ITTRA LILL-FILIPPIN
1 Din l-ittra hi mingħandi Pawlu u mingħand Timotju, ilsiera taʼ Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha li hemm f’Filippi li huma taʼ Kristu Ġesù, inkluż l-anzjani* u l-qaddejja ministerjali:
2 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
3 Jien dejjem nirringrazzja lill-Alla tiegħi meta niftakar fikom. 4 Kull darba li nitlob bil-ħniena* għalikom ilkoll, jien nagħmel dan bil-ferħ. 5 Dan hu minħabba x-xogħol li qed tagħmlu biex taqsmu* l-aħbar tajba minn mindu smajtu biha sal-lum. 6 Jien ċert li sa ma jasal il-jum taʼ Kristu Ġesù, Alla se jispiċċa x-xogħol tajjeb li beda fostkom. 7 Huwa biss xieraq li naħseb dwarkom b’dan il-mod, għax jien inħobbkom b’qalbi kollha. Intom qed tappoġġawni waqt li qiegħed il-ħabs, waqt li niddefendi l-aħbar tajba u naħdem iebes biex inġib id-dritt legali ħalli nkunu nistgħu nippritkawha. B’dan il-mod, kemm jien u kemm intom nibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla.
8 Għax Alla jaf* kemm nixtieq li narakom kollha. Jien inħobbkom bħalma jħobbkom Kristu Ġesù. 9 U jien inkompli nitlob li l-imħabba tagħkom tibqaʼ tikber iktar u iktar flimkien mal-għarfien eżatt u l-fehma iktar sħiħa. 10 Jien nitlob li intom tagħżlu l-iktar affarijiet importanti, ħalli tkunu sinċieri u ma tfixklu lil ħadd sa ma jasal il-jum taʼ Kristu. 11 Ukoll, jien nitlob li tibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħol tajjeb* kollu li Ġesù Kristu qed jagħmel permezz tagħna. Dan iġib glorja u tifħir lil Alla.
12 Ħuti, nixtieqkom tkunu tafu li s-sitwazzjoni tiegħi fil-fatt għenet biex l-aħbar tajba tiġi ppritkata saħansitra iktar. 13 Il-fatt li qiegħed il-ħabs minħabba li jien dixxiplu taʼ Kristu saru jafu bih il-Gwardji tal-Palazz* kollha u ħafna oħrajn. 14 Il-biċċa l-kbira mill-aħwa li jaqdu lill-Mulej ġew imsaħħin minħabba li jien qiegħed il-ħabs, u qed juru saħansitra iktar kuraġġ biex jippritkaw il-kelma t’Alla bla biżaʼ.
15 Veru, xi wħud li jippritkaw dwar il-Kristu jagħmlu dan għax għajjurin u jħobbu jargumentaw, imma oħrajn qed jippritkaw b’mottivi tajbin.* 16 L-imħabba timmotivahom biex jippritkaw dwar il-Kristu, għax jafu li jien ġejt inkarigat biex niddefendi l-aħbar tajba. 17 Imma dawk li jippritkaw għax huma għajjurin u jħobbu jargumentaw* m’għandhomx mottivi tajbin, u jridu jaqilgħuli l-problemi waqt li qiegħed il-ħabs. 18 X’inhu r-riżultat? Hu x’inhu l-mottiv taʼ dawk li qed jippritkaw, in-nies xorta qed jisimgħu l-messaġġ dwar il-Kristu. Jien nifraħ b’dan u se nkompli nifraħ, 19 għax naf li dan se jwassal biex niġi salvat permezz tat-talb bil-ħniena tagħkom u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis li jagħti Ġesù Kristu. 20 Jien fiduċjuż u nittama li ma jkolli xejn minn xiex nistħi, imma li nibqaʼ nitkellem mingħajr biżaʼ ħalli Kristu jiġi onorat permezz tiegħi,* issa u bħalma dejjem kien, kemm jekk ngħix u kemm jekk immut.
21 Għax fil-każ tiegħi, jekk ngħix, ngħix għall-Kristu, u jekk immut, ikun saħansitra aħjar għalija. 22 Issa jekk nibqaʼ ngħix f’dan il-ġisem, inkun nistaʼ nagħmel iktar xogħol għall-Kristu. Minkejja dan, ma nafx x’nippreferi. 23 Jien qiegħed bejn ħaltejn għax nixtieq li ninħeles minn dan il-ġisem biex inkun maʼ Kristu, li żgur li hi l-aħjar ħaġa. 24 Madankollu, hu għall-benefiċċju tagħkom li jien nibqaʼ ħaj f’dan il-ġisem. 25 Għalhekk, peress li jien nemmen verament f’dan, naf li se nibqaʼ magħkom ilkoll ħalli tagħmlu progress u tkunu ferħanin minħabba l-fidi tagħkom. 26 Meta nerġaʼ nkun magħkom se tkunu iktar ferħanin minħabba li intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
27 Għixu b’mod li jġib unur lill-aħbar tajba dwar il-Kristu. Imbagħad kemm jekk niġi narakom u kemm jekk le, inkun nistaʼ nismaʼ affarijiet tajbin dwarkom u nsir naf li qed iżżommu sod u qegħdin magħqudin* bi skop wieħed, hekk kif qed taħdmu flimkien spalla maʼ spalla biex jibqaʼ jkollkom il-fidi fl-aħbar tajba. 28 Qatt tibżgħu minn dawk taʼ kontrikom. Il-fatt li ma tibżgħux, għalihom hu prova li se jinqerdu, imma għalikom li se tiġu salvati. Dan kollu ġej minn Alla. 29 Għax intom ingħatajtu l-privileġġ mhux biss li temmnu fi Kristu, imma wkoll biex tbatu għalih. 30 Intom għaddejjin mill-istess diffikultajiet li rajtu lili niffaċċja u li issa qed tisimgħu li għadni niffaċċjahom.
2 Agħmlu l-aħjar tagħkom biex tinkuraġġixxu lil xulxin permezz taʼ Kristu, tfarrġu lil xulxin bl-imħabba, turu interess f’xulxin, turu mħabba, u turu ħniena. 2 Jekk tagħmlu hekk se tagħmluni ferħan ħafna. Aqblu bejnietkom, ħobbu lil xulxin, u kunu magħqudin għalkollox* fil-ħsieb u fl-azzjoni. 3 Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma kunu umli u kkunsidraw lill-oħrajn aħjar minnkom.* 4 Tfittxux dak li jaqbel lilkom biss, imma wkoll dak li jaqbel lil ħaddieħor.
5 Ħa jkollkom l-istess attitudni li kellu Kristu Ġesù, 6 li għalkemm kien jixbah lil Alla, lanqas biss għaddielu minn moħħu li jaħtaf dak li ma kellux dritt għalih, jiġifieri li jkun daqs Alla. 7 Anzi, hu ċeda kollox,* aċċetta li jsir jixbah lil ilsir, u sar bniedem. 8 Iktar minn hekk, meta ġie bħala bniedem, hu umilja lilu nnifsu u kien* ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.* 9 Huwa għalhekk li Alla tah pożizzjoni ħafna iktar għolja minn dik li kellu qabel u tah awtorità* li hi iktar għolja minn taʼ ħaddieħor. 10 Alla għamel hekk biex kulħadd jonora isem* Ġesù, kemm dawk fis-sema, fl-art, u taħt l-art.* 11 Kulħadd* għandu jirrikonoxxi li Ġesù Kristu hu Mulej biex jiġi mfaħħar l-Alla l-Missier.
12 Bħalma intom dejjem urejtu li tobdu, mhux biss meta nkun magħkom, imma saħansitra iktar meta ma nkunx magħkom, komplu rrispettaw ħafna u ibżgħu minn Alla waqt li tagħmlu kull sforz biex tiġu salvati minnu. 13 Alla hu l-wieħed li jagħtikom l-enerġija ħalli tkunu tistgħu togħġbuh għalkollox. Hu jagħtikom kemm ix-xewqa* u kemm il-qawwa li tagħmlu dan. 14 Agħmlu kollox mingħajr ma tgergru jew targumentaw, 15 biex b’hekk tkunu tfal bla ħtija u innoċenti t’Alla. Billi tibqgħu bla difett, intom se tiddu bħal dawl qawwi għalkemm tgħixu f’ġenerazzjoni ħażina u mill-agħar. 16 Aqbdu qabda soda mal-kelma t’Alla li tagħti l-ħajja. Imbagħad jien ikolli għal xiex nifraħ meta jiġi l-Kristu, għax inkun naf li l-isforzi u x-xogħol iebes tiegħi ma kinux għalxejn. 17 Madankollu, anki jekk nippreżenta lili nnifsi bħala offerta tax-xorb li tiġi mferrgħa, jien għandi sehem fis-sagrifiċċju li qed tagħmlu u fis-servizz leali tagħkom lejn Alla.* Għalhekk jien ferħan u nifraħ magħkom ilkoll. 18 Inħeġġeġ lilkom ukoll biex tifirħu miegħi.
19 Jien qed nittama li l-Mulej Ġesù jħallini nibagħtilkom lil Timotju dalwaqt, ħalli b’hekk niġi inkuraġġit meta nirċievi aħbar dwarkom. 20 M’għandi lil ħadd bħalu* li se jieħu ħsiebkom b’mod ġenwin. 21 L-oħrajn kollha jimpurtahom biss minn dak li jaqbel lilhom, u mhux minn dak li jrid Ġesù Kristu. 22 Imma intom tafu li hu ta prova tiegħu nnifsu li mhux hekk, għax bħal tifel maʼ missieru, hu ħadem iebes* miegħi biex jaqsam l-aħbar tajba. 23 Għalhekk, jien qed nittama li nibgħat lilu malli nkun naf x’se jiġri minni. 24 Infatti, jien fiduċjuż li l-Mulej se jħalli anki lili niġi dalwaqt.
25 Imma għalissa hemm bżonn li nibagħtilkom lil ħija Epafroditu li jaħdem miegħi u li hu suldat taʼ Kristu. Hu qeda bħala messaġġier tagħkom u bħala qaddej li għenni. 26 Hu jixtieq ħafna jarakom u hu dipress minħabba li sirtu tafu li marad. 27 Infatti, tant kien marid li kważi miet. Imma Alla kellu ħniena minnu u minni wkoll, biex ma jkollix għal xiex ninkwieta fuq xi ħaġa oħra. 28 Se nibagħtu malajr kemm jistaʼ jkun, ħalli malli tarawh tkunu tistgħu tifirħu. Imbagħad jien ma nkomplix ninkwieta iktar dwarkom. 29 Ilqgħuh bil-ferħ bħalma normalment tilqgħu lil dawk li jaqdu lill-Mulej, u uru li nies bħalu huma għeżież għalikom. 30 Hu kważi miet waqt li kien qed jaqdi lill-Kristu* u rriskja ħajtu għalija, peress li intom ma stajtux tkunu hawn biex tgħinuni.
3 Għalhekk ħuti, ibqgħu ifirħu bħala dixxipli tal-Mulej. Mhix problema għalija li nerġaʼ niktbilkom l-istess affarijiet, għax hu għall-ġid* tagħkom.
2 Oqogħdu attenti minn dawk li jaġixxu bħall-klieb; oqogħdu attenti minn dawk li moħħhom biex iweġġgħu lil ħaddieħor; oqogħdu attenti minn dawk li jaqtgħu l-ġisem.* 3 Aħna għandna ċ-ċirkonċiżjoni vera, għax aħna naqdu lil Alla bil-gwida tal-ispirtu tiegħu, u l-fiduċja tagħna hi fi Kristu Ġesù u mhux fil-kwalifiki tal-bniedem.* 4 Imma min-nies kollha, jien għandi għal xiex inkun fiduċjuż fil-kwalifiki tiegħi.*
Jekk ħaddieħor jaħseb li hu kkwalifikat, jien għandi iktar raġuni minnu: 5 Jien ġejt ċirkonċiż fit-tmien jum, jien Iżraeli mit-tribù taʼ Benjamin, u Lhudi minn ġenituri Lhud. Bħala Fariżew, obdejt il-Liġi sal-inqas dettall. 6 Kont żeluż f’li nippersegwita lill-kongregazzjoni. Urejt li jien bla ħtija għax għamilt affarijiet li huma ġusti skont il-Liġi. 7 Minkejja dan, dak li kont naħseb li jagħmilni tant ikkwalifikat, issa nqisu li ma jiswa xejn* minħabba l-Kristu. 8 Fil-fatt, inqis l-affarijiet kollha bla valur meta nqabbilhom mal-għarfien taʼ valur prezzjuż ħafna dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Jien ċedejt* l-affarijiet kollha għalih u nqishom bħal skart,* sabiex ikolli l-approvazzjoni tal-Kristu 9 u nitqies bħala dixxiplu tiegħu. Imma ma ngħidx li jien ġust minħabba li nobdi l-Liġi, iżda għax għandi fidi fil-Kristu. Iva, Alla jqis ġusti lil dawk li għandhom fidi fil-Kristu. 10 Ix-xewqa tiegħi hi li nsir naf lill-Kristu, il-qawwa tal-irxoxt tiegħu, u li nbati bħalu. Saħansitra lest li mmut mewta taʼ tbatija bħal tiegħu, 11 bit-tama li niġi rxoxtat mill-mewt minn tal-ewwel.
12 Jien għadni ma rċivejtx dan il-premju u għadni ma sirtx perfett, imma qed nagħmel l-aħjar tiegħi biex nieħu l-premju li għażel Kristu Ġesù għalija. 13 Ħuti, jien ma nħossx li diġà rbaħt il-premju. Li naf żgur hu li qed ninsa l-affarijiet li ħallejt warajja u qed niġġebbed għall-affarijiet taʼ quddiemi. 14 Qed nagħmel l-aħjar tiegħi biex nirbaħ il-premju fis-sema* li Alla se jagħti lil dawk li għażel* permezz taʼ Kristu Ġesù. 15 Aħna lkoll li aħna maturi, għandu jkollna l-istess attitudni. Jekk xi ħadd minnkom jaħsibha differenti, Alla se jurih x’inhi l-attitudni t-tajba. 16 Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.
17 Ħuti, għandkom tipprovaw timitaw lili u tinnotaw lil dawk li qed jimxu fuq l-eżempju li ħallejnielkom. 18 Hemm ħafna li qed imaqdru l-mewt tal-Kristu fuq iz-zokk tat-tortura.* Jien kont insemmihomlkom spiss, imma issa nibki meta nsemmihom. 19 Huma se jispiċċaw jinqerdu; l-alla tagħhom hu x-xewqa tagħhom;* huma kburin bl-affarijiet taʼ mistħija li jagħmlu; huma jaħsbu biss dwar l-affarijiet tad-dinja. 20 Imma aħna ċittadini tas-sema, u qed inħarsu ’l quddiem biex niġu salvati mill-Mulej Ġesù Kristu. 21 Hu se jbiddel il-ġisem dgħajjef tagħna għal wieħed glorjuż bħal tiegħu. Hu se juża l-qawwa kbira tiegħu biex jagħmel dan, l-istess qawwa li rċieva biex iġib kollox taħt il-kontroll tiegħu.
4 Ħuti, jien inħobbkom u nixtieq narakom. Intom tferrħuni u qiskom kuruna għalija. Għeżież ħuti, inħeġġiġkom biex tibqgħu leali lejn il-Mulej.*
2 Inħeġġeġ lil Evodja u lil Sintike biex jirranġaw in-nuqqas taʼ qbil li hemm bejniethom bħala dixxipli tal-Mulej.* 3 Nitlob lilek ukoll, ħija u ħaddiem leali miegħi, biex tibqaʼ tgħin lil dawn in-nisa. Huma, Klement, u aħwa oħrajn ħadmu* spalla maʼ spalla miegħi biex naqsmu l-aħbar tajba. L-isem tagħhom hu mniżżel fil-ktieb tal-ħajja.
4 Dejjem ifirħu minħabba l-Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu! 5 Ħallu lil kulħadd jara kemm intom raġunevoli. Il-Mulej hu qrib. 6 Tkunu ansjużi dwar xejn. Minflok dejjem itolbu lil Alla. Itolbuh bil-ħniena* biex jiggwidakom f’kulma tagħmlu u rringrazzjawh dejjem. 7 Jekk tagħmlu hekk, Alla se jagħtikom il-paċi, u din se tipproteġi lil qalbkom u l-ħsibijiet tagħkom hekk kif timxu wara Kristu Ġesù. Din il-paċi hi xi ħaġa li l-bnedmin ma jistgħux jifhmuha.
8 Fl-aħħar ħuti, ibqgħu aħsbu* dwar affarijiet li huma veri, serji, ġusti, puri,* taʼ mħabba, onorabbli, tajbin, u taʼ min ifaħħarhom. 9 Agħmlu dak li tgħallimtu u aċċettajtu mingħandi u dak li smajtuni ngħid u rajtuni nagħmel, u l-Alla tal-paċi jkun magħkom.
10 Jien nifraħ ħafna u nirringrazzja lill-Mulej li intom erġajtu ħsibtu fija. Għalkemm dejjem ħsibtu fija, ma kellkomx l-opportunità li turu dan. 11 Mhux qed ngħid hekk għax jien fil-bżonn. Jien tgħallimt inkun kuntent f’kull sitwazzjoni. 12 Jien naf kif ngħaddi bi ftit, u naf ingawdi meta jkolli ħafna. Tgħallimt is-sigriet kif inkun kuntent b’kollox u f’kull ċirkustanza, kemm jekk ikolli ħafna x’niekol u kemm jekk inkun bil-ġuħ, kemm jekk ikolli ħafna u kemm jekk inkun fil-bżonn. 13 Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.
14 Minkejja dan, għamiltu sew li għentuni fid-diffikultajiet* tiegħi. 15 Fil-fatt, aħwa f’Filippi, intom tafu li meta tlaqt mill-Maċedonja wara li sirtu tafu bl-aħbar tajba għall-ewwel darba, intom kontu l-unika kongregazzjoni li għenitni. 16 Waqt li kont f’Tessalonika, intom bgħattuli affarijiet li kelli bżonn, mhux darba imma darbtejn. 17 Mhux qed ngħid hekk biex naqlaʼ r-rigali, imma għax nixtieqkom tgawdu l-barkiet li jiġu meta tagħtu. 18 Madankollu, jien għandi kulma għandi bżonn u saħansitra iktar. Wara li Epafroditu tani dak li bgħattu intom, ma jonqosni xejn. Ir-rigal tagħkom hu bħal riħa tfuħ, sagrifiċċju pjaċevoli għal Alla. 19 Min-naħa tiegħu, l-Alla tiegħi li għandu ammont kbir t’affarijiet se jagħtikom kulma għandkom bżonn permezz taʼ Kristu Ġesù. 20 L-Alla u l-Missier tagħna għandu jingħata* glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
21 Selluli għall-qaddisin kollha t’Alla li huma dixxipli taʼ Kristu Ġesù. L-aħwa li qegħdin miegħi jsellu għalikom. 22 Isellu għalikom il-qaddisin kollha, speċjalment dawk tad-dar taʼ Ċesari.
23 Jalla l-Mulej Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira hekk kif ikollkom attitudni tajba.
Jew “l-indokraturi.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
Jew “minħabba li qed tieħdu sehem fl-aħbar.”
Letteralment “hu x-xhud tiegħi taʼ.”
Jew “mill-frott ġust.”
Letteralment “il-Gwardja Pretorjana.”
Jew “b’rieda tajba.”
Jew “jiġġieldu.”
Letteralment “taʼ ġismi.”
Letteralment “fi spirtu wieħed.”
Jew “magħqudin b’ruħ waħda.”
Jew “iktar importanti minnkom.”
Letteralment “xejjen lilu nnifsu.”
Letteralment “sar.”
Letteralment “isem.”
Letteralment “biex kull irkoppa tintlewa f’isem.”
Jiġifieri l-mejtin li se jiġu rxoxtati.
Letteralment “Kull ilsien.”
Jew “il-motivazzjoni.”
Jew “fis-servizz pubbliku tagħkom.”
Jew “bl-attitudni tiegħu.”
Letteralment “tjassar.”
Jew forsi “lill-Mulej.”
Jew “għall-protezzjoni.”
Jiġifieri dawk li jinsistu biex issir iċ-ċirkonċiżjoni.
Jew “fil-ġisem.”
Jew “fil-ġisem.”
Jew forsi “tlaqtu minn jeddi.”
Jew “aċċettajt li nitlef.”
Jew “żibel.”
Jew “t’hemm fuq.”
Letteralment “għajjat.”
Letteralment “żaqqhom.”
Letteralment “iżżommu sod fil-Mulej.”
Jew “biex ikunu tal-istess fehma fil-Mulej.”
Jew “tħabtu.”
Jew “Issupplikawh.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
Jew “immeditaw.”
Jew “safjin.”
Jew “fit-tbatija.”
Jew “jistħoqqlu.”