ITTRA LILL-EFESIN
1 Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, qed nikteb din l-ittra lill-qaddisin li qegħdin f’Efesu u li huma dixxipli leali taʼ Kristu Ġesù:
2 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
3 Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax fis-sema hu tana kull barka li tiġi mill-ispirtu qaddis peress li aħna dixxipli taʼ Kristu. 4 Hu għażilna biex inkunu miegħu* qabel il-bidu tad-dinja,* ħalli b’hekk nuru mħabba, inkunu qaddisin, u bla difett quddiemu. 5 Għax hu ddeċieda minn qabel li jadottana bħala t-tfal tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu, skont dak li jogħġbu u dak li jrid. 6 Hu għamel hekk ħalli jiġi mfaħħar, għax uża lil Ibnu l-għażiż biex juri l-imħabba kbira tiegħu lejna. 7 Permezz taʼ Ibnu, aħna ġejna mifdijin* u meħlusin. Iva, id-dnubiet tagħna qed jinħafru permezz tad-demm tiegħu. Il-qalb tajba kbira t’Alla hi verament kbira!
8 Alla wriena din il-qalb tajba kbira u tana kull għerf u abbiltà li nifhmu,* 9 billi ħalliena nkunu nafu x’inhu s-sigriet qaddis taʼ dak li jrid. Dan hu fi qbil maʼ dak li jixtieq u l-iskop tiegħu 10 u jinkludi li jkun hemm amministrazzjoni meta jintemm iż-żmien li għażel, jiġifieri biex jiġbor kollox flimkien permezz tal-Kristu, kemm l-affarijiet tas-sema u kemm l-affarijiet tal-art. Iva, permezz tiegħu, 11 aħna ġejna inkarigati bħala werrieta miegħu. Alla għażilna minn qabel skont l-iskop tiegħu, għax hu jagħmel kollox bħalma jiddeċiedi u kif irid. 12 B’hekk, aħna li ttamajna l-ewwel fil-Kristu, inkunu nistgħu nfaħħru u nigglorifikaw lil Alla. 13 Imma anki intom ittamajtu fil-Kristu wara li smajtu l-kelma tal-verità, li hi l-aħbar tajba dwar li Alla se jsalvakom. Ukoll permezz tal-Kristu, wara li emmintu, intom ġejtu ssiġillati bl-ispirtu qaddis li Alla wiegħed. 14 Dan l-ispirtu qaddis hu garanzija tal-wirt tagħna, biex Alla jeħles lill-poplu tiegħu stess permezz taʼ fidwa, u b’hekk jiġi mfaħħar u gglorifikat.
15 Minħabba f’hekk, mindu smajt dwar il-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u l-imħabba li wrejtu mal-qaddisin kollha, 16 jien dejjem nirringrazzja lil Alla għalikom. Jien inkompli nsemmikom fit-talb tiegħi, 17 ħalli l-Alla tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier glorjuż, jagħtikom il-qawwa biex tkunu għorrief u tifhmu l-affarijiet li jikxef, u b’hekk ikollkom għarfien eżatt dwaru. 18 Alla fetħilkom moħħkom* biex tkunu tistgħu taraw u tkunu tafu dwar it-tama li takom, dwar l-affarijiet tajbin li ma jitqabblu maʼ xejn li hu wiegħed lill-qaddisin, 19 u kemm hi kbira l-qawwa tiegħu li wera magħna li nemmnu. Din il-qawwa tidher bil-mod kif uża s-saħħa tiegħu 20 fil-każ taʼ Kristu, meta qajmu mill-mewt u qiegħdu fuq il-lemin tiegħu fis-sema. 21 Hu tah pożizzjoni bil-wisq iktar għolja minn kull gvern, awtorità, mexxej, re, u kwalunkwe persuna li hi importanti, mhux biss issa* imma anki fil-futur. 22 Ukoll, Alla poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu u għamlu kap fuq l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kongregazzjoni. 23 Il-kongregazzjoni hi bħall-ġisem tiegħu, u hu jagħtiha kulma għandha bżonn.
2 Iktar minn hekk, minħabba n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħkom kontu bħallikieku mejtin, imma Alla takom il-ħajja. 2 Xi darba intom kontu tagħmlu bħan-nies tad-dinja* u kontu tobdu l-mexxej li għandu awtorità fuq l-arja, jiġifieri fuq l-ispirtu taʼ din id-dinja li qed jikkontrolla n-nies diżubbidjenti. 3 Iva, aħna xi darba konna ngħixu bħal dawk in-nies, billi konna naġixxu skont ix-xewqat ħżiena tagħna u l-ħsibijiet tagħna. Bħal kulħadd, mindu twelidna, kien ħaqqna li Alla jirrabja magħna. 4 Imma Alla jħenn ħafna, u peress li jħobbna ħafna 5 hu tana l-ħajja flimkien mal-Kristu, anki meta konna bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħna. Intom ġejtu salvati minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla. 6 Iktar minn hekk, hu tana l-ħajja* u poġġiena bilqiegħda flimkien fis-sema bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù, 7 ħalli fid-dinja l-ġdida* li għandha tiġi, Alla juri l-qalb tajba kbira tiegħu meta jagħmel affarijiet tajbin għalina bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
8 Intom li għandkom il-fidi, ġejtu salvati permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla. Dan ma sarx bis-saħħa tagħkom, imma hu rigal mingħand Alla. 9 Le, mhux minħabba dak li tagħmlu, ħalli ħadd ma jkollu għal xiex jiftaħar. 10 Aħna xogħol idejn Alla, u minħabba li aħna dixxipli taʼ Kristu Ġesù, ġejna maħluqin biex nagħmlu affarijiet tajbin li Alla kien iddeċieda għalina minn qabel.
11 Allura ftakru li intom m’intomx Lhud, u dawk li huma ċirkonċiżi mill-bniedem jirreferu għalikom bħala nies li m’intomx ċirkonċiżi. 12 F’dak iż-żmien, ma kontux tafu lil Kristu, ma kellkomx x’taqsmu man-nies* t’Iżrael, u ma kontux parti mill-pattijiet tal-wegħda. Intom kontu mingħajr tama u mingħajr Alla fid-dinja. 13 Imma issa intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Intom li xi darba kontu ’l bogħod minn Alla, ersaqtu qrib tiegħu permezz tad-demm tal-Kristu. 14 Kristu ġabilna l-paċi. Hu l-wieħed li għaqqad iż-żewġ gruppi u li qered il-ħajt li kien jisseparahom. 15 Peress li offra lil ġismu bħala sagrifiċċju, hu neħħa l-liġi u l-kmandamenti li kien hemm fil-Liġi taʼ Mosè. Din kienet qed iġġib mibegħda bejn iż-żewġ gruppi. Imbagħad minn dawn iż-żewġ gruppi hu għamel grupp ġdid. Fil-fatt, peress li għamilhom fi grupp wieħed bħala d-dixxipli tiegħu, hu ġab il-paċi bejniethom. 16 Ukoll, permezz tal-mewt tiegħu fuq iz-zokk tat-tortura,* hu għamilhom ħbieb m’Alla biex jagħmel iż-żewġ gruppi poplu wieħed,* għax neħħa l-mibegħda permezz tiegħu stess. 17 Hu ġie u xandar l-aħbar tajba tal-paċi, kemm lil dawk li kienu ’l bogħod minn Alla u kemm lil dawk li huma qrib tiegħu, 18 għax permezz tiegħu, aħna, iż-żewġ gruppi, nistgħu nitolbu lill-Missier, għax ilkoll nirċievu l-istess spirtu qaddis.
19 Allura m’għadkomx stranġieri u barranin, imma għandkom l-istess ċittadinanza bħall-qaddisin l-oħra u intom parti mill-familja t’Alla. 20 Intom bħal ġebel li Alla bena fuq il-pedament tal-appostli u l-profeti,* waqt li Kristu Ġesù stess hu l-iktar ġebla importanti* tal-pedament. 21 Flimkien miegħu, il-bini kollu qed isir tempju qaddis għal Ġeħova,* b’kull parti tal-bini magħquda sew flimkien. 22 Flimkien miegħu, intom u oħrajn qed tinbnew biex issiru post fejn joqgħod Alla, għax hemm l-ispirtu tiegħu.
3 Għal din ir-raġuni, jien, Pawlu, priġunier minħabba li jien taʼ Kristu Ġesù u minħabba li qed ngħin lilkom li intom nies taʼ popli oħra—* 2 Intom żgur smajtu li jien ingħatajt ir-responsabbiltà biex ngħinkom tibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla. 3 Iva, Alla għenni nsir naf x’inhu s-sigriet qaddis bħalma diġà ktibtilkom qabel fil-qosor. 4 Għalhekk, meta taqraw dan, intom se taraw kemm naf dwar is-sigriet qaddis tal-Kristu. 5 Alla ma weriex dan is-sigriet lill-ġenerazzjonijiet taʼ qabel. Imma issa hu wrieh lill-appostli u l-profeti tiegħu permezz tal-ispirtu qaddis. 6 Is-sigriet hu li dawk minn popli oħra li huma dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jieħdu l-istess wirt bħalu u jsiru parti mill-istess grupp. Huma se jirċievu l-istess affarijiet li Alla wiegħed lilna permezz tal-aħbar tajba. 7 Minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla, jien sirt bħal qaddej taʼ dan is-sigriet qaddis. Hu tani dan ir-rigal b’xejn meta tani l-qawwa tiegħu.
8 Din il-qalb tajba kbira ntweriet miegħi, l-inqas importanti mill-qaddisin kollha, ħalli nxandar l-aħbar tajba dwar il-ħafna barkiet li ma tistax tgħoddhom u li jiġu permezz taʼ Kristu. 9 Ukoll, ħalli ngħin in-nies jaraw kif Alla, il-wieħed li ħalaq kollox, kixef is-sigriet qaddis tiegħu li kien ilu moħbi għal ħafna snin. 10 Dan ġara ħalli issa permezz tal-kongregazzjoni, il-gvernijiet u l-awtoritajiet* fis-sema jkunu jafu li l-għerf t’Alla jintwera b’ħafna modi differenti. 11 Dan hu skont l-iskop li jibqaʼ għal dejjem t’Alla u li għandu x’jaqsam mal-Kristu, Ġesù l-Mulej tagħna. 12 Fil-fatt, minħabba l-fidi tagħna fi Kristu, aħna għandna l-libertà tal-kelma u nistgħu nitolbu lil Alla bil-libertà għax nafdawh. 13 Għalhekk, nitlobkom biex ma taqtgħux qalbkom minħabba li qed inbati għalikom, għax dan hu taʼ benefiċċju għalikom.
14 Għal din ir-raġuni, jien ninżel għarkopptejja biex nitlob lil Missieri, 15 li permezz tiegħu teżisti* kull familja fis-sema u fuq l-art. 16 Jien nitlob li permezz tal-glorja kbira tiegħu jħallikom tiġu msaħħin* bil-qawwa tal-ispirtu tiegħu, 17 u nitlob li jkollkom lill-Kristu u l-imħabba bejnietkom fi qlubkom minħabba l-fidi tagħkom. Jalla jkollkom għeruq b’saħħithom u tkunu sodi fuq il-pedament, 18 ħalli flimkien mal-qaddisin kollha, tkunu tistgħu tifhmu għalkollox il-wisaʼ, it-tul, l-għoli, u l-fond tal-verità, 19 u tkunu tafu l-imħabba tal-Kristu li hi iktar importanti mill-għarfien. B’hekk, ikollkom il-kwalitajiet kollha li jagħti Alla.
20 Peress li Alla jagħtina l-qawwa tiegħu, hu jistaʼ jagħmel wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew nimmaġinaw. 21 Hu ħaqqu jiġi gglorifikat permezz tal-kongregazzjoni u permezz taʼ Kristu Ġesù għal dejjem* taʼ dejjem. Ammen.
4 Għalhekk jien, li qiegħed il-ħabs għax dixxiplu tal-Mulej, nitlobkom bil-ħniena biex tgħixu kif jixraq skont dak li ġejtu magħżulin għalih, 2 jiġifieri dejjem uru umiltà u ħlewwa. Ukoll, għandkom tkunu paċenzjużi, tissaportu lil xulxin bl-imħabba, 3 u tkunu fil-paċi maʼ xulxin billi tagħmlu l-aħjar tagħkom biex iżżommu l-għaqda li jkollkom permezz tal-ispirtu qaddis. 4 Hemm ġisem wieħed u spirtu wieħed, bħalma teżisti tama waħda biss li għaliha ġejtu magħżulin; 5 hemm Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; 6 Alla wieħed u Missier għal kulħadd, li hu fuq kulħadd, li jaħdem permezz tagħna, u l-qawwa tiegħu taħdem b’kull mod.
7 Lil kull wieħed minna, Alla wriena qalb tajba kbira. Dan nistgħu narawh minn kif Kristu qasam ir-rigal bejnietna. 8 Għax l-Iskrittura tgħid: “Meta telaʼ fl-għoli, ħa rġiel bħala lsiera u tahom bħala rigali.” 9 Issa xi tfisser il-kelma “telaʼ”? Li qabel hu niżel fuq l-art. 10 Dak li niżel fuq l-art kien l-istess wieħed li telaʼ ħafna iktar ’il fuq mis-sema, biex isir kollox permezz tiegħu.
11 Fost ir-rigali li ta hemm l-appostli, il-profeti, dawk li jippritkaw l-aħbar tajba, ir-ragħajja, u l-għalliema, 12 biex jgħinu lill-qaddisin jimxu fit-triq it-tajba,* biex jaqdu lil oħrajn, u biex isaħħu l-kongregazzjoni li hi bħall-ġisem tal-Kristu. 13 Huma se jibqgħu jagħmlu hekk sakemm ilkoll kemm aħna nkunu magħqudin f’dak li nemmnu u jkollna għarfien eżatt dwar l-Iben t’Alla. B’hekk insiru rġiel maturi, jiġifieri nilħqu l-livell taʼ maturità tal-Kristu. 14 Allura m’għandniex nibqgħu tfal mitfugħin ’l hemm u ’l hawn mill-mewġ u mkaxkrin minn kull tagħlim* minħabba l-qerq tan-nies u l-makakkerija tal-ingann tagħhom. 15 Imma għandna ngħidu l-verità u nuru l-imħabba, u b’hekk inkunu nistgħu nsiru maturi b’kull mod biex ngħixu skont il-Kristu, il-kap. 16 Aħna bħal ġisem, għax permezz tal-Kristu l-partijiet kollha taʼ dan il-ġisem huma magħqudin sew u jgħinuh biex jaħdem. Kieku kull parti taħdem kif suppost, dan il-ġisem jikber tajjeb ħafna u aħna se nħobbu lil xulxin.
17 Allura se ngħidilkom dan u nħeġġiġkom f’isem il-Mulej biex ma tibqgħux timxu bħall-popli, għax huma jgħixu biss skont ir-raġunar bla sens tagħhom. 18 Huma għandhom moħħhom imdallam u aljenati mill-ħajja li ġejja minn Alla, minħabba li ma jridux ikunu jafuh* u minħabba li qalbhom mhix sensittiva. 19 Huma m’għadx għandhom livelli morali. Huma ntefgħu jagħmlu dak li hu ħażin bla mistħija* biex b’regħba jagħmlu kull nuqqas taʼ ndafa.*
20 Imma intom tgħallimtu u tafu li l-Kristu mhux hekk. 21 Ġesù għallem il-verità, u jekk smajtu minnu u tgħallimtu permezz tiegħu, mela tafu sew dawn l-affarijiet. 22 Intom tgħallimtu li għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed titħassar bix-xewqat ħżiena tagħha. 23 U intom għandkom tibqgħu taħsbu b’mod differenti,* 24 u tilbsu l-personalità l-ġdida, jiġifieri l-personalità li Alla għamel skont dak li jrid hu. Din il-personalità hi vera ġusta u leali.
25 Għalhekk, minħabba li m’għadkomx tqarrqu, għidu l-verità lil xulxin, għax aħna partijiet differenti tal-ġisem li niddependu minn xulxin. 26 Jekk tirrabjaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom irrabjati; 27 tagħtux opportunità* lix-Xitan. 28 Min jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel xogħol onest, ħalli jkollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-bżonn. 29 Tgħidu l-ebda kelma li mhix xierqa,* imma għidu biss dak li hu tajjeb biex isaħħaħ skont il-bżonn, biex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu. 30 Ukoll, iddejqux lill-Alla billi tiħduha kontra l-ispirtu qaddis tiegħu,* li ġejtu ssiġillati bih għal jum li fih se tinħelsu permezz tal-fidwa.*
31 Tibqgħux iżżommu f’qalbkom, irrabjati, inkorlati, twerżqu, tgħajru, jew tagħmlu kwalunkwe ħaġa li tagħmel il-ħsara. 32 Imma uru qalb tajba maʼ xulxin, ħennu b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb permezz taʼ Kristu.
5 Għalhekk, imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież, 2 u komplu uru mħabba, bħalma l-Kristu wkoll ħabbna* u ta lilu nnifsu għalina* bħala offerta u sagrifiċċju jfuħ għal Alla.
3 Lanqas biss għandkom issemmu bejnietkom l-immoralità sesswali,* kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa, jew regħba, bħalma hu xieraq għall-poplu qaddis. 4 Lanqas ma jkun xieraq li taġixxu bla mistħija, titkellmu bla sens, jew tagħmlu ġesti oxxeni, imma minflok irringrazzjaw lil Alla. 5 Għax intom tafu dan, iva, irrealizzajtu li ebda persuna li tagħmel l-immoralità sesswali,* affarijiet mhux nodfa, jew tkun rgħiba, li hi tip t’idolatrija,* mhu se tiret is-saltna t’Alla li jmexxi l-Kristu.
6 Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fil-vojt, għax minħabba dawn l-affarijiet li Alla se jikkastiga lid-diżubbidjenti. 7 Għalhekk, m’għandu jkollkom xejn x’taqsmu magħhom; 8 għax intom darba kontu bħad-dlam, imma issa qiskom bħad-dawl minħabba li intom tal-Mulej. Ibqgħu aġixxu bħal dawk li jimxu fid-dawl.* 9 Għax li tgħix fid-dawl ifisser li tkun qalbek tajba f’kollox, ġust, u tgħix fi qbil mal-verità. 10 Komplu agħmlu ċert x’inhuma l-affarijiet li jaċċetta l-Mulej; 11 u tibqgħux tieħdu sehem f’xogħlijiet li ma jiswew xejn u li huma tad-dlam; minflok, ikxfuhom. 12 Għax l-affarijiet li jagħmlu bil-moħbi, huma tal-mistħija anki biex issemmihom. 13 Id-dawl jikxef l-affarijiet kollha. Allura, l-affarijiet kollha li jinkixfu se jiġu mdawla. 14 Għalhekk, l-Iskrittura tgħid: “Int li int rieqed bħal persuna mejta, qum, u l-Kristu se jiddi fuqek.”
15 Għalhekk, oqogħdu attenti sew biex ma tagħmlux bħan-nies boloh, imma bħan-nies għorrief, 16 billi tużaw* il-ħin bl-aħjar mod, għax iż-żmien hu ħażin. 17 Minħabba f’hekk, tibqgħux tkunu bla raġuni, imma ibqgħu ifhmu xi jrid Ġeħova.* 18 Ukoll, tiskrux* għax dan iwassalkom biex tagħmlu affarijiet ħżiena ħafna, imma ibqgħu irċievu l-ispirtu qaddis. 19 Saħħu lil xulxin* billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, u tkantaw għanjiet spiritwali. Kantaw u faħħru lil Ġeħova* fi qlubkom. 20 Ukoll, dejjem irringrazzjaw lil Alla u l-Missier tagħna ta’ kollox f’isem il-Mulej Ġesù Kristu tagħna.
21 Kunu sottomessi* lejn xulxin minħabba r-rispett kbir għal* Kristu. 22 Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom bħallikieku lejn il-Mulej. 23 Għax raġel hu kap taʼ martu bħalma l-Kristu hu l-kap tal-kongregazzjoni, peress li hu jsalva dan il-ġisem.* 24 Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, in-nisa wkoll għandhom ikunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom f’kollox. 25 Irġiel, komplu ħobbu lill-mara tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta ħajtu għaliha. 26 Hu għamel hekk biex iqaddisha, billi jnaddafha bl-ilma, jiġifieri bil-kelma t’Alla. 27 B’hekk, il-kongregazzjoni tkun sabiħa quddiemu, mingħajr tebgħa, tikmix, jew affarijiet bħal dawn, imma tkun qaddisa u mingħajr difett.
28 Bl-istess mod, l-irġiel għandhom iħobbu lill-mara tagħhom, bħalma jħobbu lill-ġisem tagħhom stess. Raġel li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu. 29 Għax ħadd qatt ma bagħad lil ġismu, imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel lill-kongregazzjoni, 30 għax aħna partijiet mill-ġisem tiegħu. 31 “Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, jingħaqad* maʼ martu, u huma jsiru ġisem wieħed.” 32 Is-sigriet qaddis u importanti li qed nitkellem dwaru hu dwar Kristu u l-kongregazzjoni. 33 Minkejja dan, kull wieħed minnkom għandu jħobb lill-mara tiegħu bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett kbir għar-raġel tagħha.
6 Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom bħalma jrid il-Mulej, għax hekk hu xieraq. 2 “Irrispetta lil missierek u lil ommok,” dan hu l-ewwel kmand li ngħata maʼ din il-wegħda: 3 “Biex tirnexxi* u tgħix ħajja twila fuq l-art.” 4 Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, imma komplu ħudu ħsiebhom billi tiddixxiplinawhom u tittrennjawhom* bħalma jrid Ġeħova.*
5 Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* b’rispett kbir u biżaʼ, bħallikieku lill-Kristu. 6 Tagħmlux dan għal għajn in-nies, biex tingħoġbu minnhom, imma bħala lsiera taʼ Kristu li jagħmlu dak li jrid Alla b’ruħhom* kollha. 7 Kunu lsiera b’attitudni tajba, bħallikieku qed taqdu lil Ġeħova* u mhux lill-bnedmin. 8 Għax intom tafu li kull wieħed se jiġi ppremjat minn Ġeħova* għat-tajjeb li jkun għamel, kemm jekk hu lsir u kemm jekk le. 9 Ukoll sidien, ibqgħu ttrattawhom bl-istess mod, u mhux thedduhom, għax intom tafu li s-Sid tagħkom u tagħhom qiegħed fis-sema, u hu ma jurix preferenzi.
10 Fl-aħħar, jalla l-Mulej jagħtikom il-qawwa permezz tas-saħħa kbira tiegħu. 11 Ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla ħalli tkunu tistgħu żżommu sod kontra l-pjanijiet qarrieqa* tax-Xitan; 12 għax il-ġlieda li għandna mhix kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, l-awtoritajiet, u l-mexxejja taʼ din id-dinja mdallma, jiġifieri kontra d-demonji li hemm fis-sema. 13 Għal din ir-raġuni, ilbsu l-armatura sħiħa mingħand Alla, biex tkunu tistgħu tieqfu lil dan l-għadu fiż-żmien meta jattakka, u tibqgħu sodi għax tkunu għamiltu dak li hu mitlub minnkom.
14 Għalhekk, żommu sod biċ-ċinturin tal-verità maqful, lebsin il-kurazza tal-ġustizzja, 15 u bis-sandli f’saqajkom biex tkunu lesti tippritkaw l-aħbar tajba tal-paċi. 16 Barra minn hekk, aqbdu t-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-wieħed mill-agħar. 17 Ukoll, ilbsu f’raskom l-elmu tas-salvazzjoni, u ħudu x-xabla tal-ispirtu qaddis, jiġifieri l-kelma t’Alla, 18 waqt li b’kull tip taʼ talb u suppliki* komplu itolbu f’kull okkażjoni permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis. Għalhekk, ibqgħu għassa u itolbu bil-ħniena l-ħin kollu għall-qaddisin kollha. 19 Itolbu għalija wkoll, ħalli ningħata l-abbiltà li nitkellem u nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ dwar is-sigriet qaddis tal-aħbar tajba. 20 Jien ambaxxatur taʼ din l-aħbar tajba* u għalhekk qiegħed marbut bil-ktajjen. Itolbu għalija ħalli nkun nistaʼ nipprietka bil-kuraġġ, bħalma għandi nagħmel.
21 Tikiku, ħu għażiż u qaddej leali tal-Mulej, se jgħidilkom x’qed nagħmel u kif jien. 22 Jien qed nibagħtu għandkom, biex jgħidilkom kif aħna u biex ikun jistaʼ jinkuraġġikom.
23 Jalla l-aħwa jkollhom il-paċi u l-imħabba flimkien mal-fidi li jiġu mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu. 24 Jalla Alla juri qalb tajba kbira maʼ dawk kollha li jħobbu b’mod ġenwin lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Jiġifieri maʼ Kristu.
Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”
Jew “għaqal.”
Letteralment “l-għajnejn taʼ qalbkom.”
Jew “f’din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “skont is-sistema tal-affarijiet tad-dinja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “qajjimna.”
Jew “fis-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “kontu mbegħdin min-nies.”
Letteralment “ġisem wieħed.”
Aktarx qed jirreferi għall-profeti Kristjani.
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Ara App. A5.
Dan il-ħsieb jidher li jkompli fil-vers 14.
Milli jidher il-kliem “il-gvernijiet u l-awtoritajiet” jirreferi għall-anġli.
Jew “irċiviet isimha.”
Letteralment “tiġu msaħħin fil-persuna li intom minn ġewwa.”
Jew “għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem.”
Jew “jittrennjaw lill-qaddisin.”
Jew “riħ taʼ tagħlim.”
Letteralment “minħabba l-injoranza li qiegħda fihom.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jew “biex jagħmlu kull nuqqas taʼ ndafa mingħajr ma jkunu jridu jieqfu.”
Jew “tiġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom.”
Jew “tagħtux wisaʼ.”
Letteralment “kelma mħassra.”
Jew “tnikktux lill-ispirtu qaddis t’Alla.”
Jew forsi “ħabbkom.”
Jew forsi “għalikom.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri tqim lill-idoli.
Letteralment “tfal tad-dawl.”
Letteralment “tixtru.”
Ara App. A5.
Letteralment “tiskrux bl-inbid.”
Jew forsi “lilkom infuskom.”
Ara App. A5.
Jiġifieri rrispettaw l-awtorità.
Letteralment “fil-biżaʼ taʼ.”
Jiġifieri l-kongregazzjoni.
Jew “jibqaʼ.”
Jew “jaħbatlek tajjeb.”
Jew “tgħallmuhom; tiggwidawhom.”
Ara App. A5.
Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “it-tnassis.”
Jiġifieri talb bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “nirrappreżenta lil Alla u nipprietka l-aħbar tajba.”