Inxerrdu L-Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
1 Jehovah hu “l-Wieħed li qiegħed jgħallem għarfien lill-bnedmin.” (Salm. 94:10) Hu juża lilna biex inxerrdu għarfien dwaru li jsalva l-ħajja lil dawk li m’humiex konxji taʼ kif jaqduh b’mod aċċettabbli. Il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem huwa strument taʼ tagħlim mill-aqwa li permezz tiegħu wħud taʼ qalb onesta jistgħu jiksbu fehma eżatta dwar Alla mill-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja. (1 Tim. 2:3, 4) L-iżvilupp ċar u loġiku tal-verità fil-ktieb Għarfien se jgħin lin-nies biex jifhmu dak li Jehovah qiegħed jipprova jgħallimhom. Dan ix-xahar għandna ninkludu lin-nies f’konversazzjonijiet li se jġagħluhom jixtiequ jaqraw il-ktieb. Hawn huma xi ftit suġġerimenti. Minflok ma tipprova titgħallimhom bl-amment, ipprova esprimi l-ħsibijiet fundamentali fi kliemek stess u bil-mod kif normalment titkellem.
2 Ladarba kważi kulħadd mietlu xi ħadd maħbub, tistaʼ ddaħħal it-tama taʼ l-irxoxt f’konversazzjoni billi l-ewwel tgħid xi ħaġa hekk:
◼ “Il-biċċa l-kbira minna mitilna xi ħadd maħbub. Qatt ħsibt jekk intix se terġaʼ tara lil xi ħadd bħal dan? [Agħti ħin għal tweġiba.] Il-mewt ma kenitx parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-bniedem. Ġesù ta prova li l-maħbubin tagħna jistgħu jiġu meħlusin mill-mewt. [Aqra Ġwann 11:11, 25, 44.] Għalkemm seħħ ħafna sekli ilu, dan juri dak li Alla wiegħed li se jagħmel għalina. [Iftaħ il-ktieb Għarfien fejn hemm l-istampa f’paġna 85 u aqra dak li hemm miktub ħdejha. Imbagħad uri l-istampa f’paġna 86 u għid xi ħaġa dwarha.] Jekk tixtieq taqra iktar dwar din it-tama taʼ faraġ taʼ l-irxoxt, nixtieq ħafna li nħallilek dan il-ktieb.”
3 Wara l-ewwel diskussjoni dwar it-tama taʼ l-irxoxt, tistaʼ tibda l-konversazzjoni li jmiss maʼ l-istess persuna b’dan il-mod:
◼ “Forsi tiftakar li jien għedtlek li l-mewt ma kenitx parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-bniedem. Jekk dan hu minnu, għala nixjieħu u mmutu? Xi fkieren jgħixu ’l fuq minn 100 sena, u hemm siġar li ilhom ħajjin għal eluf taʼ snin. Il-bnedmin għala jgħixu biss 70 jew 80 sena? [Agħti ħin għal tweġiba.] Immutu għax l-ewwel koppja umana m’obdewx ’l Alla.” Aqra Rumani 5:12. Mur f’paġna 53 fil-ktieb Għarfien u aqra t-titlu tal-kapitlu. Ikkunsidra l-ewwel tliet paragrafi, fil-waqt li turi t-tweġibiet għall-mistoqsijiet miktubin. Agħmel appuntament biex terġaʼ tmur darb’oħra ħalli tiddiskuti l-bqija tal-kapitlu. Ħeġġeġ lil dak li jkun biex sadattant ikompli jaqrah sa l-aħħar.
4 Jekk titkellem maʼ xi ħadd li jidher li hu reliġjuż, tistaʼ tgħid:
◼ “Illum hawn letteralment mijiet taʼ reliġjonijiet differenti. Jgħallmu kull xorta taʼ twemmin li ma jaqbilx maʼ xulxin. Xi nies jgħidu li r-reliġjonijiet kollha huma tajbin u li ma jagħmilx differenza x’nemmnu. X’inhi l-opinjoni tiegħek? [Agħti ħin għal tweġiba.] Ġesù għallem il-vera reliġjon u wera li forom oħrajn taʼ qima m’humiex aċċettabbli għal Alla. [Aqra Mattew 7:21-23.] Jekk irridu nogħġbu ’l Alla, irridu nqimuh fi qbil mar-rieda tiegħu.” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 5, aqra t-titlu, u uri xi ftit mis-sottitli. Spjega kif din l-informazzjoni se tgħin lil dak li jkun biex jitgħallem kif jogħġob ’l Alla. Offri li tħalli l-ktieb jekk iwiegħdek li jaqrah, u semmi li taċċetta donazzjonijiet għax-xogħol tagħna madwar id-dinja.
5 Nies li huma mħawdin għax hawn daqstant reliġjonijiet forsi japprezzaw it-tweġiba għal din il-mistoqsija fuq iż-żjara tiegħek lura:
◼ “B’daqstant reliġjonijiet differenti eżistenti llum, kif nistgħu ngħidu liema hija t-tajba? Għalxiex kont tipprova tfittex int? [Agħti ħin għal tweġiba.] Ġesù qalilna kif nidentifikaw lis-segwaċi veri tiegħu.” Aqra Ġwann 13:35. Ikkunsidra paragrafi 18 u 19 f’kapitlu 5 tal-ktieb Għarfien. Uri kif billi wieħed juża dawn il-gwidi Skritturali u billi jibda jneħħi waħda waħda, dak li jkun jistaʼ jagħraf il-vera reliġjon. Semmi kif ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin mad-dinja kollha għall-imħabba ġenwina u għal-livelli morali għoljin tagħhom. Spjega kif studju tal-Bibbja, billi jiġi wżat il-ktieb Għarfien, se jidentifika b’mod ċar il-forma taʼ qima li Alla japprova.
6 Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ġenitur, dan il-metodu jistaʼ jkun effettiv:
◼ “Kuljum, nisimgħu rapporti dwar il-kondotta diżubbidjenti taʼ żgħażagħ li donnu m’għandhom l-ebda valuri morali. Xi adulti jridu jwaħħlu fis-sistema skolastika talli t-tfal ma jiġux mgħallmin id-differenza bejn x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Min taħseb int li għandu jipprovdi dan it-taħriġ? [Agħti ħin għal tweġiba.] Agħti widen għal dak li tgħid il-Bibbja fuq din il-mistoqsija. [Aqra Efesin 6:4.] Hawnhekk jgħidilna li hija r-responsabbiltà tal-ġenituri li jdaħħlu ġewwa l-ulied valuri morali.” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’paġna 145, aqra paragrafu 16, u ikkummenta fuq l-istampi f’paġna 147. Spjega kif il-ktieb huwa maħsub biex tistudjah il-familja kollha. Billi tuża paragrafi 17 u 18 f’paġna 146, offri li turi kif nikkonduċu studju bħal dan mal-familji.
7 Jekk fl-ewwel żjara bdejt studju maʼ ġenitur imħasseb, fiż-żjara lura tistaʼ tkomplih billi tgħid:
◼ “Id-dinja tal-lum tqiegħed ħafna tentazzjonijiet quddiem iż-żgħażagħ tagħna. Dan jagħmilha ferm diffiċli għalihom biex ikollhom il-biżaʼ t’Alla hekk kif jikbru. Forsi tiftakar li, fl-aħħar diskussjoni li kellna, slitna żewġ prinċipji. Bħala ġenituri li nagħmlu kif irid Alla, jeħtieġ li nagħtu eżempji mill-aqwa lil uliedna, u għandna nipprovdu espressjonijiet kontinwi taʼ mħabba lejhom. Hemm ħaġa oħra li l-Bibbja tgħid li t-tfal għandhom bżonn mingħand il-ġenituri tagħhom.” Aqra Proverbji 1:8. Mur f’paġna 148 fil-ktieb Għarfien u kompli l-istudju, billi tgħaddi paragrafi 19-23. Issuġġerixxi li terġaʼ tmur biex tistudja mal-familja kollha, billi tibdew minn kapitlu 1.