LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 12/1 pp. 30-31
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Materjal Simili
  • Iwettaq l-ewwel miraklu tiegħu
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • L-Ewwel Miraklu taʼ Ġesù
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Ġarrbet xabla taʼ niket kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • “Is-Siegħa Tiegħu Kienet Għadha Ma Waslitx”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 12/1 pp. 30-31

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Kien Ġesù qed juri nuqqas taʼ rispett jew nuqqas taʼ qalb tajba bil-​mod kif indirizza lil ommu fil-​festa tat-​tieġ f’Kana?​—Ġwanni 2:4.

Ftit wara l-​magħmudija tiegħu, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu ġew mistidnin għal festa taż-​żwieġ f’Kana. Ommu wkoll kienet hemm. Meta ma kienx hemm biżżejjed inbid, Marija qalet lil Ġesù: “M’għandhomx inbid.” Ġesù wieġeb billi qal lil ommu: “X’għandi x’naqsam miegħek, mara? Is-​siegħa tiegħi għadha ma waslitx.”​—Ġwanni 2:​1-4.

Illum, jekk xi ħadd jindirizza lil ommu bħala “mara” u jgħidilha “x’għandi x’naqsam miegħek?” x’aktarx li jitqies bħala diżrispett, forsi anki bħala insult. Imma jekk tgħid hekk dwar Ġesù tkun qed tinjora l-​kuntest kulturali u lingwistiku tal-​ġrajja. Għalhekk, ikun tajjeb li nifhmu l-​użu taʼ dawn l-​espressjonijiet fi żminijiet Bibliċi.

Rigward it-​terminu “mara,” Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words jgħid: “Meta jintuża biex jindirizza lil xi mara, dan it-​terminu m’huwiex wieħed taʼ twiddib jew iebes, imma t’affezzjoni jew rispett.” Sorsi oħra jaqblu maʼ dan. Per eżempju, The Anchor Bible tgħid: “Dan m’huwiex xi ċanfira, jew terminu li juri nuqqas t’edukazzjoni, lanqas m’hu indikazzjoni taʼ nuqqas t’affezzjoni . . . Kien il-​mod normali u edukat li bih Ġesù kien jindirizza lin-​nisa.” The New International Dictionary of New Testament Theology jispjega li l-​kelma “hija użata bħala terminu b’ebda tifsira sekondarja.” U t-​Theological Dictionary of the New Testament taʼ Gerhard Kittel jgħid li dan “b’ebda mod m’hu qed juri diżrispett jew għajb.” B’hekk, m’għandniex nikkonkludu li Ġesù kien qed juri nuqqas t’edukazzjoni jew nuqqas taʼ qalb tajba m’ommu meta indirizzaha bit-​terminu “mara.”​—Mattew 15:28; Luqa 13:12; Ġwanni 4:​21; 19:26; 20:​13, 15.

Xi ngħidu dwar l-​espressjoni “x’għandi x’naqsam miegħek?” Milli jidher din hija espressjoni Lhudija komuni li tidher diversi drabi fil-​Bibbja. Per eżempju, fit-​2 Samwel 16:10 (KŻ), insibu r-​rakkont fejn David waqqaf lil Abisaj milli joqtol lil Simgħi billi qal: “X’għandi naqsam magħkom, o wlied Sarwija? Ħalluh jisħet, għax qallu l-​Mulej: Isħet lil David.” Bl-​istess mod, fl-​1 Slaten 17:18 (KŻ ) naqraw li malli l-​armla taʼ Sarefta saret taf li binha kien miet qalet lil Elija: “X’għandi jien miegħek, o raġel t’Alla? Ġejt għandi biex tfakkar dnubi, u ġġib il-​mewt lil ibni?”

Minn dawn l-​eżempji Bibliċi nistgħu naraw li l-​espressjoni “x’għandi x’naqsam miegħek?” spiss tintuża, mhux biex dak li jkun juri disprezz jew arroganza, imma biex jirrifjuta li jieħu sehem f’xi azzjoni proposta jew suġġerita jew biex tesprimi differenza fil-​ħarsa jew fl-​opinjoni. Allura, x’jistaʼ jingħad dwar dak li Ġesù qal lil Marija?

Meta Marija qalet lil Ġesù, “M’għandhomx inbid,” milli jidher ma kinitx sempliċement qed tgħid lil Ġesù dwar dan il-​fatt imma kienet qed tissuġġerixxi li jagħmel xi ħaġa dwar din il-​problema. Ġesù uża dik l-​espressjoni komuni biex jirrifjuta s-​suġġeriment sottili taʼ Marija, u dak li kompla jgħid, “Is-​siegħa tiegħi għadha ma waslitx,” jgħinna naraw għala għamel hekk.

Mindu tgħammed u ġie midluk fis-​sena 29 E.K., Ġesù kien konxju sew taʼ x’kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova għalih, bħala l-​Messija mwiegħed, jiġifieri li jsegwi t-​triq taʼ l-​integrità li kienet se twassal għall-​mewt, l-​irxoxt, u l-​glorifikazzjoni tiegħu. Hu qal: “Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Ġesù għamel dan ċar hekk kif qorbot is-​siegħa tal-​mewt tiegħu, billi qal: “Waslet is-​siegħa.” (Ġwanni 12:​1, 23; 13:1) B’hekk, fit-​talba tiegħu fil-​lejl taʼ qabel mewtu, Ġesù qal: “Missier, waslet is-​siegħa; igglorifika lil ibnek, biex ibnek jigglorifika lilek.” (Ġwanni 17:1) U, fl-​aħħar, meta l-​folla waslet biex tarrestah f’Ġetsemani, Ġesù qajjem lill-​appostli mill-​irqad u qal: “Is-​siegħa waslet! Ara! Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​midinbin.”​—Marku 14:41.

Madankollu, fit-​tieġ f’Kana, Ġesù kien għadu kif beda l-​ministeru tiegħu bħala l-​Messija, u s-​“siegħa” tiegħu kienet għadha ma waslitx. Il-​mira prinċipali tiegħu kienet li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru bil-​mod u fiż-​żmien li dderieġa Missieru, u ħadd ma setaʼ jtellfu milli jagħmel dan. Billi qal dan lil ommu, Ġesù kien sod imma b’ebda mod ma wera diżrispett jew nuqqas taʼ qalb tajba. Min-​naħa tagħha, Marija ma ħassithiex imbarazzata jew imżebilħa minn binha. Fil-​fatt, billi indunat x’ried ifisser Ġesù, Marija qalet lil dawk li kienu qed iservu fit-​tieġ: “Agħmlu kulma jgħidilkom.” Minflok ma injora lil ommu, Ġesù wettaq l-​ewwel miraklu tiegħu bħala l-​Messija​—biddel l-​ilma fi nbid—u b’hekk wera bilanċ mill-​aħjar bejn li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru u jagħraf dak li kien qed jikkonċerna lil ommu.​—Ġwanni 2:​5-​11.

[Stampa f’paġna 31]

Ġesù wera qalb tajba imma kien sod meta kellem lil ommu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja