“Hija l-Aħjar Ħaġa li Tistaʼ Tiġrilek”
ALEXIS hu tifel taʼ ħames snin mill-belt taʼ Morelia, fil-Messiku. Il-ġenituri tiegħu jistudjaw il-Bibbja u jattendu l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah. Waqt li kien qed jattendi assemblea tas-circuit mal-familja tiegħu, hu kien attent jara turija dwar l-ippridkar minn dar għal dar. F’daqqa waħda dar lejn missieru u staqsieh, “Papà, Papà, int għala ma tmurx tippriedka?” Missieru wieġbu, “Jien għadni qed nistudja ħalli nkun nistaʼ nagħmel dan.” Alexis wieġbu b’entużjażmu, “Papà, hija l-aħjar ħaġa li tistaʼ tiġrilek.”
Dan it-tfajjel ra l-ħtieġa li jaġixxi fi qbil maʼ l-għarfien li kellu dwar Jehovah. Peress li xi ftit mill-kuġini żgħar tiegħu jgħixu fl-istess dar miegħu, l-ewwel talab lil Jehovah u mbagħad kellimhom dwar dak li kien tgħallem bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħu mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. Għalkemm kien għadu ma jafx jaqra, Alexis kien jaf sew x’kien fih il-ktieb mill-istampi li kien hemm f’kull storja. Saħansitra qal li ried iżur lin-nies fi djarhom biex jaqsam magħhom dak li kien qed jitgħallem dwar l-iskopijiet t’Alla.
Tabilħaqq, kemm iż-żgħar u kemm il-kbar jistgħu jġibu ħajjithom fi qbil maʼ dak li jistenna minnhom Jehovah, “il-Qaddis,” u b’hekk ikollhom l-aqwa privileġġ li jagħtu xiehda dwaru fost il-ġnus. (Isaija 43:3; Mattew 21:16) Bla dubju, din hija l-aħjar ħaġa li tistaʼ tiġrilek.