L-ITTRA TAʼ ĠAKBU
1 Jien Ġakbu, ilsir t’Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, qed nibgħat din l-ittra lit-12-il tribù li huma mxerrdin maʼ kullimkien:
Inselli għalikom!
2 Ħuti, meta tgħaddu minn diversi provi, ikkunsidraw dan bħala xi ħaġa taʼ ferħ 3 għax tafu li meta l-fidi tagħkom tgħaddi minn prova, intom titgħallmu tissaportu. 4 Jekk tkomplu tissaportu, imbagħad se tkunu ttrennjati għalkollox, u se tkunu bla difett fl-aspetti kollha u ma jkun jonqoskom xejn.
5 Jekk xi ħadd minnkom għandu bżonn l-għerf, hu għandu jkompli jitlob lil Alla u se jingħatalu, għax Alla jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja maʼ* min jitolbu. 6 Però għandu jkompli jitlob bil-fidi mingħajr ma jiddubita, għax min jiddubita hu bħal mewġa tal-baħar li titmexxa mir-riħ ’l hemm u ’l hawn. 7 Infatti, xi ħadd bħal dan m’għandu jistenna li jirċievi xejn mingħand Ġeħova,* 8 għax hu bniedem indeċiż u mhux stabbli f’kulma jagħmel.
9 Imma l-ħu fqir għandu jifraħ* għax Alla se jonorah, 10 u l-ħu sinjur għandu jifraħ għax tgħallem ikun umli. Għax min hu sinjur se jmut bħal fjura. 11 Għax bħalma x-xemx titfaʼ sħana taħraq u b’hekk tnixxef pjanta, jaqgħu l-fjuri tagħha, u ma tibqax tidher sabiħa, hekk ukoll se jispiċċa s-sinjur li jirsisti biex ikollu l-ġid.
12 Ferħan min ikompli jissaporti waqt li jkun għaddej minn prova, għax meta jgħaddi mit-test, hu se jirċievi l-ħajja bħala rigal,* li Ġeħova* wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh. 13 Meta xi ħadd ikun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, m’għandux jgħid: “Alla qed jgħaddini minn prova.” Dan għax ħadd ma jistaʼ jħajjar lil Alla jagħmel affarijiet ħżiena, u Alla ma jħajjar lil ħadd biex jagħmel dak li hu ħażin. 14 Imma kull wieħed jgħaddi minn prova meta jiġi ttantat mix-xewqat tiegħu stess. 15 Imbagħad meta x-xewqa ssir kbira ħafna, iġġiegħel lil persuna tagħmel id-dnub,* u dan iwassal għall-mewt.
16 Għeżież aħwa, titqarrqux. 17 Kull ħaġa tajba u kull rigal perfett ġejjin mis-sema, mingħand il-Missier li għamel ix-xemx, il-qamar, u l-istilel. Hu ma jinbidilx bħalma jagħmel dell li jiċċaqlaq. 18 Hu tana l-ħajja meta aħna emminna li l-kelma tiegħu hi l-verità għax dan kien dak li jrid hu. B’hekk aħna stajna nsiru l-ewwel uħud li ġejna magħżulin minn dak li ħalaq.
19 Għeżież aħwa, kunu afu dan: Kull wieħed għandu jkun ħafif biex jismaʼ, imma tqil biex jitkellem u tqil biex jirrabja, 20 għax il-persuna li tirrabja ma tkunx qed taġixxi fi qbil mal-ġustizzja t’Alla. 21 Għalhekk, neħħu kull ħmieġ u kull traċċa taʼ ħażen,* u kunu umli u ħallu lil Alla jqiegħed* il-kelma tiegħu f’qalbkom. Il-kelma tiegħu tistaʼ ssalvakom.*
22 Iżda tkunux uħud li tisimgħu biss, imma għixu fi qbil mal-kelma, għax inkella tkunu qed tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz. 23 Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma imma ma jagħmilhiex, dan ikun bħal xi ħadd li jħares lejn wiċċu f’mera 24 u wara jitlaq ’l hemm, u mill-ewwel jinsa x’tip taʼ persuna hu. 25 Mill-banda l-oħra, min jeżamina sew il-liġi perfetta li twassal għal-libertà u jobdiha, mhuwiex xi ħadd li jismaʼ u jinsa, imma wieħed li jobdi l-kelma t’Alla u jkun ferħan li qed jagħmel dan.
26 Jekk xi ħadd jaħseb li qed iqim lil Alla imma ma jikkontrollax* ilsienu, hu jkun qed iqarraq bih innifsu,* u l-qima tiegħu tkun għalxejn. 27 Il-qima* li hi nadifa u mhux imniġġsa mill-ħarsa tal-Alla u l-Missier tagħna hi din: li tgħin lill-orfni u r-romol meta jkunu qed ibatu, u li żżomm ’il bogħod mill-affarijiet mhux nodfa tad-dinja.
2 Ħuti, kif jistaʼ jkun li wara li kellkom il-fidi fil-Mulej glorjuż tagħna Ġesù Kristu qed turu l-preferenzi? 2 Ejja ngħidu li tnejn min-nies jiġu għal-laqgħa tagħkom. Wieħed liebes ċrieket tad-deheb u ħwejjeġ li jqumu l-flus, u ieħor hu fqir u l-ħwejjeġ tiegħu huma maħmuġin. 3 Se tonoraw lil dak li għandu ħwejjeġ li jqumu l-flus u tgħidulu: “Poġġi hawnhekk f’post tajjeb,” u lill-fqir tgħidulu: “Ibqaʼ bilwieqfa” jew, “Poġġi ħdejn il-banketta għal saqajja”? 4 Jekk iva, mela qed tqisu lil xi ħadd aħjar minn ieħor u sirtu mħallfin li tieħdu deċiżjonijiet mill-agħar.
5 Isimgħuni għeżież aħwa. Mhux Alla kien li għażel in-nies li d-dinja tqishom fqar biex ikunu sinjuri fil-fidi? Mhux Alla kien li għażel lil dawn il-foqra biex ikunu werrieta tas-Saltna, li wegħedha lin-nies li jħobbuh? 6 Imma intom ma rrispettajtux lill-foqra. Mhux is-sinjuri li ħaqrukom u kaxkrukom lejn il-qrati? 7 Mhux huma jidgħu* bl-isem sabiħ li bih tissejħu? 8 L-Iskrittura tgħid: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” Allura qed tagħmlu tajjeb jekk qed tobdu l-aqwa liġi.* 9 Imma jekk tkomplu turu preferenzi, tkunu qed tagħmlu dnub, u l-liġi tagħmilha ovvja li intom ħatja.*
10 Għax jekk hemm xi ħadd li jobdi l-Liġi kollha imma jiżbalja f’waħda minnhom, ikun kisirhom kollha. 11 Għax dak li qal: “Tagħmilx adulterju,” qal ukoll: “Toqtolx.”* Issa jekk int ma tagħmilx adulterju imma toqtol, tkun qed tikser il-liġi. 12 Ibqgħu tkellmu u aġixxu bħal dawk li se jiġu ġġudikati mil-liġi li teħles in-nies. 13 Għax min ma jurix ħniena se jiġi ġġudikat mingħajr ħniena. Li turi ħniena hu ħafna aħjar milli tiġġudika.
14 Ħuti, x’jiswa jekk xi ħadd jgħid li għandu l-fidi imma ma jurihiex b’dak li jagħmel? Din il-fidi ma tistax issalvah. 15 Ejja ngħidu li ħu jew oħt m’għandhiex biżżejjed x’tilbes* u biżżejjed x’tiekol. 16 X’jiswa li xi ħadd minnkom jgħid: “Mur fil-paċi, u jalla jkollok x’tilbes u l-ikel taʼ kuljum,” imma ma jagħtihiex dak li hemm bżonn biex tgħix? 17 Anki l-fidi, jekk ma tintweriex b’li tagħmel, hi bħallikieku mejta.
18 Minkejja dan, xi ħadd jistaʼ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jien nagħmel affarijiet tajbin. Urini l-fidi tiegħek mingħajr ma tagħmel affarijiet tajbin, u jien nurik il-fidi tiegħi b’dak li nagħmel.” 19 Int temmen li hemm Alla wieħed, hux vera? U sewwa tagħmel. Anki d-demonji jemmnu dan u jitriegħdu bil-biżaʼ. 20 Ja bniedem vojt, m’intix tinduna li l-fidi li ma tintweriex b’dak li tagħmel hi għalxejn? 21 Missierna Abraham kien iddikjarat ġust wara li offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal. 22 Il-fidi tiegħu ntweriet b’dak li għamel, u b’dak li għamel wera b’mod ċar li hu veru kellu l-fidi.* 23 Allura ġara bħalma tgħid l-Iskrittura: “Abraham fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust,” u beda jissejjaħ il-ħabib taʼ Ġeħova.*
24 Mela persuna tiġi ddikjarata ġusta b’dak li tagħmel, u mhux bil-fidi biss. 25 Anki Raħab il-prostituta ġiet iddikjarata ġusta b’dak li għamlet wara li kienet laqgħet għandha l-ispiji u qaltilhom biex joħorġu minn xi mkien ieħor. 26 Fil-fatt, bħalma l-ġisem mingħajr il-ħajja* hu mejjet, l-istess jiġri bil-fidi tagħna jekk ma nagħmlux affarijiet tajbin, tkun bħallikieku mejta.
3 Ħuti, ħafna minnkom m’għandhomx isiru għalliema, għax bħala għalliema aħna għandna responsabbiltà akbar quddiem Alla.* 2 Fil-fatt, kollha kemm aħna nitfixklu* ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, ikun perfett u kapaċi jikkontrolla* ġismu kollu. 3 Jekk nagħmlu lġiem* f’ħalq iż-żiemel biex jobdina, aħna nkunu nistgħu nikkontrollaw lil ġismu kollu. 4 Anki l-vapuri, għalkemm huma kbar ħafna u jitmexxew minn riħ qawwi, huma jiġu ggwidati minn tmun żgħir ħafna u jmorru fejn ikun irid dak li jkun mat-tmun.
5 Bl-istess mod l-ilsien. Hu parti żgħira mill-ġisem, imma bih tistaʼ tiftaħar ħafna. Anki fjamma żgħira tistaʼ tqabbad foresta kbira! 6 L-ilsien hu bħal nar. Dan hu mimli ħażen u jniġġes il-ġisem kollu. Dan jistaʼ jeqred il-ħajja taʼ xi ħadd u jġib il-qerda bħal Geħenna.* 7 Kull tip t’annimal salvaġġ, għasfur, rettili,* u ħliqa tal-baħar jistgħu jiġu mmansati u ġew immansati min-nies. 8 Imma ebda persuna ma tistaʼ tikkontrolla* l-ilsien. Dan hu bla kontroll, iweġġaʼ, u mimli velenu li joqtol. 9 Bih infaħħru lil Ġeħova,* il-Missier tagħna, u bih nisħtu lin-nies li nħolqu “fis-sura t’Alla.” 10 Mill-istess ħalq joħorġu l-barka u s-saħta.
Ħuti, mhux sew li jsiru dawn l-affarijiet. 11 L-ilma ħelu* u l-ilma morr ma joħorġux mill-istess għajn, hux hekk? 12 Ħuti, tina ma tistax tagħmel iż-żebbuġ, jew dielja ma tistax tagħmel it-tin, hux hekk? Għajn tal-ilma li joħroġ minnha ilma mielaħ ma jistax joħroġ ilma ħelu.
13 Jekk xi ħadd minnkom hu għaref u kapaċi jifhem, hu għandu juri bil-kondotta tajba tiegħu li dak li jagħmel qed jagħmlu bil-ħlewwa li ġejja mill-għerf. 14 Imma jekk għandkom għira kbira f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied,* m’għandkomx tiftaħru bl-għerf tagħkom. Jekk tagħmlu hekk, tkunu qed tigdbu. 15 Dan mhux l-għerf li ġej minn Alla, imma li ġej mid-dinja, minn dawk li jissodisfaw il-ġisem midneb, u mid-demonji. 16 Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied,* ikun hemm ukoll nuqqas t’ordni u kull ħaġa ħażina.
17 Imma min għandu l-għerf t’Alla, l-ewwel nett jgħix ħajja nadifa, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, iħenn ħafna, jagħmel dak li hu tajjeb, ma jurix preferenzi, u mhux ipokrita. 18 Barra minn hekk, min imur tajjeb man-nies jgħin biex ikun hemm il-paċi, u b’hekk jagħmel dak li hu sew.
4 Minn fejn ġejjin il-ġlied u l-argumenti li hemm bejnietkom? Dawn ġejjin minn xewqat egoisti li qed jiġġieldu biex jikkontrollawkom. 2 Hu għalhekk li tixtiequ xi ħaġa, imma ma tirċievu xejn. Intom tibqgħu tobogħdu* lil xulxin u tixxennqu għall-affarijiet taʼ ħaddieħor, imma tibqgħu b’xejn. Iva, intom tibqgħu tiġġieldu u bħallikieku qegħdin fi gwerra bejnietkom. Ukoll, jekk m’għandkom xejn, sinjal li għax ma titolbux. 3 U meta titolbu, ma tirċivux, għax titolbu bi skop ħażin biex tissodisfaw ix-xewqat egoisti tagħkom.
4 Ja wħud mhux leali,* ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja tagħmilkom għedewwa m’Alla? Għalhekk, kull min irid ikun ħabib mad-dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla. 5 Mhux taʼ b’xejn li l-Iskrittura tgħid: “Minħabba li għandna t-tendenza li ngħiru, aħna l-ħin kollu nixxennqu għal affarijiet differenti.” 6 Imma l-qalb tajba kbira t’Alla tgħinna negħlbu dawn ix-xewqat. Għalhekk l-Iskrittura tgħid: “Alla jiħodha kontra l-kburin, imma juri qalb tajba kbira mal-umli.”
7 Għalhekk, issottomettu ruħkom lejn Alla; imma iqfulu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom. 8 Ersqu qrib t’Alla, u hu jersaq qrib tagħkom. Naddfu lilkom infuskom mill-affarijiet mill-agħar li għamiltu, ja midinbin,* u żommu l-ħsibijiet tagħkom nodfa, ja indeċiżi. 9 Kunu miżerabbli, imdejqin, u ibku. Ħa jinbidel id-daħq tagħkom fi dwejjaq, u l-ferħ tagħkom f’niket. 10 Umiljaw ruħkom quddiem Ġeħova,* u hu jonorakom.
11 Ħuti, tibqgħux titkellmu kontra xulxin. Min jitkellem kontra ħuh jew jiġġudika lil ħuh ikun qed jitkellem kontra l-liġi u jiġġudika l-liġi. Issa jekk tiġġudika l-liġi, m’intix qed tagħmel dak li trid il-liġi, imma qed tagħmilha taʼ mħallef. 12 Alla biss hu Dak li Jagħmel il-Liġi u Mħallef, hu l-wieħed li jistaʼ jsalva u jeqred. Imma int min int biex tiġġudika lil ħaddieħor?
13 Xi wħud minnkom jgħidu: “Illum jew għada se mmorru f’din il-belt, inqattgħu sena hemmhekk, ninnegozjaw, u naqilgħu l-flus.” 14 Imma intom ma tafux x’se jiġri minnkom għada, għax intom bħal ċpar li jidher għal ftit u mbagħad jisparixxi. 15 Minflok, għandkom tgħidu: “Jekk Ġeħova* jrid, se nibqgħu ngħixu u nagħmlu hekk u hekk.” 16 Imma intom kburin u tiftaħru wisq. Dan il-ftaħir hu ħażin ħafna. 17 Għalhekk, jekk xi ħadd jaf jagħmel dak li hu sew u ma jagħmlux, ikun qed jagħmel dnub.
5 Intom is-sinjuri, isimgħu u ibku fuq li tibku minħabba l-inkwiet kbir li ġej fuqkom. 2 Il-ġid tagħkom tħassar u l-ħwejjeġ tagħkom kilithom il-kamla. 3 Id-deheb u l-fidda tagħkom issaddu, u s-sadid tagħhom se jkun xhieda kontrikom u se jiblagħkom. Dak li rfajtu se jsir bħal nar fl-aħħar jiem. 4 Il-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom jibqgħu jgħajtu għax ma tajtuhomx il-paga, u t-talb tal-ħassada għall-għajnuna wasal għand Ġeħova* tal-armati. 5 Intom għextu fil-lussu u għamiltu kulma xtaqtu. Kiltu u ħxintu bħal annimal għal jum il-qatla. 6 Intom ikkundannajtu u qtiltu lill-ġust.* Għalhekk hu* qed jiħodha kontrikom.
7 Aħwa, kunu paċenzjużi sakemm jerġaʼ lura l-Mulej. Aħsbu f’bidwi: hu jibqaʼ jistenna bil-paċenzja għall-prodott prezzjuż tal-art sakemm tagħmel l-ewwel u l-aħħar xita. 8 Anki intom uru paċenzja. Kunu determinati, għax il-Mulej daqt jiġi.
9 Aħwa, tgergrux* kontra xulxin ħalli ma tiġux iġġudikati. L-Imħallef kważi wasal.* 10 Aħwa, kunu bħall-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova.* Huma batew b’mod inġust u ssaportew bil-paċenzja. 11 Lil dawk li ssaportew, aħna nqisuhom ferħanin.* Intom tafu kemm issaporta Ġob u smajtu kif Ġeħova* bierku, għax Ġeħova* jħobb ħafna* u ħanin.
12 Ħuti, fuq kollox tibqgħux taħilfu, la bis-sema, la bl-art, u lanqas b’xi ħaġa oħra. Imma ħallu “l-Iva” tfisser iva, u “l-Le,” le, ħalli Alla ma jiġġudikakomx.
13 Jekk hemm xi ħadd minnkom li qed ibati minħabba d-diffikultajiet, ħa jkompli jitlob. Jekk hemm xi ħadd ferħan, ħa jkanta s-salmi. 14 Jekk hemm xi ħadd marid fostkom, ħa jkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.* 15 U t-talb li jgħidu bil-fidi se jfejjaq lill-marid,* u Ġeħova* se jerġaʼ jsaħħu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, Alla se jaħfirlu.
16 Għalhekk, ammettu d-dnubiet tagħkom ma’ xulxin u itolbu għal xulxin biex tfiqu. It-talb bil-ħniena tal-ġust hu t’għajnuna kbira.* 17 Elija kellu sentimenti bħal tagħna, imma meta talab bil-ħniena biex ma tagħmilx xita, m’għamlitx xita għal tliet snin u nofs. 18 Imbagħad reġaʼ talab, u għamlet ix-xita, u l-art tat il-prodott tagħha.
19 Ħuti, jekk xi ħadd fostkom jitlaq il-verità u ħaddieħor jgħinu jiġi lura, 20 kunu afu li dak li jgħinu jdur lura mill-iżbalji li kien qed jagħmel ikun qed isalvah* mill-mewt u jgħinu biex jinħafrulu d-dnubiet.
Jew “mhux se jċanfar lil.”
Ara App. A5.
Letteralment “jiftaħar.”
Letteralment “il-kuruna tal-ħajja.”
Ara App. A5.
Jew “meta x-xewqa ssir fertili, twelled id-dnub.”
Jew forsi “u l-ħafna ħażen.”
Letteralment “iħawwel.”
Jew “issalva lil ruħkom.“
Jew “jaħseb li hu reliġjuż imma ma jrażżanx.”
Letteralment “b’qalbu stess.”
Jew “Ir-reliġjon.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”
Letteralment “il-liġi taʼ re.”
Jew “u l-liġi twiddibkom talli qed tiksruha.”
Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-liġi.
Letteralment “għarwiena.”
Letteralment “il-fidi tiegħu saret perfetta.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “in-nifs.” Letteralment “l-ispirtu.”
Jew “se nirċievu ġudizzju iktar iebes.”
Jew “niżbaljaw.”
Jew “iliġġem.”
Din kienet biċċa ħadida mqabbda b’ħabel u tintuża biex tikkontrolla żiemel.
Jew “annimal li jitkaxkar.”
Jew “timmansa.”
Ara App. A5.
Jew “ġieri.”
Jew forsi “u għandkom ambizzjoni egoista.”
Jew forsi “ambizzjoni egoista.”
Letteralment “toqtlu.”
Letteralment “adulteri.”
Jew “nies li jagħmlu dnub.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jistaʼ jkun li qed jirreferi għal Ġesù jew għad-dixxipli ġusti tiegħu.
Jistaʼ jkun li qed jirreferi għal Alla jew għal Ġesù rxoxtat.
Jew “teqirdux.”
Letteralment “qiegħed ħdejn il-bieb.”
Ara App. A5.
Jew “imberkin.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “juri ħafna mogħdrija.”
Ara App. A5.
Jew forsi “lill-għajjien.”
Ara App. A5.
Jew “għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jagħmel.”
Jew “isalva lil ruħu.”