LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Titu 1:1-3:15
  • Titu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Titu
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Titu

ITTRA LIL TITU

1 Jien Pawlu, ilsir t’Alla u appostlu taʼ Ġesù Kristu skont il-fidi tal-magħżulin t’Alla u l-għarfien eżatt tal-verità. Din il-verità turi kif inkunu leali lejn Alla 2 u hi bbażata fuq it-tama tal-ħajja taʼ dejjem, li Alla, li ma jistax jigdeb, wegħedna żmien twil ilu. 3 Imma fiż-żmien li għażel, Alla għamel il-kelma tiegħu magħrufa permezz tal-ippritkar li ġie fdat lili skont il-kmand tiegħu, Dak li Jsalvana. 4 Jien qed nibgħat din l-ittra lilek Titu, qaddej sieħbi fil-fidi u li nqisek bħala t-tifel tiegħi:

Jalla Alla l-Missier u Kristu Ġesù, Dak li Jsalvana, juruk qalb tajba kbira u jgħinuk ikollok il-paċi.

5 Jien ħallejtek fi Kreta biex tirranġa dak li hemm bżonn* u tinkariga anzjani* f’belt wara oħra, bħalma qabbadtek tagħmel. 6 Min jiġi inkarigat m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat, ikun miżżewweġ mara waħda, u t-tfal tiegħu jkunu jemmnu u ma jkunux akkużati li huma sfrattati jew ribellużi. 7 Għax bħala qaddej fdat* t’Alla, anzjan m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat, ma jkunx rasu iebsa, ma jitilgħulux malajr, ma jiskirx, ma jkunx vjolenti,* u ma jkunx rgħib biex jakkwista affarijiet b’mod diżonest, 8 imma għandu jkun ospitabbli, iħobb it-tajjeb, juża l-għaqal,* ġust, leali, jikkontrolla lilu nnifsu, 9 u l-mod taʼ kif jgħallem għandu jkun fi qbil mal-messaġġ li taʼ min jafdah, ħalli jkun jistaʼ jinkuraġġixxi bit-tagħlim li hu taʼ benefiċċju* u jikkoreġi lil dawk li jiħduha kontra t-tagħlim.

10 Għax hemm ħafna ribellużi, ilabalbu fil-vojt, u jqarrqu, speċjalment dawk li jinsistu li għandha ssir iċ-ċirkonċiżjoni. 11 Lil dawn hemm bżonn li tagħlqilhom ħalqhom, għax qed jeqirdu l-fidi taʼ familji sħaħ billi jgħallmu affarijiet ħżiena biex jagħmlu qligħ diżonest. 12 Wieħed minnhom, profeta tagħhom stess, qal: “In-nies taʼ Kreta dejjem jigdbu, huma bħal annimali slavaġ u perikolużi, u huma għażżenin u żaqqiqin.”*

13 Dan li ntqal hu veru. Minħabba f’hekk, kompli kkoreġihom* bl-aħrax, ħalli l-fidi tagħhom tissoda 14 u ma jagħtux kas il-ħrejjef Lhud u l-kmandi taʼ nies li tbiegħdu mill-verità. 15 Kollox hu nadif għal dawk li Alla jqishom nodfa. Imma għal dawk li Alla ma jqishomx nodfa u li m’għandhomx fidi, xejn mhu nadif, għax moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mniġġsin. 16 Huma jgħidu quddiem kulħadd li jafu lil Alla, imma b’dak li jagħmlu juru li ma jaċċettawhx, għax huma nies taʼ min jitqażżiżhom, ma jobdux, u mhumiex approvati biex jagħmlu xi ħaġa tajba.

2 Imma int kompli għallem skont it-tagħlim li hu taʼ benefiċċju.* 2 L-irġiel kbar fl-età għandhom ikunu moderati f’kollox, serji, jużaw l-għaqal,* ikollhom fidi soda, ħafna mħabba, u jissaportu d-diffikultajiet. 3 Bl-istess mod, in-nisa kbar fl-età għandhom iġibu ruħhom b’mod li jonora lil Alla, ma jimmalafamawx, ma jkunux ilsiera taʼ ħafna nbid, u jgħallmu dak li hu tajjeb, 4 ħalli b’hekk ikunu jistgħu jagħtu pariri* lin-nisa iżgħar biex iħobbu lir-raġel tagħhom, iħobbu lit-tfal tagħhom, 5 jużaw l-għaqal,* ikunu nodfa moralment, jieħdu ħsieb id-dar, ikunu tajbin, u jkunu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom, ħalli ma jkunx hemm tmaqdir fuq il-kelma t’Alla.

6 Bl-istess mod, kompli ħeġġeġ lill-irġiel iżgħar biex jużaw l-għaqal,* 7 u kun t’eżempju fl-affarijiet tajbin kollha li tagħmel. Għallem dak li hu veru* bil-ħeġġa, 8 billi tuża kliem taʼ benefiċċju li ma jistax jiġi kkritikat, ħalli b’hekk dawk li jiħduha kontrina jkollhom jistħu għax ma jkollhom xejn ħażin* x’jgħidu dwarna. 9 L-ilsiera għandhom ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom f’kollox, jipprovaw jogħġbuhom, ma jmeruhomx, 10 u ma jisirquhomx, imma juru li huma taʼ min jafdahom, ħalli b’kull mod juru kemm hu sabiħ it-tagħlim tal-Alla tagħna, Dak li Jsalvana.

11 Alla wera qalb tajba kbira* u biha se jiġu salvati kull tip taʼ nies. 12 Din tgħallimna biex inwarrbu dak kollu li jmur kontra dak li jrid Alla u x-xewqat tad-dinja, u biex ngħixu b’mod li nużaw l-għaqal,* li nkunu ġusti, u leali lejn Alla f’din id-dinja.* 13 Dan nagħmluh waqt li nistennew it-tama mill-isbaħ u naraw il-qawwa tal-Alla l-kbir tagħna u ta’ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana. 14 Kristu ta ħajtu għalina, u b’hekk ħelisna* minn kull tip taʼ ħażen u naddafna biex inkunu l-poplu speċjali tiegħu, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu affarijiet tajbin b’qalbna kollha.

15 Kompli għallem dawn l-affarijiet, inkuraġġixxi, u kkoreġi* bl-awtorità li ngħatatlek. Tħalli lil ħadd imaqdrek.

3 Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u jobdu l-gvernijiet u l-awtoritajiet, biex ikunu lesti jagħmlu kull ħaġa tajba, 2 biex ma jitkellmu ħażin fuq ħadd, u ma jiġġildux, imma jkunu raġunevoli u dejjem juru ħlewwa maʼ kulħadd. 3 Għax xi darba anki aħna konna boloh, ma nobdux lil Alla, niġu mqarrqin, ilsiera taʼ ħafna xewqat u pjaċiri, nies ħżiena, ngħiru, taʼ min jitqażżiżna, u nobogħdu lil xulxin.

4 Imma Alla, Dak li Jsalvana, wera qalb tajba u mħabba man-nies. 5 Hu salvana għax kien ħanin, u mhux għax għamilna xi ħaġa ġusta. Hu salvana meta tana l-ħajja billi naddafna u meta għamilna poplu ġdid permezz tal-ispirtu qaddis. 6 Hu tana* dan l-ispirtu b’abbundanza* permezz taʼ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana, 7 ħalli permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu, inkunu nistgħu niġu ddikjarati ġusti u b’hekk nirtu l-ħajja taʼ dejjem li nittamaw għaliha.

8 Dan il-kliem hu taʼ min jafdah u jien irridek tkompli tenfasizza dawn l-affarijiet, ħalli dawk li emmnu f’Alla jżommu moħħhom iffokat fuq li jagħmlu xogħol mill-aħjar. Dan hu tajjeb u taʼ benefiċċju għan-nies.

9 Imma evita argumenti bla sens, riċerki dwar l-antenati, kwistjonijiet, u ġlied dwar il-Liġi, għax dawn ma jagħmlux ġid u ma jiswew għal xejn. 10 Warrab lil min iġib firda b’tagħlim falz* wara li tkun wissejtu* għal darba darbtejn, 11 għax taf li bniedem bħal dan tbiegħed mit-triq it-tajba, qed jidneb, u kkundanna lilu nnifsu b’dak li għamel.

12 Meta nibgħatlek lil Artema jew lil Tikiku, agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tiġi ħdejja f’Nikopoli, għax iddeċidejt li nqattaʼ x-xitwa hemm. 13 Agħti lil Żenas, li jaf sew il-Liġi, u lil Apollo dak li għandhom bżonn għall-vjaġġ tagħhom, ħalli ma jkun jonqoshom xejn. 14 Imma l-aħwa wkoll għandhom jitgħallmu jkomplu jagħmlu affarijiet tajbin, ħalli jkunu jistgħu jgħinu meta jkun hemm bżonn urġenti, u b’hekk ikollhom riżultati tajbin.

15 L-aħwa kollha li qegħdin miegħi jsellu għalik. Sellili għal dawk li jħobbuna u li huma ħutna fil-fidi.

Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.

Jew “tikkoreġi l-affarijiet difettużi.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “prokuratur.”

Jew “ma jsawwatx.”

Jew “moħħu f’loku.”

Jew “mimli saħħa.”

Jew “u għandhom il-vizzju li jieklu żżejjed.”

Jew “widdibhom.”

Jew “mimli saħħa.”

Jew “moħħhom f’loku.”

Jew “iġibu f’sensihom; jittrennjaw.”

Jew “ikollhom moħħ f’loku.”

Jew “ikollhom moħħ f’loku.”

Jew forsi “Għallem bl-onestà u.”

Jew “vili.”

Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “b’moħħ f’loku.”

Jew “f’din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “fdiena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”

Jew “widdeb.”

Letteralment “ferraʼ.”

Jew “b’mod ġeneruż.”

Jew “jippromwovi setta.”

Jew “widdibtu.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja