ITTRA LILL-GALATIN
1 Jien, Pawlu, ġejt inkarigat appostlu mhux mill-bnedmin jew permezz taʼ xi bniedem, imma permezz taʼ Ġesù Kristu u Alla l-Missier, li qajmu mill-mewt. 2 Jien u l-aħwa kollha li hawn miegħi nsellu għall-kongregazzjonijiet tal-Galazja:
3 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi. 4 Hu ta ħajtu biex jinħafrulna dnubietna. B’hekk, ikun jistaʼ jsalvana minn din id-dinja* mill-agħar fi qbil maʼ dak li jrid l-Alla tagħna u Missierna, 5 li lilu għandha tingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
6 Jien nistagħġeb li intom kontu lesti daqshekk malajr li titilqu lill-Alla* li għażilkom permezz tal-qalb tajba kbira taʼ Kristu, biex taċċettaw messaġġ ieħor bħallikieku kien l-aħbar tajba. 7 M’hemmx aħbar tajba oħra. Imma hemm xi wħud li qed jaqilgħulkom l-inkwiet u jridu jgħawġu l-verità tal-aħbar tajba dwar il-Kristu. 8 Madankollu, anki jekk aħna jew xi anġlu mis-sema kellu jxandrilkom aħbar tajba li hi differenti minn dak li xandarnielkom, ħa jkun misħut. 9 Ħa nerġaʼ ngħidilkom dak li għedtilkom, Kull min ixandrilkom aħbar tajba differenti minn dik li aċċettajtu, ħa jkun misħut.
10 Qiegħed jien nipprova nogħġob lill-bnedmin jew lil Alla? Kieku għadni nipprova nogħġob lill-bnedmin, m’iniex ilsir taʼ Kristu. 11 Aħwa, nixtieqkom tkunu tafu li l-aħbar tajba li xandartilkom mhix ġejja min-nies; 12 għax la rċivejtha mingħandhom u lanqas għallmuhieli, imma kien Ġesù Kristu li tahieli.
13 Naturalment, intom smajtu dwar kif kont inġib ruħi qabel fil-Ġudaiżmu, li kont nippersegwita bl-aħrax lill-kongregazzjoni t’Alla u nħarbatha. 14 Jien kont qed nagħmel ħafna iktar progress fil-Ġudaiżmu minn ħafna Lhud tampari, għax kont bil-wisq iktar żeluż minnhom għat-tradizzjonijiet taʼ missirijieti. 15 Imma Alla ppermettieli li nitwieled u għażilni permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu. Hu kien kuntent 16 jużani biex inxandar l-aħbar tajba dwaru lin-nies taʼ popli oħra, ħalli huma jsiru jafu lil Ibnu. Meta għażilni biex nagħmel dan, jien ma tlabt il-parir taʼ ħadd.* 17 U lanqas tlajt Ġerusalemm biex nieħu parir mingħand dawk li kienu appostli qabli, imma mort l-Arabja u mbagħad mort lura Damasku.
18 Kien tliet snin wara li tlajt Ġerusalemm biex nara lil Kefa,* u bqajt miegħu 15-il ġurnata. 19 Imma ma rajt lil ħadd mill-appostli l-oħra, ħlief lil Ġakbu ħu l-Mulej. 20 Issa dwar l-affarijiet li qed niktbilkom, naħilfilkom quddiem Alla li m’iniex nigdeb.
21 Wara dan mort fir-reġjuni tas-Sirja u ċ-Ċiliċja. 22 Imma d-dixxipli taʼ Kristu fil-kongregazzjonijiet tal-Lhudija ma kinux jafuni personalment. 23 Huma kienu semgħu dwari: “Ir-raġel li qabel kien jippersegwitana u li kien iħarbat il-kongregazzjonijiet,* issa qed ixandar l-aħbar tajba.” 24 Għalhekk, bdew ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġrali.
2 Imbagħad wara 14-il sena, erġajt tlajt Ġerusalemm maʼ Barnaba. Miegħi ħadt ukoll lil Titu. 2 Tlajt minħabba li l-Mulej urieni li għandi mmur, u jien kellimt lill-aħwa importanti dwar l-aħbar tajba li ppritkajt lin-nies taʼ popli oħra. Imma dan għamiltu magħhom biss, biex inkun ċert li dak li kont qed nagħmel jew li għamilt ma kienx għalxejn. 3 Minkejja dan, lanqas Titu, li kien miegħi, ma kien imġiegħel jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni, għalkemm kien Grieg. 4 Din il-problema nqalgħet minħabba l-aħwa foloz li ddaħħlu fil-kongregazzjoni biex jitkixxfu fuqi. Huma riedu jiħdulna l-libertà li għandna bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù biex jipprovaw jerġgħu jagħmluna lsiera tal-liġi. 5 Aħna ma ċedejnilhomx, lanqas għal ftit,* ħalli intom tibqgħu sodi fil-verità li hi l-aħbar tajba.
6 Imma dwar dawk l-aħwa li kienu rrispettati ħafna, għalija dawn in-nies importanti ma qaluli xejn ġdid. Kienu x’kienu qabel ma jagħmillix differenza, għax Alla ma tagħmillux differenza kif nidhru minn barra. 7 Għall-kuntrarju, huma raw li ġejt fdat bl-aħbar tajba għal dawk mhux ċirkonċiżi, bħalma Pietru kien fdat għal dawk ċirkonċiżi 8 (għax dak li ta l-qawwa lil Pietru biex ikun appostlu tan-nies ċirkonċiżi ta l-qawwa lili wkoll għan-nies taʼ popli oħra) 9 u ndunaw bil-qalb tajba kbira li ntweriet miegħi. Għalhekk Ġakbu, Kefa,* u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala kolonni fil-kongregazzjoni, ħadu b’idi u b’id Barnaba bħala sinjal li se naħdmu flimkien.* Allura qbilna li aħna se mmorru għand il-popli, imma huma jmorru għand dawk ċirkonċiżi. 10 Kulma talbuna hu li ma ninsewx il-foqra, u b’qalbi kollha għamilt sforz biex nagħmel dan.
11 Madankollu, meta Kefa* ġie Antjokja, iffaċċjajtu u għedtlu li ma naqbilx miegħu, għax kien ovvju li kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina.* 12 Għax qabel ma waslu xi rġiel li bagħathom Ġakbu, hu kien jiekol man-nies taʼ popli oħra. Imma meta dawn waslu, hu waqaf jagħmel dan u nfired minn magħhom, għax beżaʼ miċ-ċirkonċiżi. 13 Il-kumplament tal-Lhud bdew juru wiċċ b’ieħor u għamlu bħalu, tant li anki Barnaba ġie influwenzat minnhom u għamel bħalhom. 14 Imma meta rajthom li mhux jimxu skont il-verità tal-aħbar tajba, għedt lil Kefa* quddiem kulħadd: “Jekk int għalkemm Lhudi tgħix bħal popli oħra u mhux bħal-Lhud, kif tistaʼ ġġiegħel lin-nies taʼ popli oħra jgħixu skont id-drawwiet tal-Lhud?”
15 Aħna li twilidna Lhud u ma nidinbux bħall-popli 16 nafu li xi ħadd ma jiġix iddikjarat ġust għax jobdi l-liġi, imma għax ikollu fidi f’Ġesù Kristu. Allura aħna nuru li għandna l-fidi fi Kristu Ġesù biex niġu ddikjarati ġusti bil-fidi fi Kristu, u mhux għax nobdu l-liġi, għax ħadd ma jiġi ddikjarat ġust għax jobdi l-liġi. 17 Jekk aħna wkoll ninsabu midinbin* waqt li qed infittxu li niġu ddikjarati ġusti permezz taʼ Kristu, ifisser li Kristu qed jinkuraġġina biex nidinbu? Żgur li le! 18 Jekk nerġaʼ nibni dak li nkun waqqajt, inkun qed nuri li ma nkunx qed nobdi l-liġi. 19 Minħabba li obdejt il-liġi, jien mitt għal-liġi* ħalli nkun nistaʼ ngħix għal Alla. 20 Jien imsammar maʼ zokk flimkien maʼ Kristu. M’għadnix ngħix għalija nnifsi, imma ngħix skont kif irid Kristu.* Allura issa qed ngħix skont il-fidi tiegħi fl-Iben t’Alla, li ħabbni u ta ħajtu għalija. 21 Jien ma nirrifjutax il-qalb tajba kbira t’Alla, għax jekk jien niġi kkunsidrat ġust għax nobdi l-Liġi, Kristu jkun miet għalxejn.
3 Ja Galatin bla sens! Min qarraq bikom, minkejja li ġejtu megħjunin tifhmu b’mod ċar għala Ġesù Kristu ġie msammar maʼ zokk? 2 Dan nixtieq nistaqsikom: L-ispirtu rċivejtuh minħabba li għamiltu dak li tgħid il-Liġi jew minħabba l-fidi f’dak li smajtu? 3 Vera mhux tifhmu? Fil-bidu, intom kontu qed tistrieħu fuq l-ispirtu qaddis,* u issa se tistrieħu fuq ir-raġunar tal-bnedmin?* 4 Kien għalxejn li għaddejtu minn tant tbatija? Jien ċert li ma kienx għalxejn. 5 Allura, dak li jagħtikom l-ispirtu u jagħmel il-mirakli fostkom, jagħmel dan minħabba li tobdu l-Liġi jew minħabba l-fidi li għandkom f’dak li smajtu? 6 Aħsbu dwar Abraham, hu “fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust.”*
7 Intom żgur tafu li dawk li għandhom il-fidi huma t-tfal t’Abraham. 8 Fl-Iskrittura, Alla qal minn qabel li kien se jiddikjara ġusti lil nies mill-popli minħabba l-fidi tagħhom. Hu qal din l-aħbar tajba lil Abraham minn qabel, billi qallu: “Il-popli kollha tal-art se jitbierku permezz tiegħek.” 9 Għalhekk, dawk li juru li għandhom il-fidi qed jiġu mberkin flimkien m’Abraham, li kellu l-fidi.
10 Dawk kollha li jistrieħu biss fuq il-Liġi huma misħutin, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Misħut min ma jobdix dak li hemm miktub fl-iskroll tal-Liġi.” 11 Iktar minn hekk, aħna nistgħu naraw b’mod ċar li Alla ma jiddikjara lil ħadd ġust minħabba li jobdi l-Liġi, għax “il-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu.” 12 Il-Liġi mhix ibbażata fuq il-fidi, anzi “kull min jagħmel dawn l-affarijiet se jgħix permezz tagħhom.” 13 Kristu xtrana u ħelisna mis-saħta tal-Liġi billi sar saħta minflokna, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Kull min jiġi mdendel maʼ zokk hu misħut.” 14 Dan ġara biex il-barka li ġiet imwiegħda lil Abraham igawdu minnha popli oħra permezz taʼ Kristu Ġesù, ħalli b’hekk aħna nkunu nistgħu nirċievu l-ispirtu mwiegħed permezz tal-fidi tagħna.
15 Ħuti, ħa nagħtikom eżempju mill-ħajja taʼ kuljum: Meta patt jiġi aċċettat, ħadd ma jistaʼ jħassru jew iżid xi affarijiet miegħu, anki jekk ikun sar minn bniedem. 16 Issa l-wegħdi saru m’Abraham u mad-dixxendent tiegħu.* L-Iskrittura ma tgħidx “id-dixxendenti tiegħek,” bħallikieku qed tirreferi għal ħafna nies, imma tgħid “id-dixxendent tiegħek,” jiġifieri għal persuna waħda, li hu Kristu. 17 Iktar minn hekk, ngħidilkom: Alla l-ewwel għamel il-patt m’Abraham, u wara 430 sena hu ta l-Liġi lill-poplu tiegħu, imma l-Liġi ma ħassritx il-patt u ma ġabitx fix-xejn il-wegħda t’Alla. 18 Jekk il-wirt hu bbażat fuq li wieħed jobdi l-Liġi, mela m’għadux ibbażat fuq wegħda. Imma b’qalb tajba, Alla ta dan il-wirt lil Abraham permezz taʼ wegħda.
19 Allura l-Liġi għala ngħatat? Din ngħatat biex tikxef in-nuqqasijiet, sakemm jasal id-dixxendent t’Abraham* li ngħata l-wegħda. Alla uża l-anġli biex jagħti din il-Liġi lil Mosè, imbagħad Mosè ta l-Liġi lin-nies. 20 Però, meta jkun hemm persuna waħda biss involuta, m’hemmx għalfejn li xi ħadd jgħin biex ikun hemm qbil. L-istess Alla, hu kien waħdu meta għamel din il-wegħda. 21 Allura l-Liġi hi kontra l-wegħdi t’Alla? Żgur li le! Għax jekk in-nies ngħataw liġi li setgħet tagħtihom il-ħajja, allura kienu se jiġu kkunsidrati ġusti permezz tagħha. 22 Imma l-Iskrittura wriet li n-nies tqiegħdu taħt il-kontroll tad-dnub, ħalli dawk li juru fidi f’Ġesù Kristu jkunu jistgħu jirċievu l-wegħda t’Alla.
23 Madankollu, qabel ma emminna fi Kristu,* il-Liġi kienet għassa tagħna, u konna taħt il-kontroll tagħha, waqt li stennejna x’se juri Alla. 24 Għalhekk, il-Liġi saret bħala gwida* li twassalna lejn Kristu, ħalli b’hekk niġu ddikjarati ġusti permezz tal-fidi. 25 Imma issa li qed nemmnu fi Kristu,* m’għandniex bżonn il-Liġi biex tiggwidana.
26 Fil-fatt, intom kollha tfal t’Alla permezz tal-fidi tagħkom fi Kristu Ġesù. 27 Għax intom ilkoll li tgħammidtu u ngħaqadtu maʼ Kristu, sirtu bħal Kristu. 28 La hemm Lhudi u lanqas Grieg,* la hemm ilsir u lanqas ħieles, la hemm raġel u lanqas mara, għax intom ilkoll magħqudin bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 29 Iktar minn hekk, jekk intom dixxipli taʼ Kristu, intom vera dixxendenti t’Abraham,* u se tirċievu l-wirt li Alla wiegħed.
4 Kieku l-werriet kien għadu tifel żgħir, minkejja li kollox hu tiegħu, hu mhux differenti minn ilsir, 2 għax hemm nies li qed jieħdu ħsieb tiegħu u tad-dar saż-żmien li missieru għażel minn qabel. 3 Hekk ukoll aħna, meta konna tfal, konna lsiera billi mxejna fuq il-mentalità tad-dinja. 4 Imma meta wasal iż-żmien magħżul, Alla bagħat lil Ibnu, li wilditu mara u li għex skont il-Liġi, 5 biex jixtri u jeħles lil dawk li kienu taħt il-Liġi, ħalli aħna niġu adottati bħala tfal.
6 Peress li issa intom it-tfal t’Alla, hu bagħat l-ispirtu qaddis li ngħata lil Ibnu fi qlubna, u dan l-ispirtu jqanqalna ngħajtu: “Abba,* Missier!” 7 Għalhekk, kull wieħed minnkom m’għadux ilsir, imma t-tifel t’Alla. U jekk int it-tifel t’Alla, hu se jagħtik ukoll wirt.
8 Minkejja dan, meta ma kontux tafu lil Alla, intom kontu lsiera taʼ dawk li mhux veru kienu allat. 9 Imma issa li sirtu tafu lil Alla, jew aħjar minn hekk, Alla sar jafkom, kif tridu terġgħu tmorru lura għall-affarijiet tad-dinja li ma jiswew għal xejn u tridu terġgħu tkunu lsiera tagħhom? 10 Intom taħsbu li hemm ġranet, xhur, staġuni, u snin, li huma speċjali u għalhekk tiċċelebrawhom. 11 Qed nibżaʼ li l-isforzi li għamilt biex ngħinkom huma għalxejn.
12 Ħuti, jien ukoll kont bħalkom, imma nbdilt. Għalhekk nitlobkom bil-ħniena, inbidlu bħalma għamilt jien. Intom m’għamiltuli xejn ħażin. 13 Imma intom tafu li kien minħabba li kont marid li qgħadt magħkom u kelli l-ewwel opportunità li nippritkalkom l-aħbar tajba. 14 U għalkemm il-kundizzjoni fiżika tiegħi kienet taʼ sfida għalikom, ma ttrattajtunix b’diżrispett jew tqażżiżtuni,* imma lqajtuni bħal anġlu t’Alla, jew bħal Kristu Ġesù. 15 Fejn hu l-ferħ li kellkom? Għax jien ċert illi kieku stajtu, kontu taqilgħu għajnejkom u tagħtuhomli. 16 Allura sirt l-għadu tagħkom għax qed ngħidilkom il-verità? 17 Ċertu nies qed jagħmlu minn kollox biex jikkonvinċukom tmorru man-naħa tagħhom, imma mhux bi skop tajjeb. Huma jridu jifirdukom minni, ħalli tkunu tixtiequ tmorru warajhom. 18 Minkejja dan, dejjem hu tajjeb li xi ħadd juri interess kbir fikom bi skop tajjeb, u mhux biss meta nkun magħkom jien. 19 Tfal żgħar tiegħi, jien qed nerġaʼ nħoss l-uġigħ minħabba fikom, bħall-uġigħ tal-ħlas, u se nibqaʼ nħossni hekk sakemm il-personalità tagħkom tkun bħal taʼ Kristu.* 20 Nixtieq li kont magħkom bħalissa u li qed inkellimkom b’mod differenti, għax qed inħossni mħawwad bil-mod kif qed taġixxu.
21 Għiduli, intom li tridu tobdu l-Liġi, Ma tafux x’tgħid? 22 Pereżempju, hemm miktub li Abraham kellu żewġ subien, wieħed mill-qaddejja u l-ieħor mill-mara tiegħu li ma kinitx qaddejja. 23 It-tifel tal-qaddejja twieled bħat-tfal l-oħra kollha,* imma t-tifel tal-mara twieled minħabba wegħda. 24 Dawn l-affarijiet għandhom tifsira oħra, għax dawn in-nisa jirrappreżentaw żewġ pattijiet. Wieħed minnhom sar fuq il-Muntanja Sinaj. Dawk kollha li huma taħt dan il-patt huma lsiera. Dan il-patt hu bħal Ħagar. 25 Ħagar tirrappreżenta lis-Sinaj, muntanja fl-Arabja, u s-sitwazzjoni tagħha hi bħal dik taʼ Ġerusalemm illum, għax qiegħda fil-jasar mat-tfal tagħha. 26 Imma Ġerusalemm taʼ fuq hi bħal ommna, u hi mara ħielsa.
27 Għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Ifraħ, mara li ma jistax ikollok tfal; għajjat bil-ferħ, mara li m’għandekx l-uġigħ tal-ħlas; għax għalkemm hi abbandunata, għandha ħafna iktar tfal minn dik li għandha raġel.” 28 Issa intom ħuti, tfal tal-wegħda bħalma kien Iżakk. 29 Imma bħalma dak iż-żmien dak li twieled bħat-tfal kollha* beda jippersegwita lil dak li twieled permezz tal-ispirtu, hekk qed jiġri issa. 30 Minkejja dan, x’tgħid l-Iskrittura? “Keċċi ’l barra lill-qaddejja u t-tifel tagħha, għax hu żgur li mhux se jkun werriet mat-tifel taʼ dik li mhix qaddejja.” 31 Għalhekk ħuti, aħna m’aħniex tfal taʼ qaddejja, imma tfal tal-mara li mhix qaddejja.
5 Kristu ħelisna biex ikollna din il-libertà.* Għalhekk, żommu sod u terġgħux issiru bħal ilsiera marbutin maʼ madmad.
2 Jien, Pawlu, qed ngħidilkom li jekk issiru ċirkonċiżi, dak li għamel Kristu mhux se jkun taʼ benefiċċju għalikom. 3 Nerġaʼ nfakkar lil kull raġel li jiġi ċirkonċiż li hu obbligat li jagħmel dak kollu li tgħid il-Liġi. 4 Intom li qed tipprovaw tiġu kkunsidrati ġusti permezz tal-Liġi, infridtu minn Kristu; intom tbegħedtu mill-qalb tajba kbira tiegħu. 5 Imma aħna qed nistennew li nkunu ġusti f’għajnejn Alla b’mod li hu possibbli biss permezz tal-ispirtu qaddis u l-fidi tagħna. 6 Li jgħodd għad-dixxipli taʼ Kristu Ġesù hu l-fidi li tintwera bl-imħabba, u mhux li wieħed ikun ċirkonċiż jew le.
7 Intom sewwa kontu qed tiġru. Min fixkilkom milli tkomplu tobdu l-verità? 8 It-tagħlim taʼ dawk li fixklukom ma jiġix mingħand Alla li għażilkom. 9 Ftit ħmira tinxtered mal-għaġina kollha. 10 Jien fiduċjuż li intom id-dixxipli tal-Mulej se taqblu miegħi, imma hu min hu li qed jaqlgħalkom il-problemi se jieħu l-ġudizzju li ħaqqu. 11 Ħuti, li kieku għadni qed nipprietka biex issir iċ-ċirkonċiżjoni, kieku m’għadhomx jippersegwitawni, u t-tagħlim tiegħi dwar il-mewt ta’ Ġesù fuq iz-zokk tat-tortura* ma jibqax ifixkel lin-nies. 12 Jalla dawk li qed jipprovaw ifixklukom jikkastraw lilhom infushom.*
13 Ħuti, intom ġejtu magħżulin biex tkunu liberi, imma tużawx din il-libertà bħala opportunità biex tagħmlu x-xewqat ħżiena tagħkom. Minflok, aqdu lil xulxin bl-imħabba. 14 Għax il-Liġi kollha twettqet* fi kmandament wieħed, jiġifieri: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” 15 Imma jekk tibqgħu tiġġieldu u tweġġgħu lil xulxin, qegħdin fil-periklu li teqirdu għalkollox lil xulxin.
16 Imma jien ngħidilkom, Ibqgħu imxu skont il-gwida tal-ispirtu qaddis u ma tagħmlu l-ebda xewqa ħażina. 17 Għax ix-xewqat ħżiena jmorru kontra l-ispirtu qaddis, u l-ispirtu qaddis imur kontra x-xewqat ħżiena; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex b’hekk ma tagħmlux l-affarijiet li tridu tagħmlu. 18 Iktar minn hekk, jekk qed tiġu ggwidati mill-ispirtu qaddis, m’intomx taħt il-Liġi.
19 Ix-xewqat ħżiena jidhru b’mod ċar, u huma l-immoralità sesswali,* in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta ħażina bla mistħija,* 20 l-idolatrija, l-ispiritiżmu,* il-mibegħda, il-ġlied, li wieħed iżomm f’qalbu, ir-rabja, l-argumenti, il-firdiet, is-setet, 21 l-għira, li wieħed jisker, ix-xalar,* u affarijiet bħal dawn. Qed inwissikom minn qabel dwar dawn l-affarijiet, bħalma diġà wissejtkom, li kull min jagħmel affarijiet bħal dawn mhux se jiret is-Saltna t’Alla.
22 Mill-banda l-oħra, il-kwalitajiet li jipproduċi l-ispirtu qaddis huma* l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-paċenzja,* il-qalb tajba, it-tjieba,* il-fidi, 23 il-ħlewwa, u r-rażan.* M’hemmx liġi li tikkundanna affarijiet bħal dawn. 24 Iktar minn hekk, id-dixxipli taʼ Kristu Ġesù sammru maʼ zokk il-ġisem midneb tagħhom flimkien mal-ġibdiet u x-xewqat tiegħu.
25 Jekk qed ngħixu skont il-gwida tal-ispirtu qaddis, ejja nkomplu naġixxu fi qbil mal-gwida tiegħu. 26 Ħa ma nitkabbrux, ħa ma nħeġġux kompetizzjoni bejnietna, u ħa ma ngħirux għal xulxin.
6 Ħuti, anki jekk xi ħadd jagħmel pass falz mingħajr ma jinduna, minħabba li intom maturi spiritwalment* ipprovaw ikkoreġuh bil-ħlewwa. Imma oqogħdu attenti li ma tiġux ittantati intom ukoll. 2 Komplu għinu lil xulxin fid-diffikultajiet tagħkom, b’hekk tkunu qed tobdu l-liġi tal-Kristu. 3 Għax jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’huwiex, ikun qed iqarraq bih innifsu. 4 Imma kull wieħed ħa jeżamina dak li jagħmel hu stess, ħalli b’hekk jifraħ b’dak li għamel hu u mhux għax iqabbel lilu nnifsu m’oħrajn. 5 Għax kull wieħed hu responsabbli li jagħmel dak li jitlob minnu Alla.*
6 Iktar minn hekk, kull min qed jiġi mgħallem il-kelma t’Alla għandu jaqsam l-affarijiet tajbin kollha maʼ dak li qed jgħallmu dawn l-affarijiet.
7 Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad. 8 Min jimxi skont ix-xewqat tal-ġisem tiegħu se jaħsad il-qerda minħabba dawn ix-xewqat, imma min jimxi skont l-ispirtu qaddis t’Alla se jaħsad il-ħajja taʼ dejjem minħabba dan l-ispirtu. 9 Għalhekk, ejja ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien inkunu nistgħu naħsdu jekk ma negħjewx.* 10 Mela la għad għandna l-opportunità,* ejja nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ ħutna fil-fidi.
11 Jien stess ktibtha din l-ittra. Qed taraw kemm ktibt kbir?
12 Dawk kollha li jridu jidhru sbieħ minn barra jipprovaw iġegħlukom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni. Huma jagħmlu hekk għax ma jridux li jiġu ppersegwitati minħabba li huma dixxipli tal-Kristu li miet fuq zokk tat-tortura.* 13 Għax anki dawk li qed jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ma jobdux il-Liġi, imma huma jridu lilkom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ħalli jkunu jistgħu jiftaħru b’dak li għamlu lil ġisimkom. 14 Imma jien se niftaħar biss bil-Mulej tagħna Ġesù Kristu li miet fuq iz-zokk tat-tortura.* Għalija, id-dinja ġiet ikkundannata għall-mewt* permezz tiegħu, imma għad-dinja jien ġejt ikkundannat għall-mewt permezz tiegħu. 15 L-iktar importanti hu li tkun ħolqien ġdid, u mhux li tkun ċirkonċiż jew le. 16 Jalla dawk kollha li jimxu ma’ dan il-prinċipju, jiġifieri l-Iżrael t’Alla, ikollhom il-paċi u jintwerew ħniena.
17 Fuq ġismi għandi marki li juru li jien ilsir taʼ Ġesù, għalhekk minn issa ’l quddiem taqilgħulix problemi.
18 Ħuti, jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira hekk kif turu kwalitajiet tajbin. Ammen.
Jew “is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “li tħallu lil ħaddieħor iwarrabkom mill-Alla.”
Jew “taʼ ebda bniedem.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Letteralment “il-fidi.”
Letteralment “siegħa.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “taʼ sħubija bejnietna.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “li kellu tort.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “li nagħmlu d-dnub.”
Jew “jien meħlus mil-liġi.”
Letteralment “Kristu qed jgħix fija.”
Letteralment “bdejtu fl-ispirtu.”
Letteralment “se tispiċċaw fil-laħam?”
Ara App. A5.
Jew “għaddlu dan bħala ġustizzja.”
Jew “nislu; dak li jiġi minnu.”
Jew “in-nisel t’Abraham; id-dixxendenti t’Abraham.”
Letteralment “qabel ma waslet il-fidi.”
Il-kelma oriġinali bil-Grieg tirreferi għal tutur jew wieħed li jipproteġi t-tfal.
Letteralment “li waslet il-fidi.”
Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
Jew “in-nisel t’Abraham; tiġu minn Abraham.”
Kelma bl-Ebrajk jew bl-Aramajk li tfisser “O Missier!”
Jew “bżaqtuli.”
Jew “sakemm Kristu jifforma fikom.”
Letteralment “skont il-laħam.”
Letteralment “skont il-laħam.”
Jiġifieri biex inkunu meħlusin milli nobdu l-Liġi.
Jew “isiru ewnuki.” B’hekk ma jibqgħux ikkwalifikati biex jagħmlu dak li tgħid il-Liġi li tant kienu jappoġġaw.
Jew forsi “nġabret.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “parties bla kontroll.”
Letteralment “il-frott tal-ispirtu hu.”
Jew “is-sabar fit-tul.”
It-terminu Grieg ġej minn għerq tal-kelma li jfisser “tajjeb.” Din hi kwalità pożittiva li tintwera f’dak li nagħmlu u hi taʼ benefiċċju għal oħrajn.
Jew “li wieħed jikkontrolla lilu nnifsu.”
Jew “li għandkom kwalifiki spiritwali.”
Letteralment “iġorr it-tagħbija tiegħu.”
Jew “ma naqtgħux qalbna.”
Letteralment “iż-żmien magħżul.”
Jew “imsammra maʼ zokk.”