L-EWWEL ITTRA LILL-KORINTIN
1 Din l-ittra hi mingħandi, Pawlu, li ġejt magħżul minn Kristu Ġesù bħala appostlu skont dak li jrid Alla. Miegħi hawn ħuna Sostene. 2 Qed nikteb din l-ittra lilkom, il-kongregazzjoni t’Alla f’Korintu, li Alla għamilkom qaddisin bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Intom ġejtu magħżulin biex tkunu qaddisin flimkien maʼ dawk kollha li jafdaw f’isem* il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Hu l-Mulej tagħhom u tagħna.
3 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
4 Jien dejjem nirringrazzja lil Alla għall-qalb tajba kbira li wera magħkom bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 5 Intom ġejtu mberkin ħafna peress li qegħdin miegħu. Hu għalhekk li intom kapaċi tippritkaw b’mod tajjeb il-messaġġ t’Alla u tafu sew il-verità. 6 Għalhekk, intom emmintu għalkollox il-messaġġ dwar il-Kristu. 7 Waqt li qed tistennew bil-ħeġġa lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu biex juri l-qawwa tiegħu, Alla jagħtikom kulma għandkom bżonn. 8 Ukoll, hu se jissodakom sat-tmiem, ħalli fil-jum li jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, ħadd ma jakkużakom li għamiltu xi ħaġa ħażina. 9 Alla hu leali, u hu għażilkom biex tkunu* maʼ Ibnu Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.
10 Ħuti, inħeġġiġkom f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu biex taqblu f’dak li tgħidu. M’għandux ikun hemm firdiet fostkom. Minflok, għandkom tkunu magħqudin b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed. 11 Ħuti, xi wħud mid-dar taʼ Kloe qaluli li qed targumentaw bejnietkom. 12 Li rrid ngħid hu li wħud minnkom qed jgħidu: “Jien taʼ Pawlu.” Oħrajn qed jgħidu: “Jien t’Apollo.” Jerġaʼ oħrajn qed jgħidu: “Jien taʼ Kefa.”* Imma oħrajn qed jgħidu: “Jien taʼ Kristu.” 13 Ifisser dan li hemm firda fil-kongregazzjoni taʼ Kristu?* Jien, Pawlu, ma ġejtx maqtul fuq zokk għalikom, hux hekk? U intom ma tgħammidtux f’ismi, hux hekk? 14 Jien nirringrazzja lil Alla li m’għammidt lil ħadd minnkom ħlief lil Krispu u Gaju, 15 ħalli ħadd minnkom ma jgħid li tgħammed f’ismi. 16 Ukoll, jien għammidt lil dawk tad-dar taʼ Stefanas. Ma niftakarx jekk għammidtx lil xi ħadd ieħor. 17 Għax Kristu ma bagħatnix biex ngħammed, imma biex inxandar l-aħbar tajba. U jien ma qgħadtx nitkellem b’ħafna għerf, għax inkella l-mewt taʼ Kristu fuq iz-zokk tat-tortura* tkun għalxejn.
18 Il-messaġġ dwar il-mewt taʼ Kristu fuq iz-zokk tat-tortura* hu bla sens għal dawk li qed jinqerdu, imma għalina li qed niġu salvati juri kemm hu b’saħħtu Alla. 19 Għax l-Iskrittura tgħid: “Jien se nneħħi l-għerf tal-għorrief, u se nirrifjuta* l-intelliġenza taʼ dawk li huma intelliġenti.” 20 X’nistgħu ngħidu dwar l-għaref, dwar dak li jaf il-liġi sew,* jew dwar l-istudjuż taʼ din id-dinja?* Alla għamel l-għerf taʼ din id-dinja jidher bħala bluha. 21 Għax in-nies tad-dinja jafdaw fl-għerf tagħhom stess, u għalhekk ma sarux jafu lil Alla. Dak li nippritkaw hu bla sens għal oħrajn, imma permezz taʼ dan il-messaġġ, Alla qed isalva lil dawk li jemmnu. B’dan il-mod qed juri l-għerf li għandu.
22 Il-Lhud jitolbu għal mirakli u l-Griegi* jfittxu l-għerf, 23 imma aħna nippritkaw li Kristu miet fuq iz-zokk. Għal-Lhud dan il-messaġġ hu taʼ tfixkil, u għal dawk li mhumiex Lhud dan jinstemaʼ bla sens. 24 Imma għal-Lhud u l-Griegi* li ntgħażlu minn Alla, Kristu juri l-qawwa u l-għerf t’Alla. 25 In-nies jistgħu jqisu l-affarijiet t’Alla bla sens u dgħajfin, imma dawn l-affarijiet huma iktar għorrief u b’saħħithom minnhom.
26 Ħuti, intom tistgħu taraw x’tip taʼ nies għażel Alla. Mill-ħarsa tal-bniedem ħafna minnhom mhumiex għorrief, m’għandhomx pożizzjoni għolja, u mhumiex minn familji importanti. 27 Alla għażel lil dawk li d-dinja tqishom boloh biex iġiegħel lill-għorrief jistħu; u Alla għażel lil dawk li d-dinja tqishom dgħajfin biex iġiegħel lil dawk b’saħħithom jistħu; 28 u Alla għażel lil dawk* li d-dinja tmaqdarhom u tqishom mhux importanti, jiġifieri lil dawk li tqishom ma jiswew għal xejn, biex iġib fix-xejn lil dawk li jidhru importanti. 29 Alla għamel hekk ħalli ħadd ma jiftaħar quddiemu. 30 Imma hu permezz tiegħu li intom qegħdin maʼ Kristu Ġesù, li wriena l-għerf mingħand Alla. Permezz taʼ Kristu, Alla jagħmilna ġusti u qaddisin, u ħelisna permezz tal-fidwa.* 31 B’hekk ikun bħalma tgħid l-Iskrittura: “Min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”*
2 Għalhekk ħuti, meta ġejt inxandrilkom is-sigriet qaddis t’Alla m’użajtx kliem impressjonanti u ma ppruvajtx ninstemaʼ għaref. 2 Iddeċidejt li ma nkellimkom* dwar xejn ħlief dwar Ġesù Kristu u l-mewt tiegħu fuq iz-zokk. 3 Meta ġejt għandkom, jien kont dgħajjef u nitriegħed bil-biżaʼ. 4 Meta ppritkajt ma qgħadtx nuża kliem konvinċenti li juri kemm jien għaref. Minflok, kliemi wera l-qawwa tal-ispirtu qaddis t’Alla. 5 Jien għamilt hekk ħalli intom tafdaw fil-qawwa t’Alla u mhux fl-għerf tal-bniedem.
6 Imma aħna nitkellmu dwar l-għerf maʼ dawk li huma maturi. Dan mhuwiex l-għerf taʼ din id-dinja* jew tal-mexxejja tagħha, li għad jiġu fix-xejn. 7 Aħna nitkellmu dwar l-għerf t’Alla li hu moħbi f’sigriet qaddis. Żmien twil ilu,* Alla ddeċieda biex jaġixxi fi qbil mal-għerf tiegħu għall-glorja tagħna. 8 Ħadd mill-mexxejja taʼ din id-dinja* ma sar jaf dwar dan l-għerf, għax kieku kienu jafu dwaru ma kinux joqtlu* lill-Mulej glorjuż tagħna. 9 Imma bħalma tgħid l-Iskrittura: “Ħadd ma ra, ħadd ma semaʼ, u ħadd ma immaġina dak li Alla pprepara għal dawk li jħobbuh.” 10 Imma Alla wriena dawn l-affarijiet permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. L-ispirtu juri l-affarijiet kollha, saħansitra l-għarfien moħbi* t’Alla.
11 M’hemm ħadd li jistaʼ jkun jaf x’qed jaħseb bniedem ieħor. Hu jistaʼ jkun jaf biss dak li hemm f’qalbu* stess. Bl-istess mod, ħadd ma jistaʼ jkun jaf il-ħsibijiet t’Alla jekk mhux permezz tal-ispirtu qaddis t’Alla. 12 Aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li jiġi mingħand Alla, ħalli nkunu nistgħu nifhmu l-affarijiet li Alla għallimna b’qalb tajba. 13 Aħna nitkellmu dwar dawn l-affarijiet ukoll, imma mhux bi kliem li tgħallimna mill-għerf tal-bniedem. Aħna nużaw il-kliem li nirċievu permezz tal-ispirtu qaddis biex nispjegaw veritajiet spiritwali.
14 Imma persuna li tiġi ggwidata mill-mod kif jaħsbu l-bnedmin* ma taċċettax l-affarijiet li jintwerew permezz tal-ispirtu t’Alla. Hi taħseb li huma bla sens. Hi ma tistax tifhimhom, għax irid ikollha l-ispirtu t’Alla biex tkun tistaʼ teżaminahom. 15 Madankollu, il-bniedem iggwidat mill-ispirtu jifhem* kollox, però l-bniedem fiżiku ma jifhmux lil dan. 16 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Min sar jaf x’hemm f’moħħ Ġeħova* biex ikun jistaʼ jgħallmu?” Imma aħna nafu kif jaħseb Kristu.
3 Ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies iggwidati mill-ispirtu.* Jien kelli nkellimkom bħala nies iggwidati minn kif jaħsbuha l-bnedmin,* bħal tfal żgħar fejn tidħol il-fidi Kristjana. 2 Dak li għallimtkom* kien bħall-ħalib, u mhux ikel solidu. Intom ma kontux lesti għall-ikel solidu,* u lanqas issa m’intom lesti, 3 għax għadkom qed taħsbuha bħall-bnedmin.* Peress li għadkom qed tgħiru u tiġġieldu bejnietkom, qed turu li intom bħan-nies tad-dinja.* 4 Meta xi ħadd jgħid: “Jien taʼ Pawlu,” u xi ħadd ieħor jgħid: “Jien t’Apollo,” tkunu qed taġixxu bħan-nies tad-dinja.
5 Wara kollox, min hu Apollo? U min hu Pawlu? Aħna sempliċi qaddejja* li għenniekom issiru dixxipli. Aħna sempliċement għamilna dak li qabbadna l-Mulej. 6 Jien żrajt, u Apollo saqqa, imma Alla hu l-wieħed li kabbar. 7 Min jiżraʼ u jsaqqi mhuwiex importanti. Alla hu li jkabbar. 8 Dak li jiżraʼ u dak li jsaqqi jaħdmu flimkien,* u kull wieħed se jiġi ppremjat għax-xogħol li jagħmel. 9 Aħna naħdmu m’Alla. Intom bħal għalqa li Alla qed jieħu ħsieb, bħal binja li Alla qed jibni.
10 Peress li Alla wrieni qalb tajba kbira, jien poġġejt pedament bħala bennej tas-sengħa.* Issa xi ħadd ieħor qed jibni fuqu. Imma kull wieħed għandu joqgħod attent kif jibni fuqu. 11 Alla qiegħed lil Ġesù Kristu bħala pedament. Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jqiegħed pedament ieħor. 12 Xi ħadd jistaʼ jibni fuq il-pedament billi juża d-deheb, il-fidda, il-ħaġar prezzjuż, l-injam, jew it-tiben. 13 Imma fl-aħħar, ix-xogħol taʼ kull persuna se jidher fil-ġurnata meta jiġi eżaminat. In-nar se juri jekk ix-xogħol taʼ kull wieħed hux tajjeb jew le. 14 Jekk dak li bniet persuna fuq il-pedament jibqaʼ sod, se tingħata premju. 15 Jekk ix-xogħol taʼ xi ħadd jinħaraq, dan se jbati.* Għalkemm hu stess isalva, se jkun bħallikieku ħarab min-nar.
16 Ma tafux li intom it-tempju t’Alla u li l-ispirtu t’Alla qiegħed fikom? 17 Jekk xi ħadd jeqred it-tempju t’Alla, Alla jeqirdu. It-tempju t’Alla hu qaddis, u intom dan it-tempju.
18 Tqarrqux bikom infuskom: Kull min jaħseb li hu għaref f’din id-dinja,* għandu jsir iblah, ħalli b’hekk ikun jistaʼ jsir għaref. 19 Għax l-għerf taʼ din id-dinja hu bluha għal Alla. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Hu jwaqqaʼ lill-għorrief fin-nases tagħhom stess.” 20 U xi mkien ieħor tgħid: “Ġeħova* jaf li dak li jaħsbu l-għorrief ma jiswa għal xejn.” 21 Għalhekk ħadd minnkom m’għandu jiftaħar b’dak li jistgħu jagħmlu n-nies, għax kollox hu tagħkom: 22 Jien, Apollo, Kefa,* id-dinja, il-ħajja, il-mewt, l-affarijiet t’issa, u l-affarijiet li ġejjin; kollox hu tagħkom. 23 Mill-banda l-oħra, intom taʼ Kristu, u Kristu t’Alla.
4 In-nies għandhom iqisuna bħala qaddejja taʼ Kristu li ġew fdati bis-sigrieti qaddisa t’Alla. 2 Qaddejja fdati* bħal dawn għandhom ikunu leali. 3 Mhuwiex importanti għalija jekk niġi eżaminat minnkom jew mill-imħallfin. Fil-fatt, lanqas jien ma neżamina lili nnifsi. 4 Il-kuxjenza tiegħi hi nadifa, imma dan ma jfissirx li jien ġust. Ġeħova* hu l-wieħed li jeżaminani.* 5 Għalhekk, tiġġudikaw xejn qabel il-waqt, minflok, stennew sakemm jiġi l-Mulej. Hu se jitfaʼ d-dawl fuq l-affarijiet sigrieti li qegħdin fid-dlam u se juri x’hemm f’qalb kull bniedem. Imbagħad kulħadd se jirċievi t-tifħir li jistħoqqlu mingħand Alla.
6 Ħuti, jien għedt dawn l-affarijiet dwari u dwar Apollo biex ngħinkom tifhmu l-punt. Permezz tal-eżempju tagħna, għandkom titgħallmu din ir-regola: “Żommu biss maʼ dak* li hemm miktub.” Jekk tobdu din ir-regola mhux se ssiru kburin u mhux se turu preferenzi bejn persuna u oħra. 7 X’għandek li jġiegħlek tħossok aħjar minn ħaddieħor? Mhux Alla tak kulma għandek? Allura għala tiftaħar bħallikieku dan hu bis-saħħa tiegħek?
8 Taħsbu li diġà għandkom kulma għandkom bżonn? Taħsbu li diġà intom sinjuri? Jaqaw bdejtu tmexxu bħala rejiet mingħajrna? Nixtieq li bdejtu tmexxu bħala rejiet, għax kieku anki aħna nkunu qed immexxu magħkom. 9 Jidhirli li Alla ppreżenta lilna, l-appostli, bħala l-aħħar nies ikkundannati għall-mewt, biex josservawna n-nies* tad-dinja kollha u l-anġli. 10 Aħna nitqiesu bħala boloh minħabba li dixxipli taʼ Kristu, imma intom taħsbu li intom għorrief għax dixxipli taʼ Kristu. Aħna nidhru dgħajfin, imma intom tidhru b’saħħitkom. Intom tirċievu l-unur, imma aħna niġu ddiżonorati. 11 S’issa għadna bil-ġuħ, bil-għatx, u bilkemm għandna x’nilbsu. Aħna msawtin u m’għandniex fejn noqogħdu. 12 Aħna naħdmu iebes. Meta n-nies jgħajruna, inberkuhom. Meta niġu ppersegwitati, nissaportu bil-paċenzja. 13 Meta niġu mmalafamati, inwieġbu b’qalb tajba.* Imma s’issa xorta qed niġu ttrattati bħall-iskart tad-dinja, bħaż-żibel tal-art.
14 Mhux qed niktbilkom dan biex inġegħelkom tistħu, imma biex ngħallimkom bħala wliedi maħbubin. 15 Għalkemm jistaʼ jkollkom 10,000 għalliem li jurikom kif tkunu dixxipli taʼ Kristu, m’għandkomx ħafna li saru bħal missier għalikom. Imma jien sirt missierkom għax wassaltilkom l-aħbar tajba dwar Kristu Ġesù. 16 Għalhekk, inħeġġiġkom biex timitawni. 17 Hu għalhekk li qed nibagħtilkom lil Timotju. Hu qisu t-tifel maħbub tiegħi u qed jaqdi lill-Mulej b’qalbu kollha. Hu se jfakkarkom fil-prinċipji li nsegwi* biex nagħmel dak li jrid Kristu Ġesù, bħalma qed ngħallem kullimkien f’kull kongregazzjoni.
18 Xi wħud minnkom jaħsbu li jien mhux ġej għandkom, allura qed jitkabbru. 19 Imma jekk Ġeħova* jrid, jien daqt niġi. Jien nixtieq niltaqaʼ maʼ dawn il-kburin biex inkun naf għandhomx il-qawwa t’Alla, u mhux biex nismagħhom jitkellmu. 20 Għax dak li juri li aħna mmexxijin mis-Saltna t’Alla mhuwiex dak li ngħidu imma dak li nagħmlu. Dan jagħti prova li għandna l-qawwa mingħand Alla. 21 X’tippreferu? Li niġi biex nikkastigakom* jew li niġi biex nurikom imħabba u ħlewwa?
5 Ġejt informat li hemm raġel fostkom li qed jagħmel l-immoralità sesswali.* Hu qed jgħix mal-mara* taʼ missieru. Din tant hi xi ħaġa gravi li lanqas in-nies tal-popli l-oħra ma jagħmluha. 2 Intom kburin b’dan? Għandkom tkunu mdejqin u tkeċċu minn nofskom lir-raġel li qed jagħmel dan id-dnub. 3 Għalkemm m’iniex hemm preżenti magħkom, qiegħed magħkom fil-ħsieb.* Jien diġà ġġudikajt lir-raġel li għamel dan bħallikieku jien qiegħed magħkom. 4 Meta tinġabru flimkien f’isem il-Mulej tagħna Ġesù, kunu afu li jien magħkom fil-ħsieb* flimkien mal-qawwa tal-Mulej tagħna Ġesù. 5 Għandkom tagħtu lil raġel bħal dan f’idejn Satana biex tneħħu din l-influwenza midinba,* ħalli b’hekk il-kongregazzjoni jkun jistaʼ jkollha attitudni xierqa lejn id-dnub fil-jum meta jiġi l-Mulej.
6 M’għandkomx biex tiftaħru. Ma tafux li d-dnub hu bħal ftit ħmira li tinxtered mal-għaġina kollha? 7 Għalhekk, neħħu dik il-ħmira ħalli b’hekk issiru għaġina ġdida, għax intom qiskom għaġina mingħajr ħmira. Infatti Kristu ta ħajtu bħala sagrifiċċju, u b’hekk sar il-ħaruf tal-Qbiż tagħna. 8 Għalhekk, m’għandniex nagħmlu l-festa tal-Qbiż b’ħobż li fih ħmira antika jew bi ħmira tad-dnub u l-ħażen, imma b’ħobż bla ħmira li jirrappreżenta s-sinċerità u l-verità.
9 Fl-ittra tiegħi ktibtilkom biex ma tibqgħux tagħmluha maʼ nies li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali.* 10 Jien ma kontx qed nirreferi għan-nies taʼ din id-dinja li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* li huma rgħiba, li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor,* jew li jqimu l-idoli. Inkella jkollkom toħorġu mid-dinja. 11 Imma issa qed niktbilkom biex ma tibqgħux tagħmluha maʼ kull min jissejjaħ ħu li jieħu sehem fl-immoralità sesswali,* li hu rgħib, li jqim lill-idoli, li jgħajjar lil oħrajn, li hu sakranazz, jew li jqarraq biex jieħu l-affarijiet taʼ ħaddieħor.* Lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan. 12 Mhijiex ir-responsabbiltà tiegħi li niġġudika lil dawk taʼ barra l-kongregazzjoni. Imma intom suppost tiġġudikaw lil dawk taʼ ġewwa, 13 waqt li Alla jiġġudika lil dawk taʼ barra. “Neħħu lill-persuna ħażina mill-kongregazzjoni.”
6 Jekk għandek nuqqas taʼ qbil* maʼ ħu, se tażżarda tmur il-qorti quddiem nies li ma jemmnux?* Għax ma tmurx quddiem il-qaddisin* fil-kongregazzjoni? 2 Żgur li tafu li l-qaddisin se jiġġudikaw id-dinja. Jekk se tiġġudikaw id-dinja, m’intomx kapaċi ssolvu problemi żgħar ħafna? 3 Ma tafux li se niġġudikaw lill-anġli? Allura għala ma tistgħux issolvu l-problemi żgħar taʼ din il-ħajja? 4 Jekk għandkom xi problemi taʼ din il-ħajja xi ssolvu, għala għandkom tiħduhom għand l-imħallfin li mhumiex parti mill-kongregazzjoni? 5 Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu. Jaqaw m’hemmx raġel wieħed fostkom li hu għaref biżżejjed biex jiġġudika bejn l-aħwa? 6 Minflok, ħu jtellaʼ lil ħu ieħor il-qorti u jakkużah quddiem uħud li ma jemmnux.
7 Il-fatt li diġà għandkom kawżi l-qorti kontra xulxin, diġà tliftu. Għala m’intomx lesti li tissaportu l-inġustizzja, jew li tmorru minn taħt? 8 Minflok, intom qed tagħmlu dak li mhux ġust u tqarrqu b’ħutkom stess.
9 Ma tafux li dawk li jagħmlu l-ħażin mhux se jirtu s-Saltna t’Alla? Titqarrqux. Dawk li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jqimu l-idoli, li jagħmlu adulterju, l-irġiel li jagħmlu s-sess maʼ rġiel oħra,* 10 il-ħallelin, ir-rgħiba, is-sakranazzi, dawk li jgħajru lill-oħrajn, u dawk li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor* mhux se jirtu s-Saltna t’Alla. 11 Madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom. Imma issa ġejtu maħsulin; ġejtu meqjusin qaddisin; ġejtu meqjusin ġusti* f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu tal-Alla tagħna.
12 Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhu se nħalli xejn jikkontrollani.* 13 L-ikel hu għall-istonku, u l-istonku għall-ikel, imma Alla se jġibhom it-tnejn fix-xejn. Il-ġisem mhuwiex magħmul biex jagħmel l-immoralità sesswali,* imma biex jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, u l-Mulej jipprovdi għall-ġisem. 14 Iktar minn hekk, Alla rxoxta lill-Mulej u se jirxoxta lilna wkoll permezz tal-qawwa tiegħu.
15 Ma tafux li ġisimkom hu taʼ Kristu? Allura, għandi jien nieħu dak li hu* taʼ Kristu u nagħtih lil prostituta? Żgur li le! 16 Ma tafux li kull min ikollu x’jaqsam maʼ prostituta jsir ħaġa waħda magħha? Għax Alla jgħid: “Huma jsiru ġisem wieħed.” 17 Imma min jingħaqad mal-Mulej hu ħaġa waħda miegħu fil-mod kif jaħsibha.* 18 Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali.* Dan hu l-iktar dnub li jeffettwa l-ġisem b’mod dirett. Kull min jagħmel l-immoralità sesswali qed jidneb kontra ġismu stess. 19 Ma tafux li ġisimkom hu t-tempju għall-ispirtu qaddis li qiegħed fikom, li rċivejtu mingħand Alla? Intom m’intomx tagħkom infuskom, 20 għax Alla ħallas prezz għoli għalikom. Għalhekk, użaw ġisimkom biex tfaħħru lil Alla.
7 Issa se nitkellem dwar l-affarijiet li ktibtuli dwarhom. Ikun aħjar li raġel ma jiżżewwiġx u ma jkollux relazzjonijiet sesswali.* 2 Imma peress li l-immoralità sesswali* hi tant komuni, kull raġel għandu jkollu l-mara tiegħu u kull mara għandu jkollha r-raġel tagħha. 3 Ir-raġel għandu jissodisfa l-bżonnijiet* tal-mara tiegħu, u l-mara għandha tagħmel l-istess għar-raġel tagħha. 4 Il-mara m’għandhiex awtorità fuq il-ġisem tagħha, imma r-raġel tagħha iva. Bl-istess mod, ir-raġel m’għandux awtorità fuq il-ġisem tiegħu, imma l-mara tiegħu iva. 5 Iċċaħħdux lil xulxin, ħlief jekk tkunu qbiltu bejnietkom għal xi żmien biex tiddedikaw ħin għat-talb. Imbagħad erġgħu lura bħal qabel ħalli ma jittantakomx Satana biex tagħmlu xi ħaġa ħażina għax ma jkollkomx kontroll fuqkom infuskom. 6 Qed ngħidilkom dan biex tkunu tafu x’tistgħu tagħmlu, imma mhuwiex kmand. 7 Nixtieq li l-irġiel kollha kienu bħali, jiġifieri mhux miżżewġin. Imma kull wieħed għandu r-rigal tiegħu stess mingħand Alla. Għalhekk, hawn min jiżżewweġ u min ma jiżżewwiġx.
8 Lil dawk li mhumiex miżżewġin u lir-romol ngħidilhom li jkun aħjar li jibqgħu bħali. 9 Imma jekk m’għandhomx biżżejjed kontroll fuqhom infushom, jistgħu jiżżewġu. Ikun aħjar li jiżżewġu milli jkollhom xewqat sesswali bla kontroll.
10 Lil dawk li huma diġà miżżewġin, nagħtihom dawn l-istruzzjonijiet: Mara m’għandhiex tissepara minn mar-raġel tagħha. Din id-direzzjoni hi mingħand il-Mulej. 11 Imma jekk tissepara, trid tibqaʼ ma tiżżewwiġx, jew inkella tirranġa mar-raġel tagħha. Ukoll, raġel m’għandux jitlaq lill-mara tiegħu.
12 Imma lill-oħrajn ngħidilhom (dan x’ngħidilhom jien, mhux il-Mulej): Jekk ħu għandu mara li ma temminx u taqbel li tibqaʼ miegħu, hu m’għandux jitlaqha. 13 U jekk mara għandha raġel li ma jemminx u jaqbel li jibqaʼ magħha, m’għandhiex titilqu. 14 Għax iż-żwieġ tar-raġel li ma jemminx hu kkunsidrat qaddis minħabba l-mara tiegħu, u ż-żwieġ tal-mara li ma temminx hu kkunsidrat qaddis minħabba r-raġel tagħha li hu ħu. Inkella t-tfal tagħkom ma jkunux qaddisin,* imma issa qaddisin. 15 Imma jekk min ma jemminx jiddeċiedi li jitlaq,* ħallih jitlaq. Ħu jew oħt m’għandhiex tibqaʼ miegħu meta jiġri hekk. Alla sejħilkom biex tgħixu fil-paċi. 16 Għax mara, kif taf jekk hux se ssalva lir-raġel tiegħek? Jew raġel, kif taf jekk hux se ssalva lill-mara tiegħek?
17 Minkejja dan, kull wieħed għandu jibqaʼ jgħix fi kwalunkwe sitwazzjoni li kien fiha meta Alla Ġeħova* sejjaħlu biex jibda jemmen. Din hija d-direzzjoni li nagħti lill-kongregazzjonijiet kollha. 18 Jekk raġel beda jemmen meta kien ċirkonċiż, għandu jibqaʼ f’din is-sitwazzjoni. Jekk raġel beda jemmen meta ma kienx ċirkonċiż, hu għandu jibqaʼ hekk. 19 Ma tagħmilx differenza jekk xi ħadd ikunx ċirkonċiż jew le. L-importanti hu li jobdi l-kmandamenti t’Alla. 20 Kull wieħed għandu jibqaʼ kif kien meta ġie msejjaħ biex jemmen. 21 Jekk kont ilsir meta ġejt imsejjaħ biex temmen, toqgħodx tinkwieta dwar dan. Imma jekk tiġik l-opportunità biex tinħeles, aħtafha. 22 Kull min kien ilsir meta l-Mulej sejjaħlu biex jemmen, isir qaddej ħieles tal-Mulej. U kull min kien ħieles meta l-Mulej sejjaħlu biex jemmen, isir ilsir taʼ Kristu. 23 Intom inxtrajtu bi prezz għoli, issirux ilsiera tan-nies. 24 Ħuti, ibqgħu kif kontu meta ġejtu msejħin minn Alla biex temmnu.
25 Dwar dawk li mhumiex miżżewġin,* jien m’għandix kmand mingħand il-Mulej, imma se ngħidilkom l-opinjoni tiegħi bħala persuna leali li ntweriet ħniena mill-Mulej. 26 F’dawn iż-żminijiet diffiċli, jien naħseb li jkun aħjar li raġel jibqaʼ kif inhu. 27 Jekk int miżżewweġ mara, tipprovax tinħeles. Jekk m’għandekx mara, toqgħodx tipprova ssib waħda. 28 Imma jekk tiżżewweġ, ma tkunx qed tagħmel dnub. U jekk persuna li mhix miżżewġa tiddeċiedi li tiżżewweġ, din ma tkunx qed tagħmel dnub. Minkejja dan, dawk li jiżżewġu jkollhom il-problemi fil-ħajja tagħhom.* Imma jien qed nipprova ngħinkom tevitawhom.
29 Ħuti, il-punt tiegħi hu li ma tantx għad fadal żmien. Mil-lum ’il quddiem, dawk li għandhom mara għandhom jgħixu bħallikieku m’għandhomx, 30 dawk li jibku bħal dawk li ma jibkux, dawk li jifirħu bħal dawk li ma jifirħux, u dawk li jixtru bħal dawk li m’għandhom xejn. 31 U min juża dak li għandha x’toffri d-dinja m’għandux jużaha għalkollox. Għax l-affarijiet li qed jiġru fid-dinja* qed jinbidlu. 32 Jien ma nixtiqkomx tkunu inkwetati.* Ir-raġel mhux miżżewweġ jinkwieta biss dwar li jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, għax irid jagħmel lill-Mulej ferħan. 33 Imma r-raġel miżżewweġ jinkwieta dwar l-affarijiet tal-ħajja taʼ din id-dinja, għax irid jagħmel lill-mara tiegħu ferħana. 34 Allura ma jistax jiffoka fuq ħaġa waħda. Bl-istess mod, il-mara li mhix miżżewġa jew li qatt ma kienet miżżewġa hi inkwetata biss dwar li tagħmel ix-xogħol tal-Mulej. B’hekk kemm ġisimha u kemm moħħha* jistgħu jkunu qaddisin. Imma l-mara miżżewġa hi inkwetata dwar l-affarijiet tal-ħajja taʼ din id-dinja u kif tagħmel lil żewġha ferħan. 35 Qed ngħidilkom dan għall-ġid tagħkom stess, u mhux biex nillimitakom.* Jien irridkom tagħmlu dak li hu xieraq ħalli tkunu tistgħu taqdu kontinwament lill-Mulej mingħajr ma tkunu aljenati.
36 Imma jekk xi ħadd li għadu ma żżewwiġx iħoss li ma jistax jikkontrolla x-xewqat sesswali tiegħu u m’għadux żgħir wisq,* ikun aħjar jekk jiżżewweġ; ma jagħmilx dnub. 37 Imma jekk xi ħadd hu ċert għalkollox* li m’għandux bżonn jiżżewweġ u għandu kontroll fuq ix-xewqat tiegħu stess u ddeċieda li ma jiżżewwiġx f’qalbu, jagħmel sew. 38 Għalhekk, min jiżżewweġ jagħmel sew, imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.
39 Mara għandha tibqaʼ maʼ żewġha sakemm idum ħaj. Imma jekk żewġha jmut, hi tkun tistaʼ tiżżewweġ lil min trid dment li jkun dixxiplu tal-Mulej.* 40 Imma fl-opinjoni tiegħi, hi tkun iktar ferħana jekk ma terġax tiżżewweġ. Jien fiduċjuż li għandi l-ispirtu t’Alla.
8 Issa se nikteb dwar l-ikel li jiġi offrut lill-idoli. Kollha għandna għarfien dwar dan. L-għarfien waħdu jagħmilna kburin, imma l-imħabba tinkuraġġixxi* lil oħrajn. 2 Jekk xi ħadd jaħseb li jaf it-tweġibiet kollha, fir-realtà mhux jifhem il-kwistjoni kif suppost. 3 Imma jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.
4 Dwar li wieħed jiekol ikel offrut lill-idoli, nafu li idolu fir-realtà mhuwiex alla u li hemm Alla wieħed biss. 5 Hemm ħafna li jgħidulhom allat, kemm fis-sema u kemm fuq l-art, u hemm ħafna li n-nies jikkunsidrawhom “allat” u “mulejiet.” 6 Għalina hemm Alla wieħed, il-Missier. Kollox mingħandu ġie, u aħna ngħixu għalih. U għalina hemm Mulej wieħed, Ġesù Kristu. Kollox ġie permezz tiegħu, u aħna ngħixu grazzi għalih.
7 Imma mhux kulħadd jifhmu dan. Xi wħud qabel kienu jqimu lill-idoli. Allura meta jieklu ikel li kien offrut lil idolu, huma jqisuh li għandu x’jaqsam mal-idolu. Imbagħad tniggiżhom il-kuxjenza għax hi dgħajfa. 8 Imma l-ikel mhux se jressaqna eqreb lejn Alla. Nieklu jew ma niklux mhux se nkunu aħjar jew agħar. 9 Oqogħdu attenti li d-dritt li għandkom biex tagħżlu ma jfixkilx b’xi mod lil dawk li huma dgħajfin.* 10 Għalkemm intom tafu li l-idoli mhuma xejn, xi ħadd b’kuxjenza dgħajfa jistaʼ jarak tiekol f’tempju taʼ idolu. Dan jistaʼ jwasslu biex jiekol ikel offrut lill-idoli, u b’hekk imur kontra l-kuxjenza tiegħu stess. 11 Minkejja li taf li tistaʼ tiekol dan l-ikel, int tkun qed teqred il-fidi taʼ min hu dgħajjef. Ftakar li dan hu ħuk u li Kristu miet għalih. 12 Meta tidneb kontra ħutek b’dan il-mod u tweġġaʼ l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, tkun qed tidneb kontra Kristu. 13 Għalhekk, jekk l-ikel li niekol ifixkel lil ħija, qatt mhu se nerġaʼ niekol laħam. Jien ma rrid nagħmel xejn li jdgħajjef il-fidi taʼ ħija.
9 Ma nistax jien nagħmel dak li rrid? M’iniex jien appostlu? Ma rajtux jien lil Ġesù, il-Mulej tagħna? U intom m’intomx ir-riżultat tax-xogħol tiegħi fil-Mulej? 2 Anki jekk oħrajn ma jqisunix bħala appostlu, intom żgur li iva. Intom il-prova* li jien appostlu tal-Mulej.
3 B’dan li ġej se niddefendi ruħi kontra dawk li jikkritikawni.* 4 M’għandniex aħna d-dritt* li nieklu u nixorbu dak li joffrulna oħrajn? 5 M’għandniex aħna d-dritt li niżżewġu mara li temmen* u niħduha magħna bħalma jagħmlu l-bqija tal-appostli, ħut il-Mulej, u Kefa?* 6 Jien u Barnaba biss għandna naħdmu biex immantnu lilna nfusna? 7 Liema suldat għandu jħallas għall-ispejjeż tiegħu? Min iħawwel għalqa bid-dwieli u ma jikolx mill-frott tagħha? Liema ragħaj ma jixrobx xi ftit mill-ħalib tal-merħla?
8 Mhux qed ngħid dawn l-affarijiet mill-ħarsa tal-bniedem. Il-liġi wkoll tgħid dawn l-affarijiet. 9 Fil-Liġi taʼ Mosè hemm miktub: “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.”* Mill-barrin biss jimpurtah Alla? 10 Jew qal dan għalina? Infatti dan inkiteb għall-benefiċċju tagħna. Kemm ir-raġel li jaħrat l-għalqa u kemm ir-raġel li jissepara ċ-ċereali għandhom jistennew li jieħdu sehem mill-ħsad.
11 La qsamna* affarijiet spiritwali magħkom, ikun ħażin li nirċievu* xi affarijiet mingħandkom għall-bżonnijiet tagħna? 12 Jekk oħrajn għandhom id-dritt li jistennew dan mingħandkom, m’għandniex aħna iktar dritt minnhom? Għalkemm għandna dan id-dritt,* ma tlabniekom xejn. Minflok, aħna qed nissaportu kull tip taʼ diffikultà ħalli ma nfixklu lil ħadd milli jemmen l-aħbar tajba dwar il-Kristu. 13 Żgur li tafu li dawk li jaħdmu fit-tempju jieklu mill-affarijiet li jġibu n-nies fit-tempju, u dawk li jaqdu ħdejn l-artal ikollhom sehem minn dak li jiġi offrut fuq l-artal. 14 Bl-istess mod, il-Mulej ikkmanda li dawk li jgħidu l-aħbar tajba lill-oħrajn għandhom jgħixu permezz tal-aħbar tajba.
15 Jien qatt ma ħadt vantaġġ minn dawn id-drittijiet. Mhux qed niktbilkom dawn l-affarijiet għax irrid xi ħaġa mingħandkom. Nippreferi mmut milli nħalli lil xi ħadd jiħodli d-dritt li niftaħar b’dan. 16 Jekk qed nipprietka l-aħbar tajba, m’għandix għal xiex niftaħar, għax jien obbligat li nagħmel dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-aħbar tajba. 17 Jekk nagħmel dan mill-qalb, jien għandi premju. Imma anki jekk nagħmel dan għax jien obbligat, jien xorta ġejt fdat b’responsabbiltà serja.* 18 Allura x’inhu l-premju tiegħi? Hu li nxandar l-aħbar tajba minn jeddi u bla ħlas. B’dan il-mod, jien ma nkunx qed nieħu vantaġġ mill-privileġġ* li nxandar l-aħbar tajba.
19 Għalkemm jien bniedem ħieles, għamilt lili nnifsi lsir tan-nies kollha. Nagħmel dan biex nirbaħ* lil kemm jistaʼ jkun nies. 20 Għal-Lhud sirt qisni Lhudi biex nirbaħ il-Lhud. Għal dawk li jgħixu skont il-liġi sirt qisni ngħix skont il-liġi biex nirbaħ lil dawk li jgħixu skont il-liġi, għalkemm jien ma ngħixx skont il-liġi. 21 Sirt qisni persuna bla liġi biex nirbaħ lil dawk li m’għandhomx liġi, għalkemm fil-fatt jien nobdi l-liġi t’Alla u nħalli l-liġi taʼ Kristu tiggwidani. 22 Għad-dgħajfin sirt dgħajjef biex nirbaħ lid-dgħajfin. Sirt kollox għal kull tip taʼ nies ħalli b’kull mod inkun nistaʼ nsalva lil xi wħud. 23 Nagħmel kollox għall-aħbar tajba u biex nippritkaha lil oħrajn.
24 Intom tafu li dawk kollha li jieħdu sehem f’tellieqa jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-premju. Għalhekk, iġru bl-iskop li tirbħu. 25 Kull min jieħu sehem f’kompetizzjoni, juri kontroll f’kollox. Huma jagħmlu dan biex jirċievu kuruna li tispiċċa, imma aħna nagħmlu dan biex nirċievu kuruna li ma tispiċċa qatt. 26 M’iniex niġri bla skop. Jien qed nimmira d-daqqiet tiegħi ħalli ma nagħtix fl-arja. 27 Jien niddixxiplina sew* lil ġismi u nagħmlu lsir tiegħi li ma mmurx ma nibqax approvat* minn Alla wara li nkun ippritkajt lil oħrajn.
10 Ħuti, irridkom tkunu tafu li missirijietna kollha kienu taħt is-sħaba u kollha għaddew mill-Baħar l-Aħmar. 2 U huma kollha tgħammdu billi mxew wara Mosè meta kienu taħt is-sħaba u fil-baħar. 3 Kollha kielu mill-istess ikel spiritwali 4 u kollha xorbu mill-istess xorb spiritwali. Huma kienu jixorbu mill-blata spiritwali li kienet qisha qed timxi warajhom. Din il-blata kienet tirrappreżenta lill-Kristu. 5 Imma Alla ma kienx kuntent bil-biċċa l-kbira minnhom, għalhekk qatilhom fid-deżert.
6 Dak li ġara lilhom hu taʼ tagħlima* għalina. M’għandniex nixxennqu għal affarijiet li jagħmlulna l-ħsara, bħalma għamlu huma. 7 M’għandniex inqimu lill-idoli, bħalma għamlu xi wħud minnhom. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “In-nies qagħdu bilqiegħda jieklu u jixorbu. U wara qamu jixxalaw.” 8 M’għandniex nagħmlu l-immoralità sesswali,* bħalma għamlu xi wħud minnhom u spiċċaw mietu 23,000 f’ġurnata. 9 M’għandniex ngħaddu lil Ġeħova* minn prova, bħalma għamlu xi wħud minnhom, u b’hekk inqatlu mis-sriep. 10 M’għandniex noqogħdu ngergru, bħalma għamlu xi wħud minnhom, u b’hekk inqatlu minn anġlu.* 11 Dawn l-affarijiet ġrawlhom bħala tagħlima għalina. Inkitbu bħala twissija għalina li qed ngħixu fit-tmiem taʼ dan iż-żmien.*
12 Għalhekk, min jaħseb li hu wieqaf għandu joqgħod attent li ma jaqax. 13 Kull tentazzjoni li tiffaċċjaw diġà esperjenzawha oħrajn. Imma Alla hu leali. Hu mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma meta tiġu ttantati, Alla se jsibilkom mod kif tissaportu.
14 Għalhekk għeżież aħwa, oqogħdu ’l bogħod mill-idolatrija. 15 Intom nies raġonevoli. Għalhekk iddeċiedu intom jekk dak li qed ngħid hux eżatt jew le. 16 Mhijiex it-tazza taʼ ringrazzjament li nirringrazzjaw lil Alla għaliha* sehem mid-demm tal-Kristu? Mhijiex il-ħobża li naqsmu sehem mill-ġisem tal-Kristu? 17 Għalkemm qegħdin ħafna, aħna ġisem wieħed, peress li hemm ħobża waħda u lkoll kemm aħna qed nieklu minnha.
18 Aħsbu dwar dak li jagħmlu l-Iżraelin: Meta jieklu mis-sagrifiċċji, ma jkunux huma qed jieħdu sehem minn dak li hu offrut fuq l-artal? 19 Qiegħed jien ngħid li l-idolu jew dak li jiġi ssagrifikat lilu hu xi ħaġa? 20 Le m’iniex. Li rrid ngħid hu li n-nies taʼ popli oħra* jagħmlu sagrifiċċji lid-demonji u mhux lil Alla. U jien ma rridx li jkollkom sehem mad-demonji. 21 Ma tistgħux tixorbu mit-tazza taʼ Ġeħova* u mit-tazza tad-demonji. Ma tistgħux tieklu mill-“mejda taʼ Ġeħova”* u mill-mejda tad-demonji. 22 Jew ‘qed nipprovaw inġiegħlu lil Ġeħova* jgħir’? M’aħniex iktar b’saħħitna minnu, hux hekk?
23 Kollox hu permess, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Kollox hu permess, imma mhux kollox jinkuraġġixxi.* 24 Kompli agħmel dak li jaqbel lil ħaddieħor, u mhux biss dak li jaqbel lilek.
25 Kulu kwalunkwe laħam li jinbiegħ fis-suq. Jekk tagħżel li tiekol il-laħam, tistaʼ tagħmel dan b’kuxjenza nadifa, 26 għax l-Iskrittura tgħid: “Id-dinja u kulma hemm fiha huma taʼ Ġeħova.”* 27 Jekk xi ħadd li ma jemminx jistiednek għall-ikel u int tiddeċiedi li tmur, kul kulma jagħtik b’kuxjenza nadifa. Toqgħodx tistaqsi minn fejn ġabu. 28 Imma jekk xi ħadd jgħidilkom li l-laħam ġie offrut bħala sagrifiċċju għal idolu, tikluhx, ħalli ma tfixklux lil dak li qalilkom hekk u ħalli ħadd ma tniggżu l-kuxjenza. 29 Mhux qed nirreferi għall-kuxjenza tagħkom, imma għall-kuxjenza tal-persuna l-oħra. Għax ma rridx li nuża l-libertà tiegħi u mbagħad niġi ġġudikat mill-kuxjenza t’oħrajn. 30 Anki jekk nirringrazzja lil Alla għall-ikel u għandi d-dritt li nieklu, għala għandi nieklu jekk iġiegħel lil oħrajn jikkritikawni?
31 Għalhekk, jekk tieklu, tixorbu, jew tagħmlu xi ħaġa oħra, għandkom tagħmlu kollox biex tfaħħru lil Alla. 32 Oqogħdu attenti biex ma tfixklux lil oħrajn, la l-Lhud, la l-Griegi,* u lanqas dawk li huma fil-kongregazzjoni t’Alla. 33 Hekk qed nipprova nagħmel. Nipprova nikkuntenta lil kulħadd f’kulma nagħmel. Mhux qed infittex dak li jaqbel lili, imma dak li jaqbel lill-maġġoranza tan-nies, ħalli jkunu jistgħu jiġu salvati.
11 Imxu fuq l-eżempju tiegħi,* bħalma jien nimxi fuq l-eżempju taʼ* Kristu.
2 Jien infaħħarkom għax dejjem tiftakru fija u qed tagħmlu l-affarijiet* kif għallimtkom. 3 Irridkom tkunu tafu li l-Kristu għandu awtorità* fuq kull raġel, u r-raġel għandu awtorità fuq il-mara, u Alla għandu awtorità fuq il-Kristu. 4 Meta raġel jitlob jew jipprofetizza b’rasu mgħottija, hu jġib mistħija fuqu nnifsu.* 5 Imma meta mara titlob jew tipprofetizza mingħajr ma tgħatti rasha, hi ġġib mistħija fuqha nfisha.* Dan ikun bħallikieku għandha xagħarha mqaxxar. 6 Jekk mara ma tgħattix rasha, għandha taqtaʼ xagħarha qasir. Imma peress li hu tal-mistħija li mara taqtaʼ xagħarha qasir jew tqaxxru, hi għandha tgħatti rasha.
7 Raġel m’għandux jgħatti rasu, għax hu magħmul fuq ix-xbieha t’Alla u jirrifletti l-glorja tiegħu, imma l-mara tirrifletti l-glorja tar-raġel. 8 Fil-fatt ir-raġel ma ġiex mill-mara, imma l-mara ġiet mir-raġel. 9 Iktar minn hekk, ir-raġel ma ġiex maħluq għall-mara, imma l-mara ġiet maħluqa għar-raġel. 10 Għal din ir-raġuni u minħabba l-anġli, il-mara għandha tilbes xi ħaġa fuq rasha biex turi li hi qiegħda taħt l-awtorità.
11 Imma fost id-dixxipli tal-Mulej, in-nisa mhumiex indipendenti mill-irġiel, u l-irġiel mhumiex indipendenti min-nisa.* 12 Bħalma l-mara ġiet mir-raġel, raġel ukoll jiġi minn mara. Imma kollox ġej minn Alla. 13 Iġġudikaw intom: Hu xieraq li mara titlob lil Alla quddiem oħrajn mingħajr ma tgħatti rasha? 14 Mhux naturali li raġel ikollu xagħru twil, inkella jkun taʼ mistħija għalih. 15 Imma jekk mara jkollha xagħarha twil, din hi xi ħaġa sabiħa.* Xagħarha ngħatalha bħala xi ħaġa li tgħattilha rasha. 16 Imma jekk xi ħadd għandu xi jgħid dwar dan, it-tweġiba tagħna hi li aħna u l-kongregazzjonijiet t’Alla m’għandna l-ebda drawwa oħra.
17 Imma waqt li nagħtikom dawn l-istruzzjonijiet, jien ma nfaħħarkomx, għax il-laqgħat tagħkom iktar qed jagħmlu ħsara milli ġid. 18 L-ewwel nett qed nismaʼ li hemm il-firdiet bejnietkom meta tiltaqgħu fil-kongregazzjoni; u sa ċertu punt nemmnu dan. 19 Bla dubju, se jkun hemm is-setet* fostkom, imma b’hekk se jidher ċar min hu approvat minn Alla.
20 Meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, mhux qed tagħmlu dan kif suppost. 21 Meta jasal il-ħin biex tikluha, kull wieħed ikun diġà ħa l-ikla taʼ filgħaxija tiegħu. Għalhekk, min ikun bil-ġuħ u min ikun fis-sakra. 22 Jaqaw m’għandkomx dar fejn tieklu u tixorbu? Jew taħsbu li l-kongregazzjoni t’Alla mhix importanti, u ġġiegħlu lill-foqra jistħu? X’nistaʼ ngħidilkom? Għandi nfaħħarkom? F’din il-ħaġa żgur li le.
23 Dak li għallimtkom, tgħallimtu kollu mill-Mulej. Fil-lejl taʼ meta kien se jiġi ttradut, il-Mulej Ġesù qabad ħobża, 24 irringrazzja lil Alla, qasamha, u qal: “Din tirrappreżenta l-ġisem tiegħi. Ibqgħu agħmlu dan biex tiftakru fija.”* 25 Wara li kielu l-ikla taʼ filgħaxija, hu għamel l-istess bit-tazza tal-inbid. Hu qal: “Din it-tazza nbid tirrappreżenta l-patt* il-ġdid li se jibda meta nferraʼ demmi għalikom. Ibqgħu agħmlu dan ħalli kull darba li tixorbuh tiftakru fija.” 26 Kull darba li tieklu minn din il-ħobża u tixorbu minn din it-tazza tal-inbid, tkunu qed tkomplu xxandru* l-mewt tal-Mulej, sakemm jiġi.
27 Għalhekk, kull min jiekol mill-ħobża jew jixrob mit-tazza tal-inbid tal-Mulej mingħajr ma jkun jistħoqqlu, ikun ħati li dineb kontra l-ġisem u d-demm tal-Mulej. 28 Kull wieħed għandu l-ewwel jeżamina lilu nnifsu sew. Wara li jagħmel hekk biss ikun jistaʼ jiekol mill-ħobża u jixrob mit-tazza tal-inbid. 29 Jekk xi ħadd ma jifhimx li dawn jirrappreżentaw il-ġisem tal-Mulej, ikun qed jikkundanna lilu* nnifsu meta jiekol u jixrob minnhom. 30 Hu għalhekk li ħafna minnkom dgħajfin u morda, u ftit mhux ħażin qed imutu.* 31 Imma jekk neżaminaw sew lilna nfusna, ma niġux ikkundannati.* 32 Madankollu, meta niġu ġġudikati, ifisser li qed niġu ddixxiplinati minn Ġeħova,* u b’hekk ma niġux ikkundannati mad-dinja. 33 Għalhekk ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, stennew lil xulxin. 34 Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ, għandu jiekol id-dar, ħalli ma tiġux iġġudikati meta tiltaqgħu flimkien. Il-kwistjonijiet li fadal nieħu ħsiebhom meta niġi.
12 Ħuti, irridkom tkunu tafu dwar ir-rigali* tal-ispirtu qaddis. 2 Intom tafu li qabel ma bdejtu temmnu,* kontu kkontrollati u mqarrqin mill-idoli li lanqas biss setgħu jitkellmu. Intom mortu kull fejn iggwidawkom. 3 Issa rridkom tkunu tafu li ħadd minn dawk li huma ggwidati mill-ispirtu t’Alla ma jgħid: “Ġesù hu misħut!” U ħadd ma jistaʼ jgħid: “Ġesù hu Mulej!” sakemm ma jkunx iggwidat mill-ispirtu qaddis.
4 Hemm rigali spiritwali differenti, imma kollha jingħataw mill-istess spirtu. 5 Hemm modi differenti kif naqdu, imma aħna qed naqdu lill-istess Mulej. 6 Hemm affarijiet differenti li qed isiru, imma hu l-istess Alla li jagħti lil kulħadd il-qawwa biex jagħmel dawn l-affarijiet. 7 Imma l-għajnuna tal-ispirtu qaddis tidher biċ-ċar f’kull persuna biex jibbenefikaw oħrajn. 8 L-ispirtu jagħti lil persuna l-abbiltà biex titkellem bl-għerf, u l-istess spirtu jagħti lil persuna oħra l-abbiltà li titkellem bl-għarfien. 9 L-istess spirtu jagħti l-fidi lil persuna, u lil persuna oħra l-abbiltà li tfejjaq.* 10 Jerġaʼ lil ħaddieħor jagħtih l-abbiltà li jagħmel il-mirakli, lil ħaddieħor l-abbiltà li jipprofetizza, lil ħaddieħor l-abbiltà li jifhem jekk il-messaġġi humiex mingħand Alla, lil ħaddieħor l-abbiltà li jitkellem b’lingwi oħra, u lil ħaddieħor l-abbiltà li jittraduċi lingwi oħra. 11 Dawn l-affarijiet kollha jsiru permezz tal-istess spirtu, u l-persuna tingħata l-abbiltà fi qbil mal-gwida tal-ispirtu t’Alla.
12 Il-ġisem tal-bniedem għandu ħafna partijiet, imma hu ġisem wieħed, u l-partijiet kollha huma taʼ dan il-ġisem. Hekk hu l-ġisem taʼ Kristu. 13 Kollha kemm aħna tgħammidna mill-istess spirtu biex nifformaw ġisem wieħed. Kemm jekk aħna Lhud jew Griegi,* ilsiera jew irġiel li ġejna meħlusin, kollha kemm aħna rċivejna* spirtu wieħed.
14 Iva l-ġisem m’għandux parti waħda, imma ħafna partijiet. 15 Kieku s-sieq kellha titkellem u tgħid: “La m’iniex id, m’iniex parti mill-ġisem,” ma jfissirx li mhix parti mill-ġisem. 16 Kieku l-widna kellha tgħid: “La m’iniex għajn, m’iniex parti mill-ġisem,” ma jfissirx li mhix parti mill-ġisem. 17 Kieku l-ġisem kollu jkun għajn, il-persuna kif tistaʼ tismaʼ? Kieku l-ġisem kollu jkun widna, il-persuna ma tkun tistaʼ xxomm xejn. 18 Imma Alla poġġa l-partijiet tal-ġisem flimkien kif ried hu.
19 Kieku l-partijiet kollha kienu l-istess, kien se jkun ġisem? 20 Għalhekk, hemm ħafna partijiet, imma hemm ġisem wieħed biss. 21 L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “M’għandix bżonnok,” u r-ras ma tistax tgħid lis-saqajn: “M’għandix bżonnkom.” 22 Fil-fatt, il-partijiet tal-ġisem li jidhru iktar dgħajfin huma bżonjużi. 23 Aħna nieħdu ħsiebhom sew il-partijiet li naħsbu li huma inqas sbieħ.* U l-partijiet tal-ġisem li m’għandhomx jidhru nittrattawhom b’iktar rispett. 24 Imma l-partijiet sbieħ m’għandniex bżonn nieħdu ħsiebhom. Minkejja dan, Alla għamel il-ġisem b’tali mod li tingħata iktar attenzjoni* lill-partijiet li għandhom bżonn. 25 Hu għamel hekk biex ma jkunx hemm firda fil-ġisem. Il-partijiet tal-ġisem għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. 26 Jekk parti tal-ġisem tbati, il-partijiet l-oħra jbatu magħha. Jekk parti tal-ġisem tiġi onorata,* il-partijiet l-oħra jifirħu magħha.
27 Intom il-ġisem taʼ Kristu, u kull wieħed minnkom hu parti minn dan il-ġisem. 28 Alla ta post lil kull wieħed fil-kongregazzjoni: l-ewwel lill-appostli; it-tieni lill-profeti; it-tielet lill-għalliema; imbagħad lil dawk li jagħmlu l-mirakli; imbagħad lil dawk li għandhom l-abbiltà li jfejqu;* lil dawk li jgħinu; lil dawk li jagħtu l-gwida; u lil dawk li għandhom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwi differenti. 29 Huma mhux kollha appostli, profeti, jew għalliema, hux hekk? Huma mhux kollha jagħmlu l-mirakli, hux hekk? 30 Huma mhux kollha għandhom l-abbiltà li jfejqu,* hux hekk? Huma mhux kollha għandhom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwi differenti jew jagħmlu traduzzjoni taʼ lingwi oħra, hux hekk? 31 Għalhekk, agħmlu l-aħjar li tistgħu* biex tirċievu l-aqwa rigali. Imma issa se nurikom xi ħaġa li hi bil-wisq aħjar mill-oħrajn.
13 Jekk nitkellem bil-lingwi tan-nies u tal-anġli imma m’għandix imħabba, inkun qisni qanpiena li tagħmel ħoss qawwi jew ċimbalu storbjuż. 2 Jekk ikolli l-abbiltà li nipprofetizza, nifhem is-sigrieti kollha t’Alla, nirċievi l-għarfien b’mod mirakoluż, u jkolli fidi li nċaqlaq il-muntanji, imma ma jkollix imħabba, ma jien xejn.* 3 U jekk nagħti kulma għandi biex nitmaʼ lill-foqra, u nkun lest li nissagrifika ħajti sabiex ikolli biex niftaħar, imma ma jkollix imħabba, mhu se jiswieli xejn.
4 L-imħabba* hi paċenzjuża* u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma titkabbarx, 5 ma tagħmilx affarijiet tal-mistħija,* mhix egoista,* ma tirrabjax malajr, u ma żżommx f’qalbha.* 6 L-imħabba ma tifraħx b’affarijiet ħżiena,* imma bil-verità. 7 L-imħabba qatt ma taqtaʼ qalbha,* din temmen kollox, dejjem tittama, u tissaporti kollox.
8 L-imħabba ma tispiċċa* qatt. L-abbiltà li wieħed jipprofetizza u li jitkellem b’lingwi oħra se tispiċċa. Ir-rigal speċjali tal-għarfien se jiġi fix-xejn. 9 L-għarfien li għandna hu limitat, u anki dak li nipprofetizzaw. 10 Imma dak li hu limitat se jispiċċa meta jkollna l-għarfien kollu u nipprofetizzaw b’mod sħiħ. 11 Meta kont tifel, kont nitkellem bħal tifel, naħseb bħal tifel, u nirraġuna bħal tifel. Imma issa li kbirt, dawn l-affarijiet m’għadnix nagħmilhom. 12 Bħalissa naraw imċajpar bħallikieku f’mera tal-metall, imma mbagħad se naraw ċar.* Bħalissa dak li naf dwar Alla hu limitat, imma mbagħad se nkun naf eżatt dwaru, bħalma hu jaf eżatt dwari. 13 Għalhekk, jibqaʼ dawn it-tliet kwalitajiet: il-fidi, it-tama, u l-imħabba. Imma l-aqwa waħda minnhom hi l-imħabba.
14 Fuq kollox, komplu uru mħabba, imma agħmlu l-aħjar li tistgħu* biex tirċievu r-rigali tal-ispirtu qaddis, speċjalment l-abbiltà li tipprofetizzaw. 2 Il-persuna li għandha l-abbiltà li titkellem b’lingwi differenti, titkellem m’Alla u mhux man-nies. Ħadd ma jifhem dak li tgħid, għax hi tgħid affarijiet sigrieti permezz tal-qawwa tal-ispirtu. 3 Imma min jipprofetizza jsaħħaħ, jinkuraġġixxi, u jfarraġ lill-oħrajn b’dak li jgħid. 4 Il-persuna li titkellem b’lingwi differenti tinkuraġġixxi lilha nfisha, imma min jipprofetizza jinkuraġġixxi lill-kongregazzjoni. 5 Jien nixtieq li kollha titkellmu b’lingwi differenti, imma nippreferi li jkollkom l-abbiltà li tipprofetizzaw. Min jipprofetizza hu aqwa minn dak li għandu r-rigal li jitkellem b’lingwi differenti, sakemm ma jittraduċix dak li jgħid biex jinkuraġġixxi l-kongregazzjoni. 6 Ħuti, kieku kelli niġi u nkellimkom b’lingwi li ma tafux, se jkun t’għajnuna għalikom? Jien se ngħinkom biss jekk inkellimkom permezz tar-rigal tar-rivelazzjoni minn Alla, tal-għarfien, tal-ipprofetizzar, jew tat-tagħlim.
7 Hu l-istess b’affarijiet bla ħajja li jagħmlu ħoss, bħal flawt jew arpa. Jekk ma jindaqqux noti differenti, kif jistaʼ wieħed jinduna x’qed jindaqq bil-flawt jew l-arpa? 8 Jekk il-ħoss tat-trumbetta ma jkunx ċar, min se jlesti għall-battalja? 9 Bl-istess mod, jekk ma tużawx kliem li jinftiehem faċilment, ħadd mhu se jifhimkom. Tkunu qed titkellmu għalxejn. 10 Hemm ħafna lingwi differenti fid-dinja u kollha jistgħu jinftiehmu. 11 Jekk ma nifhimx dak li qed jintqal, inkun qisni barrani għal dak li qed jitkellem, u hu jkun qisu barrani għalija. 12 L-istess ħaġa tapplika għalikom. Ladarba tixtiequ ħafna r-rigali tal-ispirtu qaddis, fittxu rigali li se jsaħħu l-kongregazzjoni.
13 Għalhekk, dak li jitkellem b’lingwi differenti għandu jitlob biex ikun jistaʼ jittraduċi dak li qed jgħid. 14 Jekk nitlob b’lingwa differenti, ikun ir-rigal tal-ispirtu li qed jitlob, imma jien ma nkun qed nifhem xejn. 15 Allura x’għandi nagħmel? Jien se nitlob bir-rigal tal-ispirtu, imma se nitlob ukoll b’mod li nifhem dak li qed ngħid.* Jien se nfaħħar lil Alla bil-kant permezz tar-rigal tal-ispirtu, imma se nagħmel dan ukoll bi kliem li nifhem.* 16 Inkella, jekk int tfaħħar lil Alla permezz tar-rigal tal-ispirtu, il-persuna l-oħra kif tistaʼ tgħid “Ammen” għat-talba taʼ ringrazzjament tiegħek? Hi ma tkunx taf x’qed tgħid. 17 Tistaʼ tkun qed tirringrazzja lil Alla bl-aħjar mod, imma l-persuna l-oħra mhux se tibbenefika. 18 Jien nirringrazzja lil Alla li għandi r-rigal li nitkellem b’iktar lingwi minnkom kollha. 19 Imma f’kongregazzjoni nippreferi ngħid ħames kelmiet li nifhimhom, biex ngħallem lil oħrajn, milli 10,000 kelma b’lingwa li ma tinftihemx.
20 Ħuti, tkunux bħat-tfal fil-mod kif taħsbu, imma kunu innoċenti bħat-tfal żgħar fejn jidħol dak li hu ħażin u mmaturaw fil-mod kif taħsbu. 21 Fil-Liġi hemm miktub: “Ġeħova* jgħid, ‘Jien se nuża nies li jitkellmu lingwi differenti u stranġieri biex inkellem lil dan il-poplu, u huma xorta mhux se jisimgħu minni.’” 22 L-abbiltà taʼ dawk li jitkellmu b’lingwi differenti hi sinjal għal dawk li ma jemmnux, u mhux għal dawk li jemmnu. Imma l-abbiltà taʼ dawk li jipprofetizzaw hi għal dawk li jemmnu, u mhux għal dawk li ma jemmnux. 23 Jekk tiltaqgħu flimkien bħala kongregazzjoni u tibdew titkellmu kollha b’lingwi differenti u jidħlu nies komuni jew uħud li ma jemmnux, huma jaħsbu li tlaqtu minn moħħkom. 24 Imma jekk kollha tkunu qed tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi ħadd komuni, dak li jismaʼ se jiswa biex jikkoreġih, u hu se jeżamina lilu nnifsu sew. 25 Hu jsir jaf x’hemm moħbi f’qalbu, u b’hekk jinxteħet wiċċu fl-art u jqim lil Alla u jgħid: “Alla veru qiegħed fostkom.”
26 Allura x’għandkom tagħmlu, ħuti? Meta tiltaqgħu flimkien, wieħed minnkom għandu jkanta lil Alla, ieħor jgħallem, ieħor jgħid dak li wrieh Alla, ieħor jitkellem b’lingwi differenti, u ieħor jittraduċi u jispjega. Dan kollu għandu jsir biex issaħħu lil xulxin. 27 Jekk xi wħud jitkellmu b’lingwi differenti, m’għandhomx ikunu iktar minn tnejn jew tlieta. Huma għandhom jitkellmu wieħed wara l-ieħor, u għandu jkun hemm xi ħadd li jittraduċi dak li jgħidu. 28 Imma l-persuna li ma jkollhiex min jittraduċilha, m’għandhiex titkellem fil-kongregazzjoni imma għandha titkellem biss f’qalbha m’Alla. 29 Għandhom jitkellmu żewġ profeti jew tlieta, u l-oħrajn għandhom jagħmlu sforz biex jifhmu. 30 Jekk ħaddieħor jitkellem dwar il-kliem li jirċievi mingħand Alla waqt li jkun bilqiegħda fil-laqgħa, dak li jkun qed jitkellem qablu għandu joqgħod kwiet. 31 Tistgħu tipprofetizzaw wieħed wara l-ieħor, u b’hekk kulħadd ikun jistaʼ jitgħallem u jiġi inkuraġġit. 32 Il-profeti għandhom jikkontrollaw kif jużaw ir-rigal tal-ispirtu li rċivew. 33 Għax Alla hu Alla tal-paċi u mhux tad-diżordni.
Bħalma jsir fil-kongregazzjonijiet kollha tal-qaddisin, 34 in-nisa m’għandhomx jitkellmu fil-kongregazzjonijiet għax m’għandhomx permess. Huma għandhom ikunu ubbidjenti* bħalma tgħid il-Liġi. 35 Jekk iridu jitgħallmu xi ħaġa, għandhom jistaqsu lir-raġel tagħhom id-dar. Hu taʼ diżrispett li mara titkellem fil-kongregazzjoni.
36 Jaqaw mingħandkom ġiet il-kelma t’Alla? Jew intom biss irċivejtuha?
37 Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew li għandu r-rigal tal-ispirtu qaddis, għandu jirrealizza li dak li qed niktbilkom hu dak li kkmanda l-Mulej. 38 Imma jekk xi ħadd ma jirrealizzax dan, Alla se jinjorah.* 39 Għalhekk ħuti, kunu ħerqanin biex tipprofetizzaw, imma twaqqfu lil ħadd milli jitkellem b’lingwi differenti. 40 Kollox għandu jsir kif suppost u bl-ordni.
15 Ħuti, irrid infakkarkom dwar l-aħbar tajba li xandartilkom. Intom aċċettajtu dan il-messaġġ u fdajtuh. 2 Jekk tkomplu żżommu sod mat-twemmin tagħkom fl-aħbar tajba li xandartilkom jien, tiġu salvati, imma jekk le, ikun għalxejn li temmnu.
3 Fost l-ewwel affarijiet li għedtilkom kien hemm dak li tgħallimt jien stess, li skont l-Iskrittura, Kristu miet għad-dnubiet tagħna. 4 Hu ġie midfun u fit-tielet jum ġie mqajjem, bħalma tgħid l-Iskrittura. 5 Hu deher lil Kefa,* imbagħad lit-12-il appostlu. 6 Wara, hu deher lil iktar minn 500 ħu f’daqqa. Għalkemm xi ftit minnhom mietu, ħafna għadhom ħajjin. 7 Wara, hu deher lil Ġakbu, imbagħad lill-appostli kollha. 8 Fl-aħħar deher lili wkoll, bħallikieku lil tarbija li twieldet qabel iż-żmien.
9 Għax jien l-inqas importanti mill-appostli. Ma jixraqlix li nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-kongregazzjoni t’Alla. 10 Imma għax Alla wrieni qalb tajba kbira, jien irċivejt dan l-inkarigu.* U l-qalb tajba kbira li wera miegħi ma kinitx għalxejn, għax jien ħdimt iktar iebes mill-oħrajn kollha. Imma m’għamiltx dan bis-saħħa tiegħi stess, għamilt dan permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla. 11 Kemm jekk ġejtu mgħallmin minni jew minn oħrajn, dan hu l-messaġġ li nippritkaw, u dan hu dak li sirtu temmnu.
12 Il-messaġġ li nippritkaw hu li Kristu ġie mqajjem mill-mewt. Allura għala xi wħud minnkom jgħidu li m’hemmx irxoxt? 13 Jekk m’hemmx irxoxt, allura Kristu ma ġiex imqajjem mill-mewt. 14 Imma jekk Kristu ma ġiex irxoxtat, allura l-ippritkar tagħna hu għalxejn, u anki l-fidi tagħkom hi għalxejn. 15 Iktar minn hekk, kieku nkunu qed nagħtu xhieda falza dwar Alla. Kieku qed inxerrdu messaġġ falz dwar Alla billi ngħidu li hu qajjem lill-Kristu mill-mewt. Imma dan ma jistax ikun jekk il-mejtin mhux vera se jiġu mqajmin. 16 Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, allura lanqas Kristu ma ġie rxoxtat. 17 U jekk Kristu ma ġiex irxoxtat, il-fidi tagħkom hi għalxejn; intom tkunu għadkom ħatjin tad-dnubiet tagħkom. 18 Ukoll, kieku d-dixxipli taʼ Kristu li diġà mietu jkunu spiċċaw għalkollox. 19 Jekk it-tama fi Kristu hi għal din il-ħajja biss, aħna l-iktar nies imsieken.
20 Imma aħna nafu li Kristu ġie mqajjem mill-mewt. Hu l-ewwel wieħed* li ġie rxoxtat minn dawk li mietu. 21 Peress li l-mewt ġiet permezz taʼ bniedem, l-irxoxt ukoll ġej permezz taʼ bniedem. 22 Bħalma kulħadd qed imut minħabba Adam, kulħadd se jingħata l-ħajja permezz tal-Kristu. 23 Imma kull wieħed se jingħata l-ħajja skont kif imissu: Kristu kien l-ewwel wieħed;* imbagħad, meta l-Kristu jiġi lura, jingħataw il-ħajja dawk li huma tiegħu. 24 Wara jiġi t-tmiem. Imbagħad meta jkun ġab fix-xejn kull gvern, awtorità, u qawwa, hu jagħti lura s-Saltna lill-Alla tiegħu li hu Missieru. 25 Hu se jmexxi bħala re sakemm Alla jqiegħed l-għedewwa kollha taħt il-kontroll tiegħu.* 26 Imbagħad il-mewt, li hi l-aħħar għadu, se tiġi meqruda. 27 L-Iskrittura tgħid li Alla “poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu.”* Imma meta Alla jgħid li ‘tpoġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu,’ huwa ċar li dan ma jinkludix lil Alla, li poġġa kollox taħt il-kontroll taʼ Kristu. 28 Imma wara li Alla jkun poġġa l-affarijiet kollha taħt il-kontroll ta’ Ibnu, l-Iben stess se juri li hu taħt l-awtorità t’Alla, li poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu. Imbagħad Alla se jkun kollox għal* kulħadd.
29 Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, x’se jiġri minn dawk li tgħammdu għall-iskop li jmutu? Għala qed jiġu mgħammdin għal skop bħal dan? 30 U għala qed niffaċċjaw ukoll periklu l-ħin kollu? 31 Kuljum niffaċċja l-mewt. Ħuti, dan hu veru daqskemm hu veru l-ferħ li għandi minħabba r-relazzjoni tagħkom maʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna. 32 Jekk jien iġġilidt maʼ bhejjem slavaġ f’Efesu bħal bnedmin oħra,* x’jiswieli? Jekk il-mejtin mhux se jiġu rxoxtati, mela “ejja nieklu u nixorbu, għax għada se mmutu.” 33 Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar drawwiet* tajba. 34 Għandkom tiġu f’sensikom u tagħmlu dak li hu tajjeb. Tkomplux tagħmlu d-dnub. Xi wħud minnkom ma jafux verament lil Alla. Qed ngħidilkom dan biex inġegħelkom tistħu.
35 Imma xi ħadd se jistaqsi: “Il-mejtin kif se jiġu rxoxtati? X’tip taʼ ġisem se jkollhom?” 36 Dawn mistoqsijiet bla sens! Meta tiżraʼ żerriegħa, din l-ewwel tmut u mbagħad tikber.* 37 U meta tiżraʼ, int ma tiżrax il-pjanta,* int tiżraʼ biss iż-żerriegħa, kemm jekk tal-qamħ jew taʼ xi ħaġa oħra. 38 Alla jkabbar lil kull pjanta kif jogħġbu, u hekk kif iż-żrieragħ jikbru, dawn ma jkunux l-istess. 39 Ukoll, l-affarijiet kollha li għandhom ġisem mhumiex l-istess. In-nies, l-annimali, l-għasafar, u l-ħut kollha għandhom ġisem, imma huma differenti minn xulxin. 40 Hemm ukoll iġsma tas-sema u iġsma tal-art. Is-sbuħija tal-iġsma tas-sema hi differenti minn tal-iġsma tal-art. 41 Is-sbuħija tax-xemx hi differenti mis-sbuħija tal-qamar jew tal-istilel. Infatti, is-sbuħija taʼ kull stilla hi differenti minn dik tal-istilel l-oħra.
42 L-istess bl-irxoxt tal-mejtin. Dak li jiġi miżrugħ* jispiċċa, dak li jiġi mqajjem ma jispiċċax. 43 Meta l-ġisem jindifen,* jiġi ddiżonorat; imma meta jiġi rxoxtat ikun onorat. Jindifen fid-dgħufija; jiġi mqajjem fil-qawwa. 44 Jindifen* ġisem fiżiku, jiġi mqajjem ġisem spiritwali. Jekk hemm ġisem fiżiku, hemm ukoll wieħed spiritwali. 45 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “L-ewwel bniedem Adam sar persuna* ħajja.” L-aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-ħajja. 46 Madankollu, il-bniedem* spiritwali ma ġiex l-ewwel. Il-bniedem fiżiku ġie l-ewwel, u warajh ġie dak spiritwali. 47 L-ewwel bniedem ġie mill-art u kien magħmul mit-trab; it-tieni bniedem ġie mis-sema. 48 Dawk li huma magħmulin mit-trab huma bħall-ewwel bniedem li kien magħmul mit-trab; u dawk li huma tas-sema huma bħal dak li ġie mis-sema. 49 Bħalma issa aħna qisna l-wieħed li kien magħmul mit-trab, se nsiru wkoll bħal dak li ġie mis-sema.
50 Ħuti, naċċertakom li l-iġsma li huma magħmulin mid-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-Saltna t’Alla, u dak li jispiċċa ma jistax jiret dak li ma jistax jispiċċa. 51 Issa se ngħidilkom sigriet qaddis: Mhux kollha se mmutu, imma kollha se ninbidlu. 52 Dan se jiġri f’daqqa, f’ħakka t’għajn, meta tindaqq l-aħħar trumbetta. Tindaqq it-trumbetta, u l-mejtin jiġu mqajmin u qatt ma jispiċċaw, u aħna ninbidlu. 53 Dan il-ġisem li jistaʼ jispiċċa* se jinbidel f’wieħed li ma jistax jispiċċa. U dan il-ġisem li jistaʼ jmut, se jinbidel f’wieħed li qatt ma jistaʼ jmut.* 54 Imma meta dan il-ġisem li jistaʼ jispiċċa jinbidel f’wieħed li ma jistax jispiċċa, u dan il-ġisem li jistaʼ jmut jinbidel f’wieħed li qatt ma jistaʼ jmut, iseħħ dak li hemm miktub: “Il-mewt se tinqered* għal dejjem.” 55 “Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-tingiża* tiegħek?” 56 Id-dnub hu t-tingiża* li ġġib il-mewt, u l-qawwa tad-dnub dehret permezz tal-Liġi. 57 Imma aħna nirringrazzjaw lil Alla, għax hu jagħtina r-rebħa permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu!
58 Għalhekk għeżież aħwa, kunu sodi u stabbli, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-xogħol tal-Mulej. Ftakru li x-xogħol iebes tagħkom għall-Mulej qatt mhu għalxejn.
16 Issa dwar il-ġbir għall-qaddisin, għandkom timxu mad-direzzjoni li tajt lill-kongregazzjonijiet tal-Galazja. 2 Fl-ewwel ġurnata taʼ kull ġimgħa, kull wieħed minnkom għandu jwarrab xi ħaġa skont kemm jaffordja. B’hekk, il-ġbir ma jsirx meta niġi jien. 3 Meta niġi, nibgħat lill-irġiel li ssuġġerejtu fl-ittri tagħkom biex jieħdu r-rigal ġeneruż tagħkom Ġerusalemm. 4 Imma jekk ikun jaqbel li mmur jien ukoll, immorru hemm flimkien.
5 Jien se niġi ħdejkom wara li nkun għaddejt mill-Maċedonja, għax beħsiebni ngħaddi minn hemm. 6 Jistaʼ jkun li noqgħod ftit magħkom, forsi saħansitra x-xitwa kollha. Imbagħad tkunu tistgħu tiġu miegħi biċċa mit-triq għal fejn inkun sejjer. 7 Ma rridx narakom biss jien u għaddej. Qed nittama li nqattaʼ xi żmien magħkom, jekk Ġeħova* jrid. 8 Imma jien se nibqaʼ Efesu sal-Festa taʼ Pentekoste, 9 għax ingħatatli opportunità kbira* biex nagħmel iktar fix-xogħol tal-Mulej. Però hemm ħafna li jopponu.
10 Jekk jasal Timotju, ilqgħuh u kkoperaw miegħu ħalli ma jkollux dwar xiex jinkwieta waqt li jkun magħkom. Hu qed jaħdem għal Ġeħova* bħali. 11 Tħallu lil ħadd imaqdru. Morru miegħu biċċa mit-triq fil-paċi,* ħalli jiġi għandi. Jien qed nistennieh flimkien mal-aħwa l-oħra.
12 Jien ħeġġiġt ħafna lil ħuna Apollo biex jiġi għandkom mal-aħwa l-oħra. Hu ma kienx beħsiebu jiġi issa, imma meta jkollu l-opportunità se jiġi.
13 Ibqgħu attenti, żommu l-fidi tagħkom soda, kunu kuraġġużi* u sodi. 14 Agħmlu kollox bl-imħabba.
15 Ħuti, intom tafu li dawk mid-dar taʼ Stefanas kienu l-ewwel li bdew jemmnu* fl-Akaja u huma dejjem lesti biex jaqdu lill-qaddisin. 16 Inħeġġiġkom biex tkomplu tikkooperaw maʼ nies bħal dawn u maʼ dawk kollha li qed jaħdmu iebes u jaqdu flimkien magħhom. 17 Jien ferħan li Stefanas, Fortunatu, u Akajku qegħdin miegħi. Huma għenuni ħafna meta intom ma kontux hawn. 18 Huma inkuraġġew ħafna lili u lilkom.* Għalhekk, uru l-apprezzament tagħkom għal nies bħal dawn.
19 Il-kongregazzjonijiet tal-Asja sellew għalikom. Akwila u Priska u l-kongregazzjoni li tiltaqaʼ fid-dar tagħhom isellu għalikom mill-qalb bħala dixxipli tal-Mulej. 20 L-aħwa kollha jsellu għalikom. Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.*
21 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess.
22 Jekk xi ħadd ma jħobbx lill-Mulej, ħa jkun misħut. Ejja Mulej, jekk jogħġbok! 23 Jalla l-Mulej Ġesù jurikom qalb tajba kbira. 24 Nixtieq nibgħat l-imħabba tiegħi lilkom kollha li intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
Jew “jgħajtu isem.”
Jew “tieħdu sehem.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “li Kristu hu mifrud?”
Jew “narmi.”
Jew “l-iskriba.”
Jew “din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “l-affarijiet.”
Ara App. A5.
Letteralment “ma nkun naf.”
Jew “din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “Qabel is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “joqtlu fuq iz-zokk.”
Jew “l-affarijiet profondi.”
Jew “f’moħħu.” Letteralment “fl-ispirtu tiegħu.”
Jew “il-bniedem fiżiku.”
Jew “il-bniedem spiritwali jeżamina.”
Ara App. A5.
Letteralment “bnedmin spiritwali.”
Letteralment “bħala bnedmin tal-laħam.”
Letteralment “tmajtkom.”
Letteralment “b’saħħitkom biżżejjed.”
Letteralment “għadkom tal-laħam.”
Jew “qed tagħmlu bħalma jagħmlu l-midinbin.”
Jew “ministri.”
Jew “għandhom skop wieħed.”
Jew “direttur għaref tax-xogħol.”
Jew “se jmur minn taħt.”
Jew “is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ara App. A5.
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “Prokuraturi.”
Ara App. A5.
Jew “jiġġudikani.”
Jew “Tmorrux lil hinn minn dak.”
Jew “għax sirna spettaklu teatrali għan-nies.”
Letteralment “nitolbu bil-ħerqa.”
Jew “fil-metodi li nuża.”
Ara App. A5.
Letteralment “bil-bastun.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ħa l-mara.”
Letteralment “fl-ispirtu.”
Letteralment “fl-ispirtu.”
Letteralment “għall-qerda tal-laħam.”
Jew “imbroljuni.”
Jew “imbroljun.”
Jew “targumenta.”
Jew “quddiem nies inġusti.”
Jew “il-magħżulin t’Alla.”
Il-lingwa oriġinali hawnhekk tuża żewġ kelmiet differenti li jinkludu dawk li jħallu lil ħaddieħor jagħmel atti omosesswali fuqhom u dawk li jagħmlu atti omosesswali fuq ħaddieħor.
Jew “l-imbroljuni.”
Jew “iddikkjarati bla ħtija.”
Jew “ikollu awtorità fuqi.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “il-membri.”
Jew “hu spirtu wieħed miegħu.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “ma jmissx mara.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-bżonnijiet sesswali.”
Letteralment “nodfa.”
Jew “jissepara.”
Ara App. A5.
Letteralment “verġni.”
Letteralment “tribulazzjoni f’laħamhom.”
Letteralment “ix-xena taʼ din id-dinja.”
Jew “ansjużi.”
Jew “il-ħsibijiet tagħha.” Letteralment “l-ispirtu tagħha.”
Jew “mhux biex norbotkom.”
Jew “u jkun għadda l-fjur taż-żgħożija.”
Jew “determinat f’qalbu.”
Letteralment “tiżżewweġ biss fil-Mulej.”
Jew “tibni.”
Jew “ma jġegħelx lil dawk li huma dgħajfin jidinbu.”
Letteralment “is-siġill.”
Jew “jiġġudikawni.”
Letteralment “l-awtorità.”
Jew “oħt bħala mara.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dris; Qiegħa tad-dris.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “żrajna.”
Letteralment “naħsdu.”
Letteralment “l-awtorità.”
Letteralment “bi prokura.”
Jew “mid-dritt; mill-awtorità.”
Jew “ngħin.”
Jew “nikkastiga.” Letteralment “insawwat.”
Jew “niġi skwalifikat.”
Jew “twissija; eżempju.”
Ara App. A5.
Letteralment “mill-qerried.”
Jew “tas-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tal-barkiet li aħna nbierku.”
Jew “li ma jemmnux.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “jibni.”
Ara App. A5.
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “Imitaw lili.”
Jew “nimita lil.”
Letteralment “iżżommu sod mat-tradizzjonijiet.”
Letteralment “hu l-kap.”
Dan jista’ jirreferi wkoll għal li jġib mistħija fuq dak li għandu awtorità fuqu.
Dan jista’ jirreferi wkoll għal li ġġib mistħija fuq dak li għandu awtorità fuqha.
Jiġifieri għandhom bżonn lil xulxin.
Jew “xi ħaġa onorabbli; hu glorja għaliha.”
Jew “firdiet; gruppi separati.”
Jew “tiftakru x’għamilt.”
Jew “il-ftehim.”
Jew “titkellmu dwar.”
Letteralment “iġib ġudizzju fuqu.”
Jiġifieri dgħajfin, morda, jew qed imutu spiritwalment.
Letteralment “iġġudikati.”
Ara App. A5.
Jew “l-abbiltajiet.”
Jew “meta kontu Ġentili,” jiġifieri nies taʼ popli oħra.
Letteralment “rigali taʼ fejqan.”
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “ingħatajna biex nixorbu.”
Jew “inqas onorabbli.”
Jew “unur.”
Jew “igglorifikata.”
Jew “ir-rigali taʼ fejqan.”
Jew “ir-rigali taʼ fejqan.”
Jew “stinkaw.”
Jew “li nagħmel ikun għalxejn.”
Jew “Min iħobb.”
Jew “tistabar fit-tul.”
Jew “ma ġġibx ruħha b’mod indiċenti.”
Jew “ma tfittixx l-interessi tagħha.”
Jew “ma żżommx kont tal-ħsara.”
Jew “bl-inġustizzja.”
Jew “L-imħabba tiflaħ kollox.”
Jew “ma tbatti.”
Jew “se tkun wiċċ imb wiċċ.”
Jew “stinkaw.”
Jew “nitlob ukoll b’moħħi.”
Jew “b’moħħi.”
Ara App. A5.
Jew “sottomessi.”
Jew forsi “jekk xi ħadd hu injorant, se jibqaʼ injorant.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “jien dak li jien.”
Letteralment “l-ewwel frott.”
Letteralment “l-ewwel frott.”
Letteralment “taħt saqajh.”
Letteralment “taħt saqajh.”
Jew “se jkun fuq.”
Jew forsi “mill-ħarsa tal-bnedmin.”
Jew “morali.”
Letteralment “tieħu l-ħajja.”
Letteralment “il-ġisem.”
Jew “midfun.”
Letteralment “jinżeraʼ.”
Letteralment “Jinżeraʼ.”
Jew “ruħ.”
Jew “il-ġisem.”
Jew “li qed imut.”
Jew “immortali.”
Letteralment “se tinbelaʼ.”
Jew “il-qawwa li tweġġaʼ.”
Jew “il-qawwa li tweġġaʼ.”
Ara App. A5.
Letteralment “infetaħli bieb kbir.”
Ara App. A5.
Jew “Ibagħtuh fi triqtu bil-barka tagħkom.”
Jew “kunu rġiel.”
Letteralment “l-ewwel frott.”
Jew “kienu taʼ serħan għall-ispirtu tiegħi u tagħkom.”
Letteralment “b’bewsa qaddisa.”