minn post għal ieħor fil-Galazja u l-Friġja.

24 F’Efesu wasal Lhudi jismu Apollo, li kien minn Lixandra. Hu kien jinqalaʼ biex jitkellem u kien jafha sew l-Iskrittura. 25 Hu kien ġie mgħallem xi jrid Ġeħova,* u permezz tal-ispirtu qaddis, hu kien żeluż ħafna u beda jitkellem u jgħallem b’mod eżatt dwar Ġesù, imma hu kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni. 26 Hu beda jitkellem bil-kuraġġ fis-sinagoga, u meta Prixilla u Akwila semgħuh, ħaduh magħhom u spjegawlu aħjar it-tagħlim t’Alla. 27 Meta Apollo ried imur l-Akaja, l-aħwa kitbu lid-dixxipli u ħeġġewhom biex jilqgħuh b’qalb tajba. Għalhekk, meta wasal hemm, kien t’għajnuna kbira għal dawk li kienu saru dixxipli minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla. 28 Hu għamel dan billi b’determinazzjoni kbira wriehom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Kristu, b’hekk ta prova fid-dettall quddiem kulħadd li l-Lhud kienu żbaljati.

19 Waqt li Apollo kien Korintu, Pawlu għadda mir-reġjuni tal-Asja li huma ’l bogħod mill-baħar u niżel Efesu. Hemm sab xi dixxipli 2 u qalilhom: “Irċivejtuh l-ispirtu qaddis meta sirtu dixxipli?” Huma wiġbuh: “Qatt ma smajna li hemm spirtu qaddis.” 3 Għalhekk qalilhom: “Kif tgħammidtu?” Wiġbuh: “Aħna tgħammidna skont dak li għallem Ġwanni.” 4 Pawlu qal: “Ġwanni għammed lin-nies ħalli juru li qed jiddispjaċihom u qalilhom biex jemmnu f’dak li kien ġej warajh, jiġifieri f’Ġesù.” 5 Xħin semgħu hekk, huma tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù. 6 U meta Pawlu qiegħed idejh fuqhom, huma rċivew l-ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’lingwi barranin u jipprofetizzaw. 7 B’kollox kien hemm madwar 12-il raġel.

8 Pawlu għamel tliet xhur imur is-sinagoga u jitkellem bil-kuraġġ billi jagħti taħditiet u jirraġuna b’mod konvinċenti dwar is-Saltna t’Alla. 9 Imma xi wħud b’ras iebsa ma ridux jemmnu u bdew imaqdru t-Triq* quddiem il-folla. Għalhekk telaq minn ħdejhom u ħa lid-dixxipli miegħu. Hu beda jagħti t-taħditiet kuljum fis-sala tal-iskola taʼ Tirannu. 10 Hu għallem hemm għal sentejn, u b’hekk il-Lhud u l-Griegi* kollha li kienu jgħixu fil-provinċja tal-Asja semgħu dwar dak li jgħid il-Mulej.

11 U Alla kompla jagħmel mirakli tal-għaġeb permezz taʼ Pawlu, 12 tant li l-biċċiet tad-drapp u l-fradal tiegħu kienu jiħduhom għand il-morda u dawn ifiqu, u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom. 13 Imma xi wħud mil-Lhud li kienu jivvjaġġaw biex ikeċċu d-demonji wkoll ipprovaw jużaw isem il-Mulej Ġesù maʼ dawk li kellhom spirti ħżiena. Huma kienu jgħidu: “Nikkmandakom toħorġu f’isem Ġesù li jipprietka dwaru Pawlu.” 14 Fost dawk li kienu qed jagħmlu hekk kien hemm sebaʼ subien taʼ qassis importanti Lhudi jismu Xeva. 15 Imma l-ispirtu ħażin qalilhom: “Lil Ġesù u lil Pawlu nafhom, imma intom min intom?” 16 Imbagħad ir-raġel li kellu l-ispirtu ħażin fih qabeż fuqhom, iġġildilhom, u rebħilhom wieħed wieħed, u huma ħarbu minn dik id-dar għarwenin u mweġġgħin. 17 Il-Lhud u l-Griegi* kollha li kienu jgħixu f’Efesu saru jafu b’dan. Huma bdew jibżgħu, u isem il-Mulej Ġesù kompla jiġi mfaħħar. 18 U ħafna minn dawk li saru dixxipli kienu jammettu d-dnubiet tagħhom u jgħidu dak li għamlu quddiem kulħadd. 19 Fil-fatt, ħafna minn dawk li kienu jagħmlu l-maġija qabdu l-kotba kollha tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd. Huma kkalkulaw li dawn kienu jiswew 50,000 munita tal-fidda. 20 B’hekk, it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova* kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies.

21 Imbagħad Pawlu ddeċieda li wara li jgħaddi mill-Maċedonja u l-Akaja jmur Ġerusalemm. Hu qal: “Wara hemm, irrid immur Ruma.” 22 Għalhekk, hu bagħat lejn il-Maċedonja tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, lil Timotju u Erastu, imma hu baqaʼ fil-provinċja tal-Asja għal xi żmien.

23 Dak iż-żmien inqalaʼ ħafna inkwiet minħabba t-Triq.* 24 Kien hemm raġel jismu Demetriju li jagħmel tempji żgħar tal-fidda li kienu bħat-tempju t’Artemi, u b’hekk hu għen lil dawk li kienu jagħmlu l-istess xogħol biex jaqilgħu ħafna flus. 25 Hu laqqaʼ lilhom u oħrajn li jagħmlu dan ix-xogħol u qalilhom: “Intom tafu sew li sejrin tajjeb b’dan in-negozju. 26 Issa qed taraw u tisimgħu kif f’Efesu u kważi fil-provinċja kollha tal-Asja, dan Pawlu kkonvinċa lil ħafna nies u ġegħelhom jemmnu li l-allat magħmulin bl-idejn mhumiex allat veri. 27 Iktar minn hekk, qed nibżaʼ li n-nies, apparti li jmaqdru x-xogħol tagħna, jibdew iqisu li t-tempju tal-alla kbira tagħna Artemi ma jiswa għal xejn. U din l-alla li tingħata qima fil-provinċja kollha tal-Asja u fl-art kollha ma tibqax tiġi mfaħħra.” 28 Xħin l-irġiel semgħu dan, tgħidx kemm irrabjaw. Huma bdew jgħajtu: “Kbira hi Artemi tal-Efesin!”

29 Għalhekk, kien hemm inkwiet kbir fil-belt. Huma ġrew għal ġot-teatru waqt li kaxkru magħhom lil Gaju u lil Aristarku, irġiel mill-Maċedonja li kienu jivvjaġġaw maʼ Pawlu. 30 Pawlu ried jidħol ġewwa ħdejn in-nies, imma d-dixxipli ma ħallewhx. 31 Anki xi ħbieb tiegħu li kienu jieħdu ħsieb il-festi u l-logħob wissewh biex ma jirriskjax ħajtu billi jidħol fit-teatru. 32 Xi wħud bdew jgħajtu ħaġa u oħrajn ħaġa oħra, għax il-folla kienet f’konfużjoni u l-maġġoranza tan-nies ma kinux jafu għala kienu nġabru flimkien. 33 Xi wħud qalu lil Alessandru biex jitkellem, peress li l-Lhud kienu qed jimbottawh ’il quddiem. U Alessandru għamel sinjal b’idu u ried jispjega s-sitwazzjoni lin-nies. 34 Imma meta ndunaw li kien Lhudi, huma bdew jgħajtu kollha flimkien għal madwar sagħtejn: “Kbira hi Artemi tal-Efesin!”

35 Meta fl-aħħar is-sindku tal-belt ikkalma l-folla, hu qal: “Nies t’Efesu, min hemm li ma jafx li Efesu hi l-belt li tipproteġi t-tempju tal-alla kbira Artemi u l-istatwa li waqgħet mis-sema? 36 Għalhekk, ladarba dan ma jistaʼ jmerih ħadd, għandkom tibqgħu kalmi u ma taġixxux bl-addoċċ. 37 Intom ġibtu lil dawn l-irġiel hawn għalxejn għax la huma ħallelin tat-tempji u lanqas ma jidgħu* bl-alla tagħna. 38 Għalhekk, jekk Demetriju u dawk li jagħmlu l-istess xogħol iridu jakkużaw lil xi ħadd, jistgħu jiħduh għand il-prokonsli* fil-ġranet meta tkun miftuħa l-qorti. Lilhom għandhom jippreżentawh il-każ. 39 Imma jekk taħsbu li kisru xi liġijiet oħra, għandha tittieħed deċiżjoni meta jiltaqgħu n-nies tal-belt. 40 Aħna qegħdin f’periklu kbir minħabba dak li ġara llum. Nistgħu niġu akkużati li qajjimna ribelljoni, għax m’hemm l-ebda raġuni għala dan il-grupp qalaʼ rewwixta.” 41 Wara li qal hekk, qal lill-folla biex titlaq.

20 Meta r-rewwixta kkalmat, Pawlu bagħat għad-dixxipli, u wara li inkuraġġiehom, sellmilhom. Imbagħad beda l-vjaġġ lejn il-Maċedonja. 2 Wara li għadda mir-reġjuni t’hemm u inkuraġġixxa ħafna lid-dixxipli, hu wasal il-Greċja. 3 Hu għamel tliet xhur hemm. Imma meta kien se jitlaq bil-baħar lejn is-Sirja, sar jaf li l-Lhud kienu qed jippjanaw biex joqtluh. Għalhekk iddeċieda li jerġaʼ jgħaddi mill-Maċedonja. 4 Miegħu kien hemm Sopater bin Pirru taʼ Berea, Aristarku u Sekundu minn Tessalonika, Gaju minn Derbe, Timotju, u Tikiku u Trofimu mill-provinċja tal-Asja. 5 Dawn l-irġiel telqu qabilna u kienu qed jistennewna fi Troas. 6 Imma aħna tlaqna bil-baħar minn Filippi wara l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. F’ħamest ijiem wasalna ħdejhom Troas, u għamilna ġimgħa hemm.

7 Fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa,* meta nġbarna flimkien biex nieklu, Pawlu beda jkellimhom u baqaʼ għaddej sa nofsillejl peress li l-għada kien se jitlaq. 8 Għalhekk, kien hemm ħafna lampi fil-kamra taʼ fuq fejn konna miġburin. 9 Waqt li Pawlu kien qed jitkellem, żagħżugħ jismu Ewtiku kien bilqiegħda fil-ħoġor tat-tieqa u raqad fil-fond. Minħabba f’hekk waqaʼ mit-tielet sular, u meta niżlu ħdejh, sabuh mejjet. 10 Imma Pawlu niżel isfel, intefaʼ fuqu, għannqu, u qal: “Tippanikjawx, għax hu ħaj.”* 11 Imbagħad Pawlu telaʼ fuq u beda jiekol. Hu kompla jitkellem sa ma sebaħ, u wara telaq. 12 Għalhekk, in-nies ħadu lit-tifel id-dar ħaj u tgħidx kemm kienu ferħanin.

13 Issa aħna tlajna fuq il-vapur u tlaqna lejn il-belt t’Assos, imma Pawlu mar bil-mixi. Aħna konna miftehmin li niġbru lil Pawlu minn din il-belt. 14 Għalhekk meta laħaqna f’Assos, tellajnieh fuq il-vapur u morna Mitilene. 15 L-għada tlaqna minn hemm u waqafna viċin il-gżira taʼ Kijos. Imbagħad fit-tieni ġurnata waqafna għal ftit f’Samos, u fit-tielet ġurnata wasalna Miletu. 16 Pawlu kien iddeċieda li jgħaddi minn ħdejn Efesu biex ma jeħilx fil-provinċja tal-Asja, għax hu kien qed jgħaġġel biex, jekk jistaʼ jkun, jasal Ġerusalemm għall-Festa taʼ Pentekoste.

17 Madankollu, minn Miletu hu bagħat għall-anzjani* tal-kongregazzjoni t’Efesu. 18 Meta waslu ħdejh, hu qalilhom: “Intom tafu tajjeb kif ġibt ruħi magħkom mill-ewwel ġurnata li ġejt fil-provinċja tal-Asja. 19 Jien qdejt b’umiltà lill-Mulej bħala lsir u bkejt u batejt minħabba l-pjanijiet ħżiena li għamlu l-Lhud kontrija. 20 Minkejja dan, ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ ġid għalikom u milli ngħallimkom fil-pubbliku u minn dar għal dar. 21 Imma jien tajt xhieda fid-dettall lil-Lhud u l-Griegi* dwar li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jkollhom fidi fil-Mulej tagħna Ġesù. 22 U issa qed nivvjaġġa lejn Ġerusalemm, bħalma ggwidani* l-ispirtu qaddis, avolja ma nafx x’se jiġrili hemm. 23 Li naf hu li minn belt għal oħra l-ispirtu qaddis iwissini kemm-il darba li se nbati u niġi arrestat. 24 Minkejja dan, jien ma nqisx lil ħajti importanti.* Dak li hu importanti għalija hu li niġri t-tellieqa sal-aħħar u nlesti x-xogħol qaddis li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri li nagħti xhieda fid-dettall dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba kbira t’Alla.

25 “Jien ippritkajtilkom dwar is-Saltna t’Alla. Imma mil-lum ’il quddiem mhux se tarawni. 26 Għalhekk, intom xhieda tiegħi llum li m’iniex responsabbli għall-mewt* taʼ xi ħadd. 27 Għax jien ma żammejtx lura milli ngħidilkom dak kollu li se jagħmel Alla.* 28 Oqogħdu attenti għalikom infuskom u ħudu ħsieb il-merħla kollha, li minnha l-ispirtu qaddis inkarigakom biex tieħdu ħsieb u tirgħaw* il-kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess. 29 Jien naf li wara li nitlaq se jidħlu fostkom ilpup ħorox li mhux se jittrattaw lill-merħla bil-ħlewwa, 30 u minn fostkom se jkun hemm irġiel li jgħawġu l-verità biex jiġbdu d-dixxipli għal warajhom.

31 “Għalhekk, ibqgħu għassa, u ftakru li għal tliet snin sħaħ, lejl u nhar, jien ma waqaftx inwissi lil kull wieħed minnkom bid-dmugħ f’għajnejja. 32 Jalla Alla u l-messaġġ dwar il-qalb tajba kbira tiegħu jipproteġukom. Dan il-messaġġ jistaʼ jsaħħaħkom u jagħtikom wirt fost il-qaddisin kollha. 33 Jien qatt ma xtaqt il-fidda, id-deheb, jew il-ħwejjeġ taʼ ħaddieħor. 34 Intom stess tafu li jien ħdimt biex nipprovdi għalija nnifsi u għal dawk li kienu miegħi. 35 F’kollox, jien urejtkom li għandkom taħdmu iebes b’dan il-mod biex tgħinu lil dawk li huma dgħajfin. Ukoll, tridu tiftakru dak li qal il-Mulej Ġesù: ‘Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.’”

36 Wara li qal dan, hu niżel għarkopptejh magħhom u talab. 37 Huma bdew jibku ħafna, għannqu lil Pawlu, u bisuh b’tenerezza,* 38 għax kienu mdejqin speċjalment minħabba li qalilhom li mhux se jarawh iktar. Imbagħad marru miegħu sal-vapur.

21 Meta rnexxielna nitilqu minn magħhom u mmorru bil-baħar, morna dritt lejn Kos. L-għada morna Rodi, u minn hemmhekk morna Patara. 2 Meta sibna vapur li kien se jaqsam lejn il-Feniċja, tlajna fuqu u tlaqna. 3 Aħna għaddejna min-naħa t’isfel* tal-gżira taʼ Ċipru, imma bqajna sejrin lejn is-Sirja, u nżilna Tir, fejn kienu se jħottu l-affarijiet minn fuq il-vapur. 4 Aħna fittixna lid-dixxipli u sibniehom. Imbagħad għamilna ġimgħa hemm. Iggwidati mill-ispirtu qaddis, huma qalu lil Pawlu għal darba wara l-oħra biex ma jmurx Ġerusalemm. 5 Meta għaddiet il-ġimgħa, aħna tlaqna fi triqitna, imma l-irġiel, in-nisa, u t-tfal kollha ġew magħna sakemm ħriġna barra l-belt. Wara, inżilna għarkopptejna fuq il-bajja, tlabna, 6 u sellimna lil xulxin. Imbagħad, aħna tlajna fuq il-vapur u huma telqu lejn djarhom.

7 Minn Tir wasalna Ptolemajs. Hemmhekk iltqajna mal-aħwa u qgħadna ġurnata magħhom. 8 L-għada morna Ċesarija u dħalna fid-dar taʼ Filippu, li kien jipprietka l-aħbar tajba, u qgħadna miegħu. Hu kien wieħed mis-sebat irġiel li l-appostli għażlu f’Ġerusalemm. 9 Dan ir-raġel kellu erbat ibniet mhux miżżewġin* li kienu jipprofetizzaw. 10 Imma wara li qgħadna hemm għal ħafna ġranet, wasal profeta jismu Agabu mil-Lhudija. 11 Dan ġie, ħa ċ-ċinturin taʼ Pawlu, rabat saqajh u jdejh, u qal: “L-ispirtu qaddis jgħid, ‘Ir-raġel taʼ min hu dan iċ-ċinturin se jiġi marbut b’dan il-mod mil-Lhud f’Ġerusalemm u huma se jagħtuh f’idejn in-nies taʼ popli oħra.’” 12 Xħin smajna hekk, aħna u dawk li kienu hemm bdejna nitolbu bil-ħniena lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm. 13 Pawlu wieġeb: “Għala qed tibku u tipprovaw taqtgħuli qalbi? Kunu ċerti li jien lest li mhux biss niġi marbut imma anki li mmut Ġerusalemm għal isem il-Mulej Ġesù.” 14 Meta rajna li ma stajniex inwaqqfuh, ma bqajniex nipprovaw u għedna: “Ħa jsir dak li jrid Ġeħova.”*

15 Wara dan ippreparajna għall-vjaġġ u tlaqna lejn Ġerusalemm. 16 Xi dixxipli minn Ċesarija ġew magħna biex jiħduna għand Mnason minn Ċipru, dixxiplu tal-bidu li konna se noqogħdu għandu. 17 Meta wasalna Ġerusalemm, l-aħwa laqgħuna bil-ferħ. 18 L-għada, Pawlu ġie magħna għand Ġakbu, fejn kien hemm l-anzjani* kollha. 19 Hu sellmilhom u beda jirrakkontalhom fid-dettall l-affarijiet li Alla għamel fost il-popli permezz tal-ippritkar tiegħu.

20 Wara li semgħu hekk, bdew ifaħħru lil Alla. Imbagħad qalu lil Pawlu: “Ħuna, bħalma qed tara, hemm eluf taʼ dixxipli fost il-Lhud, u kollha huma żelużi biex jobdu l-Liġi. 21 Imma dawn semgħu l-għajdut li int qed tgħallem lil-Lhud kollha fost il-popli xi ħaġa kontra l-Liġi taʼ Mosè, li hi apostasija, billi tgħidilhom biex ma jagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni lit-tfal tagħhom u biex ma jimxux mad-drawwiet tagħna. 22 X’għandna nagħmlu dwar dan? Żgur se jsiru jafu li ġejt. 23 Għalhekk, agħmel kif se ngħidulek. Hemm erbat irġiel magħna li għamlu wegħda. 24 Ħudhom miegħek, tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom, u ħallsilhom l-ispejjeż, ħalli jkunu jistgħu jqaxxrulhom xagħarhom.* B’hekk, kulħadd ikun jaf li l-għajdut li semgħu dwarek mhux veru, u li dak li qed tagħmel hu tajjeb u li qed tobdi l-Liġi. 25 Lid-dixxipli minn popli oħra, aħna bgħatnielhom bil-miktub id-deċiżjoni li ħadna. Din tgħid li għandhom jibqgħu jirrifjutaw l-affarijiet issagrifikati lill-idoli, id-demm, l-annimali fgati,* u l-immoralità sesswali.”*

26 Għalhekk l-għada, Pawlu ħa lil dawn l-irġiel u tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom. Huma daħlu fit-tempju biex jgħidu meta se jispiċċaw il-ġranet tat-tindif ċerimonjali, ħalli l-qassis ikun jistaʼ joffri sagrifiċċju għal kull wieħed minnhom.

27 Issa s-sebat ijiem kienu kważi għaddew, u meta l-Lhud mill-Asja rawh fit-tempju, qajmu konfużjoni fil-folla kollha, qabduh, 28 u bdew jgħajtu: “Għinuna Iżraelin! Bit-tagħlim tiegħu dan ir-raġel qed iġiegħel lin-nies minn kullimkien jiħduha kontra l-poplu tagħna, il-Liġi tagħna, u dan il-post. U barra minn hekk, daħħal xi Griegi fit-tempju u niġġes dan il-post qaddis.” 29 Għax qabel kienu raw lil Trofimu minn Efesu fil-belt miegħu, u assumew li Pawlu kien daħħlu fit-tempju. 30 In-nies qajmu storbju sħiħ fil-belt kollha, marru jiġru kollha flimkien, qabdu lil Pawlu, u kaxkruh ’il barra mit-tempju. U l-bibien ġew magħluqin mill-ewwel. 31 Waqt li kienu qed jipprovaw joqtluh, il-kmandant tal-armata sar jaf li kien hemm konfużjoni sħiħa f’Ġerusalemm kollha. 32 Hu mill-ewwel ħa s-suldati u l-uffiċjali tal-armata u mar malajr hemm. Meta n-nies raw lill-kmandant u lis-suldati ma baqgħux isawtu lil Pawlu.

33 Imbagħad il-kmandant tal-armata resaq viċin, arrestah, u ta kmand biex jiġi marbut b’żewġ ktajjen. Imbagħad beda jistaqsi min kien u x’għamel. 34 Imma xi wħud mill-folla bdew jgħidu mod u oħrajn mod ieħor. Peress li ma setaʼ jifhem xejn minħabba l-ġenn li kien hemm, hu kkmanda biex jieħdu lil Pawlu fil-kwartieri tas-suldati. 35 Imma meta Pawlu wasal ħdejn it-taraġ, hu kellu jinġarr mis-suldati għax il-folla kienet vjolenti. 36 Fil-fatt, folla nies baqgħet sejra warajhom u tgħajjat: “Oqtluh!”

37 Hekk kif kienu se jiħduh fil-kwartieri tas-suldati, Pawlu qal lill-kmandant tal-armata: “Nistaʼ ngħidlek xi ħaġa?” Dan qallu: “Mela taf titkellem bil-Grieg? 38 Int mhux l-Eġizzjan li ftit żmien ilu qajjem rewwixta u mexxa 4,000 raġel armati bis-skieken fid-deżert?” 39 Imbagħad Pawlu qallu: “Le, jien Lhudi minn Tarsu fiċ-Ċiliċja, ċittadin taʼ belt importanti. Għalhekk, nitolbok bil-ħniena biex tħallini nkellem lin-nies.” 40 Wara li tah permess, Pawlu, li kien bilwieqfa fuq it-taraġ, għamel sinjal b’idu lin-nies biex joqogħdu kwieti. Xħin ikkalmaw, hu kellimhom bl-Ebrajk u qal:

22 “Aħwa u missirijiet, isimgħuni hekk kif niddefendi lili nnifsi.” 2 Meta semgħuh ikellimhom bl-Ebrajk, huma iktar qagħdu kwieti. Hu qal: 3 “Jien Lhudi, imwieled Tarsu taċ-Ċiliċja, imma ġejt mgħallem b’mod personali minn Gamaljel f’din il-belt. Jien ġejt mgħallem biex nobdi l-Liġi taʼ Mosè sal-inqas dettall, u qdejt lil Alla b’żelu bħalkom ilkoll. 4 Jien irbatt irġiel u nisa li kienu f’din it-Triq,* tfajthom il-ħabs, ippersegwitajthom, u ġew maqtulin. 5 Dan jistgħu jagħtu xhieda tiegħu l-qassis il-kbir u l-ġemgħa tal-anzjani* kollha. Mingħandhom jien ġibt ittri għall-mexxejja Lhud f’Damasku, u kont fi triqti biex narresta lil dawk li kien hemm u nġibhom Ġerusalemm biex jiġu kkastigati.

6 “Imma hekk kif kont qed nivvjaġġa u kważi wasalt Damasku, f’daqqa waħda, għal xi nofsinhar, idda dawl qawwi madwari mis-sema. 7 Jien waqajt fl-art u smajt leħen jgħidli: ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?’ 8 Jien wiġibt: ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli: ‘Jien Ġesù n-Nazzarenu, li int qed tippersegwita.’ 9 L-irġiel li kienu miegħi rawh id-dawl, imma ma fehmux x’kien qed jgħidli l-leħen. 10 Għalhekk jien għedt: ‘X’għandi nagħmel, Sinjur?’ Hu qalli: ‘Qum, mur Damasku, u hemm se jintqallek dak li ġejt inkarigat tagħmel.’ 11 Imma peress li ma stajt nara xejn minħabba d-dawl qawwi, jien wasalt Damasku bl-għajnuna taʼ dawk li kienu miegħi.

12 “Imbagħad ġie għandi Ananija, raġel li kien jobdi l-Liġi lealment, u l-Lhud kollha li joqogħdu hemm kienu jitkellmu tajjeb dwaru. 13 Hu qagħad bilwieqfa ħdejja u qalli: ‘Ħija Sawl, erġaʼ ibda ara!’ U dak il-ħin stess jien ħarist ’il fuq u rajtu. 14 Hu qalli: ‘L-Alla taʼ missirijietna għażlek biex issir taf dak li jrid hu u biex tara lil Ġesù, il-wieħed ġust, u tismaʼ leħnu, 15 għax int se tkun xhud tiegħu għan-nies kollha billi tgħid dak li rajt u smajt. 16 U issa x’qed tistenna? Qum, tgħammed, u afda f’isem Ġesù* ħalli b’hekk Alla jaħfirlek id-dnubiet.’

17 “Imma meta mort lura Ġerusalemm u kont qed nitlob fit-tempju, kelli viżjoni 18 u rajt lill-Mulej jgħidli: ‘Oħroġ minn Ġerusalemm malajr, għax mhux se jaċċettaw ix-xhieda tiegħek dwari.’ 19 U jien għedtlu: ‘Mulej, huma jafu tajjeb li jien kont immur minn sinagoga għal oħra nitfaʼ l-ħabs lil dawk li jemmnu fik u nsawwathom. 20 Jien kont hemm meta kienu qed joqtlu lill-qaddej* tiegħek Stiefnu. Jien qbilt maʼ dak li kienu qed jagħmlu u ħadt ħsieb il-ħwejjeġ taʼ fuq tagħhom.’ 21 Minkejja dan hu qalli: ‘Mur, għax jien se nibagħtek għand il-popli ’l bogħod.’”

22 Huma baqgħu jisimgħuh s’issa, imbagħad bdew jgħajtu: “Oqtluh, għax ma ħaqqux jibqaʼ jgħix!” 23 Peress li kienu qed jgħajtu, jitfgħu l-ħwejjeġ taʼ fuq ’l hemm u ’l hawn, u jwaddbu t-trab, 24 il-kmandant tal-armata ta kmand biex Pawlu jittieħed fil-kwartieri tas-suldati u jiġi interrogat waqt li jiġi msawwat, ħalli b’hekk ikun jaf eżatt għala n-nies qed jgħajtu biex Pawlu jinqatel. 25 Imma meta rabtuh biex isawtuh bil-frosta, Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata li kien hemm ħdejh: “Hu skont il-liġi li ssawtu Ruman* li għadu m’għaddiex ġuri?”* 26 Malli l-uffiċjal tal-armata semaʼ dan, hu mar għand il-kmandant tal-armata u qallu: “X’biħsiebek tagħmel? Għax dan ir-raġel hu Ruman.” 27 Għalhekk, il-kmandant tal-armata mar ħdejh u staqsieh: “Int Ruman?” Hu wieġbu: “Iva.” 28 Il-kmandant tal-armata qallu: “Jien ħallast ħafna flus biex xtrajt dawn id-drittijiet taʼ ċittadin.” Pawlu qallu: “Imma jien twilidt Ruman.”

29 Għalhekk, is-suldati li kienu se jinterrogawh u jittorturawh telqu minn ħdejh mill-ewwel, u l-kmandant tal-armata beda jibżaʼ meta rrealizza li kien Ruman u li kien rabtu bil-ktajjen.

30 Peress li xtaq ikun jaf eżatt għala kien qed jiġi akkużat mil-Lhud, l-għada hu neħħielu l-ktajjen u ta kmand biex il-qassisin importanti u s-Sinedriju kollu jiltaqgħu. Imbagħad ħa lil Pawlu u qiegħdu f’nofshom.

23 Pawlu ħares b’attenzjoni lejn is-Sinedriju u qal: “Ħuti, għal dan iż-żmien kollu jien għext b’kuxjenza nadifa għalkollox quddiem Alla.” 2 Xħin il-qassis il-kbir Ananija semaʼ hekk, hu kkmanda lil dawk li kienu ħdejn Pawlu biex jagħtuh daqqa ġo ħalqu. 3 Imbagħad Pawlu qallu: “Alla għad jagħtik daqqa, ja ħajt imbajjad. Int toqgħod bilqiegħda biex tiġġudikani skont il-Liġi u fl-istess ħin tikser il-Liġi billi tgħidilhom jagħtuni daqqa. Tajjeb hekk allura?” 4 Dawk li kienu ħdejh qalulu: “Int qed tgħajjar lill-qassis il-kbir t’Alla?” 5 Pawlu qal: “Aħwa, ma kontx naf li hu l-qassis il-kbir. Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Titkellimx ħażin fuq mexxej tal-poplu tiegħek.’”

6 Peress li Pawlu kien jaf li n-nies tas-Sinedriju kienu nofshom Sadduċej u nofshom Fariżej, għajjat: “Ħuti, jien Fariżew, u niġi mill-Fariżej. Jien qed niġi ġġudikat għax nemmen li l-mejtin se jiġu rxoxtati.” 7 Minħabba f’hekk, il-Fariżej u s-Sadduċej bdew jargumentaw u nfirdu. 8 Għax is-Sadduċej jgħidu li m’hemmx irxoxt, anġli, u spirti, imma l-Fariżej jgħidu li dawn jeżistu.* 9 Għalhekk, qam storbju sħiħ, u xi wħud mill-iskribi li jappoġġaw lill-Fariżej bdew jargumentaw b’rabja u jgħidu: “Aħna ma naraw xejn ħażin f’dan ir-raġel. Min jaf jekk kellmux xi spirtu jew anġlu?” 10 Meta l-argument kiber ħafna, il-kmandant tal-armata beżaʼ li kienu se joqtlu lil Pawlu, għalhekk ikkmanda lis-suldati biex imorru jneħħuh minn nofshom u jiħduh fil-kwartieri tas-suldati.

11 Imma dak il-lejl il-Mulej qagħad ħdejn Pawlu u qallu: “Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xhieda fid-dettall dwari f’Ġerusalemm, se tagħti xhieda f’Ruma.”

12 Xħin sebaħ, il-Lhud għamlu pjan bejniethom u ħalfu li ma kinux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtlu lil Pawlu. 13 Kien hemm iktar minn 40 raġel li għamlu din il-ħalfa. 14 Dawn l-irġiel marru għand il-qassisin importanti u l-anzjani* u qalulhom: “Aħna ħlifna li mhux se nieklu qabel ma noqtlu lil Pawlu. 15 Għalhekk, intom u s-Sinedriju għandkom tgħidu lill-kmandant tal-armata li jrid iġibu għandkom biex taparsi teżaminaw il-każ tiegħu aħjar. Imma aħna nkunu lesti biex noqtluh qabel ma jasal viċin.”

16 Imma t-tifel t’oħt Pawlu semaʼ bil-pjan tagħhom u daħal fil-kwartieri tas-suldati u qal lil Pawlu dwar dan. 17 Imbagħad, Pawlu għajjat lil wieħed mill-uffiċjali tal-armata u qallu: “Ħu lil dan iż-żagħżugħ għand il-kmandant tal-armata, għax għandu xi ħaġa x’jgħidlu.” 18 Għalhekk, ħadu għand il-kmandant tal-armata u qallu: “Pawlu l-ħabsi talabni nġiblek lil dan iż-żagħżugħ biex jgħidlek xi ħaġa.” 19 Il-kmandant tal-armata qabdu minn idu, ħadu fil-ġenb, u staqsieh: “Xi trid tgħidli?” 20 Qallu: “Il-Lhud ftiehmu li jitolbuk tieħu lil Pawlu għand is-Sinedriju għada, biex taparsi jsiru jafu iktar dwar il-każ tiegħu. 21 Imma tħallihomx jikkonvinċuk għax hemm iktar minn 40 raġel lesti biex jattakkawh. Dawn ħalfu li mhux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtluh. U issa qed jistennew il-permess mingħandek.” 22 Imbagħad, il-kmandant tal-armata qal liż-żagħżugħ: “Tgħid lil ħadd li għedtli hekk,” u ħallieh jitlaq.

23 Hu għajjat żewġ uffiċjali tal-armata u qalilhom: “Lestu 200 suldat, 70 rikkieb taż-żwiemel, u 200 suldat armati bil-lanza, biex imorru Ċesarija madwar id-disgħa taʼ filgħaxija.* 24 Ukoll, ippreparaw żwiemel għal Pawlu biex iwassluh qawwi u sħiħ għand il-Gvernatur Feliċ.” 25 U hu kiteb din l-ittra:

26 “Mingħand Klawdju Lisja lill-Eċċellenza Tiegħu, il-Gvernatur Feliċ: Il-paċi miegħek! 27 Il-Lhud arrestaw lil dan ir-raġel u kienu se joqtluh, imma jien mort malajr bis-suldati tiegħi u salvajtu, għax sirt naf li hu Ruman. 28 U peress li xtaqt inkun naf għala kienu qed jakkużawh, niżżiltu fis-Sinedriju tagħhom. 29 Hu ġie akkużat b’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Liġi tagħhom, imma ma ġie akkużat bl-ebda ħaġa li għaliha jistħoqqlu jmut jew jiġi mitfugħ il-ħabs. 30 Imma peress li sirt naf li qed jippjanaw biex joqtluh, jien bgħattu għandek malajr u għedt lil dawk li qed jakkużawh biex jiġu jippreżentaw il-każ quddiemek.”

31 Għalhekk, dawn is-suldati ħadu lil Pawlu f’Antipatri billejl bħalma ġew ikkmandati. 32 L-għada, ir-rikkieba taż-żwiemel baqgħu sejrin miegħu u l-bqija marru lura lejn il-kwartieri tas-suldati. 33 Ir-rikkieba taż-żwiemel daħlu Ċesarija, taw l-ittra lill-gvernatur, u ħadu lil Pawlu quddiemu. 34 Għalhekk, qara l-ittra u staqsieh minn liema provinċja kien, u Pawlu qallu li kien miċ-Ċiliċja. 35 Imbagħad qallu: “Meta jaslu dawk li qed jakkużawk, jien se nismaʼ l-każ tiegħek sew.” U hu kkmanda li jinżamm fil-palazz* t’Erodi bl-għassa miegħu.

24 Ħamest ijiem wara, il-qassis il-kbir Ananija, xi anzjani,* u avukat* jismu Tertullu marru jippreżentaw il-każ kontra Pawlu quddiem il-gvernatur. 2 Meta ngħata l-permess jitkellem, Tertullu beda l-akkuża tiegħu billi qal:

“Grazzi għalik, aħna qed ngħixu fil-paċi, u peress li tmexxi b’għaqal, il-poplu tagħna miexi ’l quddiem. 3 Aħna dejjem nuru li napprezzaw dan kollu, l-Eċċellenza Tiegħek Feliċ. 4 Imma biex ma niħodlokx iktar ħin, nitolbok biex tkun qalbek tajba u tismagħna ftit. 5 Aħna nnotajna li dan ir-raġel qed jaqlaʼ l-inkwiet* u r-rewwixti fost il-Lhud kollha madwar id-dinja, u hu jmexxi s-setta tan-Nazzareni. 6 Ukoll, hu pprova jniġġes it-tempju, għalhekk arrestajnieh. 7*—— 8 Jekk tinterrogah, se tara li dak kollu li akkużajnieh bih hu veru.”

9 Anki l-Lhud bdew jakkużawh, u b’hekk ikkonfermaw li l-akkużi kienu veri. 10 Meta l-gvernatur għamel sinjal lil Pawlu biex jitkellem, hu wieġeb:

“Peress li naf li int ilek imħallef taʼ dan il-poplu għal ħafna snin, jien għandi pjaċir niddefendi lili nnifsi quddiemek. 11 Bħalma tistaʼ tikkonferma int stess, jien m’ilix iktar minn 12-il ġurnata li tlajt inqim f’Ġerusalemm, 12 u huma la sabuni nargumenta maʼ xi ħadd fit-tempju u lanqas inxewwex xi folla fis-sinagogi jew fil-belt. 13 Huma lanqas ma jistgħu jagħtuk prova tal-affarijiet li qed jakkużawni bihom. 14 Imma nammetti li jien ngħix skont it-tagħlim li huma qed isejħulu setta. B’dan il-mod jien inqim lill-Alla taʼ missirijieti, għax nemmen kulma hemm miktub fil-Liġi u l-kotba tal-Profeti. 15 U jien għandi l-istess tama bħalma għandhom dawn l-irġiel, li Alla se jqajjem mill-mewt kemm lin-nies sewwa u kif ukoll lil dawk li mhumiex sewwa. 16 Minħabba dan, jien dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex ikolli kuxjenza nadifa quddiem Alla u n-nies. 17 Issa wara ħafna snin, ġejt biex nagħti l-flus ħalli ngħin lill-poplu tiegħi u nagħmel sagrifiċċji lil Alla. 18 Waqt li kont qed nagħmel dan, huma sabuni nadif b’mod ċerimonjali fit-tempju, u mhux ma’ xi folla jew naqlaʼ l-inkwiet. Imma kien hemm xi Lhud mill-provinċja tal-Asja 19 li messhom qegħdin hawn biex jakkużawni jekk vera għandhom xi ħaġa kontrija. 20 Jew inkella, ħalli l-irġiel stess li qegħdin hawn jgħidu x’ħażen sabu fija meta kont quddiem is-Sinedriju. 21 Huma jistgħu jakkużawni fuq ħaġa waħda biss, li jien għedt li qed niġi ġġudikat għax nemmen li l-mejtin se jiġu rxoxtati!”

22 Imma peress li Feliċ kien jaf il-fatti sew dwar din it-Triq,* hu ħalla l-każ tagħhom għal darb’oħra u qal: “Se niddeċiedi dwar dan il-każ meta jiġi Lisja, il-kmandant tal-armata.” 23 Hu kkmanda lill-uffiċjal tal-armata biex iżomm lil Pawlu arrestat, imma jagħtih ftit libertà u jħalli lill-poplu tiegħu jagħtih dak li għandu bżonn.

24 Xi ġranet wara, Feliċ u l-mara tiegħu Drusilla, li kienet Lhudija, marru fejn kien qed jinżamm Pawlu. Hu bagħat għal Pawlu u qagħad jisimgħu jispjega x’għandhom jagħmlu n-nies biex jemmnu fi Kristu Ġesù. 25 Imma meta Pawlu tkellem dwar kif wieħed għandu jġib ruħu, kif wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u l-ġudizzju li ġej, Feliċ beda jibżaʼ u qal: “Mur ’l hemm għalissa, imma meta jkolli ċ-ċans nerġaʼ nibgħat għalik.” 26 Fl-istess ħin, hu kien qed jittama li Pawlu jagħtih xi flus. Għalhekk, kien jibgħat għalih iktar taʼ spiss u joqgħod jitkellem miegħu. 27 Imma wara sentejn, Porċju Festu laħaq flok Feliċ. U peress li Feliċ xtaq jingħoġob mil-Lhud, ħalla lil Pawlu arrestat.

25 Tlett ijiem wara li Festu wasal fil-provinċja u ħa t-tmexxija, telaʼ Ġerusalemm minn Ċesarija. 2 Il-qassisin u l-irġiel importanti tal-Lhud taw xi informazzjoni lil Festu kontra Pawlu. Għalhekk, bdew jitolbuh bil-ħniena 3 biex jagħmlilhom pjaċir u jġibilhom lil Pawlu Ġerusalemm. Imma huma kienu qed jippjanaw li jattakkaw lil Pawlu u joqtluh fit-triq. 4 Imma Festu wieġeb li Pawlu kellu jinżamm Ċesarija u li hu stess dalwaqt kien se jmur hemm. 5 Hu qalilhom: “Jekk dan ir-raġel vera għamel xi ħaġa ħażina, ħa jiġu miegħi l-irġiel taʼ pożizzjoni għolja minn fostkom u jakkużawh.”

6 Għalhekk, wara li qattaʼ xi tmint ijiem jew għaxra magħhom, hu niżel Ċesarija, u l-għada qagħad bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju u kkmanda biex iġibulu lil Pawlu. 7 Meta wasal, il-Lhud li kienu ġew minn Ġerusalemm qagħdu madwaru u bdew jakkużawh b’ħafna affarijiet serji li ma setgħux jagħtu prova tagħhom.

8 Imma Pawlu ddefenda ruħu billi qal: “Jien m’għamilt xejn ħażin, la kontra l-Liġi tal-Lhud, la kontra t-tempju, u lanqas kontra Ċesari.” 9 Peress li Festu ried jingħoġob mil-Lhud, qal lil Pawlu: “Trid titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġġudikat quddiemi hemm?” 10 Imma Pawlu qallu: “Jien qiegħed quddiem it-tron tal-ġudizzju taʼ Ċesari fejn suppost għandi niġi ġġudikat. Bħalma qed tara, jien m’għamiltilhom xejn ħażin lil-Lhud. 11 Jekk jien vera bniedem ħażin u għamilt xi ħaġa li għaliha jistħoqqli mmut, mhux se noqgħod nitlob li ma ninqatilx. Imma jekk dak li qed jakkużawni bih mhux veru, ħadd m’għandu d-dritt li jagħtini f’idejhom biex jagħmlilhom pjaċir. Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!” 12 Wara li Festu tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri, qal: “La trid tidher quddiem Ċesari, nibagħtek hemm.”

13 Xi ġranet wara, ir-Re Agrippa u Berniċe marru Ċesarija biex jagħmlu żjara uffiċjali lil Festu. 14 Peress li qattgħu xi ġranet hemm, Festu tkellem mar-re dwar il-każ taʼ Pawlu u qallu:

“Hemm wieħed li tħalla l-ħabs minn Feliċ, 15 u meta kont Ġerusalemm il-qassisin importanti u l-anzjani* tal-Lhud akkużawh u riduni nikkundannah. 16 Imma jien għedtilhom li mhux skont il-proċedura Rumana li nagħti lil xi ħadd f’idejhom bħala pjaċir qabel ma jiltaqaʼ maʼ dawk li akkużawh u jkollu ċ-ċans jiddefendi lilu nnifsu. 17 Għalhekk meta ġew, jien ma tliftx ħin, imma l-għada qgħadt bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju u kkmandajt biex iġibuh quddiemi. 18 Meta dehru quddiemi, akkużawh b’ħafna affarijiet, imma m’akkużawh bl-ebda ħaġa ħażina li immaġinajt li għamel. 19 Huma sempliċement kellhom xi argumenti miegħu dwar il-mod kif iqimu lill-alla* tagħhom u dwar raġel jismu Ġesù li hu mejjet, imma li Pawlu baqaʼ jgħid li hu ħaj. 20 Peress li ma kontx naf x’se nagħmel dwar l-argument, staqsejtu jekk riedx imur Ġerusalemm u jiġi ġġudikat hemm. 21 Imma meta Pawlu talab biex jinżamm arrestat sakemm jieħu deċiżjoni l-Awgustu,* jien ikkmandajt li jinżamm sakemm nibagħtu għand Ċesari.”

22 Imbagħad Agrippa qal lil Festu: “Nixtieq nisimgħu lil dan ir-raġel.” Festu qallu: “Għada tisimgħu.” 23 Għalhekk, l-għada, Agrippa u Berniċe marru b’ħafna ċerimonji biex juru kemm huma importanti. Huma daħlu l-qorti flimkien mal-kmandanti militari u l-irġiel importanti tal-belt. Imbagħad Festu ta kmand u ġabu lil Pawlu. 24 Festu qal: “Re Agrippa u kull min qiegħed hawn, dan hu r-raġel li l-Lhud kollha taʼ Ġerusalemm u t’hawnhekk ġew jakkużawh quddiemi u bdew jgħajtu li m’għandux jibqaʼ ħaj. 25 Imma jien indunajt li ma kien għamel xejn li għalih jistħoqqlu l-mewt. Allura, meta talab biex jidher quddiem l-Awgustu, iddeċidejt li nibagħtu. 26 Imma m’hemm xejn fiċ-ċert li nistaʼ nikteb dwaru lil Sidi. Għalhekk ġibtu quddiemkom, l-iktar biex jidher quddiemek Re Agrippa, ħalli wara li jiġi interrogat, forsi jkolli xi ħaġa x’nikteb. 27 Għax għalija ma jagħmilx sens li nibgħat ħabsi Ruma mingħajr ma nsemmi x’inhuma l-akkużi kontrih.”

26 Agrippa qal lil Pawlu: “Tistaʼ tiddefendi lilek innifsek.” Imbagħad Pawlu għolla idu u beda jiddefendi ruħu billi qal:

2 “Re Agrippa, jien ferħan li llum se niddefendi lili nnifsi quddiemek dwar l-affarijiet kollha li l-Lhud akkużawni bihom, 3 speċjalment għax int espert fid-drawwiet kollha tal-Lhud u n-nuqqas taʼ qbil bejniethom. Għalhekk, nitolbok bil-ħniena biex tismagħni bil-paċenzja.

4 “Il-Lhud kollha jafu x’tip taʼ ħajja għext minn meta kont żagħżugħ saż-żmien li kont Ġerusalemm, 5 u allura jafuni sew. Jekk iridu, jistgħu jgħidulek li jien kont mis-setta tal-Fariżej, u kif taf, il-Fariżej jidħlu iktar fid-dettall minn Lhud oħra dwar kif għandhom iqimu lil Alla. 6 Imma issa qed ngħaddi ġuri għax għandi t-tama li Alla se jagħmel dak li wiegħed lil missirijietna. 7 Din hi l-istess wegħda li t-12-il tribù tagħna qed jittamaw li jarawha ssir billi jaqdu lil Alla b’żelu lejl u nhar. Re Agrippa, jien qed niġi akkużat mil-Lhud minħabba din it-tama.

8 “Għala tqisuha* bħala xi ħaġa li ma titwemminx li Alla jqajjem il-mejtin? 9 Jien stess kont konvint li rrid nagħmel kulma nistaʼ biex niħodha kontra Ġesù* n-Nazzarenu. 10 Fil-fatt hekk għamilt f’Ġerusalemm. Jien tfajt fil-ħabs lil ħafna mid-dixxipli,* għax ingħatajt awtorità mill-qassisin importanti. U meta kienu se jiġu maqtulin, jien kont naqbel maʼ dan. 11 Jien kont immur fis-sinagogi u nikkastigahom biex inġegħelhom ma jibqgħux jemmnu fi Kristu, u peress li kont irrabjat ħafna magħhom, wasalt sal-punt li nippersegwitahom fi bliet oħra.

12 “Darba kont qed nivvjaġġa lejn Damasku, għax il-qassisin importanti kienu bagħtuni hemm biex nagħmel hekk. 13 Għal xi nofsinhar, jien rajt dawl qawwi iktar minn tax-xemx ġej mis-sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi. 14 Meta waqajna mal-art, jien smajt leħen jgħidli bl-Ebrajk, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ tagħti kontra n-niggieża* se tweġġaʼ.’ 15 Imma jien għedt, ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita. 16 Imma qum bilwieqfa. Jien dhertlek għax għażiltek biex tkun qaddej u xhud tal-affarijiet li rajt u l-affarijiet li se nurik dwari. 17 Jien se nsalvak minn dan il-poplu u mill-popli l-oħra li se nibagħtek għandhom 18 biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jitilqu mid-dlam u jiġu fid-dawl u biex jitilqu minn taħt il-qawwa taʼ Satana u jmorru taħt dik t’Alla. B’hekk hu jaħfrilhom id-dnubiet, u peress li għandhom fidi fija, hu jippremjahom u jqaddishom bħalma għamel m’oħrajn li kienu leali.’

19 “Għalhekk Re Agrippa, jien obdejt dak li smajt fil-viżjoni mis-sema. 20 Hu għalhekk li mort nipprietka dan il-messaġġ. L-ewwel bdejt minn Damasku, imbagħad Ġerusalemm, wara l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u wkoll lill-popli. Jien bdejt ngħidilhom li għandhom jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu affarijiet li juru li ddispjaċiehom. 21 Hu għalhekk li l-Lhud qabduni fit-tempju u pprovaw joqtluni. 22 Minkejja dan, bl-għajnuna t’Alla, jien għadni sal-lum nagħti xhieda lin-nies komuni u lil dawk importanti. Jien ngħid biss dak li qalu li se jiġri l-kitbiet tal-profeti u taʼ Mosè. 23 Dawn il-kitbiet jgħidu li l-Kristu se jbati u jkun l-ewwel wieħed li jiġi rxoxtat mill-mewt. Hu se jipprietka u jagħti d-dawl lil dan il-poplu u popli oħra.”

24 Waqt li Pawlu kien qed jgħid dan biex jiddefendi lilu nnifsu, Festu qal b’leħen għoli: “Int qed tiġġennen Pawlu! Il-ħafna għarfien li għandek qed iġennek!” 25 Imma Pawlu qal: “Jien mhux qed niġġennen, l-Eċċellenza Tiegħek Festu, imma qed ngħid il-verità u qed nitkellem b’għaqal. 26 Fil-fatt, ir-re li qed inkellmu bil-libertà jafhom sew dawn l-affarijiet. Jien naf ċert li xejn minn dan mhu se jaħrablu, għax xejn ma sar bil-moħbi. 27 Re Agrippa, int temmen fil-Profeti? Jien naf li temmen.” 28 Imma Agrippa qal lil Pawlu: “Dalwaqt tikkonvinċini biex insir Kristjan.” 29 Għalhekk Pawlu qal: “Jekk hux dalwaqt jew ’il quddiem, jien nitlob lil Alla li mhux int biss imma dawk kollha li qed jisimgħuni llum isiru bħali, imma mhux marbutin bil-ktajjen.”

30 Imbagħad qam ir-re, u qamu wkoll il-gvernatur, Berniċe, u l-irġiel li kienu bilqiegħda magħhom. 31 Waqt li kienu ħerġin bdew jgħidu lil xulxin: “Dan ir-raġel mhu qed jagħmel xejn li għalih ħaqqu l-mewt jew li jintefaʼ l-ħabs.” 32 Imbagħad Agrippa qal lil Festu: “Dan ir-raġel setaʼ nħeles li kieku ma riedx imur quddiem Ċesari.”

27 Meta ġie deċiż li kellna mmorru l-Italja bil-baħar, huma taw lil Pawlu u lil xi ħabsin oħra f’idejn uffiċjal tal-armata jismu Ġulju mill-korp tal-Awgustu. 2 Minn Adramitti tlajna fuq vapur li kien se jmur fil-portijiet tul ix-xatt tal-provinċja tal-Asja, u mbagħad tlaqna. Magħna kien hemm Aristarku, li kien minn Tessalonika fil-Maċedonja. 3 L-għada nżilna Sidon, u Ġulju ttratta lil Pawlu b’qalb tajba u ħallieh imur ħdejn il-ħbieb tiegħu biex jieħdu ħsiebu.

4 Minn hemm tlaqna bil-baħar u għaddejna għall-kenn taʼ Ċipru, għax ir-riħ kien kontrina. 5 Aħna għaddejna minn baħar miftuħ ħdejn iċ-Ċiliċja u l-Pamfilja u dħalna fil-port taʼ Mira fil-Liċja. 6 Hemmhekk l-uffiċjal tal-armata sab vapur minn Lixandra li kien sejjer l-Italja u ġegħelna nitilgħu fuqu. 7 Wara li vvjaġġajna b’diffikultà għal ħafna ġranet, wasalna Knidu. Peress li ma stajniex nibqgħu sejrin minħabba r-riħ, għaddejna għall-kenn taʼ Kreta min-naħa taʼ Salmone. 8 Wara li vvjaġġajna b’diffikultà max-xatt tagħha, wasalna f’post li jgħidulu l-Portijiet is-Sbieħ viċin il-belt taʼ Lasegħa.

9 Peress li kien għadda ħafna żmien u kien għadda s-sawm taʼ Jum it-Tpattija,* kien perikoluż li jsiru vjaġġi bil-vapur. Għalhekk Pawlu għamel dan is-suġġeriment: 10 “Irġiel, qed ninnota li mhix idea tajba li nivvjaġġaw, għax apparti li nistgħu nitilfu t-tagħbija u l-vapur, hemm ċans li mmutu.” 11 Imma l-uffiċjal tal-armata semaʼ mill-kaptan u minn sid il-vapur, minflok ma semaʼ minn Pawlu. 12 Peress li l-port ma kienx tajjeb biex inqattgħu x-xitwa fih, il-maġġuranza kienu tal-parir li nitilqu minn hemm biex jaraw jekk b’xi mod nistgħux naslu f’Feniċe u nqattgħu x-xitwa hemmhekk. Dan kien port fi Kreta li jħares lejn il-Grigal u x-Xlokk.

13 Meta qamet żiffa min-Nofsinhar, huma ħasbu li kien se jirnexxilhom. Għalhekk tellgħu l-ankra u bdew għaddejjin qrib ix-xatt taʼ Kreta. 14 Però, wara ftit tal-ħin, qam riefnu qawwi li jgħidulu Grigalata. 15 Minħabba r-riħ qawwi li kien hemm, ma stajniex insuqu kontra r-riħ, għalhekk ċedejna u ħallejnieh iġorrna. 16 Imbagħad morna malajr għall-kenn taʼ gżira żgħira jisimha Kawda. Minkejja dan, bilkemm stajna nikkontrollaw id-dgħajsa żgħira* li konna qed niġbdu warajna. 17 Imma wara li tellgħuha, huma rabtu ħbula madwar il-vapur ħalli ma jinqasamx. U peress li bdew jibżgħu li jeħlu fuq is-Sirti,* huma niżżlu l-qlugħ,* u b’hekk inġarrejna mal-kurrent. 18 L-għada bdew jarmu l-affarijiet biex il-vapur ikun eħfef, peress li l-maltempata bdiet titfagħna ’l hemm u ’l hawn bis-saħħa. 19 U fit-tielet ġurnata rmew il-ħbula li jtellgħu l-qlugħ bihom.

20 Għal ħafna ġranet, la dehret ix-xemx u lanqas l-istilel u konna għadna qed naqilgħu xebgħa maltemp, allura ma bqajniex nittamaw li se nsalvaw. 21 Wara li kienu ilhom ħafna ma jieklu, Pawlu qam f’nofshom u qalilhom: “Irġiel, li kieku smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta, ma konniex ngħaddu minn din it-tbatija u narmu dawk l-affarijiet kollha. 22 Imma nħeġġiġkom biex tagħmlu l-kuraġġ, għax ħadd minnkom mhu se jmut, il-vapur biss se jitkisser. 23 Dan il-lejl ġie ħdejja anġlu tal-Alla li jien inqim u naqdi 24 u qalli: ‘Tibżax Pawlu. Int se tidher quddiem Ċesari, u Alla se jsalva lil dawk kollha li qegħdin fuq il-vapur miegħek.’ 25 Għalhekk, agħmlu kuraġġ, għax jien nemmen li Alla se jagħmel eżatt bħalma qalli l-anġlu. 26 Madankollu, il-vapur se jitkisser u aħna se nispiċċaw fuq gżira.”

27 Aħna konna ilna 14-il ġurnata fuq il-baħar u konna qed niġu mitfugħin ’l hemm u ’l hawn fil-Baħar t’Adrija. F’nofsillejl, il-baħrin bdew jissuspettaw li qed nersqu qrib xi art. 28 Għalhekk huma kejlu kemm kien hemm fond u sabu li kien hemm 20 qama.* Imbagħad imxew biċċa oħra, reġgħu kejlu, u sabu li kien hemm 15-il qama.* 29 Peress li beżgħu li se naħbtu mal-blat, huma niżżlu erbaʼ ankri min-naħa taʼ wara tal-vapur u bdew jittamaw li jisbaħ. 30 Xi baħrin bdew jipprovaw jaħarbu mill-vapur. Huma bdew iniżżlu d-dgħajsa ż-żgħira fil-baħar għat-taparsi sejrin iniżżlu l-ankri min-naħa taʼ quddiem tal-vapur, 31 imma Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata u lis-suldati: “Ma tistgħux tiġu salvati jekk dawn l-irġiel jitilqu minn fuq il-vapur.” 32 Imbagħad is-suldati qatgħu l-ħbula tad-dgħajsa ż-żgħira u ħallewha titlaq.

33 Xħin kien wasal biex jisbaħ, Pawlu inkuraġġiehom biex jieklu xi ħaġa, u qalilhom: “Ilkom 14-il ġurnata tistennew b’ansjetà u ma kiltu xejn. 34 Għalhekk, inħeġġiġkom biex tieklu. Dan hu għall-ġid tagħkom, għax lanqas wieħed minnkom mhu se jweġġaʼ.” 35 Wara qabad ħobża, irringrazzja lil Alla quddiemhom, qasamha, u beda jiekol. 36 Għalhekk, għamlu l-kuraġġ u bdew jieklu. 37 B’kollox, konna 276 ruħ fuq il-vapur. 38 Wara li kielu u xebgħu, tefgħu l-qamħ il-baħar ħalli l-vapur ikun eħfef.

39 Xħin sebaħ, huma raw l-art imma ma setgħux jagħrfuha. Huma nnotaw li kien hemm bajja bir-ramel u kienu determinati li jidħlu bil-vapur fiha, jekk kien possibbli. 40 Għalhekk, qatgħu l-ankri u ħallewhom jaqgħu l-baħar, waqt li ħallew l-irbit tat-tmun. Wara li tellgħu l-qlugħ taʼ quddiem favur ir-riħ, telqu lejn il-bajja. 41 Meta ħabtu maʼ qiegħ baxx,* il-vapur weħel minn quddiem u ma ċċaqlaqx, imma n-naħa taʼ wara bdiet titfarrak biċċiet bil-mewġ. 42 Għalhekk, is-suldati ddeċidew li joqtlu lill-ħabsin, biex ħadd minnhom ma jaħrab bl-għawm. 43 Imma l-uffiċjal tal-armata kien determinat li jwassal lil Pawlu qawwi u sħiħ u ma ħallihomx jagħmlu hekk. Hu kkmanda lil dawk li kienu jafu jgħumu biex jaqbżu l-baħar u jkunu l-ewwel li jaslu l-art, 44 u l-bqija kellhom imorru warajhom, min fuq it-twavel u min fuq xi biċċa mill-vapur. Għalhekk waslu kollha qawwijin u sħaħ fuq l-art.

28 Wara li kulħadd wasal qawwi u sħiħ, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. 2 U n-nies t’hemm, li kienu jitkellmu b’lingwa oħra, kienu vera qalbhom tajba magħna. Huma qabbdu n-nar u laqgħuna mill-qalb minħabba li kienet nieżla x-xita u kien il-bard. 3 Imma meta Pawlu ġabar qabda zkuk u tefagħhom fin-nar, bis-sħana ħarġet lifgħa u gidmitu f’idu. 4 Meta n-nies tal-pajjiż raw il-lifgħa velenuża mdendla m’idu, bdew jgħidu lil xulxin: “Żgur li dan ir-raġel hu qattiel, għax għalkemm irnexxielu jsalva mill-baħar, il-Ġustizzja* mhux se tħallih ħaj.” 5 Madankollu, hu farfarha fin-nar u ma ġralu xejn. 6 Imma huma kienu qed jistennew li jintefaħ jew li jmut zoptu. Wara li stennew għal ftit ħin mhux ħażin u raw li ma ġralu xejn, biddlu fehmithom u bdew jgħidu li kien xi alla.

7 Fl-inħawi taʼ dak il-post kien hemm artijiet li kienu tal-mexxej tal-gżira. Dan kien jismu Publiju, u hu laqagħna mill-qalb u żammna għandu tlett ijiem. 8 Missier Publiju kien marid fis-sodda bid-deni u bid-disenterija,* u Pawlu mar ħdejh, talab, poġġa jdejh fuqu, u fejqu. 9 Wara li ġara dan, in-nies tal-gżira li kienu morda bdew imorru għandu u jiġu mfejqa. 10 Huma wrew l-apprezzament tagħhom billi tawna ħafna rigali, u meta konna se nitilqu bil-baħar, huma tawna kulma kellna bżonn u għabbewhom fuq il-vapur.

11 Wara li għamilna tliet xhur fuq il-gżira, tlaqna b’vapur li kellu statwa tat-tfal taʼ Żews. Il-vapur kien minn Lixandra u għamel xitwa sħiħa fil-gżira. 12 Il-vapur daħal fil-port taʼ Sirakuża u għamilna tlett ijiem hemm. 13 Imbagħad tlaqna minn hemm u wasalna Reġġju. L-għada qam riħ min-Nofsinhar u l-ġurnata taʼ wara wasalna Putijoli. 14 Hawnhekk sibna aħwa li ħeġġewna biex nibqgħu magħhom sebat ijiem. Wara li għamilna hekk, tlaqna lejn Ruma. 15 Meta l-aħwa f’Ruma semgħu li konna sejrin hemmhekk, huma ġew sas-Suq t’Appju u t-Tliet Taverni biex jiltaqgħu magħna. Meta Pawlu rahom, irringrazzja lil Alla u għamel kuraġġ. 16 Meta fl-aħħar wasalna Ruma, Pawlu tħalla joqgħod f’dar waħdu b’suldat għassa miegħu.

17 Tlett ijiem wara, Pawlu bagħat għall-irġiel importanti tal-Lhud. Meta dawn inġabru, hu qalilhom: “Ħuti, għalkemm m’għamilt xejn kontra dan il-poplu jew kontra d-drawwiet taʼ missirijietna, jien ġejt arrestat f’Ġerusalemm u ngħatajt f’idejn ir-Rumani. 18 Wara li interrogawni, huma riedu jeħilsuni, għax ma kienx hemm raġuni biex joqtluni. 19 Imma meta l-Lhud oġġezzjonaw, jien kelli nitlob biex niġi quddiem Ċesari, però jien m’għamiltx hekk għax kelli xi akkuża kontra l-poplu tiegħi. 20 Jien tlabt biex narakom u nitkellem magħkom, għax jien marbut b’din il-katina minħabba dak li Iżrael qed jittama għalih.” 21 Huma qalulu: “Aħna ma rċivejniex ittri mil-Lhudija dwarek, u ħadd mill-aħwa li ġew minn hemm ma rrapporta jew qal xi ħaġa ħażina dwarek. 22 Imma nixtiequ nisimgħu x’taħseb int, għax dwar din is-setta kulma nafu hu li kullimkien jitkellmu kontriha.”

23 Huma ftiehmu ġurnata meta se jiltaqgħu miegħu, u marru iktar nies għandu minn qabel. U minn filgħodu sa filgħaxija, hu kien jispjegalhom dan billi jagħtihom xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla biex jipprova jikkonvinċihom dwar Ġesù kemm mil-Liġi taʼ Mosè u kemm mill-kitbiet tal-profeti. 24 Kien hemm min emmen dak li qal, u min le. 25 Peress li ma qablux bejniethom, bdew jitilqu, u Pawlu qal:

“L-ispirtu qaddis sewwa qal lill-antenati tagħkom permezz tal-profeta Isaija. 26 Dan qal, ‘Mur għand dan il-poplu u għidilhom: “Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw. 27 Għax dan il-poplu rasu iebsa. Huma jisimgħu imma ma jagħtux kas u jagħlqu għajnejhom u widnejhom sabiex la jaraw u lanqas jisimgħu. Minħabba f’hekk, ma jifhmux x’għandhom bżonn jagħmlu u ma jdurux lura għandi biex inkun nistaʼ nfejjaqhom.”’ 28 Kunu afu li l-messaġġ dwar kif Alla se jġib salvazzjoni ġie mxandar lill-popli. Huma żgur se jisimgħuh u jaċċettawh.” 29*——

30 Hu baqaʼ fid-dar li kera sentejn sħaħ, u kien jilqaʼ mill-qalb lil dawk kollha li kienu jmorru għandu. 31 Hu kien jippritkalhom dwar is-Saltna t’Alla u jgħallem dwar il-Mulej Ġesù Kristu bl-akbar libertà tal-kelma* u bla tfixkil.

Jew “l-awtorità.”

Jew “sal-iktar parti mbiegħda tal-art.”

Letteralment “mixja taʼ jum is-Sabat.” Id-distanza li Lhudi setaʼ jivvjaġġa fis-Sabat.

Jew “infaqaʼ min-nofs.”

Jiġifieri jieħu ħsieb il-kongregazzjoni minfloku.

Letteralment “kien jidħol u joħroġ.”

Ara App. A5.

Jew “meqjus.” Jiġifieri kkunsidrat l-istess bħall-11 l-oħra.

Jew “b’ilsna.”

Jew “tʼart twelidu?”

Letteralment “it-tielet siegħa,” jiġifieri d-disgħa taʼ filgħodu.

Ara App. A5.

Jew “jgħajjat isem.”

Ara App. A5.

Jew “li jiksru l-liġi.”

Letteralment “mill-uġigħ tal-mewt.” Jew forsi “mill-ħbula tal-mewt.”

Ara App. A5.

Jew “tħalli lil ruħi.”

Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “mid-dixxendenti.”

Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “ferraʼ.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “jaqsmu l-affarijiet bejniethom.”

Jew “kull ruħ.”

Letteralment “jibżgħu minn.”

Ara App. A5.

Letteralment “Fid-disaʼ siegħa.”

Jew “l-Aġent Ewlieni.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “kull ruħ li.”

Jew “taʼ nislek; taʼ dawk li se jiġu minnek.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.

Jew “bla tlaqliq.”

Dan ma jfissirx li ma kinux jafu jiktbu u jaqraw, imma li ma marrux fi skejjel tal-mexxejja reliġjużi.

Jew “Mulej Sovran.”

Ara App. A5.

Jew “il-Kristu.” Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “dlikt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “minħabba idek.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “qalb u ruħ waħda.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “Bin il-Faraġ.”

Letteralment “jibżaʼ ħafna minn.”

Ara App. A5.

Letteralment “jibżgħu ħafna minn.”

Letteralment “mhux nodfa.”

Letteralment “qabdu.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “siġra.”

Jew “l-Aġent Ewlieni.”

Jew “li għandhom isem tajjeb.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lil dawk li se jiġu minnu.”

Jew “dawk li se jiġu minnu.”

Jew forsi “għamel l-istess maʼ.”

Jew “patrijarki.”

Jew “iċ-ċereali.”

Letteralment “ġie mgħallem fl-għerf kollu tal-Eġizzjani.”

Jew “jara kif inhuma.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “t’għoġol.”

Ara App. A5.

Letteralment “ilqaʼ l-ispirtu tiegħi.”

Ara App. A5.

Jew forsi “f’belt.”

Letteralment “mhux nodfa.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “uffiċjal tal-palazz.”

Ara App. A3.

Ara App. A5.

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.

Letteralment “lill-qaddisin.”

Letteralment “jorbot.”

Jew “jgħajjat lil ismek.”

Letteralment “biex jiħodhom marbutin għand.”

Letteralment “kien jidħol u joħroġ.”

Letteralment “beżgħu minn.”

Ara App. A5.

Letteralment “il-qaddisin.”

L-isem Dorka u l-isem bl-Aramajk Tabita jfissru “Ċerva.”

Letteralment “lill-qaddisin.”

Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.

Jew “ċenturjun,” jiġifieri kap taʼ 100 suldat.

Armata Rumana taʼ 600 suldat.

Letteralment “jibżaʼ minn.”

Letteralment “Madwar id-disaʼ siegħa.”

Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.

Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”

Letteralment “tip taʼ reċipjent.”

Jew “annimali li jitkaxkru.”

Letteralment “ir-reċipjent.”

Letteralment “jibżaʼ minn.”

Letteralment “fid-disaʼ siegħa.”

Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.

Ara App. A5.

Letteralment “jibżaʼ minnu.”

Letteralment “dilku.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “siġra.”

Jew “Dawk leali.”

Letteralment “bl-ilsna.”

Jew “jargumentaw miegħu.”

Letteralment “tip taʼ reċipjent.”

Jew “annimali li jitkaxkru.”

Letteralment “siktu.”

Ara App. A5.

Jew “li jgħaddih ġuri.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “kellu aptit jiġġieled.”

Letteralment “il-kamra tas-sodda.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “jaqdu pubblikament.”

Ara App. A5.

Jew “jaqdihom.”

Il-gvernatur Ruman taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Letteralment “tibżgħu minn.”

Jew “min-nisel taʼ; minn dawk li jiġu minn.”

Letteralment “tibżgħu minn.”

Jew “is-siġra.”

Jew “f’qabar tat-tifkira.”

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “qeda r-rieda t’Alla.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Ara App. A5.

Jew “girlandi.”

Jew “ir-ruħ tad-dixxipli.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “dan l-argument.”

Jew “bdew jikkonvertu.”

Jew “diskussjoni twila.”

Jew “it-tinda; l-għarix.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “l-opinjoni.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”

Jew “iħawdu lil ruħkom.”

Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Saħħa!”

Ara App. A3.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “għaddew mill-Misja.”

Belt li mhijiex fl-Italja imma li ċ-ċittadini tagħha kellhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-Italja.

Ara App. A5.

Letteralment “fetħilha qalbha beraħ biex.”

Ara App. A5.

Jew “kienet tipprattika l-arti tat-tbassir.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Jew “mingħajr ma konna kkundannati.”

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Jew “qalgħu l-inkwiet mad-dinja kollha.”

Jew “iżuru l-belt.”

Jew “iktar reliġjużi.”

Jew “hu kien jirraġuna magħhom.”

Jiġifieri s-sinagoga.

Il-gvernatur Ruman taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Milli jidher lejn Ġerusalemm.

Ara App. A5.

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Ara App. A5.

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Il-gvernaturi Rumani taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd.

Jew “għax ruħu qiegħda fih.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Jew “ħeġġiġni.”

Jew “inqis lil ħajti bla valur.”

Jew “għad-demm.”

Jew “l-iskop kollu t’Alla.”

Jew “inkarigakom bħala indokraturi biex tirgħaw.”

Jew “b’affezzjoni.”

Jew “min-naħa tal-port.”

Letteralment “verġni.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jiġifieri biex jagħmlu bħalma wiegħdu lil Alla.

Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “għajjat lil ismu.”

Letteralment “lix-xhud.”

Jew “ċittadin Ruman.”

Jew “li għadu ma ġiex ikkundannat?”

Jew “jaċċettawhom kollha.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “fit-tielet siegħa tal-lejl.”

Jew “fil-palazz pretorjan.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “kelliemi pubbliku.”

Letteralment “hu pesta.”

Ara App. A3.

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “dwar ir-reliġjon.”

Titlu għall-imperatur Ruman.

Letteralment “tiġġudikawha.”

Letteralment “l-isem taʼ Ġesù.”

Letteralment “mill-qaddisin.”

Niggieża hi bastun bil-ponta li kienet tintuża biex iġġiegħel annimal jagħmel xi ħaġa.

Dan kien fix-xahar taʼ Tixri, li fih kienet tibda x-xita u l-baħar kien ikun imqalleb.

Din kienet tintuża fʼkaż tʼemerġenza.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

X’aktarx dan kien jinkludi l-lasta u l-ħbula li jżommu l-qlugħ.

Madwar 36 metru. Ara App. B14.

Madwar 27 metru. Ara App. B14.

Jew “sikka.”

Bil-Grieg Dike. Din il-kelma tistaʼ tirreferi għall-alla mara li tagħmel ġustizzja.

Din hi marda fl-istonku li tqabbad uġigħ kbir.

Ara App. A3.

Jew “bil-kuraġġ kollu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja