Programm Ġdid taʼ l-Assemblea tas-Circuit
1 Sidna Ġesù bassar li d-dixxipli tiegħu kienu se jgħaddu minn taħbit. (Mt. 24:9) Kif għandna nqisuhom il-provi? X’se jgħinna nissaportu t-taħbit? Il-programm taʼ l-assemblea tas-circuit għas-sena taʼ servizz 2004 se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. It-tema se tkun “Ifirħu bit-Tama, Stabru fl-Hemm.”—Rum. 12:12.
2 Żewġ Serje taʼ Taħditiet: L-ewwel serje taʼ taħditiet, intitolat “Agħmlu l-Frott bis-Sabar,” se jikkunsidra modi kif nistgħu nagħmlu l-frott. Xi pubblikaturi se jiġu intervistati dwar kif ixandru u jgħallmu b’sens t’urġenza. Il-ġenituri għandhom speċjalment jagħtu attenzjoni għall-parti intitolata “Meta Niġu Dixxiplinati minn Jehovah,” li se tiddiskuti kif il-ġenituri jistgħu jirraġunaw maʼ wliedhom. Il-kelliemi li se jagħti l-aħħar taħdita f’din is-serje taʼ taħditiet se jiġbed l-attenzjoni lejn dak li għandna nagħmlu biex ma nħallux lid-dinja teffettwana ħażin bil-mod il-mod u ġġagħalna ma nagħmlux frott.—Mk. 4:19.
3 “Iġri t-Tiġrija bis-Sabar” hija t-tema tat-tieni serje taʼ taħditiet. Se turi biċ-ċar li l-mod taʼ kif ngħixu ħajjitna hu bħal tiġrija. Għala għandna niġru skond ir-regoli? Kif nistgħu nwarrbu minna kull xkiel b’suċċess u ma negħjew qatt fit-tiġrija għal ħajja? Il-parir Skritturali f’waqtu li se jingħata se jgħinna lkoll biex inkomplu niġru bis-sabar.
4 Is-Sabar Iġib l-Approvazzjoni t’Alla: It-taħditiet li se jingħataw mill-indokraturi li jivvjaġġaw se jsaħħu l-fidi taʼ dawk li jisimgħu u japplikaw il-parir. Waħda mit-taħditiet taʼ l-indokratur tad-distrett hija intitolata “Is-Sabar Iwassal għal Kundizzjoni Approvata.” It-taħdita pubblika se twieġeb il-mistoqsijiet: F’isem min għandhom jittamaw il-ġnus, u x’hemm involut f’li tagħmel dan? L-aħħar taħdita, “Bis-Sabar Issalvaw Ħajjitkom,” se tikkunsidra kif Ġesù setaʼ jissaporti l-inġustizzji mingħajr ma sar ostili.
5 Ftakar biex iġġib il-ktieb Ministry School u t-Torri taʼ l-Għassa għal dik il-ġimgħa. Ħu n-noti sabiex jgħinuk tikkonċentra u jkunu għal referenza fil-futur. Iktar tard, se ssir reviżjoni tal-programm fil-kongregazzjoni.
6 Jehovah innifsu ppreparalna dan il-pranzu taʼ ikel spiritwali. Ejja! Kul! Jekk inkunu hemm biex nibbenefikaw mill-programm kollu se ngħajtu bil-ferħ.—Is. 65:14.