“Dawk Kollha fl-Oqbra tal-Mafkar”
TISTAʼ tkun żgur li l-biċċa l-kbira tal-mejtin se jerġgħu jgħixu? Iva, minħabba li Ġesù qal: “Tistagħġbux b’dan, għaliex ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Innota l-espressjoni “oqbra tal-mafkar,” li hija unika fin-New World Translation. Tfakkarna fl-importanza tal-memorja t’Alla fl-irxoxt.
Għala ma tintużax is-solita kelma “oqbra”? Għaliex Ġesù ma wżax il-plural tal-kelma Griega taʼphos, li tfisser “qabar” jew “art fejn jidfnu.” Tabilħaqq, mhux kulmin miet ġie midfun f’oqbra litterali, jew taʼphoi. Però, dawk li Alla se jġib lura fl-irxoxt qegħdin fil-memorja tiegħu. Dan huwa muri meta Ġesù uża l-forma plurali taʼ mne·mei’on, li hija konnessa mill-qrib mal-kelmiet Griegi li bażikament ifissru “li tiftakar.” (Mattew 16:9; Mark 8:18) Il-Greek-English Lexicon minn H. G. Liddell u R. Scott jittraduċi mne·mei’on bħala “mafkar, tifkira, rekord taʼ xi ħadd jew xi ħaġa, . . . qabar, . . . ġeneralment, monument.”
B’hekk, in-New World Translation tagħmel differenza bejn il-kelmiet taʼphos u mne·mei’on. Huwa taʼ min jinnota li ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw bl-istess mod żewġ espressjonijiet differenti f’Mattew 23:29 fejn jidhru ż-żewġ termini Griegi. Ir-Revised Standard Version tagħtihom b’dan il-mod: “Intom tibnu l-oqbra [forma taʼ taʼphos] tal-profeti u żżejnu l-monumenti [forma taʼ mne·mei’on] tat-tajbin.”
Il-Ħallieq tal-bniedem ma jinsiex il-mudelli taʼ ħajja tal-eluf taʼ persuni li diġà għexu. (Salm 139:16; 147:4; Mattew 10:30) Fiż-żmien maħtur tiegħu, hu se jiftakar lil dawk fl-“oqbra tal-mafkar” u jġibhom lura għall-ħajja fuq art imnaddfa. Kemm jinkuraġġina u jfarraġna li nafu li l-memorja perfetta t’Alla ma tistax tfalli!—Rivelazzjoni 20:1l-13.