LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Kolossin 1:1-4:18
  • Kolossin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kolossin
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Kolossin

ITTRA LILL-KOLOSSIN

1 Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, u ħuna Timotju qed nibagħtu din l-ittra 2 lilkom aħwa qaddisin, leali, u dixxipli taʼ Kristu f’Kolossi:

Jalla Alla Missierna jurikom qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom il-paċi.

3 Aħna dejjem nirringrazzjaw lil Alla, il-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, meta nitolbu għalikom. 4 Nagħmlu hekk għax smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù u l-imħabba li għandkom għall-qaddisin kollha. 5 Għandkom din il-fidi u l-imħabba għax qed tistennew il-premju fis-sema. Intom diġà smajtu b’dan il-premju permezz tal-messaġġ tal-verità tal-aħbar tajba 6 li waslet għandkom. L-aħbar tajba qed tinfirex mad-dinja kollha u qed ikollha riżultati tajbin. Dan qed jiġri wkoll fostkom minn dakinhar li smajtu u tgħallimtu* l-verità dwar il-qalb tajba kbira t’Alla. 7 Dan tgħallimtuh mingħand Epafra, ħuna leali u għażiż, li jaqdi bħala lsir tal-Kristu għalina. 8 Hu qalilna wkoll dwar l-imħabba li wrejtu bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis.

9 Hu għalhekk ukoll li minn dakinhar li smajna dwar l-imħabba u l-fidi li għandkom, ma waqafniex nitolbu għalikom biex ikollkom l-għarfien eżatt taʼ xi jrid Alla, ikollkom l-għerf kollu, u tkunu tistgħu tifhmu bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. 10 Nitolbu li tgħixu b’mod li jogħġob* lil Ġeħova,* biex tagħmluh ferħan f’kull ħaġa tajba li tagħmlu u żżidu l-għarfien eżatt dwaru. 11 U jalla Alla juża l-qawwa kbira tiegħu biex isaħħaħkom ħalli tkunu tistgħu tissaportu kollox bil-paċenzja u l-ferħ. 12 Ibqgħu rringrazzjaw lill-Missier, li għenkom tikkwalifikaw biex tieħdu sehem fil-wirt tal-qaddisin li huma fid-dawl.*

13 Hu salvana mill-awtorità* tad-dlam u daħħalna fis-saltna t’Ibnu l-maħbub. 14 Permezz tas-sagrifiċċju* taʼ Ibnu, dnubietna ġew maħfurin. 15 Hu x-xbieha t’Alla li ma jidhirx, l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu. 16 Għax permezz tiegħu l-affarijiet kollha fis-sema u fuq l-art ġew maħluqin. Dawn jinkludu l-affarijiet li jidhru, dawk li ma jidhrux, il-mexxejja, ir-rejiet, il-gvernijiet, u l-awtoritajiet. Iva, l-affarijiet l-oħrajn kollha nħolqu permezz tiegħu u għalih. 17 Allura hu beda jeżisti qabel dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha, u dawn bdew jeżistu permezz tiegħu. 18 Hu r-ras tal-ġisem, jiġifieri l-kap tal-kongregazzjoni. Hu l-bidu, l-ewwel imwieled mill-mewt, biex isir l-ewwel f’kollox; 19 għax ix-xewqa t’Alla kienet li Kristu jkollu l-kwalitajiet kollha tiegħu 20 u li permezz tad-demm li Kristu xerred fuq iz-zokk tat-tortura* se jkun hemm ħbiberija bejn Alla u dawk li huma fis-sema u fuq l-art.

21 Fil-fatt, xi darba intom kontu ’l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu, għax kontu taħsbu u taġixxu ħażin. 22 Imma issa qed jagħmel ħbieb magħkom permezz tal-mewt li Ġesù bata bħala bniedem, u b’hekk għalih tkunu qaddisin, mingħajr difett, u bla ebda akkuża. 23 Però, ibqgħu għixu skont il-fidi tagħkom f’Alla, kunu sodi u ssaħħu fiha.* Tħallu xejn itellfilkom it-tama tal-aħbar tajba li smajtu u li ġiet ippritkata lin-nies fid-dinja kollha. Jien, Pawlu, intgħażilt biex nipprietka din l-aħbar tajba.

24 Jien nieħu pjaċir inbati għall-ġid tagħkom u lest li nkompli nbati bħala parti mill-ġisem taʼ Kristu. Din it-tbatija se tkun taʼ benefiċċju għall-ġisem taʼ Kristu, jiġifieri l-kongregazzjoni. 25 Jien naqdi lil din il-kongregazzjoni b’din ir-responsabbiltà serja għall-ġid tagħkom. Hu għalhekk li nipprietka l-kelma t’Alla kemm nistaʼ, 26 li tinkludi s-sigriet qaddis t’Alla. Dan kien moħbi miż-żminijiet* u n-nies tal-passat. Imma issa ntwera lill-qaddisin tiegħu. 27 Alla kellu l-pjaċir li juri s-sigriet qaddis, jiġifieri dan it-teżor mill-isbaħ, lill-qaddisin fost in-nies tal-popli. Dan is-sigriet hu Kristu li qiegħed magħkom, allura għandkom it-tama li tkunu gglorifikati miegħu. 28 Aħna qed inxandru l-messaġġ dwaru, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd. Aħna qed naqsmu l-għerf kollu li rċivejna, ħalli nkunu nistgħu ngħinu lid-dixxipli kollha taʼ Kristu jsiru maturi. 29 Hu għalhekk li qed naħdem iebes u nistinka bil-qawwa li jagħtini.

2 Għax irridkom tirrealizzaw kemm qed naħdem iebes biex ngħin lilkom, lil dawk f’Laodiċija, u lil dawk li ma rawnix personalment. 2 Dan għamiltu biex ikunu inkuraġġiti, ikunu magħqudin flimkien bl-imħabba, u jkollhom il-barkiet kollha li jiġu minn fehma ċara u eżatta. B’hekk, ikollhom għarfien eżatt dwar is-sigriet qaddis t’Alla, jiġifieri Kristu. 3 Permezz tiegħu, aħna nistgħu naraw l-għerf u l-għarfien kollu t’Alla li huma moħbijin bħal teżor. 4 Qed ngħid hekk biex ħadd ma jidħaq bikom b’argumenti konvinċenti. 5 Għalkemm m’iniex magħkom b’mod fiżiku, jien qiegħed magħkom fil-ħsieb,* u nifraħ meta nara kemm qed timxu bl-ordni u kemm għandkom fidi soda fi Kristu.

6 Għalhekk, peress li għandkom fidi fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, għandkom tibqgħu tgħixu bħalu. 7 Bħalma tgħallimtu, il-fidi tagħkom fi Kristu għandu jkollha l-għeruq fil-fond, mibnija fuqu, u soda. Ukoll, għandkom dejjem tirringrazzjaw lil Alla.

8 Oqogħdu attenti li ħadd ma jaqbadkom f’nassa* bil-filosofiji u r-raġunar falz tiegħu, li huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet u l-mentalità tad-dinja u mhux fuq it-tagħlim taʼ Kristu; 9 għax hu għandu l-kwalitajiet kollha t’Alla. 10 Għalhekk, ma jonqoskom xejn permezz tiegħu, għax hu l-kap taʼ kull gvern u awtorità. 11 Permezz tal-ħbiberija tagħkom miegħu, intom ma ġejtux ċirkonċiżi minn xi ħadd, imma għamiltu dan billi nżajtu l-ġisem midneb, għax dan hu l-mod taʼ kif il-qaddejja taʼ Kristu jiġu ċirkonċiżi. 12 Għax intom kontu midfunin miegħu peress li tgħammidtu bħalu. U minħabba l-ħbiberija tagħkom miegħu, ġejtu mqajmin permezz tal-fidi tagħkom bil-qawwa t’Alla li qajmu mill-mewt.

13 Iktar minn hekk, għalkemm kontu bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħkom u minħabba li ma kontux ċirkonċiżi, Alla takom il-ħajja biex tkunu maʼ Kristu. Hu b’qalb tajba ħafrilna dnubietna kollha 14 u ħassar il-Liġi li kixfet li aħna midinbin.* Hu neħħieha min-nofs billi sammarha maz-zokk tat-tortura.* 15 Permezz taz-zokk tat-tortura,* hu għeleb il-gvernijiet u l-awtoritajiet. Hu ħadhom quddiem kulħadd biex juri li rebħilhom u li huma lsiera tiegħu.

16 Għalhekk, tħallu lil ħadd jgħidilkom x’għandkom tieklu u tixorbu jew li għandkom tiċċelebraw xi festa, il-qamar ġdid, jew li għandkom tistrieħu fis-sabat. 17 Dawn jirrappreżentaw l-affarijiet li għandhom jiġu, imma dawn l-affarijiet jitwettqu permezz tal-Kristu. 18 Oqogħdu attenti minn dawk li taparsi huma umli u li jqimu lill-anġli,* għax jistgħu jwaqqfukom milli tirċievu l-premju. Huma jinsistu fuq dak li jaraw u jiftaħru bil-ħsibijiet tagħhom li ma jiswew għal xejn. 19 Uħud bħal dawn ma jimxux wara l-kap, jiġifieri l-Kristu li jagħti lill-ġisem kollu dak li għandu bżonn, li jgħaqqad il-ġisem flimkien permezz tal-ġogi u l-ligamenti, u li permezz tiegħu Alla qed ikabbar il-ġisem.

20 Jekk intom mittu maʼ Kristu billi rrifjutajtu l-mentalità tad-dinja, allura għala qed tgħixu bħallikieku intom parti mid-dinja u għala għadkom tobdu kmandi bħal: 21 “Taqbadx, idduqx, u tmissx”? 22 Dawn il-kmandi li għallem il-bniedem jirreferu għall-affarijiet li jiġu fix-xejn meta jintużaw. 23 Dawn il-kmandi jidhru li jagħtu xi għerf, imma ma jgħinux in-nies biex jiġġieldu kontra x-xewqat tal-ġisem tagħhom. Dan jiġri għax in-nies jiddeċiedu għalihom infushom kif iqimu lil Alla. Huma jagħmlu ħsara lil ġisimhom għax iridu jidhru umli.

3 Imma jekk Alla takom il-ħajja* mal-Kristu, ibqgħu fittxu dak li hemm fis-sema, fejn il-Kristu qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin t’Alla. 2 Ibqgħu ffokati fuq dak li hemm fis-sema, u mhux fuq dak tal-art. 3 Għax intom mittu, u ħajjitkom inħbiet mal-Kristu għax dan jaqbel maʼ dak li jrid Alla. 4 Meta l-Kristu, li jagħti l-ħajja,* juri l-qawwa tiegħu,* imbagħad intom ukoll se tidhru li għandkom sehem mill-qawwa tiegħu.

5 Għalhekk, neħħu kull xewqa ħażina* li tistaʼ twassal għall-immoralità sesswali,* nuqqas taʼ ndafa, xewqa sesswali bla kontroll, xewqa ħażina, u regħba, li hi tip t’idolatrija.* 6 Alla se jkun irrabjat maʼ dawk li jagħmlu dawn l-affarijiet. 7 Intom hekk kontu tagħmlu qabel. 8 Għandkom twarrbu wkoll il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen. 9 Tigdbux lil xulxin. Inżgħu l-personalità l-qadima flimkien mad-drawwiet tagħha, 10 u ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qed tiġġedded skont ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha. 11 Min jilbes il-personalità l-ġdida ma tagħmillux differenza jekk dak li jkun ikunx Grieg* jew Lhudi, ċirkonċiż jew le, barrani jew Skita,* ilsir jew ħieles. Għal Kristu huma l-istess u hu ħaġa waħda magħhom.

12 Minħabba li intom il-magħżulin t’Alla u intom il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu, uru* ħniena tenera, qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u paċenzja. 13 Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb, anki jekk xi ħadd ikollu għal xiex igerger kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova* ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. 14 Imma minbarra dawn l-affarijiet kollha, uru l-imħabba, għax l-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien.

15 Ukoll, ħallu l-paċi tal-Kristu tmexxi fi qlubkom,* għax Alla għażilkom biex tkunu ġisem wieħed u fil-paċi. U uru li tapprezzaw. 16 Ħallu t-tagħlim tal-Kristu jaħdem fikom għalkollox u jagħmilkom għorrief. Komplu għallmu u inkuraġġixxu* lil xulxin billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, tkantaw għanjiet spiritwali b’mod li turu li tapprezzaw, u tkantaw lil Ġeħova* fi qlubkom. 17 Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù, u rringrazzjaw lill-Alla l-Missier permezz tiegħu.

18 Nisa, kunu sottomessi lejn ir-raġel tagħkom bħalma d-dixxipli tal-Mulej għandhom ikunu. 19 Irġiel, ibqgħu ħobbu lill-mara tagħkom u tirrabjawx* magħha. 20 Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax il-Mulej jieħu gost b’dan. 21 Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, biex ma jaqtgħux qalbhom. 22 Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* f’kollox, mhux biss meta jkunu qed jarawkom biex tingħoġbu,* imma b’rispett kbir lejn* Ġeħova.* 23 Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom* kollha bħallikieku għal Ġeħova,* u mhux għall-bnedmin. 24 Agħmlu dan għax tafu li mingħand Ġeħova* se tirċievu l-wirt bħala rigal. Kunu lsiera tas-Sid, li hu Kristu. 25 Min jagħmel il-ħażen żgur se jiġi kkastigat għal dak li jkun għamel, għax Alla ma jurix preferenzi.

4 Sidien, ittrattaw lill-ilsiera tagħkom b’mod ġust u sewwa, għax tafu li anki intom għandkom Sid fis-sema.

2 Ibqgħu itolbu, tittraskurawx it-talb u rringrazzjaw lil Alla. 3 Fl-istess ħin itolbu wkoll għalina, ħalli Alla jagħtina l-opportunità li nippritkaw il-kelma u s-sigriet qaddis dwar il-Kristu. Fil-fatt, jien qiegħed marbut il-ħabs minħabba dan is-sigriet qaddis. 4 Itolbu ħalli nkun nistaʼ nxandar dwaru b’mod ċar kif għandi nagħmel.

5 Kunu għaqlin bil-mod kif taġixxu maʼ dawk li ma jemmnux, u użaw il-ħin bl-aħjar mod.* 6 Ħa jkun il-kliem tagħkom dejjem kollu ħlewwa, bħal ikel imħawwar bil-melħ, ħalli tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kull persuna.

7 Se jgħidilkom kollox dwari ħija l-għażiż Tikiku, li hu qaddej leali u li jaqdi bħala lsir tal-Mulej. 8 Se nibagħtu għandkom ħalli tkunu tafu kif aħna u ħalli jinkuraġġikom. 9 Miegħu se nibgħat ukoll lil Oneżimu, ħija l-għażiż u leali, li hu minn dawk in-naħat. Huma se jgħidulkom kulma qed jiġri hawn.

10 Iselli għalikom Aristarku, li qiegħed fil-ħabs miegħi, kif ukoll Marku, il-kuġin taʼ Barnaba (li dwaru rċivejtu istruzzjonijiet biex tilqgħuh jekk jiġi għandkom,) 11 u Ġesù, li jgħidulu wkoll Ġustu. Dawn huma miċ-ċirkonċiżi. Huma biss qed jaħdmu miegħi għas-Saltna t’Alla, u dawn jgħinuni u jsaħħuni.* 12 Jibgħat iselli għalikom ukoll Epafra, ilsir taʼ Kristu Ġesù li hu minn dawk in-naħat. Hu dejjem jitlob bil-ħniena għalikom, ħalli tibqgħu maturi u konvinti għalkollox f’kulma għandu x’jaqsam maʼ dak li jrid Alla. 13 Naċċertakom li hu jaħdem iebes għalikom u għal dawk f’Laodiċija u f’Ġerapoli.

14 Iselli għalikom Luqa, it-tabib maħbub, u anki Dema. 15 Selluli għall-aħwa f’Laodiċija, u għal Nimfa u għall-kongregazzjoni li tiltaqaʼ f’darha. 16 Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ibagħtuha lill-kongregazzjoni taʼ Laodiċija ħalli tinqara hemm ukoll, u itolbuhom jagħtukom l-ittra li bgħattilhom ħalli taqrawha intom ukoll. 17 Ukoll, għidu lil Arkippu: “Ibqaʼ aħdem iebes biex twettaq sew ix-xogħol li rċivejt mingħand il-Mulej.”

18 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess. Ftakru fil-ktajjen tiegħi. Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.

Jew “kontu tafu eżatt.”

Letteralment “timxu kif jixraq.”

Ara App. A5.

Jew “huma ggwidati minn Alla.”

Jew “mill-qawwa.”

Letteralment “tal-fidwa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “kunu sodi fuq il-pedament u fil-fidi.”

Jew “mis-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “fl-ispirtu.”

Jew “jaħtafkom taħt difrejh.”

Jew “li nagħmlu d-dnub.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew forsi “Permezz taʼ Kristu.”

Jew “li jqimu bħalma jagħmlu l-anġli.”

Letteralment “ġejtu mqajmin.”

Letteralment “il-ħajja tagħna.”

Jew “jidher.”

Letteralment “mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jiġifieri tqimu lill-idoli.

Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.

Dan jirreferi għan-nies mhux ċivilizzati.

Jew “ilbsu.”

Ara App. A5.

Jew “tikkontrolla lil qlubkom.”

Jew “widdbu.”

Ara App. A5.

Jew “tkunux ħorox.”

Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”

Jew “għal għajn in-nies.”

Letteralment “ibżgħu minn.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Letteralment “ixtru l-ħin.”

Jew “saru sors taʼ faraġ kbir għalija.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja