Kommemorazzjoni mad-Dinja Kollha tal-Mewt taʼ Kristu
1 Jehovah ferraʼ fuqna ruxxmata t’għotjiet. Ir-riżultat tat-tjubija u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu huwa deskritt b’mod vivaċi bħala d-“don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.” Iva, il-“grazzja bla qjies taʼ Alla” tant hija meraviljuża li m’għandniex l-abbiltà li niddeskrivuha.—2 Kor. 9:14, 15.
2 L-Akbar Għotja Tiegħu: Ġesù Kristu, bħala l-Feddej taʼ l-umanità, huwa l-akbar għotja minnhom kollha. Biex jesprimi l-imħabba kbira tiegħu għad-dinja taʼ bnedmin, Jehovah ta lil Ibnu l-maħbub u l-waħdieni. (Ġw. 3:16) Barka mhix mistħoqqa bħal din mingħand Alla jixirqilha kommemorazzjoni mad-dinja kollha. Meta u kif? Fil-lejla tal-Ħamis, l-1 t’April, 1999, il-Kristjani madwar id-dinja se jikkommemoraw l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej, billi josservaw il-Mafkar taʼ l-akbar sagrifiċċju li qatt seħħ.—1 Kor. 11:20, 23-26.
3 Kristu miet għalina saħansitra “meta . . . konna għadna midinbin,” u nistgħu nuru l-gratitudni persunali tagħna billi nosservaw il-Mafkar taʼ mewtu u billi nistiednu lil ħaddieħor biex ikun preżenti magħna f’din l-okkażjoni taʼ importanza kbira.—Rum. 5:8.
4 L-Iktar Ġrajja Importanti: L-osservanza tal-mewt taʼ Kristu tenfasizza primarjament li hu appoġġa s-sovranità t’Alla mingħajr tebgħa. Tfakkarna wkoll li nistgħu ngawdu waqfa nadifa quddiem Jehovah billi neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, u b’hekk inkunu żgurati mis-salvazzjoni. (Atti 4:12) Verament, din hija l-iktar ġrajja importanti tas-sena!
5 Imħabba għal għajrna tintwera billi lil dak li jkun nistidnuh josserva magħna l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej. Il-benefiċċji tal-prezz tal-fidwa għadhom disponibbli għal miljuni taʼ nies li jitgħallmu dwar il-valur eċċellenti tiegħu. (Flp. 3:8) Dawk li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju taʼ Kristu jistgħu jiksbu t-tama soda taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 17:3.
6 L-istaġun tal-Mafkar jipprovdilna opportunitajiet speċjali biex nuru apprezzament għall-qalb tajba mhix mistħoqqa li tisboq t’Alla. Dan huwa żmien eċċellenti biex nieħdu sehem biż-żelu fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Benefiċċji kbar jistennew lil dawk kollha li jirriflettu bit-talb fuq l-għotja b’xejn taʼ Jehovah li ma titfissirx bil-kliem u jagħmlu arranġamenti biex ikunu preżenti għaċ-ċelebrazzjoni taʼ din is-sena taʼ l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej!