Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Ittra Mingħand Alejandra
L-ITTRI ilhom snin twal jintużaw b’mod effettiv biex tingħata xiehda. Għalkemm kultant ir-riżultat jistaʼ jidher inċert, dawk li jippersistu u jibqgħu jużaw din l-għodda jitbierku bil-kbir. Huma jiftakru fil-parir għaqli tal-Bibbja: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.”—Koħèlet 11:6.
Alejandra, Xhud żagħżugħa li kienet ilha madwar għaxar snin taqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Messiku, kienet qed tingħata l-kimoterapija għall-kanċer. Il-kundizzjoni tagħha marret għall-agħar, u saħħitha tant iddgħajfet li ma setgħetx tkompli għaddejja bir-rutina tagħha taʼ kuljum. Madankollu, Alejandra ma riditx tittraskura l-ministeru tagħha, u għalhekk iddeċidiet li tibda tikteb l-ittri. Hi kitbet dwar l-arranġament taʼ l-istudju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas u niżżlet ukoll in-numru tat-telefon t’ommha. Imbagħad tat l-ittri ’l ommha biex, meta din tkun fil-ministeru minn bieb għal bieb, tħallihom fejn ma ssibx nies id-dar.
Sadanittant, Diojany, żagħżugħa mill-Gwatemala, marret taħdem bħala seftura maʼ koppja f’Cancún, il-Messiku. Waqt li kienet hemm, iltaqgħet max-Xhieda taʼ Jehovah u bdiet tieħu pjaċir tiddiskuti l-Bibbja magħhom. Iktar tard, dawk li kienet taħdem magħhom iddeċidew li jmorru joqogħdu fil-Belt tal-Messiku u riduha tmur magħhom. Diojany kienet bejn ħalltejn tmurx magħhom għax dan kien ifisser li kienet se taqtaʼ kull kuntatt li kellha max-Xhieda.
“Tinkwetax,” aċċertawha dawk li kienet taħdem magħhom, “ix-Xhieda qegħdin kullimkien. Malli naslu, infittxuhom mill-ewwel.” B’dan il-prospett taʼ ferħ, Diojany aċċettat li tmur magħhom. Meta waslu fil-Belt tal-Messiku, dawk li kienu impjegaw lil Diojany fittxew lix-Xhieda. Għal xi raġuni ma setgħux isibuhom, avolja f’dik il-belt kien hemm ’il fuq minn 41,000 Xhud u 730 kongregazzjoni.
Diojany malajr bdiet tħossha skuraġġita peress li ma setgħetx issib lix-Xhieda biex tkompli bid-diskussjonijiet tagħha minn fuq il-Bibbja. Jum wieħed, is-sinjura ġiet fuqha u qaltilha: “Lanqas taqtaʼ! Alla tiegħek semaʼ t-talb tiegħek.” Imbagħad tatha ittra u qaltilha: “Ix-Xhieda ħallew din l-ittra għalik.” Kienet ittra mingħand Alejandra.
Diojany ikkuntattjat lil omm Alejandra u lil oħtha, Blanca, u aċċettat studju tal-Bibbja. Wara ftit ġimgħat, iltaqgħet m’Alejandra u l-laqgħa tagħhom kienet inkuraġġanti ferm. Alejandra ħeġġitha biex tkompli tistinka fl-istudju tagħha tal-Bibbja biex b’hekk tkun tistaʼ tagħmel progress spiritwali.
Ftit xhur wara, f’Lulju tas-sena 2003, Alejandra mietet. Lil sħabha fit-twemmin ħallitilhom eżempju eċċellenti taʼ fidi u kuraġġ. Fil-funeral, ħafna wħud ħassew qalbhom tingħafas meta ltaqgħu maʼ Diojany u semgħuha tgħid: “Alejandra u l-familja tagħha kienu t’eżempju mill-aqwa għalija. Jien determinata li naqdi lil Jehovah u nitgħammed fi żmien qasir. Kemm nixtieq nerġaʼ naraha lil Alejandra fil-Ġenna taʼ l-art li ġejja!”
Iva, ittra tistaʼ tidher xi ħaġa żgħira. Imma kemm jistaʼ jkollha effetti tajbin u fit-tul!