Daniel u l-Badge Tiegħu tal-Konvenzjoni
ĠESÙ ċanfar lill-mexxejja reliġjużi, li kienu jidhru twajbin f’għajnejhom stess, għax għadbu meta osservaw lit-tfal subien ifaħħru lil Alla pubblikament. B’mod xieraq, Ġesù staqsiehom: “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-ċkejknin u t-trabi tal-ħalib int ipprovdejt it-tifħir’?”—Mattew 21:15, 16.
Daniel, li għandu sitt snin u li jissieħeb maʼ kongregazzjoni tal-lingwa Russa fil-Ġermanja, jagħti prova li t-tfal żgħar illum għadhom qed ifaħħru lil Ġeħova. Flimkien m’ommu u oħtu, hu attenda konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Duisburg. Din kienet l-ewwel darba li huma attendew konvenzjoni daqshekk kbira. Kollox kien jidher ġdid: il-lukanda, l-udjenza kbira, il-fatt li jpoġġu bil-qiegħda għal tlett ijiem, il-magħmudija, biex ma nsemmux ukoll id-drama. U Daniel kif ġab ruħu? Il-kondotta tiegħu kienet eżemplari.
It-Tnejn taʼ wara l-konvenzjoni, meta mar lura d-dar, Daniel qam kmieni biex imur il-kindergarten. Iżda x’kien għad għandu fuq il-ġakketta? Il-badge li identifikatu bħala delegat tal-konvenzjoni! Ommu spjegatlu: “Il-konvenzjoni spiċċat. Illum tistaʼ tneħħiha l-badge.” Iżda Daniel qalilha: “Jien nixtieq li kulħadd ikun jaf fejn kont u x’tgħallimt.” Matul il-jum kollu fil-kindergarten, Daniel ħassu kburi li kellu fuqu l-badge tiegħu. Meta l-għalliema staqsietu dwarha, hu qalilha x’kien hemm fil-programm tal-konvenzjoni.
Billi għamel hekk, Daniel kien qed isegwi l-eżempju t’eluf taʼ tfal subien u bniet li matul is-sekli taw tifħir lil Ġeħova fil-pubbliku.