LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Rumani 1:1-16:27
  • Rumani

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rumani
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Rumani

ITTRA LIR-RUMANI

1 Din l-ittra hi mingħandi, Pawlu, ilsir taʼ Kristu Ġesù. Hu għażilni biex inkun appostlu u inkarigani biex inxandar l-aħbar tajba dwar Alla. 2 Alla wiegħed din l-aħbar tajba żmien twil ilu fl-Iskrittura qaddisa permezz tal-profeti tiegħu. 3 Din hi dwar Ibnu, li kien dixxendent taʼ* David. 4 Permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis, dan l-Iben, Ġesù Kristu l-Mulej tagħna, ġie rxoxtat mill-mewt. Dan juri li hu l-Iben t’Alla. 5 Permezz tiegħu, Alla wriena qalb tajba kbira.* Ġesù għażilni biex inkun appostlu ħalli ngħin lin-nies tal-popli kollha juru fidi, jobdu, u jirrispettaw lil ismu. 6 Intom ukoll qegħdin fost dawk mill-popli li ġew mistidnin* biex ikunu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. 7 Din l-ittra hi għal dawk kollha li Alla jħobb f’Ruma, dawk li hu għażel biex ikunu qaddisin:

Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.

8 L-ewwel nett, nirringrazzja lill-Alla tiegħi permezz taʼ Ġesù Kristu għalikom kollha, għax ħafna nies minn madwar id-dinja qed jitkellmu dwar il-fidi tagħkom. 9 Jien qed naqdi lil Alla b’qalbi kollha* billi naqsam l-aħbar tajba dwar Ibnu, u Alla jaf li dejjem insemmikom fit-talb. 10 Jien nitolbu li jekk hu possibbli u jekk Alla jixtieq, fl-aħħar inkun nistaʼ niġi għandkom. 11 Għax jien vera nixtieq narakom ħalli nkun nistaʼ naqsam rigal spiritwali magħkom, u b’hekk insaħħilkom il-fidi; 12 anzi, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna.

13 Ħuti, nixtieqkom tkunu tafu li kemm-il darba għamilt il-ħsieb li niġi għandkom, imma dan ma kienx possibbli. Jien nixtieq niġi nipprietka u nara r-riżultati tajbin taʼ dan, bħalma qed jiġri mal-bqija tal-popli. 14 Jien obbligat li ngħin lin-nies kollha, kemm il-Griegi u l-barranin,* kif ukoll l-għorrief u l-boloh. 15 Għalhekk, qed inħares ’il quddiem li naqsam l-aħbar tajba magħkom ukoll f’Ruma. 16 Jien ma nistħix minħabba l-aħbar tajba. Fil-fatt, din hi evidenza taʼ kemm Alla hu b’saħħtu, u tistaʼ ssalva lil kull min juri li għandu fidi, l-ewwel lil-Lhud u mbagħad lill-Griegi.* 17 Il-ġustizzja t’Alla qed tintwera lil dawk li juru fidi, u dan isaħħilhom il-fidi tagħhom, bħalma tgħid l-Iskrittura: “Imma l-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu.”

18 Alla qed juri r-rabja tiegħu mis-sema kontra l-ħażen u l-inġustizzja li jagħmlu n-nies. Huma qed iwaqqfu lin-nies milli jsiru jafu l-verità. 19 Huma suppost li jafuh lil Alla, għax hu diġà wriehom b’mod ċar ħafna affarijiet. 20 Il-kwalitajiet li ma jidhrux tiegħu nistgħu nifhmuhom billi ninnotaw kif ġiet maħluqa d-dinja. Nistgħu nsiru nafu x’tip t’Alla hu billi neżaminaw l-affarijiet li għamel. Dawn juru l-qawwa tiegħu li hi għal dejjem u jagħtu prova li hu Alla. Għalhekk, in-nies m’għandhom l-ebda skuża. 21 Għalkemm dawn in-nies kienu jafu lil Alla, huma m’onorawhx bħalma jixraqlu u ma rringrazzjawhx. Minflok, huma bdew jaħsbuha bħall-boloh, u l-qalb bla sens tagħhom ma wrietx li kapaċi tifhem.* 22 Għalkemm dawn jgħidu li huma għorrief, huma boloh. 23 Minflok ma jonoraw lill-Alla li ma jistax imut, huma jonoraw l-idoli li jixbhu lill-bnedmin li jmutu, l-għasafar, l-annimali b’erbaʼ saqajn, u r-rettili.*

24 Għalhekk, Alla ħalliehom jaġixxu skont ix-xewqat mhux nodfa taʼ qalbhom, u b’hekk huma qed jagħmlu affarijiet tal-mistħija b’ġisimhom. 25 Huma jpartu l-verità dwar Alla mal-gideb, u jqimu u jaqdu dak li ħalaq Alla minflok lill-Ħallieq, li għandu jiġi mfaħħar għal dejjem. Ammen. 26 Għalhekk, Alla ħalla x-xewqat sesswali moqżieża tagħhom jikkontrollawhom. In-nisa beda jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ nisa oħrajn minflok mal-irġiel, li hi xi ħaġa kontra n-natura. 27 Ukoll, l-irġiel ma baqax ikollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa u aġixxew fi qbil maʼ xewqat sesswali qawwijin lejn irġiel oħra, u b’hekk għamlu affarijiet moqżieża maʼ xulxin. Imma huma se jiġu kkastigati bis-sħiħ kif ħaqqhom għall-ħażen li għamlu.

28 Peress li għalihom ma kienx importanti li jsiru jafu lil Alla, hu ħalliehom ikomplu jaħsbu dwar affarijiet bla sens, u b’hekk huma qed jagħmlu affarijiet li m’għandhomx jagħmluhom. 29 Dawn kienu inġusti, mill-agħar, rgħiba, u ħżiena għalkollox. Huma jgħiru ħafna, joqtlu, jiġġieldu, jigdbu, u jweġġgħu lil oħrajn. Huma jħobbu jgħidu fuq in-nies, 30 jimmalafamaw, jobogħdu lil Alla, jgħajru, arroganti, jiftaħru, u jippjanaw affarijiet ħżiena. Huma ma jobdux lill-ġenituri, 31 mhux kapaċi jifhmu, mhux lesti li jżommu kelmithom, m’għandhomx imħabba ġenwina,* u huma bla qalb. 32 Għalkemm jafu sew li Alla jgħid li min jagħmel hekk jistħoqqlu l-mewt, huma mhux talli jkomplu jagħmluhom, imma japprovaw lil dawk li jkomplu jagħmlu hekk.

2 Għalhekk, int min int, m’għandekx skuża biex tiġġudika lil oħrajn għall-istess affarijiet li tagħmel int. Meta tiġġudikahom, tkun qed tikkundanna lilek innifsek. 2 Aħna nafu li meta Alla jiġġudika lil min jagħmel dawn l-affarijiet, il-ġudizzju tiegħu hu ġust.*

3 Taħseb li se tevita l-ġudizzju t’Alla meta tiġġudika lin-nies li jagħmlu l-istess affarijiet li tagħmel int? 4 Ma tafx li Alla qed jurik tant qalb tajba, jittollerak ħafna, u jieħu paċenzja kbira bik? M’intix tinduna li Alla b’qalb tajba qed jipprova jgħinek tindem? 5 Imma jekk twebbes rasek u ma tkunx trid tindem, Alla żgur li se jikkastigak meta juri r-rabja tiegħu dakinhar li jagħmel ġudizzju ġust. 6 Hu se jagħti lil kull wieħed skont dak li jagħmel. 7 Hu se jagħti ħajja taʼ dejjem lil dawk li jibqgħu* jagħmlu t-tajjeb. Nies bħal dawn qed ifittxu l-glorja, l-unur, u l-ħajja li tibqaʼ għal dejjem. 8 Mill-banda l-oħra, Alla se juri r-rabja u l-korla tiegħu kontra dawk li jħobbu jargumentaw* u li ma jobdux il-verità li ġejja mingħandu. 9 Kull bniedem,* sew jekk Lhudi u sew jekk Grieg,* li jweġġaʼ lil oħrajn se jbati. 10 Imma kull min jagħmel dak li hu tajjeb se jkollu glorja, unur, u paċi, l-ewwel għal-Lhud u mbagħad għall-Griegi, 11 għax Alla ma jurix preferenzi.

12 Dawk kollha li dinbu mingħajr ma kienu jafu l-Liġi taʼ Mosè se jmutu, avolja ma kinux jafu l-Liġi. Imma dawk kollha li dinbu u kienu jafu l-Liġi se jiġu ġġudikati skont dik il-Liġi. 13 Alla ma jqisx lin-nies ġusti sempliċement għax jisimgħu l-Liġi. Dawk biss li jobdu l-Liġi se jiġu kkunsidrati ġusti. 14 Għax dawk li mhumiex Lhud* m’għandhomx il-Liġi. Imma meta jagħmlu dak li hemm fil-Liġi, huma juru li hemm liġi f’qalbhom. 15 Huma juru li dak li tgħallem il-Liġi hu miktub f’qalbhom, u l-kuxjenza tagħhom taqbel maʼ dan. Il-ħsibijiet tagħhom stess jakkużawhom jew jiskużawhom. 16 Hekk se jkun dakinhar meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù se jiġġudika l-ħsibijiet u l-affarijiet li n-nies jagħmlu bil-moħbi. Dan se jiġri skont l-aħbar tajba li nxandar.

17 Xi wħud minnkom tgħidu li intom Lhud, u intom tafdaw fil-liġi u tiftaħru bil-ħbiberija tagħkom m’Alla. 18 Intom tafu xi jrid Alla u taċċettaw l-affarijiet li huma ġusti għax ġejtu mgħallmin mil-Liġi. 19 Intom konvinti li tistgħu tiggwidaw lil dawk li ma jarawx u tagħtu d-dawl lil dawk li qegħdin fid-dlam. 20 Intom taħsbu li tistgħu tikkoreġu lill-boloh u tgħallmu lit-tfal żgħar għax għandkom fehma u għarfien bażiku tal-verità li hemm fil-Liġi. 21 Intom tgħallmu lil oħrajn, imma ma tgħallmux lilkom infuskom. Intom tippritkaw lil oħrajn biex ma jisirqux, imma intom tisirqu. 22 Intom qed tagħmlu adulterju waqt li tippritkaw lil oħrajn biex ma jagħmlux adulterju. Intom tgħidu li tobogħdu l-idoli, imma tisirqu t-tempji. 23 Intom kburin li tafu l-liġi t’Alla, imma tiddiżonoraw lil Alla billi tiksruha. 24 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Minħabba fikom, il-barranin* qed jitkellmu kontra isem* Alla.”

25 Iċ-ċirkonċiżjoni hi taʼ benefiċċju biss jekk tagħmel dak li tgħid il-Liġi. Jekk ma tobdix il-Liġi, ikun bħallikieku m’intix ċirkonċiż. 26 Imma jekk xi ħadd mhux ċirkonċiż jagħmel l-affarijiet ġusti li titlob il-Liġi, Alla jqisu ċirkonċiż. 27 Int ġejt mgħallem dwar iċ-ċirkonċiżjoni u l-Liġi bil-miktub, imma ma tobdihiex. Għalhekk, meta xi ħadd li mhux ċirkonċiż jobdi l-Liġi, ikun qed jikkundannak. 28 Id-dehra minn barra ma tagħmlekx Lhudi vera. Iċ-ċirkonċiżjoni vera tinvolvi iktar minn dak li jsir fuq il-ġisem. 29 Li tkun Lhudi vera jinvolvi kif int minn ġewwa, u ċ-ċirkonċiżjoni vera hi fil-qalb. Din tiġi permezz tal-ispirtu qaddis, u mhux billi tagħmel dak li tgħid il-Liġi taʼ Mosè. Xi ħadd bħal dan jiġi mfaħħar minn Alla u mhux min-nies.

3 X’inhu l-vantaġġ taʼ li tkun Lhudi, jew x’benefiċċju fiha ċ-ċirkonċiżjoni? 2 Hemm ħafna vantaġġi. L-ewwel nett, Alla fada lil-Lhud bil-messaġġ* tiegħu. 3 Imma xi ngħidu jekk xi wħud minnhom ma kinux leali? Il-fatt li m’għandhomx fidi jfisser li n-nies ma jistgħux jafdaw iktar f’Alla? 4 Żgur li le! Anki jekk in-nies kollha jigdbu, Alla dejjem jgħid il-verità, bħalma tgħid l-Iskrittura: “Kliemek se juri li int ġust, u meta jakkużawk b’xi ħaġa int se turi li m’għandhomx raġun.” 5 Meta aħna nagħmlu affarijiet ħżiena, in-nies jaraw b’mod ċar li Alla hu ġust. Allura Alla għandu raġun juri li hu rrabjat. (Qed nitkellem bħalma jaħsbuha ċerti nies.) 6 M’hemmx dubju dwar dan! Inkella kif se jiġġudika d-dinja Alla?

7 Ukoll, jekk il-gidba tiegħi turi iktar biċ-ċar li dak li jgħid Alla hu veru u ġġiegħel lin-nies ifaħħruh, xi wħud forsi jistaqsu, “Għala qed niġi ġġudikat li jien midneb?* 8 U għala ma ngħidux, “Ħa nagħmlu affarijiet ħżiena ħalli jiġru affarijiet tajbin,” bħalma xi wħud jakkużawna b’mod falz li ngħidu? Dawk li jgħidu hekk se jiġu kkastigati kif jixirqilhom.

9 Allura għandna naħsbu li għandna pożizzjoni aħjar minn taʼ oħrajn minħabba li aħna Lhud? Lanqas xejn! Għax aħna diġà spjegajna li l-Lhud u l-Griegi* kollha huma ħatjin tad-dnub. 10 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “M’hemmx bniedem li hu ġust, lanqas wieħed. 11 M’hemm ħadd li jifhem x’għandu jsir. M’hemm ħadd li jfittex lil Alla. 12 Kulħadd tbiegħed minnu u kollha saru ma jiswew għal xejn. M’hemm l-ebda bniedem li juri qalb tajba, lanqas wieħed.” 13 “Ħalqhom hu bħal qabar miftuħ. Huma jħobbu jigdbu.” “Dak li jgħidu jagħmel ħsara bħall-velenu tas-sriep.” 14 “Minn ħalqhom joħorġu biss saħtiet u kliem taʼ rabja.” 15 “Huma ħsiebhom biex joqtlu.” 16 “Kulma jagħmlu jġib diżastru u dwejjaq. 17 Huma ma jafux kif iżommu l-paċi m’oħrajn.” 18 “Ma jirrispettawx lil* Alla.”

19 Issa nafu li kulma hemm fil-Liġi japplika għal dawk li huma taħt il-Liġi. L-iskop tagħha hu li ma tħallix lin-nies ikomplu jġibu l-iskużi, u biex turi li d-dinja kollha hi ħatja quddiem Alla u jistħoqqilha li tiġi kkastigata. 20 Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jitqies ġust minn Alla talli jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi, anzi l-Liġi tgħinna nifhmu aħjar x’inhu d-dnub.

21 Imma issa jidher ċar li Alla jistaʼ jqisna ġusti mingħajr ma nobdu l-Liġi. Dan il-fatt insibuh ukoll fil-Liġi u l-kitbiet tal-profeti. 22 Alla jistaʼ jqisna ġusti billi nuru l-fidi, jiġifieri l-fidi f’Ġesù Kristu, għax l-ebda poplu mhu aħjar minn ieħor. 23 Kollha dinbu u ma jistgħux jimitaw għalkollox il-kwalitajiet tal-għaġeb t’Alla.* 24 Bħala rigal b’xejn, Alla qieshom ġusti permezz tal-fidwa* taʼ Ġesù Kristu li hu pprovda b’qalb tajba kbira.* 25 Alla pprovdielna mod kif jerġaʼ jkollna ħbiberija miegħu billi* nuru fidi f’demm Ġesù. Alla għamel hekk biex juri li hu ġust, għax hu juri paċenzja billi jaħfer id-dnubiet li saru fil-passat. 26 Hu jurina l-ġustizzja tiegħu issa wkoll billi jqis lil dawk li juru fidi f’Ġesù bħala ġusti.

27 Allura għandna għal xiex niftaħru? Lanqas xejn. Għandna niftaħru għax nobdu l-Liġi? Le, għax il-liġi tal-fidi ma tħalliniex nagħmlu dan. 28 Għax aħna nafu li bniedem jitqies ġust billi juri l-fidi u mhux billi jipprova jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi. 29 Alla mhuwiex Alla tal-Lhud biss, imma hu Alla tal-popli kollha. 30 La hemm Alla wieħed biss, hu se jqis ġusti lil dawk kollha li għandhom il-fidi, kemm jekk huma ċirkonċiżi u kemm jekk le. 31 Għalhekk, qegħdin aħna nġibu l-Liġi fix-xejn* bil-fidi tagħna? Lanqas xejn, anzi qed nappoġġawha.

4 X’nistgħu ngħidu dwar l-antenat tagħna Abraham? 2 Li kieku Abraham kien ikkunsidrat ġust minħabba dak li għamel, kien ikollu għal xiex jiftaħar, imma mhux m’Alla. 3 L-iskrittura tgħid: “Abraham fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust.” 4 Meta raġel jaħdem, il-paga tiegħu ma titqiesx bħala rigal* imma bħala xi ħaġa li għandu dritt għaliha.* 5 Imma meta raġel juri fidi f’Alla u ma jistrieħx fuq dak li jagħmel, Alla jikkunsidrah ġust minħabba l-fidi tiegħu. Hu Alla li jistaʼ jikkunsidra lil xi ħadd midneb* bħala ġust. 6 Dan kien il-punt taʼ David meta tkellem dwar il-ferħ tal-bniedem li Alla jikkunsidrah ġust avolja ma jkunx ħadem għal dan. Hu qal: 7 “Ferħanin huma dawk li l-iżbalji tagħhom inħafrulhom u li dnubiethom intesew.* 8 Ferħan hu dak li Ġeħova* ma jitlobx kont tad-dnub tiegħu.”

9 Allura taħsbu li dan il-ferħ igawduh biss in-nies ċirkonċiżi jew anki dawk li mhumiex? Għax aħna għedna: “Abraham ġie kkunsidrat ġust minħabba l-fidi.” 10 Meta kien ikkunsidrat ġust? Meta kien ċirkonċiż jew meta ma kienx? Hu kien ikkunsidrat ġust meta ma kienx ċirkonċiż. 11 Iktar tard Alla qallu biex jiġi ċirkonċiż. Din kienet garanzija* li kien ikkunsidrat ġust minħabba l-fidi li kellu meta ma kienx ċirkonċiż. B’hekk sar il-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi waqt li ma jkunux ċirkonċiżi, ħalli jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati ġusti. 12 Hu sar missier ukoll taʼ dawk li huma ċirkonċiżi. Imma mhux taʼ dawn biss, iżda anki taʼ dawk li jimitaw il-fidi li kellu hu, missierna Abraham, meta ma kienx ċirkonċiż.

13 Abraham u d-dixxendenti tiegħu* ma ngħatawx il-wegħda li se jirtu d-dinja għax obdew xi liġi, imma permezz tal-fidi t’Abraham li kienet ikkunsidrata ġusta. 14 Li kieku n-nies jirċievu l-wegħdi għax jobdu l-Liġi, il-fidi ma tkun tiswa xejn u l-wegħda li saret lil Abraham ma tkun tfisser xejn. 15 Fir-realtà, xi ħadd li jikser il-Liġi jiġi kkastigat,* imma ma jistax jiksirha jekk m’hemmx liġi.

16 Huwa għalhekk li nirċievu l-wegħdi permezz tal-fidi, għax hi rigal b’xejn* mingħand Alla. Id-dixxendenti t’Abraham* kollha jistgħu jirċievu l-wegħda, kemm dawk li jobdu l-Liġi u kemm dawk li għandhom fidi bħal taʼ missierna Abraham. 17 (Dan hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Jien għamiltek missier taʼ ħafna popli.”) Abraham wera din il-fidi quddiem Alla, li jagħti l-ħajja lill-mejtin u jitkellem dwar affarijiet li għadhom ma jeżistux bħallikieku diġà jeżistu. 18 Abraham kien kiber wisq biex ikollu t-tfal. Madankollu kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna popli bħalma kien qal Alla: “Hekk għad ikunu d-dixxendenti tiegħek.”* 19 Għalkemm il-fidi tiegħu baqgħet b’saħħitha, hu kien iqis lilu nnifsu mejjet (peress li kellu kważi 100 sena). Hu kien jaf ukoll li Sara kienet xiħa wisq biex ikollha t-tfal. 20 Imma minħabba l-wegħda t’Alla, hu qatt ma ddubita jew iddgħajfitlu l-fidi. Minflok, il-fidi tiegħu saħħitu u ta glorja lil Alla. 21 Hu kien konvint għalkollox li Alla kien se jagħmel dak li wiegħed. 22 B’hekk, minħabba l-fidi li kellu, “hu ġie kkunsidrat ġust.”

23 Madankollu, il-kliem “hu ġie kkunsidrat ġust” ma kienx japplika għalih biss, 24 imma għalina wkoll. Anki aħna se niġu kkunsidrati ġusti għax nemmnu f’Alla, li qajjem mill-mewt lil Ġesù l-Mulej tagħna. 25 Alla bagħat lil Ġesù biex imut għad-dnubiet tagħna u ġie mqajjem sabiex jikkunsidrana ġusti.

5 Issa li ġejna kkunsidrati ġusti minħabba l-fidi, nistgħu ngawdu l-paċi m’Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 2 Il-fidi tagħna f’Ġesù tagħmilhielna possibbli li nkunu ħbieb m’Alla u li jkun ferħan bina.* Nistgħu nkunu ferħanin għax għandna t-tama li Alla jagħtina pożizzjoni għolja. 3 Mhux hekk biss, imma nistgħu nkunu ferħanin meta nbatu, għax nafu li t-tbatija tgħinna nissaportu. 4 Meta nissaportu, Alla jkun ferħan bina, u dan jagħtina tama. 5 Din it-tama mhux se tiddiżappuntana, għax permezz tal-ispirtu qaddis, Alla juri li jħobbna.

6 Waqt li konna għadna dgħajfin, Kristu miet fiż-żmien magħżul għal nies ħżiena. 7 Jistaʼ jkun li xi ħadd ikun lest li jmut għal min hu tajjeb, imma hu rari li xi ħadd imut għal min hu ġust. 8 Madankollu, Alla wriena li jħobbna għax waqt li konna għadna midinbin,* Kristu miet għalina. 9 Għalhekk, la ġejna kkunsidrati ġusti permezz tad-demm taʼ Ġesù, nistgħu nkunu iktar ċerti li se niġu salvati meta Alla jikkastiga lin-nies. 10 Għalkemm konna għedewwa t’Alla, sirna ħbieb tiegħu permezz tal-mewt taʼ Ibnu. Mela, kemm iktar nistgħu nkunu ċerti li se niġu salvati permezz tal-ħajja taʼ Ġesù, issa li sirna ħbieb t’Alla! 11 Aħna nifirħu b’dak li Alla għamel permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax permezz tiegħu aħna sirna ħbieb t’Alla.

12 Id-dnub* daħal fid-dinja permezz taʼ bniedem wieħed, u d-dnub ġab il-mewt. B’hekk il-bnedmin kollha jmutu, għax kollha jidinbu. 13 Id-dnub kien fid-dinja qabel ma kien hemm il-Liġi, imma ħadd ma jistaʼ jiġi kkunsidrat ħati tad-dnub jekk ma jkunx hemm liġi. 14 Il-mewt ikkontrollat lin-nies* minn Adam sa Mosè. Saħansitra kkontrollat lil dawk li ma dinbux bl-istess mod t’Adam, li kien jixbah lil dak li kellu jiġi iktar tard.

15 Ħafna nies mietu minħabba d-dnub taʼ bniedem wieħed, Adam, imma r-rigal t’Alla mhuwiex bħal dan id-dnub. Permezz taʼ dan ir-rigal b’xejn u l-qalb tajba kbira* t’Alla u taʼ bniedem wieħed, Ġesù Kristu, se jibbenefikaw ħafna nies. 16 Il-benefiċċji tar-rigal b’xejn t’Alla mhumiex bħall-konsegwenzi tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Għax id-dnub wassal għal ġudizzju taʼ kundanna, imma r-rigal t’Alla, wara li saru ħafna dnubiet, wassal biex in-nies jiġu kkunsidrati innoċenti. 17 Il-mewt ikkontrollat lin-nies* permezz tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Imma l-qalb tajba kbira t’Alla u r-rigal b’xejn tiegħu biex niġu kkunsidrati ġusti jgħinuna nkunu ċerti li se ngħixu grazzi għal bniedem wieħed, Ġesù Kristu, u mmexxu bħala rejiet.

18 Bħalma dnub wieħed ġab kundanna għan-nies kollha, azzjoni ġusta waħda wasslet biex in-nies kollha jiġu kkunsidrati ġusti u jkunu jistgħu jgħixu. 19 Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, bl-ubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna se jsiru ġusti. 20 Il-Liġi ngħatat biex turi kemm in-nies huma midinbin. Imma hekk kif deher ċar kemm hemm dnubiet, Alla wera ħafna iktar qalb tajba kbira. 21 Id-dnub ikkontrolla lin-nies* u ġab il-mewt, imma l-qalb tajba kbira t’Alla ġġib il-ġustizzja. U din se twassal għall-ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.

6 Ifisser dan li għandna nkomplu nidinbu sabiex Alla juri iktar qalb tajba* magħna? 2 Żgur li le! Ladarba m’għadniex ikkontrollati mid-dnub, ma jkunx xieraq li nkomplu nidinbu. 3 Ma tafux li meta tgħammidna u ngħaqadna maʼ Kristu Ġesù, tgħammidna wkoll fil-mewt tiegħu? 4 Aħna ndfinna miegħu permezz tal-magħmudija tagħna fil-mewt tiegħu. Bħalma Kristu ġie mqajjem għal ħajja ġdida permezz tal-qawwa glorjuża taʼ Missieru, aħna qed ngħixu ħajja ġdida. 5 Għax jekk mitna bħalu, aħna żgur li se nirxoxtaw bħalu, u b’dan il-mod aħna magħqudin miegħu. 6 Aħna nafu li l-personalità l-qadima tagħna ġiet imsammra maz-zokk flimkien miegħu sabiex id-dnub ma jibqax jikkontrollana. B’hekk, m’għandniex nibqgħu lsiera tad-dnub. 7 Għax min miet inħafirlu d-dnub* tiegħu.

8 Aħna mitna maʼ Kristu u nemmnu li se ngħixu wkoll miegħu. 9 Aħna nafu li Kristu ma jistax jerġaʼ jmut, ladarba qam mill-mewt. Għalhekk, il-mewt m’għadhiex tikkontrollah. 10 Hu miet biex ineħħi d-dnub darba għal dejjem, u issa qed jgħix biex jagħmel dak li jrid Alla. 11 Bl-istess mod, ikkunsidraw lilkom infuskom bħala li intom mejtin fejn jidħol id-dnub, imma għixu biex tagħmlu dak li jrid Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.

12 Tħallux id-dnub jikkontrolla* kif tgħixu. Iċċedux għax-xewqat tal-ġisem tagħkom li qed imut. 13 Toffrux il-ġisem tagħkom għad-dnub bħala għodda biex tagħmlu l-ħażin,* imma offru lilkom infuskom lil Alla bħala nies li qiskom ġejtu rxoxtati mill-mewt. Offru ġisimkom lil Alla bħala għodda biex tagħmlu t-tajjeb. 14 Id-dnub m’għandux jikkontrollakom ladarba m’intomx taħt il-Liġi. Intom issa qed tgawdu l-qalb tajba kbira* t’Alla.

15 Ifisser dan li għandna nagħmlu d-dnub minħabba li Alla qed jurina qalb tajba kbira u m’aħniex taħt il-Liġi? Żgur li le! 16 Ma tafux li jekk tagħżlu li tobdu lil xi ħadd bħala lsiera, tkunu qed issiru lsiera tiegħu? Mela, jew tkunu lsiera tad-dnub li jwassal għall-mewt, jew ilsiera tal-ubbidjenza li twassal għall-ġustizzja. 17 Aħna nirringrazzjaw lil Alla li għalkemm darba kontu lsiera tad-dnub, issa qed tobdu minn qalbkom it-tagħlim li rċivejtu. 18 Wara li ġejtu meħlusin mid-dnub, intom sirtu lsiera tal-ġustizzja. 19 Minħabba li intom imperfetti, qed nuża kliem li n-nies jifhmuh. Qabel kontu tħallu x-xewqat tal-ġisem jagħmlukom ilsiera biex tagħmlu dak li hu ħażin u mhux nadif. Issa għandu jkollkom xewqat li jagħmlukom ilsiera taʼ dak li hu ġust u qaddis. 20 Għax meta kontu lsiera tad-dnub, ma kellkomx bżonn tagħmlu dak li hu tajjeb.

21 X’kien ir-riżultat taʼ dak li għamiltu dak iż-żmien? Intom għamiltu affarijiet li issa jġegħlukom tistħu, u dawn l-affarijiet iwasslu għall-mewt. 22 Imma issa li ġejtu meħlusin mid-dnub, agħmlu dak li hu qaddis bħala lsiera t’Alla, u r-riżultat se jkun ħajja taʼ dejjem. 23 Għax id-dnub* iwassal għall-mewt,* imma r-rigal li jagħti Alla hu ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.

7 Ħuti, ma tafux li l-Liġi tikkontrolla lil xi ħadd sakemm idum ħaj? Għax qed nitkellem maʼ dawk li jafu l-Liġi. 2 Pereżempju, mara hi marbuta bil-liġi maʼ żewġha sakemm idum ħaj, imma jekk imut, hi tkun meħlusa.* 3 Jekk hi tiżżewweġ raġel ieħor waqt li żewġha jkun għadu ħaj, hi tkun għamlet adulterju. Imma jekk żewġha jmut, hi tkun meħlusa u ma tkunx għamlet adulterju.

4 Bl-istess mod, ħuti, il-ġisem tal-Kristu ħeliskom mil-Liġi taʼ Mosè. B’hekk tistgħu tkunu taʼ ħaddieħor, jiġifieri taʼ dak li ġie mqajjem mill-mewt. Issa nistgħu nintużaw biex naqdu* lil Alla. 5 Meta konna nagħmlu affarijiet ħżiena, il-Liġi wrietna biċ-ċar li kellna xewqat midinba. Dawn setgħu jwassluna biss għall-mewt. 6 Imma issa nħlisna mil-Liġi, għax m’għadhiex tikkontrollana. Issa naqdu lil* Alla b’mod ġdid, jiġifieri bl-ispirtu, u mhux bil-Liġi kif konna qabel.

7 Allura qed ngħidu li l-Liġi mhix tajba? Żgur li le! Li kieku ma kienx għal-Liġi, ma kontx inkun naf x’inhu dnub. Pereżempju, ma kontx inkun naf li hu ħażin li tkun tixtieq xi ħaġa taʼ ħaddieħor li kieku l-Liġi ma qalitx: “Tixtieqx xi ħaġa li hi taʼ ħaddieħor.”* 8 Imma d-dnub uża dan il-kmandament biex iħajjarni għal kull xewqa egoista. Mingħajr dik il-liġi, id-dnub ma kellux saħħa. 9 Fil-fatt, mingħajr il-Liġi, jien kont ħaj. Imma meta ngħatajna l-Liġi,* jien sirt naf x’inhu d-dnub, u mitt. 10 U l-kmandament li suppost wassalni għall-ħajja, wassalni għall-mewt. 11 Għax id-dnub uża dan il-kmandament biex iqarraq bija u joqtolni. 12 Minkejja dan, il-Liġi hi qaddisa, u l-kmandament hu qaddis, ġust, u tajjeb.

13 Ifisser dan li xi ħaġa tajba spiċċat qatlitni? Żgur li le! Id-dnub kien li qatilni. Il-Liġi hi tajba, imma wriet biċ-ċar li d-dnub kien qed joqtolni. Għalhekk il-kmandament wera kemm id-dnub hu ħażin. 14 Aħna nafu li l-Liġi ġejja mingħand Alla permezz tal-ispirtu tiegħu,* imma l-problema hi li jien imperfett,* ikkontrollat mid-dnub.* 15 Jien ma nafx eżatt għala nagħmel ċerti affarijiet. Għax ma nagħmilx dak li nixtieq, imma dak li nobgħod. 16 Jien naqbel li l-Liġi hi tajba, imma xorta nagħmel dak li ma nixtieqx. 17 Għalhekk mhux jien qed nagħmel dawn l-affarijiet ħżiena, imma d-dnub li għandi fija. 18 Għax naf li m’hemm xejn tajjeb fija, jiġifieri fil-ġisem imperfett tiegħi. Għalkemm nixtieq nagħmel it-tajjeb, ma nistax. 19 Jien ma nagħmilx it-tajjeb li nixtieq, imma l-ħażin li ma nixtieqx. 20 Allura jekk nagħmel dak li ma nixtieqx, mhux jien qed nagħmel dan, imma d-dnub li għandi fija.

21 Fil-każ tiegħi nsib din il-liġi fija: Meta nixtieq nagħmel dak li hu tajjeb, ikolli fija dak li hu ħażin. 22 Jien veru nħobb il-liġi t’Alla, 23 imma fija nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi t’Alla li qiegħda f’moħħi. Din il-liġi hi d-dnub li għandi fija u li tikkontrollani. 24 Kemm jien miskin! Min se jeħlisni mill-ġisem li qed iwassalni għall-mewt? 25 Nirringrazzja lil Alla għax hu jeħlisni permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna! Għalhekk, b’moħħi jien ilsir tal-liġi t’Alla, imma b’laħmi jien ilsir tal-liġi tad-dnub.

8 Għalhekk, dawk li qegħdin maʼ Kristu Ġesù mhumiex ikkundannati. 2 Għax il-liġi tal-ispirtu li jagħti l-ħajja permezz taʼ Kristu Ġesù ħelsitkom mil-liġi tad-dnub u l-mewt. 3 Il-Liġi taʼ Mosè ma setgħetx teħliskom, għax il-bnedmin huma dgħajfin u midinbin.* Alla setaʼ jeħliskom billi jibgħat lil Ibnu stess f’ġisem bħal dak tal-bnedmin midinbin biex ineħħi d-dnub. B’hekk, Alla kkundanna d-dnub tal-bnedmin.* 4 Dan kien biex inkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet ġusti li titlob il-Liġi billi ma nħallux il-ġisem midneb tagħna jikkontrollana, imma nħallu l-ispirtu t’Alla jagħmel dan. 5 Dawk li jagħmlu dak li jrid ġisimhom jaħsbu dwar xewqat ħżiena, imma dawk li jimxu mal-gwida tal-ispirtu qaddis jaħsbu dwar affarijiet* li għandhom x’jaqsmu mal-ispirtu qaddis. 6 Dawk li jiffokaw fuq affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dnub se jirċievu l-mewt, u dawk li jiffokaw fuq affarijiet spiritwali se jirċievu l-ħajja u l-paċi. 7 Dawk li jaħsbu dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dnub isiru l-għedewwa t’Alla, għax il-ġisem midneb ma jridx u ma jistax jobdi l-liġi t’Alla. 8 Dawk li jissodisfaw il-ġisem midneb tagħhom ma jistgħux jogħġbu lil Alla.

9 Madankollu ħuti, intom mhux qed tissodisfaw il-ġisem midneb tagħkom. Jekk Alla jagħtikom l-ispirtu tiegħu, intom se tgħixu fi qbil mal-gwida tal-ispirtu. Jekk xi ħadd m’għandux l-ispirtu taʼ* Kristu, mhuwiex taʼ Kristu. 10 Jekk intom qegħdin maʼ Kristu, għalkemm ġisimkom imut minħabba d-dnub, l-ispirtu jagħtikom il-ħajja minħabba li tiġu kkunsidrati ġusti. 11 L-ispirtu t’Alla qajjem lil Ġesù mill-mewt. Jekk għandkom dan l-ispirtu, Dak li qajjem lil Kristu Ġesù mill-mewt se jagħti l-ħajja wkoll lil ġisimkom li qed imut. Dan se jagħmlu permezz tal-ispirtu tiegħu li qiegħed fikom.

12 Għalhekk ħuti, m’għandniex għalfejn inċedu għax-xewqat taʼ ġisimna. 13 Jekk iċċedu, żgur tmutu. Imma jekk tħallu l-qawwa tal-ispirtu tgħinkom twaqqfu għalkollox* id-drawwiet ħżiena, intom se tgħixu. 14 Għax it-tfal t’Alla huma dawk li jiġu ggwidati mill-ispirtu qaddis tiegħu. 15 Intom ma rċivejtux spirtu li jagħmilkom ilsiera u jġegħelkom terġgħu tgħixu fil-biżaʼ, anzi rċivejtu spirtu li jagħmilkom it-tfal adottati t’Alla. Minħabba dan l-ispirtu, aħna ngħajtu: “Abba,* Missier!” 16 L-ispirtu t’Alla jikkonvinċina* li aħna t-tfal t’Alla. 17 Jekk aħna t-tfal t’Alla, se nirċievu wirt mingħandu u se nirċievu l-wirt maʼ Kristu. Imma l-ewwel irridu nbatu bħal Kristu ħalli nirċievu pożizzjoni għolja bħalu.

18 Għalija, it-tbatija kollha li qed ngħaddu minnha mhi xejn meta mqabbla mal-glorja li se tintwera permezz tagħna. 19 Il-ħolqien kollu qed jistenna bil-ħeġġa ż-żmien meta Alla se juri li t-tfal tiegħu rċivew il-premju tal-għaġeb tagħhom. 20 Għax il-ħolqien ma riedx li jiġi kkundannat għal ħajja mingħajr tama għall-futur, però Alla ppermettieh dan. Imma meta qal x’inhi l-kundanna, hu tana tama. 21 Hu kien jaf li anki l-ħolqien kien se jinħeles mid-dnub u l-mewt, u jkollu l-libertà tal-għaġeb bħala t-tfal t’Alla. 22 Għax aħna nafu li s’issa l-ħolqien kollu kien qed jibki bid-dwejjaq u jbati. 23 Għalkemm aħna diġà rċivejna l-ewwel parti tal-premju, li hu l-ispirtu qaddis,* aħna xorta nħossuna mdejqin waqt li nistennew bil-ħeġġa għal meta niġu adottati għalkollox bħala t-tfal t’Alla. Dak iż-żmien, aħna se ninħelsu għalkollox minn ġisimna permezz tal-fidwa.* 24 Meta ġejna salvati, aħna ngħatajna din it-tama. Imma jekk dak li nittamaw għalih narawh, m’għandniex għalfejn inkomplu nittamaw għalih. Għax kif jistaʼ xi ħadd jittama għal xi ħaġa li jaraha? 25 Imma jekk nittamaw għal xi ħaġa li ma narawhiex, nibqgħu nistennewha bil-ħeġġa u bil-paċenzja.

26 Ukoll, l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna meta nkunu dgħajfin. Aħna nafu li hemm bżonn nitolbu, imma kultant ma nkunux nafu għal xiex għandna nitolbu. Meta nkunu mdejqin imma ma nkunux nafu kif se nesprimu ruħna, l-ispirtu jitlob bil-ħniena għalina. 27 Alla jfittex dak li hemm f’qalbna u jifhem dak li qed jgħid l-ispirtu, għax dan jitlob bil-ħniena għall-qaddisin fi qbil maʼ dak li jrid Alla.

28 Aħna nafu li dak kollu li jagħmel Alla jaħdem id f’id għall-ġid taʼ dawk li jħobbuh, jiġifieri dawk li hu għażel skont l-iskop tiegħu. 29 Għax mill-bidu, hu kien jaf dwar dawk li kien se jagħżel u ddeċieda li kienu se jkunu bħal Ibnu, li hu l-ewwel imwieled fost ħafna aħwa. 30 Imbagħad, hu għajjat lil dawk li għażel u qieshom ġusti. Fl-aħħar, hu gglorifika lil dawk li qieshom ġusti.

31 Allura, x’nistgħu ngħidu dwar dawn l-affarijiet? Jekk Alla qiegħed magħna, min jistaʼ jirbħilna? 32 Hu ma ħelisx lil Ibnu mit-tbatija, imma tah biex imut għalina kollha. Allura sejjer hu ma jagħtiniex ukoll kull ħaġa oħra li għandna bżonn b’qalb tajba? 33 Min jistaʼ jakkuża l-magħżulin t’Alla? Alla hu l-wieħed li jqishom ġusti. 34 Min jistaʼ jikkundannahom? Ħadd. Kristu Ġesù hu dak li miet għalihom u li ġie rxoxtat. Issa hu qiegħed fuq il-lemin t’Alla jitlob bil-ħniena għalina.

35 Hemm xi ħaġa li tistaʼ tisseparana mill-imħabba taʼ Kristu? Nistgħu aħna niġu sseparati mill-imħabba taʼ Kristu minħabba l-problemi, l-inkwiet, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, il-periklu, il-vjolenza, jew għax ma jkollniex x’nilbsu? 36 L-Iskrittura tgħid: “Peress li aħna l-poplu tiegħek, qed niġu maqtulin kuljum; l-għedewwa tagħna jqisuna bħal nagħaġ għall-qatla.” 37 Imma bl-għajnuna* taʼ dak li jħobbna, aħna qed nirbħu f’dawn l-affarijiet kollha. 38 Jien konvint li xejn ma jistaʼ jisseparana mill-imħabba t’Alla, la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li ġejjin, la l-qawwiet, 39 la l-għoli, la l-fond, u lanqas xi ħolqien ieħor. L-ebda ħaġa ma tistaʼ tisseparana mill-imħabba li Alla wriena permezz taʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.

9 Jien dixxiplu taʼ Kristu. Il-kuxjenza tiegħi qed tiġi ggwidata mill-ispirtu qaddis u qed ngħid il-verità. M’iniex nigdeb meta ngħidilkom 2 li f’qalbi għandi dwejjaq kbar u wġigħ kontinwu. 3 Jien nixtieq li nistaʼ nieħu l-kastig minflok ħuti l-Lhud li huma separati mill-Kristu, li kieku dan jgħinhom. 4 Huma Iżraelin u ġew magħżulin biex ikunu adottati bħala t-tfal t’Alla. Alla wriehom il-glorja tiegħu, tahom il-Liġi u l-privileġġ li jaqduh, u għamel magħhom pattijiet u wegħdi. 5 Huma jiġu minn missirijietna, li minnhom ġie l-Kristu bħala bniedem. Jalla Alla, li hu fuq kulħadd, jiġi mfaħħar għal dejjem. Ammen.

6 Minkejja dan, il-wegħda* t’Alla twettqet għax mhux in-nies kollha t’Iżrael huma Iżraelin veri. 7 Il-fatt li huma dixxendenti t’Abraham* ma jfissirx li kollha huma t-tfal tiegħu. Alla qal lil Abraham: “Id-dixxendenti tiegħek se jiġu minn Iżakk.” 8 Dan ifisser li mhux it-tfal kollha t’Abraham huma verament it-tfal t’Alla. Dawk li jitwieldu minħabba l-wegħda huma t-tfal* veri t’Abraham. 9 Għax Alla għamel din il-wegħda: “Jien se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u Sara jkollha iben.” 10 L-istess ġara fil-każ taʼ Rebekka meta ħarġet tqila b’tewmin mill-antenat tagħna Iżakk. 11 Meta kienu għadhom ma twildux u m’għamlu xejn tajjeb jew ħażin, Alla qal minn qabel lil min minnhom kien se jagħżel. Hu jagħżel lil min irid, u dan ma jiddependix fuq dak li tagħmel il-persuna. 12 Għalhekk hu qalilha: “Il-kbir jaqdi liż-żgħir.” 13 Dan jaqbel maʼ dak li tgħid l-Iskrittura: “Jien ħabbejt lil Ġakobb, imma m’aċċettajtx* lil Għesaw.”

14 Allura qed ngħidu li Alla hu inġust? Żgur li le! 15 Għax hu qal lil Mosè: “Jien se nħenn għal min nagħżel u nitħassar lil min nixtieq.” 16 Għalhekk, dan ma jiddependix minn x’tixtieq persuna jew l-isforzi li tagħmel, imma mill-ħniena t’Alla. 17 Għax l-Iskrittura tgħid hekk dwar il-Fargħun: “Jien ħallejtek ħaj biex permezz tiegħek nuri l-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha.” 18 Għalhekk, Alla juri ħniena maʼ min jixtieq, imma min irid iwebbes rasu jħallih iwebbes rasu.

19 Xi wħud forsi jistaqsuni: “Alla għala jibqaʼ jwaħħal fin-nies, ladarba ħadd ma jistaʼ jbiddel dak li jrid hu?” 20 Imma xi dritt għandkom, sempliċi bnedmin, li tikkritikaw lil Alla? Għandha l-ħaġa magħmula tgħid lil min għamilha: “Għala għamiltni hekk?” 21 Dak li jagħmel il-fuħħar għandu d-dritt li mill-istess ċappa tat-tafal jagħmel ġarra li tintuża għal okkażjonijiet speċjali* u oħra li tintuża għal kuljum.* 22 L-istess għamel Alla. Hu ddeċieda li juri r-rabja u l-qawwa tiegħu waqt li jittollera b’paċenzja kbira lil dawk li jirrabjawh u li huma bħal ġarar li ħaqqhom jinqerdu. 23 Hu għamel dan biex juri l-glorja kbira tiegħu lil dawk li se jħenn għalihom u li huma bħal ġarar li ppreparahom biex jingħataw il-premju. 24 Aħna l-uħud li hu għażel* mil-Lhud u anki minn popli oħra. 25 Qed jiġri bħalma qal minn qabel f’Ħosea: “Lil dawk li mhumiex il-poplu tiegħi se nibda ngħidilhom ‘poplu tiegħi,’ u lil dawk* li ma kinux maħbubin se nibda ngħidilhom ‘maħbubin.ʼ 26 Fil-post fejn intqalilhom, ‘M’intomx il-poplu tiegħi,’ se jissejħu ‘t-tfal tal-Alla l-ħaj.’”

27 Hekk qal Isaija b’leħen għoli dwar Iżrael: “Għalkemm l-Iżraelin huma daqs ir-ramel tal-baħar, ftit* biss se jsalvaw. 28 Għax Ġeħova* se jiġġudika l-art malajr u għalkollox.” 29 Ukoll, bħalma qal minn qabel Isaija: “Li kieku Ġeħova* tal-armati ma ħallilniex xi dixxendenti ħajjin,* konna nsiru bħal Sodoma u Gomorra.”

30 Allura x’nistgħu ngħidu? Li nies taʼ popli oħra wrew fidi u qed jitqiesu ġusti, avolja ma kinux qed jipprovaw ikunu ġusti. 31 Imma l-Iżraelin ma rnexxilhomx jgħixu skont il-Liġi,* avolja pprovaw ikunu ġusti bħalma tgħid. 32 Għala? Għax huma pprovaw jobdu l-Liġi b’dak li jagħmlu u mhux billi juru fidi. Huma tfixklu fil-“ġebla taʼ tfixkil.” 33 Dan hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “F’Sijon qed inqiegħed ġebla li tfixkel lin-nies u blata li ġġegħelhom iħossuhom offiżi, imma kull min jafda fiha mhux se jkun iddiżappuntat.”

10 Ħuti, ix-xewqa taʼ qalbi u dak li nitlob bil-ħniena* lil Alla għalih hu biex in-nies tiegħu jsalvaw. 2 Jien xhud li huma qed jipprovaw jaqdu lil Alla b’żelu, imma ma jifhmux verament xi jrid Alla.* 3 Peress li ma jafux x’inhu ġust għal Alla, huma għamlu dak li dehrilhom li hu tajjeb. B’hekk ma żammewx mal-livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb. 4 Permezz taʼ Kristu, il-Liġi spiċċat. Issa kull min juri fidi fih hu kkunsidrat ġust.

5 Mosè kiteb li xi ħadd li jagħmel dak li hu ġust skont il-Liġi se jgħix. 6 Imma dwar dawk li jitqiesu ġusti għax juru fidi, il-Kelma t’Alla tgħid: “Tgħidx f’qalbek, ‘Min se jitlaʼ fis-sema?’ jiġifieri biex iġib lil Kristu, 7 jew ‘Min se jinżel fl-abbiss?’ jiġifieri biex iqajjem lil Kristu mill-mewt.” 8 Imma x’tgħid l-Iskrittura? “Il-messaġġ hu qribek, f’ħalqek u f’qalbek stess.” Dan qed jirreferi għall-“messaġġ” tal-fidi li qed nippritkaw dwaru. 9 Jekk tgħid quddiem oħrajn li Ġesù hu Mulej, u għandek fidi f’qalbek li Alla qajmu mill-mewt, se tiġi salvat. 10 Għax meta wieħed juri fidi mill-qalb, jiġi kkunsidrat ġust. Imma biex jiġi salvat irid jitkellem m’oħrajn dwar dan il-messaġġ.

11 Għax l-Iskrittura tgħid: “Kull min għandu fidi fih mhux se jiġi ddiżappuntat.” 12 Il-Lhud u l-Griegi* huma meqjusin l-istess. Kollha għandhom l-istess Mulej. Hu jgħin b’mod ġeneruż lil dawk kollha li jafdaw fih.* 13 Għax “kull min jitlob lil Ġeħova* għall-għajnuna billi juża ismu, se jiġi salvat.” 14 Imma kif se jitolbuh jekk m’għandhomx fidi fih? U kif se jkollhom fidi fih jekk ma semgħux dwaru? U kif se jisimgħu dwaru jekk ħadd ma jippritkalhom? 15 U kif se jippritkaw jekk ħadd ma jibgħathom? Hu eżatt bħalma tgħid l-Iskrittura: “Kemm huma sbieħ dawk* li jippritkaw l-aħbar tajba!”

16 Iżda mhux kulħadd aċċetta l-aħbar tajba, għax Isaija staqsa: “Ġeħova,* min wera fidi f’dak li semaʼ mingħandna?” 17 Bniedem juri fidi biss wara li jismaʼ, u hu jismaʼ meta xi ħadd jippritkalu dwar Kristu. 18 Imma dwar Iżrael, jien nistaqsi, Kellhom opportunità li jisimgħu? Iva. Fil-fatt l-Iskrittura tgħid: “Ingħatat xhieda lill-art kollha, u l-messaġġ wasal sa truf l-art.” 19 Nistaqsi wkoll, Jaqaw Iżrael ma fehemx? Mosè qal: “Jien se nqanqalkom tgħiru għan-nies li mhumiex poplu; b’poplu stupidu se nġegħelkom tirrabjaw ħafna.” 20 Imbagħad Isaija qal b’kuraġġ: “Dawk li ma kinux qed ifittxuni, sabuni; u dawk li ma kinux qed jistaqsu għalija, saru jafuni.” 21 Imma dwar Iżrael qal: “Il-ġurnata kollha jien ftaħt idejja għal poplu diżubbidjenti u rasu iebsa.”

11 Allura nistaqsi, Warrab Alla lill-poplu tiegħu? Żgur li le! Għax anki jien Iżraeli u niġi minn Abraham, mit-tribù taʼ Benjamin. 2 Alla ma warrabx lill-poplu tiegħu, li għażlu l-ewwel. Ma tafux x’tgħid l-Iskrittura dwar Elija meta talab bil-ħniena lil Alla u akkuża lil Iżrael? Hu qal: 3 “Ġeħova,* huma qatlu lill-profeti tiegħek u kissru l-artali tiegħek. Jien biss baqaʼ u issa qed jipprovaw joqtluni.” 4 Imma Alla kif wieġbu? “Jien għad għandi 7,000 ruħ li ma milux quddiem Bagħal.” 5 Hekk ukoll issa. Hemm grupp żgħir* li għażel minħabba l-qalb tajba kbira tiegħu. 6 Allura la dan sar minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla, ma ntgħażilniex għax ħdimna għal dan; inkella ma tkunx qalb tajba kbira.

7 Allura x’nistgħu ngħidu? Dak li l-Iżraelin vera riedu ma ħaduhx, imma ħaduh biss il-ftit li Alla għażel. Il-bqija ma ridux jisimgħu. 8 Hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Alla ġegħelhom jorqdu fil-fond sal-lum, ħalli għajnejhom ma jarawx u widnejhom ma jisimgħux.” 9 Ukoll, David qal: “Jalla l-mejda* tagħhom issir nassa u nasba ħalli jaqgħu u jiġu kkastigati. 10 Jalla ma jibqgħux jaraw, u jalla daharhom ikun dejjem mgħawweġ bit-toqol li jġorru.”

11 Allura nistaqsi, Meta l-Lhud tfixklu, waqgħu għalkollox? Żgur li le! Imma għax kisru l-Liġi, in-nies taʼ popli oħra jistgħu jiġu salvati, u b’hekk il-Lhud bdew jgħiru. 12 Peress li kisru l-Liġi, ġabu barkiet għad-dinja, u t-tnaqqis tagħhom ġab iktar barkiet għan-nies taʼ popli oħra. Allura, ara kemm se tkun ikbar il-barka meta huma* jinġabru kollha!

13 Issa qed nitkellem magħkom, nies taʼ popli oħra. Peress li jien appostlu tal-popli, jien napprezza ħafna s-servizz li nagħti lil Alla.* 14 Nittama wkoll li b’xi mod inġiegħel lill-poplu tiegħi jgħir għal dak li qed tirċievu intom u b’hekk insalva lil xi wħud minnhom. 15 Il-fatt li tkeċċew għen lil xi wħud fid-dinja biex isiru ħbieb m’Alla. Issa jekk hu jaċċetta xi wħud minnhom* lura, ikun qisu qed iqajjimhom mill-mewt. 16 Iktar minn hekk, jekk il-parti mill-għaġina li tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel prodott hi qaddisa, l-għaġina kollha tkun qaddisa. U jekk l-għeruq taʼ siġra huma qaddisin, il-friegħi huma qaddisin ukoll.

17 Madankollu, xi friegħi ġew imqaċċtin. Imbagħad intom ġejtu mlaqqmin maʼ friegħi oħra avolja kontu friegħi taʼ siġra taż-żebbuġ salvaġġa. Issa intom qed tieħdu min-nutrimenti tal-għeruq tas-siġra taż-żebbuġ. 18 Imma taħsbux li intom aħjar mill-friegħi l-oħra. Jekk taħsbu li intom aħjar ftakru li mhux intom qed iżżommu l-għeruq, imma l-għeruq qed iżommu lilkom. 19 Xi wħud minnkom se jgħidu: “Xi friegħi ġew imqaċċtin biex nitlaqqam jien.” 20 Dan hu veru! Huma ġew imqaċċtin għax ma kellhomx fidi, imma intom tibqgħu f’postkom għax għandkom il-fidi. Għalhekk titkabbrux u oqogħdu attenti. 21 La Alla ma ħelishiex lill-friegħi propja, mhux se jeħlisha lilkom. 22 Tistgħu taraw li Alla jistaʼ jkun kemm qalbu tajba u kemm aħrax. Hu aħrax mal-friegħi li waqgħu minħabba li ma kellhomx fidi, imma Alla jurikom qalb tajba sakemm jibqaʼ jistħoqqilkom il-qalb tajba tiegħu. Inkella jqaċċat lilkom ukoll mis-siġra. 23 U jekk il-Lhud jibdew juru l-fidi, Alla jlaqqamhom lura fis-siġra, għax jistaʼ jagħmel dan. 24 Intom ġejtu maqtugħin mis-siġra taż-żebbuġ salvaġġa u kuntrarju għal dak li jsir is-soltu ġejtu mlaqqmin fis-siġra taż-żebbuġ ikkultivata. Mela kemm hu iktar faċli li l-friegħi propja jiġu mlaqqmin lura fis-siġra taż-żebbuġ tagħhom stess!

25 Ħuti, irridkom tkunu tafu b’dan is-sigriet qaddis, ħalli ma taħsbux li intom għorrief. Infatti, dak li Alla żamm sigriet hu dan: Xi wħud mill-Iżraelin webbsu rashom sakemm inġabru l-magħżulin kollha mill-popli l-oħra, 26 u b’dan il-mod l-Iżraelin kollha se jiġu salvati. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Dak li jsalva* se jiġi minn Sijon u se jneħħi minn Ġakobb* il-ħażen kollu. 27 U dan hu l-patt li se nagħmel magħhom meta naħfrilhom id-dnubiet.” 28 Veru, huma għedewwa tal-aħbar tajba, u dan kien taʼ benefiċċju għalikom. Imma huma ntgħażlu minn Alla, u hu jħobbhom minħabba l-antenati tagħhom. 29 Alla mhux se jiddispjaċih għall-affarijiet li ta u lanqas mhu se jiddispjaċih li għajjat lil ċertu wħud. 30 Għax intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa ntwerejtu ħniena għax il-Lhud m’obdewhx. 31 Issa, huma l-uħud li ma jobdux u Alla wera ħniena magħkom. Imma anki huma jistgħu jintwerew ħniena. 32 Għax Alla ttrattahom bħala priġunieri minħabba d-diżubbidjenza tagħhom sabiex jurihom ħniena.

33 Kemm huma kbar il-barkiet, l-għerf, u l-għarfien t’Alla! Il-ġudizzji tiegħu ma jistgħux jiġu spjegati u dak li jagħmel ma nistgħux nifhmuh! 34 Għax “min jistaʼ jkun jaf il-ħsibijiet taʼ Ġeħova,* u min jistaʼ jagħtih parir?” 35 Jew, “Min ta xi ħaġa lil Alla, biex Alla jkollu jagħtih xi ħaġa lura?” 36 Għax l-affarijiet kollha ġejjin mingħandu, u jeżistu permezz tiegħu u għall-iskop tiegħu. Hu jistħoqqlu li jiġi gglorifikat għal dejjem. Ammen.

12 Ħuti, peress li Alla ħenn għalikom, jien nitlobkom bil-ħniena biex toffru l-ġisem tagħkom bħala sagrifiċċju ħaj, li għandu jkun qaddis u aċċettabbli għal Alla. U hekk kif taqduh, użaw l-abbiltà li taħsbu. 2 Tibqgħux tiġu influwenzati minn din id-dinja.* Minflok, ħallu lil Alla jbiddel il-mod kif taħsbu biex tkunu konvinti minn dak li jrid minnkom, li hu tajjeb, aċċettabbli, u perfett.

3 Minħabba l-qalb tajba kbira* li Alla wera miegħi, ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu importanti ħafna. Imma ħa jkollu ħarsa bbilanċjata tiegħu nnifsu u jiftakar li hu Alla li ta lil kull wieħed minna l-ammont taʼ fidi li għandu. 4 Għax il-ġisem għandu ħafna partijiet, imma mhux kollha jagħmlu l-istess ħaġa. 5 Bl-istess mod, għalkemm qegħdin ħafna, aħna nifformaw ġisem wieħed li qiegħed maʼ Kristu. U għalkemm aħna partijiet differenti tal-ġisem, niddependu minn xulxin. 6 Ilkoll kemm aħna għandna abbiltajiet differenti skont il-qalb tajba kbira li wera magħna Alla. Għalhekk jekk għandna l-abbiltà li nipprofetizzaw, ejja nipprofetizzaw skont il-fidi li għandna; 7 jekk ingħatajna l-abbiltà li naqdu, ejja nagħmlu dan bl-aħjar mod; jekk għandna l-abbiltà li ngħallmu, ejja ngħallmu bl-aħjar mod; 8 jew jekk l-abbiltà tagħna hi li ninkuraġġixxu lill-oħrajn, ejja ħa ninkuraġġuhom; jekk l-abbiltà tagħna hi li naqsmu m’oħrajn, ejja nagħmlu dan b’mod ġeneruż; min imexxi, għandu jagħmel dan bil-ħeġġa;* u min juri ħniena, għandu jagħmel hekk bil-ferħ.

9 L-imħabba tagħkom għal oħrajn għandha tkun sinċiera.* Obogħdu dak li hu ħażin u żommu sod maʼ dak li hu tajjeb. 10 Uru affezzjoni sinċiera lejn xulxin u ħobbu lil xulxin bħal aħwa. Kunu minn taʼ quddiem* biex tirrispettaw lill-oħrajn. 11 Aħdmu iebes;* tkunux għażżenin.* Ħallu l-ispirtu qaddis iħeġġiġkom. Aqdu lil Ġeħova* b’qalbkom kollha. 12 Ħallu t-tama tagħkom tferraħkom. Meta tiffaċċjaw il-problemi, issaportu. Ibqgħu itolbu. 13 Aqsmu milli għandkom man-nies t’Alla* li huma fil-bżonn. Aħsbu kif tistgħu turu ospitalità. 14 Bierku* lil dawk li jippersegwitawkom; birkuhom u tisħtuhomx. 15 Ifirħu maʼ dawk li huma ferħanin; ibku maʼ dawk li jibku. 16 Aħsbu f’oħrajn bl-istess mod kif taħsbu fikom infuskom. Taħsbux li intom xi ħaġa, imma kunu umli. Taħsbux li intom iktar intelliġenti* minn kulħadd.

17 Meta xi ħadd jagħmlilkom xi ħaġa ħażina, tpattuhilux.* Agħmlu dak li hu tajjeb waqt li żżommu f’moħħkom x’jaħsbu li hu tajjeb in-nies kollha. 18 Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi maʼ kulħadd. 19 Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma ħallu lil Alla juri r-rabja għall-affarijiet ħżiena li qed isiru. Għax l-Iskrittura tgħid: “Il-vendetta hi tiegħi. Jien se nagħti l-kastig xieraq,” jgħid Ġeħova.”* 20 Imma “jekk l-għadu tiegħek hu bil-ġuħ, agħtih x’jiekol; jekk hu bil-għatx, agħtih x’jixrob. Għax jekk tagħmel hekk tkun qed tiġbor ġamar fuq rasu.”* 21 Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

13 Aħna għandna nobdu lil dawk li qegħdin fl-awtorità.* M’hemm ebda awtorità jekk ma jippermettihiex Alla. L-awtoritajiet li hawn bħalissa ngħataw il-pożizzjoni li għandhom minn Alla. 2 Għalhekk, kull min jopponi l-awtorità jkun qed jiħodha kontra l-arranġament t’Alla. Min jagħmel hekk se jiġi ġġudikat.* 3 In-nies tajbin ma jibżgħux mill-mexxejja imma l-ħżiena iva. M’għandekx għalfejn tibżaʼ mill-awtoritajiet. Jekk tagħmel dak li hu tajjeb, se jfaħħruk. 4 Huma l-qaddejja* t’Alla biex tibbenefika minnhom int. Imma għandek tibżaʼ jekk tagħmel xi ħaġa ħażina, għax huma għandhom id-dritt u l-awtorità li jikkastigaw lil* dawk li jagħmlu l-ħażin. Huma jaqdu lil Alla billi jikkastigaw lil min jagħmel il-ħażin.

5 Hemm raġunijiet tajbin biex tobdu, mhux biss biex tevitaw ir-rabja tagħhom imma wkoll biex ikollkom kuxjenza tajba. 6 Huwa għalhekk li tħallsu t-taxxi, għax Alla juża l-awtoritajiet biex jaqdu lin-nies il-ħin kollu. 7 Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu: agħtu t-taxxa lil min jitlob it-taxxa; id-dazju lil min jitlob id-dazju; ir-rispett lil min jitlob ir-rispett; u l-unur lil min jitlob l-unur.

8 Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin. Għax min iħobb lil ħaddieħor ikun qed jagħmel dak li tgħid il-Liġi. 9 Għax il-Liġi, li tinkludi l-kmandamenti, “Tagħmilx adulterju, toqtolx, tisraqx, tixtieqx l-affarijiet taʼ ħaddieħor,” u l-kmandamenti l-oħrajn kollha, hi miġbura f’dan il-kmand: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” 10 Min iħobb ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn. Permezz taʼ din l-imħabba, ikun qed jagħmel dak li tgħid il-Liġi.

11 Intom għandkom tagħmlu dan, għax tafu li wasal iż-żmien biex tqumu mill-irqad. Iż-żmien li niġu salvati hu eqreb minn meta sirna dixxipli. 12 Il-lejl kważi għadda; dalwaqt se jisbaħ. Għalhekk, għandna nieqfu nagħmlu dak li għandu x’jaqsam mad-dlam u nilbsu l-armatura li tintuża fid-dawl. 13 Ejja naġixxu b’mod xieraq,* bħalma jagħmlu n-nies fid-dawl tal-ġurnata. Aħna m’għandniex nixxalaw,* niskru, nagħmlu affarijiet immorali, inġibu ruħna b’mod ħażin bla mistħija,* niġġieldu, jew ngħiru. 14 Minflok, imitaw bl-aħjar mod l-eżempju tal-Mulej Ġesù Kristu, u tippjanawx minn qabel biex tissodisfaw xewqat midinba.

14 Ilqaʼ lil min għandu fidi dgħajfa u tiġġudikax lil dawk li għandhom opinjoni differenti minn tiegħek.* 2 Hemm min għandu fidi soda u jiekol kull tip t’ikel, imma min għandu fidi dgħajfa jiekol ħaxix biss. 3 Min jiekol kull tip t’ikel m’għandux ikollu ħarsa negattiva lejn dak li ma jikolx kollox, u min ma jikolx kull tip t’ikel m’għandux jiġġudika lil dak li jiekol kollox, għax Alla aċċettah.* 4 Min int biex tiġġudika l-qaddej taʼ ħaddieħor? Sidu stess jiddeċiedi jekk hux tajjeb jew ħażin.* Bl-għajnuna taʼ Ġeħova,* dan jistaʼ jirnexxi.*

5 Xi wħud jaħsbu li ġurnata hi aħjar minn oħra; oħrajn jaħsbu li kull ġurnata hi l-istess bħall-oħrajn. Kull persuna għandha tkun konvinta li dak li temmen hu tajjeb. 6 Dawk li jqisu ġurnata iktar importanti minn oħra jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova.* Dawk li jieklu kull tip t’ikel jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova,* għax huma jirringrazzjawh għall-ikel. U dawk li ma jiklux, jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova,* u anki dawn jirringrazzjawh. 7 Ħadd minna ma jgħix għalih biss, u ħadd minna ma jmut għalih biss. 8 Għax jekk ngħixu, ngħixu għal Ġeħova,* u jekk immutu, immutu għal Ġeħova.* Għalhekk, kemm jekk ngħixu jew immutu, aħna taʼ Ġeħova.* 9 Fil-fatt, kien għalhekk li Kristu miet u reġaʼ qam, ħalli jkollu awtorità* kemm fuq il-mejtin u kemm fuq il-ħajjin.

10 Imma għala tiġġudika* lil ħuk? Jew għala għandek ħarsa negattiva tiegħu? Kollha se nidhru quddiem Alla, u hu se jiġġudikana.* 11 Għax l-Iskrittura tgħid: “‘Daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova,* ‘kulħadd se jmil quddiemi u kulħadd se jkollu jsir jaf* li jien Alla.’” 12 Għalhekk, kull wieħed minna se jkollu jagħti kont lil Alla.

13 Mela tibqgħux tiġġudikaw lil xulxin. Minflok kunu determinati li qatt ma tagħmlu xi ħaġa li ddgħajjef il-fidi taʼ ħukom jew tfixklu.* 14 Permezz tal-Mulej Ġesù, jien konvint li l-ebda ħaġa li nieklu mhi mniġġsa. Imma meta persuna taħseb li xi ħaġa hi mniġġsa, ikun ħażin li tikolha. 15 Jekk ħuk iħossu offiż minħabba l-ikel li tiekol, ma tkunx qed turi mħabba. Kristu miet għalih, allura tirrovinax* il-fidi tiegħu b’dak li tiekol. 16 Tagħmilx affarijiet li għalik jidhru tajbin imma li jistgħu jġiegħlu n-nies jitkellmu negattiv dwarek. 17 Li nidħlu fis-Saltna t’Alla ma jiddependix minn dak li nieklu u nixorbu, imma jiddependi mill-ġustizzja, il-paċi, u l-ferħ li jiġu mill-ispirtu qaddis. 18 Kull min jaqdi lil* Kristu u għandu dawn il-kwalitajiet, Alla se jaċċettah u n-nies se japprovawh.

19 Għalhekk, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inżommu l-paċi u nsaħħu lil xulxin. 20 Tibqax teqred dak li qed jagħmel Alla sempliċement minħabba l-ikel. Vera, kull ikel hu aċċettabbli,* imma jkun ħażin li tiekol xi ħaġa jekk dan se jfixkel lil ħaddieħor.* 21 Ikun aħjar li ma tikolx laħam, ma tixrobx inbid, jew ma tagħmel xejn li jfixkel lil ħuk.* 22 Dak li temmen fuq affarijiet bħal dawn hu bejnek u bejn Alla. Int se tkun ferħan meta ma tħossokx ħati talli għamilt dak li tħoss li hu tajjeb. 23 Imma jekk persuna għandha d-dubji dwar dak li tistaʼ tiekol, diġà hi ħatja* jekk tiekol minnu, għax dan mhux ibbażat fuq il-fidi. Kull ħaġa li nagħmlu li ma tkunx ibbażata fuq il-fidi hi dnub.

15 Dawk minna li għandhom fidi soda jridu jżommu f’moħħhom id-dgħufijiet taʼ dawk li l-fidi tagħhom mhix soda. M’għandniex nagħmlu biss dak li jogħġob lilna. 2 Kull wieħed minna għandu jipprova jogħġob u jagħmel dak li hu tajjeb għal ħaddieħor biex isaħħu. 3 Lanqas il-Kristu m’għamel affarijiet li jogħġbu lilu. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “It-tmaqdir taʼ dawk li jmaqdru lilek ġie fuqi.” 4 Għax dak kollu li nkiteb żmien twil ilu fl-Iskrittura, inkiteb biex jgħallimna, u aħna għandna tama minħabba li nissaportu u nirċievu inkuraġġiment mill-Iskrittura. 5 Jalla Alla jgħinkom tissaportu u jinkuraġġikom biex ikollkom l-istess attitudni li kellu Kristu Ġesù. 6 B’dan il-mod tkunu magħqudin biex tigglorifikaw lil Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.

7 Għalhekk, aċċettaw* lil xulxin bħalma l-Kristu aċċetta lilkom. Dan iġib glorja lil Alla. 8 Ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-Lhud* biex juri li dak li jgħid Alla hu veru u li l-wegħdi li għamel lil missirijiethom huma taʼ min joqgħod fuqhom. 9 Dan sar ukoll biex il-popli jkunu jistgħu jfaħħru lil Alla għall-ħniena li wera magħhom. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Jien se nfaħħrek fost il-popli u lil ismek se nfaħħru bil-kant.” 10 L-Iskrittura tgħid ukoll: “Nies taʼ popli oħra, ifirħu mal-poplu tiegħu.” 11 U jerġaʼ tgħid: “Faħħru lil Ġeħova,* ġnus kollha, u ħa jfaħħruh il-popli kollha.” 12 Ukoll, Isaija qal: “Se jiġi xi ħadd mill-familja* taʼ Ġesse u se jmexxi fuq ħafna popli. Huma se jistennewh bil-ħeġġa biex jagħmel affarijiet tajbin.” 13 Jalla l-Alla li jagħti t-tama jagħtikom ħafna ferħ u paċi hekk kif tafdawh, biex bil-qawwa tal-ispirtu qaddis tkunu tistgħu tittamaw b’qalbkom kollha.

14 Ħuti, jien konvint li intom lesti biex tagħmlu affarijiet tajbin, li għandkom l-għarfien, u li kapaċi tgħallmu* lil xulxin. 15 Madankollu, qed niktbilkom ċar u tond dwar xi punti bħala tfakkira. Qed infakkarkom dwarhom għax Alla wrieni qalb tajba kbira. 16 Dan għamlu sabiex inkun qaddej taʼ Kristu Ġesù u nxandar l-aħbar tajba lill-popli kollha. Dan ix-xogħol hu qaddis u qed nagħmlu biex Alla jaċċetta lin-nies taʼ dawn il-popli bħala sagrifiċċju li sar qaddis permezz tal-ispirtu qaddis.

17 Jien ferħan għax jien dixxiplu taʼ Kristu Ġesù u qed nagħmel ix-xogħol t’Alla. 18 Mhux se nitkellem dwar dak li għamilt jien, imma se nitkellem biss dwar dak li għamel Kristu u li qal permezz tiegħi biex ngħin lil nies taʼ popli oħra jobduh. 19 Huma obdewh minħabba l-mirakli kbar u l-affarijiet tal-għaġeb li saru permezz tal-ispirtu t’Alla. B’dan il-mod, jien ippritkajt l-aħbar tajba fid-dettall dwar il-Kristu minn Ġerusalemm sal-Illirja. 20 Il-mira tiegħi kienet li ma nxandarx l-aħbar tajba fejn kienu diġà semgħu dwar Kristu, ħalli ma nkomplix ix-xogħol li beda xi ħadd ieħor.* 21 Hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Dawk li ma ntqalilhomx dwaru se jsiru jafu, u dawk li ma semgħux se jifhmu.”

22 Hu għalhekk li ħafna drabi ma stajtx niġi għandkom. 23 Imma issa ppritkajt fil-postijiet kollha taʼ dawn ir-reġjuni, u ilni ħafna* snin nixtieq niġi narakom. 24 Għalhekk qed nittama li narakom jien u sejjer Spanja. Wara li nkun gawdejt il-kumpanija tagħkom għal xi żmien, nittama li tagħmlu parti mill-vjaġġ miegħi lejn Spanja. 25 Imma issa sejjer Ġerusalemm biex ngħin lill-aħwa* t’hemm. 26 Għax l-aħwa fil-Maċedonja u l-Akaja taw minn qalbhom minn dak li kellhom sabiex jgħinu lill-foqra fost il-poplu t’Alla* f’Ġerusalemm. 27 Dawn l-aħwa għamlu dan minn qalbhom għax ħassewhom obbligati lejn il-Lhud f’Ġerusalemm peress li kienu qasmu magħhom affarijiet spiritwali. Għalhekk issa dawn l-aħwa se jgħinuhom billi jagħtuhom affarijiet materjali. 28 Wara li nagħtihom din il-kontribuzzjoni, narakom jien u sejjer lejn Spanja. 29 Iktar minn hekk, naf li meta niġi għandkom, se nġibilkom barka kbira mingħand Kristu.

30 Ħuti, ninkuraġġikom biex flimkien miegħi, titolbu lil Alla bil-ħeġġa għalija permezz tal-fidi li għandna fil-Mulej Ġesù Kristu u l-imħabba li tiġi mill-ispirtu qaddis. 31 Itolbu li ninħeles minn dawk fil-Lhudija li ma jemmnux u li n-nies t’Alla f’Ġerusalemm jilqgħu din il-kontribuzzjoni b’mod tajjeb. 32 Imbagħad, jekk Alla jrid, niġi għandkom ferħan u ninkuraġġixxu lil xulxin. 33 Jalla l-Alla li jagħti l-paċi jkun magħkom ilkoll. Ammen.

16 Inħeġġiġkom tilqgħu* lil oħtna Febe, li qed taqdi fil-kongregazzjoni taʼ Kenkre. 2 Jekk jogħġobkom, ilqgħuha b’mod li jixraq lill-qaddisin, għax hi għandha fidi fil-Mulej. Agħtuha kull għajnuna li għandha bżonn, għax hi ddefendiet lil ħafna, inkluż lili.

3 Selluli għal Priska u għal Akwila, li ħadmu miegħi fix-xogħol taʼ Kristu Ġesù. 4 Huma rriskjaw ħajjithom għalija. Jien u l-kongregazzjonijiet kollha li mhumiex Lhud napprezzaw dak li għamlu. 5 Selluli wkoll għall-kongregazzjoni li tiltaqaʼ fid-dar tagħhom. Selluli għall-għażiż Epenetu, li hu fost l-ewwel uħud li saru dixxipli taʼ Kristu fl-Asja. 6 Selluli għal Marija, li ħadmet ħafna għalikom. 7 Selluli għal Androniku u Ġunja, li jiġu minni u kienu l-ħabs miegħi. Dawn l-irġiel għandhom reputazzjoni tajba mal-appostli u ilhom dixxipli taʼ Kristu iktar minni.

8 Selluli għall-ħabib kbir tiegħi Amplijatu, li hu dixxiplu tal-Mulej ukoll. 9 Selluli għal Urbanu, li ħadem magħna fix-xogħol taʼ Kristu, u għall-ħabib kbir tiegħi Staki. 10 Selluli għal Apelle, qaddej approvat taʼ Kristu. Selluli għal dawk tad-dar t’Aristobulu. 11 Selluli għal Erodjon, li jiġi minni. Selluli wkoll għal dawk mid-dar taʼ Narċissu li huma dixxipli tal-Mulej. 12 Selluli għal Trifena u Trifosa, nisa li qed jaħdmu iebes għall-Mulej. Selluli għall-għażiża oħtna Persi, għax hi ħadmet iebes għall-Mulej. 13 Selluli għal Rufu, li ġie magħżul mill-Mulej, u għal ommu li kienet qisha ommi wkoll. 14 Selluli għal Asinkretu, Flegon, Erme, Patroba, Erma, u għall-aħwa li hemm magħhom. 15 Selluli għal Filologu u Ġulja, Nerija u oħtu, Olimpa, u għan-nies t’Alla* kollha li qegħdin magħhom. 16 Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.* Il-kongregazzjonijiet kollha taʼ Kristu jsellu għalikom.

17 Issa nħeġġiġkom ħuti, biex toqogħdu attenti għal dawk li qed joħolqu l-firdiet u jfixklu l-fidi t’oħrajn, u b’hekk qed imorru kontra t-tagħlim li tgħallimtu. Żommu ’l bogħod minnhom. 18 Għax dawn l-irġiel mhumiex ilsiera taʼ Kristu l-Mulej tagħna, imma tax-xewqat tagħhom* stess. Huma jqarrqu bin-nies bi kliemhom u billi jfaħħruhom biex jingħoġbu. 19 Imma kulħadd jaf li intom ubbidjenti, u dan jagħmilni ferħan ħafna. Nixtieqkom tkunu għorrief u tagħmlu dak li hu tajjeb, imma fejn jidħlu affarijiet ħżiena tkunu innoċenti. 20 L-Alla li jagħti l-paċi dalwaqt se jgħaffeġ lil Satana taħt saqajkom. Jalla l-Mulej tagħna Ġesù jurikom il-qalb tajba kbira tiegħu.

21 Timotju, li jaħdem miegħi, sella għalikom. Sellew għalikom ukoll Luċju, Ġason, u Sosipater, li jiġu minni.

22 Jien, Terzju, li ktibt din l-ittra, inselli għalikom bħala dixxiplu tal-Mulej.

23 Sella għalikom ukoll Gaju, li laqagħni għandu u li jilqaʼ l-kongregazzjoni kollha f’daru. Anki Erastu, li jieħu ħsieb il-finanzi* tal-belt, u ħuh Kwartu sellew għalikom. 24*——

25 Alla jistaʼ jsaħħaħkom permezz tal-aħbar tajba li qed inxandar u permezz tal-ippritkar dwar Ġesù Kristu. Din l-aħbar tajba hi fi qbil mas-sigriet qaddis li Alla wera u li kien moħbi għal żmien twil. 26 Imma issa dan is-sigriet intwera lilna. Permezz tal-profeziji tal-Iskrittura, il-popli kollha tgħallmu dwaru. Dan hu fi qbil mal-kmand t’Alla li jgħix għal dejjem. Hu jixtieq li l-popli kollha jemmnu fih u jobduh. 27 Alla, li hu l-iktar għaref, jistħoqqlu l-glorja għal dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu. Ammen.

Jew “min-nisel taʼ; li ġie minn.”

Jew “qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “imsejħin.”

Letteralment “bl-ispirtu tiegħi.”

Letteralment “il-barbari.”

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Letteralment “iddallmet.”

Jew “li jitkaxkru.”

Jew “naturali.”

Letteralment “fi qbil mal-verità.”

Letteralment “jissaportu f’li.”

Jew “jiġġieldu.”

Jew “ruħ.”

F’dan il-vers u taʼ warajh din tirreferi għan-nies kollha li mhux Lhud.

Jew “in-nies tal-popli.”

Jew “in-nies tad-dinja.”

Letteralment “jidgħu b’isem.”

Jew “bid-dikjarazzjonijiet qaddisa.”

Jew “qed nagħmel id-dnub?”

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Letteralment “Ma jibżgħux minn.”

Jew “jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “b’qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Alla ta lil Ġesù bħala offerta propizjatorja biex.”

Jew “neliminaw il-Liġi.”

Ara App. A5.

Jew “qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bħala dejn.”

Jew “li jagħmel id-dnub.”

Jew “ġew mgħottijin.”

Ara App. A5.

Jew “sinjal; siġill.”

Jew “nislu; dawk li jiġu minnu.”

Jew “jirrabja lil Alla.”

Jew “ħalli din tkun skont il-qalb tajba kbira.”

Jew “In-nisel t’Abraham; Dawk li jiġu minn Abraham.”

Jew “nislek; dawk li jiġu minnek.”

Jew “ingawdu l-qalb tajba kbira tiegħu.”

Jew “nagħmlu d-dnub.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment ”‏saltnet.”‏

Jew ”‏il-qalb tajba mhix mistħoqqa.”‏ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “saltnet.”

Letteralment “saltan.”

Jew ”‏qalb tajba mhix mistħoqqa.”‏ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “inħeles mid-dnub.”

Letteralment “isaltan fuq.”

Letteralment “armi tal-inġustizzja.”

Jew ”‏il-qalb tajba mhix mistħoqqa.”‏ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Għax il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt.”

Letteralment “meħlusa mil-liġi taʼ żewġha.”

Letteralment “nagħtu l-frott.”

Jew “ilsiera taʼ.”

Jew “Tixxennaqx b’għira.”

Jew “il-kmandament.”

Letteralment “hi spiritwali.”

Letteralment “tal-laħam.”

L-espressjoni Griega tirreferi għal xi ħadd li jiġi mibjugħ għad-dnub.

Jew “jagħmlu d-dnub.”

Letteralment “id-dnub fil-laħam.”

Jew “moħħhom f’affarijiet.”

Jew “ma jaħsibx bħal.”

Letteralment “tmewtu.”

Kelma bl-Ebrajk jew bl-Aramajk li tfisser “O Missier!”

Letteralment “jixhed mal-ispirtu tagħna.”

Letteralment “aħna għandna l-ewwel frott tal-ispirtu.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bil-qawwa.”

Letteralment “il-kelma.”

Jew “in-nisel t’Abraham; jiġu minn Abraham.”

Jew “in-nisel.”

Letteralment “bgħadt.”

Jew “għal użu onorabbli.”

Jew “għal użu mhux onorabbli.”

Letteralment “għajjat.”

Letteralment “dik.”

Letteralment “il-fdal.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “nisel ħaj; uħud li jiġu minna ħajjin.”

Jew “il-liġi tal-ġustizzja.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “imma mhux skont l-għarfien eżatt.”

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Jew “jgħajtulu b’ismu.”

Ara App. A5.

Jew “saqajn dawk.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “fdal.”

Jew “il-festa.”

Jew “il-Lhud u n-nies tal-popli l-oħra.”

Jew “nigglorifika l-ministeru tiegħi.”

Jew “xi Lhud.”

Jew “jeħles.”

Jiġifieri l-Iżraelin.

Ara App. A5.

Jew “Tibqgħux magħġunin skont din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “bir-reqqa.”

Letteralment “mingħajr ipokrisija.”

Jew “Ħudu l-inizjattiva.”

Jew “Kunu żelużi.”

Jew “Titnikkrux f’xogħolkom.”

Ara App. A5.

Letteralment “mal-qaddisin.”

Jew “Ixtiequ l-ġid.”

Jew “għorrief.”

Jew “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.”

Ara App. A5.

Jiġifieri trattablu qalbu bħalma n-nar idewweb il-metall.

Jew “l-awtoritajiet superjuri,” jiġifieri l-gvernijiet.

Jew “ikkundannat; ikkastigat.”

Jew “il-ministri.”

Jew “juru r-rabja maʼ.”

Jew “diċenti.”

Jew “nagħmlu parties bla kontroll.”

Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”

Jew forsi “li għandhom id-dubji f’qalbhom.”

Jew “laqgħu.”

Letteralment “jekk iżommx wieqaf jew jaqax.”

Ara App. A5.

Letteralment “Ġeħova jistaʼ jżommu wieqaf.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “ikun Mulej.”

Jew “tikkundanna.”

Letteralment “Ilkoll se nidhru quddiem it-tron tal-ġudizzju t’Alla.”

Ara App. A5.

Jew “jgħid pubblikament.”

Jew “li quddiem ħukom ma tpoġġu xejn li jistaʼ jfixklu jew iwaqqgħu.”

Jew “teqridx.”

Jew “ikun ilsir taʼ.”

Letteralment “kollox hu nadif.”

Jew “idgħajjef il-fidi taʼ ħaddieħor.”

Jew “idgħajjef il-fidi taʼ ħuk.”

Jew “ikkundannata.”

Jew “ilqgħu.”

Letteralment “taʼ dawk ċirkonċiżi.”

Ara App. A5.

Letteralment “mill-għerq.”

Jew “twiddbu.”

Letteralment “ma nibnix fuq il-pedament taʼ xi ħadd ieħor.”

Jew forsi “xi.”

Letteralment “lill-qaddisin.”

Letteralment “il-qaddisin.”

Jew “Nintroduċilkom.”

Letteralment “għall-qaddisin.”

Letteralment “b’bewsa qaddisa.”

Jew “taʼ żaqqhom.”

Jew “il-prokuratur.”

Ara App. A3.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja