Għandna Bżonn Pariri Tajbin?
ILLUM, ħafna jemmnu li huma kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u li għandhom id-dritt jagħmlu li jridu. Oħrajn jgħidu li kollox jgħaddi sakemm wieħed ikun kuntent. Iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja, li għal ħafna żmien kienu jitqiesu bħala arranġamenti bażiċi tas-soċjetà umana, qegħdin ibatu effetti koroh.—Ġenesi 3:5.
Ħu l-eżempju taʼ Verónica,a li tgħix fil-Messiku. Hi tirrapporta: “Ftit wara li għalaqna 15-il sena miżżewġin, ir-raġel qalli li kellu relazzjoni maʼ mara oħra. Hu qal li ma kienx lest jitlaqha lil din il-mara peress li kienet iżgħar u kienet iġġagħlu jħossu aħjar. Bqajt ixxokkjata meta bdejt naħseb li l-aqwa ħabib tiegħi ma kienx se jkun maġenbi iktar biex jagħmilli kumpanija. Kont naħseb li l-mewt taʼ xi ħadd maħbub kienet l-iktar ħaġa taʼ wġigħ. Imma lili, l-adulterju weġġagħni ħafna iktar, għax mhux talli tlift lil xi ħadd li kont inħobb ferm, talli dan baqaʼ jagħmel affarijiet li jweġġgħuni.”
Imbagħad hemm il-każ taʼ raġel taʼ 22 sena li diġà hu divorzjat u għandu tifel, imma mhux lest li jaċċetta r-responsabbiltajiet tiegħu bħala missier. Hu jippretendi li ommu mhux biss tieħu ħsiebu imma tieħu ħsieb ibnu wkoll. Jekk ma taqbilx maʼ dak kollu li jkun irid, jibda jirrabja u jgħajjarha, bħal tifel ardit. Ommu tħossha li ma tistaʼ tagħmel xejn meta jġib ruħu b’dan il-mod aggressiv.
Dawn m’humiex xi każi rari. Is-separazzjoni u d-divorzju legali qed jiżdiedu maʼ kullimkien. Ħafna tfal jisfaw mingħajr wieħed mill-ġenituri tagħhom għax dan ikun telaq biex jibda ħajtu mill-ġdid. Xi żgħażagħ tilfu kull rispett lejn ħaddieħor, inkluż lejn il-ġenituri tagħhom, u jagħmlu affarijiet li lanqas biss kont timmaġinahom li jsiru qabel. L-esperimenti bis-sess, l-abbuż tad-drogi, il-vjolenza miż-żgħażagħ, u każi taʼ tfal li joqtlu lill-għalliema jew il-ġenituri saru pjuttost komuni f’ħafna pajjiżi. U forsi nnotajt li l-problemi fid-dinja taʼ llum ma jinsabux biss fit-trobbija tat-tfal u ż-żwieġ.
Meta naraw dawn l-affarijiet, għandna mnejn nistaqsu xi ġralha s-soċjetà. Jekk in-nies tassew kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, għala hawn tant problemi li ma jistgħux jissolvew? Hemm bżonn pariri tajbin? Hemm sors fejn nistgħu nsibu pariri taʼ ġid, sors li dejjem kien taʼ min joqgħod fuqu? Għalkemm ħafna jgħidu li jemmnu f’Alla u fil-Kelma miktuba tiegħu, dan donnu ma jeffettwax id-deċiżjonijiet li jieħdu. Imma x’ġid jistgħu jagħmlulna l-pariri t’Alla meta nfittxuhom u nsibuhom? Ejja naraw dan fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.