Il-Wegħdi taʼ Min Tistaʼ Tafda?
FIS-SENA 1893 grupp taʼ 74 kummentatur soċjali ltaqgħu fil-Fiera Dinjija taʼ Chicago biex jiddiskutu l-futur. (Il-post huwa muri hawn fuq.) Billi ħarsu 100 sena ’l quddiem lejn l-1993, huma għamlu dawn it-tbassiriet li ġejjin fost oħrajn: “Ħafna nies mistennijin jgħixu 150 sena.” “Il-ħabsijiet se jonqsu u d-divorzju se jiġi kkunsidrat bħala li mhux neċessarju.” “Il-gvernijiet se jkunu iżjed sempliċi, minħabba li l-veru kobor dejjem għandu tendenza lejn is-sempliċità.”
B’mod simili, fl-1967 ktieb intitolat The Year 2000 bassar: “Sas-sena 2000, il-kompjuters ikunu kważi daqs, jimitaw, jew jgħaddu lil xi wħud mill-abbiltajiet intellettwali ‘bħal tal-bniedem,’ forsi inklużi xi wħud mill-kapaċitajiet kreattivi u estetiċi tiegħu.” “L-idea taʼ robots bi prezzijiet moderati li jagħmlu ħafna mill-faċendi tad-dar . . . tidher raġonevoli ferm sas-sena 2000.”
In-nuqqas t’abbiltà taʼ l-umanità li tara bil-quddiem avvenimenti futuri jikkuntrasta b’mod li jispikka maʼ l-abbiltà t’Alla. Per eżempju, qabbel it-tbassir li għadu kif issemma maʼ dak li l-Bibbja bassret kważi 20 seklu ilu rigward żmienna: “Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus, faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.”—2 Timotju 3:1-5.
Din il-profezija tal-Bibbja dwar “l-aħħar tad-dinja” hija biss waħda mill-ħafna li ġew imwettqin fi żmienna. Il-Kelma t’Alla bassret li “s-sinjal” tal-preżenza taʼ Ġesù kellu jinkludi gwerer dinjin, nuqqas t’ikel, pestilenzi, terremoti, u l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla madwar id-dinja kollha.—Mattew 24:3-14; Luqa 21:11.
L-eżattezza li ma tistax tiżbalja tal-wegħdi t’Alla qanqlet lil wieħed kittieb tal-Bibbja biex jiddikjara sekli ilu: “Ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-xejn!”—Ġożwè 23:14.
Iva, nistgħu nibqgħu ċerti li l-wegħdi kollha t’Alla dalwaqt se jiġu mwettqin. Is-Saltna t’Alla se ġġib tmiem għall-mard, għall-kriminalità, għad-dipendenza fuq id-drogi, għall-ġuħ, u għall-gwerer—id-dinja kollha se tkun ġenna. (Salm 37:10, 11, 29; Apokalissi 21:3, 4) Int tistaʼ tafda fuq it-twettiq taʼ din il-profezija! Din ġejja mingħand il-Ħallieq tagħna, “li ma jigdibx.”—Titu 1:2; qabbel Lhud 6:13-19. (w97 9/15)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 32]
Arkivju taʼ Cleveland State University