Il-Ġlieda Kontra l-Faqar Battalja Mitlufa?
IT-TURISTI li jżuru l-kwartieri ġenerali tal-Ġnus Magħquda fil-Belt taʼ New York imorru jaraw il-Kamra tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali. Fis-saqaf tal-gallerija pubblika jistgħu jaraw pajpijiet u katusi mikxufin. Il-gwida turistika tispjega: “Dan is-saqaf li baqaʼ ma tlestiex, jitqies b’mod ġenerali bħala tfakkira simbolika li x-xogħol ekonomiku u soċjali tal-Ġnus Magħquda ma jispiċċa qatt; dejjem hemm iktar x’isir biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom in-nies tad-dinja.”
Għalkemm il-Kunsill jaħdem iebes biex iwettaq l-impenn siewi tiegħu, li jinkuraġġixxi livell ogħla t’għajxien għal kulħadd, donnu li din il-biċċa xogħol m’hi se tispiċċa qatt. Taʼ interess, matul il-ministeru tiegħu fuq l-art fl-ewwel seklu E.K., Ġesù Kristu qal: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni . . . nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.” (Luqa 4:18) X’kienet din il-“bxara t-tajba” li wassal? Il-messaġġ dwar is-Saltna li Alla Jehovah, li hu “kenn għall-fqir fid-dwejjaq tiegħu,” se jwaqqaf b’Ġesù Kristu bħala s-Sultan tagħha. X’se twettaq din is-Saltna? Isaija pprofetizza: “Jagħmel il-Mulej taʼ l-eżerċti għall-popli kollha . . . mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini. Jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:4-6, 8.
Tixtieq issir taf iktar dwar kif is-Saltna t’Alla se ‘ttejjeb il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom in-nies tad-dinja,’ sabiex ma jkunx hemm iktar min ikun fil-bżonn? Ara hawn taħt biex tara kif jistaʼ jkollok għalliem kwalifikat li jiġi jżurek biex jurik iktar x’tgħid il-Bibbja fuq kwistjonijiet bħal dawn.