Il-Kelma “Kristjan” Qed Titlef it-Tifsir Tagħha?
X’IFISSER li tkun Kristjan? Kieku xi ħadd kellu jistaqsik, int kif twieġeb? Din il-mistoqsija saret lil diversi persuni minn pajjiżi differenti, u dawn huma xi wħud mir-risposti li taw:
“Li ssegwi lil Ġesù u tipprova timitah.”
“Li tgħix tajjeb u tagħmel karità m’oħrajn.”
“Li taċċetta lil Ġesù bħala l-Mulej u s-Salvatur tiegħek.”
“Li tmur il-Quddies, tgħid ir-Rużarju, u tirċievi l-Ewkaristija.”
“Ma nemminx li trid tmur il-knisja biex tkun Kristjan.”
Saħansitra d-dizzjunarji jagħtu lista sħiħa taʼ tifsiriet, li tħallik xi ftit jew wisq konfuż. Fil-fatt, dizzjunarju wieħed għandu għaxar tifsiriet taħt il-kelma “Kristjan,” li jvarjaw minn “li temmen fi jew tkun tappartjeni lir-reliġjon taʼ Ġesù Kristu” għal “bniedem onest jew taʼ l-affari tiegħu.” B’hekk, m’hijiex ħaġa kbira li ħafna jsibuha diffiċli li jispjegaw x’ifisser li tkun Kristjan.
Kollox Sar Jgħaddi
Illum, fost dawk li jgħidu li huma Kristjani—saħansitra fost nies li jpoġġu ħdejn xulxin fuq l-istess bank fil-knisja—tistaʼ ssib ħafna opinjonijiet differenti dwar kwistjonijiet bħal jekk il-Bibbja hijiex ispirata minn Alla, jekk il-bniedem ġiex bl-evoluzzjoni, jekk il-knisja għandhiex tindaħal fil-politika, u kif wieħed għandu jitkellem dwar il-fidi tiegħu m’oħrajn. Taʼ spiss, iqumu kontroversji kbar dwar kwistjonijiet morali fuq suġġetti bħalma huma l-abort, l-omosesswalità, u jekk tnejn jistgħux jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin. Bla dubju taʼ xejn, daħlet il-moda li biex jissolvew kwistjonijiet bħal dawn, ma jibqgħux daqshekk stretti dwar il-limiti taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Per eżempju, dan l-aħħar, tribunal taʼ knisja Protestanta vvota favur id-dritt li knisja tistaʼ “taħtar ministru li jipprattika l-omosesswalità apertament bħala membru tal-bord amministrattiv tagħha,” jirrapporta l-ġurnal Christian Century. Ċerti teoloġi saħansitra ħarġu bl-opinjoni li m’huwiex essenzjali li wieħed ikollu fidi f’Ġesù biex jikseb is-salvazzjoni. Huma jemmnu li l-Lhud, il-Musulmani, u oħrajn “jistaʼ jkollhom ċans jitilgħu s-sema [daqs kemm għandhom il-Kristjani],” jgħid rapport f’The New York Times.
Immaġina, jekk jirnexxilek, wieħed Marxist li jinkuraġġixxi l-kapitaliżmu, jew xi ħadd favur id-demokrazija li javanza l-interessi tad-dittatorjat, jew ambjentalista li jappoġġa t-tqaċċit tas-siġar tal-foresti. “Xi ħadd hekk ma jistax ikun Marxist jew bniedem favur id-demokrazija jew ambjentalista,” tgħid int—u jkollok mitt raġun. Madankollu, meta toqgħod tqis kemm ivarjaw l-opinjonijiet taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani fi żmienna, tara li t-twemmin tagħhom hu assolutament l-oppost taʼ xulxin u li taʼ spiss ikun jikkontradixxi t-tagħlim tal-Fundatur tal-Kristjanità, Ġesù Kristu. Dan x’jindika dwar it-tip taʼ Kristjanità li jipprattikaw?—1 Korintin 1:10.
It-tendenza li l-bniedem jibdel it-tagħlim Kristjan biex jiġi jaqbel maʼ l-ideat taʼ żmienu għandha storja twila, bħalma se naraw. Kif iħossuhom Alla u Ġesù Kristu dwar bidliet bħal dawn? Jistgħu dawk il-knejjes li jipproponu u jappoġġaw tagħlim li ma jkunx ġej minn Kristu jissejħu Kristjani? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-artiklu li jmiss.