Il-Ħaġa Moħġaġa fil-Bibbja Kif Inhi Relatata maʼ l-Iskop t’Alla?
META ma tkunx taf x’inhi, allura tkun xi ħaġa; imma meta tkun taf x’inhi, allura ma tkun xejn. Din x’taħbat? Ħaġa moħġaġa.
Fis-soċjetà tant prattika tal-lum, in-nies għandhom it-tendenza li jqisu l-ifformar taʼ ħaġa moħġaġa, jew xarada, bħala logħob tat-tfal, imma fl-antik il-ħaġa moħġaġa “kienet test taʼ l-għerf,” josserva The Interpreter’s Dictionary of the Bible.—Qabbel Proverbji 1:5, 6.
Minflok ma stqarr ir-rieda jew l-iskop tiegħu ċar u tond, xi drabi Jehovah għal t’apposta oskura l-qwiel profetiċi tiegħu, billi uża analoġiji, “qwiel oskuri” li joħolqu element taʼ misteru, jew xi ħaġa moħġaġa li tikkonfondik. (Salm 78:2, King James Version; Numri 12:8, The Emphasized Bible) Fil-fatt, filwaqt li l-kelma Ebrajka għal ħaġa moħġaġa hija wżata 17-il darba biss fil-Bibbja, l-Iskrittura hija letteralment ippakkjata bihom, kif ukoll bil-proverbji.
Kwantità Kbira fil-Bibbja
Jingħad li s-Sultan Salamun kien kapaċi jsolvi saħansitra l-iktar mistoqsija, jew ħaġa moħġaġa, diffiċli li kienu jġibulu. (1 Slaten 10:1, ara n-nota taʼ taħt fin-NW.) Dan ċertament li kien riżultat taʼ għerf mogħti minn Alla. Jekk hemm xi verità fir-rapporti taʼ storjografi tal-qedem li jgħidu li darba Salamun tilef kompetizzjoni tax-xaradi li għamel mas-Sultan Ħiram taʼ Tir, x’aktarx li dan ġara wara li tilef l-ispirtu taʼ Jehovah bħala riżultat taʼ l-apostasija tiegħu. L-imħallef Sansun ukoll kien iħobb jivvinta x-xaradi. Darba minnhom, bl-għajnuna tal-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis, permezz taʼ ħaġa moħġaġa rnexxielu jnissel il-biżaʼ f’qalb l-għedewwa t’Alla.—Imħallfin 14:12-19.
Iżda ħafna drabi, il-ħaġa moħġaġa fil-Bibbja hija relatata direttament maʼ l-iskopijiet taʼ Jehovah. Per eżempju, ikkunsidra Ġenesi 3:15. Din il-profezija, li hija l-bażi tat-tema tal-Bibbja, fiha nfisha hija speċi taʼ enigma, “misteru [“sigriet sagru,” NW].” (Rumani 16:25, 26) Minbarra li ngħata viżjonijiet u rivelazzjonijiet soprannaturali, l-appostlu Pawlu ra wkoll ċerti aspetti taʼ l-iskopijiet t’Alla ‘mċajprin,’ jew letteralment, “espressjoni oskura.” (1 Korintin 13:12; 2 Korintin 12:1-4) U xi ngħidu għall-ispekulazzjoni li ma tispiċċa qatt dwar in-numru misterjuż tal-bhima salvaġġa—“sitt mija u sitta u sittin”—li jiġi introdott f’daqqa waħda u mingħajr ebda spjegazzjoni f’Apokalissi 13:18? Min hu kapaċi jsolvi xi waħda minn dawn ix-xaradi, u dawn liema skop jaqdu?
Inħollu s-Sigrieti Sagri
Għal ħafna minna, il-vista hija l-iktar sens prezzjuż li għandna. Imma mingħajr id-dawl, kważi kważi jkun għalxejn li nippossiedu l-kapaċità li naraw. Tistaʼ tgħid li nkunu għomja. L-istess jiġri fil-każ tal-moħħ tal-bniedem. Dan għandu kapaċità taʼ l-għaġeb li jqabbel il-karatteristiċi, juża l-loġika, u b’hekk isolvi affarijiet taʼ taħbil il-moħħ. Madankollu, jeħtieġ xi ħaġa oħra biex inħollu s-sigrieti sagri. Filwaqt li oħrajn għandhom mnejn joffru soluzzjoni għal xi ħaġa moħġaġa preżentata fil-Bibbja, l-Awtur tagħhom biss, Jehovah, dak Alla li jagħti d-dawl, jistaʼ jirrivela x’ried ifisser bihom.—1 Ġwann 1:5.
Sfortunatament, il-bnedmin taʼ spiss ikunu kburin u indipendenti wisq biex jistrieħu fuq Jehovah għat-tweġibiet. Imbagħad hemm dawk li, affaxxinati bil-misteru, fit-tfittxija tagħhom għal xi ħaġa li tistimulahom intellettwalment imma mhux neċessarjament għall-verità, fittxew soluzzjonijiet barra mill-Kelma t’Alla. Per eżempju, il-mistiċiżmu tal-Lhud kif espress fil-Kabala kkontempla s-sinjifikat maġiku tan-numri u l-ittri taʼ l-alfabet Ebrajk. Mill-banda l-oħra, l-Injostiċi tat-tieni seklu wżaw l-Iskrittura Ebrajka u dik Griega biex jipprovaw jisiltu tifsiriet sigrieti minnhom.
Madankollu, dan it-tiftix kollu kompla jgħarraqhom iktar f’riti jew superstizzjonijiet pagani u jressaqhom ’il bogħod mill-verità divina. ‘Jekk id-dinja hi mimlija bil-ħażen,’ kienu jirraġunaw l-Injostiċi, ‘allura l-Ħallieq tagħha, Jaħweh, ma jistax ikun li hu Alla tajjeb.’ Hija din l-aħjar konklużjoni li setgħu joffru? Kemm hu veru li l-bnedmin jaraw biss sa mneħirhom! Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu, biex jiġġieled l-ideat apostati li iktar tard ġew żviluppati mis-setet Injostiċi, ta twissijiet qawwijin bħal din fl-ittri tiegħu: “Tmorrux lil hinn mill-affarijiet li huma miktubin”!—1 Korintin 4:6, NW.
Dawl fuq il-“Qwiel Oskuri”
Madankollu, dak Alla li jagħti d-dawl għala għandu jitkellem bi “qwiel oskuri”? Il-mod innifsu taʼ kif inhi fformata ħaġa moħġaġa huwa taʼ sfida għall-immaġinazzjoni u l-kapaċitajiet taʼ raġunar tagħna. Għalhekk, imferrxin fl-Iskrittura bħal tiżjin delizzjuż f’ikla mill-itjeb, dawn xi drabi ntużaw sempliċement biex iqajmu l-interess taʼ l-udjenza jew biex jagħmlu l-messaġġ li jkun qed jiġi mwassal iktar ħaj. F’każi bħal dawn, normalment tingħata spjegazzjoni eżatt wara.—Eżekjel 17:1-18; Mattew 18:23-35.
Jehovah jagħti l-għerf b’mod ġeneruż imma mhux lil kulħadd. (Ġakbu 1:5-8) Ikkunsidra l-ktieb taʼ Proverbji, kollezzjoni ispirata taʼ ħafna qwiel taʼ taħbil il-moħħ li xi wħud għandhom mnejn iqisuhom bħala xaradi. Biex nifhmuhom irridu ħafna ħin u meditazzjoni. Imma kemm nies huma lesti li jagħmlu dan l-isforz? L-għerf li fihom dawn il-qwiel huwa aċċessibbli biss għal dawk li huma lesti li jħaffru għalih.—Proverbji 2:1-5.
B’mod simili, Ġesù uża t-tixbihat biex jikxef l-attitudni taʼ qalb dawk li kienu jisimgħuh. Ġemgħat kbar taʼ nies kienu jiffollaw madwaru. Kienu jieħdu pjaċir bl-istejjer tiegħu. Kienu jogħġbuhom il-mirakli li kien jagħmel. Madankollu, kemm minnhom kienu lesti li jbiddlu l-istil taʼ ħajjithom u jsegwuh? X’kuntrast mad-dixxipli taʼ Ġesù, li ripetutament kienu jipprovaw jifhmu t-tagħlim taʼ Ġesù u minn jeddhom ċaħdu lilhom infushom biex isiru s-segwaċi tiegħu!—Mattew 13:10-23, 34, 35; 16:24; Ġwann 16:25, 29.
Induru lejn id-Dawl
“L-interess fix-xaradi,” josserva sors wieħed, “mid-dehra ħabat fl-istess żmien taʼ perijodi taʼ qawmien intellettwali.” Illum aħna għandna privileġġ tassew kbir li qed ngħixu fi żmien meta ‘feġġ id-dawl’ għall-poplu t’Alla. (Salm 97:11; Danjel 12:4, 9) Kapaċi aħna nistennew bil-paċenzja sakemm Jehovah jirrivela l-iskopijiet tiegħu skond l-iskeda tiegħu? Iktar importanti minn hekk, naġixxu aħna fil-pront biex inbiddlu ħajjitna meta nsiru nafu kif għandna nikkonformaw iktar bis-sħiħ mar-rieda rivelata t’Alla? (Salm 1:1-3; Ġakbu 1:22-25) Jekk nagħmlu hekk, Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna sabiex b’hekk, l-istess bħalma nuċċali jirranġa vista mċajpra, l-ispirtu qaddis iġibilna l-istampa sabiħa taʼ l-iskop divin kollha kemm hi ċara f’moħħna, u jkollna vista spiritwali iktar eżatta.—1 Korintin 2:7, 9, 10.
Tabilħaqq, il-ħaġa moħġaġa fil-Bibbja tfaħħar bil-kbir lil Jehovah bħala Dak li “jikxef il-misteri.” (Danjel 2:28, 29) Iktar minn hekk, hu Wieħed li “jistħarreġ il-qlub.” (1 Kronaki 28:9) M’għandniex nissorprendu ruħna meta nsiru nafu li l-kxif tad-dawl tal-verità divina dejjem kien progressiv. (Proverbji 4:18; Rumani 16:25, 26) Minflok ma nfittxu l-għarfien taʼ l-affarijiet profondi t’Alla permezz tal-mistiċiżmu jew taʼ l-għerf dgħajjef tal-bnedmin li ma jwassluna mkien, ejja bil-fiduċja kollha nduru lejn Alla Jehovah biex jitfaʼ d-dawl tal-verità fuq il-“qwiel oskuri” tiegħu, billi jgħarraf l-iskopijiet taʼ l-għaġeb li għandu lill-qaddejja leali tiegħu fiż-żmien imwaqqat.—Għamos 3:7; Mattew 24:25-27.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 26]
Biblia Hebraica Stuttgartensia, Deutsche Bibelgesellschaft Stuttgart