Uża Tajjeb Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
1 “Ħafif, imma titgħallem ħafna minnu!” Dan hu li ħafna qegħdin jgħidu dwar Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. Bla dubju, din il-pubblikazzjoni li hija għajnuna mill-aħjar għall-istudju tal-Bibbja, tistaʼ tgħinna nilħqu lil ħafna iktar uħud sinċieri, kemm żgħar u kemm kbar, li għad iridu jifhmu l-messaġġ tal-Bibbja.
2 Kif tistaʼ toffrih: Peress li l-mewt taʼ xi ħadd maħbub effettwat lil ħafna nies, forsi tixtieq titkellem dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u t-tama taʼ l-irxoxt, billi torbot Salm 146:4, 5 maʼ Storja 92 tal-ktieb Stejjer mill-Bibbja.
3 Nistgħu nibdew il-preżentazzjoni tagħna hekk: “Bonġu. Bħala proxxmu tiegħek nieħu pjaċir nagħtik aħbar tajba. Ilkoll kemm aħna ġarrabna t-telfa taʼ xi ħabib tal-qalb jew xi qarib fil-mewt. Forsi staqsejt bejnek u bejn ruħek x’ġaralhom dawn l-uħud. [Agħti ċans għal kumment.] Din l-istampa [sib Storja 92] turi rxoxt li wettaq Kristu Ġesù mhux biss minħabba t-tifla ż-żgħira, imma wkoll biex jifirħu l-ġenituri tagħha. Imma din ma kinitx l-unika persuna li Ġesù qajjem. L-aħħar paragrafu taʼ din l-istorja juri li hu rxoxta t-tifel t’armla u lil ħabibu tal-qalb Lazzru. U innota l-aħbar tajba li tissemma fl-aħħar żewġ sentenzi. [Aqrahom u offri l-ktieb.]” Tistaʼ taddatta din il-preżentazzjoni skond iċ-ċirkustanzi.
4 Mod ieħor kif tippreżenta l-ktieb jistaʼ jkun billi tibda konversazzjoni dwar għala nkitbet il-Bibbja. Tistaʼ tgħid: “Bonġu, illum qed inżuru lin-nies biex ngħinuhom jifhmu għala nkitbet il-Bibbja. Qatt ħsibt dwar dan? [Agħti ċans għal tweġiba.] Raġuni waħda li xi wħud m’humiex konxji tagħha hi li din inkitbet biex tagħti twiddiba. Dan huwa l-ħsieb li jesprimi l-1 Korintin 10:11. [Aqra.] It-twiddib t’Alla mhux qiegħed biex ibeżżaʼ imma biex iqanqal lin-nies ifittxu s-salvazzjoni, li hi t-tieni raġuni għala nkitbet il-Bibbja. L-iskrittura tat-2 Timotju 3:15 tgħinna napprezzaw li kemm iż-żgħar u kemm il-kbar għandhom bżonn il-Kotba Mqaddsa għas-salvazzjoni. [Aqra.] Ħalli nurik eżempju taʼ salvazzjoni ferriħija li bassar kittieb wieħed tal-Bibbja, Isaija, hawn f’waħda mill-istejjer taʼ dan il-ktieb, Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.” Sib Storja 71 u aqra l-ewwel u l-aħħar paragrafi. Offri l-ktieb.
5 Qassmu fl-Idejn: Barra li noffru Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja minn dar għal dar, qis li toffrih meta żżur lura lil nies li taf li jħobbu jaqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna, inkluż dawk li huma fir-rotta tar-rivisti tiegħek.
6 Minflok ma nżommu Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja jew kotba antiki oħrajn tas-Soċjetà merfugħin xi mkien, ejjew nużawhom tajjeb biex lin-nies li niltaqgħu magħhom inqanqluhom ‘iħobbu lil Alla u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.’—Koħ. 12:13.