Paċi Dinjija—Minn Liema Sors?
TISTAʼ l-paċi dinjija tinġieb bil-globalizzazzjoni taʼ l-edukazzjoni u r-reliġjon? Din hija l-ħolma taʼ Dr. Robert Muller, li kien assistent segretarju-ġenerali tal-Ġnus Magħquda u li ngħata l-Premju UNESCO fl-1989 għall-Edukazzjoni fil-Paċi. Bħalma ġie rrapportat fil-ġurnal The Vancouver Sun, Dr. Muller “konvint li l-istudenti kollha taʼ madwar il-globu għandhom jiġu mgħallmin sett ċentrali taʼ fatti u valuri dwar il-pjaneta, l-umanità, u n-non-vjolenza.” Hu jemmen li xi darba għad ikun hawn żmien meta madwar id-dinja l-istituzzjonijiet kollha għat-tagħlim jgħallmu lit-tfal li l-ĠM hija l-aqwa tama għal paċi. Jemmen ukoll li “r-reliġjonijiet dinjin kollha għandhom isiru membri taʼ organizzazzjoni ġdida li tixbah lill-ĠM msejħa r-Reliġjonijiet Magħquda,” irrapportat is-Sun. Imbagħad “it-tagħlim reliġjuż kollu jippromwovi n-non-vjolenza.”
Il-paċi dinjija qatt se ssir realtà? Ibqaʼ fiċ-ċert li se ssir! Imma mhux permezz taʼ xi aġenzija umana. Iktar minn 2,700 sena ilu, kittieb imnebbaħ identifika s-sors superjuri t’edukazzjoni għall-paċi meta bil-quddiem qal li nies taʼ qalb twajba se “jitgħallmu mingħand il-Mulej,” u s-sliem tagħhom se jkun “kbir.”—Isaija 54:13, Saydon.
Alla hu dak “li jagħti l-paċi,” tgħid il-Bibbja. (Rumani 16:20, NW) Saħansitra issa għaddej programm meraviljuż t’edukazzjoni globali hekk kif Jehovah qed jistruwixxi lill-poplu tiegħu biex “ifittex is-sliem u jqis li jiksbu,” biex in-nies “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet . . . u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”—1 Pietru 3:11; Isaija 2:2-4.
Qima msejsa fuq il-verità, ħielsa mill-ipokresija u l-ingann, hija approvata u mbierka minn Alla. (Mattew 15:7-9; Ġwann 4:23, 24) Il-qima vera biss, f’armonija sħiħa mal-Kelma t’Alla, tistaʼ tipproduċi nies li jgħixu fil-paċi u fl-unità u li għandhom imħabba ġenwina għal xulxin.—Ġwann 13:35.
Biex titgħallem iktar dwar xi tgħid il-Kelma t’Alla rigward il-paċi dinjija, nistidnuk tikkuntattja lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.