L-EWWEL ITTRA TAʼ ĠWANNI
1 Qed niktbulkom dwar il-kelma li tagħti l-ħajja, jiġifieri l-wieħed li kien mill-bidu, li aħna smajnieh, rajnieh, osservajnieh, u messejnieh. 2 Aħna sirna nafu u nifhmu l-ħajja taʼ dejjem li jagħti Alla, u qed nagħtu xhieda tagħha u ngħidulkom dwarha. 3 Aħna għednielkom x’rajna u xi smajna ħalli tkunu magħna* bħalma aħna qegħdin mal-Missier u maʼ Ibnu Ġesù Kristu. 4 U qed niktbulkom dawn l-affarijiet ħalli nkunu vera ferħanin.
5 Dan huwa l-messaġġ li smajna mingħandu u li qed ngħiduhulkom: Li Alla huwa dawl u m’hemm l-ebda dlam fih. 6 Jekk ngħidu: “Aħna qegħdin miegħu,” imma nkomplu nimxu fid-dlam,* inkunu qed nigdbu u ma nkunux qed ngħixu skont il-verità. 7 Imma jekk nimxu fid-dawl* bħalma hu stess qiegħed fid-dawl, aħna se nkunu magħqudin, u d-demm t’Ibnu Ġesù se jnaddafna minn kull dnub.
8 Jekk ngħidu: “M’għandniex dnub,” inkunu qed nidħqu bina nfusna u ma nkunux qed nemmnu bil-verità. 9 Jekk nammettu dnubietna, hu se jaħfirhomlna u jnaddafna minn kull ħaġa li mhix sewwa, għax hu leali u ġust. 10 Jekk ngħidu li ma nidinbux, ikun bħallikieku qed ngħidu li Alla hu giddieb u ma nemmnux dak li jgħid.
2 Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom dawn l-affarijiet ħalli ma tagħmlux dnub. Imma jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.* Dan hu Ġesù Kristu. 2 Hu s-sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna ħbiberija m’Alla.* Hu jagħmel dan mhux għad-dnubiet tagħna biss imma għad-dnubiet tad-dinja kollha wkoll. 3 Jekk nibqgħu nobdu l-kmandamenti tiegħu, ikun jidher ċar li sirna nafuh. 4 Dak li jgħid: “Sirt nafu,” imma ma jobdix il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u mhux qed jgħid il-verità. 5 Imma meta xi ħadd jobdi l-kelma taʼ Kristu, imbagħad ikun jidher b’mod ċar li hu vera jħobb lil Alla. B’hekk, se nkunu nafu li aħna dixxipli tiegħu. 6 Dak li jgħid li se jibqaʼ dixxiplu tiegħu, ikollu jibqaʼ jgħix bħalma għex Ġesù.
7 Għeżież ħuti, m’iniex nagħtikom kmandament ġdid, imma qed nitkellem magħkom dwar kmandament antik li kellkom mill-bidu. Dan il-kmandament antik hu l-kelma li smajtu. 8 Imma qed niktbilkom kmandament ġdid, kmandament li hu obda u li intom qed tobdu wkoll, għax id-dlam qed jispiċċa u d-dawl veru diġà qed jiddi.
9 Dak li jgħid li qiegħed fid-dawl imma jobgħod lil ħuh, għadu fid-dlam. 10 Min iħobb lil ħuh jibqaʼ fid-dawl, b’hekk xejn ma jfixklu.* 11 Imma min jobgħod lil ħuh qiegħed fid-dlam u qed jimxi fid-dlam. Hu ma jafx fejn sejjer, għax id-dlam għamieh.
12 Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom għax id-dnubiet tagħkom ġew maħfurin minħabba ismu. 13 Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax irbaħtu lix-Xitan.* Tfal, qed niktbilkom għax sirtu tafu lill-Missier. 14 Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax intom b’saħħitkom, temmnu fil-kelma t’Alla, u rbaħtu lix-Xitan.*
15 Tħobbux id-dinja u lanqas l-affarijiet tagħha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, ma jħobbx lill-Missier, 16 għax kulma hemm fid-dinja mhux ġej mill-Missier, imma mid-dinja. Dawn l-affarijiet huma x-xewqat tal-ġisem, ix-xewqat tal-għajnejn, u li wieħed jiffanfra b’li għandu. 17 Iktar minn hekk, id-dinja u x-xewqat tagħha se jispiċċaw, imma min jagħmel dak li jrid Alla se jgħix għal dejjem.
18 Tfal, ma tantx fadal żmien. Intom smajtu li l-antikrist* ġej, u issa hawn ħafna antikristijiet, b’hekk nafu li ma tantx fadal żmien. 19 Huma kienu fostna imma telquna, għax ma kinux it-tip tagħna;* għax kieku kienu t-tip tagħna, kienu jibqgħu magħna. Imma huma telquna biex jintwera li mhux kulħadd hu t-tip tagħna. 20 Imma intom intgħażiltu* mill-qaddis, u kollha kemm intom għandkom l-għarfien. 21 Qed niktbilkom mhux għax ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u għax ebda gidba ma tiġi mill-verità.
22 Min jirrifjuta li Ġesù hu l-Kristu, hu giddieb. Dan hu l-antikrist, dak li jirrifjuta lill-Missier u lill-Iben. 23 Kull min jirrifjuta lill-Iben m’għandux ħbiberija tajba mal-Missier. Imma kull min jgħid li jemmen fl-Iben għandu ħbiberija tajba mal-Missier ukoll. 24 Imma intom għandkom tagħmlu dak li smajtu mill-bidu. Jekk tagħmlu hekk, intom ukoll se tibqgħu mal-Iben u mal-Missier. 25 Iktar minn hekk, hu stess wegħedna l-ħajja taʼ dejjem.
26 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet għax hemm xi nies li qed jipprovaw iqarrqu bikom. 27 Imma intom ġejtu magħżulin minn Alla permezz tal-ispirtu tiegħu, u dan jibqaʼ fikom. B’hekk m’għandkom bżonn lil ħadd min jgħallimkom għax Alla juża l-ispirtu tiegħu biex jgħallimkom dwar kollox, u dan hu veru u mhux gidba. B’hekk ibqgħu miegħu bħalma l-ispirtu għallimkom biex tagħmlu. 28 Għeżież tfal tiegħi, ibqgħu miegħu ħalli jkollna l-libertà tal-kelma u ma nitbegħdux minnu għax nistħu meta jidher u meta jerġaʼ jiġi lura. 29 Jekk tafu li hu tajjeb, tafu wkoll li kull min jagħmel it-tajjeb ikun it-tifel t’Alla.
3 Aħsbu dwar kemm iħobbna l-Missier. Fil-fatt isejħilna t-tfal tiegħu, u aħna vera t-tfal tiegħu. Imma d-dinja ma tafniex, għax ma saritx taf lilu. 2 Għeżież ħuti, għalkemm aħna t-tfal t’Alla, għadna ma nafux kif se nkunu. Li nafu hu li meta se jidher, aħna se nkunu bħalu, għax se narawh kif inhu. 3 Dawk kollha li għandhom din it-tama fih, għandhom jgħixu ħajja nadifa peress li hu nadif.*
4 Kull min jibqaʼ jagħmel id-dnub, ikun qed jikser il-liġi wkoll, għalhekk id-dnub hu l-ksur tal-liġi. 5 Intom tafu wkoll li hu deher biex ineħħi d-dnubiet tagħna, u hu qatt ma jidneb. 6 Kull min jibqaʼ miegħu ma jibqax jagħmel id-dnub; kull min jibqaʼ jagħmel id-dnub la rah u lanqas sar jafu. 7 Għeżież tfal tiegħi, tħallu lil ħadd iqarraq bikom. Dawk kollha li jibqgħu jagħmlu dak li hu ġust huma ġusti, bħalma Ġesù hu ġust. 8 Min jibqaʼ jagħmel id-dnub ikun qed jimita lix-Xitan, għax ix-Xitan ilu jidneb mill-bidu.* L-Iben t’Alla għalhekk ġie, biex jeqred dak li għamel ix-Xitan.
9 Kull min hu t-tifel t’Alla ma jibqax jagħmel id-dnub, għax il-qawwa* t’Alla hi fih, u ma jistax jibqaʼ jagħmel id-dnub, għax hu t-tifel t’Alla. 10 It-tfal t’Alla u t-tfal tax-Xitan jintgħarfu minn dan: Kull min ma jibqax jagħmel dak li hu ġust u ma jħobbx lil ħuh, ma jkunx qed jimita lil Alla. 11 Għax dan hu l-messaġġ li smajtu mill-bidu, li għandna nħobbu lil xulxin. 12 Aħna m’għandniex nagħmlu bħal Kajjin, li imita lix-Xitan* u qatel lil ħuh. U għala qatlu? Għax dak li għamel kien ħażin, imma li għamel ħuh kien tajjeb.
13 Ħuti, tiħduhiex bi kbira li d-dinja tobgħodkom. 14 Aħna konna bħallikieku mejtin, imma issa ħajjin peress li nħobbu lil ħutna. Min ma jħobbx lil ħuh jibqaʼ mejjet. 15 Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel mhu se jgħix għal dejjem. 16 Aħna sirna nafu bl-imħabba, għax Ġesù Kristu ta ħajtu għalina, u aħna obbligati li nagħtu ħajjitna għal ħutna. 17 Imma kull min għandu biex jgħix u jara li ħuh qiegħed fil-bżonn u ma jurihx ħniena, kif jistaʼ jgħid li jħobb lil Alla? 18 Għeżież tfal tiegħi, m’għandkomx turu mħabba b’dak li tgħidu biss, imma turuha wkoll b’dak li tagħmlu, u din trid tkun sinċiera.
19 B’din l-imħabba nkunu nafu li għandna l-verità u nikkonvinċu lilna nfusna* li Alla jħobbna, 20 anki jekk qalbna tikkundannana. Ejja niftakru li Alla hu akbar minn qalbna* u jaf kollox. 21 Għeżież ħuti, jekk qalbna ma tikkundannaniex, nistgħu nitkellmu bil-libertà m’Alla; 22 u kulma nitolbuh se nirċivuh, għax qed nobdu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu. 23 Fil-fatt, il-kmandament tiegħu hu dan: li aħna jkollna fidi f’Ibnu* Ġesù Kristu u li nħobbu lil xulxin, bħalma kkmandana hu. 24 Iktar minn hekk, min jobdi l-kmandamenti t’Alla jibqaʼ m’Alla, u Alla jibqaʼ miegħu. Permezz tal-ispirtu qaddis li tana, aħna nafu li se jibqaʼ magħna.
4 Għeżież aħwa, temmnux kull messaġġ li jidher li ġej mingħand Alla,* imma araw jekk dawn il-messaġġi humiex verament ġejjin mingħandu, għax hawn ħafna profeti foloz fid-dinja.
2 Intom se tkunu tafu li l-messaġġi ġejjin mingħand Alla jekk dawn jgħidu li Ġesù Kristu ġie fuq l-art bħala bniedem. 3 Imma jekk il-messaġġi ma jgħidux li Ġesù għamel hekk, allura mhumiex ġejjin mingħand Alla. Iktar minn hekk, dawn huma l-messaġġi tal-antikrist li intom smajtu li kellu jiġi, u issa diġà qiegħed hawn fid-dinja.
4 Għeżież tfal tiegħi, intom timitaw lil Alla u rbaħtu lill-profeti foloz, għax il-wieħed li hu magħkom hu aqwa mill-wieħed li hu mad-dinja. 5 Dawn jimitaw id-dinja, allura jitkellmu affarijiet li huma tad-dinja, u b’hekk din tismagħhom. 6 Aħna nimitaw lil Alla. Kull min isir jaf lil Alla jismagħna. Kull min ma jimitax lil Alla ma jismagħniex. B’dan se nkunu nafu liema messaġġ hu veru u liema messaġġ hu falz.
7 Għeżież aħwa, ejja nkomplu nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba hi minn Alla, u kull min iħobb lil oħrajn hu t-tifel t’Alla u jaf lil Alla. 8 Kull min ma jħobbx lil oħrajn ma sarx jaf lil Alla, għax Alla hu mħabba. 9 Alla wera li jħobbna meta bagħat lill-uniku Iben* tiegħu fid-dinja ħalli permezz tiegħu, aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. 10 Alla bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna ħbiberija miegħu.* Hu għamel dan għax iħobbna, mhux għax aħna konna nħobbuh.
11 Għeżież aħwa, peress li Alla ħabbna b’dan il-mod, allura aħna obbligati li nħobbu lil xulxin. 12 Ħadd qatt ma ra lil Alla. Jekk inkomplu nħobbu lil xulxin, Alla jibqaʼ magħna u l-imħabba tiegħu ssir perfetta f’qalbna. 13 Aħna nafu li se nibqgħu miegħu u li hu se jibqaʼ magħna, għax tana l-ispirtu tiegħu. 14 Barra minn hekk, aħna stess rajna u qed nagħtu xhieda li l-Missier bagħat lil Ibnu biex isalva d-dinja. 15 Kull min jaċċetta li Ġesù hu l-Iben t’Alla, Alla jibqaʼ miegħu u hu jibqaʼ m’Alla. 16 Aħna sirna nafu u emminna li Alla jħobbna.
Alla hu mħabba, u min jibqaʼ juri l-imħabba jibqaʼ m’Alla u Alla jibqaʼ miegħu. 17 L-imħabba saret perfetta f’qalbna ħalli jkollna l-libertà tal-kelma* f’jum il-ġudizzju, għax f’din id-dinja aħna wkoll bħal Kristu. 18 Il-biżaʼ żżommna lura. Imma min iħobb lil Alla ma jibżax, għax l-imħabba perfetta tkeċċi l-biżaʼ. Jekk xi ħadd jibżaʼ, l-imħabba tiegħu mhix perfetta. 19 Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.
20 Jekk xi ħadd jgħid, “Jien inħobb lil Alla,” imma jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx. 21 Hu tana dan il-kmandament, li min iħobb lil Alla għandu jħobb ukoll lil ħuh.
5 Kull min jemmen li Ġesù hu l-Kristu, hu t-tifel t’Alla; u kull min iħobb lill-Missier, iħobb ukoll it-tfal tiegħu. 2 Meta nħobbu lil Alla u nobdu l-kmandamenti tiegħu, inkunu qed inħobbu t-tfal tiegħu wkoll. 3 Għax l-imħabba t’Alla tinvolvi li nobdu l-kmandamenti tiegħu. U l-kmandamenti tiegħu mhumiex diffiċli, 4 għax dawk kollha li huma t-tfal t’Alla jirbħu lid-dinja. Bil-fidi tagħna rbaħna d-dinja.
5 Min jistaʼ jirbaħ lid-dinja? Dak li għandu l-fidi li Ġesù hu l-Iben t’Alla. 6 Ġesù Kristu ġie permezz tal-ilma u d-demm.* Hu ma ġiex permezz tal-ilma biss, imma permezz tal-ilma u d-demm. U l-ispirtu hu xhieda taʼ dan, għax l-ispirtu hu l-verità. 7 Hemm tliet xhieda li juru min hu Ġesù: 8 l-ispirtu, l-ilma, u d-demm. U t-tlieta li huma jaqblu bejniethom.
9 Jekk naċċettaw ix-xhieda tal-bnedmin, mela kemm iktar għandna naċċettaw ix-xhieda t’Alla! Għax Alla nnifsu qed jagħti xhieda dwar Ibnu. 10 Min juri fidi fl-Iben t’Alla, ikun qed juri li għandu f’qalbu dak li għallmu Alla. Min m’għandux fidi f’Alla, ikun qed igiddbu, għax ma jkunx qed jemmen ix-xhieda li ta Alla dwar Ibnu. 11 U din hi x-xhieda: Alla tana l-ħajja taʼ dejjem, u din il-ħajja nirċivuha permezz t’Ibnu. 12 Min għandu ħbiberija tajba mal-Iben għandu din il-ħajja taʼ dejjem. Min m’għandux ħbiberija tajba mal-Iben t’Alla m’għandux din il-ħajja taʼ dejjem.
13 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet biex intom li għandkom fidi fl-Iben* t’Alla tkunu tafu li għandkom il-ħajja taʼ dejjem. 14 U din hi l-fiduċja li għandna f’Alla: Kulma nitolbuh skont dak li jrid hu, hu jismagħna. 15 Iktar minn hekk, jekk nafu li jismaʼ kulma nitolbuh, aħna ċerti li se jagħtihulna peress li tlabna lilu.
16 Jekk xi ħadd jara lil ħuh jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt, hu għandu jitlob għalih, u Alla jagħtih il-ħajja.* Dan japplika għal dawk li ma jagħmlux dnub li jwassal għall-mewt. Imma hemm dnub li jwassal għall-mewt. F’dal-każ, ħadd m’għandu jitlob għar-raġel li għamel dat-tip taʼ dnub. 17 Kull ħażen hu dnub, imma hemm dnub li ma jwassalx għall-mewt.
18 Aħna nafu li kull min hu t-tifel t’Alla ma jibqax jagħmel dnub, u minħabba li l-Iben t’Alla jipproteġih, ix-Xitan* m’għandux qawwa fuqu.* 19 Aħna nafu li aħna t’Alla, imma d-dinja qiegħda taħt il-qawwa tax-Xitan.* 20 Madankollu, aħna nafu li l-Iben t’Alla ġie u tana l-abbiltà li nifhmu ħalli nkunu nistgħu nieħdu l-għarfien dwar l-Alla l-veru. U aħna miegħu permezz t’Ibnu Ġesù Kristu. Hu l-Alla l-veru u l-wieħed li jagħti l-ħajja taʼ dejjem. 21 Għeżież tfal tiegħi, oqogħdu attenti mill-idoli.
Jew “tissieħbu magħna.”
Jiġifieri nagħmlu affarijiet ħżiena.
Jiġifieri nobdu l-gwida t’Alla.
Jew “li hu avukat.”
Jew “hu sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”
Jew forsi “b’hekk ma jfixkilx lil oħrajn.”
Letteralment “lill-Ħażin.”
Letteralment “lill-Ħażin.”
Jew “ma kinux bħalna.”
Letteralment “ġejtu midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “pur.”
Jew “minn meta beda.” Dan jirreferi għall-ewwel darba li rribella kontra Alla.
Letteralment “iż-żerriegħa.”
Letteralment “lill-Ħażin.”
Jew “naċċertaw lil qalbna.”
Jiġifieri Alla jafna aħjar milli nafu lilna nfusna.
Letteralment “f’isem Ibnu.”
Letteralment “kull spirtu.”
Jew “l-iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
Jew “sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”
Jew “il-fiduċja.”
Hawnhekk “l-ilma” qed jirreferi għall-magħmudija taʼ Ġesù u “d-demm” għall-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju.
Letteralment “f’isem l-Iben.”
Jistaʼ jkun li hawn qed jirreferi għall-maħfra.
Letteralment “il-Ħażin.”
Jew “ma jaħtfux taħt idejh.”
Letteralment “tal-Ħażin.”