“Setgħu Ġew Meħlusin mill-Ewwel”
GENEVIÈVE DE GAULLE, in-neputija taʼ Charles de Gaulle, li kien president taʼ Franza, saret taf personalment lix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi f’Ravensbrück, fit-tramuntana tal-Ġermanja. Hi kitbet il-kliem t’hawn fuq f’ittra f’Awissu taʼ l-1945.
In-nies fil-kamp tal-konċentrament t’Auschwitz, fil-Polonja, ġew liberati fis-27 taʼ Jannar, 1945. Mill-1996, fil-Ġermanja din id-data saret ġurnata taʼ tifkira għall-vittmi tat-Tielet Reich taʼ Hitler.
Waqt diskors uffiċjali li ta fis-27 taʼ Jannar, 2003, Peter Straub, il-president tal-Parlament taʼ l-Istat taʼ Baden-Württemberg, qal: “Dawk kollha li ġew persegwitati minħabba t-twemmin reliġjuż jew politiku tagħhom, u li kienu lesti jieħdu l-mewt minflok ma jċedu, jistħoqqilhom rispett kbir mingħandna, tip taʼ rispett li ma tistax tesprimih bil-kliem. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-unika reliġjon li rrifjutaw għalkollox li jaqblu mal-ħtiġijiet tar-reġim taʼ Hitler: Huma ma kinux jgħollu idejhom biex isellmu lil Hitler. Huma rrifjutaw li jaħilfu l-alleanza tagħhom mal-‘Führer u l-Istat,’ l-istess bħalma rrifjutaw li jagħmlu xogħol militari. U t-tfal tagħhom ma kinux jingħaqdu mal-Moviment taż-Żgħażagħ taʼ Hitler.”
Ġesù Kristu qal dan dwar is-segwaċi tiegħu: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:16) Għalhekk, il-waqfa li x-Xhieda taʼ Ġeħova ħadu kienet biss minħabba r-reliġjon. Straub kompla jgħid: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova, li kellhom jilbsu trijanglu vjola fuq il-ħwejjeġ tagħhom bħala priġunieri tal-kamp tal-konċentrament, kienu l-uniċi wħud li setgħu jtemmu l-martirju tagħhom. Kulma kien hemm bżonn kien li jiffirmaw dikjarazzjoni li fiha kienu juru li ċaħdu l-fidi tagħhom.”
Ħafna mix-Xhieda lanqas biss kien jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu dan. Għalhekk, madwar 1,200 minnhom mietu matul il-perijodu tan-Nazi. Mitejn u sebgħin ruħ inqatlu għax oġġezzjonaw minħabba l-kuxjenza tagħhom. Huma mhux sempliċement qalu l-kliem taʼ l-istqarrija li ġej imma wettquh: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
Bħalma qal Ulrich Schmidt, president tal-Parlament taʼ l-Istat tar-Rhine-Westphalia tat-Tramuntana, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma kinux xi nies straordinarji. Meta rrefera għad-diskors tiegħu, il-browxer Landtag Intern sejħilhom ‘nies ordinarji li, minħabba li mxew fuq il-kuxjenza tagħhom, ħadu waqfa soda għat-twemmin reliġjuż tagħhom, urew kuraġġ bħala ċittadini, u opponew l-ideoloġiji tan-Nazi minħabba l-konvinzjoni Kristjana tagħhom.’ Nistgħu nibqgħu ċerti li Alla Ġeħova jieħu pjaċir b’dawk li jibqgħu leali lejh f’ċirkustanzi diffiċli. Fi Proverbji 27:11 naqraw: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.”
[Sors tal-Istampa f’paġna 30]
Courtesy of United States Holocaust Memorial Museum