IT-TIENI ITTRA TAʼ PIETRU
1 Jien Xmun Pietru, ilsir u appostlu taʼ Ġesù Kristu, qed nikteb din l-ittra lil dawk li bdew jemmnu u għandhom fidi prezzjuża bħal tagħna* permezz tal-ġustizzja t’Alla tagħna u taʼ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana:
2 Jalla Alla jurikom iktar qalb tajba kbira u jgħinkom ikollkom iktar paċi permezz taʼ għarfien eżatt dwaru u dwar Ġesù l-Mulej tagħna, 3 għax il-qawwa t’Alla tatna* kulma għandna bżonn biex inkunu leali lejh bl-għarfien eżatt li għandna dwaru. Hu għażilna bil-glorja u l-qalb tajba tiegħu. 4 Permezz taʼ dawn l-affarijiet, hu tana kelmtu li jagħtina barkiet prezzjużi u tal-għaġeb, ħalli permezz taʼ dawn insiru spirti bħal Alla. Hu għamel dan għax waqafna nagħmlu affarijiet ħżiena tad-dinja li jiġu minn xewqat ħżiena.*
5 Minħabba f’hekk, agħmlu kull sforz biex mal-fidi tagħkom tagħmlu t-tajjeb, maʼ li tagħmlu t-tajjeb tieħdu l-għarfien, 6 maʼ li tieħdu l-għarfien li tikkontrollaw lilkom infuskom, maʼ li tikkontrollaw lilkom infuskom li tissaportu, maʼ li tissaportu li tkunu leali lejn Alla, 7 maʼ li tkunu leali lejn Alla li tħobbu lill-aħwa, u maʼ li tħobbu lill-aħwa li tħobbu lin-nies kollha. 8 Jekk tagħmlu dawn l-affarijiet kollha u turuhom spiss, intom tkunu qed tużaw l-għarfien eżatt dwar il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u b’hekk la tkunu inattivi u lanqas bħal siġra li ma tagħmilx frott.
9 Għax jekk xi ħadd m’għandux dawn il-kwalitajiet, ikun agħmi minħabba li jirrifjuta li jara d-dawl,* u jinsa li nħafrulu d-dnubiet taʼ żmien twil ilu. 10 Għalhekk ħuti, minħabba li ġejtu msejħin u magħżulin minn Alla, agħmlu l-aħjar tagħkom biex tagħmlu ċert li tibqgħu kkwalifikati għal dan, għax jekk tibqgħu tagħmlu dawn l-affarijiet, żgur li se tirnexxu. 11 B’dan il-mod, se tiġu mberkin ħafna u se tidħlu fis-Saltna li se tibqaʼ għal dejjem tal-Mulej tagħna u taʼ Dak li Jsalvana, Ġesù Kristu.
12 Minħabba f’hekk, beħsiebni nibqaʼ nfakkarkom f’dawn l-affarijiet, minkejja li tafuhom u konvinti sew mill-verità li tgħallimtu. 13 Fl-opinjoni tiegħi, nagħmel sew li nerġaʼ nfakkarkom f’dawn l-affarijiet waqt li għadni f’dan il-ġisem.* 14 Jien naf li dan il-ġisem mhux se jibqaʼ għal ħafna, bħalma għamilhieli ċara l-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 15 Jien dejjem se nagħmel l-aħjar tiegħi biex wara li mmut, intom tkunu tistgħu tfakkru lilkom infuskom dawn l-affarijiet.
16 Meta għednielkom dwar il-qawwa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u dwar meta għandu jerġaʼ jiġi, ma konniex qed nitkellmu fuq stejjer foloz ivvintati min-nies b’makakkerija, imma għax rajna b’għajnejna stess kemm hu tal-għaġeb. 17 Għax hu rċieva l-unur u l-glorja mingħand l-Alla l-Missier. Dan ġara meta l-Alla glorjuż qallu: “Dan hu Ibni l-maħbub, li jien ferħan ħafna bih.”* 18 Iva, dan il-kliem smajnieh ġej mis-sema waqt li konna miegħu fuq il-muntanja qaddisa.
19 Għalhekk sirna iktar konvinti li kulma qal Alla se jsir. Ikun tajjeb li toqogħdu attenti għall-profeziji li huma bħal lampa tiddi fid-dlam, jiġifieri f’qalbkom. Komplu agħmlu hekk sakemm tisbaħ ġurnata ġdida u titlaʼ l-istilla taʼ filgħodu. 20 Qabel xejn kunu afu li ebda profezija tal-Iskrittura ma tiġi minn xi interpretazzjoni taʼ xi bniedem. 21 Il-profeziji qatt ma ġew mill-bniedem, imma l-ispirtu qaddis iggwida lil xi nies biex jgħidu l-messaġġ t’Alla.
2 Minkejja dan, kien hemm profeti foloz fost il-poplu t’Alla, kif se jkun hemm ukoll għalliema foloz fostkom. Dawn bil-moħbi se jġibu firdiet li jeqirdu l-fidi tagħkom u huma saħansitra se jgħidu li ma jafux lill-wieħed* li xtrahom. B’hekk se jiġu meqrudin mill-ewwel. 2 Iktar minn hekk, ħafna qed jimitaw il-kondotta ħażina bla mistħija* tagħhom, u minħabba fihom, oħrajn qed imaqdru t-tagħlim veru. 3 Ukoll, peress li huma rgħiba jieħdu vantaġġ minnkom bi kliem qarrieq. Imma l-ġudizzju tagħhom, li kien deċiż żmien twil ilu, mhux se jdum. Huma żgur se jinqerdu.
4 Alla żgur li ma żammx lura milli jikkastiga lill-anġli li dinbu. Hu tefagħhom f’Tartaru* u rabathom bi ktajjen* fi dlam ċappa sakemm jiġu ġġudikati. 5 Hu ma żammx lura milli jikkastiga d-dinja taʼ żmien Noè. Imma lil Noè, li kien jipprietka s-sewwa, żammu ħaj flimkien maʼ sebgħa oħra meta ġab dulluvju fuq dinja taʼ nies ħżiena. 6 Hu kkastiga l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra billi ġabhom irmied. B’hekk ta eżempju lin-nies ħżiena taʼ x’se jiġri. 7 Imma hu salva lir-raġel ġust Lot, li kien imdejjaq ħafna minħabba l-kondotta ħażina bla mistħija* taʼ nies li jagħmlu l-ħażen. 8 Iva, dan ir-raġel ġust kuljum kien iħossu mdejjaq ħafna* minħabba l-affarijiet ħżiena li ra u semaʼ min-nies li kien joqgħod fosthom. 9 Għalhekk, Ġeħova* jaf kif isalva mill-provi lil dawk li huma leali lejh, u jaf ukoll kif iżomm il-ħżiena biex jinqerdu f’jum il-ġudizzju, 10 speċjalment lil dawk li jagħmlu s-sess m’oħrajn biex jiddiżonorawhom u li jmaqdru lill-awtorità.
Dawn l-uħud iħobbu jisfidaw u rashom iebsa. Huma ma jibżgħux imaqdru lill-uħud glorjużi,* 11 filwaqt li l-anġli, għalkemm għandhom iktar saħħa u qawwa, ma jakkużawx lil dawn l-għalliema foloz u lanqas jgħajruhom, minħabba li jirrispettaw lil Ġeħova.* 12 Imma dawn in-nies, li huma bħal annimali bla raġuni, li jaġixxu bl-istint, u twieldu biex jinqabdu u jinqatlu, imaqdru affarijiet li ma jifhmux fihom. Minħabba l-ħażen li jagħmlu, se jinqerdu, 13 iva, huma se jiġu kkastigati minħabba l-mod ħażin taʼ kif ġabu ruħhom.
Huma jieħdu pjaċir jissodisfaw ix-xewqat ħżiena tagħhom, anki fid-dawl tal-ġurnata. Dawn itebbgħu u jħammġu l-kongregazzjoni. Waqt l-ikliet kbar magħkom, jieħdu pjaċir* iqarrqu b’oħrajn b’tagħlim falz. 14 Huma jixtiequ ħafna jagħmlu adulterju* u ma jistgħux jieqfu jagħmlu d-dnub. Dawn iħajru lil dawk li huma dgħajfin fil-fidi.* Qalbhom mimlija regħba. Huma se jiġu kkastigati minn Alla. 15 Peress li telqu t-triq it-tajba, huma ġew imqarrqin. Huma għamlu bħal Balgħam bin Begħor, li għamel dak li hu ħażin u xtaq ħafna li jirċievi l-ħlas li kienu se jagħtuh. 16 Imma ġie kkoreġut talli kien qed jagħmel dak li hu ħażin. Għalkemm l-annimali ma jitkellmux, il-ħmara tal-profeta kellmitu b’leħen taʼ bniedem u pprovat twaqqfu milli jagħmel din il-ġennata.
17 Huma bħal għajn tal-ilma niexfa u bħal sħab immexxi minn maltempata qawwija, u hemm lest għalihom id-dlam ċappa. 18 Huma jgħidu affarijiet li jinstemgħu impressjonanti imma ma jiswew għal xejn. Huma jagħmlu dak li hu ħażin bla mistħija* u jġiegħlu n-nies jerġaʼ jkollhom xewqat ħżiena, billi jħajruhom jagħmlu l-affarijiet ħżiena li għadhom kif waqfu jagħmlu. 19 Dawn l-għalliema foloz iwegħduhom il-libertà, imma huma stess ilsiera tad-dnub. Għax jekk persuna tkun iddominata minn xi ħadd, hi tkun ilsira tiegħu.* 20 Jekk wara li jkunu ġew megħjunin biex jaħarbu l-prattiki ħżiena tad-dinja permezz tal-għarfien eżatt dwar il-Mulej u Dak li Jsalvana, Ġesù Kristu, imma mbagħad jerġgħu jagħmluhom, u dawn l-affarijiet jegħlbuhom, is-sitwazzjoni tagħhom tkun agħar minn kif kienet qabel ma saru jafu bit-tagħlim veru. 21 Kien ikun aħjar għalihom li kieku ma sarux jafu sew it-triq it-tajba milli wara li jsiru jafu biha telqu l-kmandament qaddis li kienu rċivew. 22 Dak li ġralhom juri li dan il-proverbju hu veru: “Il-kelb mar lura u kiel dak li qalaʼ, u l-ħanżira maħsula reġgħet marret titmiegħek fit-tajn.”
3 Għeżież aħwa, din it-tieni ittra li qed niktbilkom, u bħall-ewwel waħda qed inħeġġiġkom biex taħsbu ċar billi nfakkarkom dak li diġà tafu. 2 Intom għandkom tiftakru dak li ntqal qabel* permezz tal-profeti leali u t-tagħlim tal-Mulej u Dak li Jsalvana li rċivejna permezz tal-appostli. 3 L-ewwel nett, kunu afu li fl-aħħar jiem se jkun hawn nies li jwaqqgħu għaċ-ċajt dak li hu tajjeb u jagħmlu dak li jixtiequ. 4 Huma jgħidu: “Hu wiegħed li se jiġi lura magħna, imma fejn hu issa? Għax minn mindu mietu missirijietna, l-affarijiet baqgħu eżatt l-istess bħalma kienu mill-bidu tal-ħolqien.”
5 Imma huma apposta jinjoraw dan il-fatt, li s-sema ilha teżisti minn żmien twil ilu u li l-art ħarġet mill-ilma u kienet f’nofs l-ilma permezz tal-kelma t’Alla. 6 Dawn l-affarijiet qerdu d-dinja taʼ dak iż-żmien. Dan ġara meta kien hemm dulluvju fuq l-art kollha. 7 Bl-istess kelma, is-sema u l-art li jeżistu issa qed jinżammu biex jiġu meqruda bin-nar. Dawn qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies mhux leali.
8 Għeżież aħwa tinsewx dan il-fatt, li jum wieħed għal Ġeħova* hu bħal 1,000 sena u 1,000 sena huma bħal jum wieħed. 9 Ġeħova* mhux qed idum biex jagħmel dak li wiegħed, bħalma jaħsbu xi nies. Minflok, hu qed juri paċenzja magħkom, għax ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem. 10 Imma l-jum taʼ Ġeħova* se jiġi bħal ħalliel, u dakinhar is-sema se tiġi fix-xejn b’ħoss qawwi. L-affarijiet fis-sema u fuq l-art tant se jkunu jaħarqu li se jdubu, u l-art u l-affarijiet taʼ fuqha se jinħarqu.
11 Peress li dawn l-affarijiet se jdubu b’dan il-mod, aħsbu dwar x’tip taʼ nies għandkom tkunu. Aġixxu b’mod qaddis u agħtu prova li intom leali lejn Alla b’dak li tagħmlu. 12 Dan agħmluh hekk kif tistennew u żżommu f’moħħkom il-jum* taʼ Ġeħova.* Dakinhar is-sema se tinqered bin-nar, u l-affarijiet fis-sema u fuq l-art se jdubu tant kemm tkun sħana! 13 Imma hemm sema ġdida u art ġdida li qed nistennewhom skont il-wegħda tiegħu, u fihom dejjem se jkun hemm il-ġustizzja.
14 Għalhekk għeżież aħwa, ladarba qed tistennew dawn l-affarijiet, agħmlu l-aħjar tagħkom biex fl-aħħar Alla jsibkom mingħajr tebgħa, mingħajr difett, u fil-paċi. 15 Iktar minn hekk, il-paċenzja tal-Mulej tagħna kkunsidrawha bħala salvazzjoni, bħalma kitbilkom ukoll l-għażiż ħuna Pawlu skont l-għerf li tah Alla. 16 Infatti, hu kiteb dwar dawn l-affarijiet fl-ittri kollha tiegħu. Imma hemm xi affarijiet fihom li huma diffiċli biex tifhimhom, u dawk li ma jifhmux* u li għandhom fidi dgħajfa qed jgħawġuhom, bħalma jagħmlu bil-kumplament tal-Iskrittura. Dan se jwassal għall-qerda tagħhom stess.
17 Għalhekk għeżież aħwa, peress li għandkom dan l-għarfien minn qabel, oqogħdu għassa ħalli ma titqarrqux mit-tagħlim falz tan-nies ħżiena u b’hekk ma tibqgħux sodi fil-fidi. 18 Minflok, nittama li tkomplu tintwerew iktar u iktar il-qalb tajba kbira tal-Mulej tagħna u Dak li Jsalvana Ġesù Kristu, u li tkomplu titgħallmu dwaru. Ħa tingħata lilu l-glorja issa u għal dejjem. Ammen.
Jew “lil dawk li għandhom privileġġ daqsna fil-fidi li kisbu.”
Jew “tatna b’mod ġeneruż.”
Jew “xewqat sesswali qawwijin.”
Jew forsi “agħmi, jara biss mill-viċin.”
Letteralment “it-tabernaklu; f’din it-tinda.”
Jew “li lilu jien approvajt.”
Letteralment “is-sid,” jiġifieri Ġesù.
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew forsi “f’ħofor.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “jitturmenta ruħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”
Ara App. A5.
Jiġifieri lil dawk li għandhom responsabbiltà kbira fil-kongregazzjoni.
Ara App. A5.
Jew “jitgħaxxqu bla rażan f’li.”
Jew “Għajnejhom mimlijin adulterju.”
Jew “b’erwieħ li mhumiex sodi.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jew “minn xi ħaġa, hi tkun ilsira tagħha.”
Jew “l-affarijiet li tbassru.”
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Ara App. A5.
Jew “tkunu ħerqana għall-jum.”
Ara App. A5.
Jew “mhumiex mgħallmin.”