LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • nwt Rivelazzjoni 1:1-22:21
  • Rivelazzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rivelazzjoni
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Rivelazzjoni

IR-RIVELAZZJONI LI RĊIEVA ĠWANNI (L-APOKALISSI)

1 Din hi r-rivelazzjoni* minn Ġesù Kristu, li tah Alla, biex juri lill-qaddejja tiegħu l-affarijiet li żgur se jiġru dalwaqt. Ġesù bagħat lill-anġlu tiegħu, u ppreżentaha b’mod simboliku lili, il-qaddej t’Alla,* Ġwanni. 2 Jien tajt xhieda dwar il-kelma li ta Alla u dwar il-messaġġ li ta Ġesù Kristu. Iva, jien tajt xhieda dwar l-affarijiet kollha li rajt. 3 Ferħan hu min jaqra b’leħen għoli l-kliem f’din il-profezija u ferħanin huma dawk li jisimgħu u jobdu dak li hemm miktub fiha; għax iż-żmien li ntagħżel minn Alla daqt jasal.

4 Jien Ġwanni qed nikteb lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fil-provinċja tal-Asja:

Jalla jkollkom qalb tajba kbira u paċi “mill-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej,” mis-sebaʼ spirti li qegħdin quddiem it-tron tiegħu, 5 u minn Ġesù Kristu, li hu “x-Xhud Leali,” “l-ewwel imwieled mill-mewt,” u “l-Mexxej tar-rejiet fuq l-art.”

Ġesù jħobbna u ħelisna mid-dnubiet tagħna permezz tad-demm tiegħu, 6 u għamilna rejiet* u qassisin għal Alla tiegħu li hu Missieru. Għalhekk, Ġesù ħaqqu l-glorja u l-qawwa għal dejjem. Ammen.

7 Hu se jiġi mas-sħab, u kulħadd se jarah, anki dawk li nifduh. In-nies* kollha tal-art se juru li jkunu mdejqin ħafna* minħabba fih. Iva, Ammen.

8 Alla Ġeħova* jgħid, “Jien l-Alfa u l-Omega,* il-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej, Dak li Jistaʼ Kollox.”

9 Jien ħukom Ġwanni u għandi sehem magħkom fil-persekuzzjoni, fis-saltna, u f’li nissaporti minħabba li jien dixxiplu taʼ Ġesù. Jien ġejt eżiljat fuq gżira jisimha Patmos talli qed nitkellem dwar Alla u nagħti xhieda dwar Ġesù. 10 Permezz tal-ispirtu qaddis, sibt ruħi f’jum il-Mulej, u minn warajja smajt leħen qawwi bħal dak taʼ trumbetta 11 u qalli: “Ikteb fi skroll dak li tara u ibagħtu lis-sebaʼ kongregazzjonijiet: f’Efesu, fi Żmirna, f’Pergamu, fi Tjatira, f’Sardi, f’Filadelfja, u f’Laodiċija.”

12 Jien dort biex nara min kien qed ikellimni, u meta dort rajt sebaʼ gandlieri tad-deheb, 13 u f’nofs il-gandlieri kien hemm xi ħadd bħal bin il-bniedem, u kien liebes libsa twila sal-għaksa u terħa tad-deheb madwar sidru. 14 Iktar minn hekk, xagħru kien abjad bħas-suf u bħas-silġ, għajnejh kienu bħal fjamma nar, 15 saqajh kienu jleqqu bħal ram mill-aqwa meta jdub fil-forn, u leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilmijiet. 16 F’idu l-leminija kellu sebaʼ stilel, minn ħalqu kellu ħierġa xabla twila li taqtaʼ ħafna miż-żewġ naħat, u wiċċu kien qed jiddi bħax-xemx fl-aqwa tagħha. 17 Meta rajtu, waqajt ħdejn saqajh bħal wieħed mejjet.

U hu qiegħed idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax. Jien l-Ewwel u l-Aħħar, 18 li kont ħaj u mitt, imma issa ħaj u se ngħix għal dejjem taʼ dejjem, u għandi ċ-ċwievet* tal-mewt u tal-Qabar.* 19 Għalhekk, ikteb dak li rajt, l-affarijiet li qed jiġru issa, u l-affarijiet li se jiġru wara dawn. 20 Is-sebaʼ stilel li rajtli f’idi l-leminija u s-sebaʼ gandlieri tad-deheb huma sigriet qaddis: Is-sebaʼ stilel jirrappreżentaw l-anġli* tas-sebaʼ kongregazzjonijiet, u s-sebaʼ gandlieri jirrappreżentaw is-sebaʼ kongregazzjonijiet.

2 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Efesu iktiblu: Dan jgħid il-wieħed li għandu s-sebaʼ stilel f’idu l-leminija u li jimxi fost is-sebaʼ gandlieri tad-deheb: 2 ‘Jien naf x’għamilt, ix-xogħol tiegħek, kemm issaportejt, u li int ma tittollerax lin-nies ħżiena. Int għaddejt minn prova lil dawk li kienu jgħidu li huma appostli, imma ma kinux, u sibt li kienu giddibin. 3 Għalkemm int issaportejt ħafna diffikultajiet minħabba ismi, bqajt sod u m’għejejtx. 4 Minkejja dan, għandi dan kontrik: Int m’għadx għandek l-imħabba li kellek fil-bidu.

5 “‘Għalhekk, ftakar f’dak li tlift,* indem, u agħmel l-affarijiet li kont tagħmel fil-bidu. Jekk ma tindimx, jien se niġi u nneħħi l-gandlier tiegħek minn postu. 6 Imma għandek dan favur tiegħek: Int tobgħod l-affarijiet li jagħmlu s-setta taʼ Nikola, li anki jien nobgħodhom. 7 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nħallih jiekol mis-siġra tal-ħajja, li hi fil-ġenna t’Alla.’

8 “U lill-anġlu tal-kongregazzjoni fi Żmirna iktiblu: Dan jgħid ‘l-Ewwel u l-Aħħar,’ li miet u reġaʼ ħa l-ħajja: 9 ‘Jien naf bit-tbatija u l-faqar tiegħek, imma int sinjur. Jien naf ukoll bid-dagħa* taʼ dawk li jgħidu li huma Lhud, imma mhumiex. Huma sinagoga taʼ Satana. 10 Tibżax mit-tbatija li dalwaqt se tgħaddi minnha. Ix-Xitan se jkompli jitfaʼ lil xi wħud minnkom il-ħabs sabiex tiġu ttestjati għalkollox, u se tkunu ppersegwitati għal għaxart ijiem. Agħti prova li int leali sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja. 11 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja żgur li t-tieni mewt mhu se tagħmillu xejn.’

12 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Pergamu iktiblu: Dan jgħid dak li għandu x-xabla twila li taqtaʼ ħafna miż-żewġ naħat: 13 ‘Jien naf fejn qed tgħix, jiġifieri fejn hemm it-tron taʼ Satana. Imma int leali lejja u baqaʼ jkollok fidi fija, anki fi żmien Antipa x-xhud leali tiegħi li nqatel fil-belt tagħkom, fejn jgħix Satana.

14 “‘Minkejja dan, għandi xi affarijiet kontrik: Li hemmhekk għandek min qed iżomm sod mat-tagħlim taʼ Balgħam, li għallem lil Balak kif ifixkel lill-Iżraelin, biex jieklu affarijiet issagrifikati lill-idoli u jagħmlu l-immoralità sesswali.* 15 Bl-istess mod, int ukoll għandek lil dawk li qed iżommu mat-tagħlim tas-setta taʼ Nikola. 16 Mela indem, inkella niġi għandek malajr u niġġieled kontrihom bix-xabla twila li toħroġ minn ħalqi.

17 “‘Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet: Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nagħtih ftit mill-manna l-moħbija, u nagħtih ċagħqa bajda, u fuqha se jkun hemm miktub isem ġdid li ħadd ma jkun jafu ħlief dak li rċivieh.’

18 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni fi Tjatira iktiblu: Dan jgħid l-Iben t’Alla, il-wieħed li għandu għajnejh bħal fjamma nar u saqajh bħal ram mill-aqwa: 19 ‘Jien naf x’għamilt, l-imħabba u l-fidi li għandek, u li taqdi lil Alla u li tissaporti ħafna diffikultajiet. U x-xogħol li qed tagħmel issa hu iżjed minn dak li għamilt fil-bidu.

20 “‘Minkejja dan, għandi dan kontrik: Int tittollera lil dik il-mara li hi bħal Ġeżabel, li ssejjaħ lilha nfisha profetessa. Hi qed tqarraq bl-ilsiera tiegħi bit-tagħlim tagħha, ħalli huma jagħmlu l-immoralità sesswali* u jieklu ikel issagrifikat lill-idoli. 21 Jien tajtha żmien biex tindem, imma hi mhix lesta li tindem mill-immoralità sesswali* li tagħmel. 22 Jien daqt nitfagħha f’qiegħ taʼ sodda, u lil dawk li jagħmlu adulterju magħha se nġegħelhom ibatu ħafna jekk ma jindmux mill-affarijiet li għamlu bħalha. 23 U jien se noqtol lit-tfal tagħha b’marda qerrieda, ħalli l-kongregazzjonijiet kollha jkunu jafu li jien il-wieħed li nfittex fil-ħsibijiet* u l-qalb, u se nagħti lil kull wieħed skont dak li jkun ħaqqu.

24 “‘Madankollu, lill-bqija li hemm fi Tjatira, li m’aċċettawx it-tagħlim taʼ Ġeżabel u li ma sarux jafu t-tagħlim falz li ġej minn* Satana, ngħidilhom dan: Mhu se nżidilkom ebda piż ieħor. 25 Però, żommu sod maʼ dak li għandkom sakemm niġi. 26 U lil dak li jirbaħ id-dinja u jagħmel dak li kkmandajt jien sal-aħħar, se nagħtih awtorità fuq il-popli, 27 bħalma jien irċivejt mingħand Missieri. Hu se jirgħahom b’virga tal-ħadid, ħalli jitfarrku bħal reċipjenti tal-fuħħar. 28 U se nagħtih l-istilla taʼ filgħodu. 29 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’

3 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Sardi iktiblu: Dawn huma l-affarijiet li jgħid dak li għandu s-sebaʼ spirti t’Alla u s-sebaʼ stilel: ‘Jien naf x’għamilt, u għalkemm għandek reputazzjoni* li int ħaj, int mejjet. 2 Allura oqgħod attent u saħħaħ l-affarijiet li kważi mietu, għax rajt li int m’għamiltx l-affarijiet kollha li Alla jridek tagħmel. 3 Għalhekk, kompli żomm f’moħħok* dak li rċivejt u li smajt, ibqaʼ agħmlu, u indem. Għax jekk ma tqumx, se niġi bħal ħalliel, u int żgur mhux se tkun taf fi xħin se niġi.

4 “‘Minkejja dan, għandek xi wħud* f’Sardi li ma niġġsux il-ħwejjeġ tagħhom, u se jimxu miegħi lebsin ħwejjeġ bojod, għax jistħoqqilhom. 5 Iva, min jirbaħ id-dinja se jilbes ħwejjeġ bojod, u jien żgur ma nħassarlux ismu mill-ktieb tal-ħajja, imma se ngħid li nafu quddiem Missieri u quddiem l-anġli tiegħu. 6 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li jgħid l-ispirtu lill-kongregazzjonijiet.’

7 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Filadelfja iktiblu: Dan jgħid dak li hu qaddis, li hu veru, li għandu ċ-ċavetta taʼ David, u li jekk jiftaħ bieb ħadd ma jistaʼ jagħlqu u jekk jagħlqu ħadd ma jistaʼ jiftħu: 8 ‘Jien naf x’għamilt, għalkemm m’għadx għandek qawwa, naf li int obdejt il-kelma tiegħi u li wrejt li int leali lejja.* Jien ftaħtlek bieb quddiemek li ħadd ma jistaʼ jagħlqu. 9 Dawk li huma mis-sinagoga taʼ Satana u li jgħidu li huma Lhud, imma mhumiex u qed jigdbu, se nġegħelhom jiġu, imilu ħdejn saqajk, u jkunu jafu li nħobbok. 10 Peress li ssaportejt bħalma għamilt jien, se nipproteġik fiż-żmien tal-prova meta niġi biex nittestja lin-nies kollha fuq l-art. 11 Jien ġej malajr. Għalhekk, ibqaʼ żomm sod maʼ dak li għandek ħalli ħadd ma jiħodlok il-premju* tiegħek.

12 “‘Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nagħmlu kolonna fit-tempju t’Alla tiegħi, u xejn mhu se jneħħih minn hemm. Jien se nikteb fuqu l-isem t’Alla tiegħi, l-isem tal-belt tal-Alla tiegħi, li hi Ġerusalemm il-Ġdida li tinżel mis-sema mingħand l-Alla tiegħi, u l-isem il-ġdid tiegħi. 13 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’

14 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Laodiċija iktiblu: Dan jgħid l-Ammen, ix-xhud leali u veru, il-bidu tal-ħolqien t’Alla: 15 ‘Jien naf x’għamilt, int bħal ilma fietel, la kiesaħ u lanqas sħun. Nixtieq li kieku kont bħal ilma kiesaħ jew sħun. 16 Imma peress li int bħal ilma fietel, la sħun u lanqas kiesaħ, jien se nobżqok minn ħalqi. 17 Int tgħid: “Jien sinjur, għandi ħafna ġid, u m’għandi bżonn xejn,” imma ma tafx li int imdejjaq, miskin, fqir, agħmi, u għarwien. 18 Għalhekk nagħtik parir li tixtri mingħandi deheb irfinut bin-nar biex issir sinjur, ħwejjeġ bojod biex oħrajn ma jarawkx għarwien u ma tistħix, u xi ħaġa* għal għajnejk biex tfiq u tara.

19 “‘Lil dawk kollha li jien inħobb, nikkoreġihom u niddixxiplinahom. Għalhekk, indem u aqdi lil Alla b’qalbek kollha. 20 Jien qiegħed quddiem il-bieb u qed inħabbat. Jekk xi ħadd jismaʼ leħni u jiftaħ il-bieb, se nidħol għandu u se nieklu flimkien filgħaxija. 21 Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nħallih ipoġġi bilqiegħda miegħi fuq it-tron tiegħi, bħalma jien irbaħt id-dinja u poġġejt ħdejn Missieri fuq it-tron tiegħu. 22 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’”

4 Wara dan rajt bieb miftuħ fis-sema, u l-ewwel leħen li smajt kien bħal taʼ trumbetta. Dan qalli: “Itlaʼ hawn u nurik dak li se jiġri.” 2 Imbagħad ġie mill-ewwel fuqi l-ispirtu t’Alla u rajt tron fis-sema, u fuqu kien hemm xi ħadd bilqiegħda. 3 Il-Wieħed li kien bilqiegħda kien jidher bħal ħaġra tad-djaspru u ħaġra tas-sardju,* u mad-dawra tat-tron kien hemm qawsalla li kienet tidher bħall-iżmerald.

4 Madwar it-tron kien hemm 24 tron, u fuq dawn it-tronijiet rajt 24 anzjan* bilqiegħda lebsin l-abjad u b’kuruna tad-deheb fuq rashom. 5 Mit-tron kienu ħerġin sajjetti, ilħna, u ragħad. Quddiem it-tron kien hemm sebaʼ lampi tan-nar jaqbdu li jirrappreżentaw is-sebaʼ spirti t’Alla. 6 Quddiem it-tron kien hemm bħal baħar tal-ħġieġ li jidher qisu kristall.

Fin-nofs ħdejn it-tron u madwaru kien hemm erbaʼ ħlejjaq ħajjin mimlijin għajnejn fuq quddiem u wara. 7 L-ewwel ħliqa ħajja kienet bħal iljun, it-tieni bħal barri, it-tielet kellha wiċċ bħal taʼ bniedem, u r-rabaʼ kienet bħal ajkla ttir. 8 Kull waħda mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin kellha sitt iġwienaħ li kienu mimlijin għajnejn mad-dawra u minn taħt. Il-ħin kollu, lejl u nhar, huma jgħidu: “Qaddis, qaddis, qaddis hu Alla Ġeħova,* Dak li Jistaʼ Kollox, li eżista qabel, li jeżisti, u li ġej.”

9 Kull darba li l-ħlejjaq ħajjin jigglorifikaw, jonoraw, u jirringrazzjaw lill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron, il-Wieħed li jgħix għal dejjem taʼ dejjem, 10 l-24 anzjan jinżlu għarkopptejhom u jqimuh, jiġifieri lill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron u li jgħix għal dejjem taʼ dejjem. Huma jitfgħu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron, u jgħidu: 11 “Ġeħova* Alla tagħna, int jistħoqqlok li tirċievi l-glorja, l-unur, u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u peress li ridt hekk, dawn bdew jeżistu u nħalqu.”

5 U fl-id il-leminija tal-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron rajt skroll bil-kitba fuq iż-żewġ naħat.* Dan kien issiġillat sew b’sebaʼ siġilli. 2 U rajt anġlu b’saħħtu li b’leħen għoli kien qed jgħid: “Min jistħoqqlu jiftaħ l-iskroll u jkisser is-siġilli?” 3 Imma ħadd minn dawk fis-sema, fuq l-art, jew taħt l-art ma setaʼ jiftaħ l-iskroll jew jara x’hemm fih. 4 Jien tgħidx kemm bkejt għax ma kien hemm ħadd li jistħoqqlu jiftaħ l-iskroll jew jara x’hemm fih. 5 Imma wieħed mill-anzjani* qalli: “Tibqax tibki. L-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda, dak mill-familja* taʼ David, rebaħ, u b’hekk se jiftaħ l-iskroll u s-sebaʼ siġilli.”

6 U rajt ħaruf wieqaf fin-nofs ħdejn it-tron, f’nofs l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u f’nofs l-anzjani. Dan kien qisu ġie maqtul u kellu sebat iqrun u sebaʼ għajnejn, u dawn l-għajnejn jirrappreżentaw is-sebaʼ spirti t’Alla li ntbagħtu mal-art kollha. 7 F’daqqa waħda, ġie l-Ħaruf u ħa l-iskroll mill-id il-leminija tal-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron. 8 Meta l-Ħaruf ħa l-iskroll, l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin u l-24 anzjan niżlu għarkopptejhom quddiemu. Kull wieħed minnhom kellu arpa u skutelli tad-deheb mimlijin inċens. (L-inċens jirrappreżenta t-talb tal-qaddisin.) 9 Huma kantaw għanja ġdida u qalu: “Int jistħoqqlok li tieħu l-iskroll u tiftaħ is-siġilli tiegħu, għax qatluk u b’demmek xtrajt għal Alla nies minn kull tribù, lingwa,* poplu, u ġens, 10 u int għamilthom rejiet* u qassisin għall-Alla tagħna, u huma se jmexxu bħala rejiet fuq l-art.”

11 Jien rajt ħafna anġli li kienu madwar it-tron, madwar il-ħlejjaq ħajjin, u madwar l-anzjani, u smajt leħinhom. L-anġli kienu eluf t’eluf, anzi mijiet taʼ miljuni,* 12 u b’leħen għoli bdew jgħidu: “Il-Ħaruf li nqatel jistħoqqlu li jirċievi l-awtorità, il-ġid, l-għerf, is-saħħa, l-unur, il-glorja, u l-barkiet.”

13 U smajt kull ħliqa fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, fil-baħar, u l-affarijiet kollha li hemm fihom jgħidu: “Ħa jingħataw it-tifħir, l-unur, il-glorja, u l-qawwa għal dejjem taʼ dejjem lill-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron u lill-Ħaruf.” 14 L-erbaʼ ħlejjaq ħajjin bdew jgħidu: “Ammen!” u l-anzjani niżlu għarkopptejhom u bdew iqimu lil Alla.

6 U jien rajt il-Ħaruf jiftaħ l-ewwel wieħed mis-sebaʼ siġilli, u smajt wieħed mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin jgħid b’leħen qisu ragħad: “Ejja!” 2 U rajt żiemel abjad, u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws. Lilu ngħatatlu kuruna, u hu mar jirbaħ lill-għedewwa tiegħu.

3 Meta fetaħ it-tieni siġill, jien smajt it-tieni ħliqa ħajja tgħid: “Ejja!” 4 U ħareġ żiemel ieħor aħmar, u lil min kien riekeb fuqu ngħatawlu xabla kbira u l-awtorità li jneħħi l-paċi minn fuq l-art biex in-nies joqtlu lil xulxin.

5 Meta fetaħ it-tielet siġill, jien smajt it-tielet ħliqa ħajja tgħid: “Ejja!” U rajt żiemel iswed, u dak li kien riekeb fuqu kellu miżien f’idu. 6 U smajt bħal leħen f’nofs l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin jgħid: “Kilo* qamħ jiswa dinar,* u tliet kilogrammi xgħir* dinar; u ibżgħu għaż-żejt taż-żebbuġa u l-inbid.”

7 Meta fetaħ ir-rabaʼ siġill, jien smajt il-leħen tar-rabaʼ ħliqa ħajja. Din qalet: “Ejja!” 8 U jien rajt żiemel aħdar fl-isfar, u dak li kien riekeb fuqu kien jismu Mewt. U l-Qabar* kien miexi eżatt warajh. U lilhom ingħatatilhom l-awtorità fuq kwart tal-art, biex joqtlu b’xabla twila, b’nuqqas t’ikel, b’mard qerried, u b’bhejjem slavaġ.

9 Meta fetaħ il-ħames siġill, jien rajt taħt l-artal id-demm* taʼ dawk maqtulin minħabba li kienu jobdu l-kelma t’Alla u x-xhieda li taw. 10 Huma għajtu b’leħen għoli: “Sid taʼ Kollox,* l-Alla qaddis u veru, kemm se ddum biex tiġġudika lil dawk li jgħixu fuq l-art u biex tivvendika d-demm tagħna?” 11 U ngħatat libsa bajda lil kull wieħed minnhom, u ntqalilhom biex jistrieħu ftit ieħor, sakemm ikun hemm l-ammont kollu taʼ sħabhom l-ilsiera, jiġifieri ħuthom li kienu se jinqatlu bħalma nqatlu huma.

12 U rajtu jiftaħ is-sitt siġill, u seħħ terremot kbir. Ix-xemx swiedet bħal drapp tal-ixkora magħmul mis-suf,* il-qamar sar qisu demm, 13 u l-istilel waqgħu fl-art bħalma jaqaʼ tin mhux misjur minn siġra li taqlaʼ ħafna riħ. 14 U s-sema ma baqgħetx tidher bħal skroll li jiġi rrumblat, u kull muntanja u kull gżira tneħħew minn posthom. 15 Imbagħad ir-rejiet tal-art, l-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja, il-kmandanti militari, is-sinjuri, dawk b’saħħithom, kull ilsir, u kull persuna ħielsa nħbew fl-għerien u fost il-blat tal-muntanji. 16 U baqgħu jgħidu lill-muntanji u lill-blat: “Aħbuna u pproteġuna mill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron u mir-rabja l-kbira tal-Ħaruf, 17 għax wasal il-jum il-kbir tar-rabja tagħhom, u min jistaʼ jibqaʼ ħaj?”

7 Wara, jien rajt erbaʼ anġli weqfin fl-erbaʼ kantunieri tad-dinja. Huma kienu qed iżommu sod l-erbat irjieħ tad-dinja, ħalli ebda riħ ma jonfoħ fuq l-art, il-baħar, jew xi siġra. 2 U rajt anġlu ieħor tielaʼ minn fejn titlaʼ x-xemx* b’siġill tal-Alla l-ħaj. Hu għajjat b’leħen għoli lill-erbaʼ anġli li ngħatatilhom l-awtorità li jagħmlu ħsara lill-art u lill-baħar, 3 u qalilhom: “Sakemm inkunu għamilna siġill fuq moħħ l-ilsiera tal-Alla tagħna, tagħmlux ħsara lill-art, lill-baħar, jew lis-siġar.”

4 Jien smajt li l-ammont taʼ dawk li kellhom is-siġill kien 144,000. Dawn kienu minn kull tribù tat-tfal t’Iżrael:

5 Mit-tribù taʼ Ġuda 12,000;

mit-tribù taʼ Ruben 12,000;

mit-tribù taʼ Gad 12,000;

6 mit-tribù t’Aser 12,000;

mit-tribù taʼ Naftali 12,000;

mit-tribù taʼ Manasse 12,000;

7 mit-tribù taʼ Simegħon 12,000;

mit-tribù taʼ Levi 12,000;

mit-tribù taʼ Issakar 12,000;

8 mit-tribù taʼ Żebulun 12,000;

mit-tribù taʼ Ġużeppi 12,000;

u mit-tribù taʼ Benjamin 12,000.

9 Wara rajt folla kbira li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens, tribù, poplu, u lingwa.* Dawn kienu bilwieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin l-abjad, u f’idhom kellhom friegħi tal-palm. 10 Huma baqgħu jgħajtu b’leħen għoli u jgħidu b’apprezzament kbir: “Alla tagħna, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron, u l-Ħaruf salvawna.”

11 L-anġli kollha kienu weqfin madwar it-tron, l-anzjani,* u l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u huma niżlu għarkopptejhom wiċċhom ’l isfel u qiemu lil Alla. 12 Huma qalu: “Ammen! Kulħadd għandu jfaħħar, jigglorifika, jirringrazzja, u jonora għal dejjem taʼ dejjem lill-Alla tagħna li għandu l-għerf, l-awtorità, u s-saħħa. Ammen.”

13 Imbagħad, wieħed mill-anzjani staqsieni: “Min huma dawn li lebsin l-abjad u minn fejn ġew?” 14 Jien mill-ewwel għedtlu: “Int taf sidi.” U hu wiġibni: “Dawn huma dawk li baqgħu ħajjin wara ż-żmien taʼ tbatija kbira,* u ħaslu l-ħwejjeġ tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf. 15 Hu għalhekk li qegħdin quddiem it-tron t’Alla, u qed iqimuh lejl u nhar fit-tempju tiegħu. Il-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron se jipproteġihom.* 16 Huma mhux se jkunu iktar bil-ġuħ jew bil-għatx, u lanqas mhu se jinħarqu bix-xemx jew bis-sħana tikwi, 17 għax il-Ħaruf, li qiegħed ħdejn it-tron, se jirgħahom u jiggwidahom lejn għejun tal-ilma tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.”

8 Meta l-Ħaruf fetaħ is-sebaʼ siġill, kien hemm il-kwiet għal madwar nofs siegħa fis-sema. 2 Jien rajt is-sebaʼ anġli quddiem Alla, u dawn ingħataw sebaʼ trumbetti.

3 Imbagħad ġie anġlu ieħor b’reċipjent tad-deheb fejn jaħarqu l-inċens. Hu qagħad ħdejn l-artal u ngħata ammont kbir taʼ inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb li kien quddiem it-tron. 4 Id-duħħan tal-inċens li ħaraq l-anġlu telaʼ mat-talb tal-qaddisin quddiem Alla. 5 U l-anġlu mill-ewwel mela r-reċipjent tal-inċens bi ftit nar tal-artal u tefgħu fuq l-art. U kien hemm ragħad, ilħna, sajjetti, u terremot. 6 U s-sebaʼ anġli ppreparaw biex idoqqu s-sebaʼ trumbetti.

7 L-ewwel anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U mbagħad niżlu fuq l-art silġ u nar imħalltin bid-demm, u nħarqu terz mill-art, terz mis-siġar, u l-ħaxix kollu.

8 It-tieni anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U xi ħaġa bħal muntanja kbira taqbad intefgħet fil-baħar. Imbagħad terz mill-baħar sar demm, 9 terz mill-ħlejjaq tal-baħar mietu, u terz mill-vapuri tfarrku.

10 U t-tielet anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U stilla kbira taqbad bħal lampa waqgħet mis-sema fuq terz mix-xmajjar u l-għejun tal-ilma. 11 L-isem tal-istilla hu Assenzju.* U terz mill-ilma sar assenzju, u ħafna min-nies mietu minħabba li l-ilma sar morr.

12 Ir-rabaʼ anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U ddallmu terz mix-xemx, mill-qamar, u mill-istilel. U ma kienx hemm dawl matul terz tal-ġurnata u terz tal-lejl.

13 Jien rajt ajkla ttir fl-għoli u smajtha tgħid b’leħen għoli: “Ħażin, ħażin, ħażin għal dawk li jgħixu fuq l-art minħabba dak li se jiġri meta jinstemaʼ l-ħoss tat-trumbetti li se jdoqqu t-tliet anġli li fadal!”

9 Il-ħames anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U rajt stilla li kienet waqgħet mis-sema għal fuq l-art, u lilha* ngħatat iċ-ċavetta tad-daħla li tagħti għall-abbiss. 2 Din fetħet id-daħla li tagħti għall-abbiss, u minn hemm ħareġ duħħan bħal dak taʼ forn kbir, u minħabba fih, ix-xemx u l-arja ddallmu. 3 U mid-duħħan ħarġu ġurati għal fuq l-art, u lilhom ingħatatilhom l-istess awtorità li għandhom l-iskorpjuni fuq l-art. 4 Lilhom intqalilhom biex ma jagħmlux ħsara lill-ħaxix, lill-pjanti, jew lil xi siġra, imma biss lin-nies li m’għandhomx is-siġill t’Alla fuq moħħhom.

5 Lill-ġurati ma ngħatatilhomx l-awtorità biex joqtluhom, imma biex jaħqruhom għal ħames xhur, u l-moħqrija tagħhom kienet bħal tingiża taʼ skorpjun. 6 F’dak iż-żmien, in-nies se jipprovaw ifittxu mod kif imutu imma ma jkunux jistgħu jsibuh, se jixxennqu biex imutu imma ma jkunux jistgħu.

7 Il-ġurati kienu jixbhu liż-żwiemel lesti għall-battalja. Fuq rashom kellhom bħal kuruni tad-deheb, u wiċċhom kien bħal tal-irġiel, 8 imma xagħarhom bħal tan-nisa. Snienhom kienu qishom tal-iljuni, 9 u kellhom kurazzi tal-ħadid. Il-ħoss taʼ ġwinħajhom kien bħal dak tal-karrijiet li jitmexxew miż-żwiemel li jmorru għall-battalja. 10 Denbhom kien iniggeż bħal tal-iskorpjuni, u f’denbhom kellhom l-awtorità biex iweġġgħu lin-nies għal ħames xhur. 11 L-anġlu tal-abbiss kien re fuqhom. Bl-Ebrajk jismu Abaddon,* imma bil-Grieg Apolljon.*

12 L-ewwel gwaj għadda. Imma ġejjin tnejn oħra wara dan.

13 Is-sitt anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U smajt leħen mill-qrun tal-artal tad-deheb li hu quddiem Alla 14 jgħid lis-sitt anġlu li kellu t-trumbetta: “Ħoll l-erbaʼ anġli li huma marbutin ħdejn ix-xmara kbira Ewfrat.” 15 U l-erbaʼ anġli li kienu lesti għal dik is-siegħa, jum, xahar, u sena, inħallu biex joqtlu terz min-nies.

16 Jien smajt li l-armati tas-suldati biż-żwiemel kienu 20,000 għal 10,000.* 17 Fil-viżjoni, iż-żwiemel u dawk rekbin fuqhom rajthom hekk: Ir-rikkieba kienu lebsin kurazzi ħomor bħan-nar, blu bħall-ħaġra tal-ġjaċint, u sofor bħall-kubrit.* L-irjus taż-żwiemel kienu bħal tal-iljuni, u minn ħalqhom kien ħiereġ nar, duħħan, u kubrit. 18 Terz min-nies inqatlu b’dawn it-tliet kastigi, jiġifieri bin-nar, id-duħħan u l-kubrit li ħarġu minn ħalq iż-żwiemel. 19 Il-qawwa taż-żwiemel kienet f’ħalqhom u f’denbhom, għax denbhom kien bħal sriep li jigdmu* u bih bdew iweġġgħu lin-nies.

20 Imma l-bqija tan-nies li ma nqatlux bil-kastigi ma ddispjaċihomx minn dak li għamlu.* Huma baqgħu jqimu lid-demonji u l-idoli tad-deheb, tal-fidda, tar-ram, tal-ġebel, u tal-injam, li la jistgħu jaraw, la jisimgħu, u lanqas jimxu. 21 Huma ma ddispjaċihomx li qatlu, li għamlu l-ispiritiżmu, li għamlu l-immoralità sesswali,* u li serqu.

10 Jien rajt anġlu b’saħħtu ieħor nieżel mis-sema. Hu kien imdawwar fi sħaba, kellu qawsalla fuq rasu, wiċċu kien bħax-xemx, saqajh kienu bħal kolonni tan-nar, 2 u f’idu kellu skroll żgħir miftuħ. Hu tefaʼ siequ l-leminija fuq il-baħar u x-xellugija fuq l-art, 3 u għajjat b’leħen għoli bħal meta jgħajjat iljun. Meta għamel hekk, jien smajt l-ilħna tas-sebaʼ ragħdiet.

4 Meta s-sebaʼ ragħdiet tkellmu, jien kont se nibda nikteb dak li qalu, imma leħen mis-sema qalli: “Żomm sigriet* l-affarijiet li qalu s-sebaʼ ragħdiet, u tiktibhomx.” 5 L-anġlu li rajt bilwieqfa fuq il-baħar u fuq l-art għolla idu l-leminija lejn is-sema, 6 u ħalef bil-Wieħed li jgħix għal dejjem taʼ dejjem, li ħalaq is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom, u qal: “Alla mhux se jistenna iktar. 7 Imma fiż-żmien li s-sebaʼ anġlu jkun se jdoqq it-trumbetta tiegħu, is-sigriet qaddis t’Alla żgur se jseħħ. Is-sigriet hu l-aħbar tajba li Alla qal lill-ilsiera tiegħu l-profeti.”

8 Il-leħen mis-sema reġaʼ kellimni u qalli: “Mur ħu l-iskroll miftuħ li qiegħed f’id l-anġlu li hu bilwieqfa fuq il-baħar u l-art.” 9 Jien mort għand l-anġlu u għedtlu biex jagħtini l-iskroll żgħir. Hu qalli: “Ħudu u kulu. Dan se jibqagħlek fuq l-istonku imma se ttiegħmu ħelu bħall-għasel.”* 10 Jien ħadt l-iskroll żgħir minn id l-anġlu u kiltu. It-togħma tiegħu kienet ħelwa bħall-għasel, imma baqagħli fuq l-istonku. 11 Imbagħad ingħatajt il-kmand: “Għandek terġaʼ tipprofetizza dwar il-popli, il-ġnus, il-lingwi,* u ħafna rejiet.”

11 Jien ingħatajt qasba qisha bastun* waqt li ntqalli: “Mur kejjel is-santwarju tat-tempju t’Alla u l-artal, u għodd lil dawk li qed iqimu fih. 2 Imma tkejjilx il-bitħa taʼ barra tas-santwarju tat-tempju, għax din ingħatat lill-popli u huma se jgħaffġu taħt saqajhom il-belt qaddisa għal 42 xahar. 3 Jien se nibgħat liż-żewġ xhieda tiegħi lebsin ħwejjeġ tal-ixkora biex jipprofetizzaw għal 1,260 ġurnata.” 4 Dawn huma rrappreżentati miż-żewġ siġriet taż-żebbuġ u ż-żewġ gandlieri. Huma qegħdin weqfin quddiem is-Sid tal-art.

5 Jekk xi ħadd ikun irid iweġġagħhom, joħroġ nar minn ħalqhom u jaħraq lill-għedewwa tagħhom. Jekk xi ħadd ikun irid iweġġagħhom, hekk se jinqatel. 6 Dawn għandhom l-awtorità li jagħlqu s-sema ħalli ma tagħmilx xita meta jkunu qed jipprofetizzaw, u għandhom l-awtorità li jbiddlu l-ilma f’demm u li jikkastigaw l-art b’kull mod u kemm iridu.

7 Meta jkunu lesti mill-ipprofetizzar, il-bhima salvaġġa li titlaʼ mill-abbiss se tiġġieled fi gwerra magħhom, tirbħilhom, u toqtolhom. 8 L-iġsma mejtin tagħhom se jkunu fit-triq il-prinċipali tal-belt il-kbira, li b’mod figurattiv tissejjaħ Sodoma u Eġittu, fejn ġie maqtul ukoll il-Mulej tagħhom fuq zokk. 9 U xi nies mill-popli, tribujiet, lingwi,* u ġnus se jħarsu lejn l-iġsma mejtin tagħhom għal tlett ijiem u nofs, u mhux se jħalluhom jindifnu. 10 Dawk li jgħixu fuq l-art se jifirħu u jiċċelebraw minħabba li mietu, u se jibagħtu rigali lil xulxin, għax dawn iż-żewġ profeti kienu jitturmentawhom bil-messaġġ tagħhom.

11 Wara t-tlett ijiem u nofs, Alla tahom il-ħajja* u qamu bilwieqfa. Dawk li rawhom tgħidx kemm beżgħu. 12 Iż-żewġ xhieda semgħu leħen għoli mis-sema jgħidilhom: “Itilgħu hawn.” U huma telgħu s-sema fi sħaba, u l-għedewwa tagħhom rawhom. 13 Dak il-ħin għamel terremot kbir, u għaxra fil-100 tal-belt waqgħet. Mietu 7,000 persuna bit-terremot, u l-kumplament bdew jibżgħu u gglorifikaw lill-Alla tas-sema.

14 It-tieni gwaj għadda. It-tielet gwaj ġej malajr.

15 Is-sebaʼ anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U nstemgħu ilħna għoljin mis-sema jgħidu: “Is-Saltna t’Alla u tal-wieħed li għażel biex ikun il-Kristu qed tmexxi fuq il-bnedmin, u hu* se jmexxi bħala re għal dejjem taʼ dejjem.”

16 U l-24 anzjan li kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom quddiem Alla niżlu għarkopptejhom u qiemu lil Alla, 17 u qalu: “Nirringrazzjawk, Alla Ġeħova,* Dak li Jistaʼ Kollox, il-wieħed li jeżisti u li eżista, għax int użajt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt tmexxi bħala re. 18 Imma l-popli tgħidx kemm irrabjaw, u int urejt kemm kont irrabjat magħhom, u wasal iż-żmien li int għażilt biex jiġu ġġudikati l-mejtin, biex tippremja lill-ilsiera tiegħek il-profeti, lill-qaddisin, u lil dawk li jirrispettaw ħafna lil* ismek, kemm il-kbar u kemm iż-żgħar, u biex teqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.”

19 U nfetaħ is-santwarju tat-tempju t’Alla fis-sema, u fih rajt l-arka tal-patt. U kien hemm sajjetti, ilħna, ragħad, terremot, u silġ kbir.

12 Imbagħad dehret ġrajja* kbira fis-sema: Mara kienet liebsa ħwejjeġ ileqqu bħax-xemx, bil-qamar taħt saqajha, u fuq rasha kellha kuruna bi 12-il stilla, 2 u kienet tqila. Peress li kienet waslet biex twelled, hi kienet qed tgħajjat minħabba li kellha l-uġigħ tal-ħlas.

3 Dehret ġrajja oħra fis-sema: Rajt dragun kbir kulur in-nar li kellu sebat irjus u għaxart iqrun, u fuq l-irjus tiegħu kellu sebaʼ kuruni.* 4 U b’denbu kaxkar terz tal-istilel u waddabhom lejn l-art. Id-dragun baqaʼ wieqaf quddiem il-mara li kienet waslet biex twelled, ħalli meta twelled, jiblaʼ t-tarbija tagħha.

5 U hi welldet tifel, li għandu jirgħa lill-popli kollha b’virga tal-ħadid. U t-tifel tagħha nħataf u ttieħed għand Alla li kien fuq it-tron tiegħu. 6 Il-mara ħarbet lejn id-deżert. Hemm kellha post ippreparat minn Alla, u kienet se tingħata ikel għal 1,260 jum.

7 U faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel* u l-anġli tiegħu ġġieldu kontra d-dragun. Id-dragun u l-anġli tiegħu ġġieldu kontrihom 8 imma ma rebħulhomx,* u lanqas tħallew jibqgħu iktar fis-sema. 9 Għalhekk, id-dragun il-kbir twaddab ’l isfel lejn l-art. Hu s-serp oriġinali, il-wieħed li jissejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art kollha. L-anġli tiegħu wkoll twaddbu ’l isfel miegħu. 10 Jien smajt leħen għoli fis-sema jgħid:

“L-Alla tagħna salva l-bnedmin, u ntweriet il-qawwa tiegħu. Is-Saltna tiegħu bdiet tmexxi u dak li għażel biex ikun il-Kristu qed juża l-awtorità tiegħu. Għax il-wieħed li kien jakkuża lil ħutna lejl u nhar quddiem Alla twaddab għal isfel. 11 U huma rebħulu grazzi għad-demm tal-Ħaruf u għall-messaġġ li xandru, u huma kienu lesti li jagħtu ħajjithom u jmutu. 12 Minħabba f’hekk, ifirħu intom li tgħixu fis-sema, imma ħażin għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u hu rrabjat ħafna peress li jaf li ftit żmien baqagħlu.”

13 Meta d-dragun irrealizza li ġie mwaddab lejn l-art, hu ppersegwita l-mara li welldet lit-tifel. 14 Imma lill-mara ngħatawlha żewġ ġwienaħ kbar t’ajkla, ħalli tkun tistaʼ ttir lejn id-deżert u tmur fil-post li kien ippreparat għaliha. Hemm se tingħata l-ikel għal tliet snin u nofs* ’il bogħod mis-serp.

15 U s-serp qalaʼ minn ħalqu ilma bħal xmara wara l-mara, biex jgħerreqha. 16 Imma l-art ġiet tgħin lill-mara. L-art infetħet u belgħet ix-xmara li d-dragun qalaʼ minn ħalqu. 17 Għalhekk, id-dragun irrabja ħafna għall-mara, u mar biex jagħmel gwerra kontra t-tfal* li kien baqgħalha, jiġifieri dawk li jobdu l-kmandamenti t’Alla u li ġew inkarigati biex jagħtu xhieda dwar Ġesù.

13 U hu* waqaf fuq ir-ramel tal-baħar.

U jien rajt bhima salvaġġa tielgħa mill-baħar. Din kellha għaxart iqrun u sebat irjus, u fuq il-qrun tagħha kellha għaxar kuruni,* imma fuq l-irjus tagħha kellha ismijiet li jidgħu* b’Alla. 2 Il-bhima salvaġġa li rajt kienet bħal leopard, imma saqajha kienu bħal taʼ ors u ħalqha bħal taʼ ljun. U d-dragun taha qawwa, tron, u awtorità kbira.

3 U jien rajt li waħda mill-irjus tagħha kienet imweġġgħa serjament, imma l-ferita fatali tagħha ġiet imfejqa. In-nies kollha tal-art kienu qed jammiraw il-bhima salvaġġa u marru warajha. 4 Huma qiemu lid-dragun, għax hu ta l-awtorità lill-bhima salvaġġa, u qiemu lill-bhima salvaġġa billi qalu: “Min hu bħall-bhima salvaġġa, u min jistaʼ jiġġieled kontriha?” 5 Il-bhima salvaġġa rċiviet l-awtorità biex titkellem b’arroganza u biex tidgħi, u ngħatat awtorità wkoll biex tagħmel dak li jogħġobha għal 42 xahar. 6 U fetħet ħalqha biex tidgħi kontra Alla, tidgħi b’ismu u bil-post fejn jgħix, jiġifieri b’dawk li jgħixu fis-sema. 7 Din tħalliet tagħmel gwerra kontra l-qaddisin u tirbħilhom, u ngħatat awtorità fuq kull tribù, poplu, lingwa,* u ġens. 8 U se jqimuha dawk kollha li jgħixu fuq l-art, li mill-bidu tad-dinja* isimhom ma kienx miktub fl-iskroll tal-ħajja tal-Ħaruf li ġie maqtul.

9 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ. 10 Jekk xi ħadd għandu jmur il-ħabs, se jmur il-ħabs. Jekk xi ħadd joqtol bix-xabla,* għandu jiġi maqtul bix-xabla. Hu għalhekk li l-qaddisin għandhom bżonn jissaportu u jkollhom il-fidi.

11 Imbagħad rajt bhima salvaġġa oħra tielgħa mill-art, u din kellha żewġt iqrun bħal taʼ ħaruf, imma bdiet titkellem bħal dragun. 12 Din uriet li kellha l-istess awtorità li kellha l-ewwel bhima salvaġġa li kienet quddiem għajnejha. U din ġiegħlet lin-nies tal-art iqimu lill-ewwel bhima salvaġġa li kienet feruta serjament u ġiet imfejqa. 13 Din bdiet tagħmel mirakli* kbar quddiem in-nies, saħansitra tniżżel nar mis-sema għal fuq l-art.

14 Hi bdiet tqarraq b’dawk li jgħixu fuq l-art bil-mirakli li tħalliet tagħmel quddiem il-bhima salvaġġa. Din bdiet tgħid lil dawk li jgħixu fuq l-art biex jagħmlu statwa tal-bhima salvaġġa li ġiet feruta bix-xabla imma baqgħet ħajja. 15 It-tieni bhima salvaġġa ngħatat permess li tagħti l-ħajja* lill-istatwa tal-ewwel bhima salvaġġa. B’hekk l-istatwa setgħet titkellem u tagħti l-kmand biex joqtlu lil dawk kollha li ma jqimuhiex.

16 Din ġiegħlet lin-nies kollha, iż-żgħar u l-kbar, is-sinjuri u l-foqra, u l-meħlusin u l-ilsiera, jaċċettaw li ssirilhom marka fuq idhom il-leminija jew fuq moħħhom. 17 Min ma kellux il-marka ma setax jixtri jew ibigħ. Il-marka hi l-isem tal-bhima salvaġġa jew in-numru taʼ isimha. 18 Min għandu l-għaqal, ħa jikkalkula n-numru tal-bhima, għax hu numru li jirrappreżenta l-bnedmin,* u n-numru tagħha hu 666. Dawk biss li għandhom l-għerf se jifhmu dan.

14 Imbagħad rajt il-Ħaruf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm 144,000 li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq moħħhom. 2 Jien smajt ħoss ġej mis-sema bħal dak taʼ ħafna ilma u taʼ ragħad qawwi. Il-ħoss li smajt kien bħal dak taʼ kantanti li kienu qed idoqqu l-arpi tagħhom waqt li jkantaw. 3 Huma kienu qishom qed ikantaw għanja ġdida quddiem it-tron, l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u l-anzjani.* Ħadd ma setaʼ jitgħallem din l-għanja ħlief il-144,000 li nxtraw mid-dinja. 4 Dawn ma niġġsux lilhom infushom man-nisa; fil-fatt huma verġni. Dawn jibqgħu jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur. Huma kienu l-ewwel uħud* mill-bnedmin li nxtraw għal Alla u għall-Ħaruf. 5 Dawn qatt ma qarrqu b’dak li qalu u huma bla difett.

6 Jien rajt anġlu ieħor itir fis-sema.* Hu kellu aħbar tajba li se tibqaʼ għal dejjem biex jippritkaha lil dawk li jgħixu fuq l-art, jiġifieri lill-ġnus, it-tribujiet, il-lingwi,* u n-nies kollha. 7 Hu kien qed jgħid b’leħen għoli: “Irrispettaw ħafna lil* Alla u agħtuh glorja, għax wasal iż-żmien biex jagħmel ġudizzju. Għalhekk qimu lill-Wieħed li għamel is-sema, l-art, il-baħar, u l-għejun tal-ilma.”

8 Imbagħad ġie t-tieni anġlu u qal: “Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-Kbira, dik li ġiegħlet lill-popli jixorbu mill-inbid tagħha li jħajjarhom jagħmlu l-immoralità sesswali!”*

9 Imbagħad ġie t-tielet anġlu u qal b’leħen għoli: “Jekk xi ħadd iqim il-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha, u jirċievi marka fuq moħħu jew idu, 10 anki hu se jixrob mill-inbid t’Alla li hu r-rabja tiegħu. Alla jferraʼ dan l-inbid pur fit-tazza tar-rabja tiegħu. Min jixrob minn dan l-inbid se jiġi tturmentat bin-nar u l-kubrit* quddiem l-anġli qaddisin u l-Ħaruf. 11 Id-duħħan tan-nar li jitturmentahom* se jibqaʼ tielaʼ għal dejjem taʼ dejjem. Dawk li jqimu l-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li jirċievu l-marka t’isimha, se jibqgħu jiġu tturmentati lejl u nhar. 12 Hu għalhekk li l-qaddisin għandhom bżonn jissaportu. Dawn huma dawk li jobdu l-kmandamenti t’Alla u jżommu sod mal-fidi li għandhom f’Ġesù.”

13 Jien smajt leħen mis-sema jgħidli: “Ikteb dan: Ferħanin huma dawk li minn issa ’l quddiem imutu bħala dixxipli tal-Mulej. L-ispirtu jgħid, iva, ħa jistrieħu mix-xogħol iebes tagħhom, għax dak li għamlu mhux se jintesa.”*

14 Imbagħad rajt sħaba bajda u fuqha kien hemm bilqiegħda xi ħadd bħal bin il-bniedem, li kellu kuruna tad-deheb fuq rasu u minġel jaqtaʼ f’idu.

15 Anġlu ieħor ħareġ mis-santwarju tat-tempju u lil dak bilqiegħda fuq is-sħaba qallu b’leħen għoli: “Uża l-minġel tiegħek u aħsad, għax wasal iż-żmien tal-ħsad, u l-prodott tal-art sar.” 16 Dak li kien bilqiegħda fuq is-sħaba uża l-minġel tiegħu u ħasad il-prodott tal-art.

17 Anġlu ieħor ħareġ mis-santwarju tat-tempju fis-sema, u anki hu kellu minġel jaqtaʼ.

18 Mill-artal ħareġ anġlu ieħor li kellu awtorità fuq in-nar. Hu qal b’leħen għoli lil dak li kellu l-minġel jaqtaʼ: “Uża l-minġel tiegħek u aqtaʼ l-għenieqed tad-dielja tal-art, għax l-għeneb sar.” 19 L-anġlu uża l-minġel tiegħu u qataʼ d-dielja tal-art. Hu tefagħha b’kollox fil-post il-kbir fejn jintgħasar l-għeneb, li jirrappreżenta r-rabja t’Alla. 20 Id-dielja ntgħasret barra l-belt, u d-demm li ħareġ minnha għola sa ħalq iż-żwiemel u nfirex sa 1,600 stadju.*

15 U fis-sema rajt ġrajja* oħra li kienet kbira u tal-għaġeb, u fiha kien hemm sebaʼ anġli b’sebaʼ kastigi. Dawn huma l-aħħar kastigi, għax meta jispiċċaw Alla ma jibqax irrabjat.

2 U rajt xi ħaġa bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar, u dawk li rebħu l-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li ma kinux immarkati bin-numru taʼ isimha, kienu weqfin ħdejn il-baħar tal-ħġieġ. Huma kellhom l-arpi t’Alla. 3 Bdew ikantaw l-għanja taʼ Mosè l-ilsir t’Alla u l-għanja tal-Ħaruf, u qalu:

“Alla Ġeħova* li Tistaʼ Kollox, dak li tagħmel hu kbir u tal-għaġeb. Re taʼ dejjem, int dejjem taġixxi b’mod ġust u li tistaʼ tafdah. 4 Ġeħova,* min mhux se jirrispettak ħafna u jigglorifika lil ismek? Għax int biss leali lejn in-nies tiegħek. Il-popli kollha se jiġu quddiemek u jqimuk, għax huma jaraw li int tiġġudika b’mod ġust.”

5 Wara dan rajt is-santwarju tat-tinda jinfetaħ fis-sema. Din it-tinda fiha x-xhieda t’Alla. 6 U mis-santwarju ħarġu s-sebaʼ anġli bis-sebaʼ kastigi. Dawn kienu lebsin ħwejjeġ tal-għażel nodfa u jleqqu, u kellhom trieħi tad-deheb madwar sidirhom. 7 Waħda mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin tat lis-sebaʼ anġli sebaʼ skutelli tad-deheb li kienu mimlijin bir-rabja tal-Alla li jgħix għal dejjem taʼ dejjem. 8 U s-santwarju mtela bid-duħħan minħabba l-glorja t’Alla u l-qawwa tiegħu, u ħadd ma setaʼ jidħol fih sakemm spiċċaw is-sebaʼ kastigi tas-sebaʼ anġli.

16 Jien smajt leħen għoli ġej mis-santwarju jgħid lis-sebaʼ anġli: “Morru ferrgħu s-sebaʼ skutelli tar-rabja t’Alla fuq l-art.”

2 L-ewwel wieħed telaq u ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq l-art. In-nies li kellhom il-marka tal-bhima salvaġġa u li kienu qed iqimu l-istatwa tagħha, imtlew b’feriti taʼ wġigħ li ma jfiqux.

3 It-tieni wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fil-baħar. Il-baħar sar bħal demm taʼ xi ħadd mejjet, u kull ħliqa ħajja fih mietet.

4 It-tielet wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fix-xmajjar u l-għejun tal-ilma. U dawn saru demm. 5 Jien smajt l-anġlu li għandu awtorità fuq l-ilma jgħid: “Int Alla leali lejn in-nies tiegħek, il-Wieħed li jeżisti u li eżista. Int ġust minħabba li għamilt dawn il-ġudizzji. 6 Huma xerrdu d-demm tal-qaddisin u l-profeti, u b’hekk int tajthom jixorbu d-demm. Hekk ħaqqhom!” 7 U smajt leħen mill-artal jgħid: “Iva, Alla Ġeħova* li Tistaʼ Kollox, il-ġudizzji* tiegħek huma taʼ min jafdahom u ġusti.”

8 Ir-rabaʼ wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq ix-xemx, u din tħalliet taħraq in-nies bin-nar. 9 U n-nies inħarqu bis-sħana kbira, imma huma dgħaw* bl-isem t’Alla, li għandu l-awtorità fuq dawn il-kastigi, u la nidmu u lanqas tawh glorja.

10 Il-ħames wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq it-tron tal-bhima salvaġġa. U s-saltna tagħha ddallmet, u n-nies bdew jigdmu lsienhom bl-uġigħ. 11 Imma huma dgħaw bl-Alla tas-sema minħabba l-uġigħ u l-feriti tagħhom, u ma nidmux minn dak li għamlu.

12 Is-sitt wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fix-xmara l-kbira Ewfrat, u l-ilma tagħha nixef biex tiġi ppreparata triq għar-rejiet li ġejjin minn fejn titlaʼ x-xemx.*

13 Minn ħalq id-dragun, il-bhima salvaġġa, u l-profeta falz rajt ħerġin tliet messaġġi mhux nodfa* li kienu qishom żrinġijiet. 14 Dawn il-messaġġi ġejjin mid-demonji u semgħuhom ir-rejiet kollha tal-art. Il-messaġġi għamlu mirakli* biex jiġbru r-rejiet għall-gwerra tal-jum il-kbir tal-Alla li Jistaʼ Kollox.

15 “Oqogħdu attenti! Jien ġej bħal ħalliel. Ferħan hu min jibqaʼ mqajjem u mlibbes, biex b’hekk ma jimxix għarwien u jistħi għax jarawh in-nies.”

16 Il-messaġġi li ġejjin mid-demonji ġabru lir-rejiet fil-post li bl-Ebrajk jgħidulu Armageddon.*

17 Is-sebaʼ wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fl-arja. Malli għamel hekk, instemaʼ leħen għoli ġej mis-santwarju tat-tron, li qal: “Bil-lest!” 18 U kien hemm sajjetti, ilħna, u ragħad, u kien hemm terremot li tant kien kbir u mifrux li qatt ma seħħ bħalu minn mindu beda jeżisti l-bniedem. 19 Il-belt il-kbira nqasmet fi tlieta, u l-bliet tal-popli waqgħu. Alla ftakar f’Babilonja l-Kbira u taha t-tazza tal-inbid tar-rabja kbira ħafna tiegħu. 20 Ukoll, il-gżejjer kollha ħarbu u l-muntanji ma nstabux. 21 Imbagħad niżel silġ kbir fuq in-nies, u kull silġa kienet tiżen madwar talent.* In-nies bdew jidgħu b’Alla minħabba l-kastig tas-silġ, għax il-kastig għamel ħsara kbira.

17 Wieħed mis-sebaʼ anġli li kellhom is-sebaʼ skutelli ġie ħdejja u qalli: “Ejja ħa nurik il-ġudizzju li se jsir fuq il-prostituta l-kbira li toqgħod bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet. 2 Ir-rejiet tal-art għamlu l-immoralità sesswali magħha, u n-nies sikru bl-inbid tagħha, li jirrappreżenta l-immoralità sesswali* tagħha.”

3 Hu uża l-qawwa tal-ispirtu qaddis biex jiħodni fid-deżert. Jien rajt mara bilqiegħda fuq bhima salvaġġa li l-kulur tagħha kien aħmar jgħajjat. Il-bhima kienet mimlija b’ismijiet li jidgħu* b’Alla u kellha sebat irjus u għaxart iqrun. 4 Il-mara kienet liebsa ħwejjeġ b’kulur vjola u aħmar jgħajjat, u deheb, ħaġar prezzjuż, u perli. F’idha kellha tazza tad-deheb mimlija b’affarijiet diżgustanti u b’affarijiet mhux nodfa tal-immoralità sesswali* tagħha. 5 Fuq moħħha kien hemm miktub isem misterjuż: “Babilonja l-Kbira, omm il-prostituti u l-affarijiet diżgustanti tal-art.” 6 Jien rajt li l-mara kienet fis-sakra bid-demm tal-qaddisin u tax-xhieda taʼ Ġesù.

Kif rajt dan bqajt imbellah ħafna. 7 Għalhekk, l-anġlu qalli: “Għala bqajt imbellah? Jien se ngħidlek il-misteru tal-mara u tal-bhima salvaġġa li qed iġġorrha, li għandha s-sebat irjus u l-għaxart iqrun: 8 Il-bhima salvaġġa li rajt kienet teżisti, imbagħad ma baqgħetx, imma daqt se titlaʼ mill-abbiss u tinqered. In-nies fuq l-art li isimhom ma kienx imniżżel fl-iskroll tal-ħajja mill-bidu tad-dinja,* se jibqgħu mistagħġbin meta jaraw kif il-bhima salvaġġa kienet teżisti, ma baqgħetx, u se terġaʼ tidher.

9 “Trid tkun għaref biex tifhem dan: Is-sebat irjus jirrappreżentaw sebaʼ muntanji, li fuqhom hemm il-mara bilqiegħda. 10 U hemm sebaʼ rejiet: ħamsa ma baqgħux, wieħed għadu, u l-ieħor għadu mhuwiex, imma meta jkun, se jibqaʼ għal ftit żmien. 11 Il-bhima salvaġġa li kienet teżisti u li m’għadhiex hi wkoll it-tmien re, imma din toħroġ mis-sebaʼ rejiet, u fl-aħħar mill-aħħar se tinqered.

12 “L-għaxart iqrun li int rajt jirrappreżentaw għaxar rejiet li għadhom ma ngħatawx saltna, imma se jingħataw awtorità bħala rejiet għal ftit żmien* mal-bhima salvaġġa. 13 Dawn għandhom l-istess ħsieb, għalhekk se jagħtu l-qawwa u l-awtorità tagħhom lill-bhima salvaġġa. 14 Dawn se jiġġieldu mal-Ħaruf, imma peress li hu s-Sid tas-sidien u r-Re tar-rejiet, il-Ħaruf se jirbħilhom. Anki l-imsejħin, il-magħżulin, u l-leali li hemm miegħu se jirbħulhom.”

15 L-anġlu qalli: “L-ilmijiet li rajt, li l-prostituta qiegħda bilqiegħda fuqhom, jirrappreżentaw in-nies, il-folol, il-ġnus, u l-lingwi.* 16 L-għaxart iqrun u l-bhima salvaġġa li rajt, se jobogħdu l-prostituta, jiħdulha kulma għandha, ineżżgħuha, jiklulha laħamha, u jaħarquha għalkollox bin-nar. 17 Għax Alla daħħlilhom f’moħħhom biex jagħmlu dak li jrid hu, jiġifieri li jagħmlu skont l-istess ħsieb li kellhom, billi jagħtu s-saltna tagħhom lill-bhima salvaġġa, sakemm jiġri dak li qal Alla. 18 U l-mara li rajt int tirrappreżenta l-belt il-kbira li tmexxi fuq ir-rejiet tal-art.”

18 Wara dan rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b’awtorità kbira, u l-art xegħlet bil-glorja tiegħu. 2 B’leħen sod għajjat: “Waqgħet! Babilonja l-Kbira waqgħet, u saret post fejn jgħixu d-demonji u post fejn jinħbew kull spirtu* ħażin* u kull għasfur maħmuġ u mibgħud! 3 Peress li dawk li jixorbu mill-inbid tagħha jiġu mħajrin jagħmlu l-immoralità sesswali,* il-popli kollha sikru bl-inbid tagħha, ir-rejiet tal-art għamlu l-immoralità sesswali magħha, u n-negozjanti* saru sinjuri bis-saħħa tal-ġid li akkwistat bla mistħija.”

4 U smajt leħen ieħor mis-sema jgħid: “Poplu tiegħi, oħorġu minnha jekk ma tridux tieħdu sehem fid-dnubiet tagħha u jekk ma tridux tirċievu l-kastigi tagħha. 5 Għax id-dnubiet tagħha lanqas tistaʼ tgħoddhom, u Alla se jiġġudikaha għall-affarijiet ħżiena* li għamlet. 6 Pattuhielha tal-affarijiet ħżiena li għamlet lil oħrajn, iva pattuhielha doppju għal dak li għamlet. Fit-tazza li ħalltet l-inbid fiha, ħalltulha d-doppju għaliha. 7 Daqskemm faħħret lilha nfisha u għexet fil-lussu li akkwistat bla mistħija, daqstant ieħor għandkom iġġegħluha tbati u tibki. Għax f’qalbha tibqaʼ tgħid, ‘Jien immexxi bħal reġina, m’iniex armla, u qatt mhu se nibki.’ 8 Għax f’ġurnata waħda se jiġu l-kastigi tagħha: il-mewt, il-biki, u l-ġuħ. Alla Ġeħova* se jaħraqha għalkollox bin-nar, għax hu l-wieħed li se jiġġudikaha, u hu b’saħħtu.

9 “Ir-rejiet tal-art li għamlu l-immoralità sesswali* magħha u li għexu magħha fil-lussu li akkwistat bla mistħija, se jibku u juru li huma mdejqin ħafna* minħabba fiha meta jaraw id-duħħan tagħha hi u tinħaraq. 10 Peress li jibżgħu li jbatu bħalha, mill-bogħod jgħidu, ‘X’ħasra, x’ħasra li ġralek hekk! Int kont belt kbira, il-belt b’saħħitha taʼ Babilonja. Imma f’daqqa waħda ġie l-ġudizzju tiegħek.’

11 “Ukoll, in-negozjanti tal-art jibku u huma mdejqin minħabba fiha, għax ħadd mhu jixtri l-affarijiet kollha li qed ibigħu: 12 deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, perli, għażel fin, drapp vjola, ħarir, u drapp aħmar jgħajjat; u kull ħaġa magħmula minn injam ifuħ, mill-avorju, mill-injam prezzjuż, mir-ram, mill-ħadid, u mill-irħam; 13 kif ukoll kannella, ħwawar mill-Indja, inċens, żejt ifuħ, inċens abjad, inbid, żejt taż-żebbuġa, dqiq fin, qamħ, baqar, nagħaġ, żwiemel, karrijiet, ilsiera, u nies* għall-bejgħ. 14 Iva, il-frott mill-aqwa li kont tixtieq int,* m’għadux tiegħek, u l-ikel mill-aqwa u l-affarijiet sbieħ tiegħek sparixxewlek darba għal dejjem.

15 “In-negozjanti li biegħu dawn l-affarijiet u li saru sinjuri minn fuqha se jibqgħu ’l bogħod għax jibżgħu li se jbatu bħalha u se jibku u juru li huma mdejqin. 16 Huma jgħidu, ‘‘X’ħasra, x’ħasra li dawn l-affarijiet ġraw lil din il-belt il-kbira! Hi kienet liebsa ħwejjeġ tal-għażel fin, vjola, u ħomor jgħajtu, u ħafna deheb, ħaġar prezzjuż, u perli, 17 imma f’daqqa waħda sparixxa dan il-ġid kollu.’

“U kull kaptan taʼ vapur, kull persuna li tivvjaġġa bil-baħar, il-baħrin, u dawk kollha li xogħolhom jiddependi mill-baħar, qagħdu ’l bogħod 18 waqt li ħarsu lejn id-duħħan tagħha hi u tinħaraq, u qalu, ‘Liema belt hi bħall-belt il-kbira?’ 19 Huma tefgħu t-trab fuq rashom, għajtu, bkew, u ħassewhom imdejqin, u qalu, ‘X’ħasra, x’ħasra li dawn l-affarijiet ġraw lil din il-belt il-kbira! Permezz tal-ġid tagħha dawk kollha li kellhom vapur saru sinjuri, imma f’daqqa waħda spiċċat fix-xejn!’

20 “Intom li qegħdin fis-sema u intom il-qaddisin flimkien mal-appostli u l-profeti għandkom tkunu ferħanin b’dan, għax Alla ġġudikaha għal dak li għamlitilkom!”

21 U anġlu b’saħħtu refaʼ ġebla bħal ġebla kbira taʼ mitħna u waddabha fil-baħar u qal: “Il-belt il-kbira, Babilonja, se titwaddab bl-istess ħeffa, u qatt mhu se terġaʼ tidher. 22 F’Babilonja mhux se jerġaʼ jinstemaʼ l-ħoss tal-kantanti li jdoqqu l-arpa, tal-mużiċisti, taʼ dawk li jdoqqu l-flawt, u taʼ dawk li jdoqqu t-trumbetti. Fiha mhux se jkun hemm iktar nies tas-sengħa, u mhux se jinstemaʼ iktar il-ħoss taʼ xi ġebla tal-mitħna. 23 Fiha mhux se jerġaʼ jiddi d-dawl taʼ lampa, u mhu se jinstemaʼ l-ebda leħen t’għarus u għarusa. Dan se jiġri għax in-negozjanti tagħha kienu l-iktar nies importanti fuq l-art u għax il-popli kollha tfixklu minħabba li n-nies tagħha għamlu l-ispiritiżmu. 24 Iva, din il-belt instabet ħatja tal-qtil tal-profeti u tal-qaddisin u taʼ dawk kollha li nqatlu b’mod vjolenti.”

19 Wara dan smajt leħen għoli qisu taʼ folla kbira fis-sema. Huma qalu: “Faħħru lil Jah!* L-Alla tagħna hu Dak li Jsalva, glorjuż, u b’saħħtu ħafna, 2 għax il-ġudizzji tiegħu huma taʼ min jafdahom u ġusti. Għax hu ġġudika l-prostituta l-kbira li ħassret l-art bl-immoralità sesswali* u vvendika ruħu minnha talli qatlet l-ilsiera tiegħu.” 3 U smajthom jgħidu għat-tieni darba: “Faħħru lil Jah!* Id-duħħan tagħha waqt li qed taqbad jibqaʼ tielaʼ għal dejjem taʼ dejjem.”

4 U l-24 anzjan u l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin niżlu għarkopptejhom u qiemu lil Alla li joqgħod bilqiegħda fuq it-tron, u qalu: “Ammen! Faħħru lil Jah!”*

5 Ukoll, ġie leħen mit-tron u qal: “Faħħru lill-Alla tagħna, intom l-ilsiera kollha tiegħu kbar u żgħar u li tirrispettawh ħafna.”*

6 U jien smajt bħal ħoss taʼ folla kbira, taʼ ħafna ilmijiet, u taʼ ragħad qawwi. Huma qalu: “Faħħru lil Jah,* għax Ġeħova* l-Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jmexxi bħala re! 7 Ejja nifirħu ħafna u nagħtuh glorja, għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf, u l-mara tiegħu ppreparat lilha nfisha għal dan. 8 Iva, hi ngħatat permess li tilbes ħwejjeġ tal-għażel fin, nodfa, u jleqqu, għax l-għażel fin jirrappreżenta l-affarijiet ġusti li għamlu l-qaddisin.”

9 Hu qalli: “Ikteb: Ferħanin huma dawk li ġew mistiedna għall-ikla taʼ filgħaxija taż-żwieġ tal-Ħaruf.” Qalli wkoll: “Dal-kliem li qal Alla hu veru.” 10 Għal dan jien inżilt għarkopptejja biex inqimu. Imma hu qalli: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek li għandhom ix-xogħol li jagħtu xhieda dwar Ġesù. Qim lil Alla! Għax l-iskop tal-profeziji hu li tingħata xhieda dwar Ġesù.”

11 Rajt is-sema tinfetaħ, u kien hemm żiemel abjad. U dak li kien riekeb fuqu kien jismu Leali u Veru, u kien jiġġudika u jiġġieled b’mod ġust. 12 Għajnejh huma bħal fjamma nar, u fuq rasu għandu ħafna kuruni.* Fuqu għandu miktub isem li ħadd ma jafu ħliefu. 13 Hu liebes ħwejjeġ imċappsin* bid-demm, u ismu hu: Il-Kelma t’Alla. 14 L-armati tas-sema kienu warajh fuq żwiemel bojod, u kienu lebsin għażel fin, abjad, u nadif. 15 Minn ħalqu kienet ħierġa xabla twila taqtaʼ li biha se jikkastiga lill-popli, u hu se jirgħahom b’virga tal-ħadid. Iktar minn hekk, hu jagħsar l-għeneb li hemm fil-post fejn jintgħasar l-għeneb tal-Alla li Jistaʼ Kollox. Il-post jirrappreżenta r-rabja kbira ħafna tiegħu. 16 Fuq ħwejġu, iva, fuq koxxtu, għandu isem miktub: Ir-Re tar-rejiet u s-Sid tas-sidien.

17 Jien rajt ukoll anġlu wieqaf fix-xemx, u hu għajjat b’leħen għoli lill-għasafar kollha tas-sema u qalilhom: “Ejjew hawn, inġabru f’daqqa għall-ikla l-kbira taʼ filgħaxija t’Alla, 18 biex tieklu l-laħam tar-rejiet, tal-kmandanti militari, tal-irġiel b’saħħithom, taż-żwiemel u taʼ dawk li jirkbu fuqhom, u l-laħam taʼ kulħadd, tal-ħielsa u l-ilsiera, u taż-żgħar u l-kbar.”

19 U rajt il-bhima salvaġġa, ir-rejiet tal-art, u l-armati tagħhom miġburin flimkien biex jiġġieldu kontra l-wieħed li kien riekeb fuq iż-żiemel u l-armata tiegħu. 20 Il-bhima salvaġġa nqabdet, u magħha nqabad ukoll il-profeta falz li kien jagħmel il-mirakli* quddiemha u li bihom qarraq b’dawk li rċivew il-marka tal-bhima salvaġġa u b’dawk li kienu jagħtu qima lill-istatwa tagħha. Waqt li l-bhima salvaġġa u l-profeta falz kienu għadhom ħajjin, ġew imwaddbin fl-għadira tan-nar li taqbad bil-kubrit.* 21 Imma l-bqija nqatlu bix-xabla twila li kienet ħierġa minn ħalq il-wieħed li kien riekeb fuq iż-żiemel. U l-għasafar kollha mtlew b’laħamhom.

20 U rajt anġlu nieżel mis-sema biċ-ċavetta tal-abbiss u b’katina kbira f’idu. 2 Hu ħataf id-dragun, is-serp oriġinali li hu x-Xitan u Satana, u rabtu għal 1,000 sena. 3 Imbagħad waddbu fl-abbiss u għalaq u ssiġilla d-daħla tiegħu, ħalli ma jkunx jistaʼ jkompli jqarraq bil-popli sakemm jispiċċaw l-1,000 sena. Wara dan, għandu jiġi meħlus għal ftit żmien.

4 U jien rajt tronijiet, u dawk bilqiegħda fuqhom ingħataw awtorità biex jiġġudikaw. Iva, rajt id-demm* taʼ dawk li ġew maqtulin* għax taw xhieda dwar Ġesù u tkellmu dwar Alla, u taʼ dawk li ma qimux il-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li ma rċivewx il-marka fuq moħħhom u fuq idhom. Huma ħadu l-ħajja u mexxew bħala rejiet mal-Kristu għal 1,000 sena. 5 Dan hu l-ewwel irxoxt. (Il-bqija tal-mejtin ma ħadux il-ħajja sakemm spiċċaw l-1,000 sena.) 6 Ferħanin u qaddisin huma dawk li għandhom sehem fl-ewwel irxoxt. Fuq dawn it-tieni mewt m’għandhiex awtorità, imma huma se jkunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u se jmexxu bħala rejiet miegħu għall-1,000 sena.

7 Meta jgħaddu l-1,000 sena, Satana jiġi meħlus mill-ħabs. 8 Hu se joħroġ u jqarraq bil-popli li qegħdin fl-erbaʼ kantunieri tal-art, jiġifieri Gog u Magog, biex jiġborhom flimkien għall-gwerra. L-ammont tagħhom hu daqs ir-ramel tal-baħar. 9 Huma nxterdu mal-art kollha u dawru l-kamp tal-qaddisin u l-belt għażiża. Imma niżel nar mis-sema u ħaraqhom. 10 U x-Xitan li kien qed iqarraq bihom ġie mwaddab fl-għadira tan-nar u l-kubrit, fejn kien hemm diġà l-bhima salvaġġa u l-profeta falz. Huma se jiġu tturmentati* lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem.

11 U jien rajt tron kbir abjad u l-Wieħed bilqiegħda fuqu. L-art u s-sema ħarbu minn quddiemu, u ma nstabux iktar. 12 U rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu skrolli. Imbagħad infetaħ skroll ieħor, l-iskroll tal-ħajja. Permezz tal-affarijiet li kien hemm miktubin fl-iskrolli, il-mejtin ġew iġġudikati skont dak li għamlu. 13 Il-baħar, il-mewt, u l-Qabar* taw lura l-mejtin li kien hemm fihom, u dawn ġew iġġudikati individwalment skont dak li għamlu. 14 Il-mewt u l-Qabar* ġew mitfugħin fl-għadira tan-nar. Din tirrappreżenta t-tieni mewt. 15 Anki dawk li ma kellhomx isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja ġew mitfugħin fl-għadira tan-nar.

21 Jien rajt sema ġdida u art ġdida, għax is-sema u l-art taʼ qabel spiċċaw, u l-baħar m’għadux jeżisti. 2 Rajt ukoll il-belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-Ġdida, nieżla mis-sema fejn hemm Alla. Hi bħal għarusa liebsa sabiħ biex tilqaʼ lir-raġel li se tiżżewweġ. 3 Imbagħad smajt leħen għoli mit-tron jgħid: “It-tinda t’Alla se tkun fost il-bnedmin, u hu se jgħix magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu. Alla stess se jkun magħhom. 4 Hu se jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, dwejjaq, biki, u wġigħ. Alla se jneħħi l-affarijiet kollha li ġegħluna nbatu.”*

5 Il-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron qalli: “Jien qed nagħmel kollox ġdid.” Qalli wkoll: “Ikteb, għax dan il-kliem hu taʼ min jafdah* u veru.” 6 U qalli: “Dan il-kliem diġà seħħ! Jien l-Alfa u l-Omega,* il-bidu u t-tmiem. Lil kull min hu bil-għatx se nagħtih jixrob b’xejn mill-għajn tal-ilma tal-ħajja. 7 Kull min jirbaħ lid-dinja se jiret dawn l-affarijiet, u jien inkun l-Alla tiegħu, u hu jkun it-tifel tiegħi. 8 Imma dawk li jibżgħu, li m’għandhomx fidi, li huma diżgustanti, il-qattiela, li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jagħmlu l-ispiritiżmu, li jqimu l-idoli, u l-giddibin kollha, se jiġu mitfugħin fl-għadira li taqbad bin-nar u l-kubrit.* Din tirrappreżenta t-tieni mewt.”

9 Wieħed mis-sebaʼ anġli li kellhom is-sebaʼ skutelli li kienu mimlijin bl-aħħar sebaʼ kastigi ġie ħdejja u qalli: “Ejja ħa nurik l-għarusa, li se tkun il-mara tal-Ħaruf.” 10 Għalhekk, hu uża l-qawwa tal-ispirtu qaddis u ħadni fuq muntanja kbira u għolja. Hu wrieni lil Ġerusalemm, il-belt il-qaddisa, nieżla mis-sema fejn hemm Alla. 11 Din il-belt għandha l-glorja t’Alla u tiddi bħall-iktar ħaġra prezzjuża, bħal ħaġra tad-djaspru li tleqq daqs il-kristall. 12 Din kellha sur kbir u għoli u 12-il bieb b’anġlu maʼ kull wieħed, u fuq il-bibien kien hemm minquxin l-ismijiet tat-12-il tribù t’Iżrael. 13 Kien hemm tliet bibien fil-Lvant, tlieta fit-Tramuntana, tlieta fin-Nofsinhar, u tlieta fil-Punent. 14 Is-sur tal-belt kellu wkoll 12-il ġebla tal-pedament, u fuqhom kien hemm l-ismijiet tat-12-il appostlu tal-Ħaruf.

15 Dak li kien qed ikellimni kellu qasba tad-deheb biex ikejjel il-belt, il-bibien, u s-sur tagħha. 16 Il-belt kienet kwadra, u t-tul u l-wisaʼ tagħha kienu ndaqs. Hu kejjel il-belt bil-qasba u kienet 12,000 stadju;* it-tul, il-wisaʼ, u l-għoli tagħha kienu ndaqs. 17 Hu kejjel ukoll is-sur tagħha, li kien 144 kubitu,* skont il-kejl tal-bnedmin. Dan hu l-istess kejl li uża l-anġlu. 18 Is-sur kien magħmul mid-djaspru, u l-belt mid-deheb pur bħal ħġieġ ċar. 19 Il-pedamenti tas-sur tal-belt kienu mżejnin b’kull tip taʼ ħaġar prezzjuż: l-ewwel pedament kien djaspru, it-tieni żaffir, it-tielet kalċedonju, ir-rabaʼ żmerald, 20 il-ħames sardoniċi, is-sitta sardju, is-sebaʼ krisolitu, it-tmienja berill, id-disaʼ topazju, l-għaxar krisoprasu, il-ħdax ġjaċint, u t-tnax ametist. 21 Ukoll, it-12-il bieb kienu 12-il perla. Kull bieb kien magħmul minn perla. It-triq prinċipali tal-belt kienet magħmula minn deheb pur bħal ħġieġ ċar.

22 Fil-belt ma rajtx tempju, għax Alla Ġeħova* li Jistaʼ Kollox u l-Ħaruf huma t-tempju tagħha. 23 Il-belt ma kellhiex bżonn id-dawl tax-xemx u l-qamar, għax kellha l-glorja t’Alla tiddi fuqha, u l-lampa tagħha kienet il-Ħaruf. 24 Il-popli se jimxu permezz tad-dawl tagħha, u r-rejiet tal-art se jigglorifikawha. 25 Il-bibien tagħha mhux se jingħalqu, għax il-ġurnata mhux se tispiċċa u l-lejl mhux se jeżisti. 26 Il-popli se jigglorifikaw u jonoraw il-belt. 27 Imma kulma hu mniġġes u kull min jagħmel dak li hu diżgustanti u jqarraq żgur li mhux se jidħol fiha. Se jidħlu dawk biss li huma miktubin fl-iskroll tal-ħajja tal-Ħaruf.

22 Hu wrieni xmara tal-ilma tal-ħajja, li kienet ċara daqs il-kristall. Din kienet ħierġa mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf, 2 u kienet tgħaddi min-nofs it-triq prinċipali. Fuq kull naħa tax-xmara kien hemm siġar tal-ħajja li jagħmlu l-frott kull xahar, 12-il darba fis-sena. U l-weraq tas-siġar kienu tajbin biex ifejqu l-popli.

3 U mhux se jkun hemm iktar saħta. It-tron t’Alla u tal-Ħaruf se jkunu fil-belt, u l-ilsiera t’Alla se jqimuh. 4 Huma se jaraw wiċċu, u ismu se jkun fuq moħħhom. 5 Ukoll, il-lejl mhux se jibqaʼ iktar, u mhux se jkollhom bżonn id-dawl tal-lampa jew tax-xemx, għax Alla Ġeħova* se jitfaʼ d-dawl fuqhom, u huma se jmexxu bħala rejiet għal dejjem taʼ dejjem.

6 Hu qalli: “Dan il-kliem hu taʼ min jafdah* u veru. Iva, Ġeħova,* l-Alla li jitkellem permezz tal-profeti, bagħat lill-anġlu tiegħu biex juri lill-ilsiera tiegħu l-affarijiet li se jiġru dalwaqt. 7 Ġesù jgħid: ‘Jien ġej malajr. Ferħanin huma dawk kollha li jobdu l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll.’”

8 Jien, Ġwanni, kont smajt u rajt dawn l-affarijiet. Meta smajthom u rajthom, inżilt għarkopptejja biex inqim l-anġlu li kien urieni dawn l-affarijiet. 9 Imma hu qalli: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek, bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jobdu l-kliem taʼ dan l-iskroll. Qim lil Alla.”

10 Hu qalli wkoll: “Tissiġillax il-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll, għax iż-żmien li ntagħżel hu qrib. 11 Min mhux qed jagħmel l-affarijiet sewwa, ħa jkompli ma jagħmilx l-affarijiet sewwa, u min hu maħmuġ, ħa jkompli jkun maħmuġ; imma min hu sewwa, ħa jkompli jagħmel is-sewwa, u min hu qaddis, ħa jkompli jagħmel dak li hu qaddis.

12 “Alla jgħid: ‘Jien ġej malajr, u se nagħti lil kull wieħed skont dak li għamel. 13 Jien l-Alfa u l-Omega,* l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t-tmiem. 14 Ferħanin huma dawk li jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom, ħalli jkollhom id-dritt jieklu l-frott tas-siġar tal-ħajja u jidħlu fil-belt mill-bibien tagħha. 15 Barra hemm il-klieb,* dawk li jagħmlu l-ispiritiżmu, li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li joqtlu, li jqimu l-idoli, u kull min iħobb il-gideb u jigdeb.’

16 “‘Jien, Ġesù, bgħatt lill-anġlu tiegħi biex jagħti xhieda lilkom dwar dawn l-affarijiet għall-benefiċċju tal-kongregazzjonijiet. Jien mill-familja* taʼ David u dixxendent tiegħu, u l-istilla taʼ filgħodu li tiddi.’”

17 L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: “Ejja!” u kull min jismaʼ ħa jgħid, “Ejja!” u kull min hu bil-għatx ħa jiġi; u kull min jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.

18 Ġesù jgħid: “Jien qed nagħti xhieda lil kull min qed jismaʼ l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll: Jekk xi ħadd iżid maʼ dan, Alla se jżidlu l-kastigi li huma miktubin f’dan l-iskroll. 19 U jekk xi ħadd ineħħi xi ħaġa mill-kliem tal-iskroll taʼ din il-profezija, Alla mhux se jħallih jiekol mis-siġar tal-ħajja jew jidħol fil-belt qaddisa, li dwarhom hemm miktub f’dan l-iskroll.

20 “Jien li nagħti xhieda dwar dawn l-affarijiet ngħid, ‘Iva, jien ġej malajr.’”

Jien, Ġwanni, għedtlu: “Ammen! Ejja Mulej Ġesù.”

21 Jalla l-Mulej Ġesù juri qalb tajba kbira mal-qaddisin.

Il-kelma tfisser tikxef jew tagħmel magħruf.

Jew forsi “l-qaddej taʼ Ġesù.”

Letteralment “saltna.”

Letteralment “It-tribujiet.”

Letteralment “se jibku u jħabbtu fuq sidirhom.”

Ara App. A5.

Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.

Jew “l-imfietaħ.”

Jew “taʼ Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “messaġġieri.”

Letteralment “minn fejn waqajt.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “fis-sentimenti.” Letteralment “il-kliewi.”

Letteralment “l-affarijiet profondi taʼ.”

Letteralment “isem.”

Jew “ftakar.”

Letteralment “ftit ismijiet.”

Letteralment “lejn ismi.”

Letteralment “il-kuruna.”

Letteralment “ingwent.”

Jew “ħaġra prezzjuża ħamra.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Letteralment “fuq ġewwa u fuq in-naħa taʼ wara.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “mill-għerq.”

Letteralment “ilsien.”

Letteralment “saltna.”

Jew “għaxriet t’eluf għal għaxriet t’eluf.”

Bil-Grieg kojniks, jiġifieri 1.08 litri. Ara App. B14.

Dan kien munita Rumana tal-fidda li kienet tiswa daqs ġurnata paga. Ara App. B14.

Jiġifieri barley.

Jew “’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “l-erwieħ.”

Jew “Mulej Sovran.”

Probabbilment “suf tal-mogħoż.”

Jew “mil-Lvant.”

Letteralment “ilsien.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “tribulazzjoni kbira.”

Jew “jifrex it-tinda tiegħu fuqhom.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “lilu.” Bil-Grieg stilla hi fil-maskil.

Ifisser “Qerda.”

Ifisser “Wieħed li Jeqred.”

Jiġifieri 200,000,000.

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Letteralment “bħal sriep, u kellhom irjus.”

Letteralment “mix-xogħlijiet taʼ jdejhom.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “Issiġilla.”

Letteralment “jagħmillek żaqqek morra, imma f’ħalqek ikun ħelu bħall-għasel.”

Letteralment “l-ilsna.”

Jew “bastun li tkejjel bih.”

Letteralment “ilsna.”

Jew “l-ispirtu tal-ħajja.”

Aktarx “hu” jirreferi għal Alla.

Ara App. A5.

Letteralment “jibżgħu minn.”

Letteralment “sinjal.” Dan jirreferi għal ġrajja b’tifsir simboliku.

Letteralment “dijademi.”

Ifisser “Min Hu bħal Alla?”

Jew forsi “imma ġie megħlub,” jiġifieri d-dragun.

Jew “għal żmien u żminijiet u nofs żmien.”

Jew “nisilha.”

Jiġifieri d-dragun.

Letteralment “dijademi.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”

Letteralment “ilsien.”

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.

Jew forsi “Jekk xi ħadd għandu jinqatel bix-xabla.”

Letteralment “sinjali.”

Letteralment “in-nifs.”

Jew “hu n-numru tal-bnedmin.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “l-ewwel frott.”

Il-kelma bil-Grieg tirreferi għall-parti tas-sema fejn itiru l-għasafar.

Letteralment “l-ilsna.”

Letteralment “Ibżgħu minn.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Jew “Id-duħħan tal-ħabs tagħhom.”

Letteralment “imur dritt magħhom.”

Madwar 296 kilometru. Stejdjum kien daqs 185 metru. Ara App. B14.

Letteralment “sinjal.” Dan jirreferi għal ġrajja b’tifsir simboliku.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “id-deċiżjonijiet ġudizzjali.”

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”

Jew “mil-Lvant.”

Letteralment “spirti mhux nodfa.”

Letteralment “sinjali.”

Bil-Grieg Ħar Mageddon, minn terminu Ebrajk li jfisser “Muntanja taʼ Megiddo.”

Talent Grieg kien daqs 20.4 kilogrammi. Ara App. B14.

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dagħa.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.

Letteralment “għal siegħa.”

Letteralment “l-ilsna.”

Jew forsi “nifs; nifs ’il barra; messaġġ ispirat.”

Letteralment “mhux nadif.”

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “il-merkanti tal-art li jivvjaġġaw.”

Jew “għall-affarijiet kriminali.”

Ara App. A5.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “iħabbtu fuq sidirhom bin-niket.”

Jew “erwieħ tal-bnedmin.”

Jew “li kienet tixtieq ruħek.”

Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

Letteralment “li tibżgħu minnu.”

Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.

Ara App. A5.

Letteralment “dijademi.”

Jew forsi “mraxxin.”

Letteralment “is-sinjali.”

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Jew “l-erwieħ.”

Letteralment “maqtulin bil-mannara.”

Jew “ikkontrollati; ikunu l-ħabs.” Ara Ri 14:11 ntt.

Jew “Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Jew “Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”

Jew “żgur.”

Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.

Madwar 2,220 kilometru. Stejdjum kien daqs 185 metru. Ara App. B14.

Madwar 64 metru. Ara App. B14.

Ara App. A5.

Ara App. A5.

Jew “żgur.”

Ara App. A5.

Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.

Jiġifieri dawk li jagħmlu affarijiet diżgustanti f’għajnejn Alla.

Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

Letteralment “mill-għerq.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja