Speċjalista taʼ l-Għajnejn Jiżraʼ Żerriegħa
X’għandhom x’jaqsmu l-isforzi taʼ wieħed speċjalista taʼ l-għajnejn fil-belt taʼ Lviv, fl-Ukraina, mat-twaqqif taʼ kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah bl-ilsien Russu ġewwa l-belt taʼ Ħajfa, fl-Iżrael, li tinsab madwar 2,000 kilometru u diversi pajjiżi ’l bogħod? Din hija storja li turi kemm hi minnha l-istqarrija tal-Bibbja li nsibu f’Koħèlet 11:6: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet.”
L-ISTORJA tagħna tibda fl-1990 meta Ella, żagħżugħa taʼ nisel Lhudi, kienet għadha tgħix fi Lviv. Ella u l-familja tagħha kienu qegħdin iħejju biex jemigraw lejn l-Iżrael. Ftit qabel it-tluq tagħhom, Ella kellha appuntament maʼ speċjalista taʼ l-għajnejn li nzerta kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. F’dak iż-żmien ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah kien projbit fl-Ukraina. L-ispeċjalista xorta waħda ħa l-inizjattiva biex jaqsam maʼ Ella t-twemmin tiegħu bbażat fuq il-Bibbja. Issorprendiet ruħha meta qalilha li Alla għandu isem persunali. Din il-ħaġa qajmitilha l-kurżità u minn hemmhekk bdew diskussjoni sabiħa fuq il-Bibbja.
Ella tant ħadet pjaċir bid-diskussjoni li talbitu jkomplu jiddiskutu l-ġimgħa taʼ wara, u jerġaʼ l-ġimgħa taʼ wara dik. L-interess tagħha kien qed jikber, imma kien hemm problema. Iż-żmien biex jitilqu lejn l-Iżrael kien qed joqrob bil-ħeffa. Ella kien għad fadlilha tant x’titgħallem! Biex tibbenefika bis-sħiħ miż-żmien li kien għad baqaʼ, talbet li jkollha studju tal-Bibbja kuljum sakemm tiġi biex issiefer. Għalkemm Ella ma komplietx l-istudju mill-ewwel malli waslet l-Iżrael, iż-żerriegħa tal-verità kienet rabbiet l-għeruq f’qalbha. Sa tmiem is-sena kienet reġgħet bdiet tistudja l-Bibbja bil-ħrara.
Faqqgħet il-gwerra fil-Golf Persjan, u l-Iżrael beda jiġi attakkat bil-missili mill-Iraq. Din kienet xi ħaġa fuq fomm kulħadd. Darba minnhom, waqt li kienet qed tixtri, Ella semgħet familja taʼ immigranti ġodda jitkellmu bir-Russu. Għalkemm hi stess kienet għadha qed tistudja l-Bibbja, Ella resqet lejhom u qasmet magħhom dak li twiegħed il-Bibbja dwar dinja taʼ paċi. B’hekk, in-nanna Galina, l-omm Natasha, l-iben Sasha (Ariel), u l-bint Ilana lkoll bdew jattendu għall-istudju tal-Bibbja maʼ Ella.
Minkejja ħafna diffikultajiet, Sasha kien l-ewwel membru tal-familja li wasal biex tgħammed. Għalkemm kien student li ddistingwa ruħu, tkeċċa mill-iskola minħabba l-fatt li l-kuxjenza Kristjana tiegħu ma ħallitux jieħu sehem f’taħriġ bi tħejjija għall-militar, li hu parti obbligatorja mill-kurrikulu taʼ l-iskola. (Isaija 2:2-4) Il-każ taʼ Sasha spiċċa quddiem il-Qorti Suprema f’Ġerusalemm, li bix-xieraq ordnat li Sasha kellu jerġaʼ jiġi aċċettat lura l-iskola biex itemm l-istudji tiegħu. Il-każ ngħata pubbliċità kbira mal-pajjiż kollu. B’hekk, bosta nies fl-Iżrael saru jafu dwar it-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah.a
Wara li temm l-iskola sekondarja, Sasha ntefaʼ full-time fix-xogħol tal-ministeru tax-Xhieda taʼ Jehovah. Illum qed jaqdi bħala pijunier speċjali u anzjan fil-kongregazzjoni. Oħtu ż-żgħira Ilana ngħaqdet miegħu fix-xogħol full-time. Kemm ommhom u kemm nannithom huma Xhieda mgħammdin. Iż-żerriegħa li kien żeraʼ dak l-ispeċjalista taʼ l-għajnejn kienet għadha qed tagħti l-frott!
Sadanittant, Ella kompliet tagħmel progress spiritwali u ma damitx ma bdiet tippriedka minn dar għal dar. Fl-ewwel bieb li ħabbtet, Ella ltaqgħet maʼ Faina li ma kinitx ilha li waslet mill-Ukraina. Faina kienet qed tbati minn dipressjoni. Iktar tard Ella saret taf li ftit qabel ma ħabbtet il-bieb taʼ Faina, dik il-mara mnikkta kienet talbet ’l Alla: “Ma nafx min int, imma jekk qed tismagħni, għinni.” Hi u Ella kellhom diskussjoni mqanqla. Faina staqsiet ħafna mistoqsijiet u t-tweġibiet li ngħatat qisithom bir-reqqa. Maż-żmien ikkonvinċiet ruħha li x-Xhieda taʼ Jehovah qed jgħallmu l-verità mill-Bibbja. Irranġat il-programm taʼ studji tagħha fl-università biex tkun tistaʼ tqattaʼ iktar ħin mal-kongregazzjoni u fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u f’Mejju taʼ l-1994 Faina tgħammdet. Hi wkoll bdiet taqdi bħala pijuniera, u biex tmantni lilha nfisha sabet impjieg part-time fil-qasam tal-kompjuters.
F’Novembru taʼ l-1994, waqt li kienet fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar, Ella f’daqqa waħda xejn ma ħassitha f’sikkitha. Marret l-isptar fejn, wara li sarulha xi testijiet, saret taf li kellha ulċera fl-imsaren li kienet qed tnixxi d-demm. Sa fil-għaxija l-livell taʼ l-emoglobina kien niżel għal 7.2. Wieħed mill-anzjani fil-kongregazzjoni taʼ Ella, li hu ċ-chairman tal-Hospital Liaison Committee (HLC) tal-lokal, ta tagħrif lit-tobba dwar għadd taʼ proċeduri mediċi li ma kinux jeħtieġu l-użu tad-demm.b L-operazzjoni kienet suċċess mingħajr l-użu tad-demm, u Ella fieqet għalkollox.—Atti 15:28, 29.
Karl, il-ġinekologu Ġermaniż taʼ nisel Lhudi li kkura lil Ella, baqaʼ impressjonat ferm. Imbagħad ftakar li l-ġenituri tiegħu, li kienu baqgħu ħajjin wara l-Olokawst, kienu jafu lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-kampijiet tal-konċentrament. Karl staqsa ħafna mistoqsijiet u, għalkemm kien okkupat ferm bix-xogħol tiegħu bħala tabib, sab il-ħin għal studju regulari tal-Bibbja. Sas-sena taʼ wara kien beda jattendi l-laqgħat Kristjani taʼ kull ġimgħa.
X’irriżulta miż-żerriegħa li nżergħet mill-ispeċjalista taʼ l-għajnejn? Diġà rajna x’ġara fil-każ taʼ Sasha u l-familja tiegħu. Rigward Ella, din issa qed taqdi fil-ministeru bħala pijuniera speċjali. Bintha Eina, li għadha kif temmet l-iskola sekondarja, qabdet hija wkoll il-karriera bħala pijuniera. Faina wkoll qed taqdi bħala pijuniera speċjali. U xi ngħidu dwar Karl, il-ġinekologu taʼ Ella? Dan illum huwa Xhud mgħammed u qed jaqdi bħala qaddej ministerjali. Mal-pazjenti tiegħu u m’oħrajn qed jaqsam il-qawwa li tfejjaq tal-verità mill-Bibbja.
Il-grupp żgħir taʼ immigranti li jitkellmu bir-Russu li nbeda bħala parti mill-Kongregazzjoni Ebrajka taʼ Ħajfa issa kiber u sar kongregazzjoni Russa żeluża b’iktar minn 120 pubblikatur tas-Saltna. Parti minn din iż-żjieda seħħet bis-saħħa tal-fatt li wieħed speċjalista taʼ l-għajnejn fi Lviv ħa l-opportunità biex jiżraʼ żerriegħa!
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji, ara l-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Novembru, 1994, paġni 12-15.
b L-HLCs jirrappreżentaw lix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha billi jgħinu biex ikun hemm komunikazzjoni tajba bejn il-pazjent u n-nies li jaħdmu fl-isptar. Huma jipprovdu wkoll tagħrif dwar kura medika alternattiva bbażata fuq l-iktar riċerka medika reċenti.
[Mappa f’paġna 29]
UKRAINA
IŻRAEL
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampi f’paġna 30]
Ella u bintha, Eina
[Stampa f’paġna 31]
Grupp hieni taʼ Xhieda f’Ħajfa li jitkellmu bir-Russu. Mix-xellug għal-lemin: Sasha, Ilana, Natasha, Galina, Faina, Ella, Eina, u Karl