LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt 1 Tessalonikin 1:1-5:28
  • L-1 Tessalonikin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-1 Tessalonikin
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
L-1 Tessalonikin

L-EWWEL ITTRA LIT-TESSALONIKIN

1 Jien Pawlu, Silvanu,* u Timotju qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin li hi tal-Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu:

Jalla tintwerew qalb tajba kbira u jkollkom il-paċi.

2 Aħna dejjem nirringrazzjaw lil Alla meta nsemmukom fit-talb tagħna, 3 għax quddiem l-Alla tagħna u Missierna, aħna qatt ma ninsew ix-xogħol li għamiltu bil-fidi u l-imħabba, u kif issaportejtu d-diffikultajiet għax għandkom it-tama fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 4 Aħwa għeżież għal Alla, aħna nafu li ġejtu magħżulin minnu, 5 għax intom ma smajtux l-aħbar tajba bil-kliem biss imma bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. Aħna konna konvinti għalkollox li dak li għednielkom kien veru u l-messaġġ tagħna għenkom ħafna. Intom tafu x’tip taʼ nies sirna fostkom għall-ġid tagħkom. 6 Peress li aċċettajtu l-kelma t’Alla bil-ferħ li jiġi mill-ispirtu qaddis minkejja li ffaċċjajtu tbatija kbira, intom imitajtu lill-Mulej u lilna. 7 B’hekk sirtu taʼ eżempju għal dawk kollha li jemmnu fil-Maċedonja u l-Akaja.

8 Il-fatt hu li permezz tagħkom mhux biss in-nies kollha fil-Maċedonja u l-Akaja semgħu dwar il-kelma taʼ Ġeħova,* imma l-fidi tagħkom f’Alla saru jafu biha kullimkien. Allura m’għandna xejn iżjed xi nżidu. 9 In-nies għadhom jirrakkontaw dwar l-ewwel darba li ltqajna magħkom u dwar kif warrabtu lill-idoli tagħkom biex taqdu lill-Alla l-veru li hu ħaj. 10 Ukoll, intom qed tistennew lil Ibnu mis-sema, li hu qajmu mill-mewt, jiġifieri lil Ġesù, li se jsalvana mill-kastig li ġej fil-futur.

2 Ħuti, intom żgur tafu li meta ġejna għandkom ma kienx għalxejn. 2 Bħalma tafu, għalkemm għall-ewwel batejna u ġejna ttrattati b’diżrispett f’Filippi, għamilna l-kuraġġ permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba dwar Alla, minkejja li kellna ħafna oppożizzjoni.* 3 Dak li ninkuraġġukom tagħmlu mhux ibbażat fuq xi ħaġa falza u lanqas mhu qed ngħiduhulkom bi skop ħażin jew biex inqarrqu bikom. 4 Imma nitkellmu magħkom bħala wħud inkarigati minn Alla biex nitkellmu dwar l-aħbar tajba. Ma nitkellmux magħkom biex nintgħoġbu mill-bniedem, imma biex nogħġbu lil Alla, li jeżamina l-qlub tagħna.

5 Fil-fatt, intom tafu li aħna qatt ma faħħarniekom biex nintgħoġbu jew ħbejna min aħna biex nakkwistaw xi ħaġa b’regħba; hemm Alla xhud taʼ dan! 6 Aħna m’aħniex infittxu l-glorja mingħand il-bniedem, la mingħandkom u lanqas minn oħrajn, avolja nistgħu nkunu taʼ piż finanzjarju bħala appostli taʼ Kristu. 7 Għall-kuntrarju, aħna ġibna ruħna bil-ħlewwa magħkom, bħalma omm titmaʼ u tgħożż it-tarbija tagħha. 8 Minħabba li nħobbukom ħafna, mhux biss konna determinati* li ngħidulkom l-aħbar tajba dwar Alla imma wkoll li nagħtu ħajjitna* biex ngħinukom.

9 Aħwa, żgur li tiftakru kemm ħdimna iebes u tħabatna. Konna qed naħdmu lejl u nhar, ħalli ma nkunu taʼ piż finanzjarju fuq ħadd minnkom meta xandarnielkom l-aħbar tajba dwar Alla. 10 Meta konna magħkom, aħna konna leali, għamilna dak li hu sewwa, u konna bla ħtija. Kemm intom u kemm Alla xhieda taʼ dan. 11 Intom tafu sew li aħna bqajna nħeġġu, ninkuraġġixxu, u nagħtu pariri lil kull wieħed minnkom, bħalma missier jagħmel mat-tfal tiegħu. 12 Għamilna hekk biex intom tkomplu tgħixu kif jixraq lil Alla, li għażilkom biex tidħlu fis-Saltna tiegħu u tirċievu l-glorja.

13 Infatti, huwa għalhekk li aħna l-ħin kollu nirringrazzjaw lil Alla, għax meta intom irċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, m’aċċettajtuhiex bħala l-kelma tal-bnedmin, imma bħalma hi verament, il-kelma t’Alla li qed tgħinkom. 14 Għax intom aħwa, imxejtu fuq l-eżempju tad-dixxipli taʼ Kristu Ġesù fil-Lhudija li huma l-kongregazzjoni t’Alla, għax batejtu l-istess affarijiet min-nies taʼ pajjiżkom li huma qed ibatu mil-Lhud. 15 Dawn saħansitra qatlu lill-Mulej Ġesù u l-profeti u ppersegwitaw lilna. Iktar minn hekk, mhux qed jagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Alla, imma li qed jagħmlu mhu taʼ ġid għal ħadd. 16 Għax meta nippritkaw lil dawk li mhux Lhud biex ikunu jistgħu jiġu salvati, jipprovaw iwaqqfuna. B’dan il-mod, huma dejjem qed iżidu mad-dnubiet li għamlu. Imma wasal iż-żmien li Alla jirrabja magħhom.

17 Ħuti, meta konna ġejna mifrudin minn magħkom għal ftit żmien, xorta bqajna niftakrukom. Imma peress li xtaqna ħafna li narawkom, għamilna kull sforz biex niġu.* 18 Għal din ir-raġuni ridna niġu għandkom. Iva, jien Pawlu, ipprovajt għal darba darbtejn, imma Satana ma ħallinix. 19 Għax x’inhi t-tama tagħna, jew il-ferħ tagħna, jew il-kuruna tagħna li se nkunu kburin biha meta jerġaʼ jiġi l-Mulej Ġesù? Mhux intom? 20 Aħna żgur li kburin u ferħanin bikom.

3 Għalhekk, meta ma flaħniex nistennew iktar biex insiru nafu dwarkom, iddeċidejna li nibqgħu waħedna Ateni 2 u nibagħtu lil Timotju, ħuna u qaddej t’Alla* li jipprietka l-aħbar tajba dwar il-Kristu. Aħna bgħatnieh biex isaħħaħkom* u jfarraġkom għall-ġid tal-fidi tagħkom, 3 ħalli ħadd ma jiddgħajjef* minħabba dawn it-tbatijiet. Għax intom stess tafu li ma nistgħux nevitaw li ngħaddu minn tbatijiet bħal dawn. 4 Għax meta konna magħkom, konna ngħidulkom minn qabel li se nbatu, u bħalma tafu hekk ġara. 5 Hu għalhekk li meta ma flaħtx nistenna iktar, bgħatt lil Timotju biex inkun naf dwar il-lealtà tagħkom, għax bdejt nibżaʼ li x-Xitan* setaʼ ttantakom, u x-xogħol li għamilna kien ikun għalxejn.

6 Imma Timotju għadu kemm ġie mingħandkom u tana l-aħbar tajba dwar il-lealtà u l-imħabba tagħkom, li għandkom memorji sbieħ dwarna, u li qed tħarsu ’l quddiem li tarawna bħalma nixtiequ aħna wkoll. 7 Hu għalhekk aħwa li meta smajna dwarkom u dwar il-lealtà li qed turu, ġejna inkuraġġiti minkejja li aħna fil-bżonn u għaddejjin minn tbatija. 8 Peress li żżommu sod bħala dixxipli tal-Mulej, aħna nieħdu r-ruħ.* 9 Aħna veru nirringrazzjaw lil Alla għalikom għax intom tferrħuna ħafna! 10 Lejl u nhar aħna nitolbu bil-ħniena li narawkom u li nkunu nistgħu ngħinukom f’dak li għandkom bżonn biex issaħħu l-fidi tagħkom.

11 Issa jalla l-Alla u l-Missier tagħna u l-Mulej tagħna Ġesù jħalluna niġu għandkom. 12 Iktar minn hekk, jalla l-Mulej jgħinkom ikollkom iktar imħabba lejn xulxin u lejn oħrajn, bħalma aħna nħobbukom ħafna. 13 B’hekk tissodaw, tkunu bla ħtija, u qaddisin quddiem l-Alla l-Missier tagħna meta jiġi l-Mulej tagħna Ġesù mal-qaddisin kollha tiegħu.

4 Fl-aħħar, aħwa, intom qed tgħixu b’mod li jogħġob lil Alla bħalma għallimniekom aħna. Issa qed nitolbukom bil-ħniena f’isem il-Mulej Ġesù, biex tkomplu tagħmlu dan iktar u iktar. 2 Għax intom tafu x’għallimniekom* permezz tal-Mulej Ġesù.

3 Dak li jrid Alla hu li tkunu qaddisin u tirrifjutaw l-immoralità sesswali.* 4 Kull wieħed minnkom għandu jkun jaf kif jikkontrolla lil ġismu biex iżommu qaddis u onorabbli, 5 u m’għandux iċedi għal xewqat sesswali bla kontroll b’regħba, bħalma jagħmlu n-nies li ma jafux lil Alla. 6 Ħadd m’għandu jagħmel dak li mhux sew u jieħu vantaġġ minn ħuh f’din il-ħaġa, għax Ġeħova* jikkastiga lil min jagħmel dawn l-affarijiet kollha, bħalma għednielkom minn qabel u wissejniekom b’mod sod. 7 Għax Alla m’għażilniex biex ngħixu ħajja mhux nadifa, imma biex inkunu qaddisin. 8 Għalhekk, min jirrifjuta dawn it-twissijiet mhux qed jirrifjuta lill-bniedem, imma lil Alla, li jagħtikom l-ispirtu qaddis tiegħu.

9 Minkejja dan, m’hemmx bżonn niktbulkom biex tħobbu lil xulxin bħal aħwa, għax intom qed tiġu mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin. 10 Fil-fatt, intom qed tagħmlu dan mal-aħwa kollha fil-Maċedonja. Imma, aħwa, inħeġġukom biex tibqgħu tagħmlu dan iktar u iktar. 11 Agħmluha l-mira tagħkom li tgħixu fil-paċi, ma tindaħlux fl-affarijiet taʼ ħaddieħor, u taħdmu, bħalma għallimniekom aħna, 12 ħalli n-nies taʼ barra jkunu jistgħu jaraw li taġixxu b’mod tajjeb u ma jkun jonqoskom xejn.

13 Iktar minn hekk, aħwa, irridukom tifhmu x’se jiġri lil dawk li reqdin fil-mewt, ħalli ma tkunux imdejqin għall-aħħar bħal dawk li m’għandhomx tama. 14 Għax jekk għandna fidi li Ġesù miet u reġaʼ qam, għandna fidi wkoll li d-dixxipli li raqdu fil-mewt waqt li kienu leali se jiġu rxoxtati minn Alla biex ikunu maʼ Ġesù. 15 Dan li se ngħidulkom hu skont dak li jgħid Ġeħova:* Aħna li se nkunu ħajjin meta jerġaʼ jiġi l-Mulej se nitilgħu s-sema. Imma dawk li diġà mietu se jitilgħu l-ewwel, imbagħad nitilgħu warajhom aħna; 16 għax il-Mulej stess se jinżel mis-sema, jagħti kmandi b’leħen t’arkanġlu, u jżomm it-trumbetta t’Alla. U d-dixxipli li raqdu fil-mewt waqt li kienu leali lejn Kristu se jiġu rxoxtati l-ewwel. 17 Wara dan, aħna l-ħajjin li nkunu għadna hawnhekk nittieħdu fis-sħab magħhom biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. B’hekk inkunu dejjem mal-Mulej. 18 Għalhekk ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin b’dan il-kliem.

5 Issa, aħwa, intom m’għandkom bżonn lil ħadd jiktbilkom dwar iż-żmien magħżul minn Alla.* 2 Għax intom tafu tajjeb li jum Ġeħova* ġej eżatt bħal ħalliel billejl. 3 Meta jkunu qed jgħidu: “Paċi u sigurtà!” imbagħad tiġi fuqhom qerda f’daqqa, bħall-uġigħ tal-ħlas fuq mara tqila, u żgur ma jeħilsuhiex. 4 Imma intom, aħwa, m’intomx fid-dlam, għalhekk dan il-jum mhux se jiġi fuqkom għal għarrieda bħalma jiġi fuq il-ħallelin, 5 għax intom kollha tfal tad-dawl u tfal tal-jum. Aħna la aħna tal-lejl u lanqas tad-dlam.

6 Għalhekk, ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina. 7 Għax dawk li jorqdu jagħmlu dan billejl, u dawk li jiskru jagħmlu dan billejl. 8 Imma aħna li aħna tal-jum, ħa nibqgħu f’sensina, nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u nilbsu l-elmu li hu t-tama tas-salvazzjoni, 9 għax Alla m’għażilniex biex jikkastigana, imma biex niġu salvati permezz taʼ dak li għamel il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 10 Hu miet għalina, biex kemm jekk nibqgħu mqajmin u kemm jekk inkunu reqdin,* inkunu nistgħu ngħixu flimkien miegħu. 11 Għalhekk, ibqgħu inkuraġġixxu* lil xulxin u saħħu lil xulxin, bħalma fil-fatt qed tagħmlu.

12 Aħwa, issa nitolbukom biex tirrispettaw lil dawk li qed jaħdmu iebes fostkom, li qed jiggwidawkom fix-xogħol tal-Mulej, u li qed iwissukom. 13 Uruhom iktar qalb tajba u ħobbuhom għax-xogħol li jagħmlu. Żommu l-paċi bejnietkom. 14 Mill-banda l-oħra, inħeġġukom biex twissu lil min ma jimxix bl-ordni,* tikkonslaw lid-dipressi,* tappoġġaw lid-dgħajfin, u tkunu paċenzjużi maʼ kulħadd. 15 Araw li ħadd minnkom ma jpatti ħsara bi ħsara lil ħaddieħor, imma dejjem agħmlu dak li hu tajjeb għal xulxin u għal kulħadd.

16 Ifirħu dejjem. 17 Itolbu bla ma tieqfu. 18 Irringrazzjaw lil Alla għal kollox. Dan hu dak li jrid Alla minnkom bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. 19 Twaqqfux l-ispirtu qaddis milli jaħdem fikom.* 20 Tmaqdrux il-profeziji. 21 Eżaminaw kull ħaġa biex taraw jekk hix vera; dejjem agħmlu dak li hu tajjeb. 22 Irrifjutaw kull tip taʼ ħażen.

23 Jalla l-Alla tal-paċi jqaddiskom kompletament. U jalla l-ispirtu, ir-ruħ,* u l-ġisem tagħkom, aħwa, ikunu tajbin f’kull mod u jinżammu bla ħtija għal meta jerġaʼ jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 24 Dak li qed jagħżilkom hu leali, u żgur li se jagħmel dawn l-affarijiet.

25 Aħwa, komplu itolbu għalina.

26 Ilqgħu lill-aħwa kollha bi mħabba.*

27 F’isem il-Mulej, qed nagħtikom din ir-responsabbiltà serja biex din l-ittra tinqara lill-aħwa kollha.

28 Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira.

Jgħidulu wkoll Sila.

Ara App. A5.

Jew forsi “fost ħafna ġlied.”

Letteralment “kuntenti.”

Jew “ruħna.”

Letteralment “biex naraw lil wiċċkom.”

Jew forsi “jaħdem m’Alla.”

Jew “jissodakom.”

Letteralment “jiċċaqlaq.”

Letteralment “it-Tentatur.”

Letteralment “ngħixu.”

Jew “l-istruzzjonijiet li tajniekom.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “iż-żminijiet u l-istaġuni.”

Ara App. A5.

Jew “reqdin fil-mewt.”

Jew “farrġu.”

Jista’ jirreferi għal min ma jgħixx skont il-prinċipji t’Alla.

Jew “lil dawk li huma skuraġġiti.”

Letteralment “Titfux in-nar tal-ispirtu.”

Jew “il-ħajja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”

Letteralment “b’bewsa qaddisa.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja