LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt 1 Timotju 1:1-6:21
  • L-1 Timotju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-1 Timotju
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
L-1 Timotju

L-EWWEL ITTRA LIL TIMOTJU

1 Jien Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù li ntbgħatt bl-awtorità t’Alla, Dak li Jsalvana, u taʼ Kristu Ġesù, il-wieħed li permezz tiegħu għandna t-tama tagħna, 2 qed nibgħat din l-ittra lilek Timotju,* qaddej sieħbi fil-fidi u li nqisek bħala t-tifel tiegħi:

Jalla Alla Missierna u Kristu Ġesù l-Mulej tagħna juruk qalb tajba kbira, ħniena, u jgħinuk ikollok il-paċi.

3 Tiftakar li qabel jien mort il-Maċedonja għedtlek biex tibqaʼ f’Efesu? Issa nerġaʼ ninkuraġġik biex tibqaʼ f’Efesu, biex tikkmanda lil ċerti nies ħalli la jgħallmu tagħlim differenti 4 u lanqas ma jagħtu kas l-istejjer foloz u r-riċerka li saret dwar l-antenati. Dawn l-affarijiet ma jwasslu mkien. Kulma jagħmlu hu li jqajmu diskussjonijiet bla sens li mhumiex parti minn dak li ta Alla biex isaħħaħ il-fidi tagħna. 5 L-iskop taʼ din l-istruzzjoni* hu li kulħadd juri mħabba mmotivata minn qalb sinċiera, kuxjenza nadifa, u fidi mingħajr ipokrisija. 6 Minħabba li xi wħud tbiegħdu minn dawn l-affarijiet, spiċċaw ipaċpċu fil-vojt. 7 Huma jridu jkunu għalliema tal-liġi, imma huma la jifhmu dak li qed jgħidu u lanqas dak li qed jinsistu tant fuqu.

8 Issa aħna nafu li m’hemm xejn ħażin fil-Liġi jekk wieħed jużaha kif suppost. 9 Dan għandu jifhem li din il-liġi ma saritx għal min hu ġust, imma għal dawk bla liġi u ribellużi, li m’għandhomx rispett lejn Alla u midinbin,* li mhumiex leali* u li jirrifjutaw dak li hu qaddis, li joqtlu lil missierhom, ommhom, jew nies oħrajn, 10 li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* li jagħmlu l-omosesswalità,* li jaħtfu lil xi ħadd,* li jigdbu, li jaħilfu falz, u li jagħmlu kwalunkwe ħaġa li hi kontra t-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.* 11 Dan it-tagħlim ġej minn Alla li hu ferħan u dan hu skont l-aħbar tajba mill-isbaħ li ngħatat lili biex nipprietka.

12 Jien grat lejn Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, li tani l-qawwa, għax hu qiesni leali billi tani xogħol qaddis x’nagħmel. 13 Qabel kont nidgħi kontra Alla, nippersegwita lin-nies tiegħu, u nitkellem bl-aħrax kontra tagħhom. Minkejja dan, intwerejt ħniena għax kont fl-injoranza u ma kellix fidi. 14 Imma l-Mulej tagħna wera qalb tajba kbira ħafna miegħi, u jien għandi fidi u mħabba għax jien dixxiplu taʼ Kristu Ġesù. 15 Dan li se ngħid hu taʼ min jafdah u jaċċettah b’qalb sħiħa: Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-midinbin. Minnhom, jien l-agħar wieħed. 16 Minkejja dan, jien intwerejt ħniena ħalli permezz tiegħi, bħala l-agħar każ, Kristu Ġesù jistaʼ juri l-paċenzja kollha tiegħu. B’hekk użani bħala eżempju għal dawk li se jkollhom fidi fih biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.

17 Jalla r-Re taʼ dejjem, li ma jistax imut, li ma jidhirx, u li hu l-uniku Alla, jiġi onorat u gglorifikat għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.

18 Ibni Timotju, jien qed nagħtik din l-istruzzjoni* li hi fi qbil mal-profeziji li ntqalu dwarek. Dawn se jgħinuk biex tkompli tiġġieled għal skop tajjeb, 19 jibqaʼ jkollok il-fidi, u kuxjenza nadifa. Xi wħud warrbuhom dawn l-affarijiet, u b’hekk il-fidi tagħhom ġiet fix-xejn bħal vapur li jegħreq. 20 Fosthom hemm Imeni u Alessandru, u jien tajthom f’idejn Satana* biex bid-dixxiplina jitgħallmu ma jidgħux kontra Alla.

2 L-ewwel nett, inħeġġiġkom biex titolbu għal kull tip taʼ nies, billi titolbu bil-ħniena* lil Alla għall-għajnuna u tirringrazzjawh. 2 Itolbu għar-rejiet u għal dawk kollha li għandhom pożizzjoni għolja,* ħalli nkunu nistgħu nkomplu ngħixu fil-kwiet u l-paċi u nkunu leali lejn Alla għalkollox u nagħmlu kollox bil-ħeġġa.* 3 Dan hu tajjeb u aċċettabbli f’għajnejn Alla, Dak li Jsalvana. 4 Hu jrid li kull tip taʼ nies jiġu salvati u jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità. 5 Għax hemm Alla wieħed, u medjatur* wieħed bejn Alla u n-nies, Kristu Ġesù. Dan hu r-raġel 6 li ta lilu nnifsu bħala fidwa* għal kulħadd.* Dwar dan se tingħata xhieda f’waqtha. 7 Hu għalhekk li ġejt inkarigat nipprietka u nkun appostlu, ħalli nkun nistaʼ ngħallem lill-popli dwar il-fidi u l-verità. Dan li qed ngħid hu veru, m’iniex nigdeb.

8 Għalhekk, jien nixtieq li f’kull post fejn jiltaqgħu l-irġiel leali* għandhom ikomplu jitolbu, mingħajr rabja u argumenti. 9 Ukoll, ninkuraġġixxi lin-nisa biex jiżżejnu bi lbies adattat,* bil-modestja u bl-għaqal,* mhux bi stili taʼ xagħar immaljat, deheb, perli, jew ħwejjeġ li jiswew ħafna. 10 Iva, biex jidhru sbieħ għandhom jagħmlu affarijiet tajbin kif jixraq lin-nisa li jqimu lil Alla.

11 Il-mara għandha toqgħod titgħallem bil-kwiet* u bl-umiltà.* 12 Ma nippermettix li mara tgħallem jew ikollha awtorità fuq raġel, imma għandha tibqaʼ kwieta.* 13 Għax Adam inħalaq l-ewwel, imbagħad Eva. 14 Ukoll, Adam ma ġiex imqarraq, imma l-mara ġiet imqarrqa għalkollox u dinbet. 15 Però, in-nisa se jibqgħu protetti billi jsiru ommijiet, dejjem jekk jibqgħu jgħixu bil-fidi, l-imħabba, il-qdusija, u l-għaqal.*

3 Dan li se ngħid hu taʼ min jafdah: Jekk raġel qed jirsisti biex isir anzjan,* hu jkun jixtieq xogħol tajjeb. 2 Għalhekk, anzjan għandu jkun raġel li ma ssib xejn x’tgħid fih, ikun miżżewweġ mara waħda, moderat f’kollox, juża l-għaqal,* jimxi bl-ordni, ikun ospitabbli, ikkwalifikat biex jgħallem, 3 ma jiskirx, ma jkunx vjolenti,* imma jkun raġonevoli, ma jiġġilidx, ma jħobbx il-flus, 4 ikun jaf imexxi* tajjeb lill-familja tiegħu, ikollu tfal li jobdu u jġibu ruħhom sew, 5 (għax jekk raġel ma jafx imexxi* lill-familja tiegħu stess, kif jistaʼ jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?) 6 u mhux wieħed li għadu kif sar Kristjan, li ma jmurx jitkabbar u jirċievi l-istess ġudizzju li rċieva x-Xitan. 7 Iktar minn hekk, għandu jkollu reputazzjoni* tajba maʼ dawk taʼ barra, ħalli ma jiġix iddiżonorat u jaqaʼ fin-nassa tax-Xitan.

8 Bl-istess mod, il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji, ma jqarrqux b’dak li jgħidu,* ikunu moderati kemm jieħdu nbid, ma jkunux rgħiba biex jakkwistaw affarijiet b’mod diżonest, 9 u jżommu mas-sigriet qaddis tal-fidi* b’kuxjenza nadifa.

10 Ukoll, l-ewwel għandhom jagħtu prova jekk jistħoqqilhomx* dan il-privileġġ, u jekk m’hemm xejn fuq xiex jiġu akkużati, huma jistgħu jaqdu bħala qaddejja ministerjali.

11 Bl-istess mod, in-nisa għandhom ikunu serji, ma jimmalafamawx, moderati f’kollox, u juru fidi f’kulma jagħmlu.

12 Il-qaddejja ministerjali għandhom ikunu miżżewġin mara waħda u jmexxu tajjeb lill-familja tagħhom, speċjalment lit-tfal. 13 L-irġiel li jaqdu bl-aħjar mod jiksbu reputazzjoni tajba u jkunu jistgħu jitkellmu b’libertà kbira dwar il-fidi tagħhom fi Kristu Ġesù.

14 Għalkemm qed nittama li ma ndumx ma niġi narak, qed niktiblek dawn l-affarijiet 15 ħalli f’każ li ndum, tkun taf kif għandek iġġib ruħek fid-dar t’Alla, jiġifieri l-kongregazzjoni tal-Alla l-ħaj, li tappoġġa u tiddefendi l-verità. 16 Infatti, is-sigriet qaddis tal-lealtà lejn Alla hu t’importanza kbira: ‘Ġesù sar bniedem, ġie ddikjarat ġust minn Alla meta reġaʼ għamlu spirtu, deher lill-anġli, xandru dwaru fost il-popli, xi nies emmnu fih, u ntlaqaʼ fis-sema u ġie gglorifikat.’

4 Minkejja dan, l-ispirtu t’Alla jgħid b’mod ċar li fil-futur se jkun hemm xi wħud li se jitilfu l-fidi għax jisimgħu messaġġi li mhumiex vera u li jidhru li ġejjin mingħand Alla,* tagħlim tad-demonji, 2 u gideb taʼ nies ipokriti li l-kuxjenza tagħhom hi mmarkata b’ħadida tikwi. 3 Huma ma jħallux lin-nies jiżżewġu u jikkmandawhom biex ma jiklux ċertu ikel, imma Alla għamel dan l-ikel ħalli dawk li għandhom fidi permezz tal-għarfien eżatt tal-verità jikluh u jirringrazzjawh. 4 Għax kulma ħalaq Alla hu tajjeb, u l-ebda ikel m’għandu jiġi rrifjutat jekk min jieklu jirringrazzja lil Alla, 5 għax jiġi mqaddes permezz tal-kelma t’Alla u t-talb.

6 Jekk tagħti dawn il-pariri lill-aħwa turi li int qaddej mill-aħjar taʼ Kristu Ġesù, u li ġejt imsaħħaħ bil-kliem tal-fidi u t-tagħlim mill-aqwa li żammejt miegħu mill-qrib. 7 Imma rrifjuta stejjer foloz li jiddiżonoraw lil Alla, bħal dawk li jirrakkontaw xi nisa mdaħħlin fiż-żmien. Mill-banda l-oħra, ittrennja lilek innifsek bil-mira li tkun leali lejn Alla. 8 It-trejning li xi ħadd jagħmel biex jissaħħaħ b’mod fiżiku hu taʼ benefiċċju għal ftit, imma li jkun leali lejn Alla jgħinu f’kollox, għax hu jirċievi barkiet issa u wkoll fil-futur. 9 Dan li għedt hu taʼ min jafdah u jaċċettah b’qalb sħiħa. 10 Hu għalhekk li qed naħdmu iebes u nistinkaw, għax aħna nittamaw fl-Alla l-ħaj, Dak li Jsalva lil kull tip taʼ nies, speċjalment lil dawk leali.

11 Ibqaʼ agħti dawn l-istruzzjonijiet* u għallimhom. 12 Qatt tħalli lil xi ħadd imaqdar iż-żgħożija tiegħek. Minflok, kun t’eżempju għal dawk leali fil-mod taʼ kif titkellem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, u fl-indafa morali. 13 Sakemm niġi, kompli agħmel ħiltek fl-inkarigu tiegħek biex taqra fil-pubbliku, biex tinkuraġġixxi, u biex tgħallem. 14 Tittraskurax l-abbiltà li ngħatatlek meta l-ġemgħa tal-anzjani* poġġew idejhom fuqek fi qbil maʼ dak li ġie pprofetizzat dwarek. 15 Immedita fuq* dawn l-affarijiet; iffoka għalkollox fuqhom, ħalli kulħadd ikun jistaʼ jara l-progress li qed tagħmel. 16 Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tkun t’eżempju tajjeb u għalliem tajjeb. Stinka biex tagħmel dawn l-affarijiet, għax jekk tagħmel hekk, se ssalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

5 Tikkritikax bl-aħrax lir-raġel imdaħħal fiż-żmien, imma minflok tkellem miegħu bħallikieku qed titkellem maʼ missierek. Tkellem maʼ rġiel iżgħar bħallikieku qed titkellem maʼ ħutek subien. 2 Tkellem maʼ nisa akbar bħallikieku qed titkellem m’ommok, u maʼ nisa iżgħar bħallikieku qed titkellem maʼ ħutek il-bniet billi taġixxi b’mod xieraq lejhom.

3 Ħu ħsieb* lir-romol li huma verament romol.* 4 Imma jekk xi armla għandha t-tfal jew it-tfal tat-tfal, ħalli dawn l-ewwel jitgħallmu jieħdu ħsieb lill-familja tagħhom, u b’hekk juru li qed jaqdu lealment lil Alla. Huma għandhom jagħtu lill-ġenituri tagħhom u lin-nanniet dak li jistħoqqilhom, għax Alla jieħu pjaċir b’dan. 5 Il-mara li hi verament armla u li m’għandha xejn tittama f’Alla, tissupplikah,* u titolbu lejl u nhar. 6 Imma l-armla li tgħix biss biex taqtaʼ x-xewqat* tagħha hi mejta spiritwalment. 7 Għalhekk, kompli agħti dawn l-istruzzjonijiet* biex ħadd ma jsib xi jgħid fihom.* 8 Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb il-familja tiegħu stess, u speċjalment lil dawk li joqogħdu fid-dar tiegħu, hu ma jkunx baqaʼ jemmen dak li nemmnu aħna u jkun agħar minn xi ħadd li m’għandux fidi.

9 Armla li għandha titqiegħed fil-lista biex tingħata l-għajnuna għandu jkollha iktar minn 60 sena, kienet mara taʼ raġel wieħed, 10 u għandha reputazzjoni li għamlet affarijiet tajbin bħal li rabbiet it-tfal sew, kienet ospitabbli, ħaslet saqajn il-qaddisin, għenet lil min hu batut, u li għamlet kulma setgħet biex tagħmel affarijiet tajbin.

11 Mill-banda l-oħra, tpoġġux lir-romol iżgħar fil-lista, għax meta x-xewqat sesswali tagħhom ifixkluhom milli jaqdu lill-Kristu, huma jkunu jridu jiżżewġu. 12 U huma jsiru ħatja minħabba li jkunu kisru l-wegħda li għamlu qabel. 13 Fl-istess ħin, huma jibdew jitgħażżnu u jmorru minn dar għal oħra. Iva, mhux biss jitgħażżnu, imma wkoll jibdew jgħidu fuq in-nies* u jindaħlu fejn ma jesagħhomx, u b’hekk jitkellmu fuq affarijiet li m’għandhomx dritt jitkellmu fuqhom. 14 Għalhekk, nixtieq li r-romol iżgħar jiżżewġu, ikollhom it-tfal, u jieħdu ħsieb familja. B’hekk ma jagħtux opportunità lil min jiħodha kontrihom biex jikkritikahom. 15 Fil-fatt, xi wħud diġà telqu l-verità u marru wara Satana. 16 Jekk mara li temmen għandha romol fil-familja tagħha, ħa tgħinhom hi ħalli ma jkunux taʼ piż fuq il-kongregazzjoni. Imbagħad il-kongregazzjoni tkun tistaʼ tgħin lil dawk li huma verament romol.*

17 L-anzjani* li jmexxu bl-aħjar mod jistħoqqilhom li jiġu rrispettati ħafna, speċjalment dawk li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu dwar il-kelma t’Alla. 18 Għax l-iskrittura tgħid: “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.”* Tgħid ukoll: “Il-ħaddiem ħaqqu l-ħlas tiegħu.” 19 Tismax akkuża kontra anzjan tal-kongregazzjoni, sakemm ma jkunx hemm evidenza taʼ żewġ xhieda jew tlieta. 20 Ikkoreġi* quddiem kulħadd lil dawk li jagħmlu d-dnub, bħala twissija għall-kumplament.* 21 Nikkmandak quddiem Alla, Kristu Ġesù, u l-anġli magħżulin biex tobdi dawn l-istruzzjonijiet mingħajr preġudizzju jew preferenza.

22 Qatt tgħaġġel biex tqiegħed idejk fuq xi raġel;* tiħux sehem fid-dnubiet t’oħrajn; żomm ruħek moralment nadif.

23 Tkomplix tixrob ilma,* imma ħu ftit inbid għall-istonku tiegħek u għax timrad taʼ spiss.

24 Id-dnubiet taʼ xi nies isir jaf bihom kulħadd, u b’hekk huma jirċievu l-ġudizzju mill-ewwel, imma t’oħrajn jinkixfu iktar tard. 25 Bl-istess mod, l-affarijiet tajbin isir jaf bihom kulħadd u l-affarijiet tajbin li ma jinkixfux ma jistgħux jinżammu moħbija.

6 Dawk li huma lsiera, ħa jirrispettaw lis-sidien tagħhom b’qalbhom kollha, ħalli b’hekk in-nies qatt ma jmaqdru l-isem t’Alla u t-tagħlim tiegħu. 2 Iktar minn hekk, l-ilsiera li għandhom sidien li jemmnu m’għandhomx juruhom diżrispett, għax huma aħwa. Minflok, għandhom jaħdmu iktar iebes, għax dawk li qed jibbenefikaw mis-servizz tajjeb tagħhom huma wħud li jemmnu u aħwa għeżież.

Kompli għallimhom dawn l-affarijiet u ħeġġiġhom biex jagħmluhom. 3 Jekk xi ħadd jgħallem tagħlim ieħor u hu ma jaqbilx mal-istruzzjoni li hi taʼ benefiċċju,* li ġejja mill-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u lanqas jaqbel mat-tagħlim li hu fi qbil maʼ li wieħed ikun leali lejn Alla, 4 hu mkabbar u ma jifhem xejn. Hu jkun moħħu biex jargumenta u jaqlaʼ kwistjonijiet dwar il-kliem. Dawn l-affarijiet iġibu l-għira, il-ġlied, il-malafama,* u suspetti ħżiena.* 5 Dawn l-affarijiet iġiegħlu lill-irġiel li l-ħsieb tagħhom hu ħażin għalkollox u li telqu l-verità biex dejjem jaqilgħu kwistjoni fuq affarijiet żgħar. Huma jridu jkunu leali lejn Alla biss biex jakkwistaw xi ħaġa. 6 Ovvjament, li wieħed ikun leali lejn Alla u kuntent b’dak li għandu jikseb ħafna benefiċċji. 7 Għax ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u xejn mhu se nieħdu magħna meta mmutu. 8 Għalhekk, jekk ikollna x’nieklu u x’nilbsu,* se nkunu kuntenti.

9 Imma dawk li huma determinati li jsiru sinjuri jaqgħu f’tentazzjoni u nassa u jċedu għal ħafna xewqat bla sens li jagħmlu l-ħsara u li jwasslu għall-qerda u r-rovina. 10 Għax l-imħabba għall-flus iġġib kull tip taʼ ħsara u minħabba fiha xi wħud telqu l-fidi u ġabu ħafna tbatijiet fuqhom infushom.*

11 Imma int, qaddej t’Alla, aħrab minn dawn l-affarijiet u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb, tkun leali lejn Alla, ikollok il-fidi, ikollok l-imħabba, tissaporti, u turi l-ħlewwa. 12 Iġġieled il-ġlieda t-tajba biex tiddefendi t-tagħlim t’Alla;* żomm sod mal-ħajja taʼ dejjem li Alla għażlek għaliha u li int xandart dwarha bl-aħjar mod lil ħafna nies.

13 Jien nikkmandak quddiem Alla, li jżomm kollox ħaj, u Kristu Ġesù, li ta xhieda tajba quddiem Ponzju Pilatu, 14 biex tobdi l-kmandament u tibqaʼ bla tebgħa u ma ġġibx tmaqdir sakemm juri li reġaʼ ġie lura l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, 15 li hu ferħan u li hu l-Mexxej li se juri l-qawwa tiegħu. Hu r-Re tar-rejiet u s-Sid tas-sidien, 16 l-uniku wieħed li ma jistax imut, li jgħix f’dawl li ma tistax tersaq lejh u li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara. Jalla jiġi onorat u jalla l-qawwa tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Ammen.

17 Ikkmanda* lil dawk li huma sinjuri f’din id-dinja* biex ma jkunux arroganti u biex ma jittamawx fil-ġid li jistaʼ jispiċċa f’daqqa imma f’Alla, li jagħtina b’abbundanza dak kollu li ngawdu. 18 Għidilhom biex jagħmlu l-ġid, jagħmlu ħafna affarijiet tajbin, ikunu ġenerużi, u lesti li jaqsmu m’oħrajn. 19 Billi jagħmlu dan ikun qishom qed jiġbru l-ġid mingħand Alla. Dan ifisser li jkunu qed jagħmlu pedament sod għall-futur, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.

20 Timotju, ipproteġi dak li ġie fdat lilek billi titbiegħed mid-diskors vojt li jiddiżonora lil Alla u minn ideat taʼ nies li jaħsbu li għandhom l-għarfien, imma li dan imur kontra dak li hu veru. 21 Billi aċċettaw dan l-għarfien, xi wħud tbiegħdu mill-fidi.

Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.

Ifisser “Wieħed li Jonora lil Alla.”

Jew “dan il-kmand.”

Jew “jagħmlu d-dnub.”

Jew “m’għandhomx imħabba u lealtà.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “l-irġiel li jagħmlu sess maʼ rġiel oħra.”

Jiġifieri kidnappers.

Jew “mimli saħħa.”

Jew “dan il-kmand.”

Jiġifieri huma ġew imkeċċijin mill-kongregazzjoni.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”

Jew “l-awtorità.”

Jew “bis-serjetà kollha.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fidwa ekwivalenti għal kull tip taʼ nies.”

Jew “l-irġiel li jerfgħu l-idejn leali tagħhom.”

Jew “li juri rispett.”

Jew “b’moħħ f’loku.”

Jew “mingħajr ma titkellem.”

Jew “b’sottomissjoni sħiħa.”

Jew “kalma; siekta.”

Jew “moħħ f’loku.”

Jew “indokratur.”

Jew “moħħu f’loku.”

Jew “ma jsawwatx.”

Jew “jieħu ħsieb.”

Jew “jieħu ħsieb.”

Jew “xhieda.”

Jew “ma jilagħbux bid-diskors.”

Fidi hawnhekk tidher li tirreferi għat-tagħlim Kristjan kollu.

Jew “jekk jikkwalifikawx għal.”

Letteralment “jisimgħu spirti qarrieqa.”

Jew “il-kmandi.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Aħseb dwar.”

Letteralment “Onora.”

Jew “lir-romol li veru għandhom bżonn,” jiġifieri li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom.

Jew “titolbu bil-ħniena.”

Jistaʼ jkun qed jirreferi għal xewqat sesswali.

Jew “il-kmandi.”

Milli jidher qed jirreferi għar-romol u l-familji tagħhom.

Jiġifieri gossip.

Jew “lir-romol li veru għandhom bżonn,” jiġifieri li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dris; Qiegħa tad-dris.”

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.

Jew “Widdeb.”

Letteralment “ħalli l-kumplament jibżgħu.”

Jiġifieri tinkarigax lil xi raġel bl-għaġla.

Jew “Tibqax tixrob biss ilma.”

Jew “mal-kliem mimli saħħa.”

Jew “it-tgħajjir.”

Jew “nuqqas taʼ fiduċja.”

Jew forsi “fejn nistkennu.” Letteralment “biex nitgħattew.”

Jew “ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.”

Letteralment “il-fidi.”

Jew “Għallem.”

Jew “f’din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja