Il-Meravilji tal-Ħolqien taʼ Jehovah
‘Is-Siġar tal-Mulej Imxebbgħin’
ĠIELI sibt ruħek fil-qalba taʼ xi masġar u rajt ir-raġġi tax-xemx jidħlu minn bejn is-siġar twal u għoljin? Stajt tismaʼ t-tħaxwix hekk kif iż-żiffa bdiet tonfoħ minn qalb il-weraq?—Isaija 7:2.
F’xi partijiet tad-dinja, f’ċertu żmien tas-sena, il-weraq taʼ diversi siġar tarahom prattikament jixegħlu lewn aħmar, oranġjo, isfar, u lwien oħra. Tabilħaqq, ikun qisu l-masġar qed jieħu n-nar! Kemm jaqbel dan maʼ l-istqarrija: “Infexxu għannu, muntanji, u l-foresta b’kull siġra fiha.”—Isaija 44:23.a
Kważi terz mill-art niexfa tal-pjaneta tagħna huwa miksi bil-foresti. B’mod meraviljuż, il-foresti, jew l-imsaġar, u l-ħajja abbundanti li hemm fihom jigglorifikaw lid-Disinjatur u l-Ħallieq tagħhom, Alla Jehovah. “Faħħru l-Mulej,” għanna s-salmista ispirat, “[intom] is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha.”—Salm 148:7-9.
Il-ktieb The Trees Around Us (Is-Siġar taʼ Madwarna) jgħid li s-siġar jipprovdu kemm il-bżonnijiet materjali tal-bniedem kif ukoll jaqtgħu x-xewqa li hu għandu biex jara affarijiet sbieħ. Il-foresti jipproteġu, isostnu, u jtejbu r-riżorsi taʼ l-ilma pur li għandu bżonn il-bniedem. Is-siġar jippurifikaw l-arja wkoll. Permezz tal-proċess meraviljuż tal-fotosinteżi, iċ-ċelluli tal-weraq jibdlu d-dijossidu karboniku, l-ilma, il-minerali, u d-dawl tax-xemx f’nutrimenti u ossiġnu.
Il-foresta hija kapulavur taʼ ġmiel u disinn. Is-siġar ġganteski normalment huma l-iktar ħaġa li timpressjona fil-foresti. Jikbru f’nofshom hemm numru bla għadd taʼ felċi, ħażiż, pjanti li jikbru fuq oħrajn, arbuxxelli, u ħxejjex. Pjanti bħal dawn jiddependu mill-ambjent li joħolqu dawn is-siġar, jikbru fid-dell li jagħmlu, u jassorbu l-umdità li tipprovdi l-foresta.
Lejn l-aħħar tas-sena, ġo foresti li fihom is-siġar ikunu qed ibiddlu l-weraq, jistgħu jaqgħu sa ħamsa u għoxrin miljun werqa f’ettaru wieħed t’art fil-foresta. Dawn x’jiġri minnhom? L-insetti, il-fungi, id-dud, u l-organiżmi l-oħra fl-aħħar ibiddlu dan il-materjal organiku kollu f’humus, ingredjent vitali għal ħamrija fertili. Iva, xejn ma jinħela hekk kif dawn il-ħaddiema siekta jħejju l-ħamrija biex terġaʼ tibda tkabbar.
Taħt il-weraq nexfin, il-ħamrija hi miżgħuda bil-ħajja. Skond il-ktieb The Forest (Il-Foresta), “sa 1,350 ħlejqa . . . jistgħu jinstabu fi spazju taʼ pied kwadru u pulzier fond, u dan ma jinkludix il-biljuni taʼ organiżmi mikroskopiċi f’kull ponn ħamrija.” Barra minn hekk, il-foresti huma mimlijin rettili, għasafar, insetti, u mammiferi. Min għandu jieħu l-kredtu għal dan il-ġmiel u l-varjetà? Bix-xieraq, il-Ħallieq tagħhom jiddikjara: “Tiegħi huma l-bhejjem [“tal-foresta,” NW], eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.”—Salm 50:10.
Xi annimali ġew maħluqa bl-abbiltà taʼ l-għaġeb li jgħaddu x-xitwa kollha reqdin u jibqgħu ħajjin minkejja l-kesħa tax-xitwa u l-perijodi twal taʼ nuqqas taʼ ikel. Madankollu, mhux l-annimali kollha jorqdu xitwa sħiħa. Anki f’nofs ix-xitwa, tistaʼ tara xi merħla ċriev jaqbżu f’xi għalqa. Iċ-ċriev ma jorqdux xitwa sħiħa u ma jaħżnux ikel, imma jfittxu x’jieklu billi jnaqqru l-friegħi żgħar u xi rimja tarija tas-siġar, bħalma tistaʼ tara f’din l-istampa mill-Ġermanja li hemm fil-bidu taʼ l-artiklu.
Il-pjanti jissemmew ħafna fl-Iskrittura. Skond kalkolu wieħed, il-Bibbja ssemmi kważi 130 pjanta differenti, inkluż madwar 30 tip taʼ siġra. Meta kkummenta dwar kemm għandhom tifsir referenzi bħal dawn, il-botanista Michael Zohary innota: “Anki f’kotba li m’humiex miktubin bħala referenza teknika, wieħed ma jsibx proporzjon daqshekk kbir taʼ referenzi għall-pjanti li huma marbutin maʼ diversi aspetti tal-ħajja, daqskemm jidhru fil-Bibbja.”
Is-siġar u l-foresti huma għotjiet meraviljużi mingħand Ħallieq kollu mħabba. Jekk qattajna xi ħin f’xi masġar, żgur li naqblu mal-kliem tas-salmista: “Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel. Fihom ibejjtu l-għasafar.”—Salm 104:16, 17.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Jannar/Frar.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]
Waħda mill-iktar siġar tal-frott impressjonanti li hemm fil-Lvant Nofsani hija s-siġra tal-lewż. Kmieni fis-sena—ħafna qabel siġar oħra—din tqum mir-raqda li tkun fiha. Il-Lhud tal-qedem sejħu lis-siġra tal-lewż bħala dik li tqum, biex jirreferu għal fjuri li din toħroġ minn kmieni. Is-siġra prattikament tqum miksija biż-żahar delikati roża jew bojod.—Koħèlet 12:5.
Mid-9,000 speċi t’għasafar li nafu bihom, kważi 5,000 huma klassifikati bħala taʼ l-għana. L-għanjiet tagħhom jiksru l-ħemda tal-foresta densa. (Salm 104:12) Per eżempju, l-għasfur tal-bejt taʼ l-għana (Melospiza melodia) għandu għana ferriħija. Il-Mourning warblers (Oporornis philadelphia), bħal dak li jidher fl-istampa, huma għasafar żgħar taʼ l-għana li huma mżejna bi lwien differenti verament sbieħ taʼ griż, isfar, u aħdar lewn iż-żebbuġa.—Salm 148:1, 10.
[Stampa f’paġna 9]
Foresta fin-Normandija, Franza