LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt 1 Pietru 1:1-5:14
  • L-1 Pietru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-1 Pietru
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
L-1 Pietru

L-EWWEL ITTRA TAʼ PIETRU

1 Jien Pietru, appostlu taʼ Ġesù Kristu, qed nikteb din l-ittra lilkom ir-residenti temporanji li qegħdin imxerrdin fil-Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja, u fil-Bitinja. Iva, lilkom il-magħżulin 2 mill-Alla l-Missier skont dak li kien ħaseb minn qabel. Hu takom l-ispirtu qaddis biex jagħmilkom qaddisin, biex tobduh, u biex inaddafkom permezz tad-demm taʼ Ġesù Kristu:

Jalla Alla jurikom iktar qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom iktar paċi.

3 Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax bil-ħniena kbira tiegħu, hu tana ħajja ġdida* b’tama li tibqaʼ permezz tal-irxoxt taʼ Ġesù Kristu. 4 Alla jagħtikom wirt li ma jistax jinqered jew jispiċċa. Dan hu merfugħ għalikom fis-sema. 5 Iva, għalikom li permezz tal-fidi tagħkom, Alla qed jipproteġikom biex isalvakom. Din is-salvazzjoni se tingħata* fl-aħħar żmien. 6 Minħabba f’hekk, intom qed tifirħu ħafna, għalkemm bħalissa jaf tkunu mdejqin għal ftit minħabba d-diversi provi li għaddejjin minnhom 7 biex il-fidi tagħkom tiġi ttestjata. U din il-fidi b’saħħitha tkun tiswa ħafna iktar mid-deheb, li għalkemm jiflaħ għan-nar,* xorta jiġi fix-xejn. B’hekk intom tkunu tistgħu tirċievu tifħir, glorja, u unur meta jidher Ġesù Kristu. 8 Għalkemm qatt ma rajtuh, intom tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh issa, xorta qed turu li għandkom fidi fih, u intom ferħanin ħafna u qed tħossu ferħ kbir li ma jistax jiġi deskritt, 9 għax ċerti li l-fidi tagħkom se ssalvakom.*

10 Il-profeti li tkellmu dwar il-qalb tajba kbira li Alla wera magħkom, staqsew u fittxew bir-reqqa dwar din is-salvazzjoni. 11 Qabel ma ġara hekk, Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħidilhom li Kristu kien se jbati u jiġi onorat. Hu għalhekk li baqgħu jipprovaw isiru jafu x’kien se jiġri lil Kristu u meta kien se jiġri hekk. 12 Alla għenhom jirrealizzaw li dak li kienu qalu bħala qaddejja ma kienx għalihom imma għalikom, u intom smajtu dawk l-affarijiet permezz taʼ dawk li ppritkawlkom l-aħbar tajba bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis li ntbagħat mis-sema. L-anġli huma interessati ħafna li jsiru jafu dwar dawn l-affarijiet.

13 Għalhekk, ippreparaw lilkom infuskom għal xogħol iebes; ibqgħu f’sensikom għalkollox; ittamaw fil-qalb tajba kbira li se tintwerew meta jerġaʼ jiġi Ġesù Kristu. 14 Bħala tfal ubbidjenti, tibqgħux tiġu influwenzati* mix-xewqat li kellkom qabel ma sirtu tafu dwar Alla, 15 imma siru qaddisa f’kulma tagħmlu bħalma hu l-Qaddis li għażilkom, 16 għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Intom tridu tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”

17 Jekk qed titolbu lill-Missier, li jiġġudika mingħajr preferenzi lil kull wieħed skont dak li jagħmel, ġibu ruħkom b’mod li juri li tirrispettawh ħafna* matul iż-żmien li qed tgħixu bħala residenti barranin. 18 Għax intom tafu li ma ġejtux meħlusin* mill-ħajja bla sens li rċivejtu mingħand missirijietkom* b’affarijiet li jiġu fix-xejn, bħall-fidda jew id-deheb. 19 Minflok, ġejtu meħlusin bid-demm prezzjuż taʼ Kristu, li hu bħal dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa. 20 Veru, Alla kien għażel lil Kristu qabel il-bidu tad-dinja,* imma hu deher fit-tmiem taʼ dan iż-żmien għalikom. 21 Permezz tiegħu, intom temmnu f’Alla, il-wieħed li qajmu mill-mewt u gglorifikah, ħalli l-fidi u t-tama tagħkom ikunu f’Alla.

22 Peress li obdejtu l-verità, intom naddaftu lilkom infuskom,* u b’hekk għandkom imħabba sinċiera lejn xulxin. Għalhekk, ħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha. 23 Għax permezz tal-kelma tal-Alla l-ħaj li jibqaʼ għal dejjem, intom ingħatajtu ħajja ġdida* permezz taʼ żerriegħa li ma titħassarx, u mhux permezz taʼ żerriegħa li titħassar. 24 Għax “in-nies kollha huma bħall-ħaxix, u huma sbieħ bħall-fjuri; il-ħaxix jinxef, u l-fjura taqaʼ, 25 imma dak li jgħid Ġeħova* jibqaʼ għal dejjem.” U din hi l-aħbar tajba li ġiet ippritkata lilkom.

2 Għalhekk neħħu kull ħażen, qerq, ipokrisija, għira, u malafama. 2 Bħal trabi tat-twelid li jixxennqu għall-ħalib t’ommhom, intom ukoll għandkom tixxennqu biex tfittxu l-kelma vera t’Alla, li hi bħal ħalib pur, ħalli timmaturaw u ssalvaw. 3 Dan għax intom esperjenzajtu* l-qalb tajba tal-Mulej.

4 In-nies warrbu l-Mulej li hu l-ġebla ħajja, imma Alla għażlu u qiesu prezzjuż. Meta tersqu lejh, 5 intom tkunu ġebel ħaj li qed tinbnew f’dar spiritwali biex tkunu qassisin qaddisa. B’hekk toffru sagrifiċċji spiritwali li Alla jaċċetta permezz taʼ Ġesù Kristu. 6 Għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Jien qed inqiegħed ġebla magħżula f’Sijon, l-iktar ġebla importanti* u prezzjuża tal-pedament, u kull min juri li għandu fidi fiha mhux se jkun iddiżappuntat.”*

7 Għalhekk, għalikom hu prezzjuż, għax intom temmnu; imma għal dawk li ma jemmnux, l-Iskrittura tgħid, “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini,” 8 u “ġebla li tfixkel lin-nies u blata li ġġegħelhom iħossuhom offiżi.” Huma jitfixklu għax ma jobdux il-kelma. Fil-fatt, ġie pprofetizzat li kien se jiġrilhom hekk. 9 Imma intom “nies magħżula, qassisin li taqdu bħala rejiet, ġens qaddis, u poplu speċjali. Intom ġejtu magħżulin biex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet tal-għaġeb” t’Alla li għajtilkom minn ġod-dlam u laqagħkom fid-dawl mill-isbaħ tiegħu. 10 Għax xi darba ma kontux poplu, imma issa l-poplu t’Alla; xi darba ma ntwerejtux ħniena, imma issa qed tintwerew ħniena.

11 Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, ninkuraġġikom biex tibqgħu tirrifjutaw xewqat ħżiena. Dawn qegħdin bħallikieku jiġġieldu kontrikom.* 12 Ibqgħu ġibu ruħkom sew quddiem il-popli, ħalli meta jakkużawkom li intom nies ħżiena, ikunu jistgħu jaraw it-tajjeb li tagħmlu, u b’hekk jigglorifikaw lil Alla dakinhar li jeżamina n-nies.

13 Agħmlu dak li jixtieq il-Mulej billi tkunu sottomessi lejn kull awtorità magħmula mill-bniedem, kemm jekk ikun re, li hu superjuri minnkom, 14 u kemm jekk ikun gvernatur, li jkun intbagħat minnu biex jikkastiga lill-ħżiena u biex ifaħħar lil dawk li jagħmlu t-tajjeb. 15 Għax Alla jrid li tagħmlu t-tajjeb, ħalli tagħlqu ħalq dawk li jitkellmu bla sens u li mhumiex raġonevoli. 16 Kunu nies liberi u għixu bħala poplu li jaqdi lil Alla, imma tużawx il-libertà tagħkom bħala skuża biex tagħmlu l-ħażin.* 17 Irrispettaw lil kull tip taʼ nies, ħobbu lill-aħwa kollha, uru rispett kbir lejn* Alla, u onoraw lir-re.

18 Il-qaddejja għandhom ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom u juruhom ir-rispett li ħaqqhom. Dan m’għandhomx jagħmluh maʼ dawk li huma tajbin u raġonevoli biss, imma anki maʼ dawk li huma diffiċli biex tikkuntentahom. 19 Alla jieħu pjaċir meta xi ħadd jissaporti d-diffikultajiet u jbati minkejja li ma jkunx ħati biex ikollu kuxjenza nadifa quddiemu. 20 Għax x’jiswa jekk tiġu msawtin talli dnibtu u tissaportu? Imma Alla jieħu pjaċir jekk tissaportu t-tbatija talli għamiltu t-tajjeb.

21 Fil-fatt, għalhekk ġejtu magħżulin, għax anki Kristu bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timitawh kemm jistaʼ jkun.* 22 Hu m’għamilx dnub, u ma qal xejn biex iqarraq. 23 Meta għajruh, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja. 24 Hu ġarr id-dnubiet tagħna meta ġismu ġie msammar maz-zokk,* biex ninħelsu mid-dnubiet* u biex ngħixu ħalli nagħmlu dak li hu ġust. U l-Iskrittura tgħid, “Bil-feriti tiegħu ġejtu mfejqin.” 25 Għax kontu bħal nagħaġ mitlufin; imma issa ġejtu lura għand ir-ragħaj u l-wieħed li jieħu ħsiebkom.*

3 Bl-istess mod, nisa, kunu sottomessi* lejn l-irġiel tagħkom, ħalli dawk li ma jobdux il-kelma t’Alla forsi jibdew jobdu b’dak li tagħmlu u mhux b’dak li tgħidu. 2 Dan peress li jaraw il-kondotta tajba u r-rispett kbir tagħkom. 3 Tħallux is-sbuħija tagħkom tkun dik li tidher minn barra, jiġifieri xagħar immaljat u li tilbsu d-deheb jew ħwejjeġ li jiswew ħafna, 4 imma kunu sbieħ minn ġewwa billi tkunu kalmi u turu l-ħlewwa, għax dawn l-affarijiet huma importanti għal Alla. Din is-sbuħija qatt ma tispiċċa. 5 Hu għalhekk li n-nisa leali* tal-passat li kienu jittamaw f’Alla kienu sbieħ, għax kienu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom, 6 bħalma Sara kienet tobdi lil Abraham u kienet tgħajjatlu sidi. Intom tistgħu tkunu bħalha billi tkomplu tagħmlu dak li hu tajjeb u ma tħallu xejn ibeżżagħkom.

7 Bl-istess mod, irġiel, komplu għixu mal-mara tagħkom billi turu li tifhmuha.* Onoraw in-nisa tagħkom li huma bħal reċipjent fraġli, għax huma wkoll se jirtu l-ħajja magħkom grazzi għall-qalb tajba kbira t’Alla, inkella Alla ma jismax it-talb tagħkom.

8 Fl-aħħar, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, ħobbu lil xulxin bħal aħwa, ħennu ħafna, u kunu umli. 9 Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir. Minflok, birkuhom għax intom intgħażiltu minn Alla biex tbierku lil oħrajn ħalli b’hekk hu jberikkom.

10 Għax “kull min jixtieq igawdi l-ħajja u jgħix ħajja ferħana, għandu joqgħod attent li ma jgħidx dak li hu ħażin u lanqas jitkellem bil-qerq. 11 Ħa jitbiegħed minn dak li hu ħażin u jagħmel it-tajjeb; ifittex il-paċi u jaħdem għaliha. 12 Għax Ġeħova* jżomm għajnejh fuq it-tajbin, u jismagħhom meta jitolbuh bil-ħniena, imma Ġeħova* jdawwar wiċċu minn dawk li jagħmlu affarijiet ħżiena.”

13 Infatti, min se jweġġagħkom jekk tagħmlu affarijiet tajbin b’qalbkom kollha? 14 Imma anki jekk kellkom tbatu minħabba s-sewwa, intom se tkunu ferħanin. Għalhekk, tibżgħux minn dak li jibżgħu huma,* u tinkwetawx. 15 Iżda qaddsu lill-Kristu bħala l-Mulej f’qalbkom. Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem dawk li jistaqsu dwar it-tama tagħkom, imma agħmlu dan bil-ħlewwa u b’rispett kbir.

16 Żommu kuxjenza nadifa, ħalli jgħidu x’jgħidu kontrikom, ikollhom jistħu minħabba l-kondotta tajba tagħkom bħala dixxipli taʼ Kristu. 17 Aħjar tbatu talli tkunu qed tagħmlu t-tajjeb, jekk Alla jippermetti dan, milli tbatu talli tagħmlu l-ħażin. 18 Kristu, raġel ġust, miet darba għal dejjem għal nies mhux ġusti biex jinħafrulhom id-dnubiet. Hu għamel hekk biex iressaqkom lejn Alla. Hu kien bniedem meta nqatel, imma ġie rxoxtat bħala spirtu. 19 Imbagħad hu mar jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju lill-anġli li kienu fil-ħabs. 20 Dawn ma kinux qed jobdu meta Alla kien qed jistenna bil-paċenzja fi żmien Noè. Dak iż-żmien kienet qed tinbena l-arka, u fiha ġew salvati mill-ilma tmienja min-nies* biss.

21 Nistgħu nqabblu dak li ġara dak iż-żmien mal-magħmudija li issa qed issalvakom permezz tal-irxoxt taʼ Ġesù Kristu. Il-magħmudija ma ssalvakomx billi tneħħi l-ħmieġ tal-ġisem, imma billi titolbu lil Alla għal kuxjenza nadifa. 22 Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla, għax hu telaʼ s-sema u Alla onorah ħalli jobduh l-anġli, l-awtoritajiet, u l-qawwiet.

4 Kristu bata meta kien bniedem, allura intom ukoll kunu lesti biex taħsbu* bħal Kristu, għax min ibati juri li ma jridx jibqaʼ jidneb. 2 B’hekk, waqt li jkun għadu ħaj, jgħix biex jagħmel dak li jrid Alla, u mhux iktar għax-xewqat tal-bniedem. 3 Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu bħall-popli meta kontu qed iġġibu ruħkom b’mod ħażin bla mistħija,* kellkom xewqat ħżiena, kontu tiskru, kontu tixxalaw,* kontu tagħmlu mħatri min jixrob l-iktar, u kontu tqimu l-idoli, xi ħaġa li tmur kontra l-liġi. 4 Huma jitħawdu għax m’għadkomx tgħixu ħajja sfrattata bħalhom, allura jgħajrukom. 5 Imma dawn in-nies iridu jagħtu kont lil dak li lest li jiġġudika lill-ħajjin u lill-mejtin. 6 Fil-fatt, minħabba f’hekk l-aħbar tajba ġiet ippritkata lill-mejtin ukoll. Għalhekk, għalkemm jiġu ġġudikati bħalma jiġu ġġudikati n-nies, huma jistgħu jgħixu taħt il-gwida tal-ispirtu t’Alla.

7 Imma t-tmiem taʼ kollox hu viċin. Allura użaw l-għaqal* u ftakru kemm hu importanti t-talb. 8 Fuq kollox, għandkom tħobbu ħafna lil xulxin, għax min iħobb ikun dejjem lest li jaħfer.* 9 Kunu ospitabbli maʼ xulxin mingħajr ma tgergru. 10 Bħala qaddejja fdati u mill-aħjar t’Alla, użaw ir-rigal li kull wieħed minnkom irċieva biex taqdu lil xulxin u biex tgħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-qalb tajba kbira* t’Alla li tintwera b’ħafna modi. 11 Jekk xi ħadd jitkellem, ħa jitkellem bħallikieku qed jgħid messaġġ mingħand Alla; jekk xi ħadd jaqdi, ħa jistrieħ fuq is-saħħa li jagħti Alla. B’hekk, permezz taʼ Ġesù Kristu, Alla jiġi gglorifikat f’kollox. Iva, jalla l-glorja u l-qawwa tiegħu jkunu għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.

12 Maħbubin, tiħduhiex bi kbira jekk qed tgħaddu minn provi kbar, bħallikieku dawn huma affarijiet ġodda għalikom. 13 Għall-kuntrarju, minħabba li qed tbatu bħalma bata l-Kristu, għandkom tkomplu tifirħu ħalli meta tidher il-glorja tiegħu, intom tifirħu fuq li tifirħu. 14 Jekk qed jgħajrukom* minħabba l-isem taʼ Kristu, għandkom tkunu ferħanin għax dan juri li għandkom l-ispirtu tal-glorja, jiġifieri l-ispirtu t’Alla.

15 Però, ma rridx li xi ħadd minnkom ibati għax isir qattiel, ħalliel, persuna mill-agħar, jew għax jindaħal fl-affarijiet tal-oħrajn. 16 Imma jekk xi ħadd ibati bħala Kristjan, ħa ma jistħix, imma ħa jkompli jigglorifika lil Alla billi jgħix bħala Kristjan. 17 Għax wasal iż-żmien li jibda l-ġudizzju min-nies* t’Alla. Issa jekk jibda bina, x’se jiġri minn dawk li ma jobdux l-aħbar tajba t’Alla? 18 “U jekk hu diffiċli li l-ġust jiġi salvat, x’se jiġri minn dak li ma jirrispettax lil Alla u minn dak li jidneb?” 19 Mela dawk li qed ibatu għax qed jagħmlu dak li jrid Alla, ħa jkomplu jagħmlu t-tajjeb u jafdaw ruħhom fil-Ħallieq, li hu leali.

5 Għalhekk, bħala anzjan bħalkom u wieħed li ra t-tbatijiet tal-Kristu u li wkoll se jirċievi l-glorja li se tidher, jien inħeġġeġ mill-qalb lill-anzjani li hemm fostkom biex tagħmlu dan: 2 Irgħaw il-merħla t’Alla li ġiet fdata lilkom billi taqdu bħala anzjani* mhux bilfors, imma minn qalbkom għax Alla hekk irid; mhux biex takkwistaw affarijiet b’mod diżonest, imma bil-ħeġġa; 3 u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma t’Alla, imma billi ssiru eżempju għall-merħla. 4 U meta jidher ir-ragħaj importanti, intom se tirċievu l-kuruna tal-glorja li ma tispiċċax.

5 Bl-istess mod, irġiel żgħażagħ, kunu sottomessi lejn l-irġiel akbar minnkom.* Ilkoll kemm intom ittrattaw lil xulxin bl-umiltà,* għax Alla jiħodha kontra l-kburin, imma juri qalb tajba kbira mal-umli.

6 Għalhekk, umiljaw lilkom infuskom quddiem il-qawwa t’Alla, biex b’hekk ifaħħarkom fiż-żmien xieraq, 7 waqt li tħallu l-ansjetajiet* tagħkom f’idejh, għax hu jimpurtah minnkom. 8 Kunu għaqlin u oqogħdu għassa. L-għadu tagħkom ix-Xitan qed idur ’l hemm u ’l hawn bħal iljun jgħajjat u qed jipprova jiblaʼ lil xi ħadd. 9 Imma iqfulu b’fidi soda, għax tafu li l-aħwa kollha madwar id-dinja għaddejjin mill-istess tbatijiet bħalkom. 10 Imma wara li tkunu batejtu għal ftit, l-Alla li juri qalb tajba kbira f’kollox, li għażilkom biex tkunu dixxipli taʼ Kristu u tiġu gglorifikati għal dejjem, se jittrennjakom għal kollox. Hu se jsaħħaħkom, se jgħinkom tibqgħu leali, u se jissodakom. 11 Il-qawwa hi tiegħu għal dejjem. Ammen.

12 Ktibtilkom dan il-ftit kliem permezz taʼ Silvanu,* li nqisu bħala ħu leali, biex ninkuraġġikom u naċċertakom li l-qalb tajba kbira li Alla wera magħkom hi vera. Ibqgħu żommu sod magħha. 13 Din* li qiegħda hawn f’Babilonja u li hi magħżula bħalkom, isselli għalikom, u anki Marku li nqisu bħala t-tifel tiegħi jselli għalikom. 14 Ilqgħu lil xulxin mill-qalb.*

Jalla intom id-dixxipli kollha taʼ Kristu tkunu fil-paċi.

Jew “aħna twilidna mill-ġdid.”

Letteralment “tiġi rrivelata.”

Jew “jiġi rfinut bin-nar.”

Jew “issalva lil ruħkom.“

Jew “magħġunin.”

Letteralment “tibżgħu minnu.”

Letteralment “mifdijin.”

Jew “mit-tradizzjonijiet.”

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.

Jew “lil ruħkom.”

Jew “twilidtu mill-ġdid.”

Ara App. A5.

Letteralment “doqtu.”

Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.

Letteralment “jiġi mġiegħel jistħi.”

Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.

Jew “kontra ruħkom.”

Jew “biex tgħattu l-ħażin li tagħmlu.”

Letteralment “ibżgħu minn.”

Jew “ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.”

Jew “mas-siġra.”

Jew “biex immutu għad-dnubiet.”

Jew “l-indokratur taʼ ruħkom.”

Jiġifieri rrispettaw l-awtorità.

Letteralment “qaddisin.”

Jew “billi tittrattawha b’konsiderazzjoni; skont l-għarfien.”

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew forsi “tibżgħux mit-theddid tagħhom.”

Jew “tmien erwieħ.”

Jew “kunu determinati.”

Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”

Jew “tagħmlu parties bla kontroll.”

Jew “kunu moħħkom f’loku.”

Jew “l-imħabba tgħatti ħafna dnubiet.”

Jew “mill-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “imaqdrukom.”

Letteralment “mid-dar.”

Jew “billi toqogħdu attenti ħafna għaliha.”

Jew “l-anzjani.”

Jew “ilbsu l-umiltà.”

Jew “l-inkwiet.”

Jgħidulu wkoll Sila.

“Din” tistaʼ tirreferi għal kongregazzjoni.

Letteralment “b’bewsa taʼ mħabba.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja