“Kemm Hi Verament Qawwija l-Kelma t’Alla!”
“IL-KELMA taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Permezz tas-sitt stejjer li ġraw veru u li nġabru minn madwar id-dinja, it-2003 Calendar of Jehovah’s Witnesses jagħti xiehda tal-qawwa irreżistibbli li għandha l-Kelma t’Alla. Taħt it-titlu “Qabel u Wara,” il-kalendarju wera kif ix-xogħol edukattiv tax-Xhieda taʼ Jehovah jgħin lin-nies itejbu l-morali tagħhom, jabbandunaw stili taʼ ħajja li huma taʼ ħsara, isaħħu l-ħajja tal-familja, u jikkultivaw relazzjoni persunali m’Alla.
Intbagħtu diversi ittri t’apprezzament dwar il-kalendarju taʼ l-2003. Dawn huma xi ftit mill-kummenti:
“Għall-Kristjani veri, dan il-kalendarju jagħti prova li hawn oħrajn li bħalhom kellhom ġlieda iebsa għall-fidi. Issa jistgħu jħarsu lejn ir-ritratti taʼ wħud li għamlu bidliet u jżommuhom bħala tfakkira.”—Steven, mill-Istati Uniti.
“Verament xtaqt nikteb dawn il-ftit kelmiet biex nurikom kemm messli qalbi l-kalendarju taʼ l-2003. Lanqas qatt ma kien hemm kalendarju li għamel daqshekk impatt fuqi. Dawn ir-rakkonti se jkunu parti mill-affarijiet li se nibda nġorr fil-basket meta noħroġ nippriedka sabiex lin-nies inkun nistaʼ nurihom prova ħajja u impressjonanti taʼ kemm il-Bibbja tistaʼ tinfluwenza lill-individwi.”—Marc, mill-Belġju.
“Dan il-kalendarju verament qanqalni. Meta qrajt u rajt kif Jehovah irnexxielu jbiddel lil dawn l-individwi kont tant emozzjonata. Minħabba f’hekk, komplejt nitħeġġeġ biex inkompli nagħmel bidliet f’ħajti. Issa iktar minn qatt qabel, inħossni parti mill-fratellanza tagħna taʼ madwar id-dinja.”—Mary, mill-Istati Uniti.
“Ġesù kien imqanqal profondament meta ra l-istat spiritwali mwiegħer li l-folol kienu jinsabu fih. Grazzi talli imitajtu l-eżempju taʼ Kristu billi ppubblikajtu r-rakkonti li dehru fil-kalendarju tagħna taʼ l-2003. Qatt qabel f’ħajti ma kien hemm kalendarju li tant qanqalni li qabiżli d-dmugħ.”—Cassandra, mill-Istati Uniti.
“Meta kelli 11-il sena, bdejt inpejjep; iktar tard kont nieħu d-drogi. Spiss kont naħseb biex intemm ħajti. Meta sirt naf lil Jehovah, ġejt megħjuna biex naqtaʼ dawn il-vizzji. Dan il-kalendarju hu verament importanti għalija. L-eżempji taʼ ħuti rġiel u nisa minn madwar id-dinja jsaħħuni. Issa naf li m’iniex waħdi f’din il-ġlieda u li l-iktar ħaġa importanti hi l-imħabba għal Jehovah u s-servizz tiegħi mill-qalb għalih.”—Margaret, mill-Polonja.
“Kemm hi verament qawwija l-kelma t’Alla! Meta rċivejt il-kalendarju taʼ l-2003, ma stajtx inżomm il-biki. Dawn l-esperjenzi, flimkien maʼ l-istampi, verament isaħħu l-fidi.”—Darlene, mill-Istati Uniti.
“Il-mod taʼ ħajja li qabel kienu jgħixu xi wħud minn dawn jixbah ħafna l-mod taʼ ħajja li kont ngħix jien. Jehovah tani s-saħħa biex naqtaʼ vizzji li għalija kienu jidhru impossibbli li naqtagħhom. Grazzi ħafna taʼ dawn ir-rakkonti ħajjin.”—William, mill-Istati Uniti.