IT-TIENI ITTRA LILL-KORINTIN
1 Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, u ħuna Timotju, qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni t’Alla f’Korintu, inkluż il-qaddisin kollha li qegħdin fl-Akaja kollha:
2 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
3 Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier li jħenn ħafna, u l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni.* 4 Hu jinkuraġġina* kull meta nkunu għaddejjin minn xi prova.* Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna nkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn tkun xi tkun il-prova li jkunu għaddejjin minnha. 5 Aħna nbatu ħafna affarijiet għax aħna dixxipli taʼ Kristu, imma permezz taʼ Kristu, aħna nirċievu ħafna inkuraġġiment ukoll. 6 Issa jekk aħna qed niffaċċjaw il-provi, dan ġara biex intom tiġu inkuraġġiti u salvati. U jekk aħna qed niġu inkuraġġiti, dan biex anki intom tiġu inkuraġġiti. Dan l-inkuraġġiment se jgħinkom tissaportu l-istess tbatijiet li qed inbatu aħna wkoll. 7 Aħna għandna fiduċja sħiħa fikom u nafu li bħalma intom qed tbatu bħalna, intom ukoll se tiġu inkuraġġiti bħalna.
8 Ħuti, nixtiqukom tkunu tafu li għaddejna minn tbatija kbira fil-provinċja tal-Asja. Konna taħt pressjoni estrema iktar milli nifilħu, tant li ħsibna li se mmutu. 9 Infatti ħassejna li konna ġejna kkundannati għall-mewt. Din l-esperjenza għallmitna biex ma nafdawx fina nfusna, imma fl-Alla li jqajjem lill-mejtin. 10 Hu salvana minn din is-sitwazzjoni perikoluża u se jerġaʼ jagħmel hekk. Aħna fiduċjużi li hu se jkompli jsalvana. 11 Intom ukoll tistgħu tgħinuna billi titolbu lil Alla bil-ħniena għalina. Jekk ħafna jitolbu, aħna nistgħu nirċievu l-għajnuna bħala tweġiba għal dan it-talb, u b’hekk ħafna jirringrazzjaw lil Alla għalina għal din l-għajnuna.
12 Aħna niftaħru li għandna kuxjenza nadifa, għax waqt li konna man-nies tad-dinja, u speċjalment waqt li konna magħkom, aħna wrejna qdusija u sinċerità li tiġi minn Alla. Barra minn hekk, aħna ma striħajniex fuq l-għerf tad-dinja, imma fuq il-qalb tajba kbira t’Alla. 13 Qed niktbulkom biss dwar affarijiet li tistgħu taqraw* u tifhmu, u nittama li tkomplu tifhmu għalkollox* dawn l-affarijiet, 14 bħalma xi wħud minnkom fehmu wkoll li għandhom għalfejn jiftaħru bina. Aħna wkoll se niftaħru bikom fil-jum li jiġi l-Mulej tagħna Ġesù.
15 Peress li kont ċert minn dan, jien kelli l-ħsieb li niġi għandkom l-ewwel, sabiex ikollkom għal xiex tifirħu għat-tieni darba.* 16 Għax kelli l-ħsieb li niġi għandkom jien u sejjer il-Maċedonja, u mbagħad nerġaʼ niġi xħin nitlaq minn hemm. U wara intom tkunu tistgħu tiġu biċċa mit-triq miegħi lejn il-Lhudija. 17 Meta kelli dan il-ħsieb, ma ħadtx l-affarijiet biċ-ċajt. Jien ma ppjanajtx dan b’mottivi egoisti meta għedtilkom “Iva, iva” u mbagħad “Le, le.” 18 Bħalma Alla hu taʼ min jafdah, anki dak li ngħidu hu taʼ min jafdah. Aħna mhux se ngħidulkom “iva” u jkun “le.” 19 Għax l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom jien, Silvanu,* u Timotju, ma jgħidx “iva” u mbagħad “le,” imma l-“iva” tiegħu dejjem tkun “iva.” 20 Għax il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru “iva”* permezz tiegħu. Għalhekk, aħna permezz tiegħu wkoll nistgħu ngħidu “Ammen” meta nitolbu lil Alla, u b’hekk nagħtuh glorja. 21 Imma hu Alla li jiggarantixxi li aħna u intom taʼ Kristu, u hu Alla li għażilna.* 22 Hu wkoll poġġa s-siġill tiegħu fuqna. Dan is-siġill hu l-ispirtu qaddis f’qalbna, li hu l-garanzija taʼ dak li għandu jiġi.
23 Jien għadni ma ġejtx Korintu għax ma rridx li nġegħelkom tħossukom agħar. Naħlef dan quddiem Alla b’ħajti.* 24 Aħna m’aħniex sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom biex tkunu ferħanin, għax intom iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom.
2 Iddeċidejt li la nerġaʼ niġi ma nerġax nagħmlilkom id-dwejjaq. 2 Jekk nagħmel id-dwejjaq lilkom kollha, mhu se jkun hemm ħadd li jferraħni. 3 Ktibtilkom din l-ittra ħalli meta niġi ma nkunx imdejjaq minħabba fikom imma nifraħ, għax jien ċert li dak li jġib ferħ lili, iġib ferħ lilkom ukoll. 4 Jien ktibtilkom b’ħafna dmugħ, b’ħafna tbatija, u bi wġigħ taʼ qalb mhux biex nagħmlilkom id-dwejjaq, imma biex tkunu tafu kemm hi kbira l-imħabba li għandi għalikom.
5 Jekk xi ħadd għamlilkom id-dwejjaq, hu m’għamilx dan lili, imma lilkom kollha sa ċertu punt. Iżda ma nixtieqx ngħid xi ħaġa u niggrava s-sitwazzjoni. 6 Intom diġà ddixxiplinajtu lir-raġel li għamel id-dnub. Dan kien biżżejjed. 7 Imma issa għandkom taħfrulu mill-qalb u tgħinuh iħossu aħjar, ħalli ma jkunx tant imdejjaq li jaqtaʼ qalbu. 8 Għalhekk inħeġġiġkom biex taċċertawh li tħobbuh. 9 Qed niktbilkom ukoll biex nara jekk hux qed tobdu f’kollox. 10 Jekk taħfru xi ħaġa lil xi ħadd, jien naħfirlu wkoll. Infatti kull meta ħfirt għamilt dan biex ngħinkom, u Kristu hu xhud taʼ dan. 11 Hu importanti li naħfru lil xulxin ħalli Satana ma jiħux vantaġġ minna,* għax aħna nafuhom il-pjanijiet* tiegħu.
12 Meta wasalt Troas biex inxandar l-aħbar tajba dwar il-Kristu u ngħatatli opportunità fix-xogħol tal-Mulej, 13 ma stajtx nieqaf ninkwieta għax lil ħija Titu ma sibtux. Għalhekk sellimt lid-dixxipli t’hemm u tlaqt lejn il-Maċedonja.
14 Imma nirringrazzjaw lil Alla li dejjem imexxina bħal suldati li jiġu lura minn rebħa fi gwerra flimkien mal-Kristu. Ukoll, permezz tagħna, Alla jxandar l-għarfien dwaru kullimkien, li hu bħal riħa tfuħ. 15 Aħna li nippritkaw dwar il-Kristu qisna riħa tfuħ għal Alla. Din ixommuha kemm dawk li qed jiġu salvati u kemm dawk li qed jinqerdu. 16 Għal dawn li qed jinqerdu din hi riħa tal-mewt li twassal għall-mewt, u għal dawk li qed jiġu salvati din hi riħa tal-ħajja li twassal għall-ħajja. Min hu kkwalifikat għal dan? 17 Aħna nikkwalifikaw għax ma nagħmlux negozju* mill-kelma t’Alla bħalma jagħmlu ħafna nies, imma aħna nitkellmu b’sinċerità bħala dixxipli taʼ Kristu. Iva, aħna ġejna inkarigati minn Alla u qed nagħmlu dan ix-xogħol quddiemu.
3 Għandna għalfejn nerġgħu nintroduċu lilna nfusna? Jew, bħal xi nies oħrajn, għandna bżonn ittri taʼ rakkomandazzjoni* għalikom jew mingħandkom? 2 Intom stess l-ittra tagħna, miktuba f’qalbna. Din hi magħrufa u tinqara mill-bnedmin kollha. 3 Għax jidher ċar li intom ittra taʼ Kristu miktuba mingħandna bħala l-qaddejja t’Alla. Aħna ma ktibnihiex bil-linka imma bl-ispirtu tal-Alla l-ħaj, u mhux fuq twavel tal-ġebel imma fuq il-qlub.*
4 Permezz tal-Kristu, aħna għandna fiduċja li sirna qaddejja kkwalifikati quddiem Alla. 5 Mhux qed ngħidu li aħna kkwalifikati bis-saħħa tagħna stess, imma hu Alla li jikkwalifikana għal dan ix-xogħol. 6 Hu l-wieħed li jikkwalifikana bħala qaddejja taʼ patt ġdid, mhux qaddejja taʼ Liġi miktuba, imma tal-ispirtu; għax il-Liġi miktuba tikkundanna għall-mewt, imma l-ispirtu jagħti l-ħajja.
7 Barra minn hekk, il-Liġi li ġġib il-mewt u li tnaqqxet fil-ġebel ingħatat bi glorja kbira, tant li l-Iżraelin ma setgħux iħarsu lejn wiċċ Mosè minħabba r-raġġi tal-glorja taʼ wiċċu, glorja li kienet se tispiċċa. 8 Allura m’għandux l-ispirtu jingħata b’iktar glorja? 9 Għax jekk il-Liġi li tikkundanna n-nies għall-mewt għandha l-glorja, kemm iktar għandu glorja x-xogħol li jwassal għall-ġustizzja! 10 Fil-fatt, anki dak li darba kellu l-glorja tneżżaʼ mill-glorja minħabba xi ħaġa li għandha iktar glorja. 11 Għax jekk dak li kellu jispiċċa ngħata bi glorja, il-glorja taʼ dak li jibqaʼ hi ħafna ikbar!
12 Peress li għandna tama bħal din, qed nitkellmu bil-libertà kollha. 13 M’aħniex nagħmlu bħal Mosè, li poġġa velu fuq wiċċu biex l-Iżraelin ma jħarsux lejn il-glorja tal-Liġi li kellha tispiċċa. 14 Imma huma ma setgħux jifhmu. Għax sal-lum moħħhom għadu mgħotti bħallikieku b’velu meta jinqara l-patt il-qadim. Dan il-velu jistaʼ jitneħħa biss permezz taʼ Kristu. 15 Fil-fatt, qalbhom għadha mgħottija b’velu sal-lum, u b’hekk ma jifhmux meta jinqara dak li kiteb Mosè. 16 Imma meta xi ħadd idur lejn Ġeħova,* il-velu jitneħħa. 17 Issa Ġeħova* hu Persuna Spirtu, u min għandu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova,* għandu l-libertà. 18 Ilkoll kemm aħna, li wiċċna m’għadux mgħotti b’velu, nirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova.* Aħna qed ninbidlu biex insiru bħalu u biex nirriflettu iktar u iktar il-glorja tiegħu, eżatt bħalma jrid hu, Ġeħova* l-Persuna Spirtu.*
4 Għalhekk, peress li għandna dan ix-xogħol qaddis* għax intwerejna ħniena, aħna ma naqtgħux qalbna. 2 Minflok, warrabna l-affarijiet tal-mistħija u li jsiru minn taħt, u ma nagħmlu xejn bil-qerq, u lanqas ma nżidu jew innaqqsu mill-kelma t’Alla. Imma billi nuru l-verità lin-nies, f’għajnejn Alla aħna nsiru eżempju tajjeb għall-kuxjenza tan-nies kollha. 3 Jekk fil-fatt l-aħbar tajba li nxandru hi bħallikieku mgħottija b’velu, hi mgħottija għal dawk li se jinqerdu, 4 jiġifieri dawk li ma jemmnux, li l-alla taʼ din id-dinja* għamielhom moħħhom biex ma jarawx jiddi d-dawl tal-aħbar tajba mill-isbaħ dwar il-Kristu, li hu x-xbieha t’Alla. 5 Għax aħna mhux nippritkaw dwarna nfusna, imma dwar Ġesù Kristu bħala l-Mulej u dwar kif għamilna lilna nfusna lsiera tagħkom għal Ġesù. 6 Għax Alla kien il-wieħed li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,” u hu tefaʼ d-dawl fuq il-qlub tagħna biex jiddu bl-għarfien mill-isbaħ dwaru permezz taʼ Kristu.*
7 Għalkemm aħna sempliċement bħal ġarar tal-fuħħar, għandna dan it-teżor,* sabiex jidher b’mod ċar li din il-qawwa iktar min-normal ġejja mingħand Alla u mhux mingħandna. 8 Aħna magħfusin bl-inkwiet minn kull naħa, imma mhux li ma nistgħux niċċaqalqu; aħna mifxulin, imma mhux li m’għandniex minn fejn noħorġu;* 9 aħna ppersegwitati, imma mhux abbandunati; aħna mitfugħin mal-art, imma mhux meqrudin. 10 Kull fejn immorru niffaċċjaw il-mewt bħal Ġesù. Dan juri lin-nies li nbatu bħal Ġesù. 11 Aħna ngħixu, imma l-ħajja tagħna dejjem hi fil-periklu peress li aħna dixxipli taʼ Ġesù. Dan juri lin-nies li nbatu bħal Ġesù. 12 Għalhekk, aħna qed niffaċċjaw il-mewt, imma intom għandkom il-ħajja.
13 Fl-Iskrittura hemm miktub: “Jien tkellimt dwar dak li nemmen għax kelli l-fidi.” Aħna wkoll nuru li għandna l-istess fidi, u għalhekk nitkellmu, 14 għax nafu li l-Wieħed li qajjem lil Ġesù se jqajjem lilna wkoll maʼ Ġesù u jiħodna quddiemu.* 15 Dawn l-affarijiet kollha ġraw għalikom, ħalli ħafna iktar nies jintwerew il-qalb tajba kbira t’Alla. B’dan il-mod, ħafna iktar nies jirringrazzjaw lil Alla, u b’hekk iġibulu glorja.
16 Għalhekk, ma naqtgħux qalbna, għax għalkemm il-ġisem tagħna qed jispiċċa, il-bniedem li aħna minn ġewwa żgur li qed jiġġedded minn ġurnata għal oħra. 17 Għalkemm it-tbatija* li qed niffaċċjaw hi għal ftit żmien biss u ħafifa, din se twassal biex aħna nirċievu glorja li se tibqaʼ tikber u hi għal dejjem. 18 Sadanittant, aħna ma nibqgħux naħsbu fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq dawk li ma jidhrux. Għax l-affarijiet li jidhru huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux se jibqgħu għal dejjem.
5 Għax aħna nafu li jekk id-dar* tagħna fuq l-art, din it-tinda, titwaqqaʼ,* ikollna bini mingħand Alla, dar li se tibqaʼ għal dejjem fis-sema u li ma bnewhiex il-bnedmin. 2 Għax f’din id-dar aħna nibku bid-dwejjaq, peress li nixtiequ ħafna li nilbsu dik* li għandna lesta fis-sema. 3 B’hekk meta nilbsuha, ma nibqgħux għarwenin.* 4 Fil-fatt, aħna li qegħdin f’din it-tinda nibku minħabba d-dwejjaq u ansjetà kbira, għax ma nixtiqux ninżgħu din li għandna, però nixtiequ nilbsu l-oħra* ħalli l-ħajja taʼ dejjem tieħu post il-ġisem mortali tagħna. 5 Issa l-wieħed li ppreparana għal dan hu Alla, li tana l-ispirtu tiegħu bħala garanzija taʼ dak li ġej.
6 Għalhekk, aħna dejjem mimlijin kuraġġ u nafu li waqt li qed ngħixu f’dan il-ġisem,* m’aħniex mal-Mulej, 7 għax aħna ngħixu skont il-fidi u mhux skont dak li naraw. 8 Imma aħna mimlijin kuraġġ u nippreferu ngħixu mal-Mulej milli f’dan il-ġisem. 9 Ngħixu fejn ngħixu, kemm jekk miegħu jew le, ejja ħa nagħmlu ħilitna biex ikollna l-approvazzjoni tiegħu. 10 Għax ilkoll se nidhru quddiem it-tron tal-ġudizzju tal-Kristu, ħalli kull wieħed minna jiġi ġġudikat skont it-tajjeb jew il-ħażin li għamel waqt li kien bil-ġisem fiżiku.
11 Għalhekk, ladarba nafu xi jfisser li tirrispetta ħafna lill-Mulej,* aħna nkomplu ngħallmu lin-nies b’konvinzjoni. Imma Alla lilna jafna sew, u nittama li anki l-kuxjenza tagħkom għenitkom tkunu tafu* x’tip taʼ persuni aħna. 12 Aħna mhux se nerġgħu nintroduċu lilna nfusna magħkom, imma rridu li jkollkom għalfejn titkellmu tajjeb dwarna, ħalli tkunu tistgħu twieġbu lil dawk li jiftaħru biss dwar dak li jidher minn barra u mhux dwar dak li għandhom f’qalbhom. 13 Jekk għamilna xi ħaġa bħal xi ħadd li telaq minn moħħu, għamilnieha għal Alla; u jekk għamilna xi ħaġa waqt li konna f’sensina, għamilnieha għall-benefiċċju tagħkom. 14 Infatti l-imħabba li għandu l-Kristu tqanqalna biex nobduh, għax aħna fhimna li raġel wieħed miet għal kulħadd ladarba kollha mietu.* 15 Hu miet għal kulħadd ħalli dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.
16 Minn issa ’l quddiem, aħna ma nqisux lin-nies skont dak li naraw. Anki jekk xi wħud minna qabel qisna lil Kristu skont dak li rajna, issa ma nistgħux nibqgħu nagħmlu hekk. 17 Għalhekk, jekk xi ħadd hu maʼ Kristu, hu ħolqien ġdid; l-affarijiet qodma għaddew u bdew jeżistu affarijiet ġodda. 18 Imma l-affarijiet kollha huma mingħand Alla, li reġaʼ għamilna ħbieb tiegħu permezz taʼ Kristu u tana xogħol qaddis* li jgħin lin-nies biex jerġaʼ jkollhom ħbiberija m’Alla. 19 Dan ifisser li Alla qed juża lil Kristu biex in-nies jerġgħu jkunu ħbieb miegħu u li m’għadux iżomm kont tad-dnubiet tagħhom. Alla tana dan l-inkarigu li ngħidu lin-nies ħalli huma jerġgħu jkunu ħbieb tiegħu.
20 Għalhekk, aħna ambaxxaturi* minflok Kristu, bħallikieku Alla qed juża lilna biex jitlob bil-ħniena lin-nies. Bħala sostituti taʼ Kristu, aħna nitolbu bil-ħniena lin-nies: “Erġgħu siru ħbieb t’Alla.” 21 Kristu qatt ma dineb u Alla tah bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tagħna. B’hekk permezz tiegħu, aħna nistgħu niġu kkunsidrati ġusti quddiem Alla.
6 Waqt li qed naħdmu m’Alla, inħeġġukom ukoll biex ma taċċettawx il-qalb tajba kbira* tiegħu għalxejn. 2 Għax hu jgħid: “Jien smajtkom meta kien iż-żmien biex inberikkom u għentkom meta kien iż-żmien biex tiġu salvati.” Iva, issa hu speċjalment iż-żmien li niġu mberkin! Iva, issa hu ż-żmien li niġu salvati!
3 Aħna mhux qed nagħmlu xi ħaġa li tfixkel lil oħrajn, ħalli ħadd ma jsib xi jgħid dwar ix-xogħol qaddis li għandna, 4 imma b’kull mod urejna li aħna qaddejja t’Alla. Dan għamilnieh billi ssaportejna provi differenti, tbatija, żminijiet diffiċli, u problemi. 5 Aħna ġejna msawtin, ġejna mitfugħin il-ħabs, iffaċċjajna folol vjolenti, ħdimna iebes, kellna ljieli li ma rqadniex, u kien hemm żmien li ma kellniex x’nieklu. 6 Aħna ngħixu ħajja nadifa, ngħixu fi qbil mal-għarfien, paċenzjużi, nuru qalb tajba, inħallu l-ispirtu qaddis jiggwidana, u l-imħabba tagħna hi sinċiera.* 7 Aħna ngħidu l-verità u nistrieħu fuq il-qawwa t’Alla. Aħna bħallikieku għandna għodda biex nagħmlu t-tajjeb* f’idna tal-lemin u tax-xellug. 8 Aħna niġu gglorifikati u ddiżonorati, u aħna niġu kkritikati u mfaħħrin. Aħna meqjusin qarriqin, imma ngħidu l-verità; 9 meqjusin bħala mhux magħrufin, imma Alla jafna; meqjusin bħala nies kważi mejta, imma aħna ħajjin; u meqjusin bħala li ġejna kkastigati,* imma ma nqtilniex. 10 In-nies jaħsbu li aħna mdejqin, imma aħna dejjem ferħanin; jaħsbu li aħna fqar, imma nagħmlu lil ħafna sinjuri; u jaħsbu li m’għandna xejn, imma għandna kollox.
11 Aħwa f’Korintu, aħna tkellimna magħkom bil-miftuħ u vera nħobbukom.* 12 L-imħabba tagħna għalikom m’għandhiex limitu, imma l-imħabba tagħkom għalina hi limitata. 13 Għalhekk, inkellimkom qiskom it-tfal tiegħi, jekk jogħġobkom ittrattawna bħalma nittrattawkom aħna. Għandkom tħobbuna iktar.
14 Tintrabtux taħt madmad li mhux l-istess* maʼ dawk li ma jemmnux. Għax x’għandhom x’jaqsmu l-ġustizzja u l-ksur tal-liġi? Jew x’hemm komuni bejn id-dawl u d-dlam? 15 Iktar minn hekk, jistgħu Kristu u Beljal* jaqblu? Jew x’hemm komuni bejn min jemmen* u min ma jemminx? 16 Ma jistax ikun li fit-tempju t’Alla jkun hemm l-idoli. Għax aħna tempju tal-Alla l-ħaj, bħalma qal Alla stess: “Jien se ngħix fosthom u nimxi f’nofshom, u nkun l-Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.” 17 Ġeħova* qal ukoll: “‘Għalhekk, oħorġu minn nofshom u nfirdu minn magħhom. Iva, tibqgħux tmissu dak li mhux nadif u jien nilqagħkom.’” 18 “‘U jien insir missier għalikom, u intom issiru t-tfal* tiegħi,’ jgħid Ġeħova,* l-Alla li Jistaʼ Kollox.”
7 Għalhekk maħbubin, la għandna dawn il-wegħdi ħa nitnaddfu minn kulma jniġġes il-ġisem u l-ispirtu, biex b’hekk insiru iktar qaddisin hekk kif nirrispettaw ħafna lil* Alla.
2 Uru li tħobbuna.* Aħna m’għamilna ħsara lil ħadd, ma qarraqna b’ħadd, u ma pprofittajna ruħna minn ħadd. 3 Mhux qed ngħid dan biex nikkundannakom. Għax qabel għedt li la l-mewt u lanqas il-ħajja mhu se jibdlu l-fatt li nħobbukom. 4 Jien nitkellem magħkom b’libertà kbira u nħossni kburi ħafna bikom. Jien ġejt inkuraġġit ħafna, u minkejja li qegħdin inbatu, jien ferħan ħafna.
5 Fil-fatt, meta wasalna l-Maċedonja, ma sibniex mistrieħ, imma bqajna nbatu b’kull mod, għax in-nies kienu qed jiħduha kontrina u wkoll konna inkwetati dwar il-kongregazzjonijiet. 6 Imma Alla, li jinkuraġġixxi* lil dawk taʼ qalbhom sewda, inkuraġġiena biż-żjara* taʼ Titu. 7 Apparti minn hekk, aħna ġejna inkuraġġiti wkoll bl-inkuraġġiment li rċieva hu minħabba fikom. Hu qalilna li xtaqtu tarawni, kemm kontu ddispjaċuti, u li ħsibtu fija.* Għalhekk jien fraħt iktar.
8 Għalhekk, anki jekk għamiltilkom id-dwejjaq bl-ittra tiegħi, ma jiddispjaċinix. Għall-ewwel jien kont imdejjaq minħabba dan, imma naf li intom kontu mdejqin għal ftit biss. 9 Issa qed nifraħ mhux għax kontu mdejqin, imma għax dan wassalkom biex tindmu. Għax intom kellkom tip taʼ dwejjaq li jogħġob lil Alla, għalhekk ma batejtux il-ħsara minħabba fina. 10 Dejjem se joħroġ il-ġid meta wieħed juri li hu mdejjaq b’mod li jogħġob lil Alla, għax dan iwasslu biex jindem u jsalva. Imma li wieħed juri li hu mdejjaq bħan-nies tad-dinja se jwasslu għall-mewt. 11 Jidher ċar li intom kontu mdejqin bil-mod li jogħġob lil Alla, u għalhekk għamiltu sforz kbir biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Intom ħdimtu biex ikollkom reputazzjoni tajba, kontu ddiżappuntati bil-ħażin li għamiltu, irrispettajtu ħafna lil* Alla, ridtu tindmu, qdejtu lil Alla mill-qalb, u rranġajtu l-ħażen li għamiltu. Sar kollox kif suppost biex titranġa l-problema. 12 Jien ma ktibtilkomx għal min għamel il-ħażen u lanqas għal min bata minħabba l-ħażen taʼ ħaddieħor, imma biex turu lil xulxin u lil Alla li lesti li tobduna. 13 Hu għalhekk li ġejna inkuraġġiti.
Imma apparti l-inkuraġġiment, aħna fraħna ħafna iktar minħabba l-ferħ taʼ Titu, għax kollha kemm intom għentuh iħossu aħjar. 14 Jien ftaħart bikom miegħu u ma ġejtx iddiżappuntat. Bħalma l-affarijiet kollha li għednielkom kienu veri, anki dak li ftaħarna bih maʼ Titu hu veru. 15 Ukoll, hu sar iħobbkom ħafna iktar meta jiftakar kif kollha kemm intom obdejtu u kif ilqajtuh b’rispett kbir. 16 Jien nifraħ għax għandi fiduċja sħiħa fikom.*
8 Ħuti, irridukom tkunu tafu dwar il-qalb tajba kbira li Alla wera mal-kongregazzjonijiet tal-Maċedonja. 2 Huma kienu qed ibatu minħabba prova kbira. Imma minkejja l-faqar kbir tagħhom, huma ġew imqanqlin minn ferħ kbir u wrew li kienu sinjuri spiritwalment minħabba li kienu ġenerużi ħafna. 3 Huma taw kulma setgħu, saħansitra ħafna iktar milli setgħu. Jien stess xhud taʼ dan. 4 Minn jeddhom, huma baqgħu jitolbuna bil-ħniena biex ikollhom il-privileġġ li jagħtu rigal mill-qalb u li jkollhom sehem f’li jgħinu lill-qaddisin. 5 Huma għamlu iktar milli stennejna. Huma stinkaw b’qalbhom kollha biex jaqdu lill-Mulej u għenu lilna bħalma jrid Alla. 6 Għalhekk, inkuraġġejna lil Titu biex ilesti l-inkarigu li kellu fostkom, jiġifieri li jiġbor ir-rigali li intom kontu lesti li tagħtu mill-qalb. 7 Intom tispikkaw f’kollox, bħal fil-fidi, fl-abbiltà li titkellmu, fl-għarfien, fl-entużjażmu kollu tagħkom, u fl-imħabba li rċivejtu mingħandna. Bl-istess mod, jalla tispikkaw ukoll fir-rigal li tagħtu mill-qalb.
8 Mhux qed ngħidilkom hekk biex nikkmandakom, imma rridkom tkunu tafu kemm oħrajn huma lesti li jaħdmu, u wkoll ridt inkun naf kemm verament tħobbu lil ħaddieħor. 9 Intom tafu l-qalb tajba kbira tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li għalkemm kien sinjur sar fqir għalikom, biex b’hekk issiru sinjuri permezz tal-faqar tiegħu.
10 Din hi l-opinjoni tiegħi: Li tagħmlu dan il-ġbir hu taʼ benefiċċju għalikom, peress li sena ilu bdejtuh u wrejtu li tixtiequ tagħmluh. 11 Għalhekk, lestu dan il-ġbir skont kemm tistgħu bl-istess ħeġġa li kellkom meta bdejtu. 12 Alla jieħu gost b’mod speċjali b’rigal li jingħata mill-qalb, għax hu jistenna li persuna tagħti dak li tistaʼ, u mhux dak li ma tistax. 13 Mhux qed ngħid li rrid nagħmilha diffiċli għalikom u ħafifa għal oħrajn, 14 imma biex kulħadd ikun indaqs. Bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħhom, ħalli ’l quddiem iż-żejjed tagħhom ukoll jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħkom, u b’hekk kulħadd ikun indaqs. 15 Dan hu bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Min għandu ħafna, m’għandux iżżejjed, u min għandu ftit, m’għandux in-nieqes.”
16 Aħna nirringrazzjaw lil Alla li Titu jimpurtah minnkom bħalna. 17 Fil-fatt, hu mhux biss aġixxa fuq dak li għednielu, imma hu verament xtaq li jagħmel dan. Għalhekk ġej għandkom minn jeddu. 18 Imma aħna se nibagħtu miegħu wkoll lill-ħu li hu mfaħħar mill-kongregazzjonijiet kollha talli jipprietka l-aħbar tajba. 19 Mhux hekk biss, imma hu ġie inkarigat mill-kongregazzjonijiet kollha biex jivvjaġġa magħna ħalli nġibu dan ir-rigal. Aħna se nqassmuh biex jiġi mfaħħar il-Mulej u biex nuru li aħna lesti biex ngħinu. 20 B’hekk nevitaw li niġu kkritikati fuq kif qed inqassmu din il-kontribuzzjoni ġeneruża li tajtu. 21 Għax aħna ‘nieħdu ħsieb kollox bl-onestà, mhux biss quddiem Ġeħova* imma anki quddiem in-nies.’
22 Iktar minn hekk, magħhom qed nibagħtu lil ħuna li spiss rajnieh jaħdem iebes f’ħafna affarijiet, imma issa qed jaħdem ħafna iktar iebes minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom. 23 Imma jekk xi ħadd jistaqsi min hu Titu, għidulu li hu l-ħabib tiegħi u ħaddiem miegħi għall-interessi tagħkom. Jekk xi ħadd jistaqsi dwar l-aħwa li hemm miegħu, għidulu li huma appostli tal-kongregazzjonijiet u jfaħħru lil Kristu. 24 Għalhekk, uruhom li tħobbuhom u uru lill-kongregazzjonijiet għala ftaħarna bikom.
9 Issa dwar l-għajnuna* għall-qaddisin, fil-verità m’għandix bżonn niktbilkom, 2 għax jien naf li intom lesti li tgħinu. Jien qed niftaħar bikom mal-aħwa fil-Maċedonja. Għedtilhom li intom fl-Akaja ilkom sena lesti biex tgħinu. Minħabba x-xewqa kbira li tagħmlu dan, ħafna minnhom lesti li jagħmlu l-istess. 3 Imma issa qed nibgħat lil dawk it-tliet aħwa, ħalli l-ftaħir tagħna bikom dwar dan ma jkunx għalxejn, u intom għandkom tkunu lesti, bħalma diġà għedt dwarkom. 4 Inkella, jekk l-aħwa fil-Maċedonja jiġu miegħi u ma jsibukomx lesti, aħna se nistħu minħabba li wrejna fiduċja fikom, u anki intom se tistħu. 5 Għalhekk ħsibt li ninkuraġġixxi lit-tliet aħwa biex jiġu għandkom qabel u biex ilestu r-rigal ġeneruż li wegħedtu. Dan juri li m’intomx sforzati biex tagħtu dan ir-rigal, imma għax tridu tagħtuh minn qalbkom.
6 Dak li rrid ngħid hu li kull min jiżraʼ ftit, se jaħsad ftit ukoll, u kull min jiżraʼ ħafna, se jaħsad ħafna wkoll. 7 Ħa jagħmel kull wieħed minnkom bħalma ddeċieda, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.
8 Iktar minn hekk, Alla għandu l-qawwa li jurikom il-qalb tajba kbira tiegħu kollha ħalli intom qatt ma jonqoskom xejn. Għall-kuntrarju, se jkollkom bl-abbundanza biex tagħmlu kulma hu tajjeb. 9 (Bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Hu ta b’mod ġeneruż; hu ta lill-foqra. It-tajjeb li jagħmel se jibqaʼ mfakkar għal dejjem.” 10 Issa l-Wieħed li jagħti bl-abbundanza ż-żerriegħa lil min jiżraʼ u l-ħobż għan-nies, se jagħtikom iż-żerriegħa x’tiżirgħu bl-abbundanza u se jgħinkom taħsdu ħafna riżultati pożittivi għax-xogħol ġust tagħkom.) 11 Alla berikkom bil-kbir ħalli tkunu tistgħu turu ġenerożità b’kull mod, u permezz tal-isforzi tagħna din il-ġenerożità qanqlet lin-nies biex jirringrazzjaw lil Alla. 12 Din l-għajnuna mhijiex biss biex tipprovdi bl-abbundanza għall-bżonnijiet tal-qaddisin imma wkoll biex ħafna nies ikunu jistgħu jirringrazzjaw lil Alla għaliha. 13 Billi tagħtu dan ir-rigal, intom qed turu x’tip taʼ nies intom, u huma se jfaħħru lil Alla għax intom qed taġixxu fi qbil mal-aħbar tajba li xxandru dwar il-Kristu u għax intom ġenerużi magħhom u man-nies kollha. 14 Ukoll, huma se jħobbukom u jitolbu bil-ħniena lil Alla għalikom minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla li tidher permezz tagħkom.
15 Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal b’xejn tiegħu li tant hu sabiħ li ma jistax jiġi deskritt.
10 Xi wħud minnkom jaħsbu li jien, Pawlu, inkun dgħajjef meta nkun magħkom, imma nkun kuraġġuż meta niktbilkom. Madankollu, jien nixtieqkom li tagħmlu dak li ngħidilkom, għax meta nitkellem magħkom nimita lill-Kristu, li hu umli u qalbu tajba. 2 Nittama li meta nkun magħkom, dawk li jaħsbu li qegħdin naġixxu bħan-nies tad-dinja jkunu nbidlu ħalli ma jkollix għalfejn naġixxi b’mod sod kontrihom. 3 Għalkemm ngħixu fid-dinja, il-ġlieda tagħna mhijiex bħal tan-nies tad-dinja. 4 Għax l-armi tal-ġlieda tagħna mhumiex dawk li jużaw in-nies tad-dinja, imma huma dawk li jagħtina Alla. Dawn l-armi huma b’saħħithom biex jegħlbu affarijiet li huma b’saħħithom daqs fortizza. 5 Għax aħna qed negħlbu l-ħsibijiet u l-ostakli kollha li jwaqqfu lin-nies milli jsiru jafu dwar Alla, u qed inbiddlu* kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu. 6 Wara li turu li intom ubbidjenti għalkollox, aħna lesti li nikkastigaw lil kull persuna diżubbidjenti.
7 Intom tiġġudikaw skont dak li jidher. Jekk xi ħadd hu fiduċjuż li hu dixxiplu taʼ Kristu, ħa jerġaʼ jirrifletti fuq dan il-fatt: Bħalma hu dixxiplu taʼ Kristu, anki aħna. 8 Il-Mulej tana l-awtorità li ninkuraġġukom u mhux niskuraġġukom. Kieku kelli niftaħar xi naqra żżejjed dwar dan, jien mhux se nistħi. 9 Meta ngħid dan, mhux qed nipprova nagħti l-impressjoni li rrid inbeżżagħkom bl-ittri tiegħi. 10 Għax xi wħud jgħidu: “L-ittri tiegħu jgħidu affarijiet importanti u jħallu effett, imma meta jkun magħna hu dgħajjef u l-kliem tiegħu ma jiswa xejn.” 11 Dawk li qed jgħidu hekk, għandhom ikunu jafu li meta naslu se nagħmlu dak li ktibna fl-ittri. 12 Aħna ma nażżardawx li nqabblu lilna nfusna maʼ dawk li jaħsbu li huma xi ħaġa jew naħsbu li aħna bħalhom. Huma jiġġudikaw lilhom infushom skont dak li jaħsbu li hu tajjeb huma, u b’dan il-mod juru li m’għandhomx abbiltà li jifhmu.
13 Aħna mhux se niftaħru bl-affarijiet li m’għamilniex, imma se niftaħru biss bl-inkarigu li tana Alla, u dan jinkludi lilkom ukoll. 14 Meta ġejna għandkom, m’għamilniex xi ħaġa li Alla ma qabbadniex nagħmlu, għax aħna konna l-ewwel li ppritkajna l-aħbar tajba dwar il-Kristu lilkom. 15 Le, aħna mhux se niftaħru bl-affarijiet li m’għamilniex, jiġifieri mhux se niftaħru b’dak li għamel ħaddieħor. Imma aħna nittamaw li l-fidi tagħkom tkompli tikber biex b’hekk ix-xogħol tagħna jkompli jiżdied fostkom. Imbagħad se nkunu nistgħu nagħmlu iktar, 16 ħalli nippritkaw l-aħbar tajba f’postijiet oħra, biex b’hekk ma niftaħrux b’dak li diġà sar minn oħrajn fl-inkarigu tagħhom. 17 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Imma min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”* 18 Għax min ifaħħru Ġeħova* se jiġi approvat, u mhux min ifaħħar lilu nnifsu.
11 Nixtieq li tieħdu paċenzja bija, anki jekk nidher li m’iniex raġunevoli. Infatti hekk qed tagħmlu! 2 Jien jimpurtani ħafna minnkom bħalma jimpurtah Alla,* għax jien stess wegħedtkom fiż-żwieġ lil raġel wieħed, lill-Kristu, u rrid nippreżentakom lilu bħala verġni. 3 Imma qed nibżaʼ li b’xi mod bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-makakkerija tiegħu, xi ħadd iqarraq bikom billi jħassar lil moħħkom u ma jħallikomx tobdu lill-Kristu b’qalb sħiħa u tgħixu ħajja nadifa kif jixraq lilu. 4 Qed ngħid hekk, għax jekk jiġi xi ħadd u jipprietka dwar Ġesù ieħor u mhux dak li ppritkajna dwaru aħna, jew tirċievu spirtu ieħor minn dak li rċivejtu, jew aħbar tajba minflok dik li aċċettajtu, intom se taċċettaw dak li jgħid. 5 Għax jien naħseb li m’hemm xejn li juri li jien inferjuri minn dawk l-appostli li jaħsbu li huma tajbin ħafna. 6 Imma anki jekk ma ninqalax biex nitkellem, jien żgur li għandi l-għarfien dwar Alla. Infatti, dan urejnihulkom b’mod ċar b’kull mod u b’kull ħaġa.
7 Jien minn qalbi xandartilkom l-aħbar tajba dwar Alla b’xejn u umiljajt ruħi ħalli intom tiġu onorati. Allura dnibt billi għamilt hekk? 8 Biex naqdikom, jien aċċettajt għajnuna* mingħand kongregazzjonijiet oħrajn u b’hekk bħallikieku sraqthom. 9 Madankollu, meta kont magħkom u ġejt fil-bżonn, jien ma kont taʼ piż fuq ħadd għax l-aħwa li ġew mill-Maċedonja tawni kulma kelli bżonn. Iva, għamilt minn kollox biex ma nkunx taʼ piż fuqkom u se nkompli nagħmel hekk. 10 Sakemm indum dixxiplu taʼ Kristu, jien se nibqaʼ niftaħar dwar dan fl-Akaja kollha. 11 Għala ma rridx inkun taʼ piż għalikom? Għax ma nħobbkomx? Alla jaf li nħobbkom.
12 Hemm xi wħud li qed jiftaħru u qed jgħidu li huma appostli bħalna. Għalhekk, jien se nkompli nagħmel dak li dejjem għamilt, ħalli b’hekk ma nħallilhomx raġuni* biex jiftaħru. 13 Għax irġiel bħal dawn huma appostli foloz, iqarrqu b’dak li jagħmlu, u jagħmlu tabirruħhom li huma appostli taʼ Kristu. 14 U mhux se nistagħġeb b’dan, għax Satana nnifsu jibqaʼ jagħmel tabirruħu li hu anġlu tajjeb.* 15 Għalhekk, mhux se nistagħġeb jekk il-qaddejja tiegħu jkomplu jagħmlu tabirruħhom li qed jagħmlu dak li hu tajjeb. Imma t-tmiem tagħhom se jkun skont kif jaġixxu.
16 Nerġaʼ ngħidilkom: Taħsbux li jien mhux raġunevoli. Imma anki jekk taħsbu hekk, aċċettawni bħala bniedem mhux raġunevoli ħalli anki jien inkun nistaʼ niftaħar ftit. 17 Bħalissa mhux qed nitkellem bħalma kieku jitkellem il-Mulej, imma minflok qed nitkellem bħal persuna mhux raġunevoli li tafda fiha nfisha u tiftaħar. 18 Peress li ħafna qed jiftaħru bl-affarijiet taʼ din id-dinja,* anki jien se niftaħar. 19 Ladarba tgħidu li intom raġunevoli, allura kif taċċettaw bil-ferħ lil dawk li mhumiex raġunevoli? 20 Infatti, intom taċċettaw lil kull min jagħmilkom ilsiera, lil kull min jisraq jew jaħtaf dak li għandkom, lil kull min jgħid li hu aħjar minnkom, u lil kull min jagħtikom bil-ħarta.
21 Hu taʼ diżunur li qed ngħidu dan, għax xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandniex kuraġġ nużaw l-awtorità li għandna b’mod xieraq.
Imma jekk xi wħud ma jiddejqux jiftaħru, allura lanqas jien mhu se niddejjaq niftaħar, anki jekk ikun hemm min jaħseb li jien m’iniex raġunevoli. 22 Huma Lhud? Anki jien. Huma Iżraelin? Anki jien. Jiġu minn Abraham? Anki jien. 23 Huma qaddejja* taʼ Kristu? Se nwieġeb bħal raġel miġnun, jien nispikka iktar minnhom. Jien għamilt ħafna iktar xogħol, ġejt mitfugħ il-ħabs iktar spiss, batejt ħafna swat, u kont fil-periklu li mmut ħafna drabi. 24 Ħames darbiet qlajt 39 daqqa mingħand il-Lhud, 25 ġejt imsawwat bil-bsaten tliet darbiet, darba ppruvaw joqtluni billi waddbuli l-ġebel, tliet darbiet tkisser il-vapur li kont fuqu, u għamilt ġurnata u lejl fil-baħar. 26 Fil-vjaġġi li nagħmel taʼ sikwit, ħajti kienet fil-periklu fix-xmajjar, mill-ħallelin, mill-poplu tiegħi stess, min-nies tal-popli, fil-bliet, fid-deżert, fil-baħar, u fost aħwa foloz. 27 Ukoll, ħdimt iebes u tħabatt, spiss kien hemm iljieli li ma rqadtx, kont bil-ġuħ u bil-għatx, spiss mingħajr ikel, batejt il-kesħa, u ma kellix biżżejjed ħwejjeġ.
28 Minbarra dawn l-affarijiet kollha, jien kuljum ninkwieta* għall-kongregazzjonijiet kollha. 29 Meta xi ħadd ikun dgħajjef, jien niġi effettwat.* Meta xi ħadd jiġi mfixkel, jien nirrabja ħafna.
30 Jekk għandi niftaħar, jien niftaħar bl-affarijiet li juru d-dgħufijiet tiegħi. 31 L-Alla li hu l-Missier tal-Mulej Ġesù, il-Wieħed li għandu jiġi mfaħħar għal dejjem, jaf li mhux qed nigdeb. 32 F’Damasku, il-gvernatur li jaqdi taħt ir-Re Areta, poġġa gwardji fil-bibien tal-belt biex jaqbadni, 33 imma l-aħwa niżżluni f’qoffa minn tieqa fis-sur u ħrabt minn taħt idejh.
12 Se jkolli niftaħar. Għalhekk se nitkellem dwar il-viżjonijiet li wrieni l-Mulej u l-messaġġi li tani, avolja li nagħmel hekk mhux taʼ benefiċċju għalija. 2 Naf dixxiplu taʼ Kristu li 14-il sena ilu ttieħed f’daqqa fit-tielet sema. Ma nafx jekk kienx fil-ġisem jew barra l-ġisem, imma Alla jaf. 3 Iva, nafu lil dan ir-raġel, hu ttieħed f’daqqa fil-ġenna, jekk hux fil-ġisem jew separat mill-ġisem ma nafx, imma Alla jaf. 4 Waqt li kien fil-ġenna, hu semaʼ kliem li ma jistax jintqal, iva, li ebda bniedem ma jistaʼ jgħidu lil ħaddieħor. 5 Jien se niftaħar b’dan ir-raġel, u dwari nnifsi se niftaħar biss bid-dgħufijiet tiegħi. 6 Għax anki jekk irrid niftaħar, xorta nkun raġonevoli, għax inkun qed ngħid il-verità. Imma ma nagħmilx hekk, ħalli ħadd ma jaħseb li għamilt xi ħaġa iktar milli rani nagħmel jew semagħni ngħid. 7 Ħadd m’għandu jaħseb li jien xi ħaġa għax irċivejt messaġġi tal-għaġeb mingħand il-Mulej.
Biex ma nitkabbarx u naħseb li jien xi ħaġa, jien għandi xewka fil-laħam. Din ix-xewka, li hi bħal anġlu taʼ Satana, qed iġġegħelni nbati.* 8 Tliet darbiet tlabt lill-Mulej bil-ħniena biex ineħħili din ix-xewka. 9 Imma hu qalli: “Il-qalb tajba kbira* tiegħi hi biżżejjed għalik, il-qawwa tiegħi tidher iktar meta tkun dgħajjef.” Għalhekk, bil-ferħ jien se niftaħar bid-dgħufijiet tiegħi ħalli l-qawwa tal-Kristu tibqaʼ fuqi bħal tinda. 10 Għalhekk, għall-Kristu, jien kuntent meta nkun dgħajjef, meta niġi mgħajjar, meta nkun fil-bżonn, meta niġi ppersegwitat, u meta nkun f’diffikultà. Għax meta nkun dgħajjef, jien ningħata s-saħħa.
11 Jien qed nitkellem bħal xi ħadd mhux raġonevoli minħabba fikom. Imma li kieku tkellimtu tajjeb dwari, ma kontx nitkellem b’dan il-mod. Għalkemm ma jien xejn, bl-ebda mod ma jien inferjuri għall-appostli tagħkom li jaħsbu li huma tajbin ħafna. 12 Jien urejtkom li jien appostlu billi ssaportejt ħafna, u għamilt mirakli u affarijiet tal-għaġeb u mill-isbaħ. 13 Jien ma kontx taʼ piż fuqkom. B’dan il-mod biss intom differenti mill-kongregazzjonijiet l-oħra. Jekk għamilt xi ħaġa ħażina b’daqshekk, aħfruli mill-qalb.
14 Din it-tielet darba li lest li niġi għandkom u mhux se nkun taʼ piż fuqkom. Għax dak li nixtieq hu li narakom u mhux li nieħu dak li għandkom. Għax it-tfal mhumiex mistennijin li jfaddlu għall-ġenituri, imma li l-ġenituri jfaddlu għat-tfal. 15 Jien kuntent li nonfoq dak li għandi għalikom* u wkoll li nagħti ħajti. Allura ma ħaqqnix li tħobbuni bħalma nħobbkom jien? 16 Għalkemm ma kontx taʼ piż fuqkom, intom tgħidu li qarraqt bikom u qbadtkom f’nassa. 17 Jien ma pprofittajtx ruħi minnkom permezz taʼ dawk li bgħattilkom, hux hekk? 18 Jien ħeġġiġt lil Titu biex jiġi għandkom u bgħatt miegħu lill-ħu. Titu ma pprofittax ruħu minnkom, hux hekk? Aħna wrejna l-istess attitudni u aġixxejna bl-istess mod, hux hekk?
19 Probabbilment qed taħsbu li qed niddefendu lilna nfusna, imma mhux hekk. Minflok, bħala dixxipli taʼ Kristu, aħna qed ngħidu l-verità quddiem Alla. Għeżież ħutna, dak kollu li nagħmlu hu biex ninkuraġġukom. 20 Għax qed nibżaʼ li meta niġi, ma nsibkomx kif nixtieq u l-attitudni tiegħi ma tkunx kif tixtiequ intom. Imma minflok insib ġlied, għira, rabja kbira, nuqqas taʼ ftehim, taħwid, li qed timmalafamaw, tgħidu fuq in-nies,* u titkabbru. 21 Forsi, meta nerġaʼ niġi, Alla jħallini niġi umiljat meta nkun magħkom, u jien jaf ikolli nibki minħabba li ħafna dinbu u ma nidmux. Huma għadhom jagħmlu n-nuqqas taʼ ndafa u l-immoralità sesswali,* u jġibu ruħhom b’mod ħażin bla mistħija.*
13 Din hi t-tielet darba li beħsiebni niġi għandkom. “Kull kwistjoni għandha tiġi stabbilita skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta.” 2 Għalkemm bħalissa qiegħed ’il bogħod, hu bħallikieku qiegħed it-tieni darba magħkom. Qed navża minn qabel lil dawk li dinbu u lill-oħrajn kollha, li jekk nerġaʼ niġi se niddixxiplina lil kull wieħed, 3 għax intom qed tfittxu prova li Kristu veru jitkellem permezz tiegħi. Hu m’aġixxiex b’mod dgħajjef, minflok juri s-saħħa li għandu fostkom. 4 Għax infatti, hu ġie maqtul fuq iz-zokk bħala bniedem dgħajjef, imma hu ħaj permezz tas-saħħa t’Alla. Veru li aħna wkoll dgħajfin bħalma kien hu, imma se ngħixu miegħu għax is-saħħa t’Alla qed taġixxi fil-ħajja tagħkom.
5 Komplu eżaminaw jekk intomx qed tgħixu fi qbil mal-fidi tagħkom f’Alla. Komplu agħtu prova taʼ dak li intom. Jew m’intomx tifhmu li Ġesù Kristu hu magħkom? Madankollu, jekk Kristu ma jkunx magħkom, dan ifisser li ma tkunux approvati. 6 Aħna għandna l-approvazzjoni t’Alla. Jien vera nixtieq li intom tifhmu dan.
7 Aħna nitolbu lil Alla li intom ma tagħmlu xejn ħażin. Aħna ma nagħmlux hekk biex oħrajn jikkunsidrawna approvati minn Alla, imma biex intom tagħmlu dak li hu tajjeb, anki jekk l-oħrajn jaħsbu li m’għandniex l-approvazzjoni tiegħu. 8 Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, imma nistgħu biss nappoġġawha. 9 Aħna nifirħu meta intom tkunu b’saħħitkom spiritwalment, għax ma jkollniex bżonn inkunu b’saħħitna biex nikkoreġukom. Hu għal dan li qed nitolbu, li intom tagħmlu l-bidliet li hemm bżonn. 10 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet qabel niġi, ħalli meta nkun magħkom ma jkollix għalfejn nuża l-awtorità li tani l-Mulej b’mod aħrax, imma nużaha biex ninkuraġġikom u mhux biex niskuraġġikom.
11 Fl-aħħar nett ħuti, inħeġġiġkom biex tkomplu tifirħu, tagħmlu l-bidliet li hemm bżonn, taċċettaw l-inkuraġġiment, tkunu fehma waħda, u tgħixu fil-paċi. U l-Alla li jħobb u jagħti l-paċi jkun magħkom. 12 Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.* 13 Il-qaddisin kollha jsellu għalikom.
14 Jalla lkoll kemm intom tirċievu l-qalb tajba kbira tal-Mulej Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla, u l-barkiet tal-ispirtu qaddis.
Jew “l-Alla taʼ kull faraġ.”
Jew “ifarraġna.”
Jew “tbatija; tribulazzjoni.”
Jew forsi “dwar dak li diġà tafu sew.”
Letteralment “sat-tmiem.”
Jew forsi “sabiex intom tibbenefikaw darbtejn.”
Jgħidulu wkoll Sila.
Jew “twettqu.”
Letteralment “dilikna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Midluk”.
Jew “b’ruħi.”
Jew “ma jegħlibniex.”
Jew “l-intenzjonijiet.”
Jew “qligħ.”
Jew “li jitkellmu tajjeb dwarna.”
Letteralment “fuq twavel tal-laħam, fil-qlub.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew forsi “bħalma jrid l-ispirtu ta’ Ġeħova.”
Jew “il-ministeru.”
Jew “taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “permezz taʼ wiċċ Kristu.”
Jew “dan ix-xogħol speċjali.”
Jew forsi “imma mhux iddisprati.”
Jiġifieri quddiem Ġesù.
Jew “il-provi.”
Hawn “dar” hi użata biex tirreferi b’mod figurattiv għall-ġisem fiżiku jew spiritwali.
Jew “tiġi fix-xejn.”
Jew “nidħlu f’dik.”
Jew “meta nidħlu fiha, ikollna post fejn ngħixu.”
Jew “għax ma nixtiqux nitilqu minn din, però nixtiequ nidħlu fl-oħra.”
Letteralment “waqt li għandna d-dar tagħna.”
Letteralment “tibżaʼ mill-Mulej.”
Jew “taraw.”
Milli jidher dan jirreferi għall-fatt li huma kkundannati għall-mewt minħabba li huma midinbin.
Jew “ministeru.”
Jew “nirrappreżentaw lil Alla.”
Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “mingħajr ipokrisija.”
Letteralment “armi tal-ġustizzja.”
Jew “iddixxiplinati.”
Letteralment “wessajna qalbna għalikom.”
Jew “Tingħaqdux.”
Minn kelma Ebrajka li tfisser “Mhu Tajjeb għal Xejn.” Din tirreferi għal Satana.
Jew “xi ħadd leali.”
Ara App. A5.
Letteralment “is-subien u l-bniet.”
Ara App. A5.
Letteralment “nibżgħu minn.”
Jew “Agħmlu l-wisaʼ għalina f’qalbkom.”
Jew “ifarraġ.”
Letteralment “bil-preżenza.”
Letteralment “iż-żelu tagħkom għalija.”
Letteralment “bżajtu minn.”
Jew forsi “għax nistaʼ nkun kuraġġuż minħabba fikom.”
Ara App. A5.
Letteralment “il-ministeru.”
Letteralment “injassru.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “Jien ngħir għalikom b’għira t’Alla.”
Jew “provvisti.”
Jew “skuża.”
Jew “anġlu tad-dawl.”
Letteralment “skont il-laħam.”
Jew “ministri.”
Jew “inkun ansjuż.”
Letteralment “inkun dgħajjef.”
Jew “qed issawwatni.”
Jew “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “għal ruħkom.”
Jiġifieri gossip.
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Letteralment “b’bewsa qaddisa.”