KAPITLU 45
X’Inhi s-Saltna t’Alla? Kif Nuru li Rriduha
TAFHA t-talba li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu?— Jekk ma tafhiex, nistgħu naqrawha flimkien mill-Bibbja, f’Mattew 6:9-13. Din it-talba, li ħafna jsejħulha lMissierna, fiha l-kliem: “Ħa tiġi saltnatek.” Taf x’inhi s-Saltna t’Alla?—
Sultan huwa l-ħakkiem taʼ pajjiż jew territorju. U l-gvern tiegħu jissejjaħ saltna. F’xi pajjiżi l-kap tal-gvern jissejjaħ il-president. X’jissejjaħ il-Ħakkiem tal-gvern t’Alla?— Is-Sultan. Għalhekk, il-gvern t’Alla jissejjaħ Saltna.
Taf lil min għażel Alla Ġeħova biex ikun Sultan tal-gvern Tiegħu?— Lil Ibnu, Ġesù Kristu. Ġesù għala huwa aħjar minn kull ħakkiem li jistgħu jagħżlu l-bnedmin?— Għax Ġesù verament iħobb lil Missieru, Ġeħova. Għalhekk hu dejjem jagħmel dak li hu sewwa.
Ħafna żmien qabel ma Ġesù twieled f’Betlehem, il-Bibbja tkellmet dwar it-twelid tiegħu u qalet li hu kellu jkun il-Ħakkiem magħżul minn Alla. Ejja naqraw dwar dan, f’Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW). Hemmhekk jgħid: “Tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh . . . Prinċep tas-sliem. Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qjies.”—Korsiv tagħna.
Taf għala l-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla hawnhekk jissejjaħ “Prinċep”?— Dan il-prinċep huwa l-iben taʼ sultan. U Ġesù hu l-Iben tas-Sultan il-Kbir, Ġeħova. Imma Ġeħova għamel ukoll lil Ġesù s-Sultan tal-gvern Tiegħu, li se jaħkem l-art għal elf sena. (Rivelazzjoni 20:6) Wara li Ġesù tgħammed, hu beda “jippriedka u jgħid: ‘Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet.’”—Mattew 4:17.
Għala, taħseb int, li Ġesù qal li s-Saltna kienet qorbot?— Għax is-Sultan, li iktar tard kien se jaħkem fis-sema, kien jinsab hemmhekk magħhom! Ġesù għalhekk qal lin-nies: “Is-saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” (Luqa 17:21) Ma tiħux pjaċir kieku jkollok lis-Sultan taʼ Ġeħova tant qribek li tkun tistaʼ anki tmissu?—
Mela għidli ftit, Ġesù liema xogħol importanti ġie biex jagħmel fuq l-art?— Ġesù wieġeb din il-mistoqsija meta qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Ġesù kien jaf li ma setax jagħmel l-ippridkar kollu waħdu. Allura, x’taħseb li għamel?—
Ġesù liema xogħol ġie jagħmel fuq l-art?
Ġesù ħa lil xi nies miegħu u wriehom kif jagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar. L-ewwel nies li għallem kienu t-12 li għażel bħala appostli. (Mattew 10:5, 7) Imma Ġesù lill-appostli tiegħu biss għallem biex jagħmlu dan ix-xogħol? Le, il-Bibbja tgħid li Ġesù għallem ukoll lil ħafna oħrajn kif jippridkaw. Maż-żmien, hu bagħat 70 dixxiplu ieħor qablu jippridkaw tnejn tnejn. U dawn x’għallmuhom lin-nies?— Ġesù qal: “Għidulhom, ‘Is-saltna t’Alla qorbot lejkom.’” (Luqa 10:9) B’dan il-mod in-nies tgħallmu dwar il-gvern t’Alla.
Ħafna żmien qabel f’Iżrael, is-slaten ġodda kienu jidħlu fil-belt rekbin fuq felu biex jidhru quddiem in-nies. Issa Ġesù hekk jagħmel meta jidħol Ġerusalemm għall-aħħar darba. Ġesù se jkun il-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla. Iriduh in-nies bħala Sultan?—
X’ħin jgħaddi fuq il-felu, ħafna min-nies jibdew jifirxu l-mantar tagħhom fit-triq qabel ma jgħaddi. Oħrajn jaqtgħu friegħi mis-siġar u jifirxuhom fit-triq. Billi jagħmlu dan huma juru li jixtiequ lil Ġesù bħala s-Sultan tagħhom. Huma jibdew jgħajtu: “Imbierek Dak li ġej bħala s-Sultan f’isem Ġeħova!” Imma mhux kulħadd jinsab ferħan. Fil-fatt, xi mexxejja reliġjużi saħansitra jgħidu lil Ġesù, ‘Sikket lid-dixxipli tiegħek.’—Luqa 19:28-40.
In-nies għala l-ewwel ikunu jridu lil Ġesù bħala Sultan u mbagħad ma jkunux iriduh?
Ħamest ijiem wara Ġesù jiġi arrestat u jittieħed f’palazz biex jidher quddiem il-gvernatur, Ponzju Pilatu. L-għedewwa taʼ Ġesù jgħidu li Ġesù qed jinsisti li hu sultan u li hu kontra l-gvern Ruman. Għalhekk Pilatu jistaqsi lil Ġesù dwar dan. Ġesù jurih li hu mhux qed jipprova jieħu l-gvern f’idejh. Lil Pilatu jgħidlu: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.”—Ġwanni 18:36.
Pilatu mbagħad joħroġ barra u jgħid lin-nies li hu ma sab xejn ħażin f’Ġesù. Imma issa n-nies ma jridux lil Ġesù bħala s-Sultan tagħhom. Ma jriduhx jiġi meħlus. (Ġwanni 18:37-40) Wara li jerġaʼ jitkellem maʼ Ġesù, Pilatu huwa ċert li hu m’għamel xejn ħażin. Għalhekk, fl-aħħar, wara li joħroġ lil Ġesù għall-aħħar darba, Pilatu jgħid: “Ara! Is-sultan tagħkom!” Imma n-nies jgħajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!”
Pilatu jistaqsi: “Insammar maʼ zokk lis-sultan tagħkom?” Il-qassisin ewlenin iwieġbu: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesari.” Tistaʼ timmaġina ftit? Dawk il-qassisin mill-agħar irnexxielhom idawru lin-nies kontra Ġesù!—Ġwanni 19:1-16.
Illum, is-sitwazzjoni tixbah ħafna lil taʼ dakinhar. Ħafna min-nies mhux veru jixtiequ lil Ġesù bħala sSultan tagħhom. Forsi jgħidu li jemmnu f’Alla, imma ma jridux lil Alla jew lil Kristu jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Huma jridu lill-gvernijiet tagħhom hawn fuq l-art.
U aħna? Meta nitgħallmu dwar is-Saltna t’Alla u laffarijiet sbieħ kollha li se tagħmel, kif inħossuna dwar Alla?— Inħobbuh, hux tassew?— Allura, kif nistgħu nuru lil Alla li aħna veru nħobbuh u li nixtiequ li s-Saltna tiegħu tmexxina?—
Ġesù għala tgħammed, u Alla kif wera li hu qabel maʼ din il-magħmudija?
Nistgħu nuru lil Alla kif inħossuna billi nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù. U Ġesù x’għamel biex juri li kien iħobb lil Ġeħova?— “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu,” spjega Ġesù. (Ġwanni 8:29) Iva, Ġesù ġie fuq l-art ‘biex jagħmel ir-rieda t’Alla’ u ‘biex itemm xogħlu.’ (Ebrej 10:7; Ġwanni 4:34) Ejja naraw x’għamel Ġesù qabel ma beda jippriedka.
Ġesù mar għand Ġwanni l-Battista ħdejn ix-Xmara Ġordan. Wara li mxew fl-ilma, Ġwanni għaddas lil Ġesù kollu kemm hu taħt l-ilma u mbagħad reġaʼ tellgħu. Taf għala Ġwanni għammed lil Ġesù?—
Fejn nistgħu nitkellmu m’oħrajn dwar is-Saltna t’Alla?
Ġesù talab lil Ġwanni biex jagħmel hekk. Imma kif nafu li Alla ried lil Ġesù jitgħammed?— Nafu dan għax meta Ġesù ħareġ mill-ilma, hu semaʼ leħen Alla jgħid mis-sema: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.” Alla saħansitra bagħat l-ispirtu qaddis tiegħu bħala ħamiema biex jinżel fuq Ġesù. Mela billi tgħammed, Ġesù wera li ried jaqdi lil Ġeħova ħajtu kollha, iva, għal dejjem.—Marku 1:9-11.
Issa int għadek qed tikber. Imma x’se tagħmel meta tikber ftit ieħor?— Se tkun bħal Ġesù u titgħammed?— Int għandek tagħmel bħalu, għax il-Bibbja tgħid li hu ħallielek ‘mudell biex timxi mill-qrib wara l-passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Meta fil-fatt titgħammed, tkun qed turi li int verament trid tkun immexxi mis-Saltna t’Alla. Imma m’huwiex biżżejjed li sempliċement tkun mgħammed.
Irridu nobdu l-affarijiet kollha li għallem Ġesù. Ġesù qal li ma rridux inkunu “parti mid-dinja.” Jekk nieħdu sehem f’affarijiet tad-dinja, inkunu qegħdin nobduh? Ġesù u l-appostli tiegħu ma ħadux sehem f’affarijiet bħal dawn. (Ġwanni 17:14) X’għamlu minflok?— Huma tkellmu maʼ nies oħra dwar is-Saltna t’Alla. Dan kien l-iktar xogħol importanti f’ħajjithom. Nistgħu nagħmlu hekk aħna wkoll?— Iva, u se nagħmlu hekk jekk verament inħossu dak li ngħidu meta nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla.
Jekk jogħġbok ara wkoll dawn l-iskritturi li jgħidulna x’nistgħu nagħmlu biex nuru li nixtiequ s-Saltna t’Alla tiġi: Mattew 6:24-33; 24:14; l-1 Ġwanni 2:15-17; u 5:3.