LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Ebrej 1:1-13:25
  • Lhud

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lhud
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Lhud

ITTRA LIL-LHUD

1 Żmien twil ilu, Alla kellem lil missirijietna permezz tal-profeti f’ħafna okkażjonijiet u b’ħafna modi. 2 F’dan iż-żmien,* hu tkellem magħna permezz taʼ Ibnu, li għażlu biex ikun werriet taʼ kollox, u li permezz tiegħu għamel iż-żminijiet.* 3 Hu juri l-glorja t’Alla u għandu l-istess personalità, u hu jżomm kollox jeżisti permezz tal-qawwa tal-kelma t’Alla. Wara li naddafna minn dnubietna, hu poġġa fuq il-lemin tal-Alla l-Kbir fis-sema. 4 Għalhekk, sar aħjar mill-anġli sal-punt li ngħata iktar awtorità minnhom.*

5 Pereżempju, Alla lil liema anġlu qatt qal: “Int ibni; illum jien sirt missierek”? U: “Jien insir missieru, u hu jsir ibni”? 6 Imma meta Alla jerġaʼ jibgħat lill-Ewwel Imwieled tiegħu fid-dinja, hu jgħid: “U l-anġli kollha tiegħi għandhom imilu quddiemu.”

7 Ukoll, dwar l-anġli jgħid: “Hu jagħmel lill-anġli tiegħu b’saħħithom,* u l-qaddejja kollha tiegħu bħal fjamma nar.” 8 Imma dwar l-Iben, jgħid: “Alla jagħtik awtorità bħala re* għal dejjem, u int għandek xettru taʼ re u se tmexxi bil-ġustizzja. 9 Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen. Għalhekk, Alla inkarigak* u għamlek iktar ferħan minn sħabek ir-rejiet l-oħra.” 10 U: “Mulej, fil-bidu int għamilt il-pedament tal-art, u għamilt is-sema. 11 Huma se jispiċċaw, imma int se tibqaʼ teżisti; dawn se jitmermru bħall-ħwejjeġ, 12 u int tkebbibhom bħal meta xi ħadd ibiddel il-ħwejjeġ. Imma int tibqaʼ l-istess, u s-snin tiegħek ma jispiċċawx.”

13 Imma dwar liema anġlu qatt qal: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi, sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk”? 14 Mhumiex kollha spirti għal servizz qaddis li ntbagħtu biex jaqdu lil dawk li se jiġu salvati?

2 Hu għalhekk li għandna bżonn noqogħdu attenti iktar mis-soltu għal dak li smajna, biex ma nitbegħdux mill-fidi. 2 Għax jekk dak li ntqal lil missirijietna permezz tal-anġli ntwera li kien veru, u kull min jagħmel dnub u jkun diżubbidjenti jiġi kkastigat fi qbil mal-ġustizzja, 3 kif se naħarbu l-kastig jekk ma tajniex kas il-messaġġ dwar dak li għamel Alla biex isalvana? Il-Mulej tagħna beda jxandar dwar dan, u dawk li semgħuh qalulna dwaru. 4 U Alla kkonferma x-xhieda tagħhom billi għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb, u billi qassam l-ispirtu qaddis skont kif ried hu.

5 Alla ma qabbadx lill-anġli biex imexxu fuq id-dinja li ġejja, dik li qed nitkellmu dwarha. 6 Darba kien hemm xhud li qal: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, jew bin il-bniedem biex tieħu ħsiebu? 7 Int għamiltu ftit inqas mill-anġli; żejjintu bil-glorja u l-unur, u tajtu l-awtorità fuq dak li ħlaqt. 8 Int poġġejt kollox taħt il-kontroll tiegħu.”* Għax meta Alla ħallieh imexxi fuq kollox, ma kien hemm xejn li ma tahx kontroll fuqu. Però, għadna mhux qed naraw lil Ġesù jmexxi fuq kollox. 9 Imma lil Ġesù, li kien intgħamel ftit inqas mill-anġli, qed narawh imżejjen bil-glorja u l-unur talli miet. Permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla, hu esperjenza l-mewt għal kulħadd.

10 Kollox jeżisti għal Alla u permezz tiegħu. Għalhekk biex jigglorifika lit-tfal tiegħu,* kien xieraq li Alla jħalli lill-Mexxej Magħżul* ibati biex ikun ikkwalifikat biex isalvahom. 11 Ġesù u dawk li hu qaddes għandhom l-istess missier, u għalhekk ma jistħix jgħid li huma ħutu. 12 Fil-fatt hu jgħid: “Se nxandar ismek lil ħuti; se nfaħħrek bil-kant f’nofs il-kongregazzjoni.” 13 Jgħid ukoll: “Jien nafda fih.” U: “Hawn jien mat-tfal żgħar li Ġeħova* tani.”

14 Għalhekk, peress li “t-tfal” huma tad-demm u l-laħam, hu wkoll sar tad-demm u l-laħam, ħalli permezz tal-mewt tiegħu jġib fix-xejn lil dak li jġib il-mewt, jiġifieri lix-Xitan. 15 Ukoll, hu jeħles lil dawk kollha li għexu bħala lsiera għax jibżgħu mill-mewt. 16 Għax fil-fatt, hu mhux qed jgħin lill-anġli, imma lid-dixxendenti t’Abraham.* 17 Għalhekk, hu kellu jsir bħal ħutu f’kollox, ħalli jkun jistaʼ jsir il-qassis il-kbir li jagħmel ix-xogħol t’Alla bil-ħniena u b’mod leali. B’hekk, ikun jistaʼ joffri sagrifiċċju biex jeħles lin-nies mid-dnub u jgħinhom ikollhom ħbiberija m’Alla.* 18 Peress li hu stess bata meta kien qed jiġi ttestjat, hu jistaʼ jgħin lil dawk li jkunu qed jiġu ttestjati.

3 Għalhekk, aħwa qaddisin li ġejtu mistiedna* biex tmorru fis-sema, ikkunsidraw l-eżempju taʼ Ġesù, il-wieħed li aċċettajna bħala appostlu u l-qassis il-kbir. 2 Hu kien leali lejn Alla li inkarigah, bħalma Mosè kien leali meta qeda fil-kongregazzjoni* t’Alla. 3 Għax Ġesù jistħoqqlu iktar glorja minn Mosè, peress li min jibni dar ikollu iktar unur mid-dar infisha. 4 Naturalment, kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla. 5 Mosè qeda lealment fil-kongregazzjoni t’Alla bħala xhud tal-affarijiet li Alla kien se jgħid iktar tard, 6 imma Kristu ħa ħsieb lealment il-kongregazzjoni t’Alla bħala Iben. Aħna l-kongregazzjoni* t’Alla jekk nibqgħu nitkellmu bil-libertà tal-kelma u nżommu sod mat-tama li niftaħru biha.

7 Għalhekk, bħalma jgħid permezz tal-ispirtu qaddis: “Illum jekk tisimgħu minni, 8 ma twebbsux qalbkom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna dakinhar li għaddewni minn prova fid-deżert. 9 Missirijietkom għaddewni minn prova u ttestjawni, minkejja li raw dak li għamilt għal 40 sena. 10 Hu għalhekk li ma ħadtx pjaċir b’din il-ġenerazzjoni u rrabjajt magħha, u għedt: ‘Huma rashom iebsa u dejjem jagħmlu dak li tixtieq qalbhom, u ma jobdux dak li ngħidilhom.’ 11 Għalhekk, ħlift waqt li kont irrabjat: ‘Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.’”

12 L-aħwa, oqogħdu attenti li ħadd minnkom ma jkollu qalb ħażina mingħajr fidi għax ikun tbiegħed mill-Alla l-ħaj; 13 imma ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin kuljum, sakemm għadna qed ngħixu fi żmien li jissejjaħ “Illum,” ħalli ħadd minnkom ma jwebbes rasu billi jiġi mqarraq bil-qawwa tad-dnub. 14 Infatti, aħna jkollna sehem mal-Kristu biss jekk inżommu sod sal-aħħar il-fiduċja li kellna meta bdejna nemmnu. 15 Bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Illum jekk tisimgħu minni, ma twebbsux raskom bħal meta missirijietkom ġegħluni nirrabja ħafna.”

16 Għax min kienu dawk li semgħu u xorta ġegħluh jirrabja ħafna? Mhux dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu taħt it-tmexxija taʼ Mosè? 17 Iktar minn hekk, Alla b’min ma ħax pjaċir u rrabja għal 40 sena? Mhux b’dawk li għamlu dnub u b’hekk mietu fid-deżert? 18 U lil min ħalef li mhux se jidħol fil-mistrieħ tiegħu? Mhux lil dawk li m’obdewhx? 19 B’hekk naraw li ma daħlux fil-mistrieħ tiegħu għax ma kellhomx fidi.

4 Għalhekk, ladarba l-wegħda li nidħlu fil-mistrieħ t’Alla għadha tgħodd, ejja noqogħdu attenti li ma nitilfuhiex. 2 Għax lilna wkoll qalulna l-aħbar tajba bħalma qaluha lil missirijietna; imma dak li semgħu ma kienx taʼ ġid għalihom, għax huma ma kellhomx l-istess fidi bħal dawk li obdew. 3 Dwarhom Alla qal: “Għalhekk, ħlift waqt li kont irrabjat, ‘Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.’” Imma aħna li nuru l-fidi se nidħlu fil-mistrieħ tiegħu. Fil-fatt, Alla lesta x-xogħol tiegħu mill-bidu tad-dinja.* 4 Għax fi skrittura minnhom, dwar is-sebaʼ jum qal: “U fis-sebaʼ jum Alla straħ mix-xogħol kollu li għamel,” 5 u fi skrittura oħra qal: “Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.”

6 Dawk li semgħu bl-aħbar tajba l-ewwel, ma daħlux f’dan il-mistrieħ minħabba li ma obdewx, imma dan għadu possibbli għal xi wħud. 7 Hu għalhekk li wara ħafna żmien, fis-salm taʼ David u bħalma diġà ssemma f’din l-ittra, Alla qal, “Jekk illum tisimgħu minni, ma twebbsux raskom.” B’hekk, “Illum” hi l-ġurnata li reġaʼ għażel. 8 Għax kieku Ġożwè daħħalhom f’post taʼ mistrieħ, Alla iktar tard ma kienx jitkellem dwar ġurnata oħra. 9 Għalhekk, għan-nies t’Alla baqaʼ l-mistrieħ tas-Sabat. 10 Għax dawk li jidħlu fil-mistrieħ t’Alla jkunu diġà straħu mix-xogħol tagħhom, bħalma Alla straħ mix-xogħol tiegħu.

11 Għalhekk, ejja nagħmlu l-aħjar tagħna biex nidħlu f’dak il-mistrieħ, ħalli ħadd ma jkun diżubbidjenti bħalhom. 12 Għax il-kelma t’Alla hi ħajja, b’saħħitha ħafna, u taqtaʼ iktar minn xabla li taqtaʼ miż-żewġ naħat. Tant tidħol fil-fond li tifred ir-ruħ* u l-ispirtu,* u l-ġogi mill-mudullun, u tistaʼ tikxef il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb. 13 M’hemmx ħolqien li hu moħbi minn Alla, li lilu rridu nagħtu kont, imma kollox hu mikxuf u jidher ċar quddiemu.

14 Aħna għandna l-aqwa qassis kbir, Ġesù l-Iben t’Alla, li mar fis-sema. Allura ejja nibqgħu nagħtu xhieda dwaru. 15 Għax il-qassis il-kbir tagħna mhuwiex wieħed li ma jistax jifhem id-dgħufijiet tagħna, imma wieħed li ġie ttestjat f’kollox bħalna, però m’għamilx dnub. 16 Allura ejja nersqu lejn it-tron tal-Alla li juri qalb tajba kbira u nitolbuh bil-libertà tal-kelma, ħalli nintwerew ħniena u nirċievu l-għajnuna f’waqtha permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu.

5 Għax kull raġel li hu inkarigat bħala qassis kbir jaqdi lin-nies f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qima tagħhom lejn Alla, ħalli jkun jistaʼ joffri rigali u sagrifiċċji għad-dnubiet tagħhom. 2 Hu kapaċi jittratta bi ħniena* lil dawk li jagħmlu dnub għax ma jafux aħjar minn hekk, peress li anki hu jiżbalja.* 3 Minħabba f’hekk, ikollu jagħmel offerti għad-dnubiet tiegħu stess bħalma jagħmel għan-nies.

4 Raġel ma jistax ikun qassis kbir minn jeddu, imma Alla biss jistaʼ jinkarigah, bħalma għamel lil Aron. 5 Anki l-Kristu, ma gglorifikax lilu nnifsu billi sar qassis kbir minn jeddu, imma kien igglorifikat minn Alla li qallu: “Int ibni; illum jien sirt missierek.” 6 Fi skrittura oħra jgħid ukoll: “Int qassis bħalma kien Melkisedek u se tkun qassis għal dejjem.”

7 Meta Kristu kien fid-dinja, hu talab bil-ħniena,* b’leħen għoli, u bid-dmugħ lill-Wieħed li setaʼ jsalvah mill-mewt. U peress li Kristu kien jirrispettah ħafna,* Alla semaʼ t-talb tiegħu. 8 Għalkemm kien Ibnu, hu tgħallem x’jiġifieri jobdi mit-tbatija li għadda minnha. 9 Wara li sar ikkwalifikat għalkollox, hu setaʼ jsalva għal dejjem lil dawk kollha li jobduh, 10 għax Alla għażlu biex ikun qassis kbir bħalma kien Melkisedek.

11 Għandna ħafna affarijiet x’ngħidu dwaru, imma hu diffiċli tispjegahom peress li mhux qed tagħmlu sforz biex tifhmu. 12 Għax għalkemm s’issa suppost sirtu għalliema, reġaʼ għandkom bżonn lil min jgħallimkom l-affarijiet bażiċi mill-kelma t’Alla, u sirtu bħal xi ħadd li għandu bżonn il-ħalib, u mhux l-ikel solidu. 13 Fil-fatt, min jibqaʼ jieħu l-ħalib biss mhux familjari mal-kelma t’Alla li tgħallimna x’inhu tajjeb, għax hu bħallikieku għadu tifel żgħir. 14 Imma l-ikel solidu hu għan-nies maturi, li tgħallmu kif jużaw il-mod taʼ kif jaħsbu u huma ttrennjati jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.

6 Għalhekk, issa li diġà tgħallimna t-tagħlim bażiku dwar il-Kristu, ejja nimmaturaw u ma nkunux kuntenti biss li nerġgħu nagħmlu l-pedament. Il-pedament hu l-indiema, li ma nagħmlux xogħol li ma jiswa għal xejn,* u li jkollna fidi f’Alla; 2 it-tagħlim dwar il-magħmudijiet u t-tqegħid tal-idejn; u l-irxoxt tal-mejtin u l-ġudizzju li jibqaʼ jgħodd għal dejjem. 3 Jekk dan hu li jrid Alla, nagħmluh.

4 Hemm dawk li darba kienu aċċettaw id-dawl, irċivew ir-rigal b’xejn tas-sema, kellhom sehem mill-ispirtu qaddis, 5 u rċivew il-kelma mill-aqwa t’Alla u l-barkiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja taʼ dejjem fil-futur,* 6 imma mbagħad tbiegħdu mill-fidi. Lil dawn hu impossibbli li xi ħadd jgħinhom jerġgħu jindmu, għax huma bħallikieku qed jerġgħu jsammru lill-Iben t’Alla maz-zokk u jwaqqgħuh għaċ-ċajt quddiem kulħadd. 7 Dan hu bħal art li tirċievi l-barka mingħand Alla għax spiss tinżel ix-xita fuqha, imbagħad tipproduċi ħaxix biex jittiekel minn dawk li jaħdmuha. 8 Imma jekk l-art tipproduċi xewk u għollieq, din ma tkun tiswa għal xejn u Alla ma jdumx ma jisħitha u fl-aħħar tispiċċa maħruqa.

9 Imma fil-każ tagħkom, għeżież aħwa, għalkemm qed nitkellmu b’dan il-mod, aħna konvinti li intom qegħdin f’pożizzjoni aħjar minn dawk li tbiegħdu mill-fidi u li qed tagħmlu affarijiet ħalli Alla jkun jistaʼ jsalvakom. 10 Alla hu ġust u mhux se jinsa dak li għamiltu u l-imħabba li wrejtu għal ismu, billi qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom. 11 Imma aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-istess ħeġġa ħalli jkun konvint għalkollox mit-tama sal-aħħar 12 u ma jitgħażżinx. Imma minflok, għandu jimita lil dawk li permezz tal-fidi u l-paċenzja se jirċievu dak li ġie mwiegħed lilhom.

13 Għax meta Alla għamel il-wegħda lil Abraham, hu ħalef bih innifsu, għax ma jistax jaħlef b’xi ħadd akbar minnu. 14 Hu qallu: “Jien żgur li nbierkek u nżid lid-dixxendent tiegħek.”* 15 Għalhekk, Abraham irċieva din il-wegħda wara li wera paċenzja. 16 In-nies jaħilfu b’xi ħadd akbar minnhom, u ħalfa bħal din għalihom hi garanzija li twaqqaf kull kwistjoni. 17 Bl-istess mod, meta Alla ddeċieda li juri b’mod iktar ċar lil dawk li se jirtu l-wegħda li l-iskop tiegħu ma nbidilx, hu ta garanzija taʼ* dan b’ħalfa. 18 Il-wegħda u l-ħalfa li Alla għamel ma jistgħux jinbidlu, u Alla qatt ma jigdeb. Aħna li dorna lejn Alla għall-protezzjoni nistgħu niġu verament inkuraġġiti biex ikollna fiduċja sħiħa fit-tama li għandna. 19 Din it-tama hi bħal ankra għalina,* li tgħinna biex inkunu sodi u żguri. Din twassalna wara l-purtiera tat-tempju,* 20 fejn Ġesù daħal qabilna u b’hekk fetaħ u pprepara triq għalina. Hu sar qassis bħalma kien Melkisedek u se jkun qassis għal dejjem.

7 Għax Melkisedek, li kien ir-re taʼ Salem u qassis tal-Alla l-Iktar Għoli, iltaqaʼ m’Abraham u bierku. Abraham kien ġej lura mill-gwerra fejn qatel ir-rejiet 2 u tah għaxra fil-100 minn kollox. L-ewwel nett, Melkisedek ifisser “Re tal-Ġustizzja,” u kien ukoll ir-re taʼ Salem, li jfisser “Re tal-Paċi.” 3 Ma nafux min huma missieru u ommu, m’hemmx rekords tal-familja tiegħu, taʼ meta twieled, u taʼ meta miet. B’dan il-mod, hu bħall-Iben t’Alla, u għalhekk jibqaʼ qassis għal dejjem.

4 Meta tqis li Abraham, il-kap tal-familja, tah l-aħjar għaxra fil-100 minn dak kollu li rebaħ fil-gwerra, tara kemm dan kien raġel importanti. 5 Skont il-Liġi, it-tfal taʼ Levi li ġew inkarigati bħala qassisin ġew ikkmandati biex jiġbru l-għaxra fil-100 mingħand in-nies, jiġifieri mingħand ħuthom, avolja dawn kienu jiġu minn Abraham.* 6 Imma dan ir-raġel, li ma jiġix mill-familja taʼ Levi, ħa l-għaxra fil-100 mingħand Abraham, il-wieħed li Alla għamel il-wegħda miegħu, u bierku. 7 M’hemmx dubju, il-wieħed li jbierek hu aqwa mill-wieħed li jiġi mbierek. 8 Il-Leviti rċivew l-għaxra fil-100 u huma bnedmin li jmutu, imma l-wieħed bħal Melkisedek li rċieva l-għaxra fil-100, il-Bibbja turi li hu ħaj. 9 Allura nistgħu ngħidu li anki Levi li jirċievi l-għaxra fil-100 ħallas l-għaxra fil-100 permezz t’Abraham, 10 għax meta Melkisedek iltaqaʼ m’Abraham, Levi kien għadu ma twilidtx imma fil-futur kien se jkun dixxendent tiegħu.*

11 L-arranġament biex ikun hemm qassisin mill-familja taʼ Levi kien parti mil-Liġi li ngħatat lill-Iżraelin. Jekk il-qassisin setgħu jgħinu lin-nies isiru mingħajr dnub, allura ma kienx hemm bżonn qassis bħal Melkisedek, għax kien ikun biżżejjed qassis bħal Aron. 12 Jekk l-arranġament tal-qassisin qed jinbidel, anki l-Liġi hemm bżonn li tinbidel. 13 Għax ir-raġel li dwaru ntqalu dawn l-affarijiet kien minn tribù ieħor, u ħadd minn dak it-tribù ma qeda ħdejn l-artal. 14 Għax jidher ċar li l-Mulej tagħna kien mit-tribù taʼ Ġuda, imma Mosè ma qalx li kellu jiġi xi qassis minn dan it-tribù.

15 U dan isir iktar ċar meta jkun hemm qassis ieħor bħal Melkisedek, 16 li jaqdi bħala qassis mhux għax ġej minn xi tribù bħalma kienet titlob il-Liġi, imma bil-qawwa li tgħinu jkollu ħajja li ma tinqeridx. 17 Għax skrittura minnhom tgħid: “Int qassis bħalma kien Melkisedek u se tkun qassis għal dejjem.”

18 B’hekk, il-kmandament taʼ qabel tneħħa, għax kien limitat u mhux taʼ benefiċċju. 19 Għax il-Liġi ma saritx biex tneħħi d-dnub għalkollox, imma Alla tana tama aħjar, u permezz tagħha, aħna nistgħu nkunu qrib tiegħu. 20 Kien permezz taʼ ħalfa li Alla inkariga lil Ġesù bħala qassis. 21 (Għax hemm irġiel li saru qassisin u Alla ma ħalifx dwarhom. Imma hemm raġel li Alla ħalef dwaru meta qal: “Ġeħova* mhux se jbiddel fehmtu* dwar din il-ħalfa: ‘Int qassis għal dejjem.’”) 22 Minħabba f’hekk, Ġesù sar il-garanzija taʼ patt aħjar. 23 Iktar minn hekk, ħafna qassisin qdew wieħed wara l-ieħor, għax minħabba li mietu ma setgħux ikomplu jaqdu. 24 Imma minħabba li Ġesù jgħix għal dejjem, ma jkunx hemm qassis ieħor warajh. 25 Allura jistaʼ anki jsalva għalkollox lil dawk li jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax peress li dejjem ħaj ikun jistaʼ jitlob bil-ħniena għalihom.

26 Għax hu xieraq għalina li jkollna qassis kbir bħal dan, li hu leali, m’għandu ebda ħażen, mingħajr difett, separat minn dawk li jagħmlu d-dnub, u ’l fuq mis-sema.* 27 Għall-kuntrarju taʼ dawk il-qassisin il-kbar, hu m’għandux bżonn joffri sagrifiċċji kuljum, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu u mbagħad għal tal-oħrajn, għax hu għamel dan darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu. 28 Għax il-Liġi tagħżel bħala qassisin kbar irġiel li huma midinbin,* imma l-ħalfa li saret wara l-Liġi, tagħżel Iben li ntgħamel perfett għal dejjem.

8 Dan hu l-iktar punt importanti taʼ dak li qed ngħidu: Aħna għandna qassis kbir bħal dan, u hu qagħad bilqiegħda fuq il-lemin tat-tron tal-Alla l-Kbir fis-sema, 2 u hu qaddej tal-post qaddis u tat-tabernaklu* veru, li għamlu Ġeħova* u mhux il-bniedem. 3 Għax kull qassis kbir hu inkarigat biex joffri kemm rigali u kemm sagrifiċċji. Għalhekk kien hemm bżonn li anki Ġesù joffri sagrifiċċju. 4 Li kieku kien fuq l-art, ma kienx ikun qassis, għax diġà hemm qassisin li joffru rigali skont il-Liġi. 5 Is-servizz qaddis li qed joffru dawn l-irġiel hu biss mudell u rappreżentazzjoni tal-affarijiet fis-sema. Dan intwera meta Alla kkmanda lil Mosè kif għandu jibni t-tabernaklu.* Hu qallu: “Qis li tagħmel kollox skont il-mudell li qed nurik fuq il-muntanja.” 6 Imma issa Ġesù rċieva inkarigu ħafna aħjar minn dak tal-qassisin taʼ qablu, għax hu wkoll il-medjatur* taʼ patt aħjar li ġie stabbilit legalment fuq wegħdi aħjar.

7 Kieku l-ewwel patt kien bla difett, ma kienx ikun hemm bżonn ieħor. 8 Għax Alla jsib nuqqas fin-nies. Infatti, “Ġeħova* jgħid: ‘Ġej iż-żmien meta jien nagħmel patt ġdid man-nies t’Iżrael u man-nies taʼ Ġuda.ʼ 9 Ġeħova* jgħid ukoll: ‘Dan mhux se jkun bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom u ħriġthom mill-art tal-Eġittu, għax huma ma baqgħux fil-patt tiegħi, għalhekk ma bqajtx nieħu ħsiebhom.’

10 “Ġeħova* jgħid: ‘Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel man-nies t’Iżrael. Jien se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’moħħhom u niktibhom f’qalbhom. Jien insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.

11 “‘U ħadd minnhom ma jgħid iktar liċ-ċittadin sieħbu jew lil ħuh: “Sir af lil Ġeħova!”* Għax kollha se jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir. 12 Għax jien se naħfer l-affarijiet inġusti li għamlu u ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom.’”

13 Meta qal “patt ġdid,” hu warrab il-patt taʼ qabel. Issa dak li hu mwarrab u qadim wasal biex jiġi fix-xejn.

9 Għax il-patt taʼ qabel kellu liġijiet dwar il-qima* u kellu post qaddis fuq l-art. 2 Din it-tinda kienet mibnija f’żewġ partijiet. L-ewwel parti kienet tissejjaħ il-Post Qaddis u fiha kien hemm il-gandlier u l-mejda bil-ħobż tal-preżenza fuqha. 3 Imma wara t-tieni purtiera kien hemm it-tieni parti li tissejjaħ l-Iktar Qaddis. 4 Fiha kien hemm inċensier tad-deheb u l-arka tal-patt li kienet miksija bid-deheb. Fl-arka kien hemm il-ġarra tad-deheb li kien fiha l-manna, il-bastun t’Aron li warrad, u t-twavel tal-liġi.* 5 Fuqha kien hemm żewġ kerubini mill-isbaħ jgħattu l-għatu* tagħha bi ġwinħajhom. Imma issa mhux il-ħin li noqogħdu nitkellmu fid-dettall dwar dawn l-affarijiet.

6 Wara li dawn l-affarijiet inbnew b’dan il-mod, il-qassisin kienu jidħlu fil-Post Qaddis regolarment biex jagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima.* 7 Imma fl-Iktar Qaddis kien jidħol biss il-qassis il-kbir darba fis-sena. Hu kellu jieħu miegħu d-demm, li joffrih għalih u għad-dnubiet li jagħmlu n-nies fl-injoranza tagħhom. 8 B’hekk, l-ispirtu qaddis juri b’mod ċar li sakemm l-ewwel tinda* kienet għadha teżisti, ħadd ma ntwera t-triq biex jidħol fil-post qaddis.* 9 Din it-tinda tirrappreżenta dak li jeżisti bħalissa, u turi li r-rigali u s-sagrifiċċji li jiġu offruti ma jistgħux jagħtu kuxjenza nadifa b’mod perfett lir-raġel li qed jagħmel ix-xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima. 10 Ir-rigali u s-sagrifiċċji għandhom x’jaqsmu biss mal-ikel, ix-xorb, u l-ħasil ċerimonjali differenti li kien isir. Dawn kienu liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-affarijiet fiżiċi, u kellhom jibqgħu saż-żmien magħżul biex l-affarijiet jiġu kif suppost.

11 Minkejja dan, Kristu sar qassis kbir u aħna diġà qed ingawdu l-barkiet. Meta sar qassis kbir, hu daħal fit-tinda li hi akbar u aqwa, li mhix magħmula mill-bnedmin u mhix minn din l-art. 12 Hu ma daħalx fil-Post Qaddis bid-demm tal-mogħoż u tal-barrin żgħar,* imma bid-demm tiegħu stess darba għal dejjem. B’hekk ħelisna* għal dejjem. 13 Għax jekk id-demm tal-mogħoż u tal-barrin u l-irmied taʼ baqra żgħira* jagħmlu nodfa f’għajnejn Alla lil dawk li ġew imniġġsin, 14 mela kemm iktar jistaʼ d-demm tal-Kristu jnaddfilna l-kuxjenza mill-affarijiet ħżiena kollha li għamilna, biex b’hekk inkunu nistgħu nqimu lill-Alla l-ħaj. Għax bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis hu ta ħajtu lil Alla bħala sagrifiċċju bla difett.

15 Hu għalhekk li Kristu hu medjatur* taʼ patt ġdid, ħalli dawk li ntgħażlu jkunu jistgħu jirċievu l-wegħda taʼ barkiet li jibqgħu għal dejjem. Dan kollu sar possibbli bil-mewt tiegħu bħala fidwa, li permezz tagħha ġew meħlusin min-nuqqasijiet li saru taħt il-patt taʼ qabel. 16 Għax meta jsir patt, il-persuna li tagħmlu trid tmut. 17 Għax il-patt ikun validu mal-mewt, peress li ma jibdiex japplika jekk il-persuna li tkun għamlitu tkun għadha ħajja. 18 Minħabba f’hekk, anki l-patt taʼ qabel kien validu* bid-demm. 19 Għax meta Mosè qal lill-poplu kollu l-kmandamenti kollha tal-Liġi, hu ħa d-demm tal-barrin żgħar u tal-mogħoż u ħalltu mal-ilma, imbagħad uża suf aħmar jgħajjat marbut maʼ zokk taż-żuf* biex iroxx id-demm fuq il-ktieb* tal-patt u n-nies kollha. 20 Hu qal: “Dan hu d-demm li għamel il-patt m’Alla validu. Hu jridkom li tobdu dan il-patt.” 21 Hu raxx id-demm ukoll fuq it-tinda u l-affarijiet li ntużaw għall-qima.* 22 Iva, skont il-Liġi kważi kollox jitnaddaf bid-demm, u jekk ma jixxerridx ma jkunx hemm maħfra.

23 Għalhekk, kien importanti ħafna li r-rappreżentazzjonijiet tal-affarijiet fis-sema jkunu mnaddfin permezz tas-sagrifiċċji tal-annimali, imma l-affarijiet tas-sema għandhom bżonn sagrifiċċji ħafna aħjar minn dawn. 24 Għax Kristu ma daħalx f’Post Qaddis magħmul mill-bnedmin, li jirrappreżenta l-post qaddis veru, imma daħal fis-sema, ħalli b’hekk ikun jistaʼ jidher quddiem Alla għalina. 25 Hu ma kienx se joffri lilu nnifsu ħafna drabi, bħalma kien jagħmel il-qassis il-kbir meta jidħol fil-Post Qaddis minn sena għall-oħra b’demm li mhux tiegħu. 26 Inkella kien ikollu jbati spiss mill-bidu tad-dinja.* Imma issa deher darba għal dejjem fit-tmiem taʼ dan iż-żmien* biex ineħħi d-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu stess. 27 Bħalma l-bniedem ikollu jmut darba biss, imma wara jiġi ġġudikat, 28 hekk ukoll il-Kristu offra lilu nnifsu darba għal dejjem biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna; u meta jidher it-tieni darba ma jkunx biex ineħħi d-dnub imma biex isalva lil dawk li qed jistennewh bil-ħeġġa.

10 Il-Liġi hi bħal dell tal-affarijiet tajbin li għandhom jiġu, imma ma turix dawn l-affarijiet. Il-Liġi* u l-istess sagrifiċċji li jiġu offruti sena wara sena ma jistgħux ineħħu d-dnub għalkollox taʼ dak li jqim lil Alla. 2 Kieku ma kinux jibqgħu jiġu offruti s-sagrifiċċji, għax dawk li jqimu lil Alla kienu jiġu mnaddfa mid-dnubiet tagħhom u ma jħossuhomx ħatja. 3 Għall-kuntrarju, dawn is-sagrifiċċji kienu jfakkru lin-nies minn sena għall-oħra li huma midinbin,* 4 għax ma jistax ikun li d-demm tal-barrin u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.

5 Għalhekk, meta Kristu ġie fid-dinja, qal lil Alla: “‘Int ma ridtx iktar sagrifiċċju u offerta, imma ppreparajt ġisem għalija. 6 Ma bqajtx tieħu pjaċir b’offerti sħaħ tal-ħruq u offerti għad-dnub.’ 7 Imbagħad jien għedt, ‘Hawn jien, ġejt. Fl-iskroll* hemm miktub dwari. Jien ġejt biex nagħmel dak li trid int, Alla tiegħi.’” 8 L-ewwel qal: “Int ma ridtx iktar sagrifiċċji, offerti, offerti sħaħ tal-ħruq, u offerti għad-dnub u ma bqajtx tieħu pjaċir bihom.” Dawn is-sagrifiċċji jiġu offruti skont il-Liġi. 9 Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel dak li trid int.” Hu neħħa l-ewwel arranġament biex jagħmel it-tieni. 10 Skont dak li jrid Alla, aħna ġejna mqaddsin permezz taʼ Ġesù Kristu, il-wieħed li offra l-ġisem tiegħu darba għal dejjem.

11 Ukoll, kull qassis kien jieħu postu jum wara l-ieħor biex jagħmel xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima* u biex jagħmel l-istess sagrifiċċji spiss, li qatt ma setgħu jneħħu d-dnubiet għalkollox. 12 Imma Kristu offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet darba għal dejjem u poġġa fuq il-lemin t’Alla. 13 Minn dak iż-żmien, hu qed jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh. 14 Għax billi offra sagrifiċċju wieħed, hu għamel lil dawk li se jiġu mqaddsin perfetti għal dejjem. 15 Iktar minn hekk, l-ispirtu qaddis ukoll jagħtina xhieda dwar dan, billi qal: 16 “Ġeħova* jgħid: ‘Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel magħhom. Se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’qalbhom u niktibhom f’moħħhom.’” 17 Imbagħad jgħid: “U ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom u l-affarijiet ħżiena li għamlu.” 18 Meta Alla jaħfer dawn l-affarijiet, ma jkunx hemm iktar bżonn offerta għad-dnub.

19 Għalhekk aħwa, aħna fiduċjużi li nistgħu nużaw it-triq biex nidħlu fil-post qaddis permezz tad-demm taʼ Ġesù, 20 li fetaħ* għalina. Din it-triq ġdida twassalna għall-ħajja, u hu għamel dan billi għadda mill-purtiera, jiġifieri l-ġisem tiegħu. 21 Peress li għandna qassis kbir li jieħu ħsieb il-kongregazzjoni* t’Alla, 22 ejja nersqu lejh b’qalb sinċiera u b’fiduċja sħiħa, għax il-qalb u l-kuxjenza ħażina tagħna ġew imnaddfin,* u l-ġisem tagħna ġie maħsul b’ilma nadif. 23 Ejja nkomplu nxandru bla waqfien dwar it-tama tagħna mingħajr ma niddubitaw, għax dak li għamel il-wegħda hu leali. 24 Ejja naħsbu f’xulxin* ħalli jkun hemm iktar imħabba* u nagħmlu affarijiet tajbin. 25 Ukoll, m’għandniex nieqfu nattendu l-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa xi wħud, imma għandna ninkuraġġixxu lil xulxin, iktar u iktar hekk kif naraw il-jum t’Alla riesaq qrib.

26 Jekk nagħmlu dnub apposta wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt tal-verità, allura m’hemm ebda sagrifiċċju li jeħlisna mid-dnub. 27 Minflok, li jkun hemm żgur jistenniena hu ġudizzju tal-biżaʼ u rabja kbira li se tkun bħal nar u se teqred lil dawk li jiħduha kontra Alla. 28 Kull min ma kienx jagħti kas il-Liġi taʼ Mosè kien jinqatel mingħajr ħniena fuq xhieda taʼ tnejn jew tlieta. 29 Mela żgur ikun ħaqqu kastig ħafna akbar min ikun qisu għaffeġ taħt saqajh lill-Iben t’Alla u qies id-demm tal-patt li bih ġie mqaddes bħala li ma jiswa xejn, u min ikun wera diżrispett kbir lejn l-ispirtu li Alla juża biex juri qalb tajba kbira. 30 Għax aħna nafu li Alla qal: “Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas.” U reġaʼ: “Ġeħova* se jiġġudika lill-poplu tiegħu.” 31 Hi xi ħaġa tal-biżaʼ li tiġi kkastigat mill-Alla l-ħaj.

32 Madankollu, ibqgħu ftakru li wara li ħadtu l-għarfien tal-verità,* intom issaportejtu ħafna affarijiet minkejja t-tbatijiet li kellkom. 33 Xi kultant intom ġejtu ttrattati ħażin u mgħajrin quddiem in-nies,* u drabi oħra għentu lil* dawk li kienu qed jgħaddu minn esperjenzi simili. 34 Għax intom urejtu li ħassejtu għall-aħwa li qegħdin fil-ħabs u aċċettajtu bil-ferħ li tiġu misruqin mill-affarijiet tagħkom, minħabba li tafu li għandkom wirt aħjar u li jibqaʼ.

35 Għalhekk, komplu tkellmu bil-kuraġġ,* għax b’hekk tiġu ppremjati bil-kbir. 36 Għax għandkom bżonn tissaportu, ħalli wara li tkunu għamiltu dak li jrid Alla, tkunu tistgħu tirċievu dak li ġie mwiegħed. 37 “Ftit ieħor” u “jasal il-wieħed li ġej u mhux se jkun tard.” 38 “Imma l-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu,” u “jekk hu jitbiegħed minni, jien* ma niħux pjaċir bih.” 39 Issa aħna m’aħniex it-tip li nitbiegħdu minn Alla għax nibżgħu u b’hekk niġu meqrudin, imma t-tip li għandna l-fidi u nsalvaw ħajjitna.*

11 Il-fidi tfisser li nkunu ċerti li dak li nittamaw għalih se jiġri. Il-fidi hi l-evidenza konvinċenti* li l-affarijiet li ma jidhrux jeżistu. 2 Għax peress li n-nies tal-qedem* kellhom din il-fidi, Alla wera li kien kuntent bihom.

3 Bil-fidi nifhmu li l-affarijiet fis-sema u fuq l-art* tpoġġew fl-ordni bil-kelma t’Alla, għalhekk dak li jidher beda jeżisti mill-affarijiet li ma jidhrux.

4 Bil-fidi, Abel offra sagrifiċċju lil Alla aħjar minn dak taʼ Kajjin, u permezz ta’ din il-fidi hu ngħata xhieda li kien ġust, għax Alla aċċetta r-rigali* tiegħu. Għalkemm miet, nistgħu nkomplu nitgħallmu mill-fidi tiegħu.

5 Bil-fidi, Enok ittieħed biex ma jbatix meta jmut, u ma setaʼ jinstab imkien għax Alla kien ħadu;* imma qabel ġara hekk, hu ngħata xhieda li kien għoġob sew lil Alla. 6 Iktar minn hekk, ma jistax ikun li nogħġbu lil Alla sew jekk ma jkollniex fidi, għax kull min jersaq lejn Alla għandu jemmen li jeżisti u li jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa.

7 Bil-fidi, Noè wera li jirrispetta ħafna lil* Alla u bena arka biex isalva lill-familja tiegħu meta ġie mwissi minn qabel dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux. Permezz taʼ din il-fidi, hu kkundanna d-dinja, u hu ġie ddikjarat ġust għax kellu l-fidi.

8 Bil-fidi, Abraham obda meta ntalab biex imur f’post li kien se jirċievi bħala wirt, avolja ma kienx jaf fejn kien sejjer. 9 Bil-fidi għex bħala barrani fl-art li ġie mwiegħed. Hu għex fit-tined maʼ Iżakk u Ġakobb, li anki lilhom Alla kien wiegħed li se jagħtihom din l-art. 10 Għax Abraham kien qed jistenna l-belt mibnija fis-sod, li ddisinjaha u bnieha* Alla.

11 Bil-fidi anki Sara rċiviet il-qawwa biex toħroġ tqila,* saħansitra meta għadda ż-żmien li setaʼ jkollha t-tfal, għax hi emmnet li dak li għamlilha l-wegħda kien leali.* 12 Minħabba f’hekk, minn Abraham, raġel wieħed li deher li ma setax ikollu iktar tfal,* twieldu tfal daqs l-istilel fis-sema u li ma jingħaddux daqs ir-ramel f’xatt il-baħar.

13 Huma kollha baqgħu leali sal-mewt, għalkemm ma ngħatawx dak li ġie mwiegħed lilhom. Minkejja li dawn il-wegħdi kienu se jitwettqu fil-futur, għalihom kienu qishom diġà rawhom u ferħu bihom, u qalu pubblikament li huma kienu barranin u residenti temporanji fejn kienu qed jgħixu. 14 Għax dawk kollha li jitkellmu b’dan il-mod juru li qed ifittxu bil-ħeġġa li jkollhom post tagħhom. 15 Imma kieku baqgħu jaħsbu dwar il-post li telqu minnu, kien ikollhom opportunità jerġgħu jmorru. 16 Imma huma qed jirsistu għal post aħjar, jiġifieri wieħed tas-sema. Għalhekk, Alla ma jistħix jgħid li hu l-Alla tagħhom, għax hu pprepara għalihom belt.

17 Bil-fidi, Abraham daqslikieku offra lil Iżakk meta Alla ttestjah. Iva, ir-raġel li aċċetta bil-ferħ il-wegħda pprova joffri lill-uniku tifel tiegħu, 18 għalkemm kien intqallu: “Id-dixxendenti tiegħek* se jiġu minn Iżakk.” 19 Hu kien jemmen li Alla setaʼ jqajmu mill-mewt, u għalhekk hu kien qisu rċivieh lura mill-mewt. Dan wera x’kien se jiġri fil-futur.

20 Bil-fidi, Iżakk bierek lil Ġakobb u lil Għesaw u qalilhom x’kien se jiġri fil-futur.

21 Bil-fidi, Ġakobb bierek iż-żewġt itfal taʼ Ġużeppi u qiem lil Alla waqt li straħ mal-bastun tiegħu meta kien wasal biex imut.

22 Bil-fidi, Ġużeppi tkellem dwar li l-Iżraelin se joħorġu mill-Eġittu u ta kmand biex jieħdu l-għadam tiegħu minn hemm.* Hu għamel dan meta kien qed imut.

23 Bil-fidi, il-ġenituri taʼ Mosè ħbewh għal tliet xhur wara li twieled, għax raw li kien tifel gustuż u ma beżgħux mill-kmand tar-re. 24 Bil-fidi, Mosè meta kiber irrifjuta li jissejjaħ it-tifel tat-tifla tal-Fargħun 25 u għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok igawdi l-pjaċiri temporanji tad-dnub. 26 Għamel dan għax ikkunsidra t-tmaqdir li bata bħala l-wieħed magħżul minn Alla* ħafna iktar taʼ valur mit-teżori tal-Eġittu, peress li stenna b’qalbu kollha li jirċievi l-wegħda. 27 Bil-fidi, hu ma beżax mir-rabja tar-re u telaq mill-Eġittu, għax baqaʼ jżomm fidi soda bħallikieku qed jara lill-Wieħed li ma jidhirx. 28 Bil-fidi ċċelebra l-Qbiż u raxxax id-demm mal-koxox tal-bieb, biex l-anġlu t’Alla ma joqtolx lill-ewwel imwieled tagħhom.

29 Bil-fidi, l-Iżraelin għaddew mill-Baħar l-Aħmar bħallikieku kienu għaddejjin fuq art niexfa, imma meta pprovaw jgħaddu l-Eġizzjani, għerqu.

30 Bil-fidi, l-Iżraelin immarċjaw madwar is-swar taʼ Ġeriko għal sebat ijiem, imbagħad is-swar waqgħu. 31 Bil-fidi, Raħab il-prostituta ma nqerditx maʼ dawk li m’obdewx lil Alla, għax laqgħet lill-ispiji bil-paċi.

32 Hemm bżonn nagħti iżjed eżempji? Lanqas ikolli biżżejjed ħin kieku kelli nirrakkonta dwar Gidegħon, Barak, Sansun, Ġefta, David, Samwel, u l-profeti l-oħrajn. 33 Permezz tal-fidi rebħu lir-rejiet, ġabu l-ġustizzja, għamlulhom wegħdi, għalqu ħalq l-iljuni, 34 il-qawwa tan-nar m’għamlitilhom xejn, ħelsuha milli jinqatlu bix-xabla, minn dgħajfin saru b’saħħithom, ma beżgħux jiġġieldu fil-gwerer, u ħarbtu l-armati li attakkawhom. 35 Il-maħbubin mejtin taʼ xi nisa ġew irxoxtati, imma rġiel oħra ġew ittorturati għax ma għamlux kompromess biex jinħelsu, ħalli jkollhom ħajja aħjar wara l-irxoxt tagħhom. 36 Iva, oħrajn ġew ipprovati billi ġew imwaqqgħin għaċ-ċajt u msawtin, anzi iktar minn hekk, ġew marbutin bil-ktajjen u mitfugħin il-ħabs. 37 Waddbulhom il-ġebel biex joqtluhom, għaddewhom minn prova, qasmuhom fi tnejn, qatluhom bix-xabla, u kienu jilbsu l-ġlud tan-nagħaġ u l-mogħoż. Huma kienu fil-bżonn, għaddejjin mit-tbatija, u ttrattati ħażin. 38 Id-dinja ma kienx ħaqqha li jkollha nies bħal dawn. Huma għexu fid-deżert, fil-muntanji, fl-għerien, u fil-ħofor fl-art.

39 Imma dawn kollha, għalkemm Alla wriehom li kien kuntent bihom minħabba l-fidi tagħhom, ma ħadux dak li ġie mwiegħed lilhom, 40 għax Alla kellu f’moħħu li l-ewwel jagħti xi ħaġa aħjar lilna, u b’hekk ma jkunux mingħajr dnub qabilna.

12 Dan il-grupp kbir taʼ nies hu bħal sħaba kbira madwarna. Huma xhieda tal-affarijiet li raw u semgħu. Mela ejja nneħħu kull piż u d-dnub li jfixkilna faċilment u nissaportu waqt li niġru t-tiġrija li qegħdin fiha. 2 Ejja nagħmlu dan waqt li niffokaw fuq Ġesù, il-Mexxej Magħżul* minn Alla u Dak li jagħmel il-fidi tagħna perfetta. Peress li kien jaf li se jkun ferħan fil-futur, hu ssaporta z-zokk tat-tortura* u ma tax kas li se jiġi ddiżonorat, u issa qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin tat-tron t’Alla. 3 Għalhekk, aħsbu sew dwar l-eżempju taʼ dak li kellu jissaporti lin-nies li ħaduha kontrih b’dak li qalu u li kkundannaw lilhom infushom meta għamlu dan, ħalli ma tegħjewx u taqtgħu qalbkom.

4 Il-ġlieda tagħkom kontra d-dnub għadha ma wasslitkomx sal-punt li mittu. 5 Intom insejtu għalkollox dak li ħeġġiġkom tagħmlu Alla bħala t-tfal tiegħu: “Ibni, tmaqdarx id-dixxiplina mingħand Ġeħova,* u taqtax qalbek meta jikkoreġik; 6 għax Ġeħova* jiddixxiplina lil min iħobb. Fil-fatt, hu jikkastiga* lil kull min jilqaʼ bħala ibnu.”

7 Li tissaportu hu parti mid-dixxiplina* tagħkom. Alla qed jittrattakom bħala t-tfal tiegħu. Għax m’hemmx tifel li ma jiġix iddixxiplinat minn missieru. 8 Imma jekk Alla ma jiddixxiplinakomx bħalma jagħmel lill-oħrajn, mela m’intomx vera t-tfal tiegħu, imma taʼ ħaddieħor. 9 Iktar minn hekk, missirijietna* kienu jiddixxiplinawna u aħna konna nirrispettawhom. Mela kemm għandna iktar naċċettaw l-awtorità taʼ Missierna tas-sema li jiggwidana permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu u b’hekk ngħixu. 10 Għax huma ddixxiplinawna għal ftit żmien skont kif dehrilhom li hu tajjeb, imma hu jiddixxiplinana għall-ġid tagħna biex inkunu qaddisin bħalu. 11 Veru li meta niġu ddixxiplinati ma nħossuniex ferħanin, imma nkunu mdejqin.* Però, jekk naċċettaw id-dixxiplina, se nkunu nistgħu ngħixu sew u fil-paċi.

12 Għalhekk, saħħu l-idejn merħijin u l-irkopptejn dgħajfin, 13 u komplu imxu dritt fit-triq it-tajba, ħalli l-partijiet dgħajfin ma jinqalgħux mill-ġogi, imma jiġu mfejqa. 14 Araw li tkunu fil-paċi man-nies kollha u li tgħixu ħajja qaddisa,* għax jekk ma tgħixux hekk ma tistgħux taraw lill-Mulej. 15 Agħmlu ċert li kulħadd jibqaʼ jintwera l-qalb tajba kbira t’Alla, ħalli ma jkunx hemm xi ħadd bħal għeruq taʼ pjanta velenuża li tikber, għax dan jaqlaʼ l-problemi u jqarraq b’ħafna. 16 Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm fostkom xi ħadd li jieħu sehem fl-immoralità sesswali* jew xi ħadd li ma japprezzax l-affarijiet qaddisa bħal Għesaw, li partat id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled maʼ ikla. 17 Għax intom tafu li wara li ried jiret il-barka, ma tħalliex. Għalkemm talab bil-ħniena lil missieru u pprova jikkonvinċih bid-dmugħ f’għajnejh, kien għalxejn.

18 Għax intom ma rsaqtux lejn muntanja li tistgħu tmissuha u li ġiet imqabbda bin-nar, u lejn sħaba sewda, dalma ħoxna, u maltempata, 19 u lejn il-ħoss taʼ trumbetta u l-leħen jitkellem mis-sema. Malli semgħu dak li kien qed jgħid, in-nies talbu bil-ħniena lil Mosè biex ma jibqgħux jisimgħu l-leħen. 20 Għax diġà kienu mbeżżgħin bil-kmand: “Anki jekk bhima tmiss il-muntanja, għandhom iwaddbulha l-ġebel biex joqtluha.” 21 Ukoll, dak li raw tant kemm kien tat-twerwir li Mosè qal: “Qed nibżaʼ u nirtogħod.” 22 Imma intom ersaqtu lejn il-Muntanja Sijon u l-belt tal-Alla l-ħaj, jiġifieri Ġerusalemm tas-sema, lejn l-għaxriet t’eluf t’anġli 23 miġburin flimkien, lejn il-kongregazzjoni tal-ewwel imwieled li l-ismijiet tan-nies tagħha huma miktubin fis-sema, lejn Alla l-Imħallef taʼ kulħadd, lejn il-ħajja spiritwali tal-ġusti li ntgħamlu perfetti, 24 lejn Ġesù l-medjatur* taʼ patt ġdid, u lejn id-demm ta’ Ġesù li ġie mraxxax fuqna, li hu aħjar mid-demm t’Abel.

25 Kunu ċerti li tisimgħu minn* dak li qed jitkellem. Fil-passat, in-nies ma semgħux minn dak li qal Alla* u ġew ikkastigati. Allura kemm se niġu kkastigati iktar aħna jekk ma nisimgħux mil-leħen taʼ dak li jitkellem mis-sema! 26 F’dak iż-żmien leħnu heżżeż l-art, imma issa wiegħed: “Apparti li se nheżżeż l-art għal darb’oħra, jien se nheżżeż is-sema wkoll.” 27 L-espressjoni “għal darb’oħra” turi li Alla se jneħħi l-affarijiet li qed jitheżżu, jiġifieri dak li ma ħalaqx hu, biex jibqgħu l-affarijiet li mhux qed jitheżżu. 28 Għalhekk, peress li se nirċievu Saltna li ma tistax titheżżeż, ejja nagħmlu sforz biex inkomplu nibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla, li permezz tagħha nistgħu naqduh b’mod aċċettabbli bil-biżaʼ u b’rispett kbir. 29 Fil-fatt, l-Alla tagħna hu bħal nar li jeqred.

13 Ibqgħu ħobbu lil xulxin bħalma jagħmlu l-aħwa. 2 Tinsewx tkunu ospitabbli,* għax xi wħud laqgħu għandhom lill-anġli mingħajr ma kienu jafu. 3 Ibqgħu ftakru lil dawk li qegħdin fil-ħabs* bħallikieku intom qegħdin fil-ħabs magħhom, u tinsewx lil dawk li qed jiġu ttrattati ħażin, għax intom ukoll bnedmin.* 4 Iż-żwieġ għandu jiġi ttrattat b’rispett minn kulħadd, u l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom ikunu leali lejn xulxin,* għax Alla se jiġġudika lin-nies li jieħdu sehem fl-immoralità sesswali,* kemm jekk huma miżżewġin u kemm jekk le. 5 Tħobbux il-flus, minflok kunu kuntenti b’dak li għandkom. Għax hu qal: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” 6 B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: “Ġeħova* hu l-wieħed li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?”

7 Tinsewx lil dawk li qed imexxu fostkom u li għallmukom il-kelma t’Alla, u hekk kif tinnotaw il-kondotta tajba tagħhom, imitaw il-fidi li għandhom.

8 Ġesù Kristu jibqaʼ l-istess: fil-passat, fil-preżent, u għal dejjem.

9 Titqarrqux minn tagħlim differenti u mhux familjari. Dak li vera se jgħinkom tkunu sodi* huwa l-qalb tajba kbira t’Alla u mhux l-ikel,* għax dawk li moħħhom fl-ikel ma jibbenefikawx minnu.

10 Għandna artal li dawk li jaqdu fit-tabernaklu* m’għandhomx awtorità jieklu minn dak li jkun hemm fuqu. 11 L-annimali li kienu joffru kienu jinħarqu ’l barra mill-kampijiet waqt li d-demm tagħhom kien jittieħed lejn l-iktar qaddis mill-qassis il-kbir ħalli jinħafru d-dnubiet. 12 B’hekk, Ġesù wkoll bata ’l barra minn bieb il-belt biex iqaddes in-nies b’demmu stess. 13 Mela ejja mmorru ħdejh ’il barra mill-kampijiet billi nissaportu t-tmaqdir li ssaporta hu, 14 għax aħna hawn m’għandniex belt li tibqaʼ. Allura qed nistennew b’qalbna kollha l-belt li għandha tiġi fil-futur. 15 Mela ejja dejjem infaħħru lil Alla permezz taʼ Ġesù. Dan hu bħal sagrifiċċju li nagħtu lil Alla. Bil-kliem li ngħidu nagħtu xhieda għal ismu. 16 Iktar minn hekk, tinsewx tagħmlu t-tajjeb u taqsmu dak li għandkom m’oħrajn, għax Alla jieħu pjaċir ħafna b’sagrifiċċji bħal dawn.

17 Obdu lil dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jieħdu ħsiebkom* u Alla se jitlob kont minnhom. Jekk tagħmlu hekk, se jagħmlu xogħolhom bil-ferħ u mhux bid-dwejjaq, ħalli ma jkunx hemm konsegwenzi koroh fuqkom.

18 Ibqgħu itolbu għalina, għax aħna nemmnu li għandna kuxjenza nadifa u rridu nkunu onesti f’kollox. 19 Imma nħeġġiġkom b’mod speċjali biex titolbu ħalli nerġaʼ niġi kemm jistaʼ jkun malajr.

20 L-Alla tal-paċi qajjem mill-mewt lill-Mulej tagħna Ġesù, u d-demm tal-patt li jibqaʼ għal dejjem hu maʼ Ġesù r-ragħaj il-kbir tan-nagħaġ. U issa jalla l-Alla tal-paċi 21 jippreparakom b’kull ħaġa tajba biex tagħmlu dak li jrid. Permezz taʼ Ġesù Kristu, hu jimmotivana biex nagħmlu dak li jogħġbu. Jalla Alla jingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.

22 Ħuti, inħeġġiġkom biex bil-paċenzja tisimgħu dan il-kliem taʼ inkuraġġiment li ktibtilkom f’din l-ittra qasira. 23 Irridkom tkunu tafu li ħuna Timotju nħeles. Jekk ma jdumx biex jiġi, niġu narawkom flimkien.

24 Selluli għal dawk kollha li qed imexxu fostkom u għall-qaddisin kollha. L-aħwa fl-Italja jsellu għalikom.

25 Jalla Alla juri qalb tajba kbira magħkom kollha.

Letteralment “Fi tmiem dan iż-żmien.”

Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “isem iktar eċċellenti minn tagħhom.”

Letteralment “spirti.”

Letteralment “Alla hu t-tron tiegħek.”

Letteralment “dilkek biż-żejt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Midluk.”

Letteralment “taħt saqajh.”

Letteralment “lil ħafna tfal.”

Jew “lill-Aġent Ewlieni.”

Ara App. A5.

Jew “lin-nisel t’Abraham; lil dawk li jiġu minn Abraham.”

Jew “sagrifiċċju propizjatorju għad-dnubiet tan-nies.”

Jew “imsejħa.”

Jew “fil-bini.” Letteralment “fid-dar.”

Jew “il-bini.” Letteralment “id-dar.”

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “b’mod ġentili.”

Jew “dgħajjef.”

Jew “issupplika u talab.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”

Letteralment “jibżaʼ minnu.”

Letteralment “xogħlijiet mejta.”

Jew “mas-sistema tal-affarijiet li ġejja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lil nislek.”

Jew “ikkonferma.”

Jew “għal ruħna.”

Din tirreferi għall-purtiera li tissepara l-Qaddis mill-Iktar Qaddis.

Jew “dixxendenti t’Abraham.”

Jew “jiġi minnu.”

Ara App. A5.

Jew “mhux se jiddispjaċih.”

Dan milli jidher jirreferi għall-gvernijiet.

Jew “li jagħmlu d-dnub.”

Letteralment “tat-tinda.”

Ara App. A5.

Letteralment “it-tinda.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “is-servizz qaddis.”

Letteralment “tal-patt.”

Il-kelma Griega għal ‘għatu’ tistaʼ tfisser ukoll sagrifiċċju li xi ħadd jagħmel biex Alla jaħfirlu.

Jew “jagħmlu s-servizz qaddis.”

Milli jidher dan jirreferi għal post qaddis fis-sema.

Din tirreferi għat-Tabernaklu fuq l-art.

Jew “tal-għoġġiela.”

Letteralment “fdiena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”

Jew “għoġla.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “inawgurat.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “l-iskroll.”

Jew “għas-servizz qaddis.”

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.

Jew “tas-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew forsi “l-qassisin.”

Jew “li jagħmlu d-dnub.”

Letteralment “Fl-iskroll tal-ktieb.”

Jew “jagħmel servizz qaddis.”

Ara App. A5.

Letteralment “inawgura.”

Letteralment “id-dar.”

Letteralment “imraxxin,” jiġifieri d-demm taʼ Ġesù ġie mraxxax fuqhom.

Jew “nagħtu kas xulxin.”

Jew “niġu mmotivati nuru mħabba.”

Ara App. A5.

Letteralment “ġejtu mdawlin.”

Letteralment “bħallikieku f’teatru.”

Jew “kellkom sehem maʼ.”

Letteralment “bil-libertà tal-kelma.”

Jew “ruħi.”

Jew “ruħna.”

Jew “it-turija evidenti.”

Jew “l-antenati tagħna.”

Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “ta xhieda li kien kuntent bir-rigali.”

Letteralment “ittrasferieh.” Dan jirreferi għal kif Enok miet. Hu possibbli li Alla ħadu u ħallieh imut fil-paċi minflok ma jinqatel mill-għedewwa tiegħu.

Letteralment “jibżaʼ minn.”

Jew “il-perit u l-bennej tagħha hu.”

Jew “tqila b’dixxendent.”

Jew “taʼ min jafdah.”

Letteralment “li deher diġà mejjet.”

Jew “Nislek; Dawk li se jiġu minnek.”

Jew “ta istruzzjonijiet dwar id-difna tiegħu.”

Letteralment “bħala l-Kristu.”

Jew “l-Aġent Ewlieni.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App A5.

Ara App A5.

Letteralment “isawwat.”

Jew “mit-trejning.”

Jew “missirijietna letterali.”

Jew “muġugħin.”

Jew “li tkunu qaddisin.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “li ma ġġibux skużi quddiem; li ma tinjorawx lil.”

Jew forsi “minn dak li kien qed iwassal twissija qaddisa fuq l-art.”

Jew “turu qalb tajba maʼ min ma tafux.”

Letteralment “lil dawk marbutin.”

Jew forsi “bħallikieku qed tbatu magħhom.”

Jew “għandu jkollhom is-sodda taż-żwieġ bla tinġis.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Jew “jgħin lil qlubkom jiġu msaħħin.”

Jiġifieri regoli dwar l-ikel.

Jew “fit-tempju.”

Jew “jieħdu ħsieb lil ruħkom.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja