Ix-Xhieda taʼ Jehovah Għala Jibqgħu Jiġu Jħabbtulek?
IL-PERSISTENZA li biha x-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu sehem fil-ministeru minn dar għal dar hija magħrufa madwar id-dinja. Xi wħud ma jistgħux jifhmu għala x-Xhieda jibqgħu jmorru jħabbtulhom, speċjalment jekk qabel ftit li xejn ikunu wrew interess għall-messaġġ tax-Xhieda. Żewġ ittri mir-Russja jgħinuna nifhmu r-raġuni.
“Biex ngħid il-verità,” tammetti Masha, tfajla taʼ 19-il sena minn Khabarovsk, “fil-passat, lix-Xhieda taʼ Jehovah kont nevitahom donnu kellhom il-pesta.” Però, wara li qrat xi kopji tar-rivisti pubblikati mix-Xhieda, din biddlet l-attitudni tagħha. “Dak kollu li qrajt verament kien interessanti u edukattiv,” tikteb Masha, “imma iktar importanti minn hekk, jgħinek tara d-dinja minn lenti differenti. Bil-mod il-mod bdejt nifhem x’inhu l-iskop tal-ħajja.”
Svetlana, minn Ussuriysk, belt madwar 80 km lejn it-tramuntana taʼ Vladivostok, kitbet: “Għadni kemm bdejt naqra It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Dawn ir-rivisti huma verament bżonnjużi għall-ġurnata taʼ llum. Nieħu pjaċir naqra l-artikli kollha. Verament huma interessanti, informattivi, u edukattivi. Grazzi! Grazzi ħafna talli tinsabu f’din id-dinja u talli tagħmlu dan ix-xogħol ħanin u tant bżonnjuż.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja kollha jieħdu bis-serjetà l-mistoqsija li tqanqal il-ħsieb li staqsa l-appostlu Pawlu: “[In-nies] kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rumani 10:14) Għala ma tiħux ftit minuti biex tismaʼ lix-Xhieda meta jerġgħu jiġu jħabbtulek? Int ukoll għandek mnejn tieħu pjaċir bil-messaġġ taʼ faraġ li hemm fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.