Attendu għal-Laqgħat “Wisq Aktar” Issa
1 Il-laqgħat flimkien minn dejjem kienu vitali għall-poplu taʼ Jehovah. L-Iżraeliti kellhom it-tempju u s-sinagogi tagħhom bħala ċentri għal qima vera, edukazzjoni divina, u sħubija ferriħija. Bl-istess mod, il-Kristjani bikrin ma naqsux li jinġabru flimkien. Hekk kif il-pressjonijiet u l-provi jiżdiedu f’dawn iż-żminijiet kritiċi taʼ l-aħħar, aħna wkoll għandna bżonn it-tisħiħ spiritwali li l-laqgħat tagħna tal-kongregazzjoni jipprovdulna—u aħna għandna bżonnu “wisq aktar” issa. (Lhud 10:25) Innota tliet raġunijiet għala nattendu għal-laqgħat.
2 Għas-Sħubija: L-Iskrittura twissina biex nibqgħu ‘nfarrġu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’ (1 Tess. 5:11) Sħubija taʼ tjieba timla lil imħuħna bi ħsibijiet tajbin u timmotivana biex nagħmlu xogħlijiet tajbin. Imma jekk niżolaw erwieħna, x’aktarx se jkollna f’moħħna ideat stupidi, egoisti, jew saħansitra immorali.—Prov. 18:1.
3 Għall-Istruzzjoni: Il-laqgħat Kristjani jipprovdu programm kontinwu taʼ istruzzjoni mill-Bibbja ddisinjat biex l-imħabba taʼ Alla tibqaʼ ħajja fi qlubna. Dawn jagħtu direzzjoni prattika dwar kif napplikaw “dak kollu li Alla jrid.” (Atti 20:27) Il-laqgħat iħarrġuna fl-arti taʼ l-ippridkar u t-tagħlim taʼ l-aħbar tajba, snajjaʼ li huma meħtieġa wisq iktar issa biex jiġi esperjenzat il-ferħ indeskrivibbli li jiġi meta nsibu u ngħinu lil dawk li jaċċettaw il-verità Biblika.
4 Għall-Protezzjoni: F’din is-sistema mill-agħar, il-kongregazzjoni hija verament refuġju spiritwali—menqa taʼ paċi u mħabba. Meta nkunu preżenti għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, l-ispirtu qaddis taʼ Alla jkollu influwenza qawwija fuqna, billi jipproduċi l-frott taʼ “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.” (Gal. 5:22, 23) Il-laqgħat jiffortifikawna biex nibqgħu sħaħ u sodi fil-fidi. Jgħammruna biex inkunu mħejjijin għall-provi li ġejjin.
5 Billi nattendu għal-laqgħat regolarment, nesperjenzaw dak li s-salmista ddeskriva, bħalma ġie mniżżel f’Salm 133:1, 3: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” Kulfejn il-poplu taʼ Jehovah jaqdi u jiltaqaʼ flimkien illum, “hemm il-Mulej jagħti l-barka, hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.”—Korsiv tagħna.