LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt 2 Tessalonikin 1:1-3:18
  • It-2 Tessalonikin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-2 Tessalonikin
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
It-2 Tessalonikin

IT-TIENI ITTRA LIT-TESSALONIKIN

1 Jien Pawlu, Silvanu,* u Timotju qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin li hi tal-Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu:

2 Jalla tintwerew qalb tajba kbira u jkollkom il-paċi mingħand l-Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu.

3 Aħna obbligati li dejjem nirringrazzjaw lil Alla għalikom, aħwa. Dan hu xieraq, għax il-fidi tagħkom qed issir b’saħħitha ħafna u l-imħabba tagħkom għal xulxin qed tiżdied. 4 Allura, qed niftaħru bikom fil-kongregazzjonijiet t’Alla minħabba li qed tissaportu u turu fidi waqt il-persekuzzjonijiet kollha u d-diffikultajiet* li qed tgħaddu minnhom.* 5 Dan juri li Alla jiġġudika b’mod ġust, u minħabba f’hekk intom ħaqqkom li tidħlu fis-Saltna t’Alla li għaliha qed tbatu.

6 Peress li Alla hu ġust, hu se jikkastiga lil dawk li jġegħlukom tbatu. 7 Imma intom li qed tbatu mhux se jibqaʼ jiġrilkom hekk. Dan se jiġri kemm lilkom u kemm lilna meta jidher il-Mulej Ġesù mis-sema mal-anġli b’saħħithom tiegħu 8 f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u fuq dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù. 9 Il-Mulej tagħna se jiġġudikahom lil dawn. Il-kastig tagħhom se jkun qerda taʼ dejjem. Allura se jitneħħew minn quddiem il-Mulej u ma jibqgħux jaraw il-qawwa glorjuża tiegħu. 10 Meta l-Mulej tagħna jiġi biex ikun igglorifikat maʼ ħutu l-qaddisin, dawk kollha li juru li għandhom fidi fih se jammirawh. U minħabba li emmintu dak li għednielkom, intom se tkunu fosthom ukoll.

11 Huwa għalhekk li aħna dejjem nitolbu għalikom. Aħna nitolbu li l-Alla tagħna jqiskom bħala wħud li ħaqqkom dak li ġejtu magħżulin għalih. Nitolbu wkoll li bil-qawwa tiegħu jkun jistaʼ jagħmlilkom it-tajjeb kollu li jrid u jlesti dak li kontu qed tagħmlu mmotivat mill-fidi tagħkom. 12 B’dan il-mod, l-isem tal-Mulej tagħna Ġesù jkun jistaʼ jiġi gglorifikat b’dak li tagħmlu u intom se tiġu gglorifikati permezz tiegħu skont il-qalb tajba kbira t’Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

2 Però aħwa, rigward meta jerġaʼ jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu u li aħna ninġabru flimkien miegħu, nitolbukom 2 biex ma tħallu lil ħadd ibiddel il-fehma tajba tagħkom u ma titfixklux jekk xi ħadd jgħid li l-jum taʼ Ġeħova* qiegħed hawn. U tinkwetawx lanqas jekk jgħidu li l-messaġġ ġej minn Alla* jew jekk jaqrawh f’ittra li jgħidu li ktibnieha aħna.

3 Tħallu lil ħadd iqarraq bikom, għax qabel ma jiġi dak il-jum, l-ewwel trid tiġi l-apostasija u jinkixef min hu r-raġel ħażin,* hu l-wieħed li se jinqered. 4 Hu jiħodha kontra Alla u jgħolli lilu nnifsu fuq dawk kollha li jissejħu allat jew fuq kull ħaġa li n-nies iqimu, biex b’hekk ipoġġi fit-tempju t’Alla. Hu se jagħmel dan quddiem kulħadd bħallikieku hu alla. 5 Ma tiftakrux li meta kont għadni magħkom, kont ngħidilkom dawn l-affarijiet?

6 U issa tafu min qed iżommu lura, ħalli b’hekk hu jinkixef meta jasal il-waqt. 7 Veru, il-ħażen taʼ dan ir-raġel li hu moħbi diġà qed jaħdem, imma dan il-ħażen se jinkixef meta dak li qed iżommu lura ma jkunx għadu hemm. 8 Infatti, imbagħad ir-raġel ħażin se jinkixef. Lil dan, il-Mulej Ġesù se jeqirdu bil-qawwa taʼ kliemu* u se jġibu fix-xejn meta juri li reġaʼ ġie lura. 9 Meta dan ir-raġel ħażin jidher, hu se jagħmel dan bil-qawwa taʼ Satana u se jagħmel ħafna mirakli, sinjali li jqarrqu, affarijiet tal-għaġeb, 10 u kull tip taʼ qerq mill-agħar. Dawn l-affarijiet se jqarrqu bin-nies li se jinqerdu, bħala kastig talli m’aċċettawx u ma ħabbewx il-verità. Li kieku dawn aċċettaw u ħabbew il-verità setgħu jiġu salvati. 11 Hu għalhekk li Alla ħalliehom jiġu mqarrqin minn tagħlim falz, ħalli b’hekk jemmnu l-gidba, 12 biex ilkoll jiġu ġġudikati għax m’emmnux il-verità imma ħadu pjaċir bin-nuqqas taʼ ġustizzja.

13 Però, aħna obbligati li dejjem nirringrazzjaw lil Alla għalikom, aħwa għeżież għal Ġeħova,* għax Alla għażilkom mill-bidu biex tiġu salvati. Hu għamel dan billi qaddiskom permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu u bil-fidi tagħkom fil-verità. 14 Hu għażilkom* biex tiġu salvati permezz tal-aħbar tajba li aħna nxandru, ħalli b’hekk anki intom ikollkom il-glorja bħal tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 15 Għalhekk aħwa, żommu sod u ibqgħu agħmlu l-affarijiet* li tgħallimtu, kemm jekk qalhomlkom xi ħadd u kemm jekk għax irċivejtu ittra mingħandna. 16 Alla l-Missier tagħna jħobbna, u għax juri qalb tajba kbira hu dejjem ifarraġna u jagħtina tama mill-isbaħ. Aħna nitolbu li hu u l-Mulej tagħna Ġesù Kristu 17 jfarrġukom u jsaħħukom* biex dejjem tagħmlu u tgħidu dak li hu tajjeb.

3 Għalhekk aħwa, komplu itolbu għalina ħalli dak li jgħid Ġeħova* jibqaʼ jinfirex malajr u jiġi gglorifikat bħalma ġara fostkom. 2 Ukoll, itolbu li Alla jeħlisna min-nies ħżiena u li jagħmlu l-ħsara, għax mhux in-nies kollha għandhom il-fidi. 3 Imma l-Mulej hu leali, u se jsaħħaħkom u jipproteġikom mix-Xitan.* 4 Ukoll, bħala dixxipli tal-Mulej, aħna nafdawkom. Aħna nafu li qed tobdu u se tkomplu tobdu l-istruzzjonijiet li tajniekom. 5 Jalla l-Mulej jgħinkom tħobbu lil Alla u tibqgħu tissaportu biex tkomplu timxu wara l-Kristu.

6 Aħwa, issa qed nagħtukom istruzzjonijiet f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, biex twarrbu minn kull ħu li mhux jimxi bl-ordni* u mhux qed jobdi l-istruzzjoni* li intom* irċivejtu mingħandna. 7 Intom tafu x’għandkom tagħmlu biex timitawna, għax aħna mxejna bl-ordni fostkom 8 u ma kilniex l-ikel taʼ ħaddieħor b’xejn. Anzi, ħdimna iebes u tħabatna lejl u nhar ħalli ma nkunu taʼ piż finanzjarju fuq ħadd minnkom. 9 Mhux għax m’għandniex id-dritt li nitolbukom tagħtuna l-affarijiet, imma ridna nkunu t’eżempju għalikom biex timitawna. 10 Fil-fatt, meta konna magħkom, konna nikkmandawkom li min ma jridx jaħdem, ma jikolx. 11 Għax qed nisimgħu li xi wħud minnkom mhux qed jimxu bl-ordni, billi mhux qed jaħdmu u jindaħlu fejn ma jesagħhomx. 12 Lil nies bħal dawn nikkmandawhom u nħeġġuhom f’isem il-Mulej Ġesù Kristu biex ma jindaħlux fl-affarijiet taʼ ħaddieħor u jieklu dak li ħadmu għalih.

13 Min-naħa tagħkom, aħwa, tegħjewx tagħmlu dak li hu tajjeb. 14 Imma jekk xi ħadd ma jobdix dak li qed ngħidulkom permezz taʼ din l-ittra, immarkawh* u tibqgħux tagħmluha miegħu, ħalli jistħi. 15 Però tqisuhx bħala għadu tagħkom, imma komplu agħtuh pariri bħala ħukom.

16 Jalla l-Mulej tal-paċi jagħtikom il-paċi l-ħin kollu u b’kull mod. Jalla l-Mulej ikun magħkom kollha.

17 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess. Jien dejjem nikteb b’dan il-mod fl-ittri tiegħi, ħalli tkunu tafu li ktibtha jien.

18 Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu juri qalb tajba kbira magħkom kollha.

Jgħidulu wkoll Sila.

Jew “it-tribulazzjonijiet.”

Jew “tissaportu.”

Ara App. A5.

Jew “minn spirtu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Spirtu.”

Jew “bla liġi.”

Letteralment “bl-ispirtu taʼ ħalqu.”

Ara App. A5.

Letteralment “sejħilkom.”

Letteralment “it-tradizzjonijiet.”

Jew “jagħmlukom sodi.”

Ara App. A5.

Letteralment “mill-Ħażin.”

Jista’ jirreferi għal min ma jgħixx skont il-prinċipji t’Alla.

Letteralment “it-tradizzjoni.”

Jew forsi “huma.”

Jew “oqogħdu attenti minnu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja