IT-TIENI ITTRA LIL TIMOTJU
1 Jien Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla biex inxandar il-wegħda tal-ħajja li hi possibbli permezz ta’ Kristu Ġesù, 2 qed nibgħat din l-ittra lilek Timotju, ibni l-għażiż:
Jalla Alla Missierna u Kristu Ġesù l-Mulej tagħna juruk qalb tajba kbira, ħniena, u jgħinuk ikollok il-paċi.
3 Jien grat lejn Alla, li lilu naqdi b’kuxjenza nadifa bħalma għamlu missirijieti. Jien dejjem niftakar fik meta nitlob lil Alla bil-ħniena* lejl u nhar. 4 Meta niftakar fid-dmugħ tiegħek, inkun nixtieq ħafna narak. U jekk narak tgħidx kemm inkun ferħan. 5 Infatti niftakar fil-fidi sinċiera* tiegħek, li l-ewwel kellhom nanntek Lojs u ommok Ewniċe. Jien ċert li għad għandek din il-fidi.
6 Għalhekk, infakkrek biex tibqaʼ tuża b’żelu r-rigal mingħand Alla li rċivejt meta qegħedt idejja fuqek. 7 Għax l-ispirtu qaddis li Alla tana ma jagħmilniex beżgħanin, imma jagħtina l-qawwa, l-imħabba, u l-għaqal.* 8 Għalhekk tistħix, la minħabba li tipprietka dwar il-Mulej tagħna u lanqas minħabba fija, li jien priġunier minħabba fih, imma aċċetta li tbati għall-aħbar tajba billi tistrieħ fuq il-qawwa t’Alla. 9 Hu salvana u għażilna biex inkunu qaddisin, mhux minħabba dak li għamilna, imma minħabba l-iskop u l-qalb tajba kbira tiegħu. Ħafna żmien ilu, Alla ddeċieda li jurina din il-qalb tajba permezz taʼ Kristu Ġesù. 10 Issa ntweriet b’mod ċar meta deher Dak li Jsalvana, Kristu Ġesù, li ġab fix-xejn il-mewt u wriena permezz tal-aħbar tajba kif ikollna l-ħajja u ġisem li ma jispiċċax. 11 Għal dan jien ġejt inkarigat biex nipprietka bħala appostlu u għalliem tal-aħbar tajba.
12 Hu għalhekk li qed inbati, imma ma nistħix, għax naf il-Wieħed li emmint fih, u ċert li hu se jipproteġi kwalunkwe ħaġa li jien fdajtlu biex jieħu ħsiebha sa jum il-ġudizzju. 13 Kompli ħu bħala eżempju l-kliem taʼ benefiċċju* li smajt mingħandi u kompli uri fidi u mħabba bħala dixxiplu taʼ Kristu Ġesù. 14 It-teżor li ġejt fdat bih ipproteġih permezz tal-ispirtu qaddis li qiegħed fina.
15 Bħalma taf, dawk kollha fil-provinċja tal-Asja telquni, inkluż Figelu u Ermoġene. 16 Jalla l-Mulej juri ħniena maʼ dawk tad-dar t’Onesiforu, għax hu spiss kien jinkuraġġini, u ma staħax minħabba l-ktajjen tiegħi. 17 Għall-kuntrarju, meta kien Ruma, hu fittixni sew sakemm sabni. 18 Jalla l-Mulej Ġeħova* jurih ħniena f’jum il-ġudizzju. Int taf sew dak kollu li għamel miegħi f’Efesu.
2 Għalhekk ibni, kompli saħħaħ lilek innifsek permezz tal-qalb tajba kbira li juri Kristu Ġesù. 2 L-affarijiet li smajt mingħandi u li ħafna kienu xhieda tagħhom għaddihom lill-irġiel li taʼ min jafdahom, u huma min-naħa tagħhom ikunu kkwalifikati biżżejjed biex jgħallmuhom lil oħrajn. 3 Bħala suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù, kun lest li tbati. 4 Min isir suldat ma jinvolvix ruħu f’xogħol ieħor biex imantni lilu nnifsu,* għax hu jrid jogħġob lil dak li daħħlu bħala suldat. 5 U anki fil-logħob, min jikkompeti ma jiġix ippremjat* jekk ma jimxix mar-regoli. 6 Il-bidwi li jaħdem iebes għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-prodott tal-għalqa. 7 Dejjem aħseb dwar dan li qed ngħidlek, u l-Mulej se jgħinek tifhem dawn l-affarijiet kollha.
8 Ftakar li Ġesù Kristu kien imqajjem mill-mewt u kien id-dixxendent* taʼ David, skont l-aħbar tajba li nipprietka, 9 li għaliha qed inbati u qiegħed il-ħabs bħala kriminal. Minkejja dan, ħadd ma jistaʼ jżomm it-tagħlim t’Alla. 10 Allura, nibqaʼ nissaporti kollox minħabba dawk li ġew magħżulin minn Alla, ħalli huma wkoll isalvaw permezz taʼ Kristu Ġesù u jkollhom barkiet* għal dejjem. 11 Dan li se ngħid taʼ min jafdah: Jekk mitna flimkien, żgur li se ngħixu flimkien ukoll; 12 jekk nibqgħu nissaportu, aħna se mmexxu miegħu bħala rejiet ukoll; jekk ngħidu li ma nafuhx, hu wkoll se jgħid li ma jafniex; 13 jekk aħna ma nkunux leali, hu jibqaʼ leali, għax ma jistax ikun xi ħaġa li mhuwiex.
14 Ibqaʼ fakkarhom dawn l-affarijiet, għallimhom* quddiem Alla biex ma jiġġildux dwar il-kliem, għax dan ħlief ħsara lil dawk li jisimgħuh ma jagħmilx. 15 Agħmel l-aħjar li tistaʼ ħalli Alla jkun ferħan bik, u tkun ħaddiem li ma jistħix mix-xogħol li jagħmel, billi tgħallem u tispjega l-kelma tal-verità sew. 16 Imma rrifjuta paroli fil-vojt li jiddiżonora lil Alla, għax dan se jbiegħed lin-nies minn Alla 17 u jinfirex bħal marda serja.* Imeni u Filetu huma fost dawn in-nies. 18 Dawn l-irġiel telqu mill-verità u qed jgħidu li l-irxoxt diġà sar, u qed jeqirdu l-fidi taʼ xi wħud. 19 Minkejja dan, il-pedament sod t’Alla mhux se jċedi, u fuqu hemm dan il-kliem: “Ġeħova* jaf lil dawk li huma tiegħu,” u, “Dawk kollha li jafdaw f’isem Ġeħova,* għandhom iwarrbu l-affarijiet ħżiena.”
20 F’dar kbira ma jkunx hemm biss affarijiet tad-deheb u l-fidda, imma jkun hemm ukoll affarijiet tal-injam u l-fuħħar. Hemm minnhom għal skop onorabbli,* imma oħrajn għal skop mhux onorabbli.* 21 Għalhekk, kull min iżomm ’il bogħod minn dawn in-nies li mhumiex onorabbli, se jkun bħal xi ħaġa* li tintuża b’mod onorabbli, qaddis, utli għal sidu, u ppreparat għal kull xogħol tajjeb. 22 Għalhekk, ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb, ikollok il-fidi, l-imħabba, u l-paċi. Agħmel dan flimkien m’oħrajn li jafdaw fil-Mulej għax għandhom qalbhom sinċiera.
23 Iktar minn hekk, irrifjuta li tidħol f’argumenti bla sens u stupidi, għax taf li jaqilgħu l-ġlied. 24 Għax ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu juża t-tattika* maʼ kulħadd, ikun jaf jgħallem, jikkontrolla lilu nnifsu meta xi ħadd jittrattah ħażin, 25 u jgħallem bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux maʼ dak li jgħid. Forsi Alla jħallihom jindmu* ħalli jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità, 26 u jiġu f’sensihom u jaħarbu min-nassa tax-Xitan, peress li jkunu nqabdu fiha biex jagħmlu dak li jrid hu.
3 Imma kun af li fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni se tkun diffiċli u perikoluża. 2 Għax in-nies se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, iħobbu jiftaħru, arroganti, jgħidu kontra Alla u n-nies, ma jobdux il-ġenituri, ingrati, mhux leali, 3 m’għandhomx imħabba naturali, mhux lesti li jiftiehmu, jimmalafamaw, mingħajr kontroll, kattivi, jobogħdu dak li hu tajjeb, 4 tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, 5 u taparsi jaqdu lil Alla imma ma jagħmlux dak li jixtieq. Nies bħal dawn aħrabhom. 6 Minn dawn se jkun hemm uħud li bil-moħbi se jidħlu fil-familji u se jqarrqu bin-nisa dgħajfa li jkunu qed jagħmlu ħafna dnubiet. Dawn in-nisa huma lsiera tax-xewqat tagħhom. 7 Għalkemm dejjem jitgħallmu, qatt ma jkunu jistgħu jifhmu l-verità għalkollox.
8 Bħalma Ġanne u Ġambre ħaduha kontra Mosè, dawn l-uħud ukoll ħaduha kontra l-verità. Il-ħsieb tagħhom hu ħażin għalkollox u Alla ma jaċċettahomx, għax mhux jgħixu skont il-fidi. 9 Però, mhuma se jaslu mkien, għax il-bluha tagħhom se tkun ovvja bħalma kienet ovvja taʼ dawk iż-żewġt irġiel. 10 Imma int qgħadt attent għal dak li jien għallimt, għall-kondotta tiegħi, l-iskop tiegħi, il-fidi tiegħi, il-paċenzja tiegħi, l-imħabba tiegħi, u kemm issaportejt. 11 Int taf bit-tbatijiet li għaddejt minnhom f’Antjokja, f’Ikonju, u f’Listra. Imma l-Mulej salvani minn dawn il-persekuzzjonijiet kollha. 12 Fil-fatt, dawk kollha li jixtiequ jkunu leali lejn Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jkunu ppersegwitati wkoll. 13 Imma n-nies mill-agħar u l-qarriqin se jmorru mill-ħażin għall-agħar, billi jqarrqu u jiġu mqarrqin.
14 Imma int ibqaʼ agħmel dak li tgħallimt u dak li kkonvinċejt ruħek dwaru, għax taf mingħand min tgħallimtu 15 u ilek taf il-kotba qaddisa* mindu kont għadek tarbija. Bihom jistaʼ jkollok l-għerf biex issalva permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. 16 Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla.* Dan jgħin biex jgħallem in-nies, biex jurihom x’qed jagħmlu ħażin,* biex jikkoreġihom, u biex jgħallimhom jagħmlu dak li hu sew. 17 B’hekk, il-qaddej t’Alla jkun kapaċi għalkollox u ppreparat sew biex jagħmel kulma hu tajjeb.
4 Jien nikkmandak dan quddiem Alla u Kristu Ġesù, li se jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin meta jidher u jmexxi bħala r-Re tas-Saltna tiegħu: 2 Ipprietka l-kelma t’Alla; agħmel dan b’urġenza fi żminijiet tajbin u fi żminijiet diffiċli; ikkoreġi, widdeb, u agħti l-pariri. Agħmel dawn l-affarijiet b’ħafna paċenzja u billi tgħallem sew.* 3 Għax se jkun hemm żmien fejn in-nies ma jkunux iridu jisimgħu t-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.* Fi qbil max-xewqat tagħhom stess, huma jfittxu għalliema li jgħidulhom dak li jkunu jixtiequ jisimgħu.* 4 Huma ma jkunux iridu jibqgħu jisimgħu l-verità, imma minflok ikunu jridu jisimgħu stejjer foloz. 5 Imma int ibqaʼ f’sensik f’kollox, issaporti t-tbatija, kompli pprietka l-aħbar tajba,* u aqdi lil Alla sew.
6 Għax jien qisni offerta tax-xorb li qed tiġi mferrgħa, u dalwaqt wasal iż-żmien biex immut. 7 Jien iġġilidt il-ġlieda t-tajba, ġrejt it-tellieqa sal-aħħar, u żammejt il-fidi soda. 8 Minn issa ’l quddiem hemm lest għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li l-Mulej, l-imħallef ġust, se jagħtihieli bħala premju f’jum il-ġudizzju. Din mhux se jagħtiha lili biss, imma se jagħtiha wkoll lil dawk kollha li jixxennqu għaż-żmien meta hu juri lilu nnifsu.
9 Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tiġi ħdejja malajr. 10 Għax Dema telaqni peress li ħabb din id-dinja,* u hu mar Tessalonika, Kreske mar il-Galazja, u Titu mar id-Dalmazja. 11 Luqa biss qiegħed miegħi. Ġib miegħek lil Marku, għax hu se jgħinni ħafna biex nagħmel ix-xogħol qaddis. 12 Lil Tikiku bgħattu Efesu. 13 Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li ħallejt Troas għand Karpu, u l-iskrolli, speċjalment il-parċmini.*
14 Alessandru li jaħdem ir-ram għamilli ħafna ħsara. Ġeħova* se jagħtih dak li ħaqqu. 15 Anki int oqgħod attent minnu, għax hu jiħodha kontra l-messaġġ tagħna b’mod estrem.
16 L-ewwel darba li ddefendejt ruħi quddiem l-awtoritajiet, ħadd ma ġie ħdejja biex jappoġġani, imma kollha telquni. Jalla Alla ma jitlobhomx kont taʼ dan. 17 Imma l-Mulej ma telaqnix, anzi tani l-qawwa biex nipprietka l-aħbar tajba sew, ħalli b’hekk inkun nistaʼ nilħaq lin-nies tal-popli kollha. Hu salvani minn ħalq l-iljun. 18 Il-Mulej se jeħlisni minn kull ħażen u se jsalvani billi jdaħħalni fis-Saltna tiegħu tas-sema. Jalla jingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
19 Sellili għal Priska u għal Akwila u għal dawk tad-dar t’Onesiforu.
20 Erastu baqaʼ Korintu, imma Trofimu, peress li marad, ħallejtu Miletu. 21 Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tasal qabel ix-xitwa.
Ewbolu jselli għalik, u anki Pudens, Linu, Klawdja, u l-aħwa kollha.
22 Jalla l-Mulej ibierek l-attitudni* tiegħek. Jalla jurikom qalb tajba kbira.
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
Jew “mingħajr ebda ipokrisija.”
Jew “moħħ f’loku.”
Jew “mimli saħħa.”
Ara App. A5.
Jew forsi “fl-affarijiet taʼ kuljum.”
Jew “ma jiħux kuruna.”
Jew “min-nisel.”
Letteralment “glorja.”
Jew “avżahom.”
Letteralment “kankrena.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Dan jinkludi affarijiet biex tiekol, tixrob, u ssajjar fihom.
Dan jinkludi affarijiet li tarmi fihom.
Jew “reċipjent.”
Jew “juri l-ħlewwa.”
Jew “ibiddlu fehmithom.”
Jiġifieri l-Bibbja.
Jew “hu ispirat minn Alla.”
Jew “iwiddibhom.”
Jew “bl-arti tat-tagħlim.”
Jew “mimli saħħa.”
Jew “li jgħarrxulhom widnejhom.”
Jew “agħmel ix-xogħol t’evanġelizzatur.”
Jew “din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġfieri l-iskrolli tal-ġilda.
Ara App. A5.
Letteralment “l-ispirtu.”